Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CC0004

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali H. Saugmandsgaard Øe, ippreżentati fis-7 ta’ April 2016.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:223

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SAUGMANDSGAARD ØE

    ippreżentati fis-7 ta’ April 2016 ( 1 )

    Kawża C‑4/15

    Staatssecretaris van Financiën

    vs

    Argos Supply Trading BV

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proċedura tal-ipproċessar passiv — Prodotti kumpensatorji — Dazji fuq l-importazzjoni — Eżenzjoni totali jew parzjali — Ħruġ ta’ awtorizzazzjoni — Kundizzjonijiet ekonomiċi — Proċessuri tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikolu 148(ċ) — Abbuż ta’ dritt”

    I – Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 2 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

    2.

    Din it-talba taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) u l-kumpannija Argos Supply Trading BV (iktar ’il quddiem “Argos”) dwar iċ-ċaħda, mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-ipproċessar passiv ippreżentata minn din il-kumpannija.

    3.

    Id-domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-portata tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, stabbiliti fl-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali, li l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni huwa suġġett għalihom. B’mod iktar preċiż, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tfittex li tikseb ċerti preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet ekonomiċi jirreferu għan-nuqqas ta’ ħsara serja għall-interessi essenzjali tagħhom.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    1. Ir-Regolament (KEE) Nru 2473/86

    4.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2473/86, tal-24 ta’ Lulju 1986, dwar il-proċedura tal-ipproċessar passiv u s-sistema tal-iskambji standard ( 4 ) kien jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedura tal-ipproċessar passiv sad-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali.

    5.

    L-ewwel, ir-raba’ u s-sitt premessi ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

    “billi, fil-kuntest tal-qsim internazzjonali tax-xogħol, diversi impriżi tal-Komunità jirrikorru għall-proċedura tal-ipproċessar passiv, jiġifieri l-esportazzjoni ta’ merkanzija bl-għan tal-importazzjoni mill-ġdid tagħha wara l-ipproċessar, it-tħaddim jew it-tiswija; billi l-użu ta’ din il-proċedura huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ natura ekonomika jew teknika;

    […]

    billi għandha tiġi prevista sistema ta’ eżenzjoni parzjali jew totali tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti kumpensatorji jew għall-merkanzija li tissostitwixxihom, sabiex jiġi evitat li l-merkanzija esportata mill-Komunità bl-għan tal-ipproċessar tkun intaxxata;

    […]

    billi l-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv għandu jiġi rrifjutat mill-awtoritajiet doganali meta l-interessi essenzjali tal-proċessuri tal-Komunità jkunu f’riskju li jiġu milquta serjament.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    2. Il-Kodiċi Doganali

    6.

    Il-Kodiċi Doganali, fl-Artikoli 84 et seq tiegħu, jistabbilixxi diversi proċeduri doganali b’impatt ekonomiku. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, il-proċeduri tal-ipproċessar passiv u tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

    7.

    Konformement mal-Artikolu 85 ta’ dan il-kodiċi, “[l]-użu ta’ kull proċedura doganali b’impatt ekonomiku għandha tkun kondizzjonali għall-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali”.

    a) Dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura tal-ipproċessar passiv

    8.

    L-Artikolu 145 tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi:

    “1.   Il-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ [passiv] għandha [...] tippermetti li merkanziji tal-Komunità jiġu esportati temporanjament mit-territorju doganali tal-Komunità sabiex jgħaddu minn operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar u l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jiġu meħlusa għal ċirkolazzjoni libera b’eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni.

    2.   L-esportazzjoni temporanja ta’ merkanzija tal-Komunità għandha tinvolvi l-applikazzjoni ta’ dazji fuq l-esportazzjoni, mizuri ta’ politika kummerċjali u formalitajiet oħra għall-ħruġ ta’ merkanzija tal-Komunità mit-territorju doganali tal-Komunità.

    3.   It-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    ‘merkanziji ta’ esportazzjoni temporanja [temporanjament esportata]’ tfisser merkanziji mqegħda taħt il-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ [passiv];

    (b)

    ‘operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar’ tfisser l-operazzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 114(2)(ċ), l-ewwel, it-tieni u t-tielet talbiet uffiċjali;

    (ċ)

    ‘prodotti li jikkumpensaw lil xulxin [kumpensatorji]’ tfisser il-prodotti kollha li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar;

    […]”

    9.

    Skont l-Artikolu 148(ċ) tal-istess kodiċi, l-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar passiv “għandha tingħata biss […] fejn l-awtorizzazzjoni biex tintuża l-proċedura ta’ l-ipproċessar tal-ħruġ ma tistax tagħmel ħsara serja lill-interessi essenzjali tal-proċessuri tal-Komunità (kondizzjonijiet ekonomiċi)”.

    10.

    L-Artikolu 151(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li “[l]-eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 145 għandu jingħata billi mill-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin [kumpensatorji] meħlusa għal ċirkolazzjoni libera jitnaqqas l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni li kien ikun applikabbli fl-istess data għall-merkanziji ta’ esportazzjoni temporanja kieku ġew importati fit-territorju doganali tal-Komunità mill-pajjiż li fih ikunu għaddew mill-operazzjoni ta’ l-ipproċessar jew l-aħħar operazzjoni ta’ l-ipproċessar”.

    11.

    L-Artikolu 114(2) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “L-espressjonijiet li ġejjin għandu jkollhom it-tifsiriet li ġejjin:

    […]

    (ċ)

    operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar:

    it-tħaddim ta’ merkanzija, inkluż it-twaqqif jew l-immontar tagħha jew it-tqegħid tagħha ma’ merkanzija oħra;

    l-ipproċessar ta’ merkanzija;

    it-tiswija ta’ merkanziji, inkluż ir-restawr tagħhom u t-tqegħid tagħhom f’posthom;

    u

    l-użu ta’ ċerti merkanziji definiti skond il-proċedura tal-kumitat li ma jinstabux fil-prodotti li jikkumpensaw lil xulxin, iżda li jippermettu jew jiffaċilitaw il-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti, anke jekk jinħlew kompletament jew parzjalment fil-proċess.

    […]”

    b) Dispożizzjonijiet dwar il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali

    12.

    L-Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi li “l-proċedura ta’ l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanziji mhux tal-Komunità jintużaw fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħhom, mingħajr ma jiġu soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera bir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għalihom. Dawk il-prodotti għandhom jissejħu prodotti proċessati”.

    13.

    L-Artikolu 133 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

    “L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:

    […]

    (e)

    meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex il-proċedura tgħin biex tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili (kondizzjonijiet ekonomiċi). Il-każi fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu bħala mwettqa jistgħu jiġu stabbiliti bi qbil mal-proċedura tal-kumitat.”

    3. Il-Kodiċi Doganali l-ġdid

    14.

    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) ( 5 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali l-ġdid”) minn issa ’l quddiem jipprevedi, fl-Artikolu 211 tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni applikabbli fil-kuntest tal-proċeduri doganali b’impatt ekonomiku kollha (imsejħa “proċeduri speċjali”). Skont il-paragrafu 4(b) ta’ din id-dispożizzjoni, li hija mmirata b’mod speċifiku lejn il-proċeduri tal-ipproċessar ( 6 ), awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk, b’mod partikolari, “l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ma jkunux affettwati ħazin minn awtorizzazzjoni għal proċedura tal-ipproċessar”. Konformement mal-Artikolu 288 tal-Kodiċi Doganali l-ġdid ( 7 ), l-imsemmija dispożizzjoni tibda tapplika mill‑1 ta’ Mejju 2016.

    4. Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

    15.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), fi ħdan it-Titolu III tiegħu intitolat “Proċeduri doganali b’impatt ekonomiku”, fih Kapitolu I intitolat “Disposizzjonijiet komuni għal iktar minn arranġament wieħed [proċedura waħda]”.

    16.

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 502 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

    “1.   Ħlief fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu li jkunu mwettqa skond [il-Kapitolu 6], l-awtorizzazzjoni m’għandhiex tingħata mingħajr eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi mill-awtoritajiet doganali.

    […]

    4.   Għall-arranġamenti [proċeduri] ta’ l-ipproċessar ’barra [passiv] (il-Kapitolu 6), l-eżami għandu jstabilixxi jekk:

    (a)

    it-twettiq ta’ proċessar ’l barra mill-Komunità aktarx tikkawża żvantaġġi serji għall-proċessuri tal-Komunità; jew

    (b)

    it-twettiq ta’ l-ipproċessar fil-Komunità huwiex ekonomikament vijabbli jew m’huwiex possibbli minħabba raġunijiet tekniċi jew minħabba obbligi kuntrattwali.”

    17.

    Konformement mal-Artikolu 503(a) tal-imsemmi regolament, l-awtoritajiet doganali għandhom il-possibbiltà li jeżaminaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni. L‑Artikolu 504 tal-istess regolament jirregola l-proċedura li għandha tiġi segwita meta jsir użu minn tali possibbiltà kif ġej:

    “1.   Fejn ikun inbeda eżami skond l-Artikolu 503, il-każ għandu jintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jkollu fih ir-riżultati ta’ l-eżami diġa mwettaq.

    2.   Il-Kummisjoni għandha tibgħat konferma li tkun irċeviet jew notifika lill-awtoritajiet doganali konċernati meta taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess. Għandha tistabbilixxi b’konsultazzjoni magħhom jekk ikunx meħtieġ eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi fil-Kumitat.

    […]

    4.   Il-konklużjoni tal-Kumitat għandu jingħata kont tagħha mill-awtoritajiet doganali konċernati u mill-awtoritajiet doganali l-oħrajn li jittrattaw ma’ awtorizzazzjonijiet jew applikazzjonijiet simili.

    […]”

    18.

    Skont l-Artikolu 551(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, “[l]-arranġamenti [il-proċeduri] għal ipproċessar taħt kontroll doganali għandhom japplikaw għal oġġetti li l-ipproċessar tagħhom iwassal li l-prodotti li huma suġġetti għal ammont iktar baxx ta’ dazji ta’ importazzjoni minn dawk applikabbli għall-oġġetti mportati”.

    19.

    L-Artikolu 585(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab taħt il-Kapitolu 6 tat-Titolu III intitolat “Proċessar ’il barra [passiv]”, jipprevedi li “[ħ]lief fejn jeżistu indikazzjonijiet għal kuntrarju, l-interessi essenzjali tal-proċessaturi tal-Komunità għandhom jitqiesu li ma ssirilihomx ħsara serja”.

    B – Id-dritt internazzjonali

    20.

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali, iffirmata fi Kyoto fit‑18 ta’ Mejju 1973, fil-verżjoni riveduta tagħha (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta”), daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Frar 2006. Din il-konvenzjoni, bħalma jirriżulta mill-preambolu tagħha, għandha l-għan li tissemplifika u tarmonizza l-proċeduri doganali tal-partijiet kontraenti.

    21.

    L-imsemmija konvenzjoni tinkludi anness ġenerali kif ukoll diversi annessi speċifiċi ( 8 ). Kull anness huwa akkumpanjat minn linji gwida, li t-test tagħhom ma jorbotx lill-partijiet kontraenti ( 9 ).

    22.

    L-Anness Speċifiku F, intitolat “Ipproċessar”, jipprevedi fil-Kapitolu 2 tiegħu, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedura tal‑ipproċessar passiv. Il-linji gwida dwar l-Anness Speċifiku F tal-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta (iktar ’il quddiem il-“linji gwida ta’ Kyoto”) jiddikjaraw, fil-Kapitolu 2 tagħhom intitolat “Ipproċessar passiv”, taħt it-titolu “Kundizzjonijiet ekonomiċi” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]:

    “Il-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv ma jingħatax meta l-operazzjonijiet previsti jagħmlu ħsara serja lill-interessi essenzjali tal-proċessuri jew il-produtturi nazzjonali.

    Fil-każ tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, huwa diffiċli li jiġu stabbiliti l-interessi ekonomiċi ta’ pajjiż, peress li, għalkemm din il-proċedura hija essenzjalment favorevoli għall-użu barra mill-pajjiż, hija wkoll element li jnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-manifatturi nazzjonali.

    Għalhekk għandu jinstab bilanċ bejn tnaqqis massimu tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni tal-operaturi nazzjonali permezz tal-possibbiltà ta’ sottokuntrattar barra mill-pajjiż u r-riżerva tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar għal operaturi nazzjonali oħra, bir-riskju li l-industrija nazzjonali ssir inqas kompetittiva.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    23.

    L-Unjoni aderixxiet għall-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/231/KE, tas-17 ta’ Marzu 2003, li tikkonċerna l-adeżjoni għall-Komunità Ewropea għall-Protokoll dwar l-Emendi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l‑armonizzazzjoni ta’ proċeduri doganali (Konvenzjoni Kyoto) ( 10 ). L-Unjoni madankollu ma aderixxietx għall-Appendiċi III tal-Protokoll ta’ emenda, li jikkorrispondi għall-annessi speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta ( 11 ).

    III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    24.

    Fit-30 ta’ Ġunju 2008, Argos ippreżentat applikazzjoni quddiem l-ispettur doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 85 tal-Kodiċi Doganali bl-għan li tinħareġ awtorizzazzjoni għall-ipproċessar passiv. Din il-kumpannija kellha l-intenzjoni li tissuġġetta għal din il-proċedura petrol li joriġina mill-Komunità maħsub biex jiġi esportat bil-għan li jiġi inkorporat mal-bijoetanol li joriġina minn pajjiż terz u li ma ġiex irrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni. B’dan it-taħlit, bi proporzjon ta’ madwar 15‑il unità ta’ petrol għal 85 unità ta’ bijoetanol, Argos tkun kisbet mill-etanol 85 (iktar ’il quddiem l-“E85”), bijokarburant li jista’ jintuża f’ċerti vetturi adattati, imsejħa vetturi “flex fuel”.

    25.

    Skont din l-applikazzjoni, Argos kienet qed tippjana li twettaq l-imsemmi taħlit f’ibħra miftuħa. Il-petrol u l-bijoetanol jitgħabbew, f’port fil-Pajjiżi l-Baxxi, abbord bastiment, f’żewġ kompartimenti sseparati minn ħajt diviżorju. Ladarba dan il-bastiment ikun wasal lil hinn mill-ibħra territorjali tal-Unjoni, dan il-ħajt diviżorju jitneħħa b’tali mod li ż-żewġ komponenti jitħalltu, fejn l-effett tal-mewġ jistimula dan il-proċess. Il-bastiment imbagħad kellu jirritorna lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

    26.

    L-E85 miksub b’dan il-mod imbagħad kien jiġi ddikjarat lid-dwana għal rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni u jiġi suġġett għad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għal dan il-prodott (b’rata ta’ 6.5 % ad valorem). L-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv kienet tkun tippermetti lil Argos li tibbenefika minn tnaqqis ta’ dawn id-dazji f’ammont ekwivalenti għal dak tad-dazji doganali (b’rata ta’ 4.7 % ad valorem) li kienu jkunu applikabbli fl-istess data għall-petrol li joriġina mill-Komunità jekk dan ikun ġie importat u rrilaxxat għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni mill-post fejn dan ikun tħallat.

    27.

    L-ispettur doganali ppreżenta l-applikazzjoni ta’ Argos lill-Kummissjoni Ewropea, għal opinjoni, biex din teżamina jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali jimponi fuq l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-ipproċessar passiv humiex issodisfatti ( 12 ). Il-Kummissjoni mbagħad talbet l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) ( 13 ).

    28.

    Il-Kumitat imbagħad qies li Argos ma għandhiex tibbenefika mill-proċedura tal-ipproċessar passiv minħabba li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti. Din il-konklużjoni ġiet adottata fuq il-bażi tal-argumenti spjegati mill-Kummissjoni matul laqgħa tal-Kumitat li saret fil-11 ta’ Novembru 2009. Il-Kummissjoni sostniet li l-E85 importat kien f’kompetizzjoni diretta mal-bijoetanol tal-Komunità, peress li l-E85 huwa magħmul prinċipalment minn bijoetanol. Madankollu, fl-2008, kważi nofs il-kapaċità tal-produzzjoni tal-etanol industrijali tal-Unjoni ma ntużatx. Skont il-Kummissjoni, importazzjoni tal-bijoetanol fi kwantitajiet kbar, konsegwentement, tolqot serjament l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol.

    29.

    B’deċiżjoni tat-13 ta’ April 2010, l-ispettur doganali, b’riferiment għal dawn l-argumenti, ċaħad l-applikazzjoni ta’ Argos.

    30.

    Wara li r-Rechtbank te Haarlem (qorti ta’ Haarlem) ċaħdet ir-rikors tagħha, Argos ippreżentat appell quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam). Din il-qorti annullat id-deċiżjoni adottata fl-ewwel istanza billi qieset, b’mod partikolari, li għandu jiġi evalwat jekk l-ipproċessar tal-petrol tal-Komunità f’E85 taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv iwassalx għal ħsara għall-interessi, mhux tal-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol, iżda tal-produtturi tal-Komunità tal-E85. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, peress li l-ispettur doganali kien qies li ma kellux provi li jindikaw li l-benefiċċju mill-proċedura mitluba kien iwassal biex jolqot l-interessi essenzjali ta’ dawn il-produtturi tal-aħħar, huwa kellu jqis il‑kundizzjonijiet ekonomiċi tal-imsemmija proċedura bħala ssodisfatti, konformement mal-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 585(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Is-Segretarju tal-Istat għall-finanzi mbagħad ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi).

    31.

    Din il-qorti tqis li l-eżitu tal-appell jiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” fis-sens tal-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali u, b’mod iktar speċifiku, mill-kwistjoni dwar jekk dan il-kunċett, f’dan il-każ, jinkludix il-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol.

    32.

    L-imsemmija qorti, b’mod partikolari, tqajjem dubji fir-rigward ta’ jekk hemmx lok li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods ( 14 ), fir-rigward tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali tiġi estiża b’analoġija għall-proċedura tal-ipproċessar passiv. Minn din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi eżaminata l-osservanza tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ din il-proċedura tal-aħħar, għandhom jitqiesu kemm l-interessi ekonomiċi tal-produtturi tal-Komunità tal-prodott lest miksub wara l-ipproċessar kif ukoll dawk tal-produtturi tal-Komunità tal-materja prima użata matul dan l-ipproċessar.

    33.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi meħtieġa għas-sistema [proċedura] ta’ pproċessar passiv, il-kunċett ta’ ‘proċessuri tal-Komunità’ li jinsab fl-Artikolu 148(ċ) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi b’mod partikolari produtturi tal-Komunità ta’ materja prima jew ta’ prodotti kważi [nofshom] lesti li huma identiċi għal dawk li, fil-proċess ta’ pproċessar, ġew ipproċessati bħala merkanzija mhux tal-Komunità?”

    34.

    Argos, il-Gvern Elleniku u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Argos, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2016.

    IV – Evalwazzjoni

    A – Kunsiderazzjonijiet preliminari

    35.

    Il-kawża prinċipali toriġina mir-rifjut tal-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi li jagħtu lil Argos awtorizzazzjoni biex tibbenefika mill-proċedura tal-ipproċessar passiv għall-operazzjoni li tikkonsisti fl-esportazzjoni f’ibħra miftuħa tal-petrol tal-Komunità bl-għan li dan jitħallat mal-bijoetanol mhux tal-Komunità u fl-importazzjoni sussegwenti tal-E85 miksub b’dan il-mod ( 15 ).

    36.

    Bħalma sostniet din il-kumpannija matul is-seduta, it-twettiq ta’ din l-operazzjoni f’ibħra miftuħa jwieġeb biss għar-rieda li jittieħed vantaġġ minn differenza fl-intaxxar doganali bejn il-bijoetanol u l-E85.

    37.

    Meqjus bħala prodott agrikolu, il-bijoetanol bħala tali huwa suġġett għal dazji fuq l-importazzjoni li attwalment, skont il-Kummissjoni, jikkorrispondu għal dazju ta’ madwar 40 % ad valorem ( 16 ). Ladarba jitħallat mal-petrol, anki f’proporzjonijiet minimi, dan il-prodott jitlef in-natura tiegħu ta’ prodott agrikolu biex isir prodott kimiku ntaxxat b’rata ta’ 6.5 % ad valorem ( 17 ).

    38.

    It-tariffa fuq il-prodott lest (l-E85) hija għalhekk iktar baxxa minn dik imposta fuq il-materja prima jew il-prodotti nofshom lesti (iktar ’il quddiem imsejħa, flimkien, il-“prodotti intermedjarji” ( 18 )) li ma joriġinawx mill-Komunità użati għall-kisba ta’ dan il-prodott (il-bijoetanol). Tali sitwazzjoni hija ġeneralment ikklassifikata bħala “anomalija tariffarja”, peress li r-rati previsti mit-tariffa doganali komuni ġeneralment jiżdiedu skont kemm jiġi pproċessat il-prodott ( 19 ).

    39.

    Matul is-seduta, Argos ippreċiżat ukoll li fl-ewwel lok kienet talbet awtorizzazzjoni biex tħallat il-prodotti msemmija iktar ’il fuq taħt il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali ( 20 ). L-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienet tippermettilha tipproċessa fl-Unjoni l-bijoetanol mhux tal-Komunità mingħajr ma dan il-prodott ikun suġġett għal dazji fuq l-importazzjoni, filwaqt li l-prodott li jirriżulta mill-ipproċessar biss, imsejjaħ “prodott ipproċessat” (l-E85) ikun intaxxat bit-tariffa (iktar baxxa) applikabbli għalih malli jiġi rrilaxxat għal ċirkulazzjoni ( 21 ). Kien biss wara li rċeviet rifjut li din il-kumpannija, fit-tieni lok, applikat għal awtorizzazzjoni biex twettaq dan it-taħlit f’ibħra miftuħa taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    40.

    Jidhirli li huwa utli li jiġi enfasizzat, f’dan l-istadju, li Argos ma ħaditx il-linja li tikkonsisti fit-taħlit, barra mill-Unjoni, tal-bijoetanol mal-petrol tal-Komunità mqiegħed taħt is-sistema tal-esportazzjoni ( 22 ). L-applikazzjoni ta’ din is-sistema madankollu ma hijiex, fil-prinċipju, suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel ( 23 ). Barra minn hekk jibqa’ permess għal kull operatur li jħallat, b’mod iktar sempliċi, il-bijoetanol mal-petrol mhux tal-Komunità barra mill-Unjoni sabiex jipproċessah fi prodott li jaqa’ taħt intestatura tariffarja marbuta ma’ dazji iktar baxxi. L-użu ta’ tali taħlitiet, fil-fatt, żviluppa kunsiderevolment ( 24 ).

    41.

    Bit-twettiq tal-operazzjoni prevista taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv Argos, madankollu, mhux biss kienet tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ tariffi fuq l-E85 minflok dawk imposti fuq il-bijoetanol pur, iżda wkoll minn tnaqqis tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-E85 sal-ammont tad-dazji (fittizji) applikabbli għall-petrol temporanjament esportat (b’rata ta’ 4.7 % ad valorem ( 25 )). Fil-fatt, din il-proċedura tippermetti lill-benefiċjarji tagħha li mill-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-merkanzija miksuba wara l-ipproċessar, imsejħa “prodotti kumpensatorji”, inaqqsu l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni li jkunu imposti fuq il-merkanzija tal-Komunità temporanjament esportata jekk din tiġi importata mill-ġdid fl-istess stat ( 26 ).

    42.

    L-ispettur doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’dan il-każ, irrifjuta l-għoti lil Argos tal-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar passiv mitluba, għar-raġuni li ma kienx issodisfatt ir-rekwiżit (indikat bit-termini “kundizzjonijiet ekonomiċi”), stabbilit fl-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali, li skontu tali awtorizzazzjoni għandha tingħata “biss fejn l-awtorizzazzjoni biex tintuża [din il-proċedura] ma tistax tagħmel ħsara serja lill-interessi essenzjali tal-proċessuri tal-Komunità”.

    43.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikoprix biss il-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-prodott kumpensatorju li l-elaborazzjoni tagħhom hija prevista taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv (l-E85), jew anki l-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-prodotti intermedjarji mhux tal-Komunità maħsuba biex jiġu inkorporati fil-merkanzija temporanjament esportata waqt l-ipproċessar tagħhom (il-bijoetanol).

    44.

    Qabel ma nindirizza din id-domanda, ser inwieġeb għal ċerti argumenti mressqa mill-Gvern Elleniku u mill-Kummissjoni sa fejn, għalkemm dawn tal-aħħar ma invokawx formalment l-inammissibbiltà tal-imsemmija domanda, dawn l-argumenti essenzjalment huma intiżi li jikkonvinċu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura ipotetika tagħha.

    B – Fuq l-ammissibbiltà

    1. Fuq l-applikabbiltà tal-proċedura tal-ipproċessar passiv għall-operazzjonijiet li jitwettqu f’ibħra miftuħa

    45.

    Il-Gvern Elleniku jsostni li l-proċedura tal-ipproċessar passiv ma tapplikax għal operazzjonijiet li jseħħu f’ibħra miftuħa, peress li l-Artikolu 151(1) tal-Kodiċi Doganali jeżiġi, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, li l-operazzjonijiet previsti jitwettqu f’“pajjiż” speċifiku.

    46.

    Jien nosserva, f’dan ir-rigward, li l-formulazzjoni użata fl-imsemmi Artikolu 151(1) ta’ dan il-kodiċi ma terġax tinsab fid-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra. Fil-fatt, l-Artikolu 145(1) tal-imsemmi kodiċi u l-Artikolu 502(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirreferu rispettivament għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar “[’il barra] mit-territorju doganali tal-Komunità” u “’l barra mill-Komunità”.

    47.

    Fid-dawl ta’ din id-diverġenza fit-terminoloġija, għandha titfittex l-iktar interpretazzjoni konformi mal-għan tal-imsemmija proċedura. Dan jikkonsisti, essenzjalment, f’li jiġi evitat li l-merkanzija tal-Komunità maħruġa miċ-ċirkulazzjoni libera u esportata temporanjament għall-finijiet tal-ipproċessar tagħha tiġi ntaxxata fil-mument tal-importazzjoni mill-ġdid tagħha fil-forma ta’ prodotti kumpensatorji ( 27 ). L-eżenzjoni mfittxija hawnhekk tapplika indipendentement mid-destinazzjoni li fiha din il-merkanzija tintbagħat temporanjament.

    48.

    Fid-dawl ta’ tali għan, ftit li xejn huwa importanti jekk l-imsemmija merkanzija tiġix ittrasportata lejn it-territorju ta’ pajjiż terz jew f’żona li ma taqa’ taħt is-sovranità ta’ ebda Stat (bħall-ibħra miftuħa), sakemm din iż-żona tinsab lil hinn mit-territorju doganali tal-Unjoni.

    49.

    Konsegwentement, inqis li l-proċedura tal-ipproċessar passiv tista’ tapplika meta l-operazzjonijiet inkwistjoni jsiru f’ibħra miftuħa ( 28 ).

    2. Fuq l-impossibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li timmina l-konklużjonijiet tal-ispettur doganali

    50.

    Il-Kummissjoni tikkontesta, b’mod preliminari, il-premessa tal-qorti tar-rinviju, ibbażata fuq id-dikjarazzjoni magħmula mill-ispettur doganali matul is-seduta quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam), li skontha l-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, f’dan il-każ, ma jkunx iġib miegħu ħsara serja għall-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità tal-E85 ( 29 ). Il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tirreferi għall-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat tal-11 ta’ Novembru 2009 ( 30 ), li minnhom jirriżulta li l-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol kif ukoll tal-E85 ser ikollhom l-interessi tagħhom milquta serjament mill-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-benefiċċju minn din il-proċedura. Madankollu, dejjem skont il-Kummissjoni, id-domanda preliminari tkun nieqsa mill-interess fil-każ li jiġi aċċettat li l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura tolqot serjament l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità tal-E85.

    51.

    Mingħajr ma niddeċiedi dwar jekk il-Kumitat kienx effettivament qies li l-operazzjoni prevista minn Argos kienet ta’ natura li tolqot serjament l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità kemm tal‑bijoetanol kif ukoll tal-E85 ( 31 ), nosserva li tali konstatazzjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex ta’ natura li twassal għall-inammissibbiltà tad-domanda.

    52.

    Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-argumenti tal-Kummissjoni jassimilaw ruħhom mat-tqegħid f’dubju tal-kuntest fattwali kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, nenfasizza li l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tista’ tiddeċiedi biss dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tad-dritt Komunitarju abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha minn din il-qorti ( 32 ).

    53.

    Min-naħa l-oħra, bħalma kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods ( 33 ), il-konklużjonijiet tal-Kumitat ma humiex ta’ natura obbligatorja fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali ( 34 ). Konsegwentement, minkejja li l-ispettur doganali ddevja minnhom ( 35 ), tali ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tinvalida d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar u lanqas, għaldaqstant, li tagħmel id-domanda preliminari ipotetika.

    54.

    Wara li hawnhekk ikkonfermajt l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, issa ser neżaminaha mil-lat sostantiv.

    C – Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta “proċessuri tal-Komunità ” fis-sens tal-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali

    55.

    Skont Argos, il-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” f’dan il-każ ikopri esklużivament lill-produtturi tal-Komunità tal-E85. L-intervenjenti l-oħra jqisu, għall-kuntrarju, li dan il-kunċett ikopri wkoll lill-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol.

    56.

    Dawn l-approċċi opposti huma bbażati, b’mod partikolari, fuq it-tagħlimiet diverġenti misluta mis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods ( 36 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali u f’dan ir-rigward, teħtieġ b’mod partikolari l-assenza ta’ ħsara serja lill-interessi essenzjali ta’ “produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili”. Il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kkonkludiet li l-eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jqis “mhux biss is-suq tal-prodott lest iżda wkoll is-sitwazzjoni ekonomika tas-suq tal-materji primi użati għall-produzzjoni ta’ l-imsemmija prodotti” ( 37 ).

    57.

    Il-Gvern Elleniku u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ddikjaraw li huma favur l-applikazzjoni b’analoġija tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għall‑proċedura tal-ipproċessar passiv. Għall-kuntrarju, Argos issostni li din il-konklużjoni ma tistax tiġi estiża għal din il-proċedura minħabba d-differenzi li jikkonċernaw, minn naħa, it-test tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċeduri tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali u tal-ipproċessar passiv u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet rispettivi tagħhom.

    58.

    Għar-raġunijiet spjegati iktar ’l isfel, l-ewwel wieħed minn dawn l-approċċi huwa dak li jikkonvinċini.

    1. Interpretazzjoni letterali

    59.

    Prima facie, ċerti argumenti testwali jistgħu jkunu favur qari restrittiv tal-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

    60.

    L-ewwel nett, it-terminu “proċessuri”, fis-sens ġenerali tiegħu, jimplika t-twettiq ta’ attivitajiet li jikkonsistu fil-modifika tal-istat ta’ prodott diġà eżistenti. Il-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” għalhekk jindika biss, bħalma ssostni Argos, il-produtturi li jipproċessaw prodotti intermedjarji tal-Komunità simili għall-merkanzija temporanjament esportata (il-petrol) fi ħdan l-Unjoni bl-għan li jinkiseb prodott lest simili għall-prodott kumpensatorju (l-E85) ( 38 ).

    61.

    Imbagħad, l-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali jirreferi għall-interessi essenzjali tal-“proċessuri tal-Komunità”, filwaqt li l-Artikolu 133(e) ta’ dan il-kodiċi jevoka dawk tal-“produtturi tal-Komunità”. Wieħed jista’ jgħid b’mod leġittimu li, bl-użu ta’ terminoloġija diverġenti f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur kellu l-għan li jagħtihom sinjifikat distint.

    62.

    Fl-aħħar nett, minkejja li l-Kodiċi Doganali ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “proċessuri”, 8a mit-23 verżjoni lingwistika ta’ dan il-kodiċi jużaw termini li għandhom l-istess għerq biex jindikaw il-“proċessuri” fis-sens tal-Artikolu 148(ċ) tal-imsemmi kodiċi u l-“operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar” iddefiniti fl-Artikolu 114(2)(ċ) tal-istess kodiċi ( 39 ). Pereżempju, il-verżjoni tal-lingwa Ingliża tal-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali tirrikorri għat-terminu “processors”, li jirreferi għall-espressjoni “processing” iddefinita fl-Artikolu 144(2)(ċ) ta’ dan il-kodiċi. Bl-istess mod, dawn id-dispożizzjonijiet, fil-verżjoni tal-lingwa Olandiża tal-imsemmi kodiċi, jużaw it-termini “veredelaars” u “veredelingshandelingen” rispettivament.

    63.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet, madankollu, ma jistgħux jeliminaw kull ambigwità li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(ċ) ta’ dan il-kodiċi.

    64.

    Fil-fatt, il-verżjoni tal-lingwa Bulgara, Estonjana, Kroata, Litwana u Finlandiża tal-Kodiċi Doganali jużaw l-istess terminu sabiex jindikaw il-“produtturi” fis-sens tal-Artikolu 133(e) u l-“proċessuri” fis-sens tal-Artikolu 148(ċ) ta’ dan il-kodiċi. Dawn it-termini li fil-Franċiż jiġu tradotti fil-kelma “producteurs” ma jimplikawx intervent fuq prodott eżistenti diġà.

    65.

    Barra minn hekk, fi’ ħdax-il verżjoni lingwistika ( 40 ) it-terminu li jindika l-“proċessuri”, użat għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għandu l-istess għerq bħall-espressjoni li tikkorrispondi għall-“ipproċessar” li tidher fit-tieni inċiż tal-Artikolu 114(2)(ċ) tal-imsemmi kodiċi ( 41 ). Interpretazzjoni purament letterali, għalhekk, twassal biex jitqiesu biss l-interessi tal-operaturi tal-Komunità li huma impenjati b’attivitajiet ta’ “pproċessar” fl-Unjoni. Din tkun teskludi, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ dawk li jwettqu attivitajiet ta’ “tħaddim” jew ta’ “tiswija”, li madankollu wkoll jikkostitwixxu “operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar” fis-sens tal-Artikolu 114(2)(ċ) tal-istess kodiċi.

    66.

    Jien inqis, fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita analiżi tal-għanijiet u tal-kuntest tal-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali. B’mod partikolari, fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandha tiġi interpretata “abbażi tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tikkostitwixxi element” ( 42 ). Għar-raġunijiet żviluppati iktar ’l isfel, dawn l-aspetti jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmija dispożizzjoni.

    2. Interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali

    a) Il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċeduri doganali b’impatt ekonomiku għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni wiesgħa

    67.

    Permezz ta’ deroga mir-regoli previsti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri doganali komuni li jikkostitwixxu l-importazzjoni u l-esportazzjoni, il-proċeduri doganali b’impatt ekonomiku jippermettu li jiġu evitati ċerti konsegwenzi li huma meqjusa ta’ ħsara għall-industrija tal-Komunità, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli.

    68.

    Għalhekk, il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha l-għan li fl-Unjoni żżomm attivitajiet tal-ipproċessar meta “l-intaxxar tal-merkanzija skont id-deskrizzjoni tariffarja tagħhom jew l-istat tagħhom fil-mument tal-importazzjoni tagħhom iwassal għal taxxa ogħla minn dik li tkun ekonomikament iġġustifikata, xierqa biex tħeġġeġ iċ-ċaqliq ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi lil hinn mill-Unjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 43 ). Għal dan l-għan, din il-proċedura tippermetti l-ipproċessar fl-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Komunità mingħajr ma dik tkun suġġetta għad-dazji fuq l-importazzjoni, fejn jiġu ntaxxati l-prodotti pproċessati biss ( 44 ).

    69.

    B’mod iktar preċiż, il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali hija maħsuba sabiex tapplika meta d-dazji fuq l-importazzjoni applikabbli għall-prodotti pproċessati jkunu iktar baxxi minn dawk fuq il-prodotti intermedjarji użati fil-proċess tal-ipproċessar ( 45 ). Għalhekk din il-proċedura teżisti minħabba l-anomaliji tariffarji li, jekk ma jkunx possibbli li jiġu rrimedjati, iħeġġu ċ-ċaqliq tal-attivitajiet tal-ipproċessar lil hinn mill-Unjoni.

    70.

    Il-proċedura tal-ipproċessar passiv, min-naħa tagħha, tippermetti li jiġi evitat li l-merkanzija tal-Komunità esportata bl-għan li tiġi pproċessata tkun intaxxata mal-importazzjoni mill-ġdid tagħha fil-forma ta’ prodotti kumpensatorji ( 46 ). Din il-proċedura għalhekk tiffaċilita d-delokalizzazzjoni lil hinn mill-Unjoni ta’ ċerti attivitajiet tal-ipproċessar, li l-leġiżlatur tal-Komunità qies bħala ġġustifikata minħabba raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi fil-kuntest tat-tqassim internazzjonali tax-xogħol ( 47 ).

    71.

    Madankollu, il-vantaġġ li jipprovdu dawn il-proċeduri lill-benefiċjarji tagħhom potenzjalment jikkorrispondi għal dannu kkawżat lil interessi oħra tal-industrija tal-Komunità ( 48 ). Konxju minn tali riskju, il-leġiżlatur żgura li jiggarantixxi l-bilanċ bejn l-interessi involuti billi jissuġġetta l-awtorizzazzjoni biex wieħed jirrikorri għalihom għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet ekonomiċi. Dawn, fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali kif ukoll ta’ dik tal-ipproċessar passiv għandhom l-għan li jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri, filwaqt li tfittex li tistimula l-attività industrijali tal-benefiċjarji tagħhom, tikkawża ħsara għal “l-interess essenzjali” ta’ operaturi oħra tal-Komunità ( 49 ). L-imsemmija kundizzjonijiet b’hekk jevitaw li l-użu ta’ dawn il-proċeduri derogatorji għall-proċeduri doganali komuni jdgħajjef iktar l-industrija tal-Komunità, milli jsaħħaħha.

    72.

    Fil-fehma tiegħi, huwa f’din il-perspettiva li l-leġiżlatur stabbilixxa l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċeduri doganali b’impatt ekonomiku b’mod wiesgħa u, korrelattivament, irrikonoxxa marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva tal-awtoritajiet doganali kompetenti biex jivverifikaw l-osservanza tagħhom kif ukoll tal-kumitat inkarigat, jekk ikun il-każ, li jassistihom għal dan l-għan.

    73.

    Għalhekk, it-terminoloġija użata fid-dispożizzjonijiet dwar dawn il-kundizzjonijiet toqgħod lura milli tirrestrinġi żżejjed l-eżami ta’ dawn tal-aħħar. Dawn id-dispożizzjonijiet la jidentifikaw l-elementi speċifiċi li għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ dan l-eżami, u lanqas is-swieq previsti minnu. B’mod partikolari, l-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali jirreferi għall-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità “li jipproduċu merkanzija simili”, mingħajr ma jippreċiża l-livell meħtieġ ta’ xebh jew ta’ sostitwibbiltà. Min-naħa tagħhom, l-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali u l-Artikolu 502(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jsemmu l-interessi essenzjali tal-“proċessuri tal-Komunità”, mingħajr ma jispeċifikaw is-swieq ikkonċernati mill-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, il-Kodiċi Doganali l-ġdid jirreferi lakonikament għall-interessi tal-“produtturi tal-Unjoni” ( 50 ).

    74.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali la huma obbligati jikkonsultaw lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan l-eżami ( 51 ), u lanqas, meta dawn jiddeċiedu li jagħmlu tali konsultazzjoni u meta l-Kummissjoni min-naħa tagħha tavviċina lill-Kumitat, ma jkunu marbuta mill-konklużjonijiet ta’ dan tal-aħħar ( 52 ).

    75.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-imsemmija kundizzjonijiet ekonomiċi għandhom jiġu interpretati u applikati bi flessibbiltà ( 53 ), sabiex l-awtoritajiet doganali kompetenti jkunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom ta’ garanti tal-bilanċ bejn l-interessi involuti. Barra minn hekk jidhirli li huwa ġġustifikat ukoll, fid-dawl tan-natura derogatorja tal-proċeduri doganali b’impatt ekonomiku, li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni biex isir użu minnhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni wiesgħa.

    76.

    Min-naħa l-oħra, jidhirli kuntrarju għall-ispirtu u l-għanijiet tal-proċedura tal-ipproċessar passiv li, permezz ta’ interpretazzjoni riġida tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ din il-proċedura, dawn l-awtoritajiet ikunu mxekkla milli jqisu l-interessi essenzjali ta’ ċerti operaturi tal‑Komunità minkejja li dawn jistabbilixxu li l-għoti tal-benefiċċju ta’ din il-proċedura jkun ta’ natura li jikkawża ħsara serja lil dawn tal-aħħar.

    77.

    Fi kliem ieħor, it-twettiq tal-għan tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-imsemmija proċedura, kif jirriżulta mill-punt 71 ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fil-fehma tiegħi ma jippermettix id-distinzjoni skont jekk l-interessi mhedda jikkonċernawx is-suq tal-prodotti lesti, tal-prodotti nofshom lesti jew tal-materja prima involuti fl-ipproċessar.

    78.

    Tali qari, barra minn hekk, la jirriskja li jillimita b’mod eċċessiv id-drittijiet tal-applikanti u lanqas li jtaqqal il-proċedura ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjoni tal-ipproċessar passiv.

    79.

    Infakkar, f’dan ir-rigward, li skont l-Artikoli 502(1) u 585(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, moqrija flimkien, l-imsemmija kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar passiv jitqiesu ssodisfatti sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet kuntrarji, li fil-każ tagħhom l-osservanza għandha tiġi vverifikata. L-oneru tal-prova li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti għalhekk ma jkunx ta’ piż fuq l-applikant għal awtorizzazzjoni: hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali li jistabbilixxu n-nuqqas ta’ osservanza. Dawn l-awtoritajiet, barra minn hekk, ma huma marbuta bl-ebda mod li jeżaminaw b’mod sistematiku l-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tad-diversi interessi essenzjali tal-industrija tal-Komunità li jistgħu jitqiesu. Fil-fatt, tali eżami jsir biss meta jkun hemm indikazzjonijiet ta’ riskju ta’ ħsara serja għal tali interessi.

    80.

    Fil-fehma tiegħi, huwa l-effett ikkombinat ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ preżunzjoni u tal-flessibbiltà mogħtija lill-awtoritajiet doganali li jippermetti r-rikonċiljazzjoni tal-promozzjoni tal-interessi tal-applikanti kif ukoll l-effettività tal-proċeduri tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn naħa, u l-protezzjoni tal-interessi tal-industrija tal-Komunità fl-intier tagħha min-naħa l-oħra.

    b) Il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċeduri tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali u tal-ipproċessar passiv għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni konverġenti

    81.

    Kif urew il-punti 67 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-proċeduri tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali u tal-ipproċessar passiv isegwu għan identiku. Dawn għandhom l-għan, fl-intier tagħhom, li jevitaw li l-effett stimulanti tal-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri għal settur tal-industrija tal-Komunità jkun kontrobilanċjat minn dannu serju fuq setturi oħra tagħha. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, ikun xieraq li l-interessi involuti jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri.

    82.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods, diġà qieset li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandhom l-għan li ma ssirx ħsara għall-interessi, mhux biss tal-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti lesti simili għall-prodotti pproċessati, iżda wkoll tal-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti intermedjarji, simili għal dawk użati għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti lesti ( 54 ).

    83.

    Insostenn ta’ tali konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din il-proċedura, billi teżenta lill-benefiċjarji tagħha mid-dazji doganali fuq il-prodotti intermedjarji importati minn pajjiż terz u użati fil-proċessi tal-ipproċessar, jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità eventwali ta’ prodotti simili għal dawn il-prodotti intermedjarji ( 55 ).

    84.

    Dan ir-raġunament, fil-fehma tiegħi, huwa trasponibbli b’analoġija għall-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    85.

    Ċertament, billi tiffaċilita l-ipproċessar tal-merkanzija tal-Komunità lil hinn mill-Unjoni, il-proċedura tal-ipproċessar passiv essenzjalment thedded lill-interessi tal-impriżi tal-Komunità li jipproċessaw l-istess merkanzija fi ħdan l-Unjoni ( 56 ).

    86.

    Barra minn hekk, il-proċess tal-ipproċessar jista’ jinvolvi — iżda mhux neċessarjament jinvolvi — l-inkorporazzjoni ta’ prodotti mhux tal-Komunità mal-merkanzija (tal-Komunità) temporanjament esportata. L-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, b’differenza mill-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, madankollu ma twassal għall-ebda vantaġġ tariffarju mill-perspettiva tal-prodotti mhux tal-Komunità possibbilment inkorporati matul dan il-proċess (fejn l-eżenzjoni tipprevedi biss il-merkanzija temporanjament esportata) ( 57 ). Il-kapaċità tal-imsemmija proċedura li tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti intermedjarji għalhekk ma hijiex daqshekk ovvja.

    87.

    Għalkemm din il-konstatazzjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tispjega l-għażla ta’ formulazzjoni differenti fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 133(e) u 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali, il-fatt jibqa’ li l-proċedura tal-ipproċessar passiv, f’ċerti sitwazzjonijiet, tista’ tagħti lok għall-istess kunflitt ta’ interessi bħall-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

    88.

    Għalhekk, il-konfigurazzjoni fattwali tal-kawża prinċipali enfasizzat li, meta t-tariffi doganali applikabbli għall-prodotti kumpensatorji jkunu iktar baxxi minn dawk fuq il-prodotti intermedjarji mhux tal-Komunità involuti f’operazzjoni ta’ pproċessar passiv, tali operazzjoni twassal għall-istess riżultat bħal operazzjoni mwettqa taħt il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

    89.

    Skont dawn iż-żewġ operazzjonijiet, id-dazji fuq l-importazzjoni huma biss fuq il-prodotti lesti, bit-tariffi applikabbli għalihom. Il-prodotti intermedjarji mhux tal-Komunità involuti fl-ipproċessar passiv jew fl-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, għall-kuntrarju, ma humiex intaxxati bħala tali. Għalhekk, il-prodotti intermedjarji mhux tal-Komunità huma mmodifikati bl-għan li jinkiseb prodott irrilaxxat għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni permezz tal-ħlas ta’ dazji iktar baxxi minn dawk li kienet iġġarrab l-importazzjoni tal-imsemmija prodotti intermedjarji fl-assenza ta’ tali modifika

    90.

    L-unika differenza bejn dawn iż-żewġ operazzjonijiet, mill-perspettiva tal-intaxxar doganali, għalhekk tinsab fil-vantaġġ doganali supplimentari għall-benefiċjarju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, jiġifieri l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni (fittizji) applikabbli għall-merkanzija tal-Komunità temporanjament esportata.

    91.

    F’tali sitwazzjoni, l-operazzjoni tal-ipproċessar passiv tinvolvi l-istess kunflitt ta’ interessi — u tintensifikah bl-effett ta’ tali eżenzjoni — bħal dak li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali ( 58 ).

    92.

    F’dan il-każ, bl-inkorporazzjoni tal-petrol mal-bijoetanol, Argos tislet vantaġġ mit-tariffi doganali kjarament iktar baxxi minn dawk li ġġarrab l-importazzjoni tal-bijoetanol pur. Il-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi tal-Komunità ta’ bijoetanol tista’ mingħajr dubju tisfa affettwata b’mod negattiv. Tali żvantaġġ, li jirriżulta b’mod speċjali mill-importazzjoni bħala tali tal-E85 minflok tal-bijoetanol mhux żnaturat, jiġi aggravat iktar jekk, bl-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, id-dazji fuq l-importazzjoni tal-E85 jkunu tnaqqsu mill-ammont korrispondenti tad-dazji (fittizji) applikabbli għall-komponent tal-petrol ta’ dan il-prodott.

    93.

    Barra minn hekk, il-konsegwenzi tal-anomalija tariffarja msemmija iktar ’il fuq ikunu ferm iktar ċari meta l-bijoetanol jidħol fil-kompożizzjoni tal-prodott kumpensatorju sa madwar 85 %. Il‑konklużjonijiet tal-Kumitat jindikaw barra minn hekk li, bħalma kkonfermat Argos matul is-seduta, l-E85 kopert mill-applikazzjoni inkwistjoni kien maħsub, tal-inqas parzjalment, biex jiġi inkorporat mal-petrol biex jinkiseb karburant klassiku b’kontenut iktar baxx ta’ bijoetanol (5 %), imsejjaħ E5 ( 59 ). Dan l-E85 għalhekk ikun ingħata l-istess funzjoni (permezz ta’ aġġustament tal-proporzjonijiet tal-komponenti mħallta) bħall-bijoetanol pur maħsub biex jitħallat mal-petrol. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, preċiżament, wasslu lill-Kumitat, kif ukoll lill-ispettur doganali, biex jikkonstataw riskju ta’ effett serju fuq l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità ta’ bijoetanol.

    94.

    Madankollu, huwa stabbilit li l-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali sabiex jitwettaq it-taħlit previst fit-territorju doganali tal-Komunità seta’ jingħata biss fl-assenza ta’ riskju ta’ ħsara serja għall-interessi tal-produtturi tal-Komunità ta’ bijoetanol. Għaldaqstant, huwa inutli li Argos talbet awtorizzazzjoni għal dan l-għan ( 60 ).

    95.

    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv ma jistax jiġi awtorizzat a fortiori minkejja li din tista’ tkun ta’ dannu saħansitra iktar serju għall-interessi tal-produtturi tal-Komunità ta’ bijoetanol minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

    96.

    Konsegwentement, inqis li l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods ( 61 ), għandha tinżamm ukoll fil-kuntest tal-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    97.

    L-argument żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal finijiet ta’ kompletezza, fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li skontu l-approċċ li hija segwiet huwa “[l-uniku li jista’ jieħu] in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi tal-politika komuni Komunitarja, inklużi dawk tal-politika agrikola komuni [PAK]”, jidhirli li huwa rilevanti wkoll f’dan il-każ. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-bijoetanol fl-Unjoni titqies li hija attività li taqa’ taħt il-PAK, li d-dazji doganali għolja għandhom l-għan li jipproteġu. Madankollu, l-operazzjoni koperta mill-applikazzjoni ta’ Argos ikollha l-effett li tevita dawn id-dazji filwaqt li barra minn hekk tibbenefika mill-eżenzjoni prevista b’applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    98.

    Barra minn hekk, nippreċiża li l-approċċ li qed nipproponi ma jiksirx il-punt 21 tas-sentenza Wacker Werke, li Argos għamlet riferiment għaliha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament qieset li l-okkorrenza possibbli ta’ anomaliji tariffarji li jagħtu vantaġġ doganali lill-operatur ekonomiku kkonċernat tirrappreżenta “riskju inerenti”, u li għandu jiġi ttollerat, għall-proċedura tal-ipproċessar passiv ( 62 ). Tali affermazzjoni, madankollu, għandha tinqara fid-dawl tal-kuntest tagħha.

    99.

    Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, l-anomalija tariffarja inkwistjoni kienet tikkonsisti f’differenza fl-intaxxar doganali, mhux bejn il-prodotti kumpensatorji u l-merkanzija mhux tal-Komunità inkorporata fl-ipproċessar, iżda bejn dawn il-prodotti kumpensatorji u l-merkanzija tal-Komunità temporanjament esportata. Din il-kawża qajmet dubju biss dwar jekk kienx rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija temporanjament esportata neċessarju għall-kalkolu tal-eżenzjoni skont din il-proċedura, li d-dazji fuq l-importazzjoni (fittizji) applikabbli għaliha jaqbżu lil dawk fuq il-prodotti kumpensatorji — b’tali mod li l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv potenzjalment kien wassal għal eżenzjoni totali mid-dazji fuq l-importazzjoni. Dan għalhekk ma kienx jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ jekk il-konsegwenzi ta’ anomaliji tariffarji jistgħux jitqiesu jew le matul l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    100.

    Meqjus minn din il-perspettiva, il-punt 21 tas-sentenza Wacker Werke fil-fehma tiegħi ma jipprovdi l-ebda tagħlima rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tikkwalifika l-affermazzjoni li skontha r-riskju li jirriżulta mill-eżistenza ta’ anomaliji tariffarji fil-prinċipju għandu jiġi ttollerat ( 63 ).

    c) Fuq il-formulazzjoni ta’ strumenti oħra tad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni

    101.

    Bħalma jsostnu l-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni, it-test ta’ strumenti rilevanti oħra tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni jikkorrobora l-interpretazzjoni li qed niddefendi jien.

    102.

    Għalhekk, il-linji gwida ta’ Kyoto jeskludu l-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv meta l-operazzjonijiet previsti jkunu ta’ natura li jikkawżaw ħsara serja lill-interessi essenzjali ta’ “proċessuri jew produtturi nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 64 ). Minkejja li dawn il-linji gwida ma humiex ta’ natura vinkolanti u li l-Unjoni fi kwalunkwe każ ma aderixxietx mal-anness li dawn jinterpretaw ( 65 ), dawn madankollu jikkostitwixxu element kuntestwali rilevanti. Dawn fil-fatt jixħtu dawl fir-rigward tal-mod kif il-partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta jqisu l-għanijiet u l-interessi kkonċernati mill-proċedura tal-ipproċessar passiv.

    103.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 211(4)(b) tal-Kodiċi Doganali l-ġdid, dwar il-proċeduri kollha tal-ipproċessar ( 66 ), jipprevedi minn issa ’l quddiem li awtorizzazzjoni għal waħda minn dawn il-proċeduri tista’ tingħata biss jekk, b’mod partikolari, din ma tirriskjax li tkun ta’ ħsara għall-“interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni” ( 67 ). Il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ dawn il-proċeduri għalhekk ser ikunu mmirati, mill-1 ta’ Mejju 2016, lejn l-interessi essenzjali tal-produtturi kollha tal-Unjoni, kemm jekk jipproduċu prodotti simili għall-prodotti pproċessati jew għall-prodotti intermedjarji użati fl-ipproċessar.

    104.

    Madankollu, l-ebda element ma jindika li l-leġiżlatur għalhekk kellu l-intenzjoni li jintroduċi emenda sostanzjali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar passiv ( 68 ). Din l-emenda, għalhekk, jidhirli li twieġeb għal għan ta’ simplifikazzjoni leġiżlattiva bl-għan li l-kundizzjonijiet ekonomiċi applikabbli għall-proċeduri doganali differenti jinġabru flimkien fl-istess dispożizzjoni.

    3. Konklużjoni

    105.

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix biss lill-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-prodotti kumpensatorji previsti mill-applikazzjoni għall-ipproċessar passiv, iżda wkoll il-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-materja prima jew għall-prodotti nofshom lesti mhux tal-Komunità maħsuba biex jiġu inkorporati f’merkanzija tal-Komunità temporanjament esportata matul l-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti minn din l-applikazzjoni.

    106.

    Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-konsegwenzi li jista’ jkollha l-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv għall-interessi essenzjali ta’ waħda minn dawn il-kategoriji ta’ produtturi effettivament għandhom jiġu studjati biss meta jkun hemm indikazzjonijiet li skonthom l-użu ta’ din il-proċedura jkun ta’ natura li jaffettwa b’mod serju dawn l-interessi ( 69 ).

    D – Fuq l-eżistenza possibbli ta ’ prattika abbużiva

    107.

    Il-Kummissjoni essenzjalment tallega, sussidjarjament, fis-sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għad-domanda preliminari, li l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv f’dan il-każ jikkostitwixxi prattika abbużiva.

    108.

    Minkejja li, f’dan il-każ, jien nipproponi risposta pożittiva għad-domanda preliminari u li l-qorti tar-rinviju ma ressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni tal-eżistenza eventwali ta’ abbuż ta’ dritt ( 70 ), ser nindirizza din il-problema fil-qosor għal finijiet ta’ kompletezza.

    109.

    Nenfasizza, b’mod preliminari, in-natura sussidjarja u eċċezzjonali tad-duttrina tal-abbuż ta’ dritt, li tikkostitwixxi “valv ta’ sigurtà awtomatiku” li jippermetti li jiġi rrifjutat l-għoti ta’ vantaġġ meqjus mhux iġġustifikat jew li jiġi ordnat il-ħlas lura tal-vantaġġ minkejja li l-kundizzjonijiet legali tal-ksib ta’ tali vantaġġ barra minn hekk huma ssodisfatti formalment.

    110.

    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 ( 71 ), u skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ prattika abbużiva tassumi li jeżistu element suġġettiv u element oġġettiv. L-ewwel wieħed jimplika li l-prattika inkwistjoni għandha bħala għan essenzjali l-benefiċċju minn vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu ( 72 ). It-tieni jindika ġabra ta’ ċirkustanzi oġġettivi li jindikaw li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, l-għan imfittex minnha ma ntlaħaqx ( 73 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward, finalment, huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jivverifikaw jekk dawn l-elementi jeżistux filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ( 74 ).

    111.

    Huwa xieraq, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta b’ċerti indikazzjonijiet li jistgħu jilluminawha fl-evalwazzjoni tagħha.

    112.

    F’dan ir-rigward, qabelxejn infakkar li, kif ġie osservat fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, it-tqegħid tal-petrol tal-Komunità taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv fil-kuntest tal-operazzjoni deskritta fl-applikazzjoni ta’ Argos, fi kliem din tal-aħħar, ma jwieġeb għall-ebda raġuni teknika jew ekonomika minbarra l-kisba ta’ vantaġġi doganali.

    113.

    F’dawn il-kundizzjonijiet, minn naħa, l-element suġġettiv jista’ jiġi kkonstatat sa fejn it-trasport f’ibħra miftuħa tal-petrol tal-Komunità bl-għan tat-taħlit tiegħu mal-bijoetanol għandu natura artifiċjali u huwa intiż biss biex jevita d-dazju doganali għoli fuq il-bijoetanol filwaqt li jittieħed benefiċċju mill-eżenzjoni mid-dazji (fittizji) fuq il-petrol temporanjament esportat.

    114.

    Min-naħa l-oħra, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet iġiegħluni nissuspetta li l-għoti lil Argos tal-benefiċċju minn din il-proċedura ma jissodisfax l-għan li ġie stabbilit għalih. Bħalma jirriżulta mill-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan jikkonsisti fl-evitar tal-intaxxar doganali ta’ merkanzija tal-Komunità esportata temporanjament bl-għan li tiġi pproċessata, peress li d-delokalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar twieġeb għal raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi.

    115.

    Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-qorti nazzjonali tqis bħala abbużiv l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar passiv għall-operazzjoni prevista f’dan il-każ, tali deskrizzjoni madankollu ma testendix għas-sempliċi prattika li tinvolvi t-taħlit, lil hinn mill-Unjoni, ta’ 85 % ta’ bijoetanol u 15 % ta’ petrol, u li fl-Unjoni jiġi importat l-E85 miksub b’dan il-mod bit-tariffi applikabbli għalih minflok dawk fuq il-bijoetanol fi stat pur ( 75 ).

    116.

    Ftit li xejn hemm dubju, fil-fehma tiegħi, li tali operazzjoni bħala tali ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva. Fil-fatt, ħadd ma jikkontesta l-fatt li l-proprjetajiet u l-użu tal-E85 huma differenti minn dawk tal-bijoetanol ( 76 ). Għalhekk, minkejja li tali taħlit prinċipalment għandu l-għan li jevita t-tariffi applikabbli għall-bijoetanol, dan iwieġeb ukoll għal ċerti raġunijiet tekniċi u/jew ekonomiċi awtonomi. Għaldaqstant ma hemmx, għall-inqas, l-element suġġettiv tal-abbuż ta’ dritt.

    117.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-duttrina tal-abbuż ta’ dritt, fil-fehma tiegħi, tista’ tostakola l-benefiċċju tal-proċedura tal-ipproċessar passiv f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, din id-duttrina, fil-prinċipju, ma tistax ixxekkel lill-importaturi milli jieħdu vantaġġ minn anomalija tariffarja billi jipproċessaw il-bijoetanol maħsub għall-importazzjoni fl-Unjoni bħala E85 sabiex ibiddlu l-intestatura tariffarja tiegħu. Finalment, huwa l-leġiżlatur li għandu jirrettifika tali anomalija jekk iqis li dan huwa xieraq.

    V – Konklużjoni

    118.

    Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta għad-domanda magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod li ġej:

    L-Artikolu 148(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat‑12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċessuri tal-Komunità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jkoprix biss lill-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-prodotti kumpensatorji previsti mill-applikazzjoni għal ipproċessar passiv, iżda wkoll lill-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti simili għall-materja prima jew għall-prodotti nofshom lesti mhux tal-Komunità maħsuba biex jiġu inkorporati f’merkanzija tal-Komunità temporanjament esportata matul l-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti minn din l-applikazzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

    ( 3 ) ĠU L 117, p. 13.

    ( 4 ) ĠU L 212, p. 1.

    ( 5 ) ĠU L 269, p. 1.

    ( 6 ) Dawn jinkludu l-ipproċessar passiv u l-ipproċessar attiv (billi l-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, bħalma tindika l-premessa 50 tal-Kodiċi Doganali l-ġdid, amalgamat ruħha ma’ din il-proċedura tal-aħħar).

    ( 7 ) Kif rettifikat permezz tar-rettifika għar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 287, p. 90).

    ( 8 ) Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta.

    ( 9 ) Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Kyoto riveduta. Skont l-Artikolu 1(g) ta’ din il-konvenzjoni, dawn il-linji gwida jikkostitwixxu “ġabra ta’ spjegazzjonijiet tad-disposizzjonijiet ta’ l-Anness Ġenerali, annessi speċifiċi u kapitoli li hemm”.

    ( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 262.

    ( 11 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2003/231.

    ( 12 ) Bħalma jippermetti l-Artikolu 503(a) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    ( 13 ) Konformement mal-Artikolu 504 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    ( 14 ) C‑11/05, EU:C:2006:312.

    ( 15 ) Ma huwiex ikkontestat li tali taħlit jikkostitwixxi “operazzjonijiet ta’ l-ipproċessar” fis-sens tal-Artikolu 114(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

    ( 16 ) L-alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 80 % jew iktar kien jaqa’ taħt is-subintestatura 2207 10 00 u kien suġġett għal dazji doganali li jammontaw sa EUR 19.20 għal kull ettolitru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 286, p. 1). Din l-istess tariffa tibqa’ tapplika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal-4 ta’ Ottubru 2013, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 290, p. 1).

    ( 17 ) L-E85 tqies bħala prodott kimiku li jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 3824 90 97 skont ir-Regolament Nru 1214/2007. Ir-Regolament Nru 1001/2013 ma emendax din it-tariffa.

    ( 18 ) Il-kunċetti ta’ “prodott intermedjarju” u ta’ “prodott lest” jirreferu għal tipoloġija relatata, marbuta mal-użu tal-prodott. Għalhekk, pereżempju, il-bijoetanol u l-petrol, huma, skont id-destinazzjoni tagħhom, prodotti intermedjarji jew lesti. Prodott jissejjaħ “intermedjarju” meta jiġi pproċessat sabiex jinkiseb prodott ieħor li fih jiġi inkorporat il-valur tiegħu.

    ( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Wacker Werke (C‑142/96, EU:C:1997:386, punti 14, 15 u 21) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:78, punt 42).

    ( 20 ) Din il-preċiżazzjoni madankollu ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju.

    ( 21 ) Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali.

    ( 22 ) Fil-fatt, l-ipproċessar ta’ merkanzija tal-Komunità barra mill-Unjoni u l-importazzjoni sussegwenti tal-prodott kumpensatorju bit-tariffa applikabbli għalih bħala tali ma jirrikjedix it-tqegħid ta’ din il-merkanzija taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv. Huwa suġġett għaliha biss il-benefiċċju tal-faċilità doganali speċifika li tagħti din il-proċedura.

    ( 23 ) Ara l-Artikoli 161 u 162 tal-Kodiċi Doganali.

    ( 24 ) Ara La politique d’aide aux biocarburants, Rapport public thématique – Évaluation d’une politique publique, Cour des comptes de la République française (qorti tal-awdituri tar-Repubblika Franċiża), Jannar 2012, disponibbli fuq http://www.ladocumentationfrancaise.fr/var/storage/rapports‑publics/124000047.pdf, p. 76 u 107 sa 110).

    ( 25 ) Dan il-petrol kien jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 2710 11 45 skont ir-Regolament Nru 1214/2007. Din l-istess tariffa minn issa ’l quddiem tipprevali skont ir-Regolament Nru 1001/2013.

    ( 26 ) Artikolu 151(1) tal-Kodiċi Doganali. Mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura tal-ipproċessar passiv, ladarba l-merkanzija tal-Unjoni titlef dan l-istatus meta titneħħa mit-territorju doganali tal-Komunità [l-Artikolu 4(8) tal-Kodiċi Doganali], il‑merkanzija temporanjament esportata, meta tiġi importata mill-ġdid fil-forma ta’ prodotti kumpensatorji, tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-merkanzija mhux tal-Komunità.

    ( 27 ) Ara t-tmien premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 76/119/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1975, dwar l-armonizzazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-proċedura tal-ipproċessar passiv (ĠU L 24, p. 58); ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 2473/86, kif ukoll is‑sentenzi Wacker Werke (C‑142/96, EU:C:1997:386, punt 21) u GEFCO (C‑411/01, EU:C:2003:536, punt 51). Ara wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istati Membri dwar it-trattament tariffarju applikabbli għall-merkanzija importata mill-ġdid wara esportazzjoni temporanja għall-ipproċessar, it-tħaddim jew it-tiswija, tad-29 ta’ Novembru 1961 (ĠU 1962, 3, p. 79).

    ( 28 ) Il-maġġoranza tal-Istati Membri mlaqqa’ fi ħdan il-Kumitat appoġġjaw ukoll din il-konklużjoni (ara Customs Code Committee, Section: ‘Special Procedures’, Minutes/summary record of the 7th meeting (extract) held on 11 November 2009, 18 December 2009, TAXUD/C4 MK/).

    ( 29 ) Mingħajr ma nimmina din il-premessa, jien inqis utli li nippreċiża li d-dikjarazzjoni ta’ dan l-ispettur li skontha huwa ma kellux indikazzjonijiet fis-sens li l-benefiċċju ta’ din il-proċedura tirriskja li tikkawża ħsara serja lill-interessi tal-produtturi tal-Komunità tal-E85, ma hijiex ekwivalenti għal affermazzjoni li tali riskju ma jeżistix. Din id-dikjarazzjoni tfisser sempliċement li l-imsemmi spettur, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet ċari ta’ dan fil-konklużjonijiet tal-Kumitat dwar l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, astjena milli jikkonstata riskju ta’ ħsara serja għal dawn l-interessi, b’tali mod li l-preżunzjoni stabbilita mill-Artikolu 585(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma ġietx ikkonfutata.

    ( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 31 ) Bħalma huwa enfasizzat fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali evalwazzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu nosserva li l-minuti msemmija iktar ’il fuq ma jappoġġjawx il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Minn dawn jirriżulta li l-Kumitat, fl-ewwel lok, eżamina jekk kinux jeżistu indikazzjonijiet li skonthom il-kundizzjonijiet ekonomiċi ma jkunux osservati, b’tali mod li l-preżunzjoni stabbilita mill-Artikolu 585(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tiġi kkonfutata u l-kundizzjonijiet għalhekk ikollhom jiġu eżaminati. Il-Kumitat ikkonstata tali indikazzjonijiet sa fejn il-maġġoranza tal-Istati Membri kienu enfasizzaw li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol u tal-E85 ikunu milquta serjament peress li l-bijoetanol importat, kemm pur kif ukoll imħallat mal-petrol fil-forma ta’ E85, huwa f’kompetizzjoni diretta mal-bijoetanol intern. Konsegwentement, il-Kumitat, fit-tieni lok, wettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi. Dan ikkonkluda, fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li skonthom l-importazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ bijoetanol tkun ta’ ħsara serja għall-produtturi tal-Komunità tal-bijoetanol, li dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti. Jidher għalhekk li, għalkemm l-Istati Membri semmew ġustament l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-E85 sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet li skonthom l-imsemmija kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti u biex konsegwentement isir eżami tagħhom, il-Kummissjoni mbagħad għamlet riferiment biss għall-interessi tal-produtturi tal-bijoetanol fil-kuntest ta’ dan l-eżami stess.

    ( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dumon u Froment (C‑235/95, EU:C:1998:365, punti 25 u 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 33 ) C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 33.

    ( 34 ) Skont l-Artikolu 504(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom biss jieħdu dawn il-konklużjonijiet f’kunsiderazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat, fis-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 27), li dawn l-awtoritajiet għandhom, jekk ikun il-każ, jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom li jiddevjaw minnhom.

    ( 35 ) Għar-raġunijiet spjegati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dan ma jidhirlix li huwa l-każ.

    ( 36 ) C‑11/05, EU:C:2006:312.

    ( 37 ) Ibidem, punt 52.

    ( 38 ) Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ppropona varjant ta’ din l-interpretazzjoni letterali, li skontu l-“proċessuri tal-Komunità” ma jinkludux biss lill-operaturi li jipproċessaw il-materja prima jew il-prodotti nofshom lesti fi prodott kumpensatorju (l-E85), iżda wkoll lil dawk li jipproċessaw materja prima jew prodotti nofshom lesti biex jiksbu prodotti oħra nofshom lesti (il-bijoetanol) li huma parti mill-prodott kumpensatorju. Din l-interpretazzjoni twassal għal distinzjoni, li fil-fehma tiegħi ma hijiex ġustifikabbli, li skontha l-merkanzija użata fl-ipproċessar tikkostitwixxi materja prima jew prodotti nofshom lesti. Filwaqt li l-interessi tal-produtturi tal-Komunità ta’ prodotti nofshom lesti, li “jipproċessaw” materja prima biex jiksbuhom, jistgħu jitqiesu taħt l-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali, l-interessi tal-produtturi tal-Komunità ta’ materja prima, li ma “jipproċessaw” xejn, huma injorati.

    ( 39 ) Jiġifieri l-verżjonijiet bl-Ingliż, il-Kroat, il-Latvjan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, is-Slovakk u l-Isvediż.

    ( 40 ) Jiġifieri l-verżjoni bil-lingwa Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Griega, Franċiża, Taljana, Pollakka, Portugiża, Rumena u Slovena. Fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, Latvjana, Ungeriża, Maltija u Slovakka, minkejja li t-terminu li jindika l-“ipproċessar” għandu l-istess għerq ta dak li jikkorrispondi għall-espressjoni “proċessuri”, l-ewwel wieħed minn dawn it-termini huwa identiku għal dak li jindika l-“perfectionnement” (ipproċessar) użat fl-Artikolu 114(2)(ċ) tal-Kodiċi Doganali.

    ( 41 ) Pereżempju, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tuża t-terminu “Verarbeitern” fl-Artikolu 148(ċ) tal-Kodiċi Doganali u t-terminu “Verarbeitung” fit-tieni inċiż tal-Artikolu 114(2)(ċ) ta’ dan il-kodiċi.

    ( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elsacom (C‑294/11, EU:C:2012:382, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 43 ) L-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2763/83, tas-26 ta’ Settembru 1983, dwar il-proċedura li tippermetti l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali tal-merkanzija qabel ma titqiegħed f’ċirkulazzjoni libera (ĠU L 272, p. 1), imħassar mill-Kodiċi Doganali.

    ( 44 ) Artikolu 130 tal-Kodiċi Doganali.

    ( 45 ) Artikolu 551(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    ( 46 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 47 ) L-ewwel u t-tieni premessi tad-Direttiva 76/119 u l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 2473/86, li ssostitwixxa din id-direttiva qabel ma ġie ssostitwit mill-Kodiċi Doganali.

    ( 48 ) Ara l-punti 84 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 49 ) Bl-istess mod, il-linji gwida ta’ Kyoto (p. 3) jippreċiżaw li “[l-]applikazzjoni [tal-proċedura tal-ipproċessar passiv] tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti ma jippreġudikawx l-interessi nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 50 ) Artikolu 211(4)(b).

    ( 51 ) Artikolu 503 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    ( 52 ) Artikolu 504(4) tar-Regolament ta’ implementazzjoni u s-sentenza Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 27).

    ( 53 ) Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet doganali nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali, fil-fehma tiegħi, jikkorrispondi għal dak li jgawdu minnu l-awtoritajiet tal-Komunità meta għandhom iwettqu evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 54 ) C‑11/05, EU:C:2006:312, punti 50 sa 52.

    ( 55 ) Sentenza Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 49). Peress li d-domanda magħmula tirrigwarda speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-produtturi ta’ materja prima, la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas l-avukat ġenerali ma kellhom jiġġustifikaw ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-produtturi ta’ prodotti lesti simili għall-prodotti pproċessati. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-intervenjenti ma kkontesta l-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali jkopru tal-inqas lil dawn il-produtturi tal-aħħar. Tali premessa, irrispettivament mill-kunsens dwarha, madankollu ma hijiex imposta fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 133(e) tal-Kodiċi Doganali biss, fejn il-formulazzjoni “produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili” setgħet tiġi inkluża b’riferiment għall-prodotti li huma s-suġġett tal-ipproċessar (jiġifieri l-prodotti intermedjarji). F’dawn il-kundizzjonijiet, l-aċċettazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ din il-premessa tidhirli konformi mal-qari wiesa’ tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li jien nirrakkomanda.

    ( 56 ) Għalhekk, il-linji gwida ta’ Kyoto (p. 6) isemmu l-ħtieġa li “jinstab bilanċ bejn tnaqqis massimu tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni tal-operaturi nazzjonali permezz tal-possibbiltà ta’ sottokuntrattar barra mill-pajjiż u billi l-operazzjonijiet ta’ pproċessar jiġu rriżervati għal operaturi nazzjonali oħra, bir-riskju li l-industrija nazzjonali ssir inqas kompetittiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 57 ) Għalhekk, f’dan il-kuntest, għall-kuntrarju ta’ dak tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali, ma hijiex kwistjoni ta’ mitigazzjoni tal-effetti tal-anomaliji tariffarji.

    ( 58 ) C‑11/05, EU:C:2006:312, punt 49. Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) Ara l-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Novembru 2009 (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 60 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 61 ) C‑11/05, EU:C:2006:312.

    ( 62 ) Sentenza Wacker Werke (C‑142/96, EU:C:1997:386).

    ( 63 ) Il-punt 21 tas-sentenza Wacker Werke (C‑142/96, EU:C:1997:386) jippreċiża li dan huwa l-każ biss sa fejn “xejn ma jindika li l-prezzijiet li l-operaturi jkunu talbu b’mod reċiproku jkunu ġew influwenzati mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-aċċettazzjoni ta’ tali limitazzjoni tidher li qed tirrepeti l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fis-sentenza Wacker Werke (C‑142/96, EU:C:1997:217, punt 15), li jippreċiżaw b’mod iktar espliċitu li “dan kien ikun mod ieħor kieku l-operazzjoni tal-ipproċessar [...] ippreżentat aspetti [...] li jistgħu jissuġġerixxu li [l-operaturi kkonċernati] fil-verità jfittxu għanijiet differenti mill-ipproċessar, pereżempju frodi għal-leġiżlazzjoni fiskali jew arrikkiment mhux ġustifikat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 64 ) Linji gwida ta’ Kyoto, p. 6 (enfasi miżjuda minni).

    ( 65 ) Ara l-punti 21 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 66 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 67 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 68 ) Il-premessa 15 tal-Kodiċi Doganali l-ġdid issemmi biss, f’dan ir-rigward, li “[l]-proċeduri doganali għandhom jitwaħħdu jew ikunu allinjati [...]”

    ( 69 ) Fl-assenza ta’ tali indikazzjonijiet, l-imsemmija kundizzjonijiet jitqiesu li huma osservati (l-Artikolu 585(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni).

    ( 70 ) Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li teżamina, fuq talba ta’ intervenjent, domandi li ma jkunux sarulha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Slob, C‑236/02, EU:C:2004:94, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li dan il-prinċipju ma jipprekludix l-eżami tal-possibbiltà ta’ użu abbużiv tad-dritt tal-Unjoni, anki meta din ma tkunx ġiet mitluba strettament mill-qorti nazzjonali, sabiex tipprovdilha elementi ta’ interpretazzjoni utli għad-deċiżjoni tal-kawża mressqa quddiemha (ara s-sentenza ING. AUER, C‑251/06, EU:C:2007:658, punti 38 u 39; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza, Agip Petroli, C‑456/04, EU:C:2006:241, punti 18 sa 24).

    ( 71 ) Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340). L-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li “[l]-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu”.

    ( 72 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 75).

    ( 73 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Emsland‑Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 52) u Vonk Dairy Products (C‑279/05, EU:C:2007:18, punt 33).

    ( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pometon (C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 26) u Cimmino et (C‑607/13, EU:C:2015:448, punt 60).

    ( 75 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 76 ) Iż-żieda tal-petrol, b’mod partikolari, tippermetti li jingħelbu d-diffikultajiet ta’ startjar kiesaħ assoċjati mal-użu tal-bijoetanol pur (ara Ballerini, D., Les biocarburants: État des lieux, perspectives et enjeux du développement, IFP Publications, ed. Technip, Pariġi, 2006, p. 112). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Roquette Frères (C‑114/99, EU:C:2000:568, punt 19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-pagament ta’ ħlas lura fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, li “l-abbuż li jikkonsisti mill-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni ta’ prodott esportat preċedentement ma jistax jeżisti meta dan ikun ġarrab ipproċessar sostanzjali u irriversibbli [...] li jwassal għat-tmiem tiegħu bħala tali u l-ħolqien ta’ prodott ġdid li jaqa’ taħt pożizzjoni tariffarja oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet, fis-sentenza Eichsfelder Schlachtbetrieb (C‑515/03, EU:C:2005:491, punti 41 u 42) li l-eżistenza ta’ pproċessar jew tħaddim sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali, ma tistax tostakola l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt jekk jiġu stabbiliti l-elementi kostituttivi tiegħu.

    Top