Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0134

    Kawża T-134/14: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Frar 2014 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 142, 12.5.2014, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 142/40


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2014 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-134/14)

    2014/C 142/53

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze, J. Möller, u T. Lübbig, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura Għajnuna mill-Istat SA.33995 (2013/C) (ex 2013/NN) – il-Ġermanja, sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa-EEG imnaqqsa għal utenti intensivi tal-enerġija, C (2013) 4424 finali;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE

    Hawnhekk ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mingħajr ma ssodisfat l-obbligu speċjali tagħha ta’ diliġenza li tistabbilixxi l-fatti kompletament. Kieku l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet il-fatti bid-diliġenza meħtieġa, ma kienx ikun hemm raġuni sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-fatti

    Fit-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat il-fatti li huma l-bażi ta’ dan il-każ, jiġiferi l-funzjonament tal-liġi dwar il-prijorità tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu, b’mod partikolari s-sistema tal-flussi finanzjarji prevista taħt din il-liġi. Minbarra dan, il-Kummissjoni ma rrikonoxxietx ir-rwol “tal-Istat” bħala leġiżlatur u bħala korp b’responsabbiltà għall-awtoritajiet ta’ superviżjoni u ddeduċiet b’mod żbaljat minn dan sitwazzjoni ta’ kontroll.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li ma ġewx ipprivileġġati utenti intensivi tal-enerġija permezz ta’ skema speċjali ta’ kumpens

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(1) TFUE billi aċċettat, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li l-impriżi b’konsum għoli ta’ enerġija huma pprivileġġati.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li ngħatax vantaġġ permezz ta’ riżorsi tal-Istat

    Hawnhekk ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wkoll wettqet żball ta’ liġi billi applikat l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn aċċettat li awtoritajiet pubbliċi kellhom kontroll fuq l-assi ta’ diversi kumpanniji privati li jipparteċipaw fl-iskema tal-liġi għall-prijorità tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq interpretazjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 30 u 110 TFUE

    Bil-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proċedura amministrattiva regolari u l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta rrevediet il-liġi għall-prijorità tas-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu skont l-Artikoli 30 u 110 TFUE, minkejja li ilha taf bil-metodu li bih din il-liġi tiffunzjona għal iktar minn għaxar snin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżbalja wkoll fil-liġi billi tapplika l-Artikoli 30 u 110 TFUE għaliex la teżisti tassazzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, p. 1).


    Top