EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0779

Kawża T-779/14: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2014 – Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 89, 16.3.2015, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/27


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2014 – Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-779/14)

(2015/C 089/33)

Lingwa tal-kawża: l-Islovakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Slovakka (rappreżentant: B. Ricziová, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-ittra tal-24 ta’ Settembru 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Slovakka li tagħmel disponibbli r-riżorsi finanzjarji li jikkorrispondu mat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

Skont ir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li taġixxi hekk kif għamlet fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li wara l-kwantifikazzjoni tal-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali fil-forma ta’ dazji fuq l-importazzjoni mhux miġbura, tordna lil Stat Membru, li ma kienx responsabbli mill-kalkolu u mill-ġbir ta’ dawn id-dazji, li jagħmel disponibbli lill-Kummissjoni riżorsi finanzjarji għall-ammont iffissat minnha, li fil-fehma tal-Kummissjoni, jikkorrispondi mat-telf allegat.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ ċertezza legali

Skont ir-Repubblika Slovakka, anki jekk il-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata (quod non), fil-każ ineżami hija kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-obbligu impost permezz tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-Repubblika Slovakka ma kienx, fil-fehma tagħha, raġonevolment prevedibbli qabel l-adozzjoni tagħha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq eżerċizzju inkorrett ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni

Anki jekk il-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata u li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet aġixxiet konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (quod non), ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li f’dan il-każ il-Kummissjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha b’mod korrett. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li tirrikjedi mingħand ir-Repubblika Slovakka riżorsi finanzjarji minkejja li t-telf ta’ riżorsi proprji tradzzjonali jew ma seħħx bl-ebda mod jew, għall-kumplament, ma seħħx minħabba konsegwenza diretta tal-avvenimenti li l-Kummissjoni tattribwixxi lir-Repubblika Slovakka. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Slovakka ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandha diversi difetti li jiġġustifikaw li tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti, li jirrappreżenta ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u li fl-istess ħin tmur kontra r-rekwiżit ta’ ċertezza legali. Skont ir-Repubblika Slovakka, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma indikatx il-bażi legali tad-deċiżjoni tagħha. Minbarra dan, hija bl-ebda mod ma kkjarifikat l-oriġini u l-fondatezza ta’ wħud mill-konklużjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, skont ir-Repubblika Slovakka, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, taħt ċerti aspetti, ma hijiex ċara.


Top