Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0276

    Kawża T-276/14: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ April 2014 – Flachglas Torgau et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 223, 14.7.2014, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/29


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ April 2014 – Flachglas Torgau et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-276/14)

    2014/C 223/34

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Flachglas Torgau GmbH (Torgau, il-Ġermanja), Saint-Gobain Isover G+H AG (Ludwigshafen am Rhein, il-Ġermanja) u Saint-Gobain Oberland AG (Bad Wurzach, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u H. Janssen, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2013 fil-Każ dwar Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) – Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE peress li s-soprataxxa EEG prevista fil-Gesetz für den Vorrang erneuerbarer Energien (Liġi dwar l-għoti ta’ prijorità għall-enerġija rinnovabbli, iktar ’il quddiem l-“EEG”) u l-iskema ta’ kumpens speċjali ma jinvolvu ebda allokazzjoni ta’ riżorsi tal-Istat jew ta’ riżorsi kkontrollati mill-Istat. Il-fatti kollha rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienu stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedimenti preliminari bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ma kien fadal ebda dubji li kienu jeħtieġu determinazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1).

    2.

    It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx l-Artikolu 108(1) TFUE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn, sabiex tivverifika l-evalwazzjoni preliminari tagħha tal-EEG bħala għajnuna, applikat il-proċedura fir-rigward ta’ għajnuna ġdida skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 minflok il-proċedura fir-rigward ta’ għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 et seq tar-Regolament Nru 659/1999. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-EEG 2000 bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li ma kien hemm ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Meta kkunsidrati fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002, il-bidliet mill-EEG 2000 għall-EEG 2012 ma kinux sostanzjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tesprimi opinjoni legali rreveduta fil-kuntest ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 108(1) TFUE mingħajr ma tkun ta’ oneru għar-rikorrenti.

    3.

    It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tathom minn qabel il-possibbiltà li jippreżentaw il-kummenti tagħhom.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


    Top