EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0796

Kawża T-796/14: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Diċembru 2014 – Philip Morris vs Il-Kummissjoni

ĠU C 56, 16.2.2015, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 56/24


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2014 – Philip Morris vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-796/14)

(2015/C 056/35)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Philip Morris Ltd (Richmond, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: K. Nordlander u M. Abenhaïm, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli;

tannulla d-Deċiżjoni Ares (2014) 3142109 tal-Kummissjoni Ewropea, tal-24 ta’ Settembru 2014, sa fejn li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għad-dokumenti mitluba, bl-eċċezzjoni tad-data personali redatta li tinsab fihom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni Ares (2014) 3142109 tal-24 ta’ Settembru 2014, li fiha l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għal sitt dokumenti interni redatti fil-kuntest ta’ ħidma preparatorja li tippreċedi l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/EU dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati (1) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi distinti.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni billi naqset milli tispjega – fir-rigward ta’ kull dokument – liema eċċezzjoni rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trasparenza”) hija applikat u abbażi ta’ liema ċirkustanzi u kunsiderazzjonijiet fattwali. Billi invokat l-istess argumenti ġenerali sabiex tissostanzja r-raġunijiet differenti għal rifjut (protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji, ta’ pariri legali u tal-proċess deċiżjonali), il-Kummissjoni naqset milli timmotiva għalfejn l-iżvelar tad-dokumenti rikjesti jippreġudika “konkretament u effettivament” kull wieħed minn dawn l-interessi. B’mod iktar speċifiku, id-Deċiżjoni kkontestata ma tispjegax jekk il-ġustifikazzjoni invokata għal kull rifjut rilevanti hijiex “proċeduri ġudizzjarji” jew “pariri legali”.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar it-trasparenza mill-Kummissjoni billi naqset milli turi kif l-iżvelar f’kull każ jippreġudika “konkretament u effettivament” il-protezzjoni ta’ “pariri legali” jew ta’ “proċeduri ġudizzjarji”. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-“pariri legali”, il-ġustifikazzjonijiet astratti tal-Kummissjoni ġew kollha kemm huma miċħuda fil-ġurisprudenza u l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda spjegazzjoni konkreta li turi għalfejn, f’dan il-każ, l-iżvelar komplet tad-dokumenti mitluba jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni ta’ “proċeduri ġudizzjarji”.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur taż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar it-trasparenza mill-Kummissjoni billi naqset milli tispjega kif l-iżvelar jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-“proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”. Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar it-trasparenza, il-Kummissjoni naqset milli tidentifika “proċess ta’ tat-teħid ta’ deċiżjonijiet” li kien għad jista’ jitqies li “qed jiżvolġi” u milli turi kif l-iżvelar konkretament u effettivament jippreġudika l-proċess deċiżjonali tagħha. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni naqset milli turi li d-dokumenti rikjesti kienu “opinjonijiet” skont it-tifsira ta’ dak is-subparagrafu u a fortiori li r-riskju li l-iżvelar konkretament u effettivament jippreġudika l-proċess deċiżjonali kien serji fis-sens iktar rigoruż ta’ dak is-subparagrafu.


(1)  Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1)


Top