EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0063

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Sharpston, ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2016.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:186

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-17 ta’ Marzu 2016 ( 1 )

Kawża C‑63/15

Mehrdad Ghezelbash

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, sede ’s‑Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Ażil — Eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali — Kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli — Interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 — Dritt ta’ appell jew ta’ reviżjoni”

Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti distrettwali, Den Haag) sede ’s ‑Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”), u l-Kawża Karim (C‑155/15) huma relatati. Fit-tnejn, applikant għall-ażil jitlob li jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn jinsab li jiġi ttrasferit fi Stat ieħor li kien ftiehem mal-ewwel Stat Membru li jieħu responsabbiltà sabiex jeżamina t-talba għal ażil. Il-kawżi jagħtu lok għal mistoqsija importanti: ir-Regolament Nru 604/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”) ( 2 ), bħall-predeċessur tiegħu r-Regolament Nru 343/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II’) ( 3 ), huwa mekkaniżmu purament interstatali li ma jippermettix li persuna individwali li tkun qiegħda titlob ażil tikkontesta tali deċiżjoni? Jew tista’ issa tali persuna tiftaħ proċedura ta’ appell jew ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III sabiex tikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment abbażi tal-fatt li l-kriterji tal-Kapitolu III sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli jkunu ġew applikati b’mod żbaljat?

2.

Minħabba li ċ-ċirkustanzi fattwali b’rabta mat-talba ta’ kull applikant huma differenti, il-kwistjonijiet speċifiċi li jitqajmu ma humiex l-istess. Għalhekk ser nagħti żewġ konklużjonijiet fl-istess jum.

3.

Is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (iktar ’il quddiem “is-SEKA’) tiġbor fiha għadd ta’ miżuri, inklużi regolamenti li għandhom l-għan li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni ta’ persuna għal ażil. Dawn il-miżuri huma magħrufa kollettivament bħala “s-sistema ta’ Dublin” ( 4 ). Meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu rabta ma’ iktar minn Stat Membru wieħed (pereżempju, minħabba li jidħol fl-Unjoni Ewropea minn Stat Membru wieħed iżda jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil fi Stat ieħor), ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat liema Stat ikun responsabbli sabiex jeżamina t-talba tiegħu għal ażil. Il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli huma stabbiliti f’ġerarkija stretta (iktar ’il quddiem il-“kriterji tal-Kapitolu III”) fir-Regolament Dublin III. Jekk l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil abbażi ta’ dawk il-kriterji jqis li Stat Membru ieħor ikun responsabbli għad-determinazzjoni tat-talba, l-ewwel Stat ikun jista’ jitlob lit-tieni Stat jieħu lura (jew jieħu l-inkarigu ta’) l-applikant. Malli din il-kwistjoni tkun ġiet iddeterminata, l-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil isir skont ir-regoli stabbiliti fl-att rilevanti tas-SEKA ( 5 ).

4.

Din il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Abdullahi ( 6 ), meta qieset l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II, li l-motivi ta’ appell jew ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ trasferiment huma limitati f’sitwazzjoni fejn Stat Membru jaqbel li jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil. Fil-fatt l-applikant jista’ jikkontesta biss tali deċiżjoni billi jinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza ta’ applikanti għall-ażil f’dak l-Istat Membru, li jipprovdu motivi sostantivi sabiex jitqies li huwa jkun ser iħabbat wiċċu ma’ riskju reali li jiġi ssuġġettat għal trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 7 ).

5.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sentenza Abdullahi għadhiex tapplika fil-kuntest tar-Regolament Dublin III u jekk individwu bħal M. Ghezelbash huwiex, għalhekk, prekluż milli jikkontesta l-applikazzjoni tal-Kapitolu III fi proċeduri ta’ appell jew ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-regolament.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Karta

6.

L-Artikolu 18 jiggarantixxi d-dritt għall-ażil b’osservanza dovuta lejn ir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus ta’ refuġjati ( 8 ) u skont it-Trattati.

7.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu miksura għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti ( 9 ).

8.

L-Artikolu 52(3) jgħid li sa fejn il-Karta “fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEDB]. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

Is-sistema ta ’ Dublin – ħarsa ġenerali

9.

Fil-15 ta’ Ġunju 1990, (dak iż-żmien) it-12-il-Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropew iffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Dublin ( 10 ). Minħabba li l-Artikolu 63(1)(a) KE sussegwentement kien jirrikjedi li l-Konvenzjoni ta’ Dublin tiġi ssostitwita bi strument Komunitarju, ġie adottat ir-Regolament Dublin II ( 11 ). Il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil kienu jinsabu fil-Kapitolu III (Artikoli 5 sa 14) ta’ dak ir-regolament. L‑Artikolu 19(2) kien jipprovdi kif ġej: “Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoi tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta' każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.”

Ir-Regolament ta ’ Dublin

10.

Kien hemm għadd ta’ bidliet sostantivi fir-Regolament Dublin II; u fl-interessi li tiġi introdotta iktar ċarezza dak ir-regolament tfassal mill-ġdid bħala r-Regolament Dublin III. Il-premessi ta’ dan tal-aħħar jinkludu l-għanijiet li ġejjin:

jiġi stabbilit metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil ( 12 );

metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi li huma ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati; B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ( 13 );

fid-dawl tal-ewwel fażi tal-istrumenti tas-SEKA, filwaqt li jsir it-titjib neċessarju, meqjusa l-esperjenza għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin u l-protezzjoni mogħtija lill-applikanti skont dik is-sistema, għandha ssir “verifika tal-adegwatezza” billi titwettaq reviżjoni komprensiva bbażata fuq evidenza li tkun tkopri l-effetti legali, ekonomiċi u soċjali tas-sistema ta’ Dublin, inklużi l-effetti tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem ( 14 );

il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati għandha tiġi ggarantita billi jiġu pprovduti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli; tali garanziji għandhom jiġu stabbiliti konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 47 tal-Karta; sabiex ikun żgurat li jiġi rrispettat id-dritt internazzjonali; rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-eżami tal-applikazzjoni tar-regolament kif ukoll tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant ( 15 ).

11.

Fil-preambolu hemm ukoll id-dikjarazzjonijiet li ġejjin dwar it-trattament ta’ persuni li jaqgħu fil-portata tar-Regolament Dublin III: “[…] Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” ( 16 ); “[ir]-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-ażil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta, kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1. 4. 7, 24 u 47 tiegħu […]” ( 17 ).

12.

Fl-Artikolu 2 hemm id-definizzjonijiet rilevanti li ġejjin:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li mhijiex ċittadin ta’ Stat li jipparteċipa f’dan ir-Regolament permezz ta’ ftehim mal-Unjoni Ewropea;

(b)

“applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva dwar il-kwalifika];

(c)

“applikant” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

(d)

“eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont [id-Direttiva dwar Proċeduri] u [d-Direttiva dwar il-kwalifika] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament;

[…]

(m)

“viża” tfisser l-awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru rekwiżita għal tranżitu jew dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri […]”

13.

L-Artikolu 3 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ tranżitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi ttrasferit għall-Istat Membru primarjament innominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nnominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nnominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

14.

L-Artikolu 4 huwa intitolat “Id-dritt għall-informazzjoni”. Bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(d), l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti bid-dritt tagħhom li jikkontestaw deċiżjoni ta’ trasferiment u, fejn applikabbli, li jitolbu s-sospensjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

15.

L-Artikolu 5(1) jintroduċi dritt għal intervista personali sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, u jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu tali intervista personali mal-applikant. L-intervista tista’ ma ssirx jekk, inter alia, “wara li jkun irċieva l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 l-applikant ikun diġà pprovda l-informazzjoni rilevanti biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’mezz ieħor. L-Istat Membru li ma jagħmilx l-intervista għandu jagħti l-opportunità lill-applikant li jippreżenta l-informazzjoni kollha li tkun rilevanti biex jiġi determinat l-Istat Membru responabbli qabel ma tittieħed deċiżjoni li l-applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 26(1)” ( 18 ). L-intervista personali għandha ssir f’waqtha u, f’kull każ, qabel ma tittieħed xi deċiżjoni biex applikant ikun ittrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli ( 19 ).

16.

Il-Kapitolu III huwa intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”. Il-ġerarkija ta’ kriterji hija stabbilita fl-Artikolu 7, li jgħid:

“1.   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fih huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.   L-Istat Membru responsabbli, skont il-kriterji stabbiliti f’dan il-Kapitolu, għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru.

3.   Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fl-Artikoli 8, 10 u 16, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kull evidenza disponibbli rigward il-preżenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ membri tal-familja, qraba jew relazzjonijiet familjari oħra tal-applikant, bil-kundizzjoni li tali evidenza tiġi ppreżentata qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta t-talba biex jassumi r-responsabbiltà għall-persuna kkonċernata jew biex jeħodha lura, skont l-Artikoli 22 u 25 rispettivament, u li l-applikazzjonijiet preċedenti għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikant ikunu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-ewwel dwar is-sustanza.”

17.

Fuq nett tal-ġerarkija ta’ kriterji hemm kunsiderazzjonijiet dwar il-familja. Meta l-applikant ikun minorenni mhux akkumpanjat l-Istat Membru responsabbli jkun dak fejn membru tal-familja jew aħwa tal-minorenni jkunu legalment preżenti ( 20 ). Għal applikanti adulti, l-Istat Membru responsabbli jkun dak fejn membri tal-familja jkunu legalment preżenti ( 21 ). Jekk ma jkun japplika l-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ kriterji, ir-responsabbiltà tiġi allokata billi jiġi stabbilit liema kien l-ewwel Stat li minnu l-applikant ikun daħal fl-Unjoni Ewropea.

18.

Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Artikolu 12 huma rilevanti:

“1.   Fejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

2.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-viża ma tkunx inħarġet f’isem Stat Membru ieħor taħt arranġament ta’ rappreżentanza kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi ( 22 ). F’każ bħal dan, l-Istat Membru rrappreżentat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

4.   Fejn l-applikant ikun fil-pussess biss ta’ dokument ta’ residenza wieħed jew iktar li jkunu skadew inqas minn sentejn qabel jew viża waħda jew iktar li jkunu skadew inqas minn sitt xhur qabel u li ppermettewlu jew ippermettewlha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal tali żmien li l-applikant ma jkunx ħareġ mit-territorji tal-Istati Membri.

Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza wieħed jew iktar li jkunu skadew iktar minn sentejn qabel jew viża waħda jew iktar li jkunu skadew iktar minn sitt xhur qabel u li ppermettewlu jew ippermettewlha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u fejn huwa/hija ma ħarġitx mit-territorji tal-Istati Membri, l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali hija ddepożitata għandu jkun responsabbli.

5.   Il-fatt li dokument ta’ residenza jew viża jkun inħareġ fuq bażi ta’ identità falza jew assunta jew fuq sottomissjoni ta’ dokumenti ffalsifikati, simulati jew invalidi ma għandux jimpedixxi li r-responsabbiltà tkun allokata lill-Istat Membru li jkun ħarġu/ħariġha. Madankollu, l-Istat Membru li joħroġ id-dokument ta’ residenza jew viża ma għandux ikun responsabbli jekk jista’ jkun stabbilit li l-frodi kienet kommessa wara li d-dokument jew viża kien inħareġ/kienet inħarġet.”

19.

Skont l-Artikolu 17(1), u b’deroga mill-Artikolu 3(1): “[…] kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament” ( 23 ).

20.

L-Artikolu 18 jistabbilixxi l-obbligi tal-Istat Membru responsabbli. Dawn jinkludu li applikant jittieħed lura f’ċirkustanzi meta: (i) l-applikazzjoni tiegħu tkun qed tiġi eżaminata u huwa jagħmel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew jekk ikun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza ( 24 ); (ii) jirtira l-applikazzjoni tiegħu li tkun qed tiġi eżaminata u meta jagħmel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor ( 25 ); jew (iii) l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u huwa jagħmel applikazzjoni oħra fi Stat Membru differenti jew jekk ikun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza ( 26 ). F’każijiet bħal dawn l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 27 ).

21.

Il-proċeduri sabiex jittieħed lura applikant għall-ażil huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI. Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda kemm jista’ jkun malajr ( 28 ). Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor ikun responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni, huwa jista’, kemm jista’ jkun malajr u, f’kull każ, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata, jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant ( 29 ). L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u għandu jagħti deċiżjoni fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba ( 30 ). Fil-proċedura sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandhom jintużaw provi u xhieda ċirkustanzjali ( 31 ). Il‑provi u xhieda ċirkustanzjali rilevanti huma indikati fir-Regolament ta’ implementazzjoni ( 32 ).

22.

L-Artikolu 26 jgħid:

“1.   Meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d), l-Istat Membru rikjedenti għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli u, fejn xieraq, bid-deċiżjoni li ma jeżaminax l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Jekk konsulent legali jew kunsillier ieħor ikun qed jirrappreżenta lill-persuna kkonċernata, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnotifikaw id-deċiżjoni [lil] tali konsulent legali jew kunsillier minflok lill-persuna kkonċernata u, fejn applikabbli, jikkomunikaw id-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata.

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, inkluż id-dritt ta’ applikazzjoni għal effett sospensiv, fejn applikabbli, u dwar il-limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalbu dawn ir-rimedji u biex ikun eżegwit it-trasferiment u, għandha, jekk meħtieġ, tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn, u d-data li fiha l-persuna kkonċernata għandha tidher, jekk dik il-persuna tkun ser tivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tagħha stess.” ( 33 )

23.

L-Artikolu 27 jgħid:

“1.   L-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 18(1)(c) jew (d) għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikant jew il-persuna kkonċernata jista’ jeżerċita d-dritt għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.”

24.

Meta applikant jippreżenta appell minn jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(3), l-Istati Membri jkunu suġġetti għal għadd ta’ obbligi b’rabta mal-garanzija tad-drittijiet ta’ dik il-persuna. Dawn jinkludu: (i) li jiġi pprovdut li applikant jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-proċeduri jew sabiex id-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi sospiża ( 34 ) u (ii) li jiġi żgurat li l-applikant ikollu aċċess għal assistenza legali u jingħata assistenza legali mingħajr ħlas meta tintalab u meta l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż involuti. Madankollu, “[m]ingħajr ma jillimitaw b’mod arbitrarju l-aċċess għall-assistenza legali, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li ma tingħatax assistenza legali u rappreżentanza mingħajr ħlas fejn l-appell jew ir-reviżjoni jkun ikkunsidrat mill-awtorità kompetenti jew minn qorti jew tribunal li ma għandu ebda prospett tanġibbli li jirnexxi” ( 35 ).

25.

L-Artikolu 37 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni jekk ma jkunux jistgħu jirriżolvu tilwima dwar kull kwistjoni relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III.

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari magħmula

26.

Fl-4 ta’ Marzu 2014 M. Ghezelbash, ċittadin Iranjan, applika għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-awtoritajiet Olandiżi kkonsultaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Visa tal-UE ( 36 ) u skoprew li huwa kien ingħata viża mill-awtoritajiet Franċiżi fis-17 ta’ Diċembru 2013 li kienet valida minn dik id-data sal-11 ta’ Jannar 2014. Fis-7 ta’ Marzu 2014, l-awtoritajiet Olandiżi mbagħad talbu lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jittrattaw it-talba għal ażil tiegħu. Dawn tal-aħħar qablu li jagħmlu hekk fil-5 ta’ Mejju 2014. Għaldaqstant, fil-21 ta’ Mejju 2014, l-awtoritajiet Olandiżi ċaħdu t-talba ta’ M. Ghezelbash u fl-istess waqt ħadu deċiżjoni li jittrasferuh lejn Franza. M. Ghezelbash appella dik id-deċiżjoni fit-22 ta’ Mejju 2014 u talab miżuri provviżorji.

27.

M. Ghezelbash jaqbel li fit-18 ta’ Diċembru 2013 huwa għamel użu mill-viża maħruġa mill-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu huwa jsostni li mar lura l-Iran wara li kien qatta’ lejl wieħed biss Pariġi. Bħala ġurnalista huwa kien ivvjaġġa lejn Pariġi fuq xogħol sabiex jirrapporta dwar turnew ta’ table football. Huwa mar lura l-Iran fid-19 ta’ Diċembru 2013 minħabba li l-Iran kien iddeċieda li jirtira mit-turnew fl-aħħar mument.

28.

M. Ghezelbash ma kellux problemi f’pajjiż twelidu sal-15 ta’ Frar 2014. Huwa ħalla l-Iran fl-20 ta’ Frar 2014 u vvjaġġa mit-Turkija lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fejn huwa wasal fl-1 ta’ Marzu 2014. Il-passaport tiegħu bit-timbri rilevanti ta’ dħul u ta’ ħruġ f’Diċembru 2013 mill-awtoritajiet Franċiżi kien inżamm mis-Sepah-e Pasdaran-e Enqelab-e Eslami (Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika); u huwa ma kien żamm ebda prova oħra tal-vjaġġi tiegħu minħabba li dak iż-żmien ma kienx jeħtieġlu jagħmel hekk. Madankollu, huwa għandu fil-pussess tiegħu dokumenti oħra li jipproduċu prova li ssostni l-verżjoni tiegħu ta’ dak li kien seħħ. Dawn id-dokumenti jinkludu dikjarazzjoni mill-persuna li kienet timpjegah, ċertifikat ta’ tabib u kuntratt iffirmat b’rabta mal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli. M. Ghezelbash jgħid li l-kuntratt ta’ bejgħ kien ġie redatt fl-10 ta’ Jannar 2014 waqt li kien l-Iran; li huwa kellu jkun preżenti personalment sabiex jikkonkludi l-kuntratt u li kien tabilħaqq iffirmah. Dan il-materjal kollu (iktar ’il quddiem “ix-xhieda ċirkustanzjali”) kien tressaq lill-awtoritajiet Olandiżi fit-28 ta’ Mejju 2014, wara li l-korrispettivi Franċiżi tagħhom kienu indikaw il-kunsens tagħhom li jieħdu responsabbiltà sabiex jeżaminaw it-talba għal ażil ta’ M. Ghezelbash.

29.

M. Ghezelbash isostni li l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eżaminata skont il-proċedura estiża ta’ applikazzjoni għall-ażil ( 37 ) sabiex ikun jista’ jissottometti d-dokumenti oriġinali u sabiex l-awtoritajiet Olandiżi jkunu jistgħu jeżaminawhom. Huwa ma kienx talab ażil fi Franza u l-awtoritajiet Franċiżi fl-ebda mument ma kienu responsabbli għal tali talba f’ismu.

30.

L-awtoritajiet Olandiżi jqisu li skont l-Artikolu 12(4) tar-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet Franċiżi huma responsabbli sabiex jeżaminaw l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Ghezelbash għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, huma kienu taw viża lil M. Ghezelbash fis-17 ta’ Diċembru 2013. It-tieni nett, Franza kienet qablet li taċċetta r-responsabbiltà sabiex teżamina t-talba tiegħu. It-tielet nett, dak il-ftehim jista’ jiġi kkontestat biss limitatament abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Dublin III (jiġifieri l-preżenza ta’ membri tal-familja jew qraba oħra fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari) u dik iċ-ċirkustanza ma hijiex rilevanti hawnhekk. Ir-raba’ nett, M. Ghezelbash naqas juri li huwa kien ħalla t-territorju tal-Istati Membri u li jipproduċi prova li sussegwentement huwa vvjaġġa mill-Iran lejn il-Pajjiżi l-Baxxi (billi għadda mit-Turkija). Ix-xhieda ċirkustanzjali li huwa ssottometta ma hijiex prova konklużiva tal-verżjoni tiegħu. Il-ħames nett, l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux obbligati jittrażmettu din l-informazzjoni lill-korrispettivi Franċiżi tagħhom, minħabba li M. Ghezelbash ma sostniex espliċitament li l-obbligi ta’ Franza kienu ntemmu taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin III ( 38 ).

31.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-awtoritajiet Olandiżi aġixxew b’mod prematur meta talbu lil Franza tieħu responsabbiltà għal M. Ghezelbash. L-awtoritajiet Olandiżi aġixxew kontra l-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III meta naqsu milli jgħaddu lill-korrispettivi Franċiżi tagħhom ix-xhieda ċirkustanzjali sottomessa minn M. Ghezelbash sabiex isostni t-talba tiegħu li wara li kien fi Franza huwa mar lura l-Iran. Sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 22 ta’ dak ir-regolament l-awtoritajiet Franċiżi kellhom jitqiegħdu wkoll f’pożizzjoni li jqisu x-xhieda ċirkustanzjali meta kienu qegħdin jiddeterminaw jekk Franza kinitx responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Ghezelbash. Dik l-informazzjoni hija tassew estremament rilevanti għal dik l-evalwazzjoni.

32.

Il-qorti tar-rinviju tgħid li ċertu materjal ipprovdut minn M. Ghezelbash kien kontradittorju u li, għalhekk, huwa ma setax jistabbilixxi preżunzjoni li kien ħalla t-territorju tal-Istati Membri. Madankollu, dokumenti oħra li huwa pproduċa (l-iktar iċ-ċertifikat tat-tabib u l-kuntratt ta’ bejgħ) kienu tabilħaqq xhieda ċirkustanzjali li jistabbilixxu prima facie li huwa kien mar lura l-Iran wara apparentement żjara ta’ malajr fi Franza.

33.

Il-qorti tar-rinviju tifhem li din il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Abdullahi, li applikant għall-ażil li jkun ippreżenta appell minn deċiżjoni li l-applikazzjoni tiegħu ma tiġix eżaminata ma jistax jikkontesta l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli meta l-Istat Membru mitlub ikun qabel ma’ talba li jieħdu lura. L-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji tirrigwarda biss ir-relazzjoni interstatali bejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru mitlub.

34.

Madankollu, fid-dawl tal-bidliet introdotti bir-Regolament Dublin III li jsaħħu l-protezzjoni ġudizzjarja għal applikanti għall-ażil, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kriterji tal-Kapitolu III emendati issa jikkostitwixxux motiv ta’ appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment għall-finijiet tal-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-regolament.

35.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“1.

X’inhi l-portata tal-Artikolu 27 tar-[Regolament Dublin III], moqri flimkien jew le mal-premessa 19 tar-Regolament?

Skont dan l-artikolu, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, huwa biss wara l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà mill-Istat Membru li saritlu t-talba li barrani għandu jiffaċċja talba biex jittieħed inkarigu u jipproduċi provi li possibbilment jippermettu li jiġi konkluż li ma huwiex l-Istat Membru li saritlu t-talba li għandu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil iżda l-Istat Membru li għamel it-talba, li, sussegwentement, la jeżamina dawn id-dokumenti u lanqas ma jgħaddihom lill-Istat Membru li saritlu t-talba, applikant għall-ażil għandu d-dritt li jeżerċita rimedju (effettiv) kontra l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-[Regolament Dublin III]?

2.

Jekk fir-[Regolament Dublin III], bħal qabel mingħajr ħsara għar-[Regolament Dublin II], il-barrani, bħala prinċipju, ma jistax jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli meta l-Istat Membru li saritlu t-talba jkun aċċetta talba biex jittieħed inkarigu, huwa preċiż li minn dan il-prinċipju, kif il-konvenut isostni, tista’ ssir eċċezzjoni biss fis-sitwazzjonijiet ta’ familja previsti fl-Artikolu 7 tar-[Regolament Dublin III], jew jista’ wieħed jikkunsidra fatti u ċirkustanzi partikolari oħra li jippermettu lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli?

3.

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tipprovdi li, minbarra sitwazzjonijiet ta’ familja, ċirkustanzi oħra jistgħu jippermettu wkoll lill-barrani li jinvoka l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-fatti u ċ-ċirkustanzi deskritti fil-[punti 31 sa 33 iktar ’il fuq] ( 39 ) ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jikkostitwixxu tali fatti u ċirkustanzi partikolari?”

36.

M. Ghezelbash, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2010, l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ressqu sottomissjonijiet orali.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

37.

Is-SEKA għandha bħala bażi l-preżunzjoni li l-Istati parteċipanti kollha josservaw drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève u fuq il-KEDB, u li l-Istati Membri jistgħu u għandhom ikollhom fiduċja reċiproka fil-livell ta’ protezzjoni li jiggarantixxu. Ir-Regolament Dublin III kien adottat fid-dawl ta’ dak il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka sabiex jirrazzjonalizza t-trattament ta’ talbiet għal ażil, biex jevita li s-sistema tiġi blokkata minħabba l-obbligu tal-awtoritajiet fi Stati Membri differenti li jeżaminaw talbiet multipli mill-istess applikant, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli sabiex jeżamina t-talba għal ażil u sabiex jiġi evitat il-forum shopping. F’termini prattiċi, l-għan globali tas-sistema ta’ Dublin huwa għalhekk li talbiet jiġu ttrattati malajr fl-interessi kemm tal-applikanti għall-ażil, kif ukoll tal-Istati parteċipanti ( 40 ).

38.

Hemm qbil li l-applikazzjoni għall-ażil ta’ M. Ghezelbash taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Għalhekk il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu huma dawk stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dak ir-regolament ( 41 ).

39.

Meta applikant għall-ażil ikollu rabta ma’ żewġ Stati Membri jew iktar, dik id-determinazzjoni tkun primarjament proċess interstatali ( 42 ). Konsegwentement ma hijiex karatteristika ta’ dak il-proċess li jitqiesu l-preferenzi jew ix-xewqat tal-individwu ( 43 ). Madankollu hemm għadd ta’ eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali fl-iskema leġiżlattiva tar-Regolament.

40.

L-ewwel nett, meta japplikaw il-kriterji tal-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom iqisu l-preżenza ta’ membri tal-familja ta’ applikant fit-territorju tal‑Unjoni (fejn rilevanti) qabel ma Stat Membru ieħor jaċċetta talba li jieħu lura jew jieħu inkarigu l-applikant ( 44 ).

41.

It-tieni nett, f’ċirkustanzi meta jkun impossibbli li jsir trasferiment ta’ applikant lejn Stat Membru ieħor minħabba li jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li jkun hemm difetti sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal applikanti f’dak l-Istat Membru li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta, l-Istat Membru determinanti għandu jeżamina jekk ikunx jista’ jiġi nnominat Stat Membru differenti bħala responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ( 45 ).

42.

It-tielet nett, kull Stat Membru jżomm diskrezzjoni, skont l-hekk imsejħa “klawżola tas-sovranità”, sabiex jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni, anki meta ma jkunx obbligat jagħmel hekk skont il-kriterji tal-Kapitolu III. Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jitlob Stat ieħor sabiex jieħu l-inkarigu ta’ applikant bil-għan li membri tal-familja jinġiebu flimkien għal raġunijiet umanitarji, anki meta l-Istat Membru l-ieħor ma jkunx responsabbli abbażi tal-kriterji tal-Artikoli 8 sa 11 u 16 tar-Regolament. F’każijiet bħal dawn, il-persuni kkonċernati għandhom jipprovdu kunsens bil-miktub ( 46 ).

43.

Dawn l-eċċezzjonijiet juru li l-iskema tar-Regolament Dublin III tipprovdi ċertu portata sabiex jitqiesu s-sitwazzjoni u l-fehmiet partikolari ta’ applikant individwali li fuqhom Stat għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu. Madankollu, l-ebda waħda minnhom ma tidher li tapplika għal M. Ghezelbash, u ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jindika li huwa jitlob li jibbaża ruħu fuq xi waħda minnhom.

Fuq l-ewwel domanda

44.

Il-kwistjoni wiesgħa mqajma mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-portata tal-Artikolu 27(1) moqri flimkien mal-premessa 19 tar-Regolament Dublin III. Applikant għall-ażil għandu d-dritt għal appell minn jew reviżjoni ta’ applikazzjoni ta’ Stat Membru tal-kriterji tal-Kapitolu III? Fl-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll mistoqsija iktar speċifika li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi tal-każ ta’ M. Ghezelbash. Ser inqis dik id-domanda sussidjarja fil-punti 85 sa 90 iktar ’il quddiem.

45.

Skont M. Ghezelbash u r-Repubblika Ċeka, għalkemm applikant għall-ażil ma setax – wara s-sentenza Abdullahi tal-Qorti tal-Ġustizzja – jikkontesta l‑mod li bih il-kriterji tal-Kapitolu III f’appell skont l-Artikolu 19(2), tar-Regolament Dublin II kienu ġew applikati, il-pożizzjoni issa nbidlet bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka tisħaq li, fil-fehma tagħha, applikant ma jgawdix minn dritt iġġeneralizzat li jagħżel liema Stat Membru għandu jittratta t-talba għal ażil tiegħu.

46.

Kemm Franza kif ukoll il-Kummissjoni jirreferu wkoll għal Abdullahi u jissottomettu li M. Ghezelbash għad ma għandux dritt ta’ appell mill-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III. Fil-prinċipju ma jfisser xejn liema Stat Membru jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. L‑Artikolu 27(1) japplika biss fejn ir-Regolament Dublin III jagħti drittijiet sostantivi u proċedurali speċifiċi li applikant ikun jista’ jinvoka, li min-naħa l-oħra jirriflettu l-protezzjoni (meħtieġa) ta’ ċerti drittijiet fundamentali. L-Artikolu 12(4) tar-Regolament, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ trasferiment, ma huwiex tali dispożizzjoni; u M. Ghezelbash ma jinvokax protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali sostantivi jew proċedurali oħra li joħorġu mir-regolament. Il-Gvern Franċiż jissottometti wkoll li appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-regolament jistgħu ikollhom fil-mira tagħhom biss id-deċiżjoni ta’ trasferiment u mhux il-qbil tal-Istat Membru mitlub (f’dan il-każ Franza) sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

47.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li bl-applikazzjoni ta’ Abdullahi, applikant għall-ażil ma jistax jikkontesta la l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III u lanqas il-mod li bih l-Istat Membru kkonċernat ikun wasal għal deċiżjoni, anki meta l-applikant isostni li l-kwistjoni tirrigwarda dritt fundamentali ggarantit mill-Karta li jkun jissemma espressament fir-Regolament. Kull interpretazzjoni oħra tkun qed iddewwem milli jiġi stabbilit liema Stat Membru jkun responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-ażil partikolari. Dan imur kontra l-għan tar-Regolament Dublin III.

Is-sentenza Abdullahi

48.

S. Abdullahi kienet ċittadina Somala li kienet daħlet l-ewwel fil-Greċja wara li vvjaġġat mis-Sirja u għaddiet mit-Turkija. Hija baqgħet tivvjaġġa fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fis-Serbja u fl-Ungerija. Hija sussegwentement qasmet il-fruntiera għall-Awstrija fejn talbet ażil. Il-qsim tal-fruntieri kollu kien illegali. L-awtoritajiet Awstrijaċi applikaw l-ekwivalenti, fir-Regolament Dublin II, tal-kriterji tal-Kapitolu III u kkonkludew li l-Ungerija kienet l-Istat Membru responsabbli. L-awtoritajiet Ungeriżi qablu li jeżaminaw l-applikazzjoni tagħha. Madankollu S. Abdullahi argumentat li l-Greċja kellha titqies li hija l-Istat responsabbli minħabba li kien minn hemm li daħlet l-ewwel fit-territorju tal-UE. Dak iż-żmien ir-ritorn ta’ applikanti għall-ażil lejn il-Greċja kien ġie sospiż. Dan, għalhekk, kien jippermettilha titlob li l-applikazzjoni tagħha tiġi eżaminata fl-Awstrija.

49.

Fil-fehma tiegħi, is-sentenza Abdullahi ma għandhiex sempliċement tiġi trasposta sabiex tiġi stabbilita l-portata tad-dritt ta’ reviżjoni, għal żewġ raġunijiet.

50.

Qabel kollox, Abdullahi kienet tirrigwarda fatti speċifiċi ħafna (u kumplessi ħafna), li kellhom x’jaqsmu ma’ qsim multiplu u illegali ta’ fruntieri, fejn inħolqot sitwazzjoni li fiha l-applikant għall-ażil kellha rabtiet (potenzjali) mhux ma’ tnejn iżda ma’ tliet Stati Membri. Purament fuq dik il-bażi, din il-kwistjoni hija b’mod ċar differenti ħafna u, għalhekk, tista’ ssir distinzjoni.

51.

Ħadd ma qiegħed jissuġġerixxi li M. Ghezelbash daħal fi Franza illegalment fis-17 ta’ Diċembru 2013. Huwa kellu viża; daħal iżda ma talabx ażil hemm ( 47 ). Barra minn hekk, ma nstabx li huwa għadda minn Franza fi triqtu lejn il-Pajjiżi l-Baxxi qabel ma għamel it-talba għal ażil tiegħu.

52.

Kuntrarju għal S. Abdullahi, M. Ghezelbash mhux qed isostni li skont il-kriterji tal-Kapitolu III, l-Istat Membru responsabbli ma huwiex Franza, iżda Stat ieħor li ma jistax jeżamina t-talba għal ażil tiegħu għal raġunijiet ta’ difett sistematiku u ksur potenzjali tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 4 tal-Karta, sabiex b’hekk it-talba tiegħu jkollha tiġi eżaminata fejn kien ressaqha qabel. M. Ghezelbash isostni li l-Pajjiżi l-Baxxi huwa l-Istat fejn kien għamel l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali [Artikolu 7(2)] u li l-Artikolu 12(4) ma japplikax, minħabba (jgħid hu) li huwa kien ħalla t-territorju tal-Unjoni fit-18 ta’ Diċembru 2013, reġa’ lura f’art twelidu u sussegwentement ivvjaġġa lejn il-Pajjiżi l-Baxxi mill-Iran billi għadda mit-Turkija. Għalhekk, kif nifhimha jien, huwa jfittex li jikseb reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja dwar jekk l-awtoritajiet kompetenti applikawx korrettament il-kriterji fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(4) tar-Regolament Dublin III.

53.

It-tieni nett, il-kliem tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, li l-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tintalab tinterpreta, huwa differenti b’mod sinjifikattiv mill-kliem tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwaru f’Abdullahi. Għalhekk il-motivazzjoni f’Abdullahi ma tistax, fil-fehma tiegħi, sempliċement tiġi applikata awtomatikament għad-dispożizzjoni sussegwenti.

Artikolu 27 tar-Regolament Dublin III

54.

F’dan li ġej, l-ewwel nett ser neżamina l-kuntest u l-kliem tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III fid-dawl tal-premessi li jistabbilixxu dak li għandu jkun l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni u l-għanijiet ġenerali tar-Regolament. F’dan l-isfond ngħaddi mbagħad sabiex inqis it-tliet għażliet għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) li kienu ġew proposti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

55.

Mill-bidu nett ninnota li qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ trasferiment li tista’ tiġi rriveduta skont l-Artikolu 27, l-Istat Membru fejn l-applikant għall-ażil ikun jinsab għandu japplika l-kriterji tal-Kapitolu III u jqis jekk huwa jew Stat Membru ieħor huwiex l-Istat responsabbli. Jekk it-tieni Stat jaqbel li huwa jkun l-Istat Membru responsabbli, l-ewwel Stat Membru jkun jista’ jieħu deċiżjoni ta’ trasferiment. Diġà f’dan l-istadju r-Regolament Dublin III jintroduċi garanziji proċedurali [fl-Artikolu 26(1) u (2)] li ma kinux fir-Regolament Dublin II. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu regoli ddettaljati li jeżiġu li l-ewwel Stat Membru jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni ta’ trasferiment u li jagħti informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli għalih, inkluż id-dritt li japplika sabiex id-deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi sospiża.

56.

Applikant ma jistax jippreżenta applikazzjoni għal appell jew reviżjoni qabel ma l-Istat rikjedenti jieħu deċiżjoni ta’ trasferiment. Il‑kontestazzjoni, jekk issir, tkun għad-deċiżjoni ta’ trasferiment, mhux għall-qbil tal-Istat Membru mitlub sabiex jaċċetta responsabbiltà bħala tali. Dan huwa loġiku minħabba li tkun id-deċiżjoni ta’ trasferiment li taffettwa direttament lill-applikant individwali għall-ażil.

57.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III mbagħad joħloq, f’termini inekwivoċi, “dritt għal rimedju effettiv”. X’għandu jkun dan ir-rimedju huwa speċifikat ukoll: “fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal”. Għadd ta’ differenzi, addizzjonijiet u kjarifiki li hemm fil-kliem tal-Artikolu 27(1) kif imqabbel mal-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II, għandhom jiġu nnotati.

58.

L-ewwel nett, id-dritt ta’ appell minn (jew reviżjoni ta’) deċiżjoni ta’ trasferiment huwa disponibbli lill-applikanti għall-ażil kollha ( 48 ) li kontrihom tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment. It-tieni nett, id-dritt ta’ appell jew ta’ reviżjoni huwa espress f’termini mandatorji “[l]-applikant […] għandu jkollu d-dritt […]”. It-tielet nett, l-appell jew ir- reviżjoni għandhom ikopru kemm il-fatt kif ukoll il-liġi. Ir-raba’ nett, l-appell jew ir-reviżjoni għandhom jipprovdu stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni amministrattiva meħuda mill-awtoritajiet kompetenti (minħabba li tiġi ppreżentata “quddiem qorti jew tribunal”). Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu għal perijodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-applikanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal rimedju effettiv tagħhom [Artikolu 27(2)].

59.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma jispeċifikax liema komponenti tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li wassal għad-deċiżjoni ta’ trasferiment jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew ta’ reviżjoni li dan l-artikolu jipprovdi għalihom. Issemmew tliet għażliet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

60.

L-ewwel għażla (mħaddna mill-Pajjiżi l-Baxxi) hija li – sabiex ngħidha b’mod sempliċi – xejn ma nbidel. Issa bħal qabel, deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi kkontestata biss għal motiv restrittiv wieħed identifikat fis-sentenza Abdullahi. Dan il-motiv kien diġà ġie kkodifikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ( 49 ). Għalhekk meta jkun impossibbli li applikant jiġi ttrasferit għall-Istat Membru nnominat bħala responsabbli minħabba li jkun hemm raġunijiet sostantivi sabiex wieħed jemmen li jeżistu difetti sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor ikunx jista’ jiġi nnominat bħala responsabbli.

61.

It-tieni għażla (imressqa minn Franza u mill-Kummissjoni) huwa li jiġi aċċettat li, minbarra dan il-motiv, l-Artikolu 27(1) joħloq dritt ta’ appell jew ta’ reviżjoni f’okkażjonijiet li fihom ir-Regolament Dublin III espressament jagħti drittijiet lil applikanti individwali li jirriflettu drittijiet fundamentali sostantivi protetti mill-Karta ( 50 ). Meta (iżda biss meta) applikant jitlob li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tkun kisret wieħed minn dawn “id-drittijiet protetti”, huwa għandu dritt ukoll, skont l-Artikolu 27(1), li jippreżenta appell jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

62.

It-tielet għażla (proposta minn M. Ghezelbash) hija li l-Artikolu 27(1) jiġi interpretat bħala li jagħti dritt wiesa’ ta’ appell jew ta’ reviżjoni, li jiżgura stħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-liġi rilevanti (inklużi l-kriterji tal-Kapitolu III) għall-fatti ppreżentati lilhom.

63.

Fl-assenza ta’ kliem li jindika liema minn dawn l-għażliet hija korretta, jeħtieġ li jitqiesu l-għanijiet u l-kuntest tar-Regolament ( 51 ).

64.

Dawn l-għanijiet ċertament jinkludu li jiġi stabbilit metodu ċar u li jkun jista’ jaħdem sabiex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli sabiex jagħmel eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, ibbażat fuq kriterji oġġettivi li jkunu ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuna kkonċernata. Dan il-metodu għandu, b’mod partikolari, jagħmel possibbli li jiġi ddeterminat minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 52 ). Madankollu, għan ieħor iddikjarat tar-Regolament Dublin III huwa li titjieb il-protezzjoni legali mogħtija lil applikanti għall-ażil ( 53 ). Għandha l-protezzjoni ġudizzjarja msaħħa għal applikanti għall-ażil maħluqa espressament bl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III sussegwentement tinqara b’mod ristrettiv fl-interessi tal-ħeffa fl-ipproċessar ta’ talbiet għal ażil?

65.

Il-premessa 19 tar-Regolament Dublin III [li ssib espressjoni bħala dispożizzjoni sostantiva fl-Artikolu 27(1)] tgħid espliċitament li sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ applikanti għal protezzjoni effettiva, garanziji ġudizzjarji u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw trasferimenti għandhom ikopru kemm “[l]-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament”, kif ukoll “[is-] sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih [jista’] jiġi ttrasferit l-applikant”.

66.

It-tieni aspett ta’ dik il-garanzija jidhirli li jidentifika dak li issa ġie kkodifikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Il-mod naturali kif jiġi interpretat l-ewwel aspett tal-garanzija huwa li l-portata tal-Artikolu 27(1) tinkludi l-mod li bih ir-Regolament Dublin III jiġi applikat mill-Istati Membri.

67.

Abbażi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 27(1), il-garanzija doppja li hemm fil-premessa 19 u fil-kummenti tiegħi li għamilt iktar ’il fuq dwar Abdullahi ( 54 ), jidhirli li l-ewwel għażla għandha tiġi skartata u li l-għażla tinsab bejn it-tieni u t-tielet għażla.

68.

Ir-raġunijiet ewlenin imressqa favur it-tieni għażla huma li interpretazzjoni stretta tkun iktar konsistenti mal-iskema leġiżlattiva. Qed jiġi sottomess li r-Regolament Dublin III huwa miżura interstatali; li kieku l-mod li bih il-kriterji tal-Kapitolu III jiġu applikati mill-Istati Membri kellu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 27(1), is-sistema tisfa mhux funzjonabbli minħabba li jkun impossibbli li tiġi żgurata d-determinazzjoni malajr tal-Istat Membru responsabbli; u li l-mekkaniżmi biex isir preċiżament dan iservu sabiex jitneħħa “forum shopping” (jiġifieri opportunitajiet għal talbiet multipli simultanji jew konsekuttivi), li għandhom jiġu skoraġġuti.

69.

Jiena m’iniex konvinta b’dawn l-argumenti.

70.

Qabel kollox, jidhirli li huwa simplistiku ż-żejjed li r-Regolament Dublin III jiġi deskritt purament bħala strument interstatali. Filwaqt li bla dubju jibqa’ jkun hemm ċerti aspetti interstatali ( 55 ), il-leġiżlatur introduċa u saħħaħ mill-ġdid ċerti drittijiet individwali sostanzjali kif ukoll garanziji proċedurali. Eżempju ta’ dawk tal-ewwel huwa d-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja fl-Artikoli 9 sa 11. Dawk tal-aħħar huma riflessi, pereżempju, fl-Artikolu 4 (dritt ta’ applikant għal informazzjoni) u fl-Artikolu 5 (id-dritt għal intervista personali). Iż-żewġ dispożizzjonijiet jisħqu dwar l-importanza tal-informazzjoni moghtija mill-applikant fil-proċess tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli fl-iskema tar-Regolament Dublin III. Madankollu skont it-tieni għażla, applikant ikollu d-dritt jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment jekk l-intervista personali tkun tħalliet barra, iżda mhux id-dritt li jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment li kjarament tkun setgħet ittieħdet biss mill-awtoritajiet kompetenti abbażi li ma tkunx tqieset l-informazzjoni li l-applikant ikun ta matul dik l-intervista personali.

71.

Insegwitu, jidhirli li, fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27, l-Istati Membri jżommu għalihom mezzi qawwija. B’hekk, skont l-Artikolu 27(3), huma jistgħu jagħżlu jekk jagħtux id-dritt li applikant jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew tar-reviżjoni; jew jekk trasferiment għandux jiġi sospiż (awtomatikament jew jekk l-applikant jitlob dan). Għalhekk, il-ħeffa li biha jsiru trasferimenti ma hijiex determinata għalkollox minn jekk applikant jippreżentax appell jew talba għal reviżjoni – din tiddependi wkoll mir-regoli magħżula u mħaddma mill-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu wkoll, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(6), jiddeċiedu li jillimitaw l-aċċess għall-assistenza legali meta appell ikun ikkunsidrat mill-awtorità kompetenti jew minn qorti jew tribunal li ma jkollu ebda prospett tanġibbli li jirnexxi. B’mod globali, ir-Regolament Dublin III introduċa dispożizzjonijiet biex il-proċess ġenerali jsir iktar bil-ħeffa u jkun iktar effiċjenti meta mqabbel mal-predeċessur tiegħu. Limiti ta’ żmien tnaqqsu u ddaħħlu skadenzi ġodda ( 56 ). L-eżistenza ta’ dawn il-mekkaniżmi kollha tissuġġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jaġixxu b’mod effettiv biex jevitaw li s-sistema ta’ Dublin III ma titħaddimx minħabba diffikultajiet billi tiġi blokkata b’applikazzjonijiet frivoli u vessatorji għal appell jew reviżjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’Petrosian (meta kienet qed tikkunsidra l-kwistjoni ta’ protezzjoni ġudizzjarja ggarantita mill-Istati Membri li l-qrati tagħhom jistgħu jissospendu l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II) li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li tali protezzjoni kellha tiġi ssagrifikata f’isem ir-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ( 57 ) isir iktar bil-ħeffa.

72.

Inżid ngħid li l-possibbiltajiet għall-kontestazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III ma humiex mingħajr limitu. Pereżempju, b’rabta mal-verifika tal-kriterji li jikkonċernaw dokumenti ta’ residenza u viżi skont l-Artikolu 12, mhux kull ilment li jitressaq jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27(1). Għalhekk, il-fatt li tali dokumenti setgħu nħarġu abbażi ta’ identità falza jew preżunta jew fuq sottomissjoni ta’ dokumenti ffalsifikati, simulati jew invalidi ma għandux jimpedixxi li r-responsabbiltà tkun allokata lill-Istat Membru li jkun ħariġhom ( 58 ).

73.

F’dan l-isfond, jidhirli li l-argument “ftuħ wiesgħa” mressaq mill-Istati Membri intervenjenti jista’ jesaġera l-konsegwenzi li l-Artikolu 27(1) jiġi interpretat bħala li jagħti dritt ta’ appell jew ta’ reviżjoni li jinkludi stħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III.

74.

It-tielet nett, ma nqisx li l-preżentata ta’ rikors quddiem qorti sabiex jintalab li jsir stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni amministrattiva tista’ tiġi pparagunata ma’ forum shopping. Kif nifhimha jiena, l-appell jew ir-reviżjoni skont l-Artikolu 27 jipproteġu lill-individwu sabiex il-fatti rilevanti ma jiġux injorati jew ikkaratterizzati b’mod żbaljat, u kontra interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-liġi rilevanti. F’Unjoni Ewropea mwaqqfa fuq l-istat tad-dritt ( 59 ), dan ċertament huwa għan leġittimu.

75.

Ngħaddi, għalhekk, sabiex inqis it-tielet għażla.

76.

Diġà indikajt li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 27(1) għandu jiġi interpretat mill-inqas b’mod wiesa’ daqs it-tieni għażla proposta. Madankollu, f’dan il-każ M. Ghezelbash ma huwiex jinvoka ksur ta’ dritt speċifiku mogħti taħt ir-Regolament Dublin III, bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, u lanqas ma qed jipprova jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni tal-familja fl-Artikoli 9 sa 11. Huwa jixtieq jikkontesta applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III mill-awtoritajiet kompetenti li rriżultat f’deċiżjoni ta’ trasferiment li, jekk tiġi eżegwita, tneħħih mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn Franza. Jekk – u nisħaq fuq din il-kelma – il-verżjoni tiegħu tal-fatti kif sostnuta mix-xhieda ċirkustanzjali hija korretta, huwa tabilħaqq qed jagħmel l-ewwel applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi u, bl-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi pproċessata f’dak il-pajjiż. Sakemm l-Artikolu 27(1) jiġi interpretat skont it-tielet għażla, ma hemmx mekkaniżmu li bih huwa jista’ jagħmel magħrufa b’mod effettiv il-fehmiet tiegħu u jikkontesta dik id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

77.

Il-punt ta’ tluq tiegħi għall-analiżi tat-tielet għażla huwa li deċiżjoni ta’ trasferiment potenzjalment tista’ taffettwa b’mod ħażin l-interessi ta’ applikant għall-ażil. Kieku dan ma kienx hekk, ma kienx ikun hemm wisq għan li jiġi introdott dritt mandatorju ta’ appell jew reviżjoni fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

78.

Lil hinn mill-kuntest ta’ xi jkun kopert bit-tieni għażla, tista’ deċiżjoni ta’ trasferiment potenzjalment tolqot ħażin l-interessi ta’ applikant għall-ażil?

79.

Ejjew nassumu li ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà jkun issuspettat f’pajjiżu bħala “student politiku attivist”, jiddeċiedi li jkompli l-istudji tiegħu barra minn pajjiżu. Huwa jagħmel żjara qasira ta’ skambju fi Stat Membru A, fejn jiġi aċċettat faċilment minn università iżda ma jkunx jista’ jikseb il-finanzjament neċessarju sabiex jibqa’ jistudja hemmhekk. Jerġa’ lura f’art twelidu u mbagħad, bl-għajnuna tan-netwerk akkademiku, jerġa’ jipprova fi Stat Membru B, fejn jiġi offrut borża ta’ studju postgradwatorju għal perijodu ta’ tliet snin. Għall-bidu ma jkollux raġunijiet veri sabiex japplika għall-ażil fi Stat Membru B. F’kull każ, huwa jkun mehdi bl-istudji tiegħu, jagħmel ħbieb ġodda u jintegra ruħu fl-ambjent ġdid tal-Istat Membru ospitanti. Fil-frattemp lura f’art twelidu s-sitwazzjoni tiddeterjora, u minħabba l-fehmiet politiċi magħrufa tiegħu huwa jisfa persona non grata. Wara sena ta’ studju postgradwatorju, huwa jiddeċiedi li japplika għall-ażil fi Stat Membru B. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti japplikaw il-kriterji tal-Kapitolu III, u abbażi tas-soġġorn qasir iddokumentat tiegħu fi Stat Membru A, jitolbu u jiksbu l-qbil ta’ dan tal-aħħar sabiex jittratta l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu u, għaldaqstant, jieħdu deċiżjoni ta’ trasferiment li tikkanċella l-viża ta’ student tiegħu u li, jekk tkun eżegwita, tneħħieh minn Stat Membru B u tieħdu lejn Stat Membru A. Ikun, nissuġġerixxi, diffiċli li wieħed jikkonkludi, abbażi tal-fatti f’dan l-eżempju, li dik id-deċiżjoni ta’ trasferiment ma kellhiex impatt negattiv fuq l-istudent li jkun applikant għall-ażil.

80.

Ninnota, b’konnessjoni ma’ dan, li l-kunċett li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli hija dejjem newtrali għal applikanti ma huwiex ta’ portata universali ( 60 ). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti ta’ Strasbourg”) ( 61 ) ma kinitx konvinta dwar dan; u din il-Qorti tal-Ġustizzja bir-raġun irrikonoxxiet li ma hemmx preżunzjoni konklużiva li d-drittijiet fundamentali ta’ applikant għall-ażil ikunu rrispettati fl-Istat Membru primarjament responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu ( 62 ). Aspetti oħra tal-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod jissuġġerixxu, meta jiġu applikati b’analoġija, li jista’ jkun jixraq iktar li titqies il-pożizzjoni individwali tal-applikant fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli milli ma jitqiesx l-impatt fuq il-persuna kkonċernata ( 63 ).

81.

B’mod sempliċi, il-punt huwa: meta jkun hemm materjal li jsostni każ dibattibbli li deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterji tal-Kapitolu III, il-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva u/jew id-drittijiet tad-difiża jwasslu għall-konklużjoni li applikant għandu jkun jista’ jikkontesta dik id-deċiżjoni ta’ trasferiment taħt l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III?

82.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’rabta mad-Direttiva 2004/83, li d-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxu prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ( 64 ). Jidhirli, b’analoġija, li l-istess għandu japplika fir-rigward tar-Regolament Dublin III, li għandu jiddetermina liema Stat Membru japplika s-suċċessur tad-Direttiva 2004/83, jiġifieri d-Direttiva dwar il-kwalifika, għal kull talba partikolari. Id-drittijiet tad-difiża huma, barra minn hekk, ikkonfermati bl-Artikolu 47 tal-Karta li jiżgura r-rispett kemm tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq fil-proċeduri ġudizzjarji kollha ( 65 ). Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju lil persuna ( 66 ).

83.

Id-dritt għal rimedju effettiv fl-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi mad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 13 tal-KEDB. Isegwi mill-Artikolu 52(3) tal-Karta li l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ dik id-dispożizzjoni. Din il-qorti ddeċidiet li għandu jkun hemm rimedji disponibbli fil-livell nazzjonali li jinfurzaw id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti. Hija teżiġi li jkun hemm dispożizzjoni ta’ rimedju domestiku sabiex jittratta l-mertu ta’ lment dibattibbli u li jagħti solliev xieraq, u li dan ir-rimedju għandu jkun effettiv fil-prattika kif ukoll fid-dritt ( 67 ).

84.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti jaħdmu favur li tiġi approvata t-tielet għażla għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

L-obbligi tal-Istat Membru rikjedenti fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant għall-ażil

85.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll tkun taf jekk għandux ikun hemm dritt ta’ appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) f’każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn l-Istat Membru mitlub jaqbel li jeżamina applikazzjoni għall-ażil iżda l-applikant jipproduċi provi wara li dak l-Istat Membru jkun ikkomunika l-qbil tiegħu, u l-provi prodotti jkunu jfissru li ma kienx ikun hemm qbil kieku l-Istat Membru rikjedenti kien eżamina d-dokumenti jew għadda l-materjal lill-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub ( 68 ).

86.

Il-Pajjiżi l-Baxxi jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar kif kienu ttrattati l-provi prodotti minn M. Ghezelbash dwar ir-ritorn tiegħu fl-Iran minn Franza fl-2013. Dawn jgħidu li l-awtoritajiet tagħhom fil-fatt eżaminaw id-dokumenti, iżda ma qisuhomx bħala ta’ valur probatorju u, għaldaqstant, ma għaddewhomx lill-awtoritajiet Franċiżi.

87.

Qabel kollox, hija l-qorti nazzjonali li waħedha tiddeċiedi dwar il-fatti li għandha tiddetermina jekk il-provi prodotti minn M. Ghezelbash kienu jew ma kinux eżaminati mill-awtoritajiet Olandiżi. Bl-istess mod, hija l-qorti nazzjonali biss li tista’ tanalizza l-valur probatorju ta’ dawk il-provi, ir-rilevanza tagħhom u jekk kellhomx jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ trasferiment.

88.

It-tieni nett, il-materjal imressaq minn M. Ghezelbash (li, infakkar, inkluda rapport mit-tabib tiegħu u dokumenti dwar bejgħ ta’ proprjetà fl-Iran) jikkostitwixxi xhieda ċirkustanzjali skont it-tifsira tal-punt 9 tal-Lista B tal-Anness II tar-Regolament ta’ implementazzjoni. X’jeħtieġ sabiex ikun żgurat li applikant għall-ażil ikollu aċċess għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III? Nuqqas li dak il-materjal jiġi eżaminat u/jew jiġi trażmess lill-Istat mitlub jikkostitwixxi motivi ta’ appell jew ta’ reviżjoni skont dik id-dispożizzjoni?

89.

L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teħtieġ evalwazzjoni tal-legalità tal-motivi li huma l-bażi tad-deċiżjoni u jekk din tal-aħħar titteħidx fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Għaldaqstant, stħarriġ ġudizzjarju ma jistax ikun ristrett għal evalwazzjoni tas-saħħa fl-astratt tal-motivi li fuqhom tistrieħ, iżda għandu jikkonċerna dwar jekk dawk il-motivi, jew, għal tal-inqas, wieħed minn dawk il-motivi, meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni dik id-deċiżjoni, ikunx ġie ssostanzjat ( 69 ). Applikat għal dan il-kuntest, dan jimplika verifika tal-fatti relatati mal-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III rilevanti li huma l-bażi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment.

90.

L-Artikolu 27(1) ma jispeċifikax kif dak l-eżami għandu jitmexxa. Dan huwa, għalhekk, xi ħaġa għal qorti nazzjonali li tiżgura skont regoli proċedurali domestiċi. Dawn ir-regoli jirregolaw ukoll l-intensità tal-proċess ta’ reviżjoni u r-riżultat – jiġifieri, jekk kontestazzjoni b’suċċess tirriżultax sabiex l-applikazzjoni tmur lura għand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal kunsiderazzjoni mill-ġdid, jew jekk id-deċiżjoni titteħidx mill-qrati nfushom, dejjem bla ħsara għall-prinċipju ta’ effettività ( 70 ).

91.

Nikkonkludi, għalhekk, li r-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li applikant (f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali) jista’ jikkontesta, b’appell jew b’reviżjoni, deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(1) u jitlob lill-qorti nazzjonali tivverifika jekk il-kriterji tal-Kapitolu III, kinux ġew applikati korrettament fil-każ tiegħu. L-effettività ta’ stħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teħtieġ evalwazzjoni tal-legalità tal-motivi li kienu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u jekk din itteħditx fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Il-mod li bih jitmexxa l-eżami dwar jekk il-kriterji tal-Kapitolu III kinux ġew applikati b’mod oġġettiv u ġust f’kull każ partikolari huwa rregolat minn regoli proċedurali nazzjonali. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ effettività, dawk ir-regoli jirregolaw ukoll l-intensità u r-riżultat tal-proċess ta’ appell jew ta’ reviżjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

92.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk l-applikant għall-ażil ma jkunx jista’ jinvoka l-kriterji tal-Kapitolu III, huwa jkun jista’ jippreżenta appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III fil-każijiet biss meta tkun kwistjoni ta’ ċirkustanzi tal-familja kif stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jew jekk hemmx motivi oħra sabiex isir hekk.

93.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-preferenza tiegħi għat-tielet għażla, ma jkunx jeħtiġilha tagħti risposta għat-tieni domanda. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax li ssegwi dan ir-raġunament iktar wiesa’, isegwi mid-diskussjoni tiegħi dwar it-tieni għażla li kienet issemmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 71 ) li jiena nqis li applikant għall-ażil jista’ jiftaħ proċeduri skont l‑Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III sabiex jikkontesta allegat ksur ta’ kwalunkwe dritt sostantiv jew proċedurali mogħti speċifikament minn dak ir-regolament. L‑eżempji proposti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri jinkludu l-garanziji għal minuri (Artikoli 6 u 8) u d-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (Artikoli 9 sa 11). Nisħaq li minħabba, skont l-approċċ tiegħi, ma hijiex meħtieġa risposta għad-tieni domanda, ma għamlitx eżami sħiħ u ddettaljat tar-Regolament Dublin III; lanqas ma ppruvajt nikkompila lista eżawrjenti ta’ drittijiet li l-ksur allegat tagħhom, skont it-tieni għażla, ikun jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 27(1).

94.

Isegwi mir-risposta tiegħi għat-tieni domanda li kunsiderazzjoni tat-tielet domanda ma hijiex meħtieġa. Inżid ngħid għas-saħħa tal-bon ordni li aktarx jidher li M. Ghezelbash ma kienx fittex li jibbaża ruħu, fil-proċeduri nazzjonali, fuq xi wieħed mid-drittijiet sostantivi jew proċedurali li nġabu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tieni għażla. Ix-xhieda ċirkustanzjali li huwa jfittex li jibbaża fuqha (li jiena ddiskutejt fil-punti 85 sa 90 iktar ’il fuq) jidhirli li hija rilevanti, għalhekk, esklużivament fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III.

Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi magħmula mir-Rechtbank Den Haag, sede ’s‑Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li applikant f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali jista’ jikkontesta, permezz ta’ appell jew ta’ reviżjoni, deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(1) u jitlob lill-qorti nazzjonali tivverifika jekk il-kriterji tal-Kapitolu III kinux ġew applikati korrettament fil-każ tiegħu. L-effettività ta’ stħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teħtieġ evalwazzjoni tal-legalità tal-motivi li kienu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ trasferiment u ta’ jekk kinitx ittieħdet fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Il-mod li bih jitmexxa l-eżami dwar jekk il-kriterji tal-Kapitolu III kinux ġew applikati oġġettivament u ġustament f’kull każ partikolari huwa rregolat minn regoli proċedurali nazzjonali. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ effettività, dawn ir-regoli jirregolaw ukoll l-intensità u r-riżultat tal-proċess tal-appell jew tar-reviżjoni.

Ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat tieni u għat-tielet domandi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, p. 31).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 4 ) L-atti rilevanti llum huma: (i) ir-Regolament Dublin III, li ssostitwixxa r-Regolament Dublin II; (ii) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200) – dan ir-regolament ġie parzjalment irrevokat bir-Regolament Dublin III u emendat sostanzjalment bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 (ĠU L 39, p. 1) (“ir-Regolament ta’ implementazzjoni”); u (iii) ir-“Regolament Eurodac” (Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013). Fil-konklużjoni tiegħi Karim, (fejn rilevanti) tajt id-dettalji meħtieġa minn dak ir-regolament.

( 5 ) Dawn l-atti jinkludu d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L 180, p. 60) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva dwar proċeduri”) u d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) (ĠU L 337, p. 9) (id-“Direttiva dwar il-kwalifika”). Dik id-direttiva ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 2004/86/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 6 ) Sentenza Abdullahi, C‑394/12, EU:C:2013:813, punti 6062.

( 7 ) ĠU 2010 C 83, p. 389 (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

( 8 ) Iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545, 1954), kif issupplimentata mill-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

( 9 ) Id-drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikolu 47 tal-Karta huma stabbiliti fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 10 ) Il-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Dublin”; ĠU 1997 C 254, p. 1) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1997. Qabel dik id-data, l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil kienu stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-Konvenzjoni li tapplika l-Ftehim ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), skont il-Protokoll iffirmat fis-26 ta’ April 1994.

( 11 ) Ir-Regolament Dublin II kien japplika fid-Danimarka mill-2006 bis-saħħa tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil iddepożitata fid-Danimarka jew f’xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u eurodac għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 75). Ma hemm ebda ftehim korrispondenti b’rabta mar-Regolament Dublin III u d-Danimarka ma hijiex marbuta b’dan ir-regolament. Konformement mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III.

( 12 ) Premessa 4.

( 13 ) Premessa 5.

( 14 ) Premessa 9.

( 15 ) Premessa 19.

( 16 ) Premessa 32.

( 17 ) Premessa 39.

( 18 ) Artikolu 5(2)(b).

( 19 ) Artikolu 5(3).

( 20 ) L-Artikolu 8(1). Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-aħjar interessi tal-wild [ara wkoll l-Artikolu 6(1)].

( 21 ) Artikoli 9, 10 u 11. Ara wkoll l-Artikolu 16 relatat mad-diskrezzjoni tal-Istati Membri dwar jekk jaċċettawx responsabbiltà għal applikanti għall-ażil li jkunu jiddependu minn membri oħra tal-familja.

( 22 ) ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

( 23 ) Meta Stat Membru jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni skont l-Artikolu 17(1), huwa mbagħad isir l-Istat Membru responsabbli. Din id-dispożizzjoni hija magħrufa fil-qosor bħala l-“klawżola tas-sovranità”.

( 24 ) Artikolu 18(1)(b).

( 25 ) Artikolu 18(1)(c).

( 26 ) Artikolu 18(1)(d). Artikolu 18(1)(b) sa (d) għandhom jinqraw flimkien mal-Artikoli 23, 24, 25 u 29.

( 27 ) Artikolu 18(2).

( 28 ) Artikolu 20(1).

( 29 ) Artikolu 21(1).

( 30 ) Artikolu 22(1).

( 31 ) Artikolu 22(2).

( 32 ) Artikolu 22(3).

( 33 ) It-test Franċiż tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Dublin III jgħid: “Lorsque l’État membre requis accepte la prise en charge ou la reprise en charge d’un demandeur ou d’une autre personne visée à l’article 18, punt e 1, punt c) ou d). l’État membre requérant notifie à la personne concernée la décision de le transférer vers l’État membre responsable et, le cas échéant, la décision de ne pas examiner sa demande de protection internationale. […]” Jidhirli li dan juri b’mod iktar ċar mit-test Ingliż li Stat Membru jista’ jgħaqqad, f’deċiżjoni waħda, id-deċiżjoni ta’ trasferiment innifisha u d-deċiżjoni (parallela) li ma jsirx eżami tat-talba tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.

( 34 ) Artikolu 27(3)(a) u (b).

( 35 ) Artikolu 27(5) u (6) rispettivament.

( 36 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2004, li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, 30.5.2006, p 60), b’mod partikolari l- Artikolu 1.

( 37 ) Fuljett miġjub mill-Pajjiżi l-Baxxi jindika li l-awtorità nazzjonali kompetenti normalment tevalwa jekk applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għal permess ta’ residenza ta’ ażil skont “il-Proċedura Ġenerali għal Ażil”. Madankollu, jekk l-awtoritajiet kompetenti jkun jeħtiġilhom iktar żmien sabiex jinvestigaw l-applikazzjoni, tkun tista’ tintuża l-“Proċedura għal Ażil Estiża”.

( 38 ) Neżamina dik id-dispożizzjoni fil-konklużjonijiet tiegħi f’Karim.

( 39 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel kontroriferiment fit-tielet domanda tagħha għall-punt 12 fid-digriet tar-rinviju tagħha.

( 40 ) Sentenza NS, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 7879.

( 41 ) Artikoli 1 u 3.

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Puid, C‑4/11, EU:C:2013:740, punti 27 sa 29.

( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenza Puid, C‑4/11, EU:C:2013:740, punti 32 sa 34.

( 44 ) Artikolu 7(3). Ara wkoll l-Artikolu 8 dwar minorenni u l-Artikoli 9 sa 11 b’rabta ma’ membri tal-familja.

( 45 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2).

( 46 ) Artikolu 17(2).

( 47 ) Il-każ ta’ M. Ghezelbash huwa li, dak iż-żmien, ma kienx jeħtieġlu jitlob ażil: ara l-punti 28 u 29 iktar ’il fuq. Huwa għall-awtorità nazzjonali kompetenti li tistabbilixxi jekk il-każ ta’ M. Ghezelbash huwiex sostnut biżżejjed mill-provi, bla ħsara għal reviżjoni mill-qorti nazzjonali li hija biss tagħti deċiżjoni dwar fatti.

( 48 ) Minbarra dan għal “persuna oħra” kif identifikata fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III. Tali persuni jinkludu żewġ kategoriji: (i) ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkunu rtiraw l-applikazzjoni tagħhom u jkunu applikaw fi Stat Membru ieħor jew li jkunu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza [Artikolu 18(1)(c)], u (ii) ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet miċħuda u li jkunu applikaw fi Stat Membru ieħor jew li jkunu fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza [Artikolu 18(1)(d)].

( 49 ) L-Artikolu 3(2) jikkodifika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’NS, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94. Minħabba li r-Regolament Dublin III (adottat fis-26 ta’ Ġunju 2013) kien ippreċeda bi kważi sitt xhur qabel is-sentenza Abdullahi tal-Qorti tal-Ġustizzja (tal-10 ta’ Diċembru 2013), ir-Regolament Dublin III ma jistax jitqies li kien inkorpora jew ikkodifika din tal-aħħar.

( 50 ) Id-dritt għall-informazzjoni (Artikolu 4), id-dritt għall-intervista personali (Artikolu 5) u d-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (Artikoli 9 sa 11) kienu ssemmew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala eżempji ta’ tali drittijiet. Matul is-smigħ l-avukat ta’ M. Ghezelbash ikkonferma li l-applikant ma kienx allega ksur ta’ wieħed minn dawn id-drittijiet quddiem il-qorti nazzjonali.

( 51 ) Sentenza Petrosian et, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 34.

( 52 ) Premessi 4 u 5 rispettivament.

( 53 ) Ara l-premessa 9.

( 54 ) Ara l-punti 48 sa 53 iktar ’il fuq.

( 55 ) Pereżempju, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 37.

( 56 ) Ara d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu u ta’ teħid lura ta’ applikant għall-ażil.

( 57 ) Sentenza Petrosian et, C‑19/08, EU:C:2009:41, punt 48.

( 58 ) Ara l-Artikolu 12(5).

( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenza van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 13, li kienet tikkonċerna l-viġilanza ta’ individwi li jipproteġu d-drittijiet tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni. Ara s-sentenza sussegwenti Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, li tikkonċerna l-istat tad-dritt.

( 60 ) Ara, pereżempju, Morgades Gil, S., “The discretion of States in the Dublin III system for determining responsibility for examining applications for asylum: What remains of the sovereignty and humanitarian clauses after the interpretations of the ECtHR and CJEU?”, International Journal of Refugee Law, 2015, p. 433.

( 61 ) Ara, pereżempju, Eur. Court H. R., Tarakhel vs L-Isvizzera [GC], Nru 29217/12, QEDB 2014 (estratti).

( 62 ) Sentenza NS, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 8199100.

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi K, C‑245/11, EU:C:2012:685, u MA et, C‑648/11, EU:C:2013:367; ara wkoll is-sentenza Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594.

( 64 ) Ara s-sentenza M.M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 81.

( 65 ) Ara s-sentenza M.M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 82, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tagħmel riferiment għad-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta.

( 66 ) Ara s-sentenza M.M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 85.

( 67 ) Ara Eur. Court H. R., Mohammed vs L‑Awstrija, Nru 2283/12, sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, punti 69 u 70.

( 68 ) Ara l-punti 31 u 32 iktar ’il fuq.

( 69 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119.

( 70 ) Ara b’analoġija s-sentenza Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 60.

( 71 ) Ara l-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq.

Top