Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0722

    Kawża T-722/14: Rikors ippreżentat fit- 13 ta’ Ottubru 2014 – PRIMA vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 462, 22.12.2014, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 462/27


    Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ottubru 2014 – PRIMA vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-722/14)

    (2014/C 462/40)

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Partijiet

    Rikorrenti:“PRIMA – Produzentska, reklamna, informazionna i mediyna agenziya” AD (Sofija, il-Bulgarija) (rappreżentant: Yavor Sergeev Ruskov, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Awwissu 2014 li permezz tagħha ġiet miċħuda l-offera tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika PO/2013-13/SOF dwar il-provvista ta’ appoġġ lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Bulgarija fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Awwissu 2014 li permezz tagħha l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ġiet attribwita lil parteċipant ieħor fil-proċedura, kif ukoll kull deċiżjoni sussegwenti li tikkonċerna l-konklużjoni ta’ kuntratt għat-twettiq tal-offerta, inkluża d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Settembru 2014;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni

    L-awtorità kontraenti kkomunikat l-informazzjoni mitluba minn PRIMA fir-rigward tal-karatteristiċi tal-offerta magħżula, iżda ma pprovdietx informazzjoni dwar il-vantaġġi relattivi ta’ din l-offerta.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ attribuzzjoni

    Il-kriterji ta’ attribuzzjoni stabbiliti mill-awtorità kontraenti ma ġewx applikati b’mod oġġettiv u korrett, u għalhekk in-noti mogħtija fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ma humiex rilevanti; minn dan isegwi li ma kinitx ġiet żgurata l-ugwaljanza bejn l-offerenti kollha f’termini ta’ aċċess u ta’ trattament.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi

    Id-deċiżjoni li tattribwixxi l-kuntratt ittieħdet wara d-data tad-deċiżjoni inizjali li permezz tagħha ġiet miċħuda l-offerta ta’ PRIMA.

    L-awtorità kontraenti ma informatx lil PRIMA b’din id-deċiżjoni, fatt dan li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza bejn il-parteċipanti fil-proċedura.

    Il-fatt li ma ġietx ikkomunikata informazzjoni dwar l-imsemmija deċiżjoni llimita b’mod kunsiderevoli d-drittijiet ta’ difiża ta’ PRIMA.


    Top