This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62015CC0001
Opinion of Advocate General Mengozzi delivered on 8 September 2016.#Opinion pursuant to Article 218(11) TFEU.#Opinion pursuant to Article 218(11) TFEU — Draft agreement between Canada and the European Union — Transfer of Passenger Name Record data from the European Union to Canada — Appropriate legal bases — Article 16(2), point (d) of the second subparagraph of Article 82(1) and Article 87(2)(a) TFEU — Compatibility with Articles 7 and 8 and Article 52(1) of the Charter of Fundamental Rights of the European Union.#Case Opinion 1/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11), TFUE.
Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea – Trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lejn il-Kanada – Bażijiet legali adatti – L‑Artikolu 16(2), il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE – Kompatibbiltà mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża Opinjoni 1/15.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016.
Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11), TFUE.
Opinjoni mogħtija skont l-Artikolu 218(11) TFUE – Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea – Trasferiment tad-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mill-Unjoni lejn il-Kanada – Bażijiet legali adatti – L‑Artikolu 16(2), il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE – Kompatibbiltà mal-Artikoli 7 u 8 kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Kawża Opinjoni 1/15.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:656
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-8 ta’ Settembru 2016 ( 1 )
Opinjoni 1/15
[talba għal opinjoni mressqa mill-Parlament Ewropew]
“Talba għal opinjoni – Ammissibbiltà – Abbozz ta’ ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri – Data tal-passiġġieri tal-ajru [Passenger Name Record (PNR)] – Kompatibbiltà ta’ dan l-abbozz ta’ ftehim mal-Artikolu 16 TFUE u l-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Bażi legali”
Werrej
I – Introduzzjoni |
|
II – Il-kuntest ġuridiku |
|
III – Il-fatti preċedenti tal-ftehim previst |
|
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
V – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni |
|
VI – Fuq il-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst (it-tieni domanda) |
|
A – Sinteżi tal-argumenti tal-Parlament u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra |
|
B – Analiżi |
|
1. Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim previst |
|
2. Fuq il-bażi legali adatta |
|
a) Fuq ir-rilevanza tal-Artikolu 82(1)(d) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE |
|
b) Fuq in-neċessità li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ikun ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE |
|
VII – Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta (l-ewwel domanda) |
|
A – Sinteżi tat-talba u tal-osservazzjonijiet tal-Parlament kif ukoll tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati l-oħra |
|
1. Sinteżi tat-talba u tal-osservazzjonijiet tal-Parlament |
|
2. Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati l-oħra |
|
B – Analiżi |
|
1. Osservazzjonijiet preliminari |
|
2. Fuq l-eżistenza ta’ ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta |
|
3. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta |
|
a) Indħil “previst mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta |
|
b) Indħil li jissodisfa għan ta’ interess ġenerali |
|
c) Fuq il-proporzjonalità tal-indħil li jinvolvi l-ftehim previst |
|
i) Kunsiderazzjonijiet ġenerali |
|
ii) Fuq il-kapaċità tal-indħil li jilħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-ftehim previst |
|
iii) Fuq in-natura strettament neċessarja tal-indħil |
|
– Fuq il-kategoriji tad-data PNR previsti mill-ftehim previst |
|
– Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-iskop li għalih l-ipproċessar tad-data PNR huwa awtorizzat |
|
– Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ftehim previst |
|
– Fuq l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti inkarigata bl-ipproċessar tad-data PNR |
|
– Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR |
|
– Fuq l-aċċess għad-data PNR |
|
– Fuq iż-żamma tad-data PNR |
|
– Fuq l-iżvelar u t-trasferiment sussegwenti tad-data PNR |
|
– Fuq il-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju |
|
VIII – Konklużjoni |
I – Introduzzjoni
1. |
Il-Parlament Ewropew adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, b’talba għal opinjoni dwar il-Ftehim previst bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem il-“ftehim previst”), sabiex ikun jista’ jaġixxi insegwitu għat-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tax-xahar ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Parlament intalab japprova l-proposta ta’ deċiżjoni relatata mal-konklużjoni tal-ftehim previst ( 2 ). |
2. |
Skematikament, il-ftehim previst jipprevedi li d-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (Passenger Name Record, iktar ’il quddiem id-“data PNR”), li tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru mingħand il-passiġġieri sabiex jiġu rriżervati t-titjiriet bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti u sussegwentement ipproċessata u użata minn dawn tal-aħħar bil-għan li jiġu antiċipati u identifikati reati terroristiċi jew atti serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jistabbilixxi numru partikolari ta’ garanziji fir-rigward tar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali tal-passiġġieri. |
3. |
It-talba għal opinjoni, li tirrigwarda kemm il-kompatibbiltà tal-Ftehim previst mad-dritt primarju tal-Unjoni kif ukoll il-bażi legali adatta tad-deċiżjoni tal-Kunsill li għandha twassal għall-konklużjoni tal-ftehim previst, hija redatta kif ġej: “Il-ftehim previst huwa kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (Artikolu 16 tat-TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikoli 7, 8 u 52(1) fir-rigward tad-dritt ta’ individwi għall-protezzjoni tad-dejta tat-tip personali? L-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) tat-TFUE jikkostitwixxu l-bażi ġuridika xierqa tal-att tal-Kunsill rigward il-konklużjoni tal-ftehim previst jew dan l-att irid ikun ibbażat fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE?” |
4. |
Indipendentement mill-kontenut tagħha, ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti għal din it-talba se jkollha neċessarjament implikazzjonijiet għall-Ftehimiet PNR, diġà fis-seħħ, li jorbtu l-Unjoni Ewropea mal-Awstralja ( 3 ) u mal-Istati Uniti tal-Amerika ( 4 ), kif ukoll għas-“sistema PNR” futura, stabbilita fi ħdan l-Unjoni nfisha, riċentement approvata mill-Parlament, fil-mori ta’ din il-proċedura ( 5 ). |
5. |
Din it-talba teħtieġ l-eżami ta’ kwistjonijiet li huma kemm ġodda kif ukoll delikati. |
6. |
F’termini tad-determinazzjoni tal-bażi legali adatta għall-att li jwassal għall-konklużjoni tal-ftehim previst, din it-talba għandha partikolarment twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina għall-ewwel darba l-portata tal-Artikolu 16(2) TFUE, li kien ġie introdott wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll l-interazzjoni ta’ dan l-artikolu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem s-“SLSĠ”). F’dan ir-rigward, kif ser nuri f’dawn il-konklużjonijiet ( 6 ), il-ftehim previst għandu għanijiet u jipprevedi kontenut interdipendenti, b’tali mod li l-att ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandu jkun ibbażat, fil-fehma tiegħi, kemm fuq l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
7. |
Hija wkoll l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tagħti deċiżjoni fuq il-kompatibbiltà ta’ abbozz ta’ ftehim internazzjonali mad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), b’mod partikolari dawk marbuta mar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tagħha, u mal-protezzjoni tad-data personali, żgurata mill-Artikolu 8 tagħha. L-eżami ta’ din il-kwistjoni għandu ċertament jibbenefika mill-insenjamenti importanti li joħorġu mis-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650). Kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall, inqis li hemm effettivament lok li nsegwu d-direzzjoni stabbilita minn dawn is-sentenzi u li nissuġġettaw il-ftehim previst għal stħarriġ strett tal-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta. Jibqa’ l-fatt li għandu jitqies li l-ispirtu tal-abbozz ta’ ftehim li bih il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita huwa r-riżultat ta’ negozjati internazzjonali ma’ pajjiż terz, li, fin-nuqqas ta’ ftehim sodisfaċenti, jista’ jirrinunzja għall-konklużjoni tal-ftehim previst u jippreferi, kif inhu attwalment il-każ, japplika unilateralment is-sistema PNR tiegħu għat-trasportaturi tal-ajru stabbiliti ġewwa l-Unjoni u li jiżguraw titjiriet lejn il-Kanada. |
8. |
Din il-konstatazzjoni ma tfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tnaqqas il-grad ta’ viġilanza li hija wriet fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa fil-fatt neċessarju li, meta t-teknoloġiji moderni jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi, f’isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, jiżviluppaw metodi sofistikati ħafna ta’ sorveljanza tal-ħajja privata tal-individwi u ta’ analiżi tad-data personali tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-miżuri ppjanati, anki jekk dawn huma fl-għamla ta’ ftehimiet internazzjonali, jirriflettu eżami bbilanċjat tal-għan leġittimu li tiġi mħarsa s-sigurtà pubblika u dak, li huwa daqstant fundamentali, li kulħadd ikun jista’ jgawdi minn livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data tiegħu stess. |
9. |
Kif il-kunsiderazzjonijiet sussegwenti tiegħi ser juru, huwa inkontestabbli li l-partijiet kontraenti ppruvaw, kultant b’mod insuffiċjenti, iwettqu bbilanċjar ta’ dawn iż-żewġ għanijiet li huma inseparabbilment imfittxija mill-ftehim previst. Jidhirli li dan l-isforz għandu jiġi rikonoxxut. Madankollu, mingħajr ma nikkomprometti l-għan jew in-neċessità tal-ftehim previst, nikkunsidra, kif ser juru dawn il-konklużjonijiet, li, sabiex ikun kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta, il-ftehim previst jeħtieġ li jiġi żviluppat u/jew imnaddaf minn ċerti dispożizzjonijiet attwali tiegħu b’mod li ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju għall-kisba tal-għan ta’ sigurtà tiegħu. |
II – Il-kuntest ġuridiku
10. |
L-Artikolu 16 TFUE jipprovdi li ġej: “1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha. 2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni, u mal-moviment liberu ta’ din id-data. Il-ħarsien ta’ dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti. […]” |
11. |
L-Artikolu 82 TFUE, li jaqa’ taħt il-Kapitolu 4 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ dan it-trattat, kapitolu intitolat “Koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali”, jipprevedi: “1. Il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u għandha tinkludi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri fl-oqsma previsti fil-paragrafu 2 […] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri li: […]
[…]” |
12. |
L-Artikolu 87 TFUE, li jagħmel parti mill-Kapitolu 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ dan it-trattat, kapitolu intitolat “Koperazzjoni tal-pulizija”, jipprovdi dan li ġej: “1. L-Unjoni għandha tistabbilixxi koperazzjoni tal-pulizija li tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri, inkluża l-pulizija, is-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn ta’ l-infurzar tal-liġi speċjalizzati fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. 2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri dwar:
[…]” |
13. |
L-Artikolu 7 tal-Karta jipprovdi: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.” |
14. |
L-Artikolu 8 tal-Karta jafferma: “1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha. 2. Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha. 3. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.” |
15. |
L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprevedi dan li ġej: “1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. […]” |
16. |
Il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jipprovdi, fl-Artikoli 1, 3 u 6a, dan li ġej: “Artikolu 1 Suġġett għall-Artikolu 3, ir-Renju Unit u l-Irlanda m’għandomx jieħdu parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-[Trattat FUE]. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandhom ikunu meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu jeħtieġu li jiġu adottati unanimament. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) tat-[TFUE]. […] Artikolu 3 1. Ir-Renju Unit jew l-Irlanda jistgħu jinnotifikaw lill-President tal-Kunsill bil-miktub, fi żmien tlett xhur wara li proposta jew inizjattiva tkun ġiet ippreżentata lill-Kunsill skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-[Trattat FUE], li huma jkunu jixtiequ li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ xi uħud minn dawk il-miżuri proposti, meta allura dak l-Istat ikun intitolat li jagħmel hekk. […] Artikolu 6a Ir-Renju Unit jew l-Irlanda m’għandhomx ikunu marbuta minn regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 [TFUE] li jikkonċernaw it-trattament ta’ data personali mill-Istati Membri fl-eżerċiżżju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat, meta r-Renju Unit jew l-Irlanda ma jkunux marbuta b’regoli ta’ l-Unjoni li jirregolaw forom ta’ koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali jew ta’ koperazzjoni tal-pulizija li fil-qafas tagħhom għandhom jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16.” |
17. |
Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka jipprevedi, fl-Artikoli 1, 2 u 2a tiegħu, dan li ġej: “Artikolu 1 Id-Danimarka ma tieħux parti fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri proposti skond it-Titolu V tat-Tielet Parti, tat-[Trattat FUE]. L-unanimità tal-membri tal-Kunsill, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-gvern tad-Danimarka, tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati unanimament. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu preżenti, il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skond l-Artikolu 238(3) [TFUE]. Artikolu 2 Ebda dispożizzjoni tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-[Trattat FUE], l-ebda miżura adottata skond dak it-Titolu, l-ebda dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni skond dak it-Titolu, u l-ebda deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe tali dispożizzjoni jew miżura jew kull miżura emendata jew emendabbli skond dak it-Titolu m’għandhom jorbtu lid-Danimarka jew ikunu applikabbli għaliha; u l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tad-Danimarka; u l-ebda waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, miżuri jew deċiżjonijiet m’għandha b’xi mod taffettwa l-acquis tal-Komunità jew ta’ l-Unjoni u lanqas ma tifforma parti mil-liġijiet ta’ l-Unjoni kif dawn japplikaw għad-Danimarka. […] Artikolu 2a L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għal dawk ir-regoli stabbiliti abbażi ta’ l-Artikolu 16 [TFUE] li jikkonċernaw data ta’ tip personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Trattat.” |
III – Il-fatti preċedenti tal-ftehim previst
18. |
Fit-18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill approva l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar tal-informazzjoni avvanzata dwar il-Passiġġier u d-data Reġistrata tal-isem tal-Passiġġier (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal-2006”) ( 7 ). |
19. |
Konformement mal-preambolu tiegħu, il-Ftehim tal-2006 ġie konkluż fid-dawl tal-obbligu impost mill-Gvern tal-Kanada fuq it-trasportaturi tal-ajru ta’ passiġġieri lejn il-Kanada li jipprovdu lill-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti data relatata mal-informazzjoni antiċipata dwar il-passiġġieri u mar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (iktar ’il quddiem id-“data API/PNR”), sa fejn din id-data tinġabar u tinżamm fis-sistemi awtomatizzati u s-sistemi ta’ kontroll tat-tluq. |
20. |
Skont l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal-2006, dan kellu “l-għan […] li jiġi żgurat li l-fornitura tad-data ta’ l-API/PNR ta’ persuni fuq vjaġġi pertinenti issir bir-rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari tad-dritt għall-privatezza”. L-awtorità kompetenti għall-Kanada kienet, konformement mal-Anness I tal-Ftehim tal-2006, “l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (CBSA)”. |
21. |
Fid-dawl ta’ dan l-impenn, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE ( 8 ), id-Deċiżjoni 2006/253/KE ( 9 ), li l-Artikolu 1 tagħha kien jipprevedi li s-CBSA kienet meqjusa li tiżgura livell ta’ protezzjoni xieraq tad-data PNR ittrasferita mill-Komunità Ewropea fir-rigward ta’ titjiriet lejn il-Kanada. Peress li d-Deċiżjoni 2006/253 skadiet f’Settembru 2009 ( 10 ) u t-tul tal-validità tal-Ftehim tal-2006 kien marbut ma’ dak ta’ din id-deċiżjoni ( 11 ), dan il-ftehim, għalhekk, skada wkoll f’Settembru 2009. |
22. |
Fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-ajru (PNR) al-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada ( 12 ). F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament talab partikolarment l-implementazzjoni ta’ approċċ koerenti għall-użu tal-PNR għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-liġi u tas-sigurtà, billi jiġi żviluppat sett uniku ta’ prinċipji li għandhom iservu ta’ bażi għal ftehimiet ma’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta ta’ mudell uniku u abbozz ta’ mandat għan-negozjati mal-pajjiżi terzi, filwaqt li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu ssodisfatti ( 13 ). |
23. |
Fil-21 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat tliet proposti intiżi għall-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tan-negozjati mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada ( 14 ). Sussegwentement, ġew iffirmati u konklużi ftehimiet mal-Istati Uniti u l-Awstralja, bl-approvazzjoni tal-Parlament ( 15 ). Dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-2012. |
24. |
Wara l-għeluq tan-negozjati mal-Kanada, il-Kummissjoni adottat, fid-19 ta’ Lulju 2013, il-proposti għal deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-iffirmar u mal-konklużjoni tal-ftehim previst. |
25. |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“KEPD”) ta l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-proposti fit-30 ta’ Settembru 2013 ( 16 ). F’din l-opinjoni, il-KEPD qajjem serje ta’ kwistjonijiet fir-rigward tan-neċessità u l-proporzjonalità tas-sistemi PNR u tat-trasferiment massiv ta’ data PNR lejn pajjiżi terzi, qiegħed f’dubju l-għażla tal-bażi legali sostantiva u għamel diversi osservazzjonijiet u proposti fir-rigward tad-diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim previst. |
26. |
Fil-5 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta deċiżjoni relatata mal-iffirmar tal-ftehim previst mingħajr ma ġew inklużi emendi għalih insegwitu għall-opinjoni tal-KEPD. Il-ftehim previst ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2014 bla ħsara għall-konklużjoni tiegħu f’data sussegwenti. |
27. |
B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill talab l-approvazzjoni tal-Parlament għall-abbozz ta’ deċiżjoni relatata mal-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-ftehim previst. Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi bħala bażijiet legali l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
28. |
Fil-25 ta’ Novembru 2014, il-Parlament iddeċieda li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din l-opinjoni, li d-domandi tiegħu ġew riprodotti fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
29. |
Wara t-tressiq tat-talba mill-Parlament, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern Estonjan, mill-Gvern Irlandiż, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż, mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. |
30. |
Il-Qorti għamlet serje ta’ mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub dwar, inter alia, ċerti aspetti prattiċi u fattwali tal-ipproċessar tad-data PNR, il-bażi legali tal-ftehim previst, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu kif ukoll il-kompatibbiltà tat-termini ta’ dan il-ftehim mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta, fid-dawl tal-insenjamenti dedotti mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari tas-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650). Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-KEPD jirrispondi għal dawn id-domandi. Dan tal-aħħar, kif ukoll l-Irlanda, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Franċiż, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrispondew għad-domandi magħmula fil-ħin. |
31. |
Ir-rappreżentanti tal-Gvern Estonjan, tal-Irlanda, tal-Gvern Spanjol, tal-Gvern Franċiż, tal-Gvern tar-Renju Unit, dawk tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, kif ukoll dak tal-KEPD instemgħu fis-seduta li nżammet fil-5 ta’ April 2016. |
V – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni
32. |
Filwaqt li l-Gvern Bulgaru, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jaqblu mal-evalwazzjoni tal-Parlament li t-talba għal opinjoni hija kompletament ammissibbli, il-Gvern Franċiż u l-Kunsill għandhom dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni domanda li tinsab fit-talba tal-Parlament relatata mal-bażi legali adatta tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li twassal għall-konklużjoni tal-ftehim previst. |
33. |
Essenzjalment, il-Gvern Franċiż u l-Kunsill isostnu li din il-kwistjoni la tirrigwarda l-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi l-ftehim previst u lanqas it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-użu ħażin possibbli tal-Artikoli 82 u 87 TFUE ma għandu ebda effett fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tal-att tal-Kunsill li jwassal għall-konklużjoni tal-ftehim previst. Fil-fatt, kemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 16 TFUE kif ukoll dik tal-Artikoli 82 u 87 TFUE jeħtieġu l-osservanza tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, inkluża l-approvazzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE. |
34. |
Nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba għal opinjoni ammissibbli fl-intier tagħha. |
35. |
B’mod ġenerali, għandu jitfakkar qabelxejn li, konformement mal-Artikolu 218(11) TFUE u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-opinjoni tagħha tista’ tinkiseb fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk “ftehim previst” ( 17 ) huwiex kompatibbli mar-regoli sostantivi tat-Trattati jew ma’ dawk li jiddeterminaw l-estent tal-kompetenzi tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha, inklużi l-kwistjonijiet dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri sabiex jiġi konkluż ftehim partikolari ma’ Stati terzi ( 18 ), kif jikkonferma l-Artikolu 196(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
36. |
Għalhekk ma hemm ebda dubju, kif barra minn hekk huwa rrikonoxxut mill-partijiet ikkonċernati kollha, li t-talba għal opinjoni, sa fejn din tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tad-dritt sostantiv tad-dritt primarju tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Karta li għandhom l-istess valur bħat-Trattati, hija ammissibbli ( 19 ). |
37. |
Inqis li dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tat-tieni domanda dwar id-determinazzjoni tal-bażi legali adatta tal-att li bih il-Kunsill jikkonkludi l-ftehim previst. |
38. |
Ċertament, kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kunsill, ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma tiddubita li, f’dan il-każ, l-Unjoni għandha l-kompetenza sabiex tapprova l-ftehim previst, kwistjoni li barra minn hekk ma hijiex is-suġġett tat-talba għal opinjoni. |
39. |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami ta’ talbiet għal opinjoni preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li twieġeb għall-kwistjoni tal-għażla tal-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-abbozzi tal-ftehim inkwistjoni ( 20 ). Din il-pożizzjoni kienet, essenzjalment, motivata b’żewġ kunsiderazzjonijiet essenzjali li huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. |
40. |
Minn naħa, l-għażla tal-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali għandha “importanza ta’ natura kostituzzjonali” ( 21 ), peress li l-Unjoni għandha biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni u għandha għalhekk tkun tista’ torbot il-ftehimiet internazzjonali intiżi sabiex jiġu inklużi fl-ordinament ġuridiku tagħha ma’ dispożizzjoni tat-Trattati li tawtorizzaha tapprova dawn l-atti. L-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’, għalhekk, jinvalida l-att ta’ konklużjoni nnifsu u, konsegwentement, jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-ftehim inkwistjoni ( 22 ). |
41. |
Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma tittiħidx l-opportunità sabiex tiġi eżaminata l-għażla tal-bażi legali xierqa tal-att ta’ konklużjoni ta’ abbozz ta’ ftehim fil-kuntest tal-proċedura ta’ riferiment minn qabel lill-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għal kumplikazzjonijiet, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinament ġuridiku internazzjonali, jekk l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim sussegwentement jiġi invalidat minħabba żball ta’ bażi legali. L-għan tal-proċedura preventiva prevista fl-Artikolu 218(11) TFUE huwa preċiżament dak li jiġi evitat li tali kumplikazzjonijiet ikunu jistgħu jinqalgħu fl-interess tal-partijiet kontraenti ( 23 ). |
42. |
Mingħajr ma jiċħdu l-eżistenza ta’ din il-ġurisprudenza, il-Gvern Franċiż u l-Kunsill isostnu, essenzjalment, li l-ebda waħda mill-kumplikazzjonijiet legali mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjonijiet preċedenti tagħha ma tista’ tirriżulta f’dan il-każ. B’hekk, skont dawn il-partijiet ikkonċernati, f’dan il-każ, l-għażla possibbli tal-Artikolu 16 TFUE bħala bażi legali sostantiva tal-ftehim previst, kif sostnuta mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu, ma taffettwax it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u lanqas ma twassal għal “proċedura leġiżlattiva differenti” minn dik segwita mill-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan il-każ, fis-sens tal-imsemmija opinjonijiet. |
43. |
Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. |
44. |
Għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjonijiet enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil-punt 5 tal-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664), u fil-punt 110 tal-Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739), huma biss eżempji fejn l-użu ta’ bażi legali żbaljata jista’ jivvizzja l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bil-ftehim li ssottoskriviet għalih din tal-aħħar jew iwassal għal diffikultajiet legali fil-livell intern jew fil-livell tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni. Fil-fatt, iż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija f’dawn il-punti taż-żewġ opinjonijiet – jiġifieri, minn naħa, is-sitwazzjoni fejn l-Unjoni tkun aġixxiet mingħajr ma t-Trattat jagħtiha kompetenza suffiċjenti sabiex tirrattifika ftehim fl-intier tiegħu, li twassal għall-eżami tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn il-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni jkun jipprevedi proċedura leġiżlattiva differenti minn dik li fil-fatt tkun ġiet segwita mill istituzzjonijiet – ġew introdotti bl-espressjoni “dan ikun il-każ meta”. Każijiet oħra ta’ dan it-tip li jagħtu lok għal diffikultajiet legali fil-livell intern tal-Unjoni jew fil-livell tar-relazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux jiġu esklużi. |
45. |
Sussegwentement, ma għandux jintesa li l-proċedura tal-opinjoni hija ta’ natura mhux kontenzjuża u preventiva ( 24 ). Din in-natura tiġġustifika, fil-fehma tiegħi, ċerta flessibbiltà min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ kwistjoni marbuta mal-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni ta’ ftehim previst. |
46. |
Għaldaqstant, fl-istadju tal-ammissibbiltà, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tistaqsi lilha nfisha jekk, billi tirrifjuta li tirrispondi għad-domanda magħmula, ikunx hemm riskju serju li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim jista’ sussegwentement jiġi ddikjarat invalidu, fuq il-bażi ta’ motiv identiku għal dak invokat fit-talba għal opinjoni, sa fejn din is-sitwazzjoni tkun toħloq diffikultajiet fil-livell intern tal-Unjoni jew f’dak tar-relazzjonijiet esterni li l-proċedura tal-opinjoni setgħet tantiċipa. |
47. |
F’dan il-każ, jiena ninsab konvint li tali riskju ma jistax jiġi eskluż. |
48. |
Fil-fatt, kif ser neżamina iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, il-motivi żviluppati mill-Parlament insostenn tat-teżi li l-Artikolu 16 TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali sostantiva adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst huma serji ħafna, sal-punt li nikkunsidrahom parzjalment fondati. |
49. |
Għaldaqstant, ir-rifjut li tingħata tweġiba għal dan l-argument f’din il-proċedura jista’ jwassal lill-Parlament sabiex jikkontesta l-validità tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim jew, jekk ikun il-każ, lil qorti nazzjonali li, adita b’azzjoni mressqa minn individwu li jkun ġie ppreġudikat bit-trasferiment tad-data PNR tiegħu lill-awtorità kompetenti Kanadiża, tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tal-ftehim u l-att ta’ konklużjoni tiegħu. |
50. |
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-Gvern Franċiż u l-Kunsill jiżbaljaw meta jimminimizzaw il-konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst jekk jirriżulta, b’mod definittiv, li, insegwitu għal rikors għal annullament jew rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar validità, tali att kellu jiġi adottat biss, kif sostna l-Parlament, fuq il-bażi legali tal-Artikolu 16 TFUE. |
51. |
Fil-fatt, kif ser insostni iktar ’il quddiem u kif ġie diskuss f’ċerti osservazzjonijiet bil-miktub, jekk l-Artikolu 16 TFUE jitqies li huwa l-unika bażi legali tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, dan jibdel l-istatus tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, peress li dawn l-Istati Membri jkunu marbuta direttament u awtomatikament mill-ftehim, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fl-Artikolu 29 tal-ftehim previst. Fir-rigward speċifikament tar-Renju tad-Danimarka, kull impenn internazzjonali li jkun possibbilment ikkonkluda mal-Kanada, flimkien mal-ftehim previst, ikun għalhekk illegali, peress li dan l-Istat Membru ma jkollux iktar il-kompetenza neċessarja sabiex jistipula tali impenn. |
52. |
Għalhekk jidhirli li, b’kunsiderazzjoni għall-aspetti kollha, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fil-punt 47 tal-Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303), huwa partikolarment xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tieni domanda ta’ din it-talba għal opinjoni sabiex, partikolarment, jiġu evitati kumplikazzjonijiet legali li jistgħu jkunu kkawżati mis-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jissottoskrivi għal impenji internazzjonali mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa, meta, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, huwa ma jkollux iktar il-kompetenza neċessarja sabiex jissottoskrivi jew jimplementa tali impenn. |
53. |
Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ammissibbli t-tieni domanda mressqa mill-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu. |
54. |
Barra minn hekk, billi din il-kwistjoni tirrigwarda l-validità formali tal-att ta’ konklużjoni u teħtieġ l-analiżi tal-għanijiet u tal-kontenut tal-ftehim previst, nissuġġerixxi li din tiġi ttrattata qabel il-kwistjoni relatata mal-kompatibbiltà ta’ dan tal-aħħar mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tad-drittijiet stabbiliti fil-Karta. |
VI – Fuq il-bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst (it-tieni domanda)
A – Sinteżi tal-argumenti tal-Parlament u tal-partijiet ikkonċernati l-oħra
55. |
Il-Parlament kif ukoll il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu li jikkunsidraw li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, kriterji oġġettivi li jinkludu l-għan u l-kontenut tal-att inkwistjoni. |
56. |
Il-Parlament jenfasizza li l-ftehim previst għandu żewġ għanijiet li huma elenkati fl-Artikolu 1 tiegħu. Madankollu, l-għan prinċipali tal-ftehim previst huwa dak li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali. Fil-fatt, skont il-Parlament, il-ftehim previst għandu effett simili għal “deċiżjoni ta’ adegwatezza” u l-għan tiegħu huwa dak li jissostitwixxi d-Deċiżjoni 2006/253 tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, li fiha din l-istituzzjoni kkonstatat, fil-kuntest tal-Ftehim tal-2006, il-livell ta’ protezzjoni adegwat tad-data PNR ittrasferita lill-ASFK. Barra minn hekk, il-ftehim previst ma huwiex intiż sabiex joħloq obbligu għat-trasportaturi tal-ajru li jittrasferixxu data PNR lill-awtoritajiet tal-pulizija Kanadiżi jew Ewropej, fattur li jrendi diffiċli l-ġustifikazzjoni tal-għażla tal-Artikolu 82(1)(d) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE bħala bażijiet legali sostantivi. Skont il-ġurisprudenza, dawn il-konstatazzjonijiet jiġġustifikaw, fil-fehma tal-Parlament, li l-ftehim previst ikun ibbażat fuq il-bażi legali li tikkorrispondi għall-għan prinċipali tal-ftehim previst, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 16 TFUE. Il-kontenut tal-ftehim previst jikkonferma din l-evalwazzjoni. Finalment, il-Parlament jippreċiża li l-Artikolu 16 TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali fil-kampijiet ta’ applikazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni, inkluż dik li taqa’ taħt is-“[SLSĠ]”. |
57. |
Bi tweġiba għal mistoqsija li saret fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament indika li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ftehim previst għandu għanijiet inseparabbli, huwa ma jipprevedi ebda oġġezzjoni għall-fatt li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ikun ibbażat fuq l-Artikolu 16, l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
58. |
Apparti l-Gvern Spanjol u l-KEPD kif ukoll, sussidjarjament, il-Gvern Franċiż, il-partijiet ikkonċernati l-oħra jsostnu li l-għan tal-ftehim previst huwa dak tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, filwaqt li l-protezzjoni tad-data tikkostitwixxi biss, essenzjalment, strument li permezz tiegħu dan l-għan jista’ jintlaħaq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punt 56), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-trasferiment ta’ data PNR lejn l-Istati Uniti kien jikkostitwixxi pproċessar li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istati Membri relatati mal-oqsma tad-dritt kriminali. L-għażla tal-bażi legali tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst għandha ssir b’osservanza ta’ din il-loġika. |
59. |
Il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati jsostnu wkoll li, jekk il-protezzjoni tad-data kellha titqies li tikkostitwixxi għan tal-ftehim previst, dan l-għan ikun biss anċillari meta mqabbel mal-għan prinċipali, fattur li, għaldaqstant, ma għandu ebda konsegwenza fuq l-għażla attwali tal-bażi legali tal-att ta’ konklużjoni. F’dan ir-rigward, il-Kunsill u l-Kummissjoni jippreċiżaw li atti intiżi għar-realizzazzjoni ta’ linji ta’ politika settorjali li jeħtieġu ċertu pproċessar ta’ data personali għandhom ikunu bbażati fuq il-bażi legali li tikkorrispondi għall-politika kkonċernata u mhux fuq l-Artikolu 16 TFUE. |
60. |
Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu kkumulati l-Artikolu 16, l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE bħala bażijiet legali sostantivi tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, il-Gvern Franċiż isostni, sussidjarjament, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tali kumulu huwa kompletament possibbli. Kuntrarjament, l-Irlanda u l-Kunsill isostnu l-oppost. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill speċifika li l-proċedura ta’ votazzjoni fi ħdan il-Kunsill, kif tirriżulta mid-disposizzjonijiet tal-Protokolli (Nru 21) u (Nru 22), tostakola tali ipoteżi. |
B – Analiżi
61. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni, inkluż dak adottat bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom dawk li jinkludu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami ta’ att tal-Unjoni juri li dan tal-aħħar għandu għan doppju jew għandu komponent doppju u jekk wieħed minnhom ikun jista’ jiġi identifikat bħala prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun biss anċillari, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent prinċipali jew predominanti ( 25 ). |
62. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi, “b’mod eċċezzjonali”, li att jista’ jkun ibbażat fuq il-kumulu ta’ diversi bażijiet legali li jikkorrispondu għall-pluralità tal-għanijiet jew tal-komponenti ta’ dan l-att meta dawn l-għanijiet jew dawn il-komponenti jkunu marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed minnhom ikun anċillari meta mqabbel mal-ieħor ( 26 ). F’każ bħal dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk l-użu ta’ pluralità ta’ bażijiet legali jistax jiġi eskluż minħabba li l-proċeduri previsti mid-diversi bażijiet legali inkwistjoni jkunu inkompatibbli ma’ xulxin ( 27 ). |
63. |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim previst, l-att ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandux ikun ibbażat biss fuq l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, bħala bażijiet legali sostantivi, kif indikat fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill u kif issostnu l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati jew jekk dan għandux ikun ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE, b’mod esklużiv jew moqri flimkien mal-imsemmija żewġ artikoli ( 28 ). |
64. |
Dwar dan il-punt tal-aħħar, għandi niċċara li, kuntrarjament għal dak li l-Kunsill espona fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja hija perfettament intitolata, fid-dawl tan-natura mhux kontenzjuża u preventiva tal-proċedura tal-opinjoni, li teżamina t-tieni domanda indirizzata mill-Parlament mill-perspettiva tal-kumulu ta’ bażijiet legali sostantivi, għalkemm il-formulazzjoni ta’ din id-domanda ma tipprevedix dan. Inżid ngħid li l-partijiet ikkonċernati setgħu, kemm fil-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta, jieħdu pożizzjoni fuq dan il-punt. |
65. |
Dan huwa iktar u iktar importanti peress li l-eżami tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim previst għandu, fil-fehma tiegħi, iwassal sabiex jitqies li dan tal-aħħar ifittex żewġ għanijiet u għandu żewġ komponenti, mingħajr, b’mod ġenerali, ma dawn iż-żewġ għanijiet jew dawn id-diversi komponenti jistgħu jkunu ġerarkiċi u dissoċjati. Fil-fehma tiegħi, din il-konstatazzjoni tiġġustifika li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst jadotta bħala bażijiet legali sostantivi l-Artikolu 16 u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, li jimplika li l-proċeduri previsti minn dawn iż-żewġ artikoli jistgħu jikkoeżistu. |
1. Fuq l-għan u l-kontenut tal-ftehim previst
66. |
Mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-ftehim previst jirriżulta li l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu “l-importanza li jipprevjenu, li jiġġieldu, li jrażżnu u li jeliminaw it-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, kif ukoll forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali, filwaqt li jippreservaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta”, filwaqt li r-raba’ paragrafu jżid li l-użu ta’ data PNR jikkostitwixxi strument essenzjali intiż għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. |
67. |
It-tfittxija simultanja, minn naħa, tal-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali u, min-naħa l-oħra, tar-rispett għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali hija kkonfermata mill-ħames u mis-sitt paragrafi tal-preambolu li jenfasizzaw, rispettivament, ir-rieda tal-partijiet kontraenti li “tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà pubblika” u r-rikonoxximent li huma “jikkondividu valuri komuni f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni [tad-data] u l-privatezza”. |
68. |
Bl-istess mod, il-ħmistax-il premessa tal-preambolu tipprovdi espressament li l-Kanada għandha timpenja ruħha sabiex l-awtorità kompetenti tagħha tipproċessa “d-data PNR għall-finijiet tal-prevenzjoni u tal-identifikazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ kriminalità transnazzjonali serja, kif ukoll għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet fil-qasam, f’konformità sħiħa mal-garanziji fil-qasam tar-rispett għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali stipulati fil-[ftehim previst]” |
69. |
Il-ftehim previst għandu għalhekk l-għan li jippermetti lill-Kanada tipproċessa d-data PNR tal-passiġġieri ttrasferita mit-trasportaturi bl-ajru li jagħmlu vjaġġi bejn l-Unjoni u l-Kanada, għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali filwaqt li jiġi żgurat id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u dak għall-protezzjoni tad-data personali taħt il-kundizzjonijiet preskritti mill-ftehim previst innifsu. |
70. |
Din ir-rabta neċessarja bejn dawn iż-żewġ għanijiet hija kkorroborata mill-Artikolu 1 tal-ftehim previst li jistipula li l-partijiet kontraenti għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-trasferiment u l-użu tad-data PNR “biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku u jippreskrivu l-mezzi li bihom tiġi protetta d-dejta”. |
71. |
L-eżami tal-kontenut tal-ftehim previst jikkonferma wkoll li l-mezz tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali permezz tat-trasferiment u l-ipproċessar tad-data PNR huwa awtorizzat biss jekk id-data inkwistjoni tibbenefika minn livell ta’ protezzjoni adegwat. |
72. |
Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 3(1) tal-ftehim previst, il-Kanada għandha tiżgura li l-awtorità Kanadiża kompetenti tipproċessa d-data PNR riċevuta “strettament bl-iskop li jiġu previsti, identifikati, investigati jew imħarrka reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali”, filwaqt li huwa enfasizzat li dan l-ipproċessar għandu jsir “skont dan il-Ftehim”. Din l-ispeċifikazzjoni tfisser b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 5 tal-ftehim previst, “[s]oġġetta għall-konformità ma’ [dan tal-aħħar], l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titqies li, fi ħdan it-tifsira tal-liġi tal-UE rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni […]”. |
73. |
Bl-istess mod, fil-kuntest taż-żamma tad-data PNR u tad-depersonalizzazzjoni progressiva permezz tal-ħabi tal-imsemmija data, skont kif previst fl-Artikolu 16 tal-ftehim previst, il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jawtorizza l-iżvelar tad-data mill-awtoritajiet Kanadiżi biss fil-każ fejn, “abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun meħtieġ li jitwettqu xi investigazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3” tal-ftehim previst. |
74. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(1) tal-ftehim previst jippermettu l-iżvelar sussegwenti tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi oħra jew ta’ pajjiżi terzi biss taħt kundizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti, inklużi dawk li skonthom, minn naħa, l-awtoritajiet inkwistjoni għandhom jeżerċitaw “funzjonijiet [li huma] relatati direttament mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 [tal-ftehim previst]” u, min-naħa l-oħra, dawn l-istess awtoritajiet għandhom joffru protezzjoni jew japplikaw standards ta’ protezzjoni għall-miżuri ta’ garanzija previsti fil-ftehim previst. |
75. |
Mingħajr ma jinvalidaw in-neċessità ta’ konċiljazzjoni taż-żewġ għanijiet imfittxija, ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim previst huma madankollu iktar relatati mal-iskop tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja milli man-neċessità li tkun żgurata protezzjoni xierqa tad-data personali. |
76. |
B’hekk, fir-rigward speċifikament tal-ewwel għan, l-Artikolu 6(2) tal-ftehim previst jobbliga lill-Kanada tikkomunika, f’każijiet partikolari, u fuq talba tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), tal-Aġenzija Ewropea għat-tisħiħ tal-koperazzjoni ġudizzjarja (Eurojust), fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, jew tal-awtorità ġudizzjarja jew tal-pulizija ta’ Stat Membru tal-Unjoni, id-data PNR jew l-informazzjoni analitika li tinkludi fiha data PNR miksuba skont il-ftehim previst “biex jiġu previsti, identifikati, investigati, jew imħarrka, fl-Unjoni Ewropea, reati terroristiċi jew forom serji oħra ta’ kriminalità transnazzjonali”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(2) tal-ftehim previst, huwa previst li l-partijiet kontraenti jikkooperaw bil-għan li jqarrbu s-sistemi rispettivi tagħhom ta’ pproċessar ta’ PNR “b’tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-UE u ta’ bnadi oħra.” |
77. |
Fir-rigward tat-termini li jaqgħu pjuttost taħt il-garanziji offruti mill-ftehim previst fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, dan jipprevedi sensiela ta’ regoli dwar is-sigurtà u l-integrità tad-data (Artikolu 9 tal-ftehim previst), l-aċċess, il-korrezzjoni u l-annotazzjoni tad-data fuq talba ta’ individwi (Artikoli 12 u 13 tal-ftehim previst), is-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data PNR kif ukoll ir-rimedji amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli għall-persuni kkonċernati (Artikoli 10 u 14 tal-ftehim previst). |
78. |
Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim previst, dan tal-aħħar, għalhekk, ifittex żewġ għanijiet u għandu żewġ komponenti essenzjali, li, finalment, il-maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati aċċettat jew, tal-inqas, ikkonċediet. |
79. |
Kuntrarjament għal dak sostnut mill-partijiet ikkonċernati insostenn tal-argumenti invokati, huwa diffiċli, fil-fehma tiegħi, li wieħed jiddetermina liema wieħed minn dawn l-għanijiet jipprevali fuq l-ieħor. |
80. |
Fil-fatt, kif id-deskrizzjoni tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim previst donnha turi, dawn iż-żewġ għanijiet għandhom jiġu mfittxija simultanjament u fil-fatt jidhru li huma inseparabbli. Minn naħa, kif diġà enfasizzajt, it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data PNR lill-awtorità kompetenti Kanadiża għall-finijiet esposti fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst huma permessi biss jekk dawn l-operazzjonijiet ikunu akkumpanjati minn protezzjoni xierqa tad-data, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, konformement mal-Artikolu 5 tal-ftehim previst. Fi kliem ieħor, jekk din il-protezzjoni ma tiġix żgurata, it-trasferiment tad-data PNR previst mill-ftehim previst ma jkunx jista’ jsir legalment. Min-naħa l-oħra, il-garanziji previsti mill-ftehim previst f’termini ta’ protezzjoni ta’ data personali huma neċessarji biss minħabba l-fatt li d-data PNR għandha tiġi ttrasferita lill-awtorità Kanadiża kompetenti skont il-leġiżlazzjoni Kanadiża u t-termini tal-ftehim previst. Kif juru diversi dispożizzjonijiet tal-ftehim previst, bħall-Artikoli 16, 18 u 19 tiegħu, il-ftehim previst jipprevedi, għalhekk, il-konċiljazzjoni tal-għan ta’ sigurtà mal-għan ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, partikolarment dak tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom. |
81. |
Kollox ma’ kollox, inqis li dawn iż-żewġ għanijiet u dawn iż-żewġ komponenti tal-ftehim previst huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed minnhom huwa sekondarju u indirett meta mqabbel mal-ieħor. |
82. |
Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-Kummissjoni dedott mill-punt 56 tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment tad-data PNR lejn l-Istati Uniti kien jikkostitwixxi pproċessar intiż għas-sigurtà pubblika u għall-attivitajiet tal-Istati Membri relatati mal-oqsma tad-dritt kriminali. |
83. |
Fil-fatt, qabelxejn, din il-proċedura ta’ opinjoni għandha bħala suġġett il-ftehim previst mal-Kanada u mhux l-ewwel ftehim konkluż mal-Istati Uniti fl-2004 u d-deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni adottata fl-istess sena, li kienu s-suġġett tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Parlament. |
84. |
Sussegwentement, u iktar fundamentalment, il-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni barra mill-kuntest tal-konstatazzjoni li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-punt tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), li, infakkar, ngħatat qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona. |
85. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistiedna mill-Parlament tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx tadotta deċiżjoni ta’ adegwatezza, ibbażata fuq l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46, dwar il-livell ta’ protezzjoni xieraq iggarantit għall-ipproċessar ta’ data personali inkluża fir-reġistri PNR ittrasferita lejn l-Istati Uniti, billi l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-ipproċessar li għandu l-għan, b’mod partikolari, is-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istat relatati mal-oqsma tad-dritt kriminali. Loġikament, il-Qorti tal-Ġustizzija rrispondiet fin-negattiv. Fil-fatt, l-ipproċessar tad-data PNR fil-kuntest tal-ftehim mal-Istati Uniti ma setax jintrabat mat-twettiq ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, iżda kien jaqa’ fil-qafas stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika, li ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 ( 29 ). |
86. |
Din l-evalwazzjoni ma tfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet definittivament dwar is-suġġett tal-ftehimiet PNR, inkluż, għall-finijiet tal-argument, dak tal-ftehim previst jew, a fortiori, li hija ddeċidiet definittivament li dawn il-ftehimiet għandhom bħala għan esklużiv, prinċipali jew ewlieni l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, kif tinsinwa b’mod żbaljat il-Kummissjoni. |
87. |
Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), lanqas ma tfisser, evidentement, li billi ddeċidiet fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tad-Direttiva 95/46, hija imponiet, fl-istess okkażjoni u b’mod antiċipat, limiti għall-Artikolu 16 TFUE. |
88. |
Insostenn tal-argument tagħha li l-għan ta’ sigurtà tal-ftehim previst huwa ewlieni u għaldaqstant jiġġustifika l-bażi legali magħżula, il-Kummissjoni tipprova, barra minn hekk, tagħmel analoġija bejn din il-kawża u dik li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014 Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298). |
89. |
F’din il-kawża, li kienet tittratta d-determinazzjoni tal-bażi legali adatta tad-Direttiva 2011/82/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, li tiffaċilita l-iskambju transkonfinarju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq ( 30 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li stabbilixxiet li l-għan ewlieni ta’ dan l-att jikkonsisti fit-titjib tas-sigurtà tat-toroq (u għalhekk tat-trasport), li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni implementata mid-Direttiva, tikkostitwixxi “l-istrument li permezz tiegħu din issegwi [dan] l-għan” ( 31 ). Id-Direttiva 2011/82 ma kellhiex għalhekk tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 87(2) TFUE (kooperazzjoni mill-pulizija) iżda fuq dik tal-Artikolu 91(1)(c) TFUE li jaqa’ taħt it-titolu tal-politika tat-trasport. |
90. |
Filwaqt li lest naċċetta li hemm analoġija parzjali bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet, dan bl-ebda mod ma jbiddel l-analiżi li l-ftehim previst ifittex żewġ għanijiet u għandu żewġ komponenti inseparabbli. Għalhekk, il-fatt li t-trasferiment tad-data PNR għall-benefiċċju tal-awtorità kompetenti Kanadiża jista’ jikkostitwixxi l-istrument li permezz tiegħu l-partijiet kontraenti jfittxu l-għan ta’ sigurtà pubblika tal-ftehim previst ma jaffettwax il-konstatazzjoni li l-għan tal-ftehim previst, kif partikolarment deskritt fl-Artikolu 1 tal-istess ftehim, huwa doppju. Barra minn hekk, il-karatteristika tal-ftehim previst, li tiddistingwih speċifikament mid-Direttiva 2011/82, tirrigwarda l-fatt li l-effiċjenza massima mfittxija mill-istrument li jikkostitwixxi t-trasferiment tad-data PNR sabiex jintlaħqu l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst għandha tiġi bbilanċjata mal-garanziji fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali previsti minn dan il-ftehim u li jagħmlu parti biss mit-tieni għan imfittex minn dan tal-aħħar. |
91. |
Finalment, lanqas ma huma konvinċenti l-argumenti tal-Parlament insostenn tal-pożizzjoni tiegħu li ċ-“ċentru tal-gravità” tal-ftehim previst jinsab b’mod predominanti fil-garanziji li t-termini tiegħu joffru lill-passiġġieri fil-qasam tal-protezzjoni tad-data PNR tagħhom, li jiġġustifika li d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ dan l-att tkun ibbażata biss fuq l-Artikolu 16 TFUE. |
92. |
Minn naħa, huwa inkorrett li jiġi sostnut li l-ftehim previst ma jipprevedi ebda obbligu min-naħa tal-kumpanniji tal-ajru sabiex jittrażmettu d-data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti sabiex din id-data tiġi pproċessata skont l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst. Huwa minnu, kif josserva l-Parlament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-Artikolu 4(1) tal-ftehim previst jispeċifika li l-Unjoni għandha tiżgura biss li t-trasportaturi tal-ajru “ma jiġux [preklużi]” milli jittrasferixxu d-data PNR lill-awtorità Kanadiża kompetenti. Madankollu, mill-interpretazzjoni flimkien ta’ dan l-artikolu, intitolat “L-iżgurar li tiġi pprovduta d-dejta tal-PNR”, u tal-Artikoli 5 ( 32 ), 20 ( 33 ) u 21 ( 34 ) tal-ftehim previst jirriżulta, kif il-Parlament barra minn hekk irrikonoxxa fit-tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-trasportaturi tal-ajru huma fid-dritt u fil-prattika marbuta li jipprovdu l-aċċess għad-data PNR b’mod sistematiku lill-awtorità Kanadiża kompetenti għall-finijiet iddefiniti fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst. |
93. |
Min-naħa l-oħra, l-għan tal-ftehim previst ma jistax prinċipalment jiġi assimilat ma’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, simili għal dik li l-Kummissjoni adottat fl-ambitu tal-Ftehim tal-2006 ( 35 ). Kif diġà indikat, kemm l-għan kif ukoll il-kontenut tal-ftehim previst juru għall-kuntrarju li dan tal-aħħar huwa intiż li jgħaqqad flimkien iż-żewġ għanijiet li huwa jfittex u li dawn huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli. |
94. |
Liema konsegwenza għandha għalhekk din il-konstatazzjoni fuq id-determinazzjoni tal-bażi legali tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst? |
2. Fuq il-bażi legali adatta
95. |
Kif diġà ssemma, huwa paċifiku li l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill intiż sabiex jikkonkludi l-ftehim previst huwa bbażat fuq l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, li jaqgħu t-tnejn taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar is-“[SLSĠ]”. |
96. |
Fid-dawl taż-żewġ għanijiet u taż-żewġ komponenti inseparabbli tal-ftehim previst deskritti iktar ’il fuq, jidhirli li dawn il-bażijiet legali sostantivi huma, ċertament, għall-inqas parzjalment, rilevanti, iżda insuffiċjenti. Fil-fatt, inqis li huwa xieraq u li huwa possibbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza, li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst jiġi bbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE. |
a) Fuq ir-rilevanza tal-Artikolu 82(1)(d) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE
97. |
Fir-rigward tal-ewwel punt, jiġifieri r-rilevanza tal-Artikolu 82(1)(d) u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE, għandu qabelxejn jinftiehem il-fatt li l-kostruzzjoni ta’ SLSĠ teħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza esterna tagħha. |
98. |
Minbarra l-possibbiltà ta’ ftehimiet ta’ dħul mill-ġdid, skont l-Artikolu 79(3) TFUE dwar il-politika tal-immigrazzjoni u li ma huwiex rilevanti għal dan il-każ, l-Unjoni ma ngħatatx kompetenza esterna espliċita, ta’ natura ġenerali, relatata mas-SLSĠ. Madankollu, l-Artikolu 216(1) TFUE jippermetti lill-Unjoni li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u/jew ġudizzjarja f’materji kriminali, partikolarment meta dan ikun meħtieġ sabiex jinkiseb wieħed mill-għanijiet previsti mit-trattati. |
99. |
Ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma tqiegħed f’dubju din il-possibbiltà. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax madankollu tillimita ruħha għal din il-konstatazzjoni, fil-fehma tiegħi. Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonsakra numru ta’ argumenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni fl-opinjoni li hija mitluba tagħti. |
100. |
L-aċċettazzjoni tal-kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tas-SLSĠ teħtieġ li wieħed ikun jista’ jorbot l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali mal-għanijiet imfittxija mis-SLSĠ. |
101. |
Dawn l-għanijiet huma pprovduti fl-Artikolu 3(2) TUE u fl-Artikolu 67 TFUE. L-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tipprovdi li “[l]-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha [SLSĠ] mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-fruntieri esterni […] kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”. L-Artikolu 67 TFUE, li jiftaħ il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-Unjoni “għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, ir-razziżmu u l-ksenofobija, permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn […]”. |
102. |
Kif sostna ġustament l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Jannar 2014 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:41, punti 111 u 112), id-dimensjoni esterna tas-SLSĠ hija funzjonali u strumentali fid-dawl tal-għanijiet espressi minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Minn dan isegwi li, filwaqt li l-kostruzzjoni tas-SLSĠ tista’ teħtieġ azzjoni esterna min-naħa tal-Unjoni, jeħtieġ, sabiex ftehim ikun jista’ jitqies li jaqa’ taħt is-SLSĠ, li dan ikollu rabta mill-qrib mal-libertà, mas-sigurtà u mal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri rabta diretta bejn l-għan ta’ sigurtà interna tal-Unjoni u l-kooperazzjoni mill-pulizija u/jew ġudizzjarja żviluppata barra mill-Unjoni ( 36 ). |
103. |
F’kuntest ieħor iżda fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(2) TFUE fid-dawl tal-Artikolu 67 TFUE, ippreċiżat li, sabiex att tal-Unjoni jkun jista’, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu, ikun ibbażat fuq l-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli, dan l-att għandu jintrabat direttament mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 67 TFUE ( 37 ). |
104. |
Dan huwa l-każ, fil-fehma tiegħi, tal-ftehim previst. |
105. |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, dan il-ftehim japplika għat-trasferiment, għall-ipproċessar u għall-użu ta’ data PNR għall-finijiet tas-sigurtà pubblika u l-attivitajiet tal-Istat relatati mal-oqsma tad-dritt kriminali ( 38 ), jiġifieri speċifikament il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità transnazzjonali serja, inklużi l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet marbuta magħhom. Skont l-Artikolu 1 tal-ftehim previst, dan huwa intiż speċifikament sabiex tiġi żgurata “is-sigurtà u s-sikurezza tal-pubbliku”, li jimplika evidentement dik taċ-ċittadini tal-Unjoni, partikolarment dawk li jużaw il-konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea ( 39 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tal-ftehim previst jobbliga lill-Kanada, fuq talba senjatament tal-awtorità tal-pulizija u ġudizzjarja ta’ Stat Membru tal-Unjoni, tikkomunika, f’każijiet speċifiċi, id-data PNR jew l-informazzjoni analitika inkluża f’tali data miksuba skont il-ftehim previst għall-finijiet tal-prevenzjoni jew tal-identifikazzjoni ta’ reat terroristiku jew ta’ att serju ta’ kriminalità transnazzjonali “fl-Unjoni Ewropea”. |
106. |
Fit-tieni lok, minkejja li l-ġbir u t-trasferiment inizjali tad-data PNR isiru mit-trasportaturi tal-ajru, it-termini tal-ftehim previst jikkostitwixxu qafas ġuridiku stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta’ ripressjoni ( 40 ). Kif diġà ssemma’, il-ftehim previst jistabbilixxi regoli għall-aċċess għad-data PNR u/jew għall-informazzjoni analitika inkluża f’tali data mill-awtoritajiet kompetenti Kanadiżi kif ukoll t-trażmissjoni sussegwenti ta’ tali data inter alia lill-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjari kompetenti tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha kif ukoll dawk ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst. Barra minn hekk, kif jirriżulta ċar mid-diskussjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-perijodu taż-żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 16(1) u (5) tal-ftehim previst, ġie stabbilit sabiex jippermetti u jiffaċilita l-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji relatati, b’mod partikolari, man-netwerks internazzjonali tal-attivitajiet kriminali serji. Madankollu, fid-dawl tal-kliem wiesa’ ħafna tal-Artikolu 16(5) tal-ftehim previst, dawn l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet jistgħu jinkludu dawk imwettqa mill-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji tal-Istati Membri tal-Unjoni. Tali regoli jaqgħu, fil-prinċipju, taħt il-qasam kopert mill-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ( 41 ). |
107. |
Minn dan nikkonkludi, minn naħa, li, sa fejn jipprevedi l-miżuri li l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jistabbilixxu fir-rigward tal-“ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti” għall-finijiet tal-kooperazzjoni tal-pulizija “fl-oqsma tal-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali.” prevista fl-Artikolu 87(1) TFUE, l-Artikolu 87(2)(a) TFUE jikkostitwixxi bażi legali adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst. Għal kull skop utli, inżid li din il-kooperazzjoni u dawn l-iskambji ma jeħtiġux neċessarjament li jsiru bejn awtoritajiet li huma speċifikament ikklassifikati, fid-dritt nazzjonali, bħala servizzi tal-pulizija stricto sensu. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) TFUE jassoċja mall-kooperazzjoni tal-pulizija, b’mod partikolarment wiesa’, “l-awtoritajiet kompetenti kollha ta’ l-Istati Membri, inkluża l-pulizija, is-servizzi tad-dwana u servizzi oħrajn ta’ l-infurzar tal-liġi […]” ( 42 ), espressjoni li tawtorizza perfettament, fil-kuntest tad-dimensjoni esterna tas-SLSĠ, il-kooperazzjoni mal-ASFK sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà interna tal-Unjoni. |
108. |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-aspett ta’ “kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali” tal-ftehim previst, minkejja l-elementi enfasizzati fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq, nistqarr li neżita li nikkunsdira li l-ftehim previst jista’ jikkostitwixxi miżura li tikkontribwixxi direttament sabiex “[tiffaċilita] l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ proċedimenti f’materji kriminali u l-infurzar tad-deċiżjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE. Kif speċifikament irrikonoxxa l-Gvern tar-Renju Unit fit-tweġiba tiegħu għal waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss f’ċerti każijiet li l-ftehim previst jista’ jiffaċilita din il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri. Tali kooperazzjoni, madankollu, tiddependi minn numru partikolari ta’ parametri, kemm fattwali kif ukoll legali, lil hinn mit-termini tal-ftehim previst. Għalhekk, jidher li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri hija biss konsegwenza indiretta tal-qafas stabbilit mill-ftehim previst. Ċertament, il-fatt li l-Artikolu 6 tal-ftehim previst ma jikkostitwixxix obbligu biss għall-awtorità Kanadiża kompetenti iżda b’mod iktar ġenerali “għall-Kanada” li tittrażmetti id-data PNR jew l-informazzjoni analitika lil awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri jista’ jinftiehem bħala li jimponi wkoll tali obbligu fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat terz. Jekk din l-interpretazzjoni titqies korretta u skambju ta’ data PNR bejn awtoritajiet ġudizzjarji jkun prevedibbli, jibqa’ l-fatt li, fl-istadju attwali tar-redazzjoni tiegħu, il-ftehim previst ma jidhirx li jikkontribwixxi ġenwinament sabiex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji jew ekwivalenti tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, huwa biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta interpretazzjoni iktar ġeneruża tal-Artikolu 82(1)(d) TFUE, jekk xieraq, moqri flimkien mal-Artikolu 67(3) TFUE li jipprovdi li l-Unjoni “għandha tagħmel ħilitha sabiex tassigura livell għoli ta’ sigurtà […] permezz ta’ miżuri ta’ koordinazzjoni u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet […] ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn” jew jekk il-partijiet kontraenti jemendaw it-termini tal-ftehim previst fis-sens ta’ teħid inkunsiderazzjoni iktar dirett tad-dimensjoni legali tal-ftehim previst li l-Artikolu 82(1)(d) TFUE jkun jista’ validament jikkostitwixxi bażi legali addizzjonali għall-att ta’ konklużjoni tal-imsemmi ftehim. |
109. |
Insostni wkoll li l-evalwazzjoni li skontha l-Artikolu 82(1)(d) TFUE ma jistax validament iservi ta’ bażi għall-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, imsemmi minn ċerti partijiet ikkonċernati, li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li rispettivament jikkonkludu ftehimiet PNR mal-Awstralja u mal-Istati Uniti huma bbażati fuq din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 87(2)(a) TFUE ( 43 ). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, hija irrilevanti, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-bażi legali tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst f’dan il-każ, il-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra tal-Unjoni li jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili ( 44 ). |
110. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-istadju attwali tar-redazzjoni tal-ftehim previst, naħseb li l-Artikolu 87(2)(a) TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst. |
111. |
Għalhekk, jidhirli li din il-bażi legali sostantiva, validament indikata fl-abbozz tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, hija insuffiċjenti sabiex l-Unjoni tkun tista’ tikkonkludi dan tal-aħħar. |
b) Fuq in-neċessità li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ikun ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE
112. |
Fil-fatt, kif il-Parlament ġustament sostna fit-talba tiegħu, l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, u anki barra minn hekk, b’mod ġenerali, it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE dwar s-SLSĠ, ma jipprevedix l-adozzjoni ta’ regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali. |
113. |
Kif urejt preċedentement, wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-ftehim previst, kif jindika l-Artikolu 1 tiegħu, huwa preċiżament dak li “jippreskriv[i] l-mezzi li bihom […] d-dejta” PNR tal-passiġġieri li jużaw il-konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea “tiġi protetta”. Kif diġà enfasizzat, il-kontenut tal-ftehim previst jikkorrobora dan l-għan, b’mod partikolari t-termini li jinsabu fil-kapitolu dwar il-“garanziji applikabbli għall-ipproċessar tad-data PNR”, li jinkorpora l-Artikoli 7 sa 21 tal-ftehim previst. |
114. |
F’dan il-kuntest, l-azzjoni tal-Unjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata, fil-fehma tiegħi, fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE li, infakkar, jattribwixxi lill-Parlament u lill-Kunsill l-oneru li jistabbilixxi r-regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali partikolarment mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mal-moviment liberu tad-data. Tliet raġunijiet prinċipali jimmotivaw dan l-approċċ. |
115. |
Qabelxejn, bħar-raġunament espost iktar ’il fuq dwar id-dimensjoni esterna tas-SLSĠ, l-Unjoni għandha titqies, konformement mal-Artikolu 216(1) TFUE, li hija awtorizzata tikkonkludi ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz li s-suġġett tiegħu jirrigwarda l-istabbiliment ta’ regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali fejn dan ikun neċessarju sabiex jitwettaq wieħed mill-għanijiet previsti mit-Trattati, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 16 TFUE. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-ftehim previst li wieħed mill-għanijiet essenzjali tiegħu huwa, essenzjalment, li jippreskrivi l-mezzi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data PNR tal-passiġġieri li jużaw il-konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, naħseb li ma hemm l-ebda dubju li t-termini tal-ftehim previst għandhom jiġu kklassifikati bħala “regoli” relatati mal-protezzjoni tad-data personali ta’ persuni fiżiċi, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE, li għandu l-għan li jorbot lill-partijiet kontraenti. |
116. |
Sussegwentement, u kuntrarjament għal dak li preċedentement kien il-każ fir-rigward tal-Artikolu 286 KE, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE, li jaqa’ taħt it-Titolu II tal-Ewwel Parti ta’ dan it-trattat, intitolat “Dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali”, huwa intiż sabiex jikkostitwixxi l-bażi legali tar-regoli kollha adottati fil-livell tal-Unjoni relatati mal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, inklużi dawk li jaqgħu fl-ambitu tal-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. Fil-fatt, kif jispeċifika t-tieni subparagrafu tal-artikolu, huma biss ir-regoli marbuta mal-protezzjoni tad-data personali adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni li għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 39 TUE. Din l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE hija, minn naħa, ikkonfermata mill-ommissjoni ta’ kull riferiment għall-adozzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali fuq il-bażi tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Għandu jitfakkar li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 30(1)(b) TUE kien jipprevedi, għall-kuntrarju, li azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija setgħet tkopri, inter alia, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti “soġġett[i] għal dispożizzjonijiet xierqa dwar il-protezzjoni tad-data personali”, formulazzjoni li barra minn hekk awtorizzat lill-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali ( 45 ). Min-naħa l-oħra, kif ser nerġa’ nispjega iktar ’il quddiem, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Protokolli (Nru 21) u (Nru 22) ipprevedew l-ipoteżi li r-regoli bbażati fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2)TFUE jkunu jistgħu jiġu adottati fl-ambitu tal-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kapitoli tat-Trattat FUE relatati mal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
117. |
Minn dan isegwi, u sabiex jitneħħa kull dubju fir-rigward tal-ambigwità tal-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Artikolu 16 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 87(2)(a) kif ukoll l-Artikolu 82(1)(d) TFUE, min-naħa l-oħra, ma jistax ikollhom relazzjonijiet ġerarkiċi “lex generalis – lex specialis”. Fil-fatt, kif juru b’mod partikolari l-protokolli ċċitati iktar ’il fuq, il-Partijiet Kontraenti Għolja pprevedew il-possibbiltà li att tal-Unjoni jkun jista jiġi bbażat fl-istess ħin fuq dawn it-tliet artikoli, preċiżament minħabba l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni distinti. |
118. |
Finalment, kif sostnew b’mod partikolari l-Parlament, il-Kummissjoni u l-KEDP fit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsija bil-miktub li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rilevanza tal-Artikolu 16 TFUE bħala bażi legali għall-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ma tistax titqiegħed f’dubju mill-fatt li l-miżuri ta’ protezzjoni li dan l-artikolu jippermetti li jiġu adottati huma relatati mal-ipproċessar tad-data minn awtoritajiet tal-Istati Membri u mhux, bħal f’dan il-każ, mat-trasferiment tad-data miġbura qabel minn entitajiet privati (it-trasportaturi tal-ajru) lejn pajjiż terz. |
119. |
Fil-fatt, minn naħa, biex nipparafrażi lill-Avukat Ġenerali Léger, l-obbligu li bih hija marbuta kumpannija tal-ajru skont qari flimkien tal-Artikoli 4, 5, 20 u 21 tal-ftehim previst, li tittrasferixxi direttament serje ta’ data PNR lill-Kanada, ma huwiex “fundamentalment differenti minn skambju dirett ta’ data bejn awtoritajiet pubbliċi” ( 46 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “pproċessar ta’ data”, fis-sens tad-Direttiva 95/46, it-trasferiment ta’ data personali minn operatur privat minn Stat Membru lejn pajjiż terz ( 47 ), l-interpretazzjoni strettament letterali tal-bażi legali ġdida li jikkostitwixxi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE twassal għall-qsim tas-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali. Interpretazzjoni bħal din tidher li tikkontradixxi l-intenzjoni tal-Partijiet Kontraenti Għolja li joħolqu bażi legali, fil-prinċipju, unika li tippermetti espressament lill-Unjoni tadotta regoli relatati mal-protezzjoni tad-data personali ta’ persuni fiżiċi. Għalhekk, din tkun limitazzjoni li hija diffiċli li wieħed jispjega fid-dawl tas-sistema preċedentement ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-suq intern. Din l-interpretazzjoni strettament letterali tal-Artikolu 16 TFUE għandha, konsegwentement, l-effett li ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni minn parti kbira mill-effettività tagħha. |
120. |
Konsegwentement, fid-dawl tal-għanijiet u tal-komponenti tal-ftehim previst, li huma marbuta flimkien b’mod inseparabbli, l-att ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim għandu, fil-fehma tiegħi, ikun ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE bħala bażijiet legali sostantivi. |
121. |
Konformement mal-ġurisprudenza, iż-żamma ta’ pluralità ta’ bażijiet legali għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni teħtieġ li l-proċeduri previsti mid-diversi bażijiet legali inkwistjoni jkunu kompatibbli ( 48 ). |
122. |
F’dan il-każ, kemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 87(2)(a) TFUE jipprevedu li, sabiex jadottaw il-miżuri previsti minn dawk iż-żewġ artikoli, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, dan japplika wkoll għall-miżuri bbażati fuq l-Artikolu 82(1)(d) TFUE kemm-il darba l-Qorti jkollha tqis dan l-artikolu bħala li jikkostitwixxi bażi legali sostantiva adatta għall-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst. |
123. |
Għaldaqstant, il-proċeduri speċifikament previsti minn dawn l-artikoli huma kompatibbli, fis-sens tal-ġurisprudenza. Dawn ma jipprekludux għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja milli żżomm pluralità ta’ bażijiet legali għall-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst. |
124. |
Il-Kunsill, sostnut mill-Irlanda, isostni madankollu li wieħed għandu jmur lil hinn minn din il-konstatazzjoni billi jeżamina l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit fi ħdan il-Kunsill, kif previsti rispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-Protokolli (Nru 21) u (Nru 22). Skont dawn il-partijiet ikkonċernati, dawn il-modalitajiet jipprekludu l-applikazzjoni konġunta, bħala bażijiet legali sostantivi, tal-Artikolu 16 TFUE u tal-Artikolu 87(2)(a) TFUE. Speċifikament, il-Kunsill spjega fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mhux mingħajr ċerti kontradizzjonijiet u inkoerenzi ( 49 ), li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-protokolli jiddistingwu l-kwistjoni tan-natura mhux vinkolanti tar-regoli stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 16 TFUE dwar l-ipproċessar ta’ data personali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, mill-kwistjoni tal-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tliet Stati Membri fil-votazzjoni fi ħdan il-Kunsill, meta dan tal-aħħar jintalab jadotta tali regoli. Minn dan isegwi li, filwaqt li dawn it-tliet Stati Membri ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu fil-kamp tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, ħlief fil-każ fejn l-Irlanda u r-Renju Unit ikunu ddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-opt-in, huma jipparteċipaw dejjem fl-adozzjoni tar-regoli li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 16 TFUE jintuża bħala bażi legali, minkejja l-fatt li, skont il-protokolli rispettivi, dawn il-miżuri ma jorbtuhomx. |
125. |
Dan l-argument jimmerita ċerta attenzjoni, anki jekk, fl-aħħar mill-aħħar, inqis li dan għandu jiġi miċħud. |
126. |
Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ż-żewġ protokolli inkwistjoni ma jistax ikollhom effett, “ta’ kwalunkwe tip, fuq il-kwistjoni dwar il-bażi legali adatta” għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni ( 50 ). B’hekk, skont din il-ġurisprudenza, jekk, fi tmiem l-analiżi tal-għan u tal-kontenut tal-ftehim previst u kuntrarjament għal dak li sostnejt iktar ’il fuq, l-att ta’ konklużjoni ta’ dan il-ftehim ikollu jiġi bbażat biss fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE, iż-żewġ protokolli inkwistjoni, minkejja l-kliem tal-Artikolu 29 tal-ftehim previst, ma jkunux jistgħu “jinnewtralizzaw” din il-konstatazzjoni. Fi kliem ieħor, it-tliet Stati Membri inkwistjoni jkollhom jipparteċipaw fl-adozzjoni tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst u jkunu marbuta bih. |
127. |
L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-każ li jkun hemm żewġ bażijiet legali, li jipprevedu l-istess proċedura ta’ adozzjoni (proċedura leġiżlattiva ordinarja u votazzjoni bil-maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill), iżda li jaffettwaw b’mod differenti l-parteċipazzjoni, fi ħdan il-Kunsill, tat-tliet Stati Membri kkonċernati għall-adozzjoni tal-att inkwistjoni, tirriżulta iktar delikata. |
128. |
Sa fejn, f’dan il-każ, hawn inkwistjoni d-determinazzjoni tal-bażi legali adatta ta’ att speċifiku, jiġifieri l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, din il-kwistjoni ma teħtieġx li tiġi riżolta fir-rigward tal-Irlanda u tar-Renju Unit. Fil-fatt, huwa paċifiku li, konformement mal-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21), dawn iż-żewġ Stati Membri nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jkunu marbuta bil-ftehim previst, b’mod li huma għandhom jipparteċipaw fl-adozzjoni tal-att ta’ konklużjoni tiegħu. Għalhekk, ebda argument ta’ natura proċedurali fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri ma jipprekludi li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst jiġi bbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE. |
129. |
Fir-rigward tal-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2a tal-Protokoll (Nru 22), l-Artikolu 2 tiegħu, li jipprovdi li inter alia ebda miżura jew ebda ftehim internazzjonali adottat skont it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE ma jorbot lir-Renju tad-Danimarka, japplika wkoll fir-rigward tar-regoli stabbiliti fuq il-bażi legali tal-Artikolu 16 TFUE li jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tat-Tielet Parti ta’ dan it-trattat, jiġifieri li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali. |
130. |
Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex ser ikun marbut bit-termini tal-ftehim previst. Madankollu, il-Kunsill isostni li, billi sempliċement jirreferi għall-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 22) u mhux għall-Artikolu 1 tiegħu, li jipprovdi li r-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipax fl-adozzjoni mill-Kunsill ta’ miżuri proposti li jaqgħu taħt it-Tielet Parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, l-Artikolu 2a tal-Protokoll jimplika, a contrario, li r-Renju tad-Danimarka jipparteċipa fl-adozzjoni tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst jekk dan ikun ibbażat fuq l-Artikolu 16 TFUE. |
131. |
Din il-linja ta’ raġunament ma tikkonvinċinix jew, minn tal-inqas, ma għandhiex il-konsegwenzi li jagħtiha l-Kunsill fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst. |
132. |
Fil-fatt, ma naħsibx li l-Partijiet Kontraenti Għolja kellhom l-intenzjoni li jippermettu lir-Renju tad-Danimarka li ma jkunx marbut b’att li jkollu bħala bażi legali kemm l-Artikolu 16 TFUE kif ukoll waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati mal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, filwaqt li jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan l-att, bir-riskju inerenti li r-Renju tad-Danimarka jista’ jingħaqad ma’ grupp ta’ Stati Membri li jopponu li dan l-att jiġi ġustament adottat, b’mod li jipprekludi li tkun tista’ tintlaħaq maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill. Jidhirli li dan imur kontra l-għan tal-Protokoll (Nru 22) li huwa dak li jfittex bilanċ bejn in-neċessità li tiġi indirizzata l-pożizzjoni speċifika tar-Renju tad-Danimarka u dik li l-Istati Membri l-oħra (inkluż, fejn applikabbli, l-Irlanda u r-Renju Unit) ikunu jistgħu jkomplu bil-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-SLSĠ. |
133. |
Ċertament, tista’ titqajjem oġġezzjoni għal din l-interpretazzjoni li, skont il-preambolu tal-Protokoll (Nru 22), il-Partijiet Kontraenti Għolja jinnotaw li r-Renju tad-Danimarka ma jżommx lill-Istati Membri l-oħra milli jkomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-miżuri li ma jorbtux lil dan l-Istat Membru. B’hekk, skont din it-teżi, għalkemm awtorizzat jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 2a ta’ dan il-protokoll li ma jorbtuhx, ir-Renju tad-Danimarka impenja ruħu li qatt ma jopponi l-adozzjoni tagħhom. |
134. |
Li kieku din ikollha tkun l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll (Nru 22), il-konsegwenza tkun li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst ma jkunx jista’ jiġi bbażat fuq il-kumulu tal-Artikolu 16 u tal-Artikolu 87(2)(a) tat-TFUE, minħabba allegata inkompatibbiltà tal-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ dan l-att, għas-sempliċi raġuni li r-Renju tad-Danimarka jipparteċipa purament formalment fl-adozzjoni ta’ dan l-att. Minn dan isegwi li din il-parteċipazzjoni purament formali tad-Danimarka fl-adozzjoni tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst “tinnewtralizza” l-analiżi oġġettiva tal-bażi legali ta’ dan l-att, analiżi li, infakkar, hija bbażata fuq l-eżami tal-għanijiet u tal-kompenenti ta’ dan il-ftehim. Din il-konsegwenza tmur manifestament kontra l-ġurisprudenza li tipprovdi li ma hijiex il-proċedura li tiddefinixxi l-bażi legali ta’ att, iżda hija l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar ( 51 ). Din il-ġurisprudenza tapplika, fil-fehma tiegħi, a fortiori meta l-proċedura li allegatament għandha tiġi segwita timplika, fi ħdan il-Kunsill, parteċipazzjoni purament formali tar-Renju tad-Danimarka fl-adozzjoni ta’ att li bih dan l-Istat Membru b’ebda mod ma jkun marbut. |
135. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda indirizzata mill-Parlament fis-sens li l-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, fid-dawl tal-għanijiet u tal-komponenti ta’ dan il-ftehim, li huma marbuta b’mod inseparabbli bejniethom, mingħajr ma wħud minnhom huma anċillari għall-oħrajn, għandu jkun ibbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 87(2)(a) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE ( 52 ). |
VII – Fuq il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Karta (l-ewwel domanda)
A – Sinteżi tat-talba u tal-osservazzjonijiet tal-Parlament kif ukoll tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati l-oħra
1. Sinteżi tat-talba u tal-osservazzjonijiet tal-Parlament
136. |
Il-Parlament iqis li, fid-dawl partikolarment tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm inċertezza legali fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ftehim previst huwiex kompatibbli mal-Artikolu 16 TFUE u mal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
137. |
Skont il-Parlament, huwa evidenti li l-ġabra, it-trasferiment, l-analiżi, iż-żamma u t-trasferiment sussegwenti ta’ data PNR previsti mill-ftehim previst jikkostitwixxu diversi okkorrenzi ta’ “pproċessar” u diversi għamliet ta’ indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Fid-diversi għamliet tiegħu, dan l-indħil għandu portata wiesgħa u huwa partikolarment serju ( 53 ). |
138. |
Il-Parlament jenfasizza li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali indħil jista’ jiġi ġġustifikat biss kemm-il darba dan ikun “previst mil-liġi” u jirriżulta neċessarju u proporzjonat mal-għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. |
139. |
Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Parlament jistaqsi, essenzjalment, jekk ftehim internazzjonali jikkostitwixxix “liġi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u jekk dan jistax jipprevedi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Huwa jirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-espressjoni “skond il-liġi” li tinsab fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kull indħil għandu jkollu bażi “fid-dritt intern”. Peress li t-Trattat ta’ Lisbona biddel b’mod profond l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni billi introduċa l-kunċett ta’ “att leġislattiv”, l-espressjoni “skond il-liġi” tikkoinċidi, fid-dritt tal-Unjoni, mal-kunċett ta’ “att leġislattiv”. Ftehim internazzjonali ma jaqax taħt din il-klassifikazzjoni. |
140. |
Fir-rigward tat-tieni punt, jiġifieri n-neċessità tal-indħil, il-Parlament iqis li huma l-Kunsill u l-Kummissjoni li għandhom juru, fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi, li l-konklużjoni tal-ftehim previst hija effettivament neċessarja fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Jidher li tali fatturi huma nieqsa. |
141. |
Finalment, fir-rigward tat-tielet punt, li jikkonċerna l-proporzjonalità tal-indħil inkluż fil-ftehim previst, il-Parlament isostni li s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni titnaqqas, b’mod li għandu jsir stħarriġ strett tar-rekwiżiti imposti mill-Karta, inkluż fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali. F’dan ir-rigward, il-ftehim previst jappartjeni għall-kategorija ta’ “mezzi ta’ sorveljanza iktar ġenerali”, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 54 ), b’mod li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), huwa applikabbli wkoll għal dan il-każ. |
142. |
L-ewwel nett, fil-fehma tal-Parlament, il-ftehim previst jikkonċerna, b’mod globali, persuni li jivvjaġġaw lejn il-Kanada, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni bejn il-persuni kkonċernati, id-data PNR tagħhom u theddida għas-sigurtà pubblika. |
143. |
It-tieni nett, il-Parlament jistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-ftehim previst jipprevedix kriterji oġġettivi li effettivament jippermettu d-delimitazzjoni tal-aċċess tal-awtoritajiet Kanadiżi għad-data PNR u l-użu sussegwenti tagħha għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni jew ta’ proċeduri kriminali fir-rigward ta’ reati li fihom infushom jistgħu jitqiesu suffiċjentement serji. Madankollu, il-kriterji elenkati fl-abbozz tal-ftehim huma vagi. B’hekk, il-Parlament jirrileva li l-ftehim previst ma jidentifikax l-“awtorità Kanadiża kompetenti” li jkollha aċċess għad-data u l-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst jirreferi, fir-rigward tal-espressjoni “kriminalità serja”, għal-leġiżlazzjoni Kanadiża mingħajr ma jinkludi limiti rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u mingħajr identifikazzjoni tar-reati koperti minn din l-espressjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(5) tal-ftehim previst jippermetti l-ipproċessar tad-data PNR mill-“Kanada” f’oqsma li ma jinkludux id-dritt kriminali u jista’ jippermetti t-trasferiment tad-data PNR mill-“awtorità Kanadiża kompetenti” lil awtoritajiet Kanadiżi oħra, u anki lil individwi. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) tal-ftehim previst ma jispeċifikax in-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għad-data PNR filwaqt li l-aċċess mill-awtoritajiet Kanadiżi għal din id-data ma huwiex suġġett għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti. |
144. |
It-tielet nett, il-Parlament jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li l-perijodu taż-żamma tad-data PNR ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 16(5) tal-ftehim previst ma huwiex iġġustifikat. Dan it-tul ta’ żmien ma huwiex ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ma ġiet ipprovduta ebda ġustifikazzjoni. Dan it-tul ta’ żmien, barra minn hekk, ġie estiż fid-dawl ta’ dak previst fl-ambitu tal-Ftehim tal-2006, mingħajr spjegazzjoni. |
145. |
Ir-raba’ nett, il-Parlament isostni li l-ftehim previst ma jeħtieġx li d-data PNR tinżamm fit-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, l-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà, minn awtorità indipendenti, espliċitament meħtieġ mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u l-Artikolu 16(2) TFUE, ma jkunx iggarantit b’mod sħiħ. F’dan il-kuntest, hemm dubji serji dwar jekk il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet Kanadiżi jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali ta’ dawn l-artikoli. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 tal-ftehim previst ma jiżgurax l-istħarriġ minn awtorità Kandiża indipendenti u ma jispeċifikax suffiċjentement skont il-liġi s-setgħat, inkluża dik ta’ stħarriġ minn qabel, li din l-awtorità għandha sabiex tivverifika jekk dawn humiex “adatti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
146. |
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament speċifika b’mod partikolari li l-insenjamenti li joħorġu mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-ftehim previst. Huwa jżid li l-osservanza effettiva tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali relatati mal-aċċess inizjali għad-data personali għandha tapplika wkoll għat-trasferiment sussegwenti ta’ din id-data u l-aċċess għaliha minn awtoritajiet Kanadiżi oħra jew minn dawk ta’ Stati terzi. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim previst. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Parlament, ir-redazzjoni tal-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst hija ambigwa. |
2. Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati l-oħra
147. |
Fir-rigward tal-partijiet l-oħra kkonċernati, filwaqt li, essenzjalment, il-KEPD, fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, juri d-dubji u t-tħassib espressi mill-Parlament, il-gvernijiet li pparteċipaw f’din il-proċedura kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-ftehim previst huwa kompatibbli mal-Artikolu 16 TFUE u mal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta. L-osservazzjonijiet tagħhom jirrigwardaw sostanzjalment l-indħil li jimplikaw ir-regoli inklużi fil-ftehim previst fid-dritt fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom u l-osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (indħil “previst mil-liġi”, sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u li huwa neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq dan l-għan). |
148. |
Fl-ewwel lok, il-Gvern Estonjan u dak Franċiż jirrikonoxxu b’mod espliċitu li t-termini tal-ftehim previst jikkostitwixxu ndħil fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta. Il-Gvern Franċiż, madankollu, jippreċiża li l-obbligu impost fuq it-trasportaturi tal-ajru li jittrasferixxu d-data PNR ma jikkostitwixxix tali ndħil, peress li dan huwa previst mhux mill-ftehim previst, iżda mil-leġiżlazzjoni Kanadiża. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi adita għal opinjoni dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat terz mat-Trattati. Barra minn hekk, l-istess gvern isostni li l-istanzi ta’ ndħil li jinsabu fil-ftehim previst huma ta’ portata inqas wiesgħa minn dawk li wasslu għall-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). B’hekk, skont il-Gvern Franċiż, inqas data tiġi ttrasferita u inqas persuni jkunu affettwati mill-ftehim previst milli mid-direttiva inkwistjoni f’dik is-sentenza. Barra minn hekk, id-data PNR ma tippermettix li wieħed jasal għal konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-passiġġieri. Finalment, il-ftehim previst jipprevedi, fl-Artikolu 11 tiegħu, obbligu ta’ trasparenza b’mod li ma jkunx possibbli li jiġi konkluż li l-ġbir tad-data PNR u l-użu sussegwenti tagħha jistgħu jiġġeneraw fl-imħuħ tal-persuni kkonċernati s-sentiment li l-ħajja privata tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza kostanti. |
149. |
Fit-tieni lok, dwar il-kwistjoni tas-sors legali ta’ dan l-indħil, il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern Franċiż, il-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li dan l-indħil jissodisfa l-kundizzjoni li dan ikun “previst mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
150. |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għan imfittex minn dan l-indħil, il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern Spanjol u dak Franċiż kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li t-trasferiment u l-użu sussegwenti tad-data PNR jipprevedu, b’mod partikolari, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u għalhekk jissodisfaw għan ta’ interess ġenerali. |
151. |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ tali ndħil, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw qabelxejn li hemm domanda dejjem tikber minn pajjiżi terzi li jqisu neċessarju t-trasferiment ta’ data PNR għal finijiet ta’ sigurtà pubblika. Il-Kummissjoni tammetti li ma hemmx statistika preċiża li tindika l-kontribuzzjoni ta’ din id-data għall-prevenzjoni u l-identifikazzjoni tal-kriminalità u t-terroriżmu, u għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-qasam. Madankollu, l-użu indispensabbli tad-data PNR huwa kkonfermat minn informazzjoni li toriġina minn pajjiżi terzi u minn Stati Membri li diġà jużawha għal finijiet ta’ repressjoni. L-esperjenza miksuba f’dawn il-pajjiżi turi li l-użu tad-data PNR wettaq b’mod partikolari progress sinjifikattiv fir-rigward tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, it-traffikar tal-bniedem u t-terroriżmu u jippermetti li jinftiehmu aħjar il-kompożizzjoni u l-funzjonament tan-netwerks terroristiċi u ta’ netwerks kriminali oħra. Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jżidu li l-informazzjoni pprovduta mill-ASFK turi li d-data PNR kkontribwixxiet b’mod deċiżiv għal-lokalizzazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ persuni potenzjali suspettati li kienu involuti f’atti ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja. |
152. |
Fil-ħames lok, fir-rigward tan-natura proporzjonali tal-indħil inkwistjoni, il-Gvern Estonjan, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru, l-ewwel nett, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment dawk indikati fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). B’mod partikolari, il-Gvern Estonjan huwa tal-fehma li l-insenjamenti ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-estent tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur u tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-limiti ta’ din is-setgħa huma applikabbli għal dan il-każ. Mill-banda l-oħra, l-Irlanda ssostni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-att inkwistjoni huwa internazzjonali u nnegozjat, filwaqt li l-Gvern Franċiż isostni li s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma tistax tiġi eċċessivament limitata fid-dawl tal-fatt li l-indħil inkwistjoni f’dan il-każ ma huwiex partikolarment serju. Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li s-sigurtà u s-sigurezza pubbliċi jqajmu, min-natura tagħhom, kwistjonijiet li għalihom il-leġiżlatur jeħtieġ li jkollu “marġni ta’ diskrezzjoni raġonevoli” sabiex jiddetermina jekk miżura hijiex manifestament inadatta. Il-ftehim previst ma jistax jiġi kklassifikat bħala “mezz ta’ sorveljanza ġenerali”, iżda jintrabat iktar mal-proċeduri abitwali ta’ kontroll fuq il-fruntieri. |
153. |
It-tieni nett, il-Gvern Bulgaru, il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni, isostnu wkoll li l-ftehim previst josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni qabelxejn li, fl-assenza tal-ftehim previst, hemm riskju li l-miżuri li jolqtu l-passiġġieri li joriġinaw mill-Unjoni huma inqas iffokati u iktar intrużivi. Id-data PNR tippermetti li jiġu ffokati b’mod iktar effettiv u effikaċi l-“persuni ta’ interess” li jivvjaġġaw għal avvenimenti jew lokalitajiet speċifiċi, u b’hekk ikunu jistgħu jitnaqqsu l-kontrolli ta’ sigurtà u l-ħinijiet ta’ stennija għall-passiġġieri l-oħra. Sussegwentement, dawn il-gvernijiet u dawn l-istituzzjonijiet huma, essenzjalment, tal-fehma li l-ftehim previst huwa differenti mid-direttiva li wasslet għall-kawża Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238). B’mod partikolari, b’differenza mill-imsemmija direttiva, il-ftehim previst jinkludi regoli stretti dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ użu tad-data kif ukoll regoli relatati mas-sigurtà tad-data u mall-istħarriġ minn awtorità indipendenti. Barra minn hekk, il-ftehim previst jipprevedi sorveljanza tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati fir-rigward tat-trasferiment u tal-ipproċessar tad-data tagħhom, proċedura ta’ aċċess u ta’ rettifika ta’ data kif ukoll rimedji amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jiġi żgurat li dawn id-drittijiet ikunu ggarantiti. |
154. |
Fir-rigward tal-argument tal-Parlament li l-ftehim previst ma jeħtieġ ebda relazzjoni bejn id-data PNR u theddida għas-sigurtà pubblika, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni jargumentaw, essenzjalment, li l-użu tad-data PNR huwa intiż sabiex jiġu identifikati persuni li sa dak il-punt ma jkunux magħrufa mis-servizzi kompetenti bħala li jippreżentaw riskju potenzjali għas-sigurtà, peress li l-persuni magħrufa f’dan ir-rigward jistgħu jiġu identifikati fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura minn qabel dwar il-vjaġġaturi (IPV). Għalhekk, l-għan ta’ prevenzjoni ma jistax jintlaħaq jekk tkun biss id-data PNR ta’ persuni diġà suspettati li tiġi trażmessa. |
155. |
It-tielet nett, skont dawn il-partijiet ikkonċernati, il-kritika mressqa mill-Parlament u mill-KEPD fir-rigward tar-redazzjoni u tal-ommissjonijiet tal-ftehim previst għandhom ukoll jiġu miċħuda. |
156. |
B’hekk, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-fatt li l-Artikolu 3(3) tal-ftehim previst jirreferi għad-dritt Kanadiż ma jippermettix li jiġi konkluż li dan huwa vag wisq. Huwa diffiċli li fi ftehim internazzjonali jkun hemm definizzjoni ta’ att li jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “kriminalità serja” li tkun esklużivament prevista mid-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tal-Artikolu 3(5)(b) tal-ftehim previst, dawn l-istituzzjonijiet josservaw li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-obbligu impost mill-Kostituzzjoni Kanadiża fuq l-awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi kollha sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ ordni ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-eventwali possibbiltà ta’ aċċess għad-data PNR tkun, f’tali każ, ġiet eżaminata mill-awtorità ġudizzjarja fid-dawl tal-kriterji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità u tkun ġiet motivata fid-digriet tal-qorti. |
157. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-limiti dwar l-awtoritajiet u l-persuni li għandhom aċċess għad-data PNR, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-assenza ta’ identifikazzjoni tal-awtorità Kanadiża kompetenti fil-ftehim previst hija kwistjoni ta’ natura proċedurali li ma taffettwax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità Kanadiża kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-ftehim previst, ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Ġunju 2014. Hija l-ASFK li hija unikament awtorizzata li tirċievi u tipproċessa data PNR. L-“għadd limitat ta’ uffiċjali speċifikament awtorizzati f’dan ir-rigward”, ipprovdut fl-Artikolu 16(2) tal-ftehim previst ifisser li dawn għandhom ikunu uffiċjali tal-ASFK u li dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jipproċessaw id-data PNR. Garanziji addizzjonali huma inklużi fl-Artikolu 9(2)(a) u (b), (4) u (5) tal-ftehim previst. |
158. |
Barra minn hekk, dwar l-assenza ta’ stħarriġ minn qabel tal-aċċess għad-data PNR, il-Kummissjoni tirrileva li l-għan stess tal-ftehim previst huwa li jippermetti t-trasferiment tad-data PNR lill-ASFK għall-finijiet tal-aċċess għal din id-data b’mod li tali stħarriġ minn qabel ibiddel dan l-għan. L-Irlanda ssostni wkoll li tali stħarriġ minn qabel ma huwiex meħtieġ, peress li l-ftehim previst għandu l-għan li jillimita strettament għall-minimu neċessarju n-numru ta’ persuni li jkunu awtorizzati jaċċedu għad-data inkwistjoni u jużawha u jiżgura firxa ta’ garanziji addizzjonali fl-Artikoli 11 sa 14, 16, 18 u 20 tiegħu. |
159. |
Barra minn hekk, dwar il-kwistjoni taż-żamma tad-data PNR, l-Irlanda qabelxejn tosserva li, fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-Artikolu 5 tal-ftehim previst, l-awtorità kompetenti Kanadiża hija meqjusa li tipprovdi livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data PNR, u li hemm sorveljanza minn awtorità indipendenti, ma huwiex neċessarju, b’differenza mis-sitwazzjoni li tirregola d-direttiva li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), li d-data tinżamm fit-territorju tal-Unjoni. Sussegwentement, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-perijodu taż-żamma tad-data ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 16 tal-ftehim previst ma jmurx lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl tal-għan tas-sigurtà pubblika mfittex u ma jistax, għalhekk, jiġi evalwat b’mod astratt. It-tul ta’ żmien ta’ tliet snin u nofs, previst fil-Ftehim tal-2006, impedixxa b’mod sinjifikattiv lill-awtoritajiet Kanadiżi milli jużaw b’mod effettiv id-data PNR sabiex jidentifikaw każijiet b’riskju għoli ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità organizzata minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet marbuta magħhom jirrikjedu ż-żmien. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, il-perijodu taż-żamma tad-data PNR ġie stabbilit billi ttieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien medju tal-investigazzjonijiet kriminali, it-tul taż-żmien operattiv medju tan-netwerks ta’ kriminalità għolja u l-fatt li ċ-ċelloli terroristiċi jistgħu jsiru inattivi għal numru partikolari ta’ snin. Il-Gvern Estonjan, l-Irlanda u l-Gvern Franċiż isostnu wkoll li, minħabba n-natura kumplessa u diffiċli tal-investigazzjonijiet ta’ atti ta’ terroriżmu u ta’ kriminalità transnazzjonali serja, il-perijodu ta’ żmien li jiddekorri bejn il-vjaġġ u l-mument meta l-awtoritajiet ta’ ripressjoni jkollhom bżonn jaċċedu għad-data PNR sabiex jidentifikaw, jirriċerkaw u jistitwixxu proċeduri għal tali reati jista’, kultant, ikun ta’ diversi snin. Fit-tweġibiet rispettivi tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol u dak Franċiż ipprovdew ukoll serje ta’ eżempji konkreti fejn il-proċess ta’ verifika u ta’ tqabbil ta’ informazzjoni jaqa’ f’perijodu ta’ madwar ħames snin u li għalihom id-data PNR kienet jew setgħet tkun ta’ utilità kbira. Il-Gvern Estonjan, l-Irlanda, il-Gvern Franċiż kif ukoll il-Kunsill u l-Kummissjoni jenfasizzaw ukoll, essenzjalment, li l-Artikolu 16 tal-ftehim previst jipprovdi modalitajiet stretti fir-rigward tal-ħabi (jew depersonalizzazzjoni) u tal-iżvelar tad-data li huma intiżi sabiex jipproteġu iktar id-data personali tal-passiġġieri tal-ajru. |
160. |
Finalment, fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data minn awtorità indipendenti, kif rikjest mill-Artikolu 8(3) tal-Karta u l-Artikolu 16(2) TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li l-fatt li l-ftehim previst ma jidentifikax l-awtorità Kanadiża kompetenti ma jqegħidx f’dubju l-adegwatezza tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kanada. L-identità tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 10 u 14 tal-ftehim previst ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni. Dawn huma l-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata u d-Direttorat tar-Rikorsi tal-ASFK. Dawn l-awtoritajiet jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ indipendenza li tippermettilhom li jwettqu l-kompiti tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għal influwenza esterna, filwaqt li d-Direttorat tar-Rikorsi tal-ASFK huwa “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi” fis-sens tal-Artikoli 10 u 14 tal-ftehim propost. Id-Direttorat tar-Rikorsi tal-ASFK huwa, konformement mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Kanadiżi, awtorità indipendenti u għandu l-kompitu li jeżamina lmenti u talbiet amministrattivi mressqa mill-barranin li ma humiex residenti fil-Kanada. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata permezz ta’ persuna residenti fil-Kanada. |
161. |
Fis-sitt lok, fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll fis-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill u l-Kummissjoni pprovdew numru partikolari ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-kontenut tad-19-il kategorija ta’ data PNR li tidher fl-anness tal-ftehim previst. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, hija biss il-Parti 17, intitolata “Rimarki ġenerali, inkluża d-data OSI (Other Supplementary Information), id-data SSI (Special Service Information) u d-data SSR (Special Service Request)” li tinkludi data sensittiva, fis-sens tal-ftehim previst. Din id-data tiġi ttrasferita biss fuq bażi volontarja, peress li din tista’ tiġi żvelata biss fil-kuntest tal-prenotazzjoni ta’ servizzi addizzjonali mitluba mill-vjaġġatur u, skont il-Gvern tar-Renju Unit, tkun ikkonsultata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, skont it-termini tal-ftehim previst. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż indika li l-insenjamenti tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), ma humiex applikabbli għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-ftehim previst mat-Trattati, filwaqt li l-Irlanda tqis li din is-sentenza tipprovdi indikazzjonijiet importanti dwar il-livell xieraq ta’ protezzjoni li pajjiż terz għandu jissodisfa. Min-naħa tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, dawn l-istituzzjonijiet jaqblu fil-fehma li l-punti 91 sa 93 u 95 ta’ din is-sentenza biss, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Karta, li huma applikabbli fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-ftehim previst. Madankollu, dawn l-istituzzjonijiet huma tal-fehma li l-eżami tal-ftehim previst għandu jwassal għal konklużjoni differenti minn dik li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Finalment, rigward l-iżvelar sussegwenti previst fl-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim previst, l-Irlanda, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li dan l-iżvelar huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti u għall-osservanza tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 19 tal-ftehim previst għandu jinqara fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Kanadiża rilevanti. |
B – Analiżi
1. Osservazzjonijiet preliminari
162. |
Qabel ma nittratta l-qofol tal-ewwel domanda li hija s-suġġett tat-talba għal opinjoni tal-Parlament, jidhirli li għandi l-ewwel nagħmel tliet osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tal-eżami li għandu jsir. |
163. |
Qabelxejn, kif jidher fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-partijiet ikkonċernati rreferew f’diversi okkażjonijiet matul il-proċedura għal-leġiżlazzjoni u għall-prattika Kanadiżi, b’mod partikolari sabiex jispjegaw, jew jikkompletaw, uħud mit-termini tal-ftehim previst. Huwa evidenti li, sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ ftehim previst mad-dritt primarju tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(11) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni fuq il-leġiżlazzjoni jew il-prattika ta’ pajjiż terz. L-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirrigwarda biss it-termini tal-ftehim previst kif imressqa quddiemha. |
164. |
Huwa kemm huwa komprensibbli u loġiku dan il-limitu sostantiv għall-istħarriġ ġudizzjarju fil-proċedura tal-opinjoni, dan ma huwiex madankollu mingħajr diffikultajiet partikolari. Għalhekk, filwaqt li huwa paċifiku li l-ftehim previst għandu b’mod partikolari jipprovdi qafas legali għall-awtoritajiet Kanadiżi li jippermetti, permezz tal-analiżi tad-data PNR, li jiġu applikati metodi għall-identifikazzjoni tal-passiġġieri li sa dak il-punt ma jkunux magħrufa mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi, fuq il-bażi ta’ mudelli ta’ mġiba “preokkupanti” jew li tippreżenta “interess” ( 55 ), ebda waħda mit-termini tal-ftehim previst ma tirrigwarda l-istabbiliment ta’ dawn il-metodi, tad-dritt ta’ kull passiġġier “immirat” li jkun jista’ jiġi informat bil-metodi użati u li jkun żgurat li dawn il-metodi ta’ “mmirar” ikunu suġġetti għal stħarriġ amministrattiv u/jew legali, peress li dawn il-kwistjonijiet ilkoll jidhru li jaqgħu biss taħt id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet Kanadiżi ( 56 ). Fil-fehma tiegħi, huwa leġittimu li jiġi mistoqsi jekk, fid-dawl tal-osservanza tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, dawn il-kwistjonijiet u dawn il-garanziji għandhomx ikunu rregolati mit-termini nfushom tal-ftehim previst. Dan l-eżempju juri li, waħda mid-diffikultajiet ta’ dan il-każ tikkonċerna l-fatt li dan jinvolvi verifika, fid-dawl partikolarment tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, mhux biss ta’ dak li huwa pprovdut fil-ftehim previst, iżda wkoll u fuq kollox ta’ dak li huwa naqas milli jipprovdi. |
165. |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-talba għal opinjoni tal-Parlament sempliċement enfasizzat numru partikolari ta’ termini tal-ftehim previst li, skont din l-istituzzjoni, f’ċerti każijiet iktar ċari u qawwija minn oħra, jindikaw inkompatibbiltà mal-Artikolu 16 TFUE u l-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Fid-dawl tal-għan preventiv tal-proċedura ta’ opinjoni u tan-natura mhux kontenzjuża tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun marbuta li tosserva tali delimitazzjoni tat-talba, kemm jekk intenzjonata kif ukoll jekk le. L-Opinjoni 1/00, tat-18 ta’ April 2002 (EU:C:2002:231, punt 1), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet fl-eżami tagħha tal-kompatibbiltà ta’ ftehim previst diversi regoli ta’ dan il-ftehim li ma kinux espressament is-suġġett tat-talba għal opinjoni mressqa mill-Kummissjoni, u l-Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punti 96 sa 105), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat is-suġġeriment tar-rikorrent li tillimita l-eżami tagħha għal ċerti partijiet tal-abbozz ta’ ftehim inkwistjoni li kienu s-suġġett tal-talba għal opinjoni, diġà jservu ta’ eżempji eċċellenti. |
166. |
F’din il-proċedura, inqis li huwa xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi fl-eżami tagħha l-kompatibbiltà ta’ termini tal-ftehim previst, bħall-Artikoli 18 u 19 tiegħu, li ma ġewx suġġetti għal kritika speċifika min-naħa tal-Parlament fit-talba għal opinjoni tiegħu, iżda li jistħoqqilhom l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Inżid li l-Parlament u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kellhom l-opportunità li jagħmlu osservazzjonijiet dwar dawn l-artikoli kemm fl-ambitu tat-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll fis-seduta quddiem din tal-aħħar. |
167. |
Finalment, fid-dawl tad-dibattiti li żvolġew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis utli nfakkar li, skont l-Artikolu 218(11) TFUE, in-normi li fid-dawl tagħhom jista’ jitmexxa l-eżami tal-kompatibbiltà tal-ftehim previst jinkludu biss dawk tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, it-Trattati u d-drittijiet elenkati fil-Karta ( 57 ), bl-esklużjoni tad-dritt derivat. F’dan ir-rigward, xejn hemm xejn li jostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tinkludi fl-eżami tagħha tal-validità sostantiva tal-ftehim previst dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li ma ssemmewx fid-domanda mressqa mill-Parlament, bħall-Artikolu 47 tal-Karta, jekk dan ikun neċessarju għall-finijiet tal-proċedura tal-opinjoni u jekk il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn id-dispożizzjonijiet. Tali huwa l-każ fir-rigward tal-osservanza tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
168. |
Wara li saru dawn l-osservazzjonijiet, l-iżviluppi li jsegwu jirrigwardaw essenzjalment kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalkemm dan ma huwiex fundamentalment ikkontestat, ser neżamina jekk it-termini tal-ftehim previst jikkostitwixxux indħil fid-drittijiet fundamentali għall-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali u jekk dan l-indħil jistax jiġi ġġustifikat. Evidentement huwa l-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-indħil, partikolarment il-proporzjonalità tiegħu, li huwa kontroversjali. |
2. Fuq l-eżistenza ta’ ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta
169. |
Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati individwalment u b’mod eżawrjenti id-dsatax-il kategorija ta’ data PNR elenkati fl-Anness tal-ftehim previst, huwa paċifiku li dawn huma marbuta inter alia mal-identità, in-nazzjonalità u l-indirizz tal-passiġġieri, mal-informazzjoni ta’ kuntatt kollha (l-indirizz tad-dar, l-indirizz elettroniku, it-telefon) disponibbli tal-passiġġier li jkun għamel il-prenotazzjoni, mal-informazzjoni dwar il-mezz ta’ ħlas użat, inkluż, fejn applikabbli, in-numru tal-karta ta’ kreditu użata għall-prenotazzjoni tat-titjira, mal-informazzjoni relatata mal-bagalji, mad-drawwiet ta’ vvjaġġar tal-passiġġieri, kif ukoll ma’ informazzjoni relatata ma’ servizzi addizzjonali mitluba minn dawn tal-aħħar marbuta ma’ kwalunkwe problemi tas-saħħa tagħhom, inkluż ta’ mobbiltà, jew il-preferenzi tal-ikel tagħhom matul it-titjira, informazzjoni li tista’ tipprovdi indikazzjonijiet, b’mod partikolari, dwar l-istat ta’ saħħa ta’ passiġġier jew ta’ diversi passiġġieri, dwar l-oriġini etnika tagħhom jew dwar it-twemmin reliġjuż tagħhom. |
170. |
Din id-data, meqjusa fl-intier tagħha, tolqot l-isfera tal-ħajja privata, anki intima, ta’ persuni u tirrigwarda, b’mod inkontestabbli, persuna waħda jew diversi “persuna(i) fiżika(ċi) identifikata(i) jew identifikabbli” ( 58 ). Għalhekk, ma hemm ebda dubju, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-trażmissjoni sistematika ta’ data PNR għall-awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi, l-aċċess għal din id-data u l-użu u ż-żamma ta’ din id-data għal perijodu ta’ ħames snin mill-istess awtoritajiet pubbliċi u, fejn applikabbli, it-trasferiment sussegwenti tagħha lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn, inklużi ta’ pajjiżi terzi oħrajn, skont it-termini tal-ftehim previst, huma tranżazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll ta’ dak “marbut mill-qrib” ( 59 ), iżda madankollu distint, relatat mal-protezzjoni tad-data personali ggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-Karta u jikkostitwixxu ndħil f’dawn id-drittijiet fundamentali. |
171. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li fuqu huma bbażati l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 60 ), li l-komunikazzjoni tad-data personali lil terz, f’dan il-każ lil awtorità pubblika, tikkostitwixxi ndħil fis-sens ta’ dan l-artikolu ( 61 ) u li l-obbligu taż-żamma tad-data, rikjest mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-aċċess sussegwenti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data relatata mal-ħajja privata jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom, indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta ( 62 ). Bl-istess mod, att tal-Unjoni li jippreskrivi kull forma ta’ pproċessar ta’ data personali jikkostitwixxi ndħil fid-dritt fundamentali, stipulat fl-Artikolu 8 tal-Karta, għall-protezzjoni ta’ tali data ( 63 ). Din l-evalwazzjoni tapplika, mutatis mutandis, għal att tal-Unjoni li jieħu l-forma ta’ ftehim internazzjonali konkluż minn din tal-aħħar, bħalma huwa l-ftehim previst, li huwa intiż, b’mod partikolari, li jippermetti lil awtorità pubblika jew lil diversi awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż terz jipproċessaw u jżommu d-data personali tal-passiġġieri tal-ajru. Fil-fatt, il-legalità ta’ tali att hija kkundizzjonata bir-rispett tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 64 ), partikolarment dawk iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
172. |
Il-fatt, invokat mill-Gvern tar-Renju Unit, li l-persuni kkonċernati mill-ftehim previst jew tal-inqas il-maġġoranza kbira tagħhom ma jsofrux żvantaġġi minħabba dan l-indħil ftit li xejn huwa rilevanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ tali ndħil ( 65 ). |
173. |
Bl-istess mod, huwa irrilevanti l-fatt li huwa possibbli li l-informazzjoni kkomunikata jew, tal-inqas, il-parti l-kbira tagħha, ma tkunx ta’ natura sensittiva ( 66 ). |
174. |
Barra minn hekk, nirrileva li l-partijiet kontraenti huma perfettament konxji mill-indħil li jimplikaw it-trażmissjoni, l-użu, iż-żamma u t-trasferiment sussegwenti ta’ data PNR previsti mill-ftehim previst, peress li, kif jirriżulta espressament mill-preambolu tiegħu, huwa preċiżament minħabba dan l-indħil li dan tal-aħħar jipprova jirrikonċilja r-rekwiżiti tas-sigurtà pubblika u r-rispett għad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali. |
175. |
Huwa veru li t-tfittxija ta’ tali konċiljazzjoni mill-partijiet kontraenti tista’ tnaqqas l-intensità jew il-gravità tal-indħil mill-ftehim previst fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
176. |
Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-indħil mill-ftehim previst huwa ta’ ċerta portata u ta’ gravità mhux insinjifikattiva. Fil-fatt, minn naħa, dan jirrigwarda, b’mod sistematiku, il-passiġġieri kollha li jużaw il-konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, jiġifieri diversi għexieren ta’ miljuni ta’ persuni fis-sena ( 67 ). Min-naħa l-oħra, kif ikkonfermat mill-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati, ħadd ma jista’ ma jkunx jaf li t-trasferiment ta’ kwantitajiet kbar ta’ data personali tal-passiġġieri tal-ajru, li tinkludi data sensittiva, li teħtieġ, neċessarjament, l-ipproċessar awtomatizzat, kif ukoll iż-żamma ta’ tali data għal perijodu ta’ ħames snin, huma intiżi sabiex jippermettu l-paragun, jekk ikun il-każ, retroattiv, ta’ din id-data mal-mudelli stabbiliti minn qabel ta’ mġiba “riskjuża” jew “preokkupanti”, b’konnessjoni ma’ attivitajiet terroristiċi u/jew kriminalità transnazzjonali serja, sabiex jiġu identifikati persuni li sa dak iż-żmien ma jkunux magħrufa mis-servizzi tal-pulizija jew ma jkunux persuni ssuspettati. Dawn il-karatteristiċi, apparentement inerenti għas-sistema PNR stabbilita mill-ftehim previst, jistgħu jagħtu l-impressjoni falza li l-passiġġieri kkonċernati huma lkoll ittrasformati f’persuni ssuspettati potenzjali ( 68 ). |
177. |
Għandu madankollu jingħad ukoll li, b’differenza mill-Parlament, ma jidhirlix li din il-konstatazzjoni għandha tiġi estiża għall-ġbir tad-data PNR mit-trasportaturi tal-ajru. |
178. |
Fil-fatt, il-ftehim previst ma jirregolax il-ġbir ta’ din id-data, iżda huwa bbażat fuq il-preżunzjoni ta’ dritt u ta’ fatt li t-trasportaturi tal-ajru jiġbru xorta waħda d-data PNR għall-użu kummerċjali tagħhom stess. Ċertament, huwa inkontestabbli li ċerti termini tal-ftehim previst jirreferu għall-ġbir tad-data PNR. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(2) jippreċiża li l-Kanada ma teżiġix minn trasportatur tal-ajru li jipprovdi elementi tad-data PNR li ma jkunx għadu ġabar jew li ma tkunx għadha ġiet fil-pussess tiegħu. Bl-istess mod, l-Artikolu 11 tal-ftehim previst jimponi fuq il-Kanada li tiżgura li l-awtorità Kanadiża kompetenti tindika fuq is-sit internet tagħha inter alia“ir-raġuni għall-ġbir tad-dejta tal-PNR”, filwaqt li l-partijiet kontraenti għandhom ukoll jaħdmu, partikolarment mas-settur tal-ajru, sabiex jippromwovu t-trasparenza billi jipprovdu lill-passiġġieri, “preferibbilment fil-mument tal-ibbukkjar” tat-titjiriet, “ir-raġunijiet għall-ġbir tad-dejta tal-PNR”. Minkejja li tali obbligu ta’ trasparenza jista’, fil-fehma tiegħi, b’mod opportun jissaħħaħ billi jkun meħtieġ li informazzjoni individwali dwar ir-raġunijiet tal-ġbir tiġi pprovduta b’mod sistematiku fil-ħin tal-prenotazzjoni tat-titjiriet, jibqa’ l-fatt li l-ftehim previst ma jirregolax l-operazzjoni tal-ġbir fiha nfisha u lanqas il-modalitajiet speċifiċi tagħha, li lkoll jaqgħu taħt il-kompetenza tat-trasportaturi tal-ajru, li, f’dan ir-rigward, għandhom jaġixxu b’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u mad-dritt tal-Unjoni. |
179. |
Għaldaqstant, il-ġbir tad-data PNR ma jikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali li jimplika ndħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jirriżulta mill-ftehim previst innifsu. Fid-dawl tal-ġurisdizzjoni limitata tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura tal-opinjoni, din l-operazzjoni għalhekk mhux se tkun is-suġġett tal-kunsiderazzjonijiet segwenti. |
180. |
Indipendentement minn din il-konstatazzjoni dwar il-ġbir tad-data PNR, jibqa’ l-fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 170 sa 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ftehim previst jinkludi, fil-fehma tiegħi, indħil serju fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Biex ikun awtorizzat, dan l-indħil għandu jkun iġġustifikat. |
3. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta
181. |
La d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u lanqas il-protezzjoni tad-data personali ma jidhru li huma prerogattivi assoluti. |
182. |
Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jirrikonoxxi li jistgħu jiġu imposti limiti fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 8(1) tagħha, sakemm dawn il-limiti jkunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u fil-fatt jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
183. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tal-Karta jawtorizza l-ipproċessar tad-data personali “għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi”. |
184. |
Qabelxejn għandi nirrimarka fir-rigward ta’ waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) tal-Karta li l-ftehim previst ma jfittix li jibbaża l-ipproċessar tad-data PNR trażmessa lill-awtorità Kanadiża kompetenti fuq il-kunsens tal-passiġġieri tal-ajru ( 69 ). Fid-dawl tal-obbligu tat-trasportaturi tal-ajru li jittrażmettu l-kategoriji tad-data PNR li jidhru fl-Anness tal-ftehim previst, dawn il-passiġġieri ma jistgħux jopponu t-trasferiment ta’ din id-data jekk ikunu jixtiequ li jivvjaġġaw bl-ajru lejn il-Kanada. Barra minn hekk, il-fatt, imsemmi waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ċerta data PNR, li tinkludi, fil-każ partikolari, data sensittiva, tista’ tiġi kkomunikata biss lit-trasportatur tal-ajru meta l-vjaġġatur jeħtieġ li jingħata servizzi speċifiċi bl-ebda mod ma jfisser li l-vjaġġatur ikun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data mill-awtorità kompetenti Kanadiża għall-finijiet tal-Artikolu 3 tal-ftehim previst. |
185. |
Barra minn hekk, ma ġiex sostnut quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ma jidhirli li l-indħil li jinsab fil-ftehim previst huwa ta’ natura li jippreġudika l-“essenza”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tad-drittijiet fundamentali stipulati fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 8(1) tagħha. |
186. |
Fil-fatt, minn naħa, in-natura tad-data PNR li hija s-suġġett tal-ftehim previst ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut essenzjali tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Dawn jibqgħu limitati għad-drawwiet tal-ivvjaġġar bl-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni. Barra minn hekk, il-ftehim previst jipprevedi fl-Artikoli 8, 16, 18 u 19 serje ta’ garanziji relatati mal-ħabi u mad-depersonalizzazzjoni progressiva tad-data PNR ikkomunikata lil awtoritajiet Kanadiżi, użata u miżmuma minnhom u, fejn ikun il-każ, sussegwentement ittrasferita, li għandha l-għan sostantiv li tiżgura l-preżervazzjoni tal-ħajja privata. |
187. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontenut essenzjali tal-protezzjoni tad-data personali, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 9 tal-ftehim previst, il-Kanada għandha b’mod partikolari “tiggarantixxi l-protezzjoni, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta”, kif ukoll timplementa “miżuri regolatorji, proċedurali jew tekniċi biex tipproteġi d-dejta tal-PNR minn aċċess, ipproċessar jew telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat”. Barra minn hekk, kull ksur tas-sigurtà tad-data għandu jkun jista’ jkun suġġett għal miżuri korrettivi effikaċi u dissważivi, li possibbilment jinkludu sanzjonijiet. |
188. |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ġustifikazzjoni previsti fl-Artikolu 8(2) tal-Karta kif ukoll dawk stipulati fl-Artikolu 52(1) tagħha, li barra minn hekk jikkoinċidu parzjalment, humiex issodisfatti. |
189. |
Miniex ser niddedika ħafna ħin għal tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, dik li l-indħil għandu jkun “previst mil-liġi” [titolu a)] u, min-naħa l-oħra, li dan għandu jissodisfa għan ta’ interess ġenerali (jew għal “bażi oħra leġittima”, skont l-espressjoni użata fl-Artikolu 8(2) tal-Karta) [titolu b)], li għalija jidhru li huma manifestament issodisfatti. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità tal-indħil [titolu c)], se jkunu itwal. |
a) Indħil “previst mil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta
190. |
Dwar l-ewwel punt, id-dubji essenzjalment formali espressi mill-Parlament dwar l-oriġini “legali” tal-indħil jistgħu evidentement jiġu esklużi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-espressjoni “skond il-liġi” stipulata fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB, tfisser b’mod partikolari li l-miżura inkwistjoni għandha bażi fid-dritt intern ( 70 ) u għandha tinftiehem fis-sens sostantiv tagħha u mhux formali ( 71 ). Għaldaqstant, il-Qorti EDB tirrikonoxxi li regoli mhux miktuba jissodisfaw din il-kundizzjoni ( 72 ). Barra min hekk, il-Qorti EDB diġà ddeċidiet li trattat internazzjonali, inkorporat fid-dritt intern nazzjonali, ukoll jissodisfa dan ir-rekwiżit ( 73 ). |
191. |
Bħall-Qorti EDB, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sens sostantiv u mhux formali tal-espressjoni “previst mil-liġi” li tinsab fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Għalhekk, hija kkunsidrat din il-kundizzjoni bħala li tkun issodisfatta fil-każ ta’ limiti fir-rigward tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ Regolamenti tal-Unjoni, adottati rispettivament mill-Kummissjoni ( 74 ) u mill-Kunsill ( 75 ), mingħajr, għaldaqstant, l-involviment tal-Parlament bħala “koleġiżlatur” fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti. |
192. |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-att li jwassal għall-konklużjoni tal-ftehim previst jista’ jiġi adottat mill-Kunsill biss jekk, skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, il-ftehim previst jiġi approvat minn qabel mill-Parlament, peress li dan il-ftehim ikopri oqsma, jiġifieri dawk tal-kooperazzjoni mill-pulizija u taż-żamma tad-data personali, li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ladarba jitlestew dawn il-proċeduri, konformement mal-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehim ikun jagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jkun jibbenefika mis-supremazija fuq l-atti tad-dritt sekondarju ( 76 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-indħil li jirriżulta mill-ftehim previst huwa “previst mil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
193. |
Dejjem f’dan il-kuntest, nixtieq inżid, anki jekk dan ma kienx is-suġġett tad-dibattitu bejn il-partijiet ikkonċernati f’din il-proċedura, li jidhirli li, b’mod ġenerali, il-ftehim previst jissodisfa wkoll it-tieni parti koperta mill-espressjoni “skond il-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB, kif interpretata mill-Qorti EDB, jiġifieri dik tal-“kwalità tal-liġi”. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, din l-espressjoni teħtieġ, essenzjalment, li l-miżura tkun aċċessibbli u suffiċjentement prevedibbli, jew, fi kliem ieħor, li tuża termini ċari biżżejjed sabiex tindika suffiċjentement lil kulħadd f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet hija tippermetti lill-awtorità pubblika tirrikorri għal miżuri li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom protetti mill-KEDB ( 77 ). Fil-fatt, ladarba konkluż, il-ftehim previst se jkun integralment ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li manifestament jissodisfa l-kriterju ta’ aċċessibbiltà. Fir-rigward tal-kriterju tal-prevedibbiltà, bl-eċċezzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet speċifiċi, ċertament pjuttost numerużi, dwar il-portata u l-grad ta’ preċiżjoni u ċ-ċarezza ta’ diversi termini tal-ftehim previst, li se jiġu kkunsidrati iktar tard ( 78 ), inqis ukoll li, globalment, il-ftehim previst huwa miktub b’mod suffiċjentement ċar sabiex jippermetti lill-persuni kollha kkonċernati jifhmu, b’mod suffiċjenti, il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom id-data PNR tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet Kanadiżi, ipproċessata, miżmuma u possibbilment sussegwentement żvelata minn dawn tal-aħħar, u konsegwentement jirregolaw l-imġiba tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 11 tal-ftehim previst jipprevedi serje ta’ miżuri supplimentari li għandhom jiġu adottati mill-partijiet kontraenti li jippermettu li tiġi żgurata l-informazzjoni tal-pubbliku marbuta, b’mod partikolari, mar-raġunijiet tal-ġbir tad-data PNR kif ukoll mal-użu tagħha u mal-iżvelar tagħha. |
b) Indħil li jissodisfa għan ta’ interess ġenerali
194. |
L-indħil li jirriżulta mill-ftehim previst jidhirli li ċertament jissodisfa għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri dak tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità (transnazzjonali) serja, sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika, kif speċifikat b’mod partikolari fil-preambolu u l-Artikoli 1 u 3 tal-ftehim previst. Ebda waħda mill-partijiet kkonċernati ma qiegħdet f’dubju l-leġittimità ta’ tali għan mill-ftehim previst. Ifformulata b’mod ftit differenti, in-natura ta’ interess ġenerali ta’ dan l-għan għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta diġà ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 79 ). |
195. |
Għalhekk, f’dan l-istadju, għandu jiġi vverifikat jekk l-indħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta huwiex proporzjonat mal-għan leġittimu mfittex. |
c) Fuq il-proporzjonalità tal-indħil li jinvolvi l-ftehim previst
i) Kunsiderazzjonijiet ġenerali
196. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet legali mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ( 80 ). |
197. |
F’dan ir-rigward, il-partijiet ikkonċernati ddibattew, qabelxejn, l-estent tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet. Filwaqt li l-Parlament, il-Gvern Estonjan u l-KEPD isostnu n-neċessità ta’ stħarriġ strett tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), l-Irlanda, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit partikolarment jiddefendu, essenzjalment, l-idea li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-estent tal-istħarriġ tagħha billi tipprovdi marġni ta’ diskrezzjoni usa’ lill-istituzzjonijiet, meta jkunu se jadottaw att li jaqa’ fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali u fid-dawl tan-natura limitata tal-indħil li jimplika dan l-att. |
198. |
L-argument ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati tal-aħħar ma jikkonvinċinix. |
199. |
Ċertament, lest nirrikonoxxi li l-estent tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet jista’ jkun differenti skont jekk hijiex prevista l-adozzjoni ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, li timplika, bħala definizzjoni, in-negozjati ma’ pajjiż terz jew ma diversi pajjiżi terzi. Huwa evidenti li, fil-kuntest partikolari tad-data PNR ikkomunikata lil pajjiżi terzi għall-finijiet tal-ipproċessar tagħha, huwa ċertament iktar xieraq li jiġi konkluż ftehim internazzjonali li jiżgura lill-passiġġieri tal-ajru, ċittadini tal-Unjoni, protezzjoni suffiċjenti tal-ħajja privata u tad-data personali, li tikkorrispondi, sa fejn possibbli, mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, pjuttost milli li kull wieħed mill-pajjiżi terzi kkonċernati jkollu libertà sħiħa li japplika b’mod unilaterali l-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tiegħu. |
200. |
Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx jintesew, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrinunzja għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ strett tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, u b’mod partikolari, in-natura adatta tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Unjoni meta l-Kanada tipproċessa u tuża d-data PNR, skont il-ftehim previst. |
201. |
Fil-fatt, in-neċessità li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju ta’ din in-natura hija bbażata, minn naħa, fuq ir-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tad-dritt fundamentali għar-rispett għall-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, fuq il-portata u l-gravità tal-indħil f’dan id-dritt ( 81 ), li jistgħu jinkludu n-numru kbir ta’ persuni li d-drittijiet fundamentali tagħhom jistgħu jinkisru fil-każ tat-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz ( 82 ). Kif diġà indikajt, jidhirli li l-indħil li l-ftehim previst jimplika fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta huwa ta’ ċerta portata u ta’ gravità mhux negliġibbli. |
202. |
Bl-istess linja ta’ ħsieb, jirriżulta mis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 72 u 78), li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali mnaqqsa fir-rigward tan-natura adatta tal-livell ta’ protezzjoni żgurat minn pajjiż terz li lejh tiġi ttrasferita d-data personali, li jimplika stħarriġ strett tal-kontinwità tal-livell għoli tal-protezzjoni tad-data personali, prevista fid-dritt tal-Unjoni. |
203. |
Madankollu, anki jekk, kif diġà indikajt, il-ftehim previst ma għandux jiġi ridott għal deċiżjoni li tikkonstata li l-awtorità Kandiża kompetenti għandha tiżgura livell adatt ta’ protezzjoni, l-Artikolu 5 tal-ftehim previst jipprevedi fil-fatt li, sakemm tikkonforma ruħha mat-termini ta’ dan il-ftehim, l-awtorità Kanadiża kompetenti hija meqjusa li tipprovdi livell adatt ta’ protezzjoni, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, meta hija tipproċessa u tuża data PNR. L-intenzjoni tal-partijiet kontraenti hija dik li jiġi ggarantit li l-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali milħuq fl-Unjoni jkun jista’ jiġi żgurat meta d-data PNR tiġi ttrasferita lejn il-Kanada. Fid-dawl ta’ din l-intenzjoni, ma nipperċepixxi l-ebda raġuni li tiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tipproċedi bi stħarriġ strett tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
204. |
Ċertament, bħalma aċċettat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 74 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), jiena nikkonċedi li l-mezzi li għalihom il-Kanada tista’ tirrikorri sabiex tiżgura livell adatt ta’ protezzjoni jistgħu jkunu differenti minn dawk implementati fi ħdan l-Unjoni. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll fl-istess punt tal-imsemmija sentenza, dawn il-mezzi għandhom ikunu, fil-prattika, effettivi sabiex jiżguraw protezzjoni “sostanzjalment ekwivalenti” għal dik il-garanzija fi ħdan l-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura “sostanzjalment ekwivalenti” tal-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta mit-termini tal-ftehim previst meta mqabbel ma’ dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun limitat. |
ii) Fuq il-kapaċità tal-indħil li jilħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-ftehim previst
205. |
Wara li ġie ċċarat dan il-punt, ma naħsibx li hemm ostakoli reali sabiex jiġi rrikonoxxut li l-indħil li jimplika l-ftehim previst huwa kapaċi jilħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, imfittxija minnu. Fil-fatt, kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, it-trażmissjoni ta’ data PNR għall-analiżi u għaż-żamma tagħha tippermetti lill-awtoritajiet Kanadiżi li jkollha possibbiltajiet supplimentari għall-identifikazzjoni ta’ passiġġieri, preċedentement mhux magħrufa u mhux issuspettati, li jistgħu jipprovdu rabtiet ma’ persuni u/jew passiġġieri oħra involuti f’netwerk terroristiku jew li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ kriminalità transnazzjonali serja. Din id-data, kif tindika l-istatistika kkomunikata mill-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni dwar il-prassi tal-passat tal-awtoritajiet Kanadiżi, tikkostitwixxi strument utli għall-investigazzjonijiet kriminali ( 83 ), li huma wkoll ta’ natura li jiffavorixxu, speċjalment fid-dawl tal-kooperazzjoni mill-pulizija stabbilita mill-ftehim previst, il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ reat terroristiku jew ta’ att ta’ kriminalità transnazzjonali serja fi ħdan l-Unjoni. |
206. |
Minkejja li l-assenza ta’ parteċipazzjoni tar-Renju tad-Danimarka tista’ tnaqqas il-kapaċità tal-miżuri previsti fil-ftehim previst li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sigurtà fi ħdan l-Unjoni, ma jidhirx li din, fiha nfisha, hija ta’ natura li trendi l-indħil inkapaċi li jilħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika segwit minn dan il-ftehim. Fil-fatt, minn naħa, it-trasportaturi tal-ajru kollha li jiżguraw titjiriet lejn il-Kanada huma suġġetti għall-obbligu li jibagħtu lill-awtorità Kanadiża d-data PNR li huma jiġbru ( 84 ) u, min-naħa l-oħra, l-awtorità Kanadiża kompetenti hija awtorizzata, skont l-Artikolu 19 tal-ftehim previst, tiżvela barra mill-Kanada, u bla ħsara għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet stretti, data PNR, fuq bażi ta’ każ b’każ, lil awtoritajiet pubbliċi li l-funzjonijiet tagħhom huma direttament relatati mal-għan previst fl-Artikolu 3 ta’ dan il-ftehim ( 85 ). |
iii) Fuq in-natura strettament neċessarja tal-indħil
207. |
Fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tal-indħil li jimplika l-ftehim previst, l-evalwazzjoni tagħha għandha, fil-fehma tiegħi, twassal sabiex jiġi vverifikat jekk il-partijiet kontraenti wettqux “evalwazzjoni bbilanċjata” tal-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja, minn naħa, u dak tal-protezzjoni tad-data personali fir-rispett tal-ħajja privata tal-persuni konċernati, min-naħa l-oħra ( 86 ). |
208. |
Tali evalwazzjoni bbilanċjata għandha tkun tista’, fil-fehma tiegħi, tirrifletti ruħha fit-termini tal-ftehim previst. Dawn it-termini għandhom għalhekk jistabbilixxu regoli ċari u speċifiċi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni ta’ miżura li tipprevedi ndħil fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u jimponu minimu ta’ rekwiżiti b’mod li l-persuni kkonċernati jkollhom garanziji suffiċjenti sabiex jipproteġu b’mod effikaċi d-data tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kull aċċess u kull użu illeċitu ta’ din id-data ( 87 ). It-termini tal-ftehim previst għandhom ukoll jikkonsistu fil-miżuri l-inqas intrużivi għad-drittijiet irrikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, filwaqt li jikkontribwixxu b’mod effikaċi għall-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-ftehim previst ( 88 ). Din il-konstatazzjoni timplika li ma huwiex suffiċjenti li wieħed jimmaġina, b’mod astratt, l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi inqas intrużivi fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Jeħtieġ ukoll li dawn il-miżuri alternattivi jkunu suffiċjentement effikaċi ( 89 ), jiġifieri li jkollhom, fil-fehma tiegħi, effikaċità paragunabbli ma’ dawk previsti mill-ftehim previst, sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex minnu. |
209. |
F’dan ir-rigward, il-partijiet ikkonċernati ddibattew kemm in-natura strettament neċessarja tal-ftehimiet PNR inġenerali kif ukoll ċerti termini tal-ftehim previst. Billi dawn iż-żewġ aspetti huma, fil-fehma tiegħi, intrinsikament relatati, inqis li huwa xieraq li dawn jiġu kkunsidrati meta jiġu eżaminati d-diversi partijiet tal-ftehim previst. |
210. |
Għalhekk se niffoka fuq it-tmien punti li ġejjin, li kienu speċifikament is-suġġett tat-talba għal opinjoni jew li ġew diskussi bejn il-partijiet ikkonċernati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-kategoriji tad-data PNR previsti mill-ftehim previst, in-natura suffiċjentement preċiża tal-iskop li għalih huwa awtorizzat l-ipproċessar tad-data PNR, l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti responsabbli mill-ipproċessar tad-data PNR, l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR, l-aċċess għad-data PNR, iż-żamma tad-data PNR u, finalment, il-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ ġudizzjarju previsti mill-ftehim previst. |
– Fuq il-kategoriji tad-data PNR previsti mill-ftehim previst
211. |
Kif diġà ssemma, il-ftehim previst jipprevedi t-trażmissjoni lill-awtorità Kanadiża kompetenti ta’ 19-il kategorija ta’ data PNR miġbura mit-trasportaturi tal-ajru għall-iskopijiet tal-prenotazzjoni ta’ titjiriet, elenkati fl-Anness ta’ dan il-ftehim. |
212. |
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ikkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet dwar is-sinjifikat ta’ wħud minn dawn il-kategoriji, dwar l-użu doppju possibbli tagħhom flimkien mad-data miġbura mill-awtoritajiet Kanadiżi għal skopijiet ta’ kontroll tal-fruntieri u, mill-15 ta’ Marzu 2016, sabiex tingħata awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar elettronika (iktar ’il quddiem “AVE”), kif ukoll dwar l-identifikazzjoni tad-data PNR li tista’ tinkludi data sensittiva. F’dan ir-rigward, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni affermat li hija biss il-Parti 17, li tinsab fl-Anness tal-ftehim previst, intitolata “Rimarki ġenerali, inkluża d-data OSI (Other Supplementary Information), id-data SSI (Special Service Information) u d-data SSR (Special Service Reques)”, li tista’ tinkludi data sensittiva, fis-sens tal-ftehim previst. Barra minn hekk, mid-dibattiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-informazzjoni li tidher fil-Parti 17 tiġi trażmessa biss meta l-persuna li tagħmel l-prenotazzjoni ta’ titjira tkun teħtieġ ċerti servizzi abbord, bħal servizzi ta’ assistenza, relatati, skont il-każ, ma’ problemi tas-saħħa jew ta’ mobbiltà jew ma’ ħtiġijiet partikolari tal-ikel, li jistgħu eventwalment jipprovdu informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa jew jiżvelaw l-oriġini etnika jew il-konvinzjonijiet reliġjużi ta’ din il-persuna jew tal-passiġġieri li jakkumpanjawha. |
213. |
Huwa paċifiku li d-dsatax-il kategorija ta’ data PNR li t-trażmissjoni tagħha lill-awtorità Kanadiża kompetenti hija prevista mill-ftehim previst jikkorrispondu għall-kategoriji li jidhru fis-sistemi ta’ prenotazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru. Dawn il-kategoriji jikkorrispondu wkoll għall-elementi tad-data PNR elenkati fl-Anness I tal-Linji Gwida dwar id-data tar-reġistri tal-passiġġieri adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (OIAĊ) u ppubblikati fl-2010 ( 90 ). L-elementi li jinsabu f’dawn il-kategoriji huma għalhekk perfettament magħrufa mill-operaturi attivi fis-settur tal-ajru. Dawn l-elementi jikkonċernaw, fil-fatt, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex issir prenotazzjoni ta’ traġitt bl-ajru, li tinkludi l-mezzi ta’ prenotazzjoni u l-mezzi ta’ ħlas użati, l-itinerarju magħżul jew is-servizzi possibbilment mitluba abbord. |
214. |
Barra minn hekk, kif enfasizzat mill-Irlanda, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, id-data PNR, meħuda fl-intier tagħha, tinkludi informazzjoni supplimentari meta mqabbla mad-data miġbura għal skopijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri mill-awtoritajiet Kanadiżi inkarigati mill-immigrazzjoni. Fil-fatt, l-informazzjoni antiċipata dwar il-vjaġġatur (API), ta’ natura bijografika u relatata mat-traġitt meħud, li tinġabar mit-trasportaturi tal-ajru, għandha l-għan prinċipali li tiffaċilita u tħaffef il-kontrolli tal-identità tal-passiġġieri fuq il-fruntiera billi tippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġi evitat l-imbarkament ta’ persuni li, pereżempju, ikunu suġġetti għal projbizzjoni ta’ residenza jew billi tissuġġetta ċerti passiġġieri diġà identifikati għal kontroll imsaħħaħ fil-fruntiera ( 91 ). Bl-istess mod, fil-Kanada, ir-rekwiżit ġdid ta’ AVE jaqa’ taħt il-perspettiva tal-ħarsien tal-programm ta’ immigrazzjoni ta’ dan il-pajjiż peress li dan jeżiġi, minn kull persuna li tixtieq tidħol il-Kanada permezz tat-trasport bl-ajru, li ma hijiex suġġetta għall-obbligu tal-viża, li tikseb, fuq il-bażi tal-informazzjoni bijografika u marbuta mad-dħul u r-residenza fil-Kanada, b’mezz elettroniku, awtorizzazzjoni minn qabel tal-vjaġġ li l-perijodu ta’ validità tagħha huwa ta’ massimu ta’ ħames snin ( 92 ). Din it-tip ta’ data ma tippermettix madankollu li tinkiseb informazzjoni dwar il-mezzi ta’ prenotazzjoni, il-mezzi ta’ ħlas użati kif ukoll dwar id-drawwiet tal-ivvjaġġar, li l-komunikazzjoni tagħha għandha ċertament utilità fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-attivitajiet l-oħra ta’ kriminalità transnazzjonali serja. Indipendentement mill-metodi użati sabiex tiġi pproċessata din id-data, l-API u d-data meħtieġa għall-ħruġ ta’ AVE ma humiex għalhekk suffiċjenti sabiex jinkiseb b’effikaċità paragunabbli l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-ftehim previst. |
215. |
Huwa minnu li dawn il-kategoriji ta’ data PNR huma trażmessi lill-awtoritajiet Kanadiżi fir-rigward tal-passiġġieri kollha li jużaw konnessjoni tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni, mingħajr ma hemm indizju li l-imġiba ta’ dawn il-vjaġġaturi jista’ jkollha rabta ma’ attività terrorista jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja. |
216. |
Madankollu, kif spjegaw il-partijiet ikkonċernati, l-interess stess tas-sistemi PNR, kemm jekk adottati unilateralment kif ukoll jekk huma s-suġġett ta’ ftehim internazzjonali, huwa preċiżament dak li tiġi ggarantita t-trażmissjoni kbira ta’ data li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw, bl-għajnuna ta’ għodod ta’ pproċessar awtomatizzat u ta’ xenarji jew kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel, individwi, mhux magħrufa mis-servizzi ta’ ripressjoni, iżda li jidhru li jippreżentaw “interess” jew li jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà pubblika u li jistgħu, għalhekk, ikunu sussegwentement suġġetti għal kontrolli individwali iktar estensivi. |
217. |
Madankollu, għandi dubji serji fir-rigward tan-natura suffiċjentement ċara u preċiża ta’ ċerti kategoriji ta’ data PNR elenkati fl-Anness tal-ftehim previst. Fil-fatt, uħud minnhom huma fformulati b’mod wiesa’ ħafna, saħansitra eċċessiv, mingħajr ma persuna raġonevolment informata tkun tista’ tiddetermina n-natura jew il-portata tad-data personali li jistgħu jinkludu dawn il-kategoriji. Naħseb, f’dan ir-rigward, speċjalment fuq il-Parti 5 dwar l-“informazzjoni disponibbli dwar ‘vjaġġaturi frekwenti’ u dwar il-benefiċċji (jiġifieri biljetti b’xejn, titjib fi-fil-klassi tal-ivvjaġġar eċċ)”, u l-Parti 7, intitolata “l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur)”, kif ukoll il-Parti 17, diġà msemmija, dwar ir-“rimarki ġenerali”. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettewx it-tneħħija ta’ dawn id-dubji. B’mod partikolari, fir-rigward tal-Parti 7, din l-istituzzjoni aċċettat li din tirrigwarda, b’mod mhux eżawrjenti, “id-dettalji kollha relatati mal-prenotazzjoni inkluż partikolarment, l-indirizz postali, jew l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefon tal-vjaġġatur, tal-persuna jew ukoll tal-aġenzija li tkun għamlet il-prenotazzjoni tat-titjira”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-Parti 17, il-Kummissjoni indikat li din tipprevedi “l-informazzjoni supplementari kollha, flimkien ma’ dik elenkata mkien ieħor fl-Anness tal-ftehim previst”. |
218. |
Il-ftehim previst jipprevedi ċertament ċerti garanziji intiżi sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa ma teċċedix il-lista tal-elementi elenkati fl-Anness tal-ftehim previst, fil-pussess tat-trasportaturi tal-ajru. Fil-fatt, mill-Artikolu 4(3) tal-ftehim previst jirriżulta li ebda data oħra ma għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità Kanadiża kompetenti, peress li l-Kanada għandha tneħħi, mal-wasla tagħha, kull data li tkun ġiet ittrasferita lilha meta din ma tkunx fil-lista tal-kategoriji tal-Anness tal-ftehim previst. Għalhekk, għalkemm konformement ma’ dak indikat fil-Parti 8 ta’ dan l-anness, l-informazzjoni disponibbli dwar il-ħlas tat-titjira għandha tiġi ttrasferita lill-awtorità Kanadiża kompetenti, din ma tkunx tista’ tinkludi dik relatata mal-modalitajiet ta’ ħlas għal servizzi oħra li ma humiex direttament marbuta mat-titjira, bħall-kiri ta’ vettura mal-wasla. |
219. |
Madankollu, minħabba n-natura vasta ħafna, saħansitra eċċessivament, ta’ ċerti partijiet, huwa partikolarment diffiċli li wieħed jifhem liema data għandha titqies li ma għandhiex tiġi ttrasferita lejn il-Kanada u li għandha, għaldaqstant, titħassar minn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 4(3) tal-ftehim previst. Inżid li huwa probabbli li trasportatur tal-ajru jagħżel, għal raġunijiet ta’ faċilità u ta’ tnaqqis tal-ispejjeż, li jittrasferixxi d-data kollha li jkun ġabar qabel, kemm jekk din tkun tidher kif ukoll jekk din ma tkunx tidher fost il-partijiet elenkati fl-Anness tal-ftehim previst. |
220. |
Għalhekk inqis li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-persuni li d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita u pproċessata skont il-ftehim previst u fid-dawl tan-neċessità li jiġu stabbiliti regoli ċari u preċiżi li jirregolaw l-ambitu sostantiv ta’ dan il-ftehim, il-kategoriji tad-data li jidhru fl-Anness tal-ftehim previst għandhom jiġu ridotti b’mod iktar konċiż u preċiż, mingħajr ma jista’ jitħalla marġni ta’ diskrezzjoni, kemm lit-trasportaturi tal-ajru kif ukoll lill-awtoritajiet Kanadiżi kompetenti fir-rigward tal-portata konkreta ta’ dawn il-kategoriji. |
221. |
Finalment, inqis li l-ftehim previst jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju billi jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu t-trasferiment tad-data PNR li tista’ tinkludi data sensittiva, b’mod li jippermetti, fil-prattika, li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa jew li tiġi żvelata l-oriġini etnika jew il-konvinzjonijiet reliġjużi tal-passiġġier ikkonċernat u/jew ta’ dawk li jkunu qed jakkumpanjawh. |
222. |
F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-data PNR li tista’ tinkludi tali data sensittiva hija kkomunikata biss b’mod fakultattiv, jiġifieri biss meta passiġġier ikun jeħtieġ servizz supplimentari abbord. Madankollu, jidhirli li huwa evidenti li persuna, li tkun għadha ma hijiex “identifikata”, iżda li tikkollabora jew tipparteċipa f’netwerk internazzjonali terrorist jew ta’ kriminalità serja, tevita, bi prudenza, milli tirrikorri għal tali servizzi li jistgħu partikolarment jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini etnika tagħha jew il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħha. Il-metodi moderni ta’ investigazzjoni użati mill-awtoritajiet kompetenti Kanadiżi li jikkonsistu, skont dak li ġie spjegat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tqassim tad-data PNR miksuba f’xenarji jew profili tipiċi ta’ persuni b’riskju u li jistgħu jkunu bbażati fuq tali data sensittiva, peress li l-ftehim previst ma jipprojbixxix dan, jippermettu biss, b’mod definittiv, li tiġi pproċessata data sensittiva ta’ persuni li jkunu leġittimament talbu wieħed minn dawn is-servizzi ta’ assistenza abbord u li fuqhom ma jkunx hemm u probabbilment se jibqa’ ma jkun hemm ebda suspett. Ir-riskju ta’ stigmatizzazzjoni ta’ numru kbir ta’ individwi, li ma jkunu bl-ebda mod issuspettati b’reat, li jimplika l-użu ta’ tali data sensittiva, huwa partikolarment inkwetanti u jwassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teskludi din id-data mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim previst. Barra minn hekk, għandi nosserva li l-Artikolu 8 tal-ftehim PNR konkluż mal-Awstralja jipprojbixxi, min-naħa tiegħu, kull ipproċessar ta’ data PNR sensittiva. Din il-konstatazzjoni tissuġġerixxi, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni iktar sostanzjata fil-ftehim previst fir-rigward tan-neċessità stretta tal-ipproċessar tad-data sensittiva, li l-għan tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità internazzjonali serja jista’ jintlaħaq b’mod effikaċi wkoll mingħajr ma din id-data tiġi ttrasferita lejn il-Kanada. |
223. |
Inżid li l-garanziji pprovduti mill-Artikolu 8 tal-ftehim previst, relatati mal-“użu ta’ data sensittiva”, huma insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw approċċ differenti minn dak li jipproponi l-esklużjoni tad-data sensittiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim previst. |
224. |
Fil-fatt, minkejja l-miżuri previsti fl-Artikolu 8(1) sa (4) tal-ftehim previst, l-Artikolu 8(5), in fine, jawtorizza lill-“Kanada” (mhux biss lill-awtorità Kanadiża kompetenti) li żżomm id-data sensittiva, konformement mal-Artikolu 16(5) tal-ftehim previst. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod partikolari li din id-data tista’ tinżamm għal perijodu li ma jeċċedix ħames snin meta din id-data tkun “meħtieġa għal kull azzjoni speċifika, verifika, investigazzjoni, miżura ta’ koerżjoni, proċedura ġudizzjarja, prosekuzzjoni jew miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ piena partikolari, sa l-għeluq tagħha”. L-Artikolu 16(5) tal-ftehim previst ma jirreferix, barra minn hekk, għall-għanijiet indikati fl-Artikolu 3 tal-istess ftehim, u dan b’mod kuntrarju għal paragrafu immedjatament preċedenti. Minn dan jirriżulta li data sensittiva ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun għamel użu minn titjira lejn il-Kanada tista’ tinżamm għal ħames snin (u, jekk ikun il-każ, żvelata u analizzata matul dan il-perijodu) minn kwalunkwe awtorità pubblika Kanadiża, għal kull “azzjoni speċifika” jew “verifika” jew “proċeduri ġudizzjarji”, mingħajr ebda konnessjoni mal-għan imfittex mill-ftehim previst, pereżempju, kif sostna il-Parlament, fil-każ ta’ proċedura relatata mad-dritt tal-kuntratti jew mad-dritt tal-familja. Il-possibbiltà li jqum tali każ twassal għall-konklużjoni li l-partijiet kontraenti ma wettqux, fuq dan il-punt, evalwazzjoni bbilanċjata tal-għanijiet imfittxija mill-ftehim previst. |
225. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nemmen li l-kategoriji tad-data PNR elenkati fl-Anness tal-ftehim previst għandhom jiġu fformulati b’mod iktar ċar u preċiż u li, fi kwalunkwe każ, id-data sensittiva għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim previst. Minn dan isegwi li l-użu tad-data sensittiva previst fl-Artikolu 8 tal-ftehim previst huwa, fil-fehma tiegħi, inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
– Fuq in-natura suffiċjentement preċiża tal-iskop li għalih l-ipproċessar tad-data PNR huwa awtorizzat
226. |
Kif diġà indikat, l-Artikolu 3(1) tal-ftehim propost jipprevedi li l-awtorità Kanadiża kompetenti tipproċessa d-data PNR miksuba, konformement ma’ dan il-ftehim, biss għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja, jew ta’ investigazzjonijiet u ta’ prosekuzzjonijiet fil-qasam. |
227. |
L-Artikolu 3(2)(a) tal-ftehim previst jipprovdi definizzjoni preċiża tal-espressjoni “reat terroristiku”, filwaqt li l-Artikolu 3(3) jiddefinixxi l-“forom serji ta’ kriminalità transnazzjonali” bħala “kwalunkwe reat punibbli fil-Kanada bi privazzjoni massima ta’ libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew b’piena aktar ħarxa u hekk kif definiti mil-liġi Kanadiża, jekk id-delitt inkwistjoni jkun ta’ natura transnazzjonali”. Il-kundizzjonijiet sabiex reat ikun ta’ dan it-tip huma elenkati fl-Artikolu 3(3)(a) sa (e) tal-ftehim previst. |
228. |
L-Artikolu 3(5) tal-ftehim previst jagħti d-dritt lill-Kanada tipproċessa d-data PNR, każ b’każ, sabiex tiġi ggarantita s-sorveljanza u r-responsabilità tal-amministrazzjoni pubblika [paragrafu 5(a)] jew sabiex tikkonforma ma’ taħrika, mandat ta’ arrest jew ordni maħruġ minn qorti [paragrafu 5(b)]. |
229. |
Fit-talba tiegħu, il-Parlament jaċċetta li l-Artikolu 3 tal-ftehim previst joffri ċerti kriterji oġġettivi, iżda jqis li r-riferiment għal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz fil-paragrafu 3 tiegħu u l-possibbiltà ta’ pproċessar supplimentari mogħtija mill-paragrafu 5 tiegħu jwasslu għal inċertezzi fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dan il-ftehim huwiex limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. |
230. |
Nista’ naqbel biss parzjalment ma’ dan l-argument. |
231. |
Qabelxejn, inqis li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fir-rigward tal-att inkwistjoni fil-Kawża Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), l-Artikolu 3 tal-ftehim previst jipprevedi kriterji oġġettivi relatati man-natura u mal-livell ta’ gravità tar-reati li jawtorizzaw lill-awtoritajiet Kanadiżi sabiex jipproċessaw id-data PNR. Għalhekk, ir-reat terroristiku huwa direttament iddefinit fl-Artikolu 3(2) tal-ftehim previst u jirreferi wkoll għall-attivitajiet iddefiniti bħala tali mill-konvenzjonijiet u mill-protokolli internazzjonali applikabbli fil-qasam tat-terroriżmu. In-natura u l-gravità ta’ reat li jaqa’ taħt il-“forom serji ta’ kriminalità transnazzjonali” joħorġu perfettament ukoll mill-Artikolu 3(3) tal-ftehim previst, peress li dan huwa reat li jinvolvi iktar minn pajjiż wieħed u huwa punibbli fil-Kanada b’piena deprivattiva tal-libertà ta’ mill-inqas erba’ snin. Din id-definizzjoni ċertament ma tkoprix reati minuri jew reati li n-natura ta’ gravità tagħhom tvarja, bħalma kien il-każ fl-att li wassal għas-sentenza Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), skont id-dritt intern ta’ numru ta’ Stati, li għalhekk irendu impossibbli li l-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jitqies li kien limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. |
232. |
Madankollu, nirrikonoxxi li r-riferiment għad-dritt intern Kanadiż ma jippermettix li jiġu identifikati liema reati speċifiċi jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 3(3) tal-ftehim previst, jekk dawn ikunu, barra minn hekk, ta’ natura transnazzjonali. |
233. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja dokument mibgħut mill-awtoritajiet Kanadiżi li jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ reati li jaqgħu taħt id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 3(3) tal-ftehim previst li, skont dawn l-awtoritajiet, tirrapreżenta l-maġġoranza kbira tar-reati li jistgħu jaqgħu taħt din id-definizzjoni. |
234. |
Din il-lista turi ċar il-gravità tar-reati kkonċernati, li huma marbuta mat-traffikar ta’ armi, ta’ munizzjon, ta’ splussivi u tal-bnedmin, mad-distribuzzjoni jew il-pussess ta’ materjal ta’ pornografija tat-tfal, mal-ħasil tar-rikavat mill-kriminalità, mal-flus foloz u mal-falsifikazzjoni tal-munita, mal-qtil, mal-ħtif ta’ persuni, mas-sabutaġġ, mal-ħtif ta’ ostaġġi jew ta’ ajruplani. |
235. |
Madankollu, sabiex ir-reati li jistgħu jawtorizzaw l-ipproċessar tad-data PNR jiġu llimitati għal dak li huwa strettament neċessarju u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-passiġġieri li d-data tagħhom tiġi trażmessa lill-awtoritajiet Kanadiżi, inqis li r-reati li jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-ftehim previst għandhom ikunu elenkati b’mod eżawrjenti, pereżempju, f’anness mal-ftehim previst innifsu. |
236. |
Barra minn hekk, nikkondividi t-tħassib tal-Parlament dwar il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5)(b) tal-ftehim previst, li jinvolvi twessigħ tal-għanijiet li għalihom huwa awtorizzat l-ipproċessar tad-data PNR. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, l-ipproċessar tad-data PNR huwa awtorizzat “ukoll”, fuq bażi ta’ każ b’każ, sabiex tiġi osservata taħrika, mandat ta’ arrest jew ordni maħruġa minn qorti, mingħajr indikazzjoni li din il-qorti taġixxi fil-kuntest tal-għanijiet tal-ftehim previst. Jidher għalhekk li dan l-artikolu jippermetti l-ipproċessar tad-data PNR għal skopijiet differenti minn dawk segwiti mill-ftehim previst u/jew possibbilment fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet, ta’ mġiba jew ta’ reati li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. |
237. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li, sabiex ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju u sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali tal-passiġġieri, partikolarment iċ-ċittadini tal-Unjoni, il-ftehim previst għandu jkun akkumpanjat b’lista eżawrjenti ta’ reati li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “forom serji ta’ kriminalità transnazzjonali”, prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ dan il-ftehim. Barra minn hekk, fl-istat attwali tar-redazzjoni tiegħu, l-Artikolu 3(5) tal-ftehim previst huwa inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, sa fejn jippermetti, lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju, estensjoni tal-possibbiltajiet ta’ pproċessar tad-data PNR, irrispettivament mill-għanijiet imfittxija mill-ftehim previst. |
– Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ftehim previst
238. |
Huwa paċifiku li d-data PNR trażmessa fl-ambitu tal-ftehim previst tikkonċerna l-vjaġġaturi kollha li jużaw konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni, mingħajr ma hemm indiċi ta’ natura li jissuġġerixxi li l-imġiba ta’ dawn il-vjaġġaturi jista’ jkollha rabta ma’ attività terrorista jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja. It-trasferiment ta’ din id-data lill-awtorità Kanadiża kompetenti, l-ipproċessar awtomatizzat tagħha u sussegwentement iż-żamma tagħha japplikaw għalhekk mingħajr ebda distinzjoni magħmula fuq il-bażi tar-riskju potenzjali li ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi jistgħu jippreżentaw. |
239. |
Fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), hija partikolarment in-natura indiskriminata u ġeneralizzata taż-żamma tad-data ta’ kull persuna li tuża servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-għan, imfittex mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE ( 93 ), tal-ġlieda kontra r-reati serji, li l-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju. |
240. |
Minkejja li l-indħil li jimplika l-ftehim previst huwa inqas estensiv minn dak previst mid-Direttiva 2006/24 filwaqt li huwa wkoll inqas intrużiv fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna, in-natura indiskriminata u ġeneralizzata tiegħu tqajjem ċerti mistoqsijiet. |
241. |
Madankollu, kif diġà osservajt fil-punt 216 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-interess stess tas-sistemi PNR huwa li jiżgura t-trażmissjoni kbira ta’ data li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw, bl-għajnuna ta’ għodod ta’ pproċessar awtomatizzat u xenarji jew kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel, individwi, mhux magħrufa mis-servizzi ta’ infurzar tal-liġi, iżda li jidhru li għandhom “interess” jew jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà pubblika u li jistgħu, għalhekk, ikunu sussegwentement suġġetti għal kontrolli individwali iktar estensivi. Dawn il-kontrolli għandhom ukoll ikunu jistgħu jsiru matul ċertu perijodu ta’ żmien wara li l-passiġġieri inkwistjoni jkunu vvjaġġaw. |
242. |
Barra minn hekk, b’differenza mill-persuni li d-data tagħhom hija s-suġġett ta’ pproċessar previst mid-Direttiva 2006/24, dawk kollha li jaqgħu taħt il-ftehim previst jużaw volontarjament mezz ta’ trasport internazzjonali lejn jew minn pajjiż terz, mezz ta’ trasport li huwa fih innifsu, sfortunatament ripetutament, mezz jew vittma ta’ atti ta’ terroriżmu jew ta’ kriminalità transnazzjonali serja, u dan jirrikjedi li jiġu adottati miżuri li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà għall-passiġġieri kollha. |
243. |
Huwa ċertament possibbli li tinħoloq sistema ta’ trasferiment u ta’ pproċessar ta’ data PNR li tiddistingwi l-passiġġieri skont, pereżempju, iż-żoni ġeografiċi tal-oriġini (fil-każ ta’ waqfien fl-Unjoni) jew skont l-età tal-passiġġieri, il-minorenni jkunu jistgħu, pereżempju, jirrappreżentaw a priori riskju iktar baxx għas-sigurtà pubblika. Madankollu, sa fejn dawn jitqiesu li ma jinvolvux diskriminazzjoni pprojbita, tali miżuri jistgħu, ladarba magħrufa, iwasslu għal evażjoni tat-termini tal-ftehim previst, u dan jippreġudika xorta waħda l-ksib effikaċi ta’ wieħed mill-għanijiet tiegħu. |
244. |
Madankollu, kif diġà indikat, ma huwiex suffiċjenti li wieħed jimmaġina in abstracto miżuri alternattivi inqas restrittivi għad-drittijiet fundamentali tal-persuni. Huwa wkoll meħtieġ, fil-fehma tiegħi, li dawn il-miżuri jipprovdu garanziji ta’ effikaċità paragunabbli ma’ dawk li l-implementazzjoni tagħhom hija prevista sabiex jiġu miġġielda r-reati terroristiċi u l-kriminalità transnazzjonali serja. L-ebda miżura oħra li, filwaqt li tillimita n-numru ta’ persuni li d-data PNR tagħhom tiġi awtomatikament pproċessata mill-awtorità Kanadiża kompetenti, tista’ tilħaq b’effikaċità paragunabbli l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-partijiet kontraenti ma ġiet imressqa għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ din il-proċedura. |
245. |
Wara li jitqies kollox, jidhirli għalhekk li, b’mod ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-ftehim previst ma jistax jiġi iktar limitat, mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-għan stess tas-sistemi PNR. |
– Fuq l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti inkarigata bl-ipproċessar tad-data PNR
246. |
Skont l-Artikolu 5 tal-ftehim previst, hija biss “l-Awtorità Kanadiża Kompetenti” li hija mistennija tipprovdi livell ta’ protezzjoni adatt, meta tipproċessa u tuża d-data PNR, sa fejn hija tosserva l-ftehim previst. |
247. |
Kif irrileva l-Parlament, l-identità ta’ din l-awtorità ma tissemmiex fil-ftehim previst. Madankollu, ma hemmx dubju, fid-dawl tal-Ftehim tal-2006, u kif ikkonfermat l-ittra tal-Missjoni tal-Kanada għall-Unjoni Ewropea bid-data tal-25 ta’ Ġunju 2014, innotifikata lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 30(2)(a) tal-ftehim previst u trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu ta’ din il-proċedura, li din hija l-ASFK. |
248. |
Iktar mill-identità ta’ din l-awtorità, hija n-natura spiss impreċiża tat-termini tal-ftehim previst li, mill-perspettiva tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tqajjem dubji dwar l-awtoritajiet li jistgħu jipproċessaw id-data PNR. |
249. |
Diversi termini tal-ftehim previst jirreferu fil-fatt b’mod ġenerali “għall-Kanada” u mhux għall-“Awtorità Kanadiża Kompetenti”, għalkemm hija biss awtorità waħda li hija meqjusa li tipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għat-trattament u l-użu ta’ data PNR, skont il-ftehim previst. Dan japplika għall-Artikolu 3(5) tal-ftehim previst, li jestendi, barra minn hekk, kif eżaminajt iktar ’il fuq ( 94 ), l-iskopijiet li għalihom id-data PNR tista’ tiġi pproċessata, għall-Artikolu 8 tal-ftehim previst, għall-Artikolu 12(3) tal-ftehim previst relatat mal-iżvelar lil kwalunkwe persuna, kif ukoll għall-Artikolu 16 tal-ftehim previst dwar iż-żamma tad-data PNR ( 95 ). |
250. |
Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, is-sostituzzjoni tal-espressjoni “l-Awtorità Kanadiża Kompetenti” bl-isem ġeneriku “Kanada” tixħet dubju fir-rigward tan-numru ta’ awtoritajiet awtorizzati jipproċessaw data, a fortiori meta l-Artikolu 18 tal-ftehim previst jawtorizza, taħt il-kundizzjonijiet li dan l-artikolu jelenka, l-awtorità Kanadiża kompetenti tiżvela data PNR lil awtoritajiet pubbliċi oħra fil-Kanada ( 96 ). |
251. |
Ma jidhirlix, għalhekk, li t-termini tal-ftehim previst huma suffiċjentement ċari u preċiżi fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-awtorità inkarigata bl-ipproċessar tad-data PNR, b’mod li jiżguraw il-protezzjoni u s-sigurtà ta’ din id-data. |
– Fuq l-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR
252. |
Mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-valur miżjud prinċipali tal-ipproċessar tad-data PNR huwa l-konfrontazzjoni tad-data miġbura ma’ xenarji jew kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel ta’ riskju jew ma’ bażijiet ta’ data li jippermettu, bl-għajnuna tal-ipproċessar awtomatizzat, li jiġu identifikati “miri”, li jistgħu sussegwentement ikunu s-suġġett ta’ kontroll iktar estensiv. Fil-prattika, skont id-data kkomunikata mill-ASFK lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Renju Unit u li ġiet trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja minn dawn il-partijiet ikkonċernati, l-applikazzjoni ta’ dawn it-tekniki ppermettiet li jiġu identifikati madwar 9 500 “miri” mill-ipproċessar awtomatizzat tad-data PNR fuq it-28 miljun passiġġier li għamlu użu minn titjira bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea bejn ix-xahar ta’ April 2014 u x-xahar ta’ Marzu 2015. |
253. |
Madankollu, ebda terminu tal-ftehim previst ma jikkonċerna speċifikament dawn id-databases jew dawn ix-xenarji jew kriterji ta’ evalwazzjoni, li għandhom għalhekk jibqgħu jiġu ddeterminati u użati fid-diskrezzjoni sħiħa tal-awtoritajiet Kanadiżi. |
254. |
Ċertament, il-ftehim previst jipprovdi li l-Kanada għandha tiżgura li l-garanziji applikabbli għall-ipproċessar tad-data PNR japplikaw ugwalment għall-passiġġieri kollha, mingħajr diskriminazzjoni illegali (Artikolu 7 tal-ftehim previst) u li hija għandha tastjeni milli tieħu kwalunkwe deċiżjoni li taffettwa negattivament b’mod sinjifikattiv passiġġier abbażi biss tal-ipproċessar awtomatizzat ta’ data PNR (Artikolu 15 tal-ftehim previst). |
255. |
Madankollu, jiena konvint li, fid-dawl tal-evalwazzjoni bbilanċjata bejn iż-żewġ għanijiet imfittxija mill-ftehim previst u l-importanza prattika sinjifikattiva ta’ dan l-aspett, konfrontazzjoni tad-data PNR ma’ dawn ix-xenarji jew ma’ dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel tista’ twassal, kif ammettew ċerti partijiet ikkonċernati, sabiex jiġu identifikati “miri” pożittivi foloz, il-ftehim previst għandu jinkludi ċertu numru ta’ prinċipji u ta’ regoli espliċiti fir-rigward kemm tax-xenarji jew tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel kif ukoll tad-databases li magħhom id-data PNR hija pparagunata. |
256. |
L-istabbiliment u d-determinazzjoni preċiża tax-xenarji u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti minn qabel għandhom ikunu jistgħu jippermettu, fil-parti l-kbira, li jinkisbu riżultati li jidentifikaw individwi li fir-rigward tagħhom jista’ jkun hemm “suspett raġonevoli” ta’ parteċipazzjoni f’reati terroristiċi jew fi kriminalità transnazzjonali serja ( 97 ). |
257. |
Ma huwiex strettament neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tindika l-prinċipji li għandhom jirregolaw id-determinazzjoni ta’ dawn ix-xenarji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni jew id-databases li magħhom hija pparagunata d-data PNR. |
258. |
Min-naħa tiegħi, inqis li huwa xieraq, tal-inqas, li l-ftehim previst jipprovdi speċifikament li la x-xenarji jew il-kriterji stabbiliti minn qabel u lanqas id-databases użati ma jistgħu jkunu bbażati fuq l-oriġini tar-razza jew etnika ta’ persuna, l-opinjonijiet politiċi tagħha, ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet filosofiċi tagħha, is-sħubija tagħha f’sindakat, l-istat ta’ saħħa jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha. Barra minn hekk, il-kriterji, ix-xenarji u d-databases għandhom ikunu espressament limitati għall-iskopijiet u għar-reati previsti fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst. |
259. |
Barra minn hekk, il-ftehim previst għandu fil-fehma tiegħi jispeċifika b’mod iktar ċar milli attwalment jagħmel l-Artikolu 15 tal-ftehim previst li, fil-każ li l-konfrontazzjoni tad-data PNR mal-kriterji u max-xenarji stabbiliti minn qabel twassal għal riżultat pożittiv, dan ir-riżultat għandu jiġi eżaminat b’mezzi mhux awtomatizzati. Din il-garanzija tista’ tnaqqas in-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu suġġetti għal kontroll fiżiku sussegwenti iktar estensiv. |
260. |
Barra minn hekk, sabiex ikunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju, dawn il-kriterji, xenarji u databases rilevanti, kif ukoll l-eżami mill-ġdid tagħhom, għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu suġġetti għal stħarriġ min-naħa tal-awtorità pubblika indipendenti prevista fil-ftehim previst, jiġifieri l-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata ( 98 ), u jkunu s-suġġett ta’ rapport dwar l-implementazzjoni tagħhom, li jintbagħat lill-istituzzjonijiet u lill-korpi rilevanti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 26 tal-ftehim previst li jirregola l-eżami u l-evalwazzjoni konġunti tal-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
261. |
Konsegwentement, inqis li, billi naqsu milli jistabbilixxu prinċipji u regoli espliċiti relatati mal-istabbiliment u mal-użu ta’ xenarji u ta’ kriterji stabbiliti minn qabel u databases li magħhom d-data PNR huma pparagunati b’ipproċessar awtomatizzat, il-partijiet kontraenti ma wettqux evalwazzjoni bbilanċjata taż-żewġ għanijiet imfittxija mill-ftehim previst. |
– Fuq l-aċċess għad-data PNR
262. |
Ladarba l-passiġġieri li d-data PNR tagħhom tkun ġiet suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, li jkollhom profil li jikkorrispondi għax-xenarji jew għall-kriterji stabbiliti minn qabel, jiġu identifikati, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-uffiċjali tal-ASFK jaċċedu għad-data ta’ dawn il-passiġġieri sabiex jiddeterminaw jekk hemmx lok li dawn ikunu suġġetti għal kontroll iktar strett. Fil-prattika, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, fost d-9 500 “mira” identifikati bejn ix-xahar ta’ April 2014 u x-xahar ta’ Marzu 2015, 1 765 persuna ġew suġġetti għal kontroll bir-reqqa għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà pubblika nazzjonali jew għal raġunijiet marbuta ma’ reat ta’ kriminalità transnazzjonali serja. Fost dawn il-persuni, 178 kienu s-suġġett ta’ arrest għal reat ta’ kriminalità transnazzjonali serja, speċifikament marbuta mat-traffikar ta’ drogi. |
263. |
Fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 62 u 66), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, minn naħa, li d-Direttiva 2006/24 ma kienet tipprovdi ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi llimitat in-numru ta’ persuni awtorizzati sabiex jaċċedu għad-data personali inkwistjoni u ma kinitx tissuġġetta l-aċċess ta’ din id-data għal stħarriġ minn qabel minn qorti jew entità amministrattiva indipendenti. Min-naħa l-oħra, dan l-att lanqas ma kien jipprovdi regoli kontra r-riskji ta’ abbuż u kontra kull aċċess jew użu illeċitu ta’ din id-data. |
264. |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li t-termini tal-ftehim previst jissodisfaw parzjalment dawn ir-rekwiżiti. |
265. |
Kif diġà rrilevat, l-Artikolu 9(1)(2) tal-ftehim previst jirrikjedi li l-Kanada timplementa miżuri regolatorji, proċedurali u tekniċi intiżi sabiex jipproteġu d-data PNR mill-aċċess, mill-ipproċessar jew mit-telf aċċidentali, illegali jew mhux awtorizzat u li tiżgura partikolarment is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data, bl-applikazzjoni b’mod partikolari ta’ proċeduri ta’ kodifikazzjoni u ta’ żamma tad-data f’ambjent fiżiku sikur, protett b’kontrolli tal-aċċess. |
266. |
Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 9(2)(b) kif ukoll l-Artikolu 16(2) tal-ftehim previst jipprevedu li l-Kanada għandha tillimita l-aċċess għad-data PNR għal numru ta’ uffiċjali espressament awtorizzati għal dan l-għan. Fil-qasam taż-żamma tad-data PNR, l-Artikolu 16(4) tal-ftehim previst jipprovdi wkoll li d-data depersonalizzata b’sistema ta’ ħabi tista’ tiġi żvelata biss jekk ikun neċessarju li jitwettqu investigazzjonijiet skont l-Artikolu 3 tal-ftehim previst u, fid-dawl tal-perijodu taż-żamma tad-data PNR ikkonċernata, minn numru limitat ta’ uffiċjali espressament awtorizzati għal dan l-għan jew biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kap tal-awtorità Kanadiża kompetenti jew ta’ rappreżentanza għolja inkarigata speċifikament minn dan tal-aħħar. |
267. |
Madankollu, bħad-Direttiva 2006/24, il-ftehim previst ma jispeċifikax il-kriterji oġġettivi li skonthom jintgħażlu l-uffiċjali li jkollhom aċċess għad-data PNR u jekk dawn l-uffiċjali jaqgħux ilkoll taħt is-servizzi tal-ASFK. Dawn l-indikazzjonijiet jidhru iktar u iktar importanti peress li jidher li l-grupp ta’ uffiċjali li għandhom aċċess għal din id-data fil-kuntest tal-Artikolu 9(2) tal-ftehim previst huwa iktar wiesa’ minn dak, ikklassifikat bħala “ristrett”, li jista’ jaċċedi għad-data miżmuma għal iktar minn 30 jum fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) ta’ dan il-ftehim. Madankollu, il-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ uffiċjali awtorizzati sabiex jaċċedu d-data PNR ma humiex dedotti mit-termini tal-ftehim previst u tħallew għalhekk fid-diskrezzjoni sħiħa tal-Kanada. Ma jidhirlix li din il-libertà tissodisfa r-rekwiżit stabbilit mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), imsemmija fil-punt 263 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
268. |
Bl-istess mod, għandu jiġi nnotat li l-ftehim previst imkien ma jipprevedi li l-aċċess għad-data PNR għandu jkun suġġett għal stħarriġ minn qabel minn awtorità indipendenti, bħall-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata ( 99 ), jew minn qorti li d-deċiżjoni tagħha tista’ tillimita l-aċċess għad-data jew l-użu tagħha u tingħata fuq talba motivata tal-ASFK. |
269. |
Mandankollu, l-ibbilanċjar xieraq tal-kontinwazzjoni effikaċi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja u l-osservanza ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tal-passiġġieri kkonċernati ma jeħtieġx neċessarjament li jkun previst stħarriġ minn qabel tal-aċċess għad-data PNR. |
270. |
Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk tali stħarriġ minn qabel huwiex fil-prattika prevedibbli u suffiċjentement effettiv, partikolarment fid-dawl tal-ammont ta’ data li għandha tiġi eżaminata u r-riżorsi tal-awtoritajiet indipendenti tal-istħarriġ, nirrileva li, fil-kuntest tal-osservanza tal-Artikolu 8 tal-KEDB mill-awtoritajiet pubbliċi li jkunu implementaw il-miżuri ta’ interċezzjoni u ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet privati, il-Qorti EDB aċċettat li, minbarra ċirkustanzi speċjali relatati partikolarment mal-kunfidenzjalità tas-sorsi tal-informazzjoni ta’ ġurnalisti jew mal-komunikazzjonijiet tal-avukati mal-klijenti tagħhom, stħarriġ ex ante ta’ dawn il-miżuri minn awtorità indipendenti jew minn maġistrat ma jikkostitwixxix rekwiżit assolut, sakemm ikun iggarantit, a posteriori, stħarriġ ġurisdizzjonali estiż ta’ dawn il-miżuri ( 100 ). |
271. |
F’dan ir-rigward, indipendentement mid-dubji mqajma mit-tqassim tal-kompetenzi ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ tal-ASFK bejn l-“awtorità pubblika indipendenti” u l-“awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija”, li dwarhom se nerġa’ niġi lura sussegwentement ( 101 ), għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst jipprevedi li l-Kanada għandha tiżgura li kull persuna li tqis li d-drittijiet tagħha jkunu ġew miksura permezz ta’ deċiżjoni jew miżura relatata mad-data PNR tagħha jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv, konformement mal-leġiżlazzjoni Kanadiża, speċifikament fl-għamla ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Ma hemm l-ebda dubju, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 14(1) tal-ftehim previst u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati, li dan ir-rimedju huwa disponibbli kontra kull deċiżjoni dwar l-aċċess għad-data PNR tal-persuni kkonċernati, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, mid-domiċilju jew il-preżenza tagħhom fit-territorju Kanadiż. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ eżami preventiv tal-kompatibbiltà tat-termini tal-ftehim previst mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jidhirli li l-garanzija ta’ tali rimedju, li l-effikaċità tiegħu ma tqiegħdet fid-dubju minn ebda parti kkonċernata, tissodisfa l-kundizzjoni meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB mogħtija mill-Qorti EDB. |
272. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li l-fatt li l-ftehim previst naqas milli jipprevedi li l-aċċess mill-uffiċjali awtorizzati tal-ASFK għad-data PNR huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel minn awtorità amministrattiva indipendenti jew minn qorti ma huwiex inkompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, sakemm, kif dan huwa l-każ, il-ftehim previst jeżiġi mill-Kanada li tiggarantixxi lil kull persuna kkonċernata d-dritt li tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv a posteriori tad-deċiżjonijiet jew tal-miżuri dwar l-aċċess għad-data PNR tagħha. |
273. |
Min-naħa l-oħra, inqis li, sabiex ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, il-ftehim previst għandu jispeċifika b’mod ċar li huma biss l-uffiċjali tal-ASFK li huma awtorizzati jaċċedu għal din id-data u għandu jipprovdi l-kriterji oġġettivi li jippermettu li n-numru tagħhom jiġi speċifikat, fid-dawl tad-diversi sitwazzjonijiet previsti fl-Artikoli 9 u 16 tal-ftehim previst. |
– Fuq iż-żamma tad-data PNR
274. |
Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ikkonċernati ddibattew estensivament il-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), fir-rigward tan-natura strettament neċessarja tas-sistema taż-żamma tad-data PNR prevista fl-Artikolu 16 tal-ftehim previst. |
275. |
Minn naħa, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat lil-leġiżlatur tal-Unjoni talli ma imponiex li d-data inkwistjoni f’dik il-kawża tinżamm fit-territorju tal-Unjoni b’tali mod li l-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tad-data minn awtorità indipendenti, espliċitament meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, ma ġiex kompletament iggarantit ( 102 ). |
276. |
Min-naħa l-oħra, dwar il-perijodu taż-żamma ta’ massimu ta’ sentejn previst mid-Direttiva 2006/24, il-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat il-fatt li din tal-aħħar ma kinitx tagħmel distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ data fid-dawl tal-utilità tagħha għall-finijiet tal-għan imfittex jew skont il-persuni kkonċernati u li dan ma kienx iddeterminat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi ( 103 ). |
277. |
Dwar l-ewwel punt, huwa ċar li d-data PNR li taqa’ taħt it-termini tal-ftehim previst ma tinżammx fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex fiha nfisha suffiċjenti sabiex tinvalida s-sistema taż-żamma ta’ data prevista fl-Artikolu 16 tal-ftehim previst, ħlief jekk tali ftehim ma jkunx jiggarantixxi kompletament l-istħarriġ tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà minn awtorità indipendenti. Madankollu, kif ser neżamina sussegwentement, filwaqt li l-intenzjoni tal-partijiet kontraenti hija dik li jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżit impost mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, l-Artikolu 10(1) tal-ftehim previst huwa fformulat f’termini ambigwi wisq sabiex jiggarantixxi, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-eżistenza ta’ tali stħarriġ ( 104 ). |
278. |
Fir-rigward tal-perijodu taż-żamma tad-data PNR, mill-Artikolu 16(1) tal-ftehim previst jirriżulta li dan huwa ta’ massimu ta’ ħames snin dekorribbli mid-data ta’ meta din id-data tiġi rċevuta ( 105 ), u li fl-iskadenza tiegħu, il-paragrafu 6 tal-istess artikolu jeżiġi li l-Kanada tħassar id-data PNR. |
279. |
Huwa paċifiku li l-perijodu taż-żamma tad-data ġie estiż b’sena u nofs meta mqabbel ma’ dak previst fil-Ftehim tal-2006. Barra minn hekk, apparti l-ispjegazzjonijiet u l-eżempji pprovduti minn ċerti partijiet ikkonċernati matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li huma relatati, essenzjalment, mat-tul ta’ żmien operattiv medju tan-netwerks internazzjonali ta’ kriminalità serja kif ukoll mat-tul u mal-kumplessità tal-investigazzjonijiet ta’ dawn in-netwerks, il-ftehim previst ma jindikax ir-raġunijiet oġġettivi li wasslu lill-partijiet kontraenti sabiex jistabbilixxu l-perijodu taż-żamma tad-data PNR b’massimu ta’ ħames snin. |
280. |
Inqis li tali raġunijiet oġġettivi għandhom ikunu indikati fil-ftehim previst, u dan sabiex ikun jista’ jiġi a priori ggarantit li dan il-perijodu huwa neċessarju għall-finijiet imfittxija mill-ftehim previst. Sabiex inkun kompletament ċar fir-rigward ta’ dan il-punt, din il-kunsiderazzjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-Artikolu 16(5) tal-ftehim previst li l-portata tiegħu, kif diġà indikajt fil-kunsiderazzjonijiet tiegħi dwar id-data sensittiva li għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, għandha, fir-rigward taż-żamma ta’ data PNR oħra għal perijodu massimu ta’ ħames snin, tkun limitata għall-iskop deskritt fl-Artikolu 3 tal-ftehim previst ( 106 ). |
281. |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet kontraenti ma ġġustifikawx in-neċessità li tinżamm id-data PNR kollha għal perijodu massimu ta’ ħames snin. |
282. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fl-ambitu ta’ din il-proċedura, tillimita ruħha għal din il-konstatazzjoni, mingħajr għalhekk ma għandha tivverifika jekk il-perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin tad-data PNR kollha tal-passiġġieri tal-ajru kollha bejn il-Kanada u l-Unjoni jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà tal-ftehim previst. |
283. |
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu li huwa opportun li jsiru ċerti kunsiderazzjonijiet dwar din il-kwistjoni, se nagħmel dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin. |
284. |
Qabelxejn, dwar il-kwantità ta’ data PNR li tinżamm, huwa leġittimu, fil-fehma tiegħi, li wieħed jistaqsi jekk, wara diversi snin, huwiex iġġustifikat li jinżammu ċerti kategoriji ta’ din id-data, peress li l-awtorità Kanadiża kompetenti għandha jew jista’ jkollha bl-iżvelar tad-data, konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(3) tal-ftehim previst, data PNR li tiżvela informazzjoni essenzjali dwar l-identità tal-passiġġieri tar-reġistru PNR, id-data tal-vjaġġ, il-mezzi ta’ ħlas użati, id-dettalji ta’ kuntatt kollha disponibbli, l-itinerarju tal-vjaġġ, id-dettalji ta’ kuntatt tal-aġenzija jew l-aġent tal-ivvjaġġar u l-informazzjoni relatata mal-bagalji. B’mod partikolari, nistaqsi jekk l-informazzjoni dwar l-istatus ta’ vjaġġatur frekwenti u l-programmi ta’ lealtà (parti 5 tal-Anness tal-ftehim previst), dwar l-istatus tar-reġistrazzjoni tal-vjaġġatur (parti 13 tal-Anness), dwar l-istabbiliment tal-biljett jew il-prezz tal-biljett (parti 14 tal-Anness) u dwar it-tqassim tal-kodiċi (parti 11 tal-Anness), li tagħti informazzjoni biss, skont il-Kummissjoni, dwar it-trasportatur effettiv, tirriżultax li tkun, wara numru parikolari ta’ snin miżmuma, informazzjoni li jkollha verament valur miżjud meta mqabbla ma’ data PNR oħra li tkun miżmuma wkoll u li tista’ tiġi żvelata, għall-finijiet tal-ġlieda kontra kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali serja. |
285. |
Sussegwentement, mid-dubji mqajma min-natura strettament neċessarja tal-perijodu taż-żamma tad-data PNR previst fil-ftehim previst, jidhirli li l-garanziji pprovduti mill-Artikolu 16(3) tiegħu fil-qasam tad-“depersonalizazzjoni” b’sistema ta’ ħabi huma, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti sabiex jiżguraw il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data personali tal-passiġġieri kkonċernati. |
286. |
Ċertament, dan l-artikolu jipprovdi għal sistema ta’ ħabi tal-ismijiet tal-passiġġieri kollha 30 jum wara li jkunu ġew riċevuti. Huwa jispeċifika wkoll li l-elementi tad-data PNR tal-kategoriji 6, 7, 17 u 18, elenkati fl-Anness tal-ftehim previst ( 107 ), jinħbew sentejn wara li din id-data tkun ġiet riċevuta, jekk, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji tal-aħħar, din tippermetti li tiġi identifikata persuna fiżika. |
287. |
Jidher li hija preċiżament in-natura eżawrjenti ta’ din l-enumerazzjoni li hija preokkupanti. Fil-fatt, il-partijiet l-oħra tal-Anness tal-ftehim previst jistgħu wkoll jidentifikaw direttament persuna fiżika, mingħajr ma huma inklużi fil-lista fl-Artikolu 16(3) tal-ftehim previst. F’dan ir-rigward, nirreferi fuq kollox għall-informazzjoni disponibbli fuq il-vjaġġaturi frekwenti u l-programmi ta’ lealtà (parti 5 tal-Anness) u għall-informazzjoni kollha disponibbli relatata mal-ħlas/mal-fattura tal-biljett (parti 8), li tinkludi, speċifikament, id-dettalji tal-mezz(i) tal-ħlas użat(i). |
288. |
Konsegwentement, inqis li, billi naqsu milli jiżguraw “depersonnalizzazzjoni” permezz ta’ sistema ta’ ħabi tad-data PNR kollha li tippermetti li passiġġier jiġi direttament identifikat, il-partijiet kontraenti ma wettqux evalwazzjoni bbilanċjata tal-għanijiet imfittxija mill-ftehim previst. |
289. |
Finalment, dwar ir-regoli u l-modalitajiet għall-iżvelar tad-data PNR, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(4) tal-ftehim previst jispeċifika li tali operazzjoni tista’ ssir biss jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun neċessarju li jsiru investigazzjonijiet skont l-Artikolu 3 tal-ftehim previst jew, sa sentejn minn meta tkun ġiet inizjalment riċevuta d-data PNR, minn numru limitat ta’ uffiċjali espressament awtorizzati, jew, minn sentejn sa ħames snin dekorribbli minn meta d-data tkun ġiet riċevuta, biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kap tal-awtorità Kanadiża kompetenti jew ta’ rappreżentanza għolja inkarigata speċifikament għal dan l-għan minnu. |
290. |
Mingħajr ħsara għall-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq dwar il-kriterji oġġettivi li jippermettu li jintgħażlu l-uffiċjali awtorizzati sabiex jaċċedu għad-data ( 108 ) u dawk, li ġejjin, relatati mas-sorveljanza tal-awtorità Kandiża kompetenti minn awtorità pubblika indipendenti ( 109 ), inqis li, fih innifsu, l-Artikolu 16(4) tal-ftehim previst ma jeċċedix dak li huwa strettament neċessarju. |
– Fuq l-iżvelar u t-trasferiment sussegwenti tad-data PNR
291. |
L-Artikoli 12, 18 u 19 tal-ftehim previst jikkonċernaw direttament l-iżvelar tad-data PNR. |
292. |
L-Artikolu 12 tal-ftehim previst, intitolat “aċċess għall-individwi”, jidher prima facie li huwa eżenti minn kull kritika, peress li huwa intiż sabiex jiżgura l-aċċess ta’ kull persuna għad-data PNR tagħha stess. |
293. |
Mandankollu, jidhirli li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jespandi, b’mod indefinittiv, il-possibbiltajiet ta’ aċċess għad-data PNR u għal informazzjoni li hija estratta minnha, għal kull persuna, mingħajr ma huma previsti garanziji speċifiċi. L-Artikolu 12(3) tal-ftehim previst jagħti fil-fatt id-dritt lill-Kanada li “tiddivulga kwalunkwe informazzjoni, sakemm tkun konformi ma’ rekwiżiti u limitazzjonijiet legali raġonevoli […] fir-rispett dovut għall-interess leġittimu tal-individwu kkonċernat”. Madankollu, la d-destinatarji ta’ din l-“informazzjoni” u lanqas l-użu li jsir minnha ma huma limitati fil-ftehim previst. Huwa għalhekk perfettament possibbli li din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi kkomunikata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, bħal pereżempju istituzzjoni bankarja, sa fejn il-Kanada tqis li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni ma jeċċedix il-limiti ġuridiċi “raġonevoli”, li, barra minn hekk, ma humiex iddefiniti fil-ftehim previst. |
294. |
Fid-dawl b’mod partikolari tan-natura partikolarment vaga u wiesgħa tal-kliem tiegħu, jidhirli li l-Artikolu 12(3) tal-ftehim previst għalhekk jeċċedi dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà pubblika mfittex mill-ftehim previst. |
295. |
Fir-rigward tal-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim previst, dawn jirrigwardaw rispettivament l-iżvelar mill-awtorità Kanadiża kompetenti tad-data PNR lil awtoritajiet pubbliċi oħra fil-Kanada u lil awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ pajjiżi li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni. |
296. |
Bħall-Parlament, nikkunsidra li, sa fejn il-“livell ta’ protezzjoni adegwat”, meqjus bħala li jissodisfa dak iggarantit fid-dritt tal-Unjoni jikkonċerna biss l-osservanza mill-awtorità Kanadiża kompetenti tat-termini tal-ftehim previst, il-partijiet kontraenti għandhom jiżguraw li dan il-livell ta’ protezzjoni ma jkunx jista’ jiġi evitat permezz ta’ trasferimenti ta’ data personali lil awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi oħra jew lejn pajjiżi terzi ( 110 ). |
297. |
Ma hemmx dubju li l-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim previst jissuġġettaw it-trasferiment sussegwenti ta’ tali data jew ta’ informazzjoni analitika li tinkludi data PNR għal kundizzjonijiet kumulattivi stretti, li minnhom erbgħa huma identiċi. Għalhekk, din id-data u din l-informazzjoni jiġu kkomunikati biss jekk l-awtoritajiet pubbliċi inkwistjoni jkollhom funzjonijiet direttament marbuta mal-qasam kopert mill-Artikolu 3 tal-ftehim previst, fuq il-bażi ta’ każ b’każ u bil-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari jrendu l-komunikazzjoni neċessarja għall-finijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 3. Barra minn hekk, huwa speċifikat li huwa biss l-ammont minimu neċessarju ta’ data PNR jew ta’ informazzjoni analitika li għandu jiġi kkomunikat ( 111 ). |
298. |
Madankollu, il-garanziji offruti minn dawn iż-żewġ termini jvarjaw fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħra. |
299. |
Qabelxejn, filwaqt li, skont l-Artikolu 18 tal-ftehim previst, l-awtoritajiet pubbliċi Kanadiżi l-oħra destinatarji tad-data PNR għandhom jipprovdu “protezzjoni li tkun ekwivalenti għas-salvagwardji deskritti [fil-ftehim previst]”, l-Artikolu 19(1)(e) tal-istess ftehim jiddikjara li l-awtorità Kanadiża kompetenti għandha tkun “aċċertata” li l-awtorità barranija destinatarja tapplika l-istandards ta’ protezzjoni tad-data PNR ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehim previst, konformement mal-ftehimiet u mal-arranġamenti li jinkludu dawn l-istandards, jew l-istandards ta’ protezzjoni ta’ din id-data li dwarhom hija qablet mal-Unjoni. |
300. |
Fiż-żewġ każijiet indikati, huwa paċifiku li hija biss l-awtorità Kanadiża kompetenti, jiġifieri l-ASFK, li għandha tivverifika l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-awtorità pubblika destinatarja. La l-eżami tal-ASFK u lanqas id-deċiżjoni eventwali ta’ żvelar tad-data PNR ma huma suġġetti għal stħarriġ ex ante minn awtorità indipendenti jew minn maġistrat. Barra minn hekk, il-ftehim previst bl-ebda mod ma jipprevedi li l-intenzjoni ta’ trasferiment tad-data PNR ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni għandha tkun is-suġġett, tal-inqas, ta’ informazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni u/jew tal-Kummissjoni qabel kwalunkwe komunikazzjoni effettiva. Fil-fatt, l-Artikolu 18 tal-ftehim previst ma jgħid xejn dwar din il-possibbiltà tal-aħħar, filwaqt li l-Artikolu 19(2) tiegħu jipprevedi biss informazzjoni a posteriori“malajr kemm jista’ jkun” mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru inkwistjoni. |
301. |
Fil-fatt, il-garanziji supplimentari invokati fil-punt preċedenti għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu żgurati. |
302. |
Minn naħa, sempliċi stħarriġ a posteriori tal-iżvelar ta’ din id-data ma jippermettix rimedju għall-evalwazzjoni żbaljata tal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-awtorità pubblika destinatarja u lanqas ma jippermetti li tiġi rrestawrata l-privatezza u l-kunfidenzjalità ta’ din id-data ladarba din tkun ġiet trażmessa lill-awtorità pubblika destinatarja u użata minnha ( 112 ). Dan huwa veru partikolarment fir-rigward tal-iżvelar ta’ data lejn pajjiż terz, li l-użu sussegwenti tagħha jkun jaqa’ wkoll barra mill-kompetenza u mill-istħarriġ ex post tal-awtoritajiet u tal-qrati Kanadiżi. |
303. |
Min-naħa l-oħra, informazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, li taħtu jaqa’ ċ-ċittadin li d-data PNR tiegħu hija s-suġġett ta’ tali trasferiment, tista’ tiżgura li l-eżami tal-“livell ta’ protezzjoni ekwivalenti” jkun sar sewwa. Barra minn hekk, minn perspettiva oħra, tali informazzjoni minn qabel, ‑ sa fejn it-trasferiment tad-data PNR skont l-Artikoli 18 u 19 tal-ftehim previst ikun jista’ jsir biss f’każijiet partikolari u f’ċirkustanzi speċifiċi debitament motivati u għalhekk f’sitwazzjonijiet fejn hemm lok li wieħed jassumi li jkun hemm suspetti sinjifikattivi fir-rigward tal-persuna kkonċernata ‑, hija partikolarment ta’ natura li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada, tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-għan ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ atti ta’ kriminalità transnazzjonali serja, imfittxija mill-ftehim previst. |
304. |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(1)(f) tal-ftehim previst jipprojbixxi lill-awtorità pubblika Kanadiża destinatarja milli sussegwentement tikkomunika d-data PNR lil entità oħra, sakemm ma tkunx awtorizzata b’dan mill-ASFK, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-istess paragrafu. Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 19 tal-ftehim previst ma jimponix fuq din l-awtorità tal-aħħar l-obbligu li tiżgura, qabel kwalunkwe trasferiment ta’ data PNR, li l-awtorità pubblika destinatarja ta’ pajjiż terz ma tkunx tista’ hija stess sussegwentement tikkomunika din id-data lil entità oħra, possibbilment ukoll, ta’ pajjiż terz. |
305. |
Peress li r-riskju li tali sitwazzjoni tkun tista’ tiġi fis-seħħ ma huwiex eskluż, li jkollu l-effett li jevita l-livell garantit mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 19 tal-ftehim previst jippermetti ndħil mhux ġustifikat fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 113 ). |
– Fuq il-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju
306. |
Meħtieġ kemm mill-Artikolu 8(3) tal-Karta kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) TFUE, l-istħarriġ minn awtorità indipendenti jikkostitwixxi element essenzjali tal-osservanza tal-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Unjoni ( 114 ). |
307. |
Mit-termini tal-ftehim previst jirriżulta li l-partijiet kontraenti għandhom konoxxenza ta’ dan ir-rekwiżit, anki jekk, kif ser nerġa’ nargumenta, il-ftehim previst ma jissodisfahx kompletament. |
308. |
Sabiex tiżgura li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-awtorità Kanadiża kompetenti, meta hija tipproċessa u tuża d-data PNR, ikun, skont l-Artikolu 5 tal-ftehim previst, “adegwat […] fi ħdan it-tifsira tal-liġi tal-UE rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta”, din għandha, b’mod partikolari, tikkonforma ruħha mal-miżuri previsti mill-Artikolu 10 tal-ftehim previst, jiġifieri mal-istħarriġ minn “awtorità ta’ sorveljanza”. Din l-awtorità għandu jkollha “setgħat effettivi biex tinvestiga l-konformità mar-regoli relatati mal-ġbir, l-użu, id-divulgazzjoni, iż-żamma, jew it-tħassir tad-dejta tal-PNR”. Dawn is-setgħat jinkludu wkoll dik li twettaq stħarriġ ta’ konformità, li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtorità Kanadiża kompetenti u li tirrapporta ksur tar-regoli tad-dritt relatati mal-ftehim previst għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni jew ta’ miżuri dixxiplinarji. Skont l-Artikolu 14(1) tal-ftehim previst, l-awtorità ta’ sorveljanza tirċievi u tinvestiga l-ilmenti mressqa minn individwi fir-rigward ta’ talba għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni relatata mad-data PNR li tikkonċernahom u twieġeb għalihom. |
309. |
Minn dan jirriżulta li l-intenzjoni tal-partijiet kontraenti hija dik li jiġi żgurat li l-ipproċessar tad-data personali li jsir mill-ASFK ikun suġġett għal mekkaniżmu effikaċi ta’ identifikazzjoni u ta’ stħarriġ ta’ eventwali ksur tar-regoli tal-ftehim previst li jiżgura l-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-data personali tal-passiġġieri, bl-għan li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni mixtieq li jkun “sostanzjalment ekwivalenti” għal dak li jibbenefikaw minnu dawn il-persuni li kieku d-data tagħhom kellha tiġi pproċessata u miżmuma fit-territorju tal-Unjoni. |
310. |
Minn dan isegwi li l-istħarriġ minn awtorità indipendenti, meħtieġ partikolarment mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, japplika b’mod sħiħ għal dan il-każ. |
311. |
Fil-fatt, il-karatteristika tal-awtorità ta’ sorveljanza stabbilita fil-ftehim previst, li wasslet għall-kritika tal-Parlament u tal-KEPD fir-rigward tal-indipendenza totali tagħha, hija l-fatt li din tirriżulta li hija biċefala. L-Artikolu 10 tal-ftehim previst jippreżenta, fil-fatt, lil din l-awtorità kemm bħala “awtorità pubblika indipendenti”, kif ukoll bħala “awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija”. |
312. |
L-ewwel waħda minn dawn l-awtoritajiet, kif jirriżulta mill-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2014 tal-Missjoni tal-Kanada għall-Unjoni Ewropea ( 115 ) u mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħtar lill-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata, li l-istatus, il-metodu ta’ ħatra, it-tul taż-żmien tal-kariga, is-seba’ snin fissi u s-setgħat ta’ investigazzjoni inkluż fuq inizjattiva tiegħu stess, u ta’ rakkomandazzjoni tiegħu huma speċifikati fil-liġi Kanadiża tal-1985 dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali ( 116 ). Għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma qiegħdet f’dubju l-fatt li l-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata, li huwa esklużivament relatat mal-Kmamar tal-Parlament Kanadiż, igawdi minn indipendenza u minn imparzjalità li jippermettulu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu mingħajr ma jkun suġġett għal influwenza jew struzzjoni esterna, b’mod partikolari mill-eżekuttiv ( 117 ). |
313. |
Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, il-kompetenzi tal-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata jikkonċernaw l-ilmenti minn kwalunkwe individwu kontra ksur tar-regoli dwar il-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali minn istituzzjoni pubblika federali tal-Kanada. |
314. |
Mandankollu, il-formulazzjoni alternattiva tal-Artikolu 10(1) tal-ftehim propost tissuġġerixxi li l-istħarriġ eżerċitat fuq l-ipproċessar tad-data PNR mill-ASFK jista’ jsir kollu mill-“awtorità maħluqa b’mezzi amministrattivi, li tkun teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali u li jkollha rekord ippruvat ta’ awtonomija”, jiġifieri mid-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK, li ġie stabbilit taħt l-awtorità tal-Ftehim tal-2006. |
315. |
Madankollu, irrispettivament mill-garanziji indikati fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2014 tal-Missjoni tal-Kanada għall-Unjoni Ewropea li skonthom id-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK ma jkun suġġett għal ebda struzzjoni min-naħa tal-entitajiet operattivi l-oħra ta’ din tal-aħħar, huwa jibqa’, bħall-entitajiet l-oħra kollha tal-ASFK, suġġett direttament għall-ministru tiegħu, li mingħandu jista’ jirċievi struzzjonijiet ( 118 ). Peress li jista’ jkun suġġett għall-effett ta’ influwenzi, partikolarment, ta’ natura politika mill-awtorità li għalija huwa suġġett jew b’mod iktar ġenerali mill-eżekuttiv, id-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK ma jistax jitqies bħala awtorità ta’ stħarriġ indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta. |
316. |
Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 10 tal-ftehim previst jipprevedi, essenzjalment, li l-awtorità ta’ sorveljanza tista’ alternattivament tkun il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata jew id-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK, din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix regola ċara u preċiża li tiggarantixxi b’mod sistematiku stħarriġ minn awtorità indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, tar-rispett għall-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali ta’ individwi involuti fl-ipproċessar ta’ data PNR previst mill-ftehim previst. Huma l-partijiet kontraenti li għandhom ineħħu l-ambigwità li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 10(1) tal-istess ftehim u jiżguraw li l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta jkun fdat lil awtorità ta’ stħarriġ indipendenti, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar. |
317. |
Fir-rigward tal-Artikolu 14(1) tal-ftehim previst, li jirrigwarda r-rimedji amministrattivi, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni li, skont il-liġi Kanadiża tal-1985 dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni tat-talbiet għal aċċess għad-data PNR, għal korrezzjoni jew annotazzjoni min-naħa tal-persuni mhux preżenti fil-Kanada, jiġifieri talbiet ifformulati minn dawn il-persuni fuq il-bażi tal-Artikoli 12 u 13 tal-ftehim previst. |
318. |
Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni, l-ipproċessar tat-talbiet għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni kif ukoll ir-risposti għal dawn it-talbiet li huma introdotti minn individwi li ma humiex preżenti fil-Kanada, li bla dubju l-parti l-kbira minnhom hija kkostitwita minn ċittadini tal-Unjoni, huwa kompitu tad-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK. |
319. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha u fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li persuna li t-talba tagħha għal aċċess għad-data PNR, jew għal rettifika jew annotazzjoni ta’ din id-data, tkun ġiet miċħuda mid-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK tista’, permezz tal-intervent ta’ mandatarju preżenti fit-territorju Kanadiż, tressaq ilment quddiem il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata. |
320. |
Madankollu, dan ir-rimedju amministrattiv quddiem il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata la jirriżulta li jinsab fil-ftehim previst u lanqas f’dispożizzjoni tad-dritt Kanadiż miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn hija fil-fatt prevedibbli, naħseb li din il-possibbiltà għandha tiġi indikata b’mod ċar fil-ftehim previst, b’mod li jippermetti lil kull persuna jkollha konoxxenza tal-portata tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilha minn dan l-att. Jekk l-eżistenza ta’ tali possibbiltà tirriżulta, finalment, ineżatta, il-Kummissarju Kanadiż għall-protezzjoni tal-ħajja privata għandu, fil-fehma tiegħi, ikun jista’ jassumi direttament il-funzjoni li jwieġeb għal kull talba għal aċċess, rettifika jew annotazzjoni, imressqa minn individwu li ma jkunx preżenti fil-Kanada. Fil-fatt, jekk ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet ma hija prevista, ebda awtorità ta’ stħarriġ indipendenti ma tkun kompetenti sabiex teżamina dan it-tip ta’ talbiet, anki jekk dawn ikunu senjatament talbiet esklużivament ifformulati minn ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tad-data personali tagħhom stess. Il-possibbiltà li jirriżulta tali każ tfisser, fil-fehma tiegħi, li l-partijiet kontraenti ma għamlux evalwazzjoni bbilanċjata taż-żewġ għanijiet imfittxija mill-ftehim previst. |
321. |
Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 14(1) tal-ftehim previst għandu jispeċifika b’mod ċar li t-talbiet għal aċċess, għal korrezzjoni u għal annotazzjoni li jsiru minn passiġġieri li ma jkunux preżenti fit-territorju Kanadiż jistgħu jitressqu, jew direttament, jew permezz ta’ rimedju amministrattiv, quddiem awtorità pubblika indipendenti. |
322. |
Min-naħa l-oħra, u għall-kompletezza, ma jidhirlix li l-kritika mressqa mill-Parlament, li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst jista’ jikser l-Artikolu 47 tal-Karta, hija fondata. |
323. |
L-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst jipprevedi fil-fatt li l-Kanada għandha tiżgura li kull persuna li tqis li d-drittijiet tagħha jkunu ġew miksura minn deċiżjoni jew miżura relatata mad-data PNR tagħha jkollha dritt ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv, konformement mal-leġiżlazzjoni Kanadiża, jew kwalunkwe rimedju ieħor li jista’ jwassal għal kumpens. |
324. |
Kif sostna l-Kunsill, din id-dispożizzjoni tiżgura li l-individwi, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, mid-domiċilju tagħhom jew mill-fatt jekk dawn ikunux jew le preżenti fil-Kanada, jista’ jkollhom protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-fatt li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst jipprevedi li r-“rimedju ġudizzjarju effettiv” jista’ jiġi kkompletat b’azzjoni għad-danni huwa ta’ natura li juri li l-Kanada għandha tiżgura li kull persuna kkonċernata tista’ teżerċita rimedji legali b’mod effettiv. |
325. |
Inżid li mill-Artikolu 14(1) tal-ftehim previst jirriżulta li l-awtorità li tkun ċaħdet talba għal aċċess, korrezzjoni jew annotazzjoni għandha tinforma lil-lanjant bil-modalitajiet ta’ tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, u dan jiżgura informazzjoni adegwata u individwali taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati. |
326. |
Kuntrarjament għal dak insinwat mill-Parlament bir-riferiment għall-punt 95 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), tali sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata, f’din il-kawża, preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, il-kwistjoni f’din il-kawża kienet il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz li l-Kummissjoni kienet qieset bħala li tiżgura livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali adegwat, iżda li, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba sussegwentement, ma kienet tipprovdi ebda possibbiltà għall-individwu li jeżerċita rimedji legali sabiex jaċċedi għad-data personali tiegħu stess jew sabiex jikseb ir-rettifika jew it-tħassir ta’ tali data. |
327. |
Il-ftehim previst, li jikkostitwixxi impenn internazzjonali għall-Kanada, jobbliga lil din tal-aħħar tiżgura li tali rimedji legali jkunu stabbiliti u li dawn ikunu effettivi. F’dan ir-rigward u fid-dawl tan-natura preventiva tal-proċedura ta’ opinjoni, din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi konkluż li l-Artikolu 14(2) tal-ftehim previst huwa kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 119 ). |
VIII – Konklużjoni
328. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-talba għal opinjoni tal-Parlament fis-sens li ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri [COM(2013) 528 finali].
( 3 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/381/UE, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri (ĠU 2012, L 186, p. 3).
( 4 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/472/UE, tas-26 ta’ April 2012, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (ĠU 2012, L 215, p. 4).
( 5 ) Ara l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew stabbilita mal-ewwel qari fl-14 ta’ April 2016 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Direttiva (UE) 2016/…tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja [EP-PETC1 COD(2011)0023].
( 6 ) Ara l-punti 66 sa 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandu jiġi nnotat li, wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija wkoll l-ewwel darba li din se tibbenefika minn “konklużjonijiet”, ippreżentati u ppubblikati qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-Opinjoni tagħha.
( 7 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/230/KE, tat-18 ta’ Lulju 2005, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ data tal-API/PNR (ĠU L 270M, p. 344).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, L 281, p. 31).
( 9 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-6 ta’ Settembru 2005, dwar il-ħarsien xieraq tad-data personali miżmuma fir-Rekord ta’ Isem il-Passiġġier (PNR) tal-passiġġieri tal-ajru li tiġi trasferita lill-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntieri tal-Kanada (ĠU 2007, L 118M, p. 515).
( 10 ) Skont l-Artikolu 7 tagħha, id-Deċiżjoni 2006/253 skadiet wara tliet snin u sitt xhur dekorribbli min-notifika tagħha. Hija setgħet tiġi pprorogata konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46, li madankollu ma kienx il-każ.
( 11 ) Ara l-Artikolu 5 tal-Ftehim tal-2006.
( 12 ) ĠU 2011, C 81 E, p. 70.
( 13 ) Ara l-punti 7 u 9 tal-imsemmija riżoluzzjoni.
( 14 ) SEC(2010) 1082, SEC(2010) 1083 u SEC(2010) 1084 rispettivament.
( 15 ) Ara, rispettivament, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 3u 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) It-test sħiħ tal-opinjoni tal-KEPD bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż huwa disponibbli fuq is-sit internet li ġej: https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2013/13-09-30_Canada_FR.pdf.
( 17 ) Għalkemm dan ma huwiex ikkontestat, nippreċiża, għal kull skop utli, li l-għan tat-talba għal opinjoni jirrigwarda “ftehim previst” fis-sens tal-Artikolu 218(11) TFUE, peress li l-ftehim inkwistjoni f’dan il-każ, minkejja li kien diġà ffirmat mill-Kunsill fil-mument li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita, għadu sa issa mhux konkluż. Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 3/94, tat-13 ta’ Diċembru 1995 (EU:C:1995:436, punti 18 u 19).
( 18 ) Ara, partikolarment, l-Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975 (EU:C:1975:145), l-Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punti 108 u 109), kif ukoll l-Opinjoni 1/13, tal-14 ta’ Ottubru 2014 (EU:C:2014:2303, punt 43).
( 19 ) Mingħajr ma huwa kkontestat, inżid, għal kull skop utli, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li l-fatt li l-att ta’ ffirmar tal-ftehim ma jkunx ġie suġġett għal azzjoni ta’ annullament ma jrendix inammissibbli talba għal opinjoni li tqajjem il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ ftehim previst mad-dritt primarju tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 11).
( 20 ) Ara l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664), u l-Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739).
( 21 ) Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 5), u Opinjoni 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 110).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 5), u l-Avviż 1/08, tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 110).
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 6).
( 24 ) Ara l-Opinjoni 1/75, tal-11 ta’ Novembru 1975 (EU:C:1975:145, p. 1362).
( 25 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑155/07, EU:C:2008:605, punt 36); tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 44), tal- 24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 43) u tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑263/14, EU:C:2016:453, punt 44). Għandu jiġi nnotat li, fir-rigward ta’ dan il-punt, ma jidhirx li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija kompletament koerenti peress li ċerti sentenzi, b’mod kurjuż, sempliċement isemmu t-tfittxija ta’ diversi għanijiet marbuta b’mod inseparabbli mingħajr riferiment għall-komponenti tal-att eżaminat. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 56), u tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑155/07, EU:C:2008:605, punti 76 sa 79), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 45 sa 49).
( 28 ) Il-bażi legali proċedurali magħżula, jiġifieri l-Artikolu 218(6)(a)(v) TFUE, li teżiġi li l-Kunsill ma jistax jadotta deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mingħajr ma jkun kiseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament meta dan il ftehim ikopri “oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġislattiva ordinarja”, ma hijiex is-suġġett tat-talba magħmula mill-Parlament u ma hijiex is-suġġett ta’ kontroversji bejn il-partijiet ikkonċernati. Jidher li din id-dispożizzjoni hija, fil-fatt, il-bażi legali proċedurali adatta tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst.
( 29 ) Ara s-senenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 57 sa 59).
( 30 ) ĠU 2011, L 288, p. 1.
( 31 ) Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 42).
( 32 ) Skont it-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tal-ftehim previst, “[t]rasportatur tal-ajru li jipprovdi lill-Kanada b’dejta tal-PNR skont dan il-Ftehim jitqies konformi mar-rekwiżiti legali tal-leġiżlazzjoni tal-UE għat-trasferiment tad-dejta mill-UE lejn il-Kanada”.
( 33 ) L-Artikolu 20 tal-ftehim previst jippreċiża inter alia li l-partijiet kontraenti għandhom “jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jittrasferixxu d-dejta tal-PNR lill-Awtorità Kanadiża Kompetenti biss fuq il-bażi tal-metodu “push”. (korsiv miżjud minni).
( 34 ) L-Artikolu 21(1) tal-ftehim previst dwar il-frekwenza tat-trasferimenti ta’ data PNR jistipula li “[l]-Kanada tiżgura li l-Awtorità Kanadiża Kompetenti titlob lit-trasportatur tal-ajru biex jittrasferixxi d-dejta tal-PNR: (korsiv miżjud minni).
( 35 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Ara wkoll, f’sens simili, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑263/14, EU:C:2015:729, punt 67).
( 37 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298, punti 48 u 49).
( 38 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punt 56)
( 39 ) L-Artikolu 23(2) tal-ftehim previst jikkonferma l-importanza mogħtija lis-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jenfasizza li l-partijiet kontraenti għandhom jikkooperaw sabiex iqarrbu s-sistemi rispettivi tagħhom tal-ipproċessar tad-data PNR b’mod “b’tali mod li tissaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Kanada, tal-UE u ta’ bnadi oħra”.
( 40 ) Ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punt 59).
( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑301/06, EU:C:2009:68, punt 83).
( 42 ) Korsiv miżjud minni.
( 43 ) Ara l-preamboli tad-Deċiżjoni 2012/381 u tad-Deċiżjoni 2012/472, iċċitati rispettivament fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 3 u 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara, partikolarment, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑94/03, EU:C:2006:2, punt 50); tal-24 ta’ Ġunju 2014, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 48), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 36).
( 45 ) ĠU 2008, L 350, p. 60.
( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawżi magħquda Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2005:710, punt 160).
( 47 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 28 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 48 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Għaldaqstant, fis-seduta, bi tweġiba għal serje ta’ mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant tal-Kunsill ammetta li t-tliet Stati Membri kkonċernati ma jistgħux jivvotaw għall-adozzjoni ta’ att li bih huma ma jkunux marbuta. Barra minn hekk, jidhirli li hija inkoerenti din l-istituzzjoni meta tiddefendi, kif diġà esponejt iktar ’il fuq, l-inammissibbiltà tat-tieni domanda tal-opinjoni minħabba li l-għażla tal-Artikolu 16 TFUE, bħala bażi legali sostantiva tal-att ta’ konklużjoni tal-ftehim previst, ma għandha ebda effett, peress li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni hija identika għal dawk previsti rispettivament fl-Artikolu 82(1)(a) u fl-Artikolu 87(2)(d) TFUE u ssostni, fir-rigward tal-eżami fil-mertu ta’ din id-domanda, l-inkompatibbiltà ta’ dawn l-istess proċeduri.
( 50 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑137/12, EU:C:2013:675, punt 73), u tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 37).
( 51 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80).
( 52 ) Dwar dan l-artikolu tal-aħħar, ara nota ta’ qiegħ il-paġna 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) F’dan ir-rigward, il-Parlament joħloq parallel mal-approċċ adottat fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 37).
( 54 ) Qorti EDB, 1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, punt 63).
( 55 ) Dawn l-espressjonijiet intużaw rispettivament mill-Irlanda u mill-Gvern tar-Renju Unit fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
( 56 ) Bl-istess mod, il-verifika tal-grad ta’ indipendenza tal-“awtorità ta’ sorveljanza” stabbilita mill-ftehim previst titlob li l-leġiżlazzjoni Kanadiża tittieħed inkunsiderazzjoni. Ara, iktar ’il quddiem, il-punti 311 sa 316 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 57 ) Infakkar, għal finijiet ta’ kompletezza, li, konformement mal-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta għandu jkollha “l-istess valur legali bħat-Trattati”.
( 58 ) Ara, dwar dan il-kriterju ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 52); tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 42), kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 26).
( 59 ) Ara, partikolarment, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47), kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 41).
( 60 ) Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta “jikkorrispondu” għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta huwa “bbażat” kemm fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB kif ukoll fuq il-Konvenzjon (Nru 108) tal-Kunsill tal-Ewropa għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data personali tat-28 ta’ Jannar 1981, irratifikata mill-Istati Membri kollha.
( 61 ) Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 74).
( 62 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 34 u 35).
( 63 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 29 u 36).
( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 284 u 285).
( 65 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 75); tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 33), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 87).
( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 75); tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 33), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 87).
( 67 ) Skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, 28 miljun passiġġier għamel użu mill-konnessjonijiet tal-ajru bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea bejn April 2014 u Marzu 2015.
( 68 ) Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-impressjonijiet jew is-sentimenti ġġenerati f’moħħ il-pubbliku kkonċernat minn leġiżlazzjoni relatata mal-ipproċessar u ż-żamma tad-data personali jassumu ċerta importanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8(1) tal-Karta.
( 69 ) Kif diġà indikat, l-Artikolu 11(1) tal-ftehim previst jikkonstata biss informazzjoni indikata fis-sit internet tal-awtorità Kanadiża kompetenti, filwaqt li l-Artikolu 11(2) isemmi obbligu relattivament vag li jsir xogħol għall-promozzjoni tat-trasparenza, preferebbilment fil-mument tal-prenotazzjoni, billi l-passiġġieri jiġu informati partikolarment bir-raġunijiet tal-ġbir u tal-użu tad-data PNR.
( 70 ) Ara, partikolarment, Qorti EDB, 24 ta’ April 1990, Kruslin vs Franza (CE:ECHR:1990:0424JUD001180185, A, punt 27), kif ukoll Qorti EDB, 1 ta’ Lulju 2008, Liberty et vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0701JUD005824300, punt 59).
( 71 ) Ara Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Brito Ferrinho Bexiga Villa-Nova vs Il-Portugall (CE:ECHR:2015:1201JUD006943610, punt 47).
( 72 ) Ara Qorti EDB, 2 ta’ Awwissu 1984, Malone vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:0802JUD000869179, punt 66).
( 73 ) Ara Qorti EDB, 6 ta’ Lulju 2010, Neulinger u Shuruk vs L-Isvezja (CE:ECHR:2010:0706JUD004161507, punt 99), kif ukoll Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2014, Fernández Martínez vs Spanja (CE:ECHR:2014:0612JUD005603007, punt 118).
( 74 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 66).
( 75 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 35).
( 76 ) Ara, partikolarment, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 42), kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2015, Il-Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht (C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 52).
( 77 ) Ara partikolarment, f’dan is-sens, Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2014, Fernández Martínez vs Spanja (CE:ECHR:2014:0612JUD005603007, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 78 ) Ara, b’mod ġenerali, kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 217 sa 320 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 79 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 42).
( 80 ) Ara, partikolarment, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 74), kif ukoll tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46).
( 81 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 48).
( 82 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 78).
( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 49).
( 84 ) Skont il-partijiet ikkonċernati, hija biss Air Canada li tiżgura konnessjonijiet tal-ajru bejn id-Danimarka u l-Kanada.
( 85 ) Peress li r-Renju tad-Danimarka ma jipparteċipax fil-ftehim previst, huwa għandu għalhekk jitqies li huwa pajjiż terz għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, li r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni tiegħu bejn l-Aworità Kanadiża kompetenti u l-awtoritajiet tiegħu stess huma rregolati mill-Artikolu 19 tal-ftehim previst.
( 86 ) Ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 77).
( 87 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 54), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 91).
( 88 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 86), kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 46).
( 89 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 53).
( 90 ) Ara Document 9944, approvat mis-Segretarju Ġenerali tal-OAĊI u ppubblikat taħt l-awtorità tagħha. Il-verżjoni bl-Ingliż ta’ dan id-dokument hija disponibbli fuq l-indirizz tal-internet li ġej: www.iata.org/iata/passenger-data-toolkit/assets/doc_library/04-pnr/New Doc 9944 1st Edition PNR.pdf.
( 91 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 3.8 tal-Guidelines on Advance Passenger Information (API) stabbiliti fl-2010 taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Doganali Dinjija, tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru u tal-OAĊI, aċċessibbli fuq indirizz tal-internet li ġej: http://www.icao.int/Security/FAL/Documents/2010%20API%20Guidelines%20Final%20Version.ICAO.2011%20full%20x2.pdf. Fl-Unjoni Ewropea, il-ġbir tal-IPV huwa rregolat mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar l-obbligu ta’ trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 74).
( 92 ) Ara partikolarment, l-informazzjoni li tidher fuq is-sit tal-Ministeru Kanadiż taċ-Ċittadinanza u tal-Immigrazzjoni (Citizenship and Immigration Canada): www.cic.gc.ca/francais/visiter/demande-qui.asp
( 93 ) ĠU 2006, L 105, p. 54.
( 94 ) Ara l-punt 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 95 ) Se neżamina dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar iktar fid-dettall sussegwentement. Ara, rispettivament, il-punti 292 sa 294 u l-punti 274 sa 290 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 96 ) Ara, dwar l-Artikolu 18 tal-ftehim previst, il-punti 295 sa 304 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 97 ) Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB iżżomm il-kriterju tal-eżistenza ta’ “suspett raġonevoli” li jista’ jiġġustifika l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati ta’ persuni għal raġunijiet marbuta mas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Ara, f’dan ir-rigward, Qorti EDB, tal-4 ta’ Diċembru 2015, Zakharov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, punt 260).
( 98 ) Ara dwar din l-awtorità, il-punti 311 sa 313 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 99 ) Ara dwar din l-awtorità, il-punti 311 sa 313 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 100 ) Ara Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 101 ) Ara l-punti 306 sa 321 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 102 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 68).
( 103 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 62 sa 64).
( 104 ) Ara, iktar ’il quddiem, il-punti 306 sa 316 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 105 ) Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 16(5)(b) tal-ftehim previst jipprevedi li ż-żamma tad-data tista’ tiġi estiża għal “perjodu addizzjonali ta’ sentejn bil-għan waħdieni li tiżgura r-responsabbilizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika ta’ sorveljanza, sabiex id-dejta tkun tista’ tiġi ddivulgata lill-passiġġieri li jagħmlu talba għaliha”. Bħala tali, din l-estensjoni tal-perijodu taż-żamma tad-data, li ma kinitx is-suġġett tal-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, ma tidhirx li tqajjem problemi partikolari, peress li din hija intiża biss sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-passiġġier ikkonċernat mill-ipproċessar tad-data PNR tiegħu.
( 106 ) Ara l-punt 224 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 107 ) Jiġifieri, rispettivament, “ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR”; “l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti (inkluż informazzjoni dwar l-oriġinatur); “rimarki ġenerali inkluża Informazzjoni Supplimentari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u Informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR), sa fejn ikunu jinkludu xi informazzjoni li twassal għall-identifikazzjoni ta’ persuna fiżika” u “kwalunkwe dejta dwar Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API) li tkun inġabret minħabba l-prenotazzjoni”.
( 108 ) Ara l-punt 267 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 109 ) Ara l-punti 306 sa 316 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 110 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 73).
( 111 ) Ara, rispettivament, l-Artikolu 18(1)(a) sa (d) u l-Artikolu 19(1)(a) sa (d) tal-ftehim previst. Mill-Artikolu 18(2) u mill-Artikolu 19(3) tal-ftehim previst jirriżulta li l-garanziji previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li tinkludi data PNR.
( 112 ) Ara, b’analoġija, Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija, (CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, punt 77).
( 113 ) Għal kull skop utli, nirrileva li l-Artikolu 19(1)(h) tal-Ftehim PNR konkluż mal-Awstralja jistipula li t-trasferiment fuq il-bażi ta’ każ b’każ tad-data PNR għall-benefiċċju ta’ awtorità ta’ pajjiż terz jista’ jsir biss jekk is-servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-protezzjoni tal-fruntieri jkun jista’ jiżgura li l-awtorità destinatarja tkun qablet li ma tittrasferixxix sussegwentement id-data PNR.
( 114 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punti 36 u 37); tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punti 47 u 48), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 68).
( 115 ) Din l-ittra tikkostitwixxi, konformement mal-Artikolu 30(2)(b) tal-ftehim previst, in-notifika bil-mezz diplomatiku tal-identità taż-żewġ awtoritajiet previsti fl-Artikolu 10 u fl-Artikolu 14(1) ta’ dan il-ftehim.
( 116 ) L.R.C., 1985, Kapitolu P-21. Il-verżjoni kkonsolidata ta’ din il-liġi, aġġornata fis-16 ta’ Marzu 2016, hija disponibbli fuq is-sit tal-Ministeru Kanadiż tal-Ġustizzja: http://lois-laws.justice.gc.ca.
( 117 ) Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB tinsisti fuq l-indipendenza mill-eżekuttiv li tgawdi l-awtorità ta’ stħarriġ. Ara, fir-rigward tal-istħarriġ ta’ interċezzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet privati, Qorti EDB, tal-4 ta’ Diċembru 2015, Zakharov vs Ir-Russja (CE:ECHR:2015:1204JUD004714306, punti 278 u 279).
( 118 ) Għalhekk, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (L.C 2005, Kapitolu 38) jirriżulta ċar li l-Ministru huwa responsabbli għall-ASFK (Artikolu 6(1)), li l-President tal-ASFK huwa responsabbli għall-ġestjoni tagħha “taħt id-direzzjoni tal-Ministru” (Artikolu 8(1)) u li l-ASFK teżerċita s-setgħat relatati mal-leġiżlazzjoni tal-fruntieri mogħtija mil-liġi “mingħajr ħsara għall-istruzzjonijiet li l-Ministru jista’ jagħti” (Artikolu 12(1)). Ebda dispożizzjoni tal-imsemmija liġi ma ssemmi d-Direttorat tal-ilmenti tal-ASFK u, a fortiori, ma tassenjalu status partikolari fi ħdan l-ASFK. It-test tal-liġi, aġġornat fis-16 ta’ Marzu 2016, huwa aċċessibbli fuq is-sit tal-Ministeru Kanadiż tal-Ġustizzja: http://lois‑laws.justice.gc.ca
( 119 ) Inżid li, ladarba l-ftehim previst jiġi konkluż, l-Artikolu 26 tiegħu jipprevedi eżami konġunt tal-implementazzjoni tiegħu sena wara li jkun daħal fis-seħħ u f’intervalli regolari sussegwentement, u fi kwalunkwe każ erba’ snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Jekk l-implementazzjoni tal-Artikolu 14(2) tiegħu tippreżenta diffikultajiet, dawn ikunu għalhekk jistgħu jiġu evalwati mill-partijiet kontraenti u, jekk ikun il-każ, irregolati skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan il-ftehim jew, fin-nuqqas ta’ dan, jistgħu jwasslu lill-Unjoni sabiex tissospendi l-applikazzjoni tal-istess ftehim, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 25(2) tal-ftehim previst. Barra minn hekk, ladarba l-ftehim previst jiġi introdott fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ebda waħda minn dawn il-proċeduri ma tippreġudika, fil-fehma tiegħi, il-possibbiltà għal qorti nazzjonali ta’ Stat Membru, possibbilment adita b’tilwima marbuta mal-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-deċiżjoni ta’ konklużjoni tal-istess ftehim, fid-dawl tal-Artikolu 5 tal-ftehim previst u taċ-ċirkustanzi riżultanti wara l-imsemmija deċiżjoni, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fil-punt 77 tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650), fir-rigward tal-eżami tal-validità ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni. Il-kwistjoni dwar liema tkun l-influwenza tal-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li se tingħata f’dan il-każ fuq ir-risposta li għandha tingħata għal tali rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar validità tmur lil hinn mill-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet.