Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0258

    Kawża T-258/14: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ April 2014 – Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 223, 14.7.2014, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 223/20


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2014 – Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-258/14)

    2014/C 223/24

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: L. Delvaux, aġent, assistit minn P.-E. Partsch, A. Steichen, D. Waelbroeck, avukati, u D. Slater, solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrent

    tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Marzu 2014 li tordna lil-Lussemburgu jipprovdi informazzjoni dwar il-prattika ta’ deċiżjonijiet antiċipattivi fil-qasam fiskali;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 1986 finali li permezz tagħha hija ordnat lir-rikorrent, abbażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (1), jipprovdi l-lista kompleta ta’ deċiżjonijiet antiċipattivi mogħtija fl-2010, fl-2011 u fl-2012 lil impriżi Lussemburgiżi li jiffurmaw parti minn grupp jew minn struttura legali li tinvolvi impriża jew diversi impriżi li jinsabu barra mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

    Insostenn tar-rikors tiegħu ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 u tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn il-Kummissjoni ma għandiex il-minimu ta’ informazzjoni meħtieġa sabiex tiġġustifika t-talbiet ta’ informazzjoni li jinsabu fl-inġunzjoni, filwaqt li s-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha huma suġġetti għar-rekwiżit li jkollha, minn qabel, informazzjoni fattwali u oġettiva suffiċjenti li tkun tali li tagħti lok għal suspett raġonevoli dwar l-eżistenza ta’ ksur. Ir-rikorrent isostni li b’dan il-mod il-Kummissjoni qed tagħmel “talba esplorattiva għall-informazzjoni”vera u proprja li hija inkompatibbli mad-drittijiet tad-difiża.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn i) ma hemmx relazzjoni bejn l-informazzjoni li l-Kummissjoni diġà għandha u n-natura u l-portata tal-informazzjoni mitluba mingħand ir-rikorrent u sa fejn ii) l-inġunżjoni ta’ informazzjoni tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi mfittxa mill-Kummissjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti, peress li l-Kummissjoni la esponiet ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inġunzjoni kkontestata u lanqas ma indikat b’mod ċar il-preżunzjonijiet li hija trid tivverifika.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 4 u 5 TUE u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


    Top