This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0019
Opinion of Advocate General Saugmandsgaard Øe delivered on 18 February 2016.#Verband Sozialer Wettbewerb eV v Innova Vital GmbH.#Request for a preliminary ruling from the Landgericht München I.#Reference for a preliminary ruling — Consumer protection — Regulation (EC) No 1924/2006 — Nutrition and health claims made on foods — Article 1(2) — Scope — Foods to be delivered as such to the final consumer — Claims made in a commercial communication addressed exclusively to health professionals.#Case C-19/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016.
Verband Sozialer Wettbewerb eV vs Innova Vital GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Artikolu 1(2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Ikel intiż li jitwassal bħala tali lill-konsumatur finali — Indikazzjonijiet magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.
Kawża C-19/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016.
Verband Sozialer Wettbewerb eV vs Innova Vital GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Artikolu 1(2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Ikel intiż li jitwassal bħala tali lill-konsumatur finali — Indikazzjonijiet magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.
Kawża C-19/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:103
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit-18 ta’ Frar 2016 ( 1 )
Kawża C‑19/15
Verband Sozialer Wettbewerb eV
vs
Innova Vital GmbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Artikolu 1(2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel intiżi sabiex jitwasslu bħala tali lill‑konsumatur finali — Indikazzjonijiet f’komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati esklużivament lil professjonisti”
I – Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel ( 2 ). |
2. |
Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn l-assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi kummerċjali tal-membri tagħha kontra kumpannija li tbigħ suppliment tal-ikel, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet f’ittra pubbliċitarja li din tal-aħħar bagħtet biss lit-tobba. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, għall-ewwel darba, tiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal‑imsemmi regolament japplikawx meta indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel li għandhom jitwasslu bħala tali lil konsumaturi jingħataw f’komunikazzjonijiet kummerċjali li huma indirizzati, mhux direttament lil dawn tal-aħħar, iżda esklużivament lil professjonisti. |
II – Il-kuntest ġuridiku
3. |
Skont il-premessi 1, 4, 9, 16, 23 u 29 tar-Regolament Nru 1924/2006:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4. |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “1. Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. 2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari. […]” |
5. |
L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 jagħmel riferiment, għall‑finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, għad-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “ikel” u ta’ “konsumatur finali” li jinsabu fl-Artikoli 2 u 3(18) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 ( 3 ). Il-paragrafu 2(1), (4) u (5) ta’ dan l-istess artikolu jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem bi “stqarrija [indikazzjoni]”, bi “stqarrija [indikazzjoni] dwar vantaġġ nutrittiv” u bi “stqarrija [indikazzjoni] dwar vantaġġ għas-saħħa” fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006. |
6. |
Il-Kapitolu II, li jinkludi l-Artikoli 3 sa 7 tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabilixxi l-prinċipji ġenerali dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. |
7. |
L-Artikolu 3, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-istqarrijiet [indikazzjonijiet] kollha” jistabilixxi li “[s]tqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel mqiegħed fis‑suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament”. Huwa jżid li, “[m]ingħajr preġudizzju għad‑Direttivi 2000/13/KE [ ( 4 )] u 84/450/KEE [ ( 5 )], l-użu ta’ stqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandux [b’mod partikolari] ikun falz, ambigwu jew qarrieqi”. |
8. |
L-Artikolu 5(1) u (2) intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali”, jippreċiża li l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar nutrizzjoni u saħħa għandu jkun permess biss jekk ikunu ssodisfatti l-kondizzjonijiet elenkati f’dan l‑artikolu u “jekk il-konsumatur medju jista’ jkun mistenni li jifhem l‑effetti ta’ benefiċċju kif espressi fl-istqarrija [indikazzjoni]”. |
9. |
Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1924/2006, li jinkludi l‑Artikoli 8 u 9, jipprevedi kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta’ indikazzjonijiet nutrittivi. |
10. |
Il-Kapitolu IV tal-istess regolament, li jinkludi l-Artikoli 10 sa 19, jinkludi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa. |
11. |
Skont l-Artikolu 10(1) u (2) intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi”: “1. Stqarrijiet [Indikazzjonijiet] dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l‑ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir‑Regolament u inklużi fil-listi ta’ stqarrijiet awtorizzati previsti fl‑Artikoli 13 u 14. 2. Stqarrijiet dwar vantaġġ għas-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk l-informazzjoni [prevista f’dan il-paragrafu] tkun inkluża fuq it-tikketta jew […] fil‑preżentazzjoni u r-reklamar”. |
12. |
L-Artikolu 13 jippermetti li l-indikazzjonijiet dwar saħħa li huwa jidentifika jintużaw “mingħajr ma jgħaddu mill-proċedura [ta’ awtorizzazzjoni] stabbilita fl-Artikoli 15 sa 19” bil-kundizzjoni li jinsabu “fil-lista prevista fil-paragrafu 3” ta’ dan l-artikolu, li huma “bbażati fuq data xjentifika aċċettata b’mod ġenerali” u li huma “miftiehma sew mill-konsumatur medju”. |
13. |
L-Artikolu 14 jippermetti l-użu ta’ “stqarrijiet [indikazzjonijiet] għal tnaqqis fir‑riskju ta’ mard” u ta’ “stqarrijiet [indikazzjonijiet] marbuta mal-iżvilupp u s-saħħa tat‑tfal” jekk “[i]kunu awtorizzati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 15, 16, 17 u 19” ta’ dan ir-regolament. |
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14. |
Il-Verband Sozialer Wettbewerb e.V. (iktar ’il quddiem il‑“Verband Sozialer Wettbewerb”) hija assoċjazzjoni Ġermaniża li, skont l-istatut tagħha għandha l-missjoni li tiddefendi l-interessi kummerċjali tal-membri tagħha, li jimplika b’mod partikolari li tiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni leali. |
15. |
Innova Vital GmbH (iktar ’il quddiem “Innova Vital”), kumpannija Ġermaniża li d-direttur tagħha huwa tabib, tikkummerċjalizza emulsjoni li tinkludi l-vitamina D3 u li tiġi amministrata taħt il-forma ta’ taqtir, imsejħa “Innova Mulsin® Vitamin D3”. |
16. |
Fix-xahar ta’ Novembru 2013, id-direttur ta’ Innova Vital bagħat, esklużivament lil tobba magħżula b’isimhom, ittra li tgħid li dan s-suppliment tal-ikel jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ mard ikkawżat minn livell insuffiċjenti ta’ vitamina D, u li kienet ifformulata kif ġej: “Intom tafu bis-sitwazzjoni: 87 % tat-tfal fil-Ġermanja għandhom kontenut ta’ vitamina D fid-demm ta’ inqas minn 30 ng/ml. Skont il‑Kumpannija ġermaniża ta’ nutrizzjoni [Deutsche Gesellschaft für Ernährung, DGE], dan il-valur għandu pjuttost ikun bejn 50 u 75 ng/ml. Kif diġà wrew diversi studji, il-vitamina D għandha rwol sinjifikattiv fil‑prevenzjoni ta’ ħafna mard bħad-dermatite atopika, l-osteoporosi, id‑dijabete u s-SEP [sklerosi multipla]. Skont dawn l-istudji, livell baxx ħafna ta’ vitamina D fit-tfal huwa parzjalment responsabbli għall-fatt li dawn il‑pataloġiji jidhru iktar ’il quddiem. […] Bħala tabib speċjalizzat fl-immunoloġija, irriflettejt fuq din il-kwistjoni u żviluppajt emulsjoni ta’ vitamina D3 (Innova Mulsin® D3), li tista’ tkun amministrata fil-forma ta’ taqtir. […] Vantaġġi tal-emulsjonijiet Mulsin®: […]
[…] Tistgħu tiksbu r-rekwiżiti għal ordni diretta kif ukoll għal materjal ta’ informazzjoni b’xejn għal klinika tagħkom fuq in-numru [...]” ( 6 ). |
17. |
Din l-ittra tinkludi wkoll preżentazzjoni ta’ immaġini tal-prodott ikkonċernat, informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tiegħu, il-prezz tal‑bejgħ tiegħu kif ukoll l-ispiża ta’ kuljum għat-trattament skont id-doża rrakkomandata ta’ qatra kuljum jew skont il-preskrizzjoni tat‑tabib. Hija tippreċiża li “bi prezz ta’ EUR 26.75 il-pazjenti tagħkom jinvestu EUR 0.11 kuljum għat-teħid ibbilanċjat tal-vitamina D3”. |
18. |
Il-Verband Sozialer Wettbewerb ressqet quddiem il-qorti tar‑rinviju kawża għall-waqfien kontra Innova Vital, b’applikazzjoni tal-liġi Ġermaniża kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb) ( 7 ). Hija bbażat din il-kawża fuq ksur tar‑Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tnejn mill-indikazzjonijiet fuq imsemmija ( 8 ). |
19. |
Insostenn tat-talba tagħha, il-Verband Sozialer Wettbewerb issostni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 japplikaw għar-reklamar indirizzat lill-professjonisti kif ukoll lil dawk mhux professjonisti. Prinċipalment, hija targumenta li l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, jipprekludi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa ħlief jekk, li ma huwiex il-każ tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, tali indikazzjonijiet ikunu ġew awtorizzati skont dan ir-regolament u jinsabu fil-lista ta’ indikazzjonijiet awtorizzati prevista fl-Artikolu 13 tiegħu. Hija żżid li s-suppliment tal‑ikel inkwistjoni, fid-dawl tal-kompożizzjoni u tal-effiċjenza tiegħu, ma huwiex konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl‑Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament. Sussidjarjament, hija tinvoka ksur tal-Artikolu 10(2) ta’ dan l-istess regolament, għar-raġuni li l‑ispeċifikazzjonijiet obbligatorji li din id-dispożizzjoni tipprovdi ma jinstabux fir-reklamar ikkontestat. |
20. |
Innova Vital tallega, għall-kuntrarju, li l-Artikoli 5 u 10 tar‑Regolament Nru 1924/2006 ma japplikawx għad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-ittra inkwistjoni, peress li dawn huma indirizzati biss lil tobba u li dan ir-regolament ma jistax japplika għar-reklamar intiż għall‑professjonisti. |
21. |
F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2015, il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l‑proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw ukoll għall-istqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar nutrizzjoni u saħħa redatti f’komunikazzjonijiet kummerċjali fir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur finali meta din il-komunikazzjoni kummerċjali jew dan ir-reklamar ikun indirizzat esklużivament lil professjonisti fil-qasam tas-saħħa?” |
22. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Innova Vital, mill-Gvern Elleniku u mill-Gvern Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali. |
IV – Analiżi
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
23. |
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li ċertu numru ta’ mistoqsijiet, li jirrigwardaw il‑kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tar-Regolament Nru 1924/2006, għandhom jiġu eżaminati preliminarjament, jiġifieri qabel ma tkun tista’ tingħata risposta għad-domanda preliminari. |
24. |
Qabel xejn nenfasizza li skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit li skont il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stabbiliti mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, minn naħa, il-prodott ikkonċernat mill-ittra inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi ikel li għandu jitwassal f’dan l-istat lill-konsumatur finali, u, min-naħa l-oħra, il-komunikazzjoni mwettqa minn Innova Vital kellha għan pubbliċitarju għal din tal-aħħar. |
1. Fuq il-klassifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet ikkontestati fir‑rigward tar-Regolament Nru 1924/2006
25. |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-ittra li hija s-suġġett tal-azzjoni tagħha tinkludi “[s]tqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ għas-saħħa” ipprojbiti mir-Regolament Nru 1924/2006. Il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I) ma tikkontestax din il‑klassifikazzjoni, iżda madankollu tosserva li d-domanda preliminari tagħha tirrigwarda kemm l-indikazzjonijiet “dwar vantaġġ nutrittiv” kif ukoll l‑indikazzjonijiet “dwar vantaġġ għas-saħħa” previsti minn dan ir-regolament. |
26. |
Il-Gvern Franċiż jistaqsi dwar l-adegwatezza ta’ din il‑preżunzjoni. Fl-opinjoni tiegħu, id-dikjarazzjonijiet ikkontestati la jikkostitwixxu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u lanqas indikazzjonijiet dwar is‑saħħa kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dawn id‑dikjarazzjonijiet jaqgħu pjuttost fil-kategorija ta’ informazzjoni dwar l-ikel li tattribwixxilu kwalitajiet ta’ prevenzjoni, ta’ trattament jew ta’ kura ta’ marda tal-bniedem li l-użu tagħha huwa, bħala prinċipju, ipprojbit mill-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 116/2011/UE ( 9 ). Madankollu, huwa jqis li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula ( 10 ), għar-raġuni li l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 f’dan il‑każ ma hijiex manifesta għaliex hija suġġetta għall-klassifikazzjoni legali tad-dikjarazzjonijiet ikkontestati. |
27. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa u tikklassifika l-fatti tal-kawża prinċipali, u li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni skont l‑interpretazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ). Din ir-regola diġà ġiet implementata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir‑rigward, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 ( 12 ). Madankollu, nippreċiża li bħall-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li din id-domanda preliminari hija nieqsa min-natura ipotetika peress li, fid-dawl tal-informazzjoni tal-kawża fuq imsemmija, jidhirli li d-dikjarazzjonijiet ikkontestati donnhom jaqgħu effettivament taħt il‑kunċett ta’ “[s]tqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ għas-saħħa” fis-sens ta’ dan ir-regolament, kif interpretat fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett ( 13 ). |
2. Fuq l-artikulazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 mad‑Direttiva 2000/13
28. |
Il-Kummissjoni tqis li hemm lok li jiġi mistoqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali, l-użu tal‑indikazzjonijiet ikkontestati huwiex diġà pprojbit mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13, moqri flimkien mal-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li jgħid li l-informazzjoni dwar l‑ikel, kontenuti b’mod partikolari fir-reklamar, ma għandhiex tattribwixxilu kwalitajiet ta’ prevenzjoni ta’ marda tal-bniedem ( 14 ). |
29. |
L-istess japplika, essenzjalment, għall-Gvern Franċiż, peress li jargumenta li l-indikazzjonijiet ta’ din in-natura jistgħu jaqgħu taħt dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk fuq imsemmija tad‑Direttiva 2000/13 li jissemmew fl-Artikolu 7(3) u (4) tar‑Regolament Nru 1169/2011. Peress li dan ir-regolament ħassar id‑Direttiva 2000/13 b’effett mit-13 ta’ Diċembru 2014 ( 15 ), u għalhekk wara l-fatti tal-kawża prinċipali ( 16 ), madankollu ma huwiex applikabbli ratione temporis għal dan il-każ. |
30. |
Hemm lok li jitfakkar li d-Direttiva 2000/13, li tirrigwarda b’mod partikolari r-reklamar magħmul fir-rigward tal-ikel, tista’ tiġi applikata b’mod parallel għar-Regolament Nru 1924/2006, u mhux għad-detriment tiegħu. Fil-fatt, skont il-premessa 2 ta’ dan ir‑regolament, dan huwa intiż li jissupplimenta l-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 2000/13 ( 17 ) u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel li jitwasslu bħala tali lill-konsumatur. It-tieni paragrafu tal‑Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżerva l‑applikazzjoni tad-Direttiva 2000/13, bħala regola ġenerali, ħlief għall‑eċċezzjonijiet imsemmija f’dan ir-regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 14(1) ta’ dan tal-aħħar jippermetti espressament deroga mill‑Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-użu ta’ żewġ tipi preċiżi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, jiġifieri dawk dwar it-tnaqqis fir‑riskju ta’ mard u dawk marbuta mal-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal, bil‑kundizzjoni li tali indikazzjonijiet ikunu awtorizzati skont il‑kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-imsemmi regolament. |
31. |
Kif tinnota l-Kummissjoni stess, il-fatt li d-Direttiva 2000/13 tista’ eventwalment tkopri tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma huwa inkompatibbli mal-eżami ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li r-Regolament Nru 1924/2006 huwa applikabbli wkoll b’mod kumplimentarju fir-rigward ta’ din id-direttiva, u mhux b’mod alternattiv. Barra minn hekk, l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-kawża prinċipali hija prevista b’mod ċar mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li tista’ tevalwa r-rilevanza u l‑utilità tad-domanda li hija tagħmel sabiex tiddeċiedi t-tilwima li għandha quddiemha ( 18 ). |
B – Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 fir-rigward tal-komunikazzjonijiet kummerċjali mibgħuta esklużivament lil professjonisti
32. |
Id-domanda magħmula f’din il-kawża tirrigwarda l-eventwali applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 f’każ ta’ indikazzjonijiet dwar in‑nutrizzjoni u s-saħħa li jinsabu f’komunikazzjonijiet kummerċjali dwar l-ikel intiż għall-konsumaturi finali fil-każ fejn tali komunikazzjonijiet ikunu indirizzati, mhux lil dawn tal-aħħar, iżda esklużivament lil professjonisti, li f’dan il-każ huma professjonisti tas‑saħħa ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma kellha quddiemha talba għall-interpretazzjoni ta’ din in-natura, li l-effetti prattiċi tagħha huma madankollu notevoli ( 20 ). |
33. |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali jiddefendu pożizzjonijiet opposti għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ta’ dan ir-regolament f’tali ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju tindika li d-domanda magħmula hija wkoll deċiża b’mod diverġenti fil-letteratura legali Ġermaniża, billi esponiet b’mod iddettaljat it-termini ta’ dan id-dibattitu dottrinali. |
34. |
Skont l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, Innova Vital biss tallega li l-komunikazzjonijiet kummerċjali mibgħuta biss lil professjonisti ma humiex irregolati mid‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006. Min-naħa l‑oħra, kemm il-Gvern Elleniku u dak ta’ Franza kif ukoll il‑Kummissjoni jqisu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament jinkludi dan il-każ. Jiena naqbel ma din l-aħħar opinjoni. |
35. |
Hemm diversi kunsiderazzjonijiet, favur interpretazzjoni mhux biss litterali iżda wkoll teleoloġika u kuntestwali, li jsostnu risposta affermattiva li jiena qed nipproponi li għandha tingħata lid-domanda preliminari. |
1. Fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar‑Regolament Nru 1924/2006
36. |
Innova Vital tinvoka l-premessi 1, 8 sa 10, 15 u 28 kif ukoll l‑Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 sabiex issostni li dan l‑istrument ma jistax japplika għar-reklamar intiż għal pubbliku ta’ professjonisti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jenfasizzaw lill‑konsumatur u mkien ma jsemmu l-professjonisti. |
37. |
Huwa minnu li dan ir-regolament jinkludi diversi riferimenti għall-konsumaturi, filwaqt li jiġi osservat b’mod partikolari li l‑perċezzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jista’ jkollu “konsumatur medju” tintuża diversi drabi bħala punt ta’ riferiment ( 21 ). |
38. |
Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) u tad‑dispożizzjonijiet l-oħra kollha tar-Regolament Nru 1924/2006, xejn ma jippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi eskluż li dan jirregola kemm il‑komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati b’mod dirett lill‑konsumaturi kif ukoll dawk li ċertament huma indirizzati b’mod esklużiv lill-professjonisti iżda li fil-fatt huma intiżi li jilħqu b’mod indirett lill‑konsumaturi li jistgħu jixtru l-ikel ikkonċernat. |
39. |
Fil-fatt, il-leġiżlatur ma jistabbilixxi ebda distinzjoni skont il‑kwalità tad-destinatarju tal-komunikazzjonijiet li jinkludu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa previsti mill-imsemmi regolament. L‑uniċi rekwiżiti li jinsabu f’dan tal-aħħar jirrigwardaw l-għan u n‑natura ta’ dawn il-komunikazzjonijiet. Dawn għandhom, minn naħa, jirrigwardaw l-ikel intiż li jiġi pprovdut lill-konsumatur finali ( 22 ), u min-naħa l-oħra jkollhom “natura kummerċjali” billi jieħdu l-forma jew ta’ ttikkettjar jew ta’ preżentazzjoni ta’ dan l-ikel, jew inkella – bħal fil-kawża prinċipali – ta’ reklamar magħmul fir-rigward tagħhom ( 23 ). Huwa għalhekk il-prodott fih innifsu li għandu neċessarjament ikun intiż għall-konsumaturi, u mhux il-komunikazzjoni li huwa s-suġġett tagħha ( 24 ). |
40. |
Il-kriterju ta’ natura kummerċjali jikkostitwixxi fl-opinjoni tiegħi, kif ukoll skont il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, element sinjifikattiv sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula f’din il‑kawża ( 25 ). F’dan ir‑rigward, il-premessa 4 tal-imsemmi regolament tistabbilixxi demarkazzjoni netta bejn il-komunikazzjonijiet kummerċjali, li għalihom japplika dan l-istrument, u l-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, li ma jaqgħux taħtu, filwaqt li tindika li dawn tal-ewwel huma intiża għall-finijiet ta’ “reklamar” jew “promozzjoni” ( 26 ). |
41. |
Għalkemm ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jinkludix definizzjoni espliċita ta’ dan il-kriterju, minn atti oħra tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta, kif tindika l-Kummissjoni, li n-natura kummerċjali tirreferi ġeneralment għal komunikazzjoni li għandha l-għan li tiżgura l‑promozzjoni ekonomika ta’ prodotti jew ta’ servizzi, b’mod “dirett” ( 27 ) jew anki “indirettament” ( 28 ), u tinfluwenza għalhekk id-deċiżjonijiet tax‑xerrejja potenzjali. Nenfasizza li approċċ simili kien segwit, fuq livell internazzjonali, fil-“Linji Gwida għall-Użu ta’ Indikazzjonijiet dwar vantaġġ nutrittiv u s-saħħa” adottati mill-Codex Alimentarius ( 29 ), li għalihom tagħmel riferiment espress il-premessa 7 ta’ dan ir‑regolament ( 30 ). |
42. |
Il-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 ma tillimitax il‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-komunikazzjonijiet li d-destinatarji tagħhom huma direttament il-konsumaturi finali għaliex in-natura kummerċjali tagħhom ma tiddependix neċessarjament minn tali konfigurazzjoni. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik ikkunsidrata mill-qorti tar-rinviju, anki jekk il-konsumaturi ma jirċievux huma stess il‑komunikazzjoni li tinkludi indikazzjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-regolament, fir-realtà l-konsumaturi huma l-persuni indirettament ikkonċernati minn dan il-proċess kummerċjali, peress li l-ikel li huwa s-suġġett tagħhom ipotetikament intiż li jinbiegħ lilhom, u mhux lill-professjonisti li rċevew l-ittra pubbliċitarja ( 31 ). F’dak il-każ, dawn tal-aħħar jikkostitwixxu fil-fatt sempliċi intermedjarji, li huma kkuntattjati minn impriża tas‑settur tal-ikel preċiżament għaliex jistgħu jiffaċilitaw il-promozzjoni tal-prodott li hija tbiegħ billi jiżguraw it-trasmissjoni tal-informazzjoni kummerċjali li tirrigwardah lix-xerrejja potenzjali, jew saħansitra billi jirrakkomandawlhom li jixtruh. |
43. |
Issa, il-professjonisti huma b’mod ġenerali f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza notevoli fuq il-konsumaturi li jirrikorru għandhom, u dan iktar u iktar fir-rigward ta’ professjonisti tas-saħħa, li f’għajnen il-pazjenti għandhom kredibbiltà qawwija u li lilhom jagħtu fiduċja kbira. L-għan innifsu ta’ ittra pubbliċitarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li t-tobba li rċevewha jagħtu l-parir lill-pazjenti tagħhom li jikkonsmaw il-prodott ikkonċernat. Madankollu ma huwiex iggarantit li, qabel ma jkollhom eventwalment dan ir-rwol ta’ inkoraġġiment, il-professjonisti kollha kkonċernati ser ikunu f’pożizzjoni li jivverifikaw l-indikazzjonijiet kontenuti f’din il-komunikazzjoni kummerċjali u jkunu jafu kif ma jagħtux kashom jekk ikun neċessarju ( 32 ). |
44. |
Fl-opinjoni tiegħi, sabiex ir-Regolament Nru 1924/2006 ikun jista’ japplika, huwa irrilevanti jekk il-professjonisti jgħaddux lill‑konsumaturi d-dokument li huma rċevew bħala tali jew inkella fl-essenza tiegħu biss, peress li fl-opinjoni tiegħi l-essenzjal huwa li l‑indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jinsabu f’dan id-dokument, li huma koperti mill-imsemmi regolament, ikollhom l-għan li jaslu għall-konoxxenza tal-konsumaturi finali, anki indirettament, bħal ma huwa l-każ f’dan il-każ ( 33 ). |
2. Fuq l-iskopijiet tar-Regolament Nru 1924/2006
45. |
L-interpretazzjoni li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tapplika fid-dawl tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1924/2006 hija kkonfermata fid-dawl tal‑għanijiet tiegħu. |
46. |
Huwa stabbilit li dan ir-regolament għandu l-għan doppju li “ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern”, li jirrikjedi b’mod partikolari li “jinħolqu kondizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni” fir-rigward tal‑valur tal-prodotti, kif ukoll li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi” ( 34 ), prinċipalment billi jippermettilhom jagħmlu għażliet tal-ikel b’mod ċar grazzi għal informazzjoni oġġettiva u bbażata fuq provi ( 35 ). |
47. |
Għal dan il-għan, huwa jawtorizza l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in‑nutrizzjoni u s-saħħa f’komunikazzjonijiet kummerċjali, peress li tali informazzjoni tista’ tintuża mill-konsumaturi taħt il-kundizzjoni li din tkun ċara u veritiera ( 36 ), iżda huwa jinkwadra strettament dan l-użu. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, l-użu tagħhom huwa suġġett għal restrizzjonijiet speċifiċi u l-imsemmi regolament jippermetti biss l-użu tagħhom wara evalwazzjoni xjentifika, indipendenti u armonizzata, li titwettaq mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-ikel (iktar ’il quddiem l-“EFSA”), u wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni Komunitarja mill-Kummissjoni ( 37 ). |
48. |
Tali għanijiet u prinċipji jimplikaw perċezzjoni suffiċjentement wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 li tippermetti li t-twettiq u l-osservanza tagħhom ma jkunux kompromessi, skont l-approċċ li sa issa nżamm mill-Qorti tal-Ġustizzja meta kellha quddiemha tentattivi tal-operaturi tal-industrija tal-ikel sabiex jillimitaw il-portata sostantiva ta’ dan ir-regolament ( 38 ). F’dan il‑każ, fl-assenza ta’ indikazzjoni speċifika li l-konsumaturi huma l-uniċi destinatarji potenzjali, fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi kkunsidrat li l‑imsemmi regolament japplika wkoll għall-komunikazzjoni kummerċjali bħal dik fil-kawża prinċipali, indirizzata esklużivament lill-professjonisti, li tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti minn dan l-istrument. |
49. |
Il-professjonisti huma ċertament, bħala prinċipju ( 39 ), iktar informati u iktar avżati mill-konsumatur medju. Madankollu, fil-prattika, kemm il-filtrazzjoni li huma x’aktarx iwettqu kif ukoll id-difiża li jistgħu jikkostitwixxu għalhekk għall-konsumaturi fihom il-limiti tagħhom, għaliex ma jistax jiġi eskluż li huma stess jiġu mqarrqa minn indikazzjonijiet ineżatti, qarrieqa, jew anki inveritieri. Fil-fatt, kif isostni l-Gvern Elleniku, huma materjalment impossibbli li dawn ikunu jafu b’mod permanenti bl‑informazzjoni speċjalizzata u attwalizzata kollha li hija neċessarja sabiex jevalwaw kull ikel u kull tip ta’ indikazzjoni marbuta miegħu. |
50. |
Bi qbil mal-Gvern Franċiż, inqis li jekk jiġi ammess li d‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 ma japplikawx għall‑indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa meta dawn jinsabu f’komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati lill-professjonisti, il‑konsegwenzi konkreti jistgħu, paradossalment, ikunu ferm iktar gravi u ta’ preġudizzju għall-konsumatur minn meta r-reklamar ikun indirizzat lilu direttament. Fil-fatt, ġeneralment dan joqgħod fuq il-parir mogħti mill-professjonisti li jirrakkomandaw, f’bona fide, il-prodott ikkonċernat, u dan probabbilment jaġixxi b’inqas riflessjoni u eżitazzjoni milli kieku joqgħod fuq l-evalwazzjoni tiegħu nnifsu bħala persuna normali. Fil-każ previst mid-domanda preliminari, il-protezzjoni tal‑konsumaturi fir-rigward ta’ indikazzjonijiet li huma ineżatti hija għalhekk ukoll neċessarja, jekk mhux iktar, milli fil-każ fejn huma stess jirċievu r‑reklamar u jagħmlu waħedhom l-għażla tal-ikel tagħhom. |
51. |
Barra minn hekk, il-fatt li din il-kategorija ta’ komunikazzjonijiet tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament iwassal li dan jitlef parti mill‑effettività tiegħu, b’mod partikolari għaliex l-assenza ta’ evalwazzjoni magħmula minn qabel mill-EFSA jippermetti l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux ibbażati fuq provi xjentifiċi. Fil-prattika, għall-impriżi tas-settur tal-ikel, l-għażla li jxandru l-indikazzjonijiet tagħhom lill‑konsumaturi billi jużaw lill-professjonisti tista’ tikkostitwixxi mezz faċli sabiex jevitaw ir-rekwiżiti stretti tar-Regolament Nru 1924/2006. Fi kwalunkwe każ, tali interpretazzjoni jista’ jkollha l-konsegwenza li tirriskja tibdil tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tnaqqas il‑livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huma madankollu previsti minn dan ir-regolament. |
52. |
L-interpretazzjoni teleoloġika li jiena nipproponi ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tiġi kkontestata b’mod validu mill-argumenti ppreżentati kontra dan l-approċċ minn Innova Vital, li huwa bbażat fuq it‑teżijiet sostnuti minn parti mid-dottrina Ġermaniża skont l‑indikazzjonijiet mogħtija fl-osservazzjonijiet tagħha kif ukoll fid‑deċiżjoni tar-rinviju. |
53. |
Fl-ewwel lok, Innova Vital tibbaża argument fuq nuqqas ta’ qbil bejn is-sistema vinkolanti prevista mir-Regolament Nru 1924/2006 u l-konoxxenzi li għandhom l-esperti li huma l-professjonisti. Hija targumenta, essenzjalment, li jekk il-komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati lil dawn jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-użu ta’ terminoloġija teknika jew xjentifika fl-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jkun ipprojbit, skont l‑Artikolu 5(2) tiegħu ( 40 ), għaliex dawn it-termini ma jistgħux jinftehmu minn “konsumatur medju”, filwaqt li huma magħrufa mill-ispeċjalisti destinatarji tar-reklam. |
54. |
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dan l-argument huwa ineffettiv għaliex f’ċirkustanzi bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, l-ittra pubbliċitarja ma għandiex l-għan li titwassal bħala tali lill‑konsumatur, iżda li tintbagħat lill-professjonisti li huma mistiedna b’mod impliċitu li jispjegawlu l-aspetti tal-prodott ikkonċernat li jistgħu ikunu ta’ interess għalih ( 41 ). Il-fatt li l-indikazzjonijiet li jinsabu fil‑komunikazzjoni kummerċjali jinftehmu tajjeb, kif meħtieġ mill‑imsemmi Artikolu 5(2), qed iseħħ f’dan il-każ permezz tal‑professjonisti, li huma responsabbli milli jgħaddu informazzjoni lill‑persuni normali billi jirriformulawhom jekk ikun hemm bżonn. |
55. |
Fit-tieni lok, Innova Vital tinvoka effett negattiv tas-sistema previst mir-Regolament Nru 1924/2006 fuq il-komunikazzjonijiet minn professjonisti lil professjonisti, filwaqt li dawn ikollhom aspettattivi differenti minn dawk tal-konsumaturi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda informazzjoni oġġettiva dwar żviluppi xjentifiċi ġodda ( 42 ). |
56. |
Huwa minnu li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li d‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 japplikaw f’kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali, il-komunikazzjonijiet bejn il‑professjonisti jistgħu jiġu affettwati jew anki ristretti. Madankollu, sabiex is-sistema li tillimita l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa prevista minn dan ir-regolament tkun tista’ tintervjeni, il‑komunikazzjonijiet ikkonċernati għandhom, bħala prinċipju, ikunu intiżi mhux biex jagħtu informazzjoni ta’ natura purament teknika iżda li jxandru indikazzjonijiet “ta’ natura kummerċjali”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tiegħu. Barra minn hekk, infakkar li l-premessa 4 tal‑imsemmi regolament teskludi b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu għall-“informazzjoni mhux kummerċjali […] f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi”. F’kuntest ta’ promozzjoni kummerċjali, u għalhekk ta’ informazzjoni mhux newtrali, jidhirli li huwa normali li l-għan leġittimu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra indikazzjonijiet ineżatti huwa iktar importanti mix-xewqa tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni minn professjonisti għal professjonisti. |
57. |
Konsegwentement, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 1(2) tar‑Regolament Nru 1924/2006 għandu jkun interpretat fis-sens li dan ir-regolament huwa applikabbli meta indikazzjonijiet dwar in‑nutrizzjoni jew is-saħħa jinsabu f’komunikazzjonijiet kummerċjali li għalkemm huma ċertament indirizzati esklużivament lill-professjonisti, madankollu fil‑prattika huma intiżi li jilħqu indirettament lill-konsumaturi finali, li huma d-destinatarji ipotetiċi tal‑ikel, bħala tali, li huwa s-suġġett ta’ dawn l-indikazzjonijiet. |
V – Konklużjoni
58. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il‑Ġermanja): L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, għandu jkun interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw għall-indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel intiżi sabiex jitwasslu bħala tali lill-konsumatur finali li huma fformulati f’komunikazzjonijiet kummerċjali meta dawn ikunu indirizzati esklużivament lil professjonisti iżda għandhom l-għan li jilħqu indirettament lill-konsumaturi permezz ta’ dawn tal-aħħar. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 404, p. 9. Dan ir-regolament kien is-suġġett ta’ rettifika (ĠU 2007, L 12, p. 3) u ġie emendat fl-aħħar lok bir-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 1047/2012, tat-8 ta’ Novembru 2012, fir-rigward tal‑lista ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 310, p. 36).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l‑Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-Ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l‑approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227).
( 6 ) Il-partijiet enfasizzati jinsabu hekk fl-oriġinal ta’ din l-ittra.
( 7 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tippermetti l-preżentazzjoni ta’ kawża għall‑waqfien kontra kull persuna li twettaq att kummerċjali illegali fis-sens tal‑Artikoli 3 u 7 ta’ din l-istess liġi.
( 8 ) Jiġifieri minn naħa, “Kif diġà urew diversi studji, il-vitamina D għandha rwol sinjifikattiv fil-prevenzjoni ta’ ħafna mard bħad-dermatite atopika, l‑osteoporosi, id-dijabete u s-SEP [sklerosi multipla]. Skont dawn l-istudji, livell baxx ħafna ta’ vitamina D fit-tfal huwa parzjalment responsabbli li dawn il‑pataloġiji jidhru iktar” u min-naħa l-oħra, “Prevenzjoni jew eliminazzjoni rapida tal-istat ta’ defiċjenza (80 % tal-popolazzjoni hija deskritta bħala nieqsa mill‑vitamina D3 fix-xitwa)”.
( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l‑għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal‑Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id‑Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal‑Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, p. 18).
( 10 ) F’dan is-sens, il-Gvern Franċiż jinvoka, fost oħrajn, is-sentenzi Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 43) u Dresser-Rand (C‑606/12 u C‑607/12, EU:C:2014:125, punt 34).
( 11 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Jestel (C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 21); Asociația Accept (C-81/12, EU:C:2013:275, punti 41 et seq) u Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 77).
( 12 ) Ara s-sentenza Ehrmann (C‑609/12, EU:C:2014:252, punt 36).
( 13 ) Ara s-sentenzi Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punti 34 et seq) u Green – Swan Pharmaceuticals CR (C‑299/12, EU:C:2013:501, punti 22 et seq), fejn huwa osservat li, f’din tal-aħħar, l-indikazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, suppliment tal-ikel li fih il‑vitamina D3.
( 14 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni (T‑17/12, EU:T:2014:234, punt 76).
( 15 ) Ara l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 1169/2011.
( 16 ) Infakkar li l-ittra kkontestata ntbagħtet fix-xahar ta’ Novembru 2013.
( 17 ) Din il-premessa 3 ssemmi li d-Direttiva 2000/13 “tipprojbixxi l-użu ta’ informazzjoni li tista’ tqarraq lix-xerrej jew li tista’ tattribwixxi kwalitajiet mediċinali lill-ikel”.
( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Syndesmos Melon tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et (C‑381/89, EU:C:1992:142, punti 18 u 19) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 66).
( 19 ) Nenfasizza li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ natura ġenerali tagħha u tal‑motivazzjoni tagħha, il-portata tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma hijiex limitata biss għall-professjonisti tas-saħħa, iżda donnha hija intiża għal kull tip ta’ professjonisti, b’kuntrast mal-kategorija ta’ persuni mhux professjonisti li jikkostitwixxu l-konsumaturi finali.
( 20 ) Fil-fatt, il-possibbiltà tal-użu b’mod liberu tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s‑saħħa tqajjem pressjoni kbira minn naħa tal-operaturi fis-settur tal-ikel, għaliex dawn jikkostitwixxu argument għall-bejgħ lukrattiv ħafna (ara A.-S. Lucas-Puget, “Les allégations sur les produits alimentaires de consommation courante: quelques questions d’actualité”, Petites affiches, 24 ta’ Mejju 2006, Nru 103, p. 4 et seq).
( 21 ) Ara l-premessa 16 kif ukoll l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 13(1) in fine tar‑Regolament Nru 1924/2006. Ara wkoll il-punt 17 tal-espożizzjoni tal-motivi kif ukoll il-premessa 10 u l-Artikoli 2(8), 5(2), 9(1) u 12(1) tal-proposta COM(2003) 424 finali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet diversi kriterji ta’ evalwazzjoni marbuta mal-“konsumatur medju”, b’mod partikolari, fis-sentenza Green – Swan Pharmaceuticals CR (C‑299/12, EU:C:2013:501, punti 24 et seq).
( 22 ) Dan l-ikel huwa “imwassal bħala tali” (l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/13 juża l‑formula “li għandu jiġi mqassam [bħala tali]”) direttament lill-konsumaturi finali (ara l‑premessa 3 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006) jew anki indirettament fil-kuntest tal-“forniment ta’ ristoranti, sptarijiet, skejjel, canteens u fornituri simili ta’ l-ikel tal-massa” (ara t-tielet subparagrafu tal‑Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament).
( 23 ) Ara l-premessa 4 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006. Nirrileva li dan ir-rekwiżit ma kienx jeżisti fil-proposta COM (2003) 424 finali. Ara l-emendi 2 u 16 proposti fir-Rapport tal-Parlament Ewropew fuq l-imsemmija proposta tat-12 ta’ Mejju 2005 (A6-0128/2005, p. 6 u 13) kif ukoll il-premessa 4 u l-Artikolu 1(2) tal-pożizzjoni komuni adottata mill‑Kunsill fit-8 ta’ Diċembru 2005 (ĠU 2006 C 80E, p. 43).
( 24 ) Ara wkoll R. Dehove et, Lamy Dehove, Ed. Wolters Kluwer France, 2014, Kapitolu 1, Parti 2, Studju 285, punt 285-126: “[i]d-dispożizzjonijiet [tar‑Regolament Nru 1924/2006] jirrigwardaw għalhekk kemm ir-reklamar intiż għall-konsumatur finali kif ukoll dak intiż għall-professjonisti (fosthom il‑professjonisti tas-saħħa) sa fejn dan jirrigwarda kull komunikazzjoni kummerċjali jew reklamar dwar prodott li huwa intiż għall-konsumatur finali” [traduzzjoni libera].
( 25 ) Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li “permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment interpretazzjoni tal-kunċett, mhux iddefinit fir‑regolament, ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” fir-rigward tad-destinatarji potenzjali ta’ din il-komunikazzjoni”.
( 26 ) Din il-premessa 4 issemmi b’mod mhux eżawrjenti, fost il-komunikazzjonijiet kummerċjali, “[ir-]reklamar ġeneriku ta’ l-ikel u [l-]kampanji promozzjonali, bħal dawk appoġġati totalment jew parzjalment mill-awtoritajiet pubbliċi” (enfasi magħmula minni) u fost il-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, “linji gwida dwar dieta jew pariri maħruġa mill-awtoritajiet u l-korpi tas-saħħa pubblika, jew [il-]komunikazzjonijiet u informazzjoni mhux kummerċjali fil-ġurnali u f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi”.
( 27 ) Il-Kummissjoni ssemmi f’dan ir-rigward id-definizzjoni ta’ “prattiċi kummerċjali” li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, p. 22).
( 28 ) Il-Kummissjoni tirreferi hawnhekk għall-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) u l‑Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).Fir‑rigward tal-kontenut ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ara s-sentenza Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C‑119/09, EU:C:2011:208, punti 29 et seq).
( 29 ) Fit-test adottat mill-Codex Alimentarius – organu konġunt tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ikel u l-agrikoltura (OAA/FAO) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (OMS) – fl-1997, kif rivedut fl-2004 u emendat, fl-aħħar lok, fl‑2008 (CAC/GL 23-1997), hemm indikat li dawn il-linji gwida jirrigwardaw l-użu ta’ tali indikazzjonijiet fir-“reklamar”, iddefiniti bħala li jinkludi “kull komunikazzjoni kummerċjali lill-pubbliku, b’kull mezz barra l-ittikkettjar, intiża għall-promozzjoni direttament jew indirettament tal-bejgħ jew tal-konsum ta’ ikel bl-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa marbuta mal-ikel u mal-ingredjenti tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l‑punt 1.1 u n-nota 1).
( 30 ) Ara wkoll il-punti 10, 11 u 22 fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2003) 424 finali.
( 31 ) Ċertament jista’ jkun li professjonist destinatarju tal-pubbliċità jiddeċiedi li jikkonsma huwa stess l-ikel ikkonċernat, iżda dan l-eżempju ma jikkorrispondix għall-problema sottomessa f’din il-kawża peress li, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni kummerċjali rċeviha direttament il-konsumatur finali u ftit kien hemm dubju dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006. Barra minn hekk, skont l‑evalwazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, huwa fil-kwalità tagħhom ta’ professjonisti u mhux ta’ konsumaturi potenzjali, li l-ittra ntbagħtet esklużivament lit-tobba.
( 32 ) Kif ġustament jindikaw uħud mill-membri tad-dottrina Ġermaniża li l-pożizzjoni tagħhom hija miġbura fil-qosor, kif ġej, fid-deċiżjoni tar-rinviju “fl-aħħar mill‑aħħar, jekk l-impriżi jindirizzaw lill-professjonisti – jiġifieri, fost oħrajn, lit-tobba, spiżjara u dietologi – dan huwa minħabba l-effett multiplikatur mistenni u għalhekk finalment minħabba ż-żieda notevoli tal-bejgħ mistenni. Il-professjonisti inkwistjoni huma bħala regola ġenerali intermedjarji tal-informazzjoni li, abbażi tal-opinjoni esperta tagħhom – li ma hemm l-ebda dubju li tista’ tkun influwenzata mir-reklamar – jirrakkomandaw ċerti prodotti” (enfasi magħmula minni).
( 33 ) Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li komunikazzjoni għandha natura kummerċjali, fis-sens tar‑Regolament Nru 1924/2006, anki jekk hija indirizzata esklużivament lil professjonisti, “ladarba [din] hija intiża u adattata sabiex tipproduċi, lil hinn minn dawn il-professjonisti, effett estern fil-konfront ta’ terzi li jista’ jinfluwenza d‑deċiżjoni tal-konsumatur finali fl-għażla tiegħu tal-ikel[, fatt li] għandu jiġi ddeterminat mill-qorti nazzjonali”. Sabiex tispjega dan l-effett estern, hija tinvoka, b’mod ċertament mhux limitatttiv, il-fatt li t-tabib destinatarju tal‑komunikazzjoni jintuża “bħala multiplikatur tal-miżuri pubbliċitarji, pereżempju billi jibagħtu, flimkien mal-ittra, informazzjoni sabiex titqassam lill‑pazjenti, kopji tal-ittra indirizzata lit-tobba jew brochures”.
( 34 ) Ara l-premessi 1, 2, 9 u 36 kif ukoll l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1924/2006. Ara wkoll il-punti 2, 6, 12 u 33 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2003) 424 finali.
( 35 ) Ara l-premessi 1, 9, 10, 11 u 29 tar-Regolament Nru 1924/2006; punti 8, 28 u 33 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2003) 424 finali, kif ukoll il-punti 1.2 u 1.3 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar din il-proposta (ĠU 2004, C 110, p. 18). Ara wkoll is-sentenza Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 49 u 72).
( 36 ) Ara l-punti 6, 8, 9 u 16 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta COM(2003) 424 finali.
( 37 ) Ara l-premessi 23, 26 u 29 kif ukoll l-Artikoli 10 et seq tar-Regolament Nru 1924/2006. Ara wkoll il-punti 1 u 29 tal-espożizzjoni tal-motivi tal‑proposta COM(2003) 424 finali.
( 38 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll P. Nihoul, u E. Van Nieuwenhuyze, “Allégations nutritionnelles et de santé: quelques stratégies juridiques utilisées par les entreprises pour échapper à la réglementation”, Revue européenne de droit de la consommation, 2014, Nru 1, p. 65 sa 80.
( 39 ) Għalkemm jiffurmaw grupp eteroġenju, li l-livell ta’ kompetenza tiegħu jvarja.
( 40 ) Id-dottrina li Innova Vital tiċċita fl-osservazzjonijiet tagħha ssemmi ukoll f’dan is‑sens l-Artikolu 13(1)(ii) tar-Regolament Nru 1924/2006, filwaqt li jitfakkar li dan l‑artikolu jirrigwarda biss l-“[i]stqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar vantaġġ għas-saħħa apparti dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju ta’ mard u l-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal” (enfażi magħmula minni).
( 41 ) Jista’ jiġi osservat li f’dan il-każ, l-ittra indirizzata minn Innova Vital tagħti lit‑tobba l-argument li jistgħu jużaw mal-pazjenti tagħhom, billi jinsistu fuq il-fatt li, skont din il-kumpannija, is-suppliment tal-ikel li hija tbiegħ għandu effetti ta’ benefiċċju għas-saħħa u l-konsum tiegħu huwa rħis.
( 42 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li ċerti membri tad-dottrina Ġermaniża joġġezzjonaw ukoll li “[l]-importanza dejjem tikber tal-kwistjonijiet tas-saħħa fl‑ikel wasslet għall-bżonn ikbar ta’ informrazzjoni u skambji bejn il‑professjonisti”.