Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0332

Kawża T-332/14: Rikors ippreżentat fit- 12 ta’ Mejju 2014 – Azarov vs Il-Kunsill

ĠU C 223, 14.7.2014, p. 63–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/63


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2014 – Azarov vs Il-Kunsill

(Kawża T-332/14)

2014/C 223/65

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Oleksii Mykolayovych Azarov (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentanti: G. Lansky u A. Egger, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 26), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK, tal-14 ta’ April 2014, li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 111, p. 91), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, p. 1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014, tal-14 ta’ April 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 111, p. 33), sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrent;

tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-motivazzjoni tal-att ikkontestat ma tippermettilux jikkontesta l-imsemmi att quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas ma tippermetti lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tiegħu.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-ksur tad-dritt li jeżerċita attività ekonomika. Huwa jinvoka barra minn hekk in-natura sproporzjonata tal-miżuri restrittivi imposti. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li l-Kunsill għamel użu ħażin tal-poter mogħti lilu billi adotta miżuri restrittivi kontrih prinċipalment għal finijiet differenti milli biex isaħħaħ u jkun ta’ sostenn għall-istat tad-dritt u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka, b’mod partikolari, il-ksur tad-dritt għal trattament imparzjali, il-ksur tad-dritt għal trattament ġust u ekwu u l-ksur tad-dritt għal investigazzjoni bir-reqqa tal-fatti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.


Top