EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TO0670

Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2015.
Milchindustrie-Verband eV u Deutscher Raiffeisenverband eV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 – Assoċjazzjoni – Nuqqas ta’ interess dirett tal-membri – Inammissibbiltà.
Kawża T-670/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:906

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

23 ta’ Novembru 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 — Assoċjazzjoni — Nuqqas ta’ interess dirett tal-membri — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑670/14,

Milchindustrie-Verband eV, stabbilita fi Berlin (il-Ġermanja),

Deutscher Raiffeisenverband eV, stabbilita fi Berlin,

irrappreżentati minn I. Zenke u T. Heymann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ġunju 2014, intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020” (ĠU C 200, p. 1), sa fejn is-settur tal-operat ta’ mħaleb u l-manifattura tal-ġobon (NACE 10.51) ma huwiex imsemmi fl-Anness 3 ta’ din il-komunikazzjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President (Relatur), I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Linji gwida kkontestati

1

Fit-28 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni intitolata “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020” (ĠU C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida kkontestati”).

2

Il-punt 3.7.2 tal-Linji gwida kkontestati jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li jservu għall-finanzjament ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis”) sabiex jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Il-punt 185 tal-Linji gwida kkontestati għaldaqstant jipprevedi dan li ġej:

“L-għajnuna għandha tkun limitata għal setturi li huma skoperti (esposti?) għar-riskju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħhom minħabba l-kostijiet li jirriżultaw mill-iffinanzjar ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli bħala funzjoni tal-intensità tal-użu tagħhom tal-elettriku u l-iskopertura tagħhom għall-kummerċ internazzjonali. B’hekk, l-għajnuna tista’ tingħata biss jekk l-impriża taqa’ taħt is-setturi elenkati fl-Anness 3 [tal-Linji gwida kkontestati]. Din il-lista hija maħsuba biex tintuża biss għal eliġibbiltà għal din il-forma partikolari ta’ kumpens.”

3

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 84 tal-Linji gwida kkontestati, li hija mdaħħla fi tmiem is-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 185 tagħhom, hija redatta b’dan il-mod:

“Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-riskji jeżistu għal setturi li qed jiffaċċjaw intensità tal-kummerċ ta’ 10 % fil-livell tal-UE meta s-settur ta’ intensità fl-użu tal-elettriku jilħaq 10 % fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, jeżisti riskju simili f’setturi li jiffaċċjaw inqas skopertura għall-kummerċ iżda mill-inqas ta’ 4 % u li għandhom intensità ogħla tal-użu tal-elettriku ta’ mill-inqas 20 % jew li huma ekonomikament simili (eż. minħabba s-sostitwibbiltà). Bl-istess mod, setturi li għandhom intensità tal-użu tal-elettriku ftit aktar inferjuri iżda mill-inqas ta’ 7 % u skopertura għolja ħafna għall-kummerċ ta’ mill-inqas 80 % għandhom jiffaċċjaw l-istess riskju. Il-lista tas-setturi eliġibbli ġiet abbozzata fuq dik il-bażi. Fl-aħħar, is-setturi li ġejjin ġew inklużi għaliex huma simili ekonomikament għas-setturi elenkati u jipproduċu prodotti sostitwibbli (ikkastjar tal-azzar, metalli ħfief u metalli mhux ferrużi [...]; rkupru ta’ materjal nadif [...]).”

4

Il-punt 186 tal-Linji gwida kkontestati jipprovdi dan li ġej:

“Barra minn hekk, sabiex jiġi spjegat il-fatt li ċerti setturi jistgħu jkunu eteroġenji f’termini ta’ intensità fl-użu tal-elettriku, Stat Membru jista’ jinkludi impriża fl-iskema nazzjonali tiegħu [ta’ tnaqqis] jekk l-impriża jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta’ mill-inqas 20 % u tkun tappartjeni għal settur b’intensità tal-kummerċ ta’ mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni, anke jekk ma tappartjenix għal settur elenkat fl-Anness 3 [tal-Linji gwida kkontestati …]”

5

L-Anness 3 tal-Linji gwida kkontestati (iktar ’il quddiem l-“Anness 3”), intitolat “Lista ta’ setturi eliġibbli taħt [il-punt] 3.7.2 [tal-Linji gwida kkontestati]”, jelenka s-setturi ekonomiċi li l-impriżi li jaqgħu taħthom jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis meqjus mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma dawn ikollhom jilħqu, b’mod individwali, intensità tal-elettriku partikolari.

6

L-Anness 5 tal-Linji gwida kkontestati (iktar ’il quddiem l-“Anness 5”), intitolat “Is-setturi tal-minjieri u l-manifattura li mhumiex inklużi fil-lista tal-Anness 3 li għandhom intensità kummerċjali ekstra UE ta’ mill-anqas 4 %” jelenka ċertu setturi ekonomiċi, mhux identifikati fl-Anness 3, li l-impriżi li jaqgħu taħthom jistgħu jibbenifikaw minn tnaqqis meqjus mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern, sa fejn dawn jilħqu, b’mod individwali, intensità tal-elettriku ta’ 20 %. Fost dawn is-setturi hemm is-settur tal-operazzjoni ta’ mħaleb u manifattura ta’ ġobon (NACE 10.51) (iktar ’il quddiem is-“settur tal-imħaleb”).

Ir-rikorrenti

7

Ir-rikorrenti, Milchindustrie-Verband eV u Deutscher Raiffeisenverband eV, huma żewġ gruppi li l-għan tagħhom huwa r-rappreżentanza u d-difiża tal-interessi tal-industrija tal-imħaleb Ġermaniża u tal-impriżi tas-settur agroalimentari Ġermaniż rispettivament. Il-membri tal-Milchindustrie-verband huma impriżi u kooperattivi li jipprovdu madwar 95 % tal-ħalib fil-Ġermanja u 100 % tal-volum għall-esportazzjoni. Fir-rigward ta’ Deutscher Raiffeisenverband, fost il-membri tiegħu hemm impriżi attivi fil-kummerċ agrikolu kif ukoll fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti provenjenti mill-annimali u mill-pjanti, inkluż il-ħalib.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors, li fih talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Linji gwida kkontestati sa fejn is-settur tal-imħaleb ma jissemmiex fl-Anness 3;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991. Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

10

Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fid-19 ta’ Jannar 2015. Huwa jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u sabiex tkompli bil-proċedura.

Id-dritt

11

Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta l-konvenut jitlobha, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża.

12

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

Osservazzjonijiet introduttorji dwar is-suġġett tal-kawża

13

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-Linji gwida kkontestati sa fejn is-settur tal-imħaleb ma jissemmiex fl-Anness 3, filwaqt li jsemmi intensità tal-kummerċ u intensità tal-elettriku ta’ iktar minn 10 %. Ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Anness 3 huwa eżawrjenti u li l-kontenut tiegħu għandu jiġi traspost b’mod fidil mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Għaldaqstant, is-setturi elenkati fl-Anness 3 allegatament jidhru fil-Lista 1 tal-Anness 4 tal-Erneuerbare-Energien-Gesetz (Liġi Ġermaniża dwar l-Enerġiji rinnovabbli) tal-21 ta’ Lulju 2014 (BGBl. 2014 I, p. 1066, iktar ’il quddiem l-“EEG 2014”), dwar is-setturi li jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis. Is-setturi elenkati fl-Anness 5, fosthom is-settur tal-imħaleb, allegatament jinsabu fil-Lista 2 tal-Anness 4 tal-EEG 2014, u l-Artikolu 64 ta’ din il-liġi jipprevedi, għall-impriżi li jappartjenu għal dawn is-setturi, rekwiżiti iktar ħorox għall-għoti ta’ tnaqqis. Konsegwentement, il-ftit imħaleb li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet ħorox biss jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis, u dan allegatament jhedded b’mod serju l-kompetittività internazzjonali u l-eżistenza ta’ madwar 80 % tal-imħaleb Ġermaniżi.

Fuq l-ammissibbiltà

14

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-azzjonijiet imressqa minn assoċjazzjonijiet jew minn gruppi huma ammissibbli biss fi tliet sitwazzjonijiet, jiġifieri meta huma jkunu jirrappreżentaw l-interess ta’ persuni li, huma stess ikollhom interess ġuridiku, jew meta dawn ikunu individwati minħabba li jkunu ntlaqtu fl-interessi proprji tagħhom bħala assoċjazzjoni jew bħala grupp, b’mod partikolari għaliex il-pożizzjoni tagħhom ta’ negozjatur tkun ġiet affettwata mill-att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu, jew inkella meta dispożizzjoni legali tirrikonoxxilhom b’mod espress serje ta’ possibbiltajiet ta’ natura proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T‑189/08, Ġabra, EU:T:2010:99, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, minn naħa, ma jiċċitaw ebda dispożizzjoni li tirrikonoxxilhom drittijiet proċedurali f’dak li jikkonċerna l-Linji gwida kkontestati u, min-naħa l-oħra, ma jinvokawx li kellhom rwol ta’ negozjazzjoni partikolari matul il-proċedura ta’ adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, kif il-Kummissjoni ġustament issostni u kif jammettu r-rikorrenti, l-ammissibbiltà tar-rikors tiddependi biss mill-kwistjoni ta’ jekk l-impriżi attivi fis-settur tal-imħaleb irrappreżentati mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“impriżi rrappreżentati”) ikunux ammissibbli sabiex jitolbu l-annullament tal-Linji gwida kkontestati sa fejn is-settur tal-imħaleb ma huwiex iċċitat fl-Anness 3.

16

Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ din l-istess dispożizzjoni, tressaq appell kontra att mhux indirizzat lilha f’żewġ ipoteżijiet alternattivi, jiġifieri, minn naħa, jekk l-att inkwistjoni jkun jirrigwardaha direttament u individwalment, u, min-naħa l-oħra, jekk dan ikun att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni.

17

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-impriżi rrappreżentati jinsabux, fir-rigward tal-Linji gwida kkontestati, f’waħda miż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt ta’ qabel dan, xi ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta. Billi kull waħda miż-żewġ ipoteżijiet tippreżupponi interess dirett tar-rikorrenti permezz tal-att ikkontestat, qabel kollox wieħed għandu jeżamina dan il-kriterju.

18

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-frażi “[li] jirrigwardaha direttament” tidher b’mod identiku fiż-żewġ ipoteżijiet previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu TFUE u ġiet inkluża kif inhi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni kienet tinkludi biss l-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżijiet. Diġà ġie deċiż li l-kunċett ta’ interess dirett li joħroġ mit-tieni waħda mill-imsemmija ipoteżijiet ma jistax jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv minn dak li joħroġ mill-ewwel ipoteżi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 32]. Issa, ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-interess dirett għandha tiġi interpretata b’mod inqas restrittiv fil-każ fejn il-Linji gwida kkontestati jkunu jikkostitwixxu att regolamentari li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni.

19

Il-Kummissjoni ssostni li l-Linji gwida kkontestati ma jaffettwawx b’mod dirett l-impriżi rrappreżentati, u dan huwa kkontestat mir-rikorrenti.

20

Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata minn att tal-Unjoni, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-att ikkontestat ikun joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra, EU:C:2008:159, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

L-istess japplika meta l-possibbiltà għal dawn id-destinatarji li ma jagħtux segwitu għal att tal-Unjoni tkun purament teoretika, billi r-rieda tagħhom li jisiltu konsegwenzi li jikkonformaw miegħu ma toħloq ebda dubju (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 44, u Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, C‑404/96 P, Ġabra, EU:C:1998:196, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il-Kummissjoni, 62/70, Ġabra, EU:C:1971:108, punti 6 sa 8, u tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra, EU:C:1985:18, punti 8 sa 10).

22

Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Linji gwida kkontestati jipproduċux direttament tali effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-impriżi rrappreżentati, xi ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta.

23

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Sa fejn dawn ma jitwarrbux mir-regoli tat-trattat, ir-regoli indikattivi li dawn fihom jimponu ruħhom fuq l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra, EU:C:1987:96, punt 22; tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punti 34 u 36, u tal-15 ta’ Ottubru 1996, Ijssel‑Vliet, C‑311/94, Ġabra, EU:C:1996:383, punt 42).

24

Għaldaqstant, billi adottat il-Linji gwida kkontestati, il-Kummissjoni adottat l-impenn, fil-prinċipju vinkolanti, li teżerċita, hekk kif ġiet imħabbra f’dawn il-Linji gwida, il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha sabiex tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, tal-għajnuna koperta minnhom. B’mod partikolari, impenjat ruħha li ma tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern ebda tnaqqis mogħti minn Stat Membru favur settur mhux elenkat fl-Anness 3 u li tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern tnaqqis mogħti lil impriża li tagħmel parti minn settur elenkat fl-Anness 5 biss fil-każ fejn din tkun tilħaq intensità tal-elettriku ta’ 20 %.

25

Madankollu, dan ta’ hawn fuq ma jfissirx li l-impriżi rrappreżentati huma kkonċernati b’mod dirett mil-Linji gwida kkontestati.

26

Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-impriżi rrappreżentati li jibbenefikaw minn tnaqqis innotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni u li għalih din għadha ma adottatx deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern qabel id-data ta’ bidu tal-applikazzjoni tal-Linji gwida kkontestati, ċertament huwa korrett li, hekk kif isostnu r-rikorrenti, skont il-punti 246 u 247 ta’ dawn il-Linji gwida, dawn japplikaw sa mill-1 ta’ Lulju 2014 u sal-31 ta’ Diċembru 2020 għall-miżuri ta’ għajnuna kollha li fuqhom il-Kummissjoni hija msejħa tiddeċiedi, anki dawk innotifikati qabel l-ewwel waħda minn dawn id-dati. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Linji gwida kkontestati f’dak li jikkonċerna tali tnaqqis biss permezz ta’ jew deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jew permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, jew inkella, fl-aħħar nett, permezz ta’ deċiżjoni ta’ għeluq ta’ din il-proċedura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999. Issa, huma dawn id-dispożizzjonijiet li jistgħu jaffettwaw direttament lill-impriżi rrappreżentati billi jikkonstataw li t-tnaqqis li jibbenefikaw minnu ma huwiex kompatibbli mas-suq intern minħabba li s-settur tal-imħaleb ma huwiex elenkat fl-Anness 3, u mhux l-imsemmi Anness. L-impriżi rrappreżentati jkunu jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u b’mod partikolari jsostnu li s-settur tal-imħaleb kellu jiġi elenkat fl-Anness 3.

27

It-tieni nett, fir-rigward tal-impriżi rrappreżentati li jibbenefikaw minn tnaqqis innotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni u billi tqies minnha bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern qabel id-data ta’ bidu ta’ applikazzjoni tal-Linji gwida kkontestati, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 250 tagħhom, il-Kummissjoni tipproponi l-emendi neċessarji tal-għajnuna eżistenti sabiex tagħmilha konformi mal-imsemmija Linji gwida mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2016. Issa, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, sa fejn dawn ma humiex marbuta mil-Linji gwida kkontestati, l-Istati Membri jistgħu jsegwu jew jiċħdu dawn il-proposti. Fl-ipoteżi fejn il-proposta tal-Kummissjoni tiġi segwita, kull effett legali fir-rigward tal-impriżi rrappreżentati jkun jirriżulta mill-azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, liema azzjoni tkun tista’, fejn xieraq, tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Fl-ipoteżi fejn il-proposta tal-Kummissjoni tiġi miċħuda mill-Istat Membru kkonċernat, kull effett legali fir-rigward tal-impriżi rrappreżentati jkun jirriżulta biss mill-obbligu ta’ sospensjoni sussegwenti għal deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li tiftaħ, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 659/1999, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE. Għal darb’oħra, l-impriżi rrappreżentati jkunu jistgħu jikkontestaw il-legalità ta’ tali deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u b’mod partikolari jsostnu li s-settur tal-imħaleb kellu jiġi elenkat fl-Anness 3.

28

It-tielet nett, fir-rigward tal-impriżi rrappreżentati li jibbenefikaw minn tnaqqis li jista’ jitqies mill-Kummissjoni bħala għajnuna illegali, sa fejn dan ikun ingħata qabel ma ġie nnotifikat, u eżaminat mill-Kummissjoni wara d-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-Linji gwida kkontestati, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’ tapplika l-imsemmija linji gwida fir-rigward ta’ tali tnaqqis biss permezz ta’ waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt 26 iktar ’il fuq, peress li l-impriżi rrappreżentati jistgħu jkunu affettwati direttament biss permezz ta’ tali deċiżjoni, li huma jkunu jistgħu, fejn xieraq, jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali.

29

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, fir-rigward tad-deċiżjoni possibbli ta’ Stat Membru li ma jagħtix tnaqqis ġdid favur is-setturi mhux elenkati fl-Anness 3, kif il-Kummissjoni sostniet ġustament, din tkun deċiżjoni sovrana tal-Istat Membru kkonċernat.

30

Fil-fatt, l-eżistenza tal-Linji gwida kkontestati ma xxekkilx lil Stat Membru milli jinnotifika lill-Kummissjoni bi tnaqqis ġdid favur settur mhux elenkat fl-Anness 3, jew minħabba li huwa jqis, fejn xieraq wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-impriżi kkonċernati, li dan is-settur jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun jidher fil-lista tal-imsemmi anness, jew inkella minħabba li huwa jqis li dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu b’mod validu mill-Kummissjoni. Ċertament, huwa probabbli ħafna li, b’applikazzjoni tal-Linji gwida kkontestati, il-Kummissjoni titwassal sabiex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 659/1999, li tkun tikkonstata li t-tnaqqis previst huwa għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Madankollu, din id-deċiżjoni biss tkun tista’ tikkawża effetti legali diretti fir-rigward tal-impriżi li kellhom jibbenefikaw mit-tnaqqis. Dawn l-impriżi jkunu jistgħu, bħall-Istat Membru kkonċernat, jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali l-fondatezza tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, isostnu li s-settur tal-imħaleb kellu jiġi inkluż fl-Anness 3.

31

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument ippreżentat mir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li jgħid li kien diġà ċar, matul l-adozzjoni tal-Linji gwida kkontestati, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ser tinkorpora “kelma b’kelma” l-Anness 3 fil-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tat-tnaqqis, b’mod li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq tkun applikabbli f’dan il-każ.

32

Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jsostnu li f’Diċembru 2013 il-Kummissjoni kienet fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tat-tnaqqis u kienet indikat dubju dwar il-legalità tat-tnaqqis previst barra mis-setturi tal-azzar u tal-aluminju. It-tfassil tal-Linji gwida kkontestati għaldaqstant kienu akkumpanjati minn negozjati intensivi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi f’dak li jikkonċerna l-lista tas-setturi li jistgħu jidhru fl-Anness 3. Minkejja rikors għal annullament ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ġermaniżi allegatament kienu indikaw, minn naħa, li dawn riedu jaslu għal kompromess u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża l-ġdida fil-qasam tat-tnaqqis kellha tkun ikkoordinata mill-qrib mal-Linji gwida li kienu qegħdin jitfasslu, u saħansitra tosserva l-preskrizzjonijiet tagħhom.

33

Madankollu, dan ma jfissirx li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq hija applikabbli għal dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti.

34

Fil-fatt, peress li, hekk kif ġie indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, l-Istati Membri la huma marbuta mil-Linji gwida kkontestati u lanqas ma huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tnaqqis li ma josservax il-kundizzjonijiet previsti minnhom, il-possibbiltà li l-imsemmija Stati Membri jżommu jew jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ dawn il-linji gwida ma tistax titqies bħala purament teoretika. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw għaliex l-Istati Membri u, b’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu, fid-dritt jew fil-fatt, obbligati jaċċettaw ir-regoli indikattivi li l-Kummissjoni kienet imponiet fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, billi adottat il-Linji gwida kkontestati.

35

Dak li ntqal hawn fuq huwa kkonfermat mill-fatt li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti stess, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali adottata mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tat-tnaqqis preċedenti għall-EEG 2014, Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li minnu hija sussegwentement iddeċidiet li tirtira (digriet tat-8 ta’ Ġunju 2015, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑134/14, EU:T:2015:392), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tikkontesta evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis li hija kellha intenzjoni tagħti, billi din l-evalwazzjoni kienet, skont ir-rikorrenti stess, identika għal dik li tirriżulta mil-Linji gwida kkontestati.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ħabbru li huma kienu se jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis bl-għan li jirrenduha kompatibbli mal-Linji gwida kkontestati, qabel l-adozzjoni tagħhom, jekk wieħed jippreżumi li dan seħħ, ma jfissirx li dawn il-Linji gwida kellhom effett dirett fuq l-impriżi rrappreżentati.

37

Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni inkwistjoni hija differenti ħafna minn dawk li minnhom toriġina l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq.

38

Għaldaqstant, is-sentenzi Bock vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:1971:108), u Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:1985:18), kienu jikkonċernaw talbiet għal annullament ta’ żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet awtorizzat lil ċerti Stati Membri, fuq talba tagħhom, sabiex japplikaw miżuri ta’ salvagwardja għall-prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi l-awtoritajiet tal-Istati Membri inkwistjoni kienu indikaw li huma kienu ser japplikaw il-miżuri ta’ salvagwardja mitluba, l-impriżi li kellhom isostnuhom kienu kkonċernati direttament mill-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

39

Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha bżonn ta’ ebda awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tat-tnaqqis bl-għan li tirrendiha kompatibbli mal-Linji gwida kkontestati jew sabiex tinnotifika lill-Kummissjoni bit-tnaqqis inkompatibbli magħhom, b’differenza mill-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri ta’ salvagwardja msemmija fil-punt 38 iktar ’il fuq, li kellhom bżonn ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni sabiex jimponu tali miżuri. Il-benefiċjarji potenzjali ta’ tnaqqis mhux mogħti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaldaqstant ma humiex ikkonċernati mil-Linji gwida kkontestati b’mod analogu għall-mod ta’ kif kienu kkonċernati l-impriżi li kellhom isostnu l-miżuri inkwistjoni.

40

Fir-rigward tas-sentenzi Dreyfus vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq (EU:C:1998:193) u Glencore Grain vs Il-Kummissjoni, punt 19 iktar ’il fuq (EU:C:1998:196), dawn kienu jikkonċernaw rikorsi intiżi għall-annullament ta’ deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet Russi u lill-awtoritajiet Ukranjani rispettivament, u permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet qiegħda tirrifjuta l-finanzjament tal-kunsinna ta’ ċerti prodotti agrikoli f’kundizzjonijiet ta’ prezz partikolari. Issa, huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja kritika li kellhom jiffaċjaw il-Federazzjoni Russa u l-Ukraina kif ukoll tal-iggravar tas-sitwazzjoni alimentari u medika tagħhom, bil-ħlas tal-kunsinni seta’ biss jitwettaq permezz tal-finanzjament tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala purament teoretika l-possibbiltà għall-awtoritajiet ikkonċernati li jeżegwixxu l-kuntratti ta’ kunsinna skont il-kundizzjonijiet ta’ prezz ikkontestati mill-Kummissjoni u b’hekk jirrinunzjaw għall-imsemmi finanzjament.

41

F’dan il-każ, ma hemm ebda raġuni li wieħed iqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinsab, f’dawn il-fatti, f’sitwazzjoni kritika analoga għal dik tal-Istati msemmija fil-punt 40 iktar ’il fuq li skontha hija għandha biss possibbiltà purament teoretika li ma ssegwix il-Linji gwida kkontestati, per eżempju billi tinnotifika lill-Kummissjoni bit-tnaqqis inkompatibbli magħhom.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq jirriżulta, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja la kienet obbligata fid-dritt u lanqas fil-fatt li tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tat-tnaqqis sabiex tirrendiha kompatibbli mal-Linji gwida kkontestati u, min-naħa l-oħra, li s-sitwazzjoni legali tal-impriżi rrappreżentati ma hijiex direttament affettwata min-nuqqas ta’ inklużjoni tas-settur tal-imħaleb fl-Anness 3.

43

Sa fejn l-impriżi rrappreżentati ma humiex affettwati direttament mil-Linji gwida kkontestati, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk dawn humiex ikkonċernati individwalment, u lanqas jekk l-imsemmija linji gwida humiex att regolamentari li ma jeħtieġx miżuri ta’ implementazzjoni, sabiex jiġi deċiż li dawn ma humiex ammissibbli sabiex jintalab l-annullament tagħhom.

44

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jinsabux f’waħda mis-sitwazzjonijiet li jippermettu li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, ir-rikors tal-assoċjazzjonijiet jew tal-gruppi jiġi ddikjarat ammissibbli.

45

Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

46

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

 

2)

Milchindustrie-Verband eV u Deutscher Raiffeisenverband eV huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Novembru 2015.

 

E. Coulon

Reġistratur

H. Kanninen

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top