Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0286

    Kawża T-286/14: Rikors ippreżentat fit- 2 ta’ Mejju 2014 – Röchling Oertl Kunststofftechnik vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 223, 14.7.2014, p. 38–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/38


    Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2014 – Röchling Oertl Kunststofftechnik vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-286/14)

    2014/C 223/41

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Röchling Oertl Kunststofftechnik GmbH (Brensbach, il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Volz, M. Ringel, B. Wißmann, M. Püstow, C. Oehme u T. Wielsch, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18 ta’ Diċembru 2013, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tas-sostenn għal elettriku rinnovabbli u tas-soprataxxa EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN), sa fejn tikkonċerna t-tnaqqis tas-soprataxxa EEG għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: assenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

    Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tas-soprataxxa EEG għall-impriżi li huma utenti intensivi tal-enerġija previst fil-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”), ma huwiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-kuntest, hija ssostni li l-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku ma humiex fil-fatt iffavoriti minn din l-iskema. L-iskema ta’ kumpens speċjali tipprovdi pjuttost kumpens għal oneri straordinarji li r-rikorrenti u impriżi oħra simili qegħdin b’mod partikolari jbatu fil-kuntest tas-sostenn tal-produzzjoni tal-elettriku minn enerġija rinnovabbli u sservi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kompetittività tal-impriżi li huma utenti intensivi tal-elettriku li kienet inizjalment milquta b’mod kunsiderevoli mis-soprataxxa EEG.

    2.

    It-tieni motiv: assenza ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-iskema ta’ kumpens speċjali ma tikkostitwixxix għajnuna “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”. F’dan il-kuntest hija ssostni li s-soprataxxa EEG stess ma hijiex riżorsi tal-Istat u li, għalhekk, rinunzja għal dawn ir-riżorsi permezz tal-iskema ta’ kumpens speċjali lanqas ma tista’ tikkostitwixxi għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    Is-soprataxxa EEG la hija imposta, amministrata u lanqas ma hija ddistribwita mill-Istat jew minn istituzzjoni pubblika jew privata maħtura jew stabbilita mill-Istat. Għall-kuntrarju, is-soprataxxa tista’ tiġi imposta direttament mill-operaturi tan-netwerk ta’ trażmissjoni fuq il-bażi ta’ pretensjoni korrispondenti taħt id-dritt ċivili. Is-soprataxxa EEG ma tiġix attribwita lill-baġit tal-Istat u għalhekk l-iskema ta’ kumpens speċjali b’ebda mod, la direttament u lanqas indirettament, ma tolqot id-dħul tal-Istat.

    L-awtoritajiet tal-Istat lanqas ma għandhom xi tip ta’ setgħa fir-rigward tar-riżorsi miġbura permezz tas-soprataxxa EEG. Barra minn hekk, ma hemm ebda kontroll pubbliku fir-rigward ta’ dawn ir-riżorsi, bħal pereżempju permezz tal-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (Uffiċċju federali għall-ekonomija u għall-kontroll tal-esportazzjoni, BAFA) jew permezz tal-Bundesnetzagentur (Aġenżija federali responsabbli għan-netwerks).


    Top