EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0793

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-15 ta’ Novembru 2018.
Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Suq tal-kapaċità fir-Renju Unit – Skema ta’ għajnuna – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – Kunċett ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) jew (4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu bejn l-2014-2020 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati.
Kawża T-793/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:790

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Suq tal-kapaċità fir-Renju Unit – Skema ta’ għajnuna – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – Kunċett ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) jew (4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu bejn l-2014-2020 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati”

Fil-Kawża T-793/14,

Tempus Energy Ltd, stabbilita f’Worcester (ir-Renju Unit),

Tempus Energy Technology Ltd, stabbilita f’Cheltenham (ir-Renju Unit),

inizjalment irrappreżentati minn J. Derenne, J. Blockx, C. Ziegler u M. Kinsella, sussegwentement minn Derenne, Blockx u Ziegler u fl-aħħar nett minn Derenne u Ziegler, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, R. Sauer, K. Herrmann u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn C. Brodie, L. Christie, G. Facenna, QC, sussegwentement minn S. Simmons, M. Holt, Brodie, u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, QC, sussegwentement minn Holt, Brodie, u Brandon u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, QC, u fl-aħħar nett minn Brandon, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5083 finali tat-23 ta’ Lulju 2014 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna relatata mas-suq ta’ kapaċità fir-Renju Unit, minħabba li l-imsemmija skema hija kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE (għajnuna mill-Istat 2014/N-2) (ĠU 2014, C 348, p. 5),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Fuq ir-rikorrenti u fuq is-suġġett tat-tilwima

1

Ir-rikorrenti, Tempus Energy Ltd, li ssuċċedew għal Alectrona Grid Services Ltd, u Tempus Energy Technology Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Tempus”), ibigħu teknoloġija ta’ ġestjoni tal-konsum tal-elettriku, fi kliem ieħor tal-“ġestjoni tat-talba”, lil individwi u professjonisti u għandhom liċenzja ta’ fornitur ta’ elettriku fir-Renju Unit.

2

L-offerta proposta minn Tempus lill-klijenti tagħha hija intiża sabiex tiġġenera tnaqqis tal-ispejjeż fil-katina tal-offerta ta’ elettriku billi tikkombina t-teknoloġija ta’ ġestjoni tat-talba mas-servizzi proposti minn fornitur ta’ elettriku. Tempus tbigħ l-elettriku u tgħin lill-klijenti tagħha jmexxu l-konsum tal-elettriku tagħhom mhux suġġett għal vinkoli ta’ ħin lejn perijodi li matulhom il-prezzijiet bl-ingrossa huma baxxi, jew għaliex it-talba hija baxxa, jew inkella għaliex l-elettriku prodott minn enerġija li tiġġedded huwa abbondanti u għalhekk inqas għoli.

3

Mill-proċess jirriżulta li, tradizzjonalment, l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jikkonkludu kuntratti mal-konsumaturi tal-elettriku, li huma ġeneralment klijenti industrijali u kummerċjali jew impriżi żgħar u medji, fejn huwa stipulat li l-klijent jaċċetta li jkun flessibbli fir-rigward tal-konsum tal-elettriku tiegħu matul perijodu partikolari. L-operatur ta’ ġestjoni tat-talba jikkalkola l-kapaċità totali disponibbli f’mument partikolari għand il-klijenti flessibbli kollha u sussegwentement ikun jista’ jipproponi din il-kapaċità lill-operatur tan-network tal-elettriku, National Grid f’dan il-każ, għal ħlas li huwa jittrasferixxi lill-klijent flessibbli, filwaqt li jżomm marġni ta’ profitt għalih innifsu.

4

Permezz tar-rikors tagħha, Tempus titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5083 finali tat-23 ta’ Lulju 2014 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna relatata mal-kapaċità fir-Renju Unit, minħabba li l-imsemmija skema hija kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE (għajnuna mill-Istat 2014/N-2) (ĠU 2014, C 348, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

B. Fuq il-miżura inkwistjoni

5

Permezz tal-iskema ta’ għajnuna msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jistabbilixxi suq ta’ kapaċità li jikkonsisti f’irkant ċentralizzat għall-provvista tal-kapaċità meħtieġa sabiex tiġi ggarantita l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Din hija skema ta’ għajnuna li tikkonsisti fl-għoti ta’ ħlas lill-fornituri ta’ kapaċità elettrika bħala ħlas għall-obbligu tagħhom li jipprovdu l-elettriku jew li jnaqqsu jew ibiddlu l-konsum tal-elettriku f’perijodu ta’ tensjoni fuq in-network.

6

Il-bażijiet legali tal-miżura inkwistjoni huma il-UK Energy Act 2013 (il-Liġi tal-Renju Unit tal-2013 dwar l-enerġija) u l-atti leġiżlattivi adottati abbażi ta’ din il-liġi, b’mod partikolari l-Electricity Capacity Regulations 2014 (ir-Regolament tal‑2014 dwar il-kapaċità elettrika) u l-Capacity Market Rules 2014 (ir-Regoli tal‑2014 dwar is-suq tal-kapaċità).

7

Is-suq tal-kapaċità jaħdem hekk: il-kwantità ta’ kapaċità meħtieġa hija ddefinita b’mod ċentralizzat u s-suq, permezz ta’ rkant, jiddetermina l-prezz xieraq għall-provvista ta’ din il-kwantità – fejn il-fornituri ta’ kapaċità eliġibbli huma kollha f’kompetizzjoni fil-kuntest tal-istess irkant (il-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kwantità ta’ kapaċità meħtieġa hija deċiża mill-Gvern tar-Renju Unit billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tal-operatur tan-network tal-elettriku, National Grid (il-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

8

Fir-rigward tal-irkant, il-miżura inkwistjoni tipprovdi dan li ġej: kull sena, matul l-irkant prinċipali, il-kapaċità meħtieġa hija rkantata għal kunsinna erba’ snin wara (iktar ’il quddiem l-“irkant T-4”); il-kunsinna tal-kapaċità suġġett tal-irkant fl‑2014, pereżempju kellha ssir fl-2018/2019 – il-perijodu tal-kunsinna jibda mill‑1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019 (il-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata). Irkant ieħor jsir fis-sena ta’ qabel is-sena tal-kunsinna tal-irkant prinċipali (iktar ’il quddiem l-“irkant T-1”).

9

Ċerta kapaċità tkun sistematikament meħuda mill-irkant T-4 sabiex tiġi “rriżervata” għall-irkant T-1, abbażi ta’ stima tal-kapaċità ta’ ġestjoni tat-talba “bi profitt” li tista’ tipparteċipa għall-irkant T-1 u ssir pubblika meta l-kurva tat-talba għall-irkant T-4 tkun ippubblikata (il-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata). Jekk it-talba tonqos bejn l-irkant T-4 u l-irkant T-1, l-ammont tal-kapaċità fl-irkant T-1 jitnaqqas. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li, peress li l-irkant T-1 joffri mezz aħjar għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba sabiex jaċċedu għas-suq, il-Gvern tar-Renju Unit jobbliga ruħu li jpoġġi għall-irkant T-1 tal-inqas 50 % tal-kapaċità “rriżervata” erba’ snin qabel. Id-deċiżjoni kkontestata żżid li ċertu marġni ta’ diskrezzjoni jinżamm sabiex titħassar din il-garanzija jekk il-ġestjoni tat-talba ma tkunx bi profitt fuq żmien twil jew jekk is-settur tal-ġestjoni tat-talba jiġi kkunsidrat li huwa matur biżżejjed (il-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata). L-irkant T-4 u T-1 jikkostitwixxu l-iskema fit-tul.

10

Bl-eċċezzjoni, temporanja, tal-interkonnetturi u tal-fornituri ta’ kapaċità barranin, l-irkant fit-tul huwa miftuħ għall-produtturi eżistenti u ġodda, għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u għall-operaturi ta’ ħażna (il-premessi 4 u 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

11

Minbarra l-iskema fit-tul teżisti skema tranżitorja. Għalhekk, qabel il-perijodu ta’ kunsinna 2018/2019, huwa previst irkant “tranżitorju” li huwa miftuħ prinċipalment għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. L-ewwel irkant tranżitorju kien normalment previst għall-2015 – il-perijodu ta’ kunsinna minn Ottubru 2016 sa Settembru 2017; iż-żewġ irkant tranżitorju kien previst għall-2016 – il-perijodu ta’ kunsinna minn Ottubru 2017 sa Settembru 2018 (il-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

12

Ir-riżorsi ta’ produzzjoni u ta’ ġestjoni tat-talba li jipparteċipaw għas-suq ta’ kapaċità huma msejħa “Capacity Market Units” (l-Unitajiet tas-suq tal-kapaċità, iktar ’il quddiem iċ-“CMU”). Iċ-CMU ta’ produzzjoni jistgħu jipparteċipaw individwalment bħala CMU, jew kollettivament, aggregati ma’ unitajiet ta’ produzzjoni oħra eliġibbli skont ċerti kundizzjonijiet. Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija b’mod partikolari li l-kapaċità totali tal-unitajiet kollha tkun bejn il-livell minimu ta’ 2 megawatts (MW) u dak ta’ 50 MW (il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

13

Iċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba huma ddefiniti skont obbligu li titnaqqas it-talba. Tali obbligu jippreżupponi mill-operatur ta’ ġestjoni tat-talba li jwassal lill-klijent tiegħu sabiex inaqqas l-importazzjonijiet ta’ elettriku tiegħu (imkejla minn arloġġ li jirreġistra l-konsum tal-elettriku nofs siegħa nofs siegħa) jew li jesporta l-elettriku li jipproduċi grazzi għal unitajiet ta’ produzzjoni li għandu fuq il-post. Kull komponent ta’ CMU ta’ ġestjoni tat-talba għandu jkun konness ma’ arloġġ kull nofs siegħa u l-kapaċità ta’ ġestjoni tat-talba totali tal-fornitur għandha tkun bejn 2 MW u 50 MW (il-premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata).

14

Il-kapaċitajiet eliġibbli għandhom jiġu suġġetti għal proċess ta’ preselezzjoni li, minbarra l-ħolqien ta’ fajl amministrattiv bażiku, għandu rekwiżiti speċifiċi skont jekk l-eventwali parteċipant huwiex operatur eżistenti jew potenzjali (il-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati (għall-kuntrarju tal-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba kkonfermati li l-kapaċità tagħhom ddikjarata mill-fornitur ġiet ipprovata matul test), hija meħtieġa garanzija ta’ offerta li titla’ għal GBP 5000 (bejn wieħed u ieħor EUR 5650) għal kull MW għall-irkant T-4 u T1 u għal GBP 500 (bejn wieħed u ieħor EUR 565) kull MW għall-irkant tranżitorji.

15

L-operatur tan-network tal-elettriku, National Grid, huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-irkant sabiex jinkiseb il-livell ta’ kapaċità meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kapaċitajiet tal-elettriku.

16

L-irkant kollu huwa rkant li jonqos, bi prezz diskriminatorju, fejn il-parteċipanti magħżula, l-offerenti magħżula, huma mħallsa skont l-aħħar offerta aċċettata. Prezz għoli jitħabbar fil-bidu tal-irkant; il-parteċipanti mbgħad jagħmlu l-offerti tagħhom sabiex jindikaw il-kwantità ta’ kapaċità li huma lesti jipprovdu għal dan il-prezz. Dan il-proċess jiġi rripetut diversi drabi skont kalendarju stabbilit minn qabel sakemm jiġi skopert il-prezz l-iktar baxx li għalih it-talba tikkorrispondi għall-offerta, jiġifieri l-prezz ta’ għeluq. L-offerenti magħżula kollha jitħallsu l-istess prezz ta’ għeluq (“pay-as-clear model”) (il-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

17

Għalhekk, jekk jintgħażlu, il-fornituri ta’ kapaċità jingħataw kuntratt ta’ kapaċità għall-prezz tal-għeluq. It-tul tal-kuntratti ta’ kapaċità li l-parteċipanti jagħmlu offerti għalihom ivarja. Il-parti l-kbira tal-fornituri ta’ kapaċità għandhom aċċess għal kuntratti ta’ sena. Il-fornituri ta’ kapaċità li għandhom spejjeż ta’ tagħmir superjuri għal GBP 125 (bejn wieħed u ieħor EUR 141) għal kull kilowatt (kW) (ċentrali li għandhom jiġu rrinovati) għandhom aċċess għal kuntratti ta’ tul massimu ta’ tliet snin. Il-fornituri ta’ kapaċità li għandhom spejjeż ta’ tagħmir superjuri għal GBP 250 (bejn wieħed u ieħor EUR 282) għal kull kW (ċentrali ġodda) għandhom aċċess għal kuntratti ta’ tul massimu ta’ ħmistax-il sena (il-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kuntratti ta’ iktar minn sena jingħataw biss matul l-irkant T-4. F’kull każ, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kapaċità, inkluż il-prezz tal-kapaċità japplikaw matul it-tul kollu tal-kuntratt.

18

L-offerenti magħżula jirċievu, matul it-tul tal-kuntratt tagħhom, remunerazzjoni regolari ffinanzjata minn debitu dirett imħallas mill-fornituri tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, l-offerenti magħżula jintrabtu li jipprovdu kapaċitajiet f’perijodu ta’ tensjoni fuq in-network. Huma previsti penalitajiet meta offerent magħżul ma jipprovdix il-kwantità ta’ elettriku skont il-kapaċità prevista mill-kuntratt (il-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, is-suq ta’ kapaċità huwa suġġett għal proċess ta’ rieżami (il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

19

L-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi ffinanzjata r-remunerazzjoni tal-kapaċitajiet huma mħallsa mill-fornituri ta’ elettriku kollha ċċertifikati (iktar ’il quddiem il-“metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż”). It-tariffa applikata għall-fornituri ta’ elettriku hija ddeterminata skont is-sehem tagħhom tas-suq u hija kkalkolata abbażi tat-talba rreġistrata bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar matul il-ġimgħa, bejn ix-xahar ta’ Novembru u ta’ Frar, sabiex jitħeġġu jbaxxu t-talba ta’ elettriku tal-klijenti tagħhom matul il-perijodi meta din tkun ġeneralment iktar għolja. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan għandu jwassal għal tnaqqis tal-kapaċitajiet mitluba u, konsegwentement, għal tnaqqis tal-ispejjeż tas-suq ta’ kapaċità (il-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

20

Id-dħul bl-ingrossa mħallas lill-fornituri ta’ kapaċitajiet ġie mmudellizzat u għandu jaqa’ bejn GBP 0.9 biljun u 2.6 biljun (bejn EUR 1.02 biljun u 2.94 biljun) kull sena, jiġifieri bejn GBP 8.1 sa 23.4 biljun (bejn wieħed u ieħor EUR 9.14 u 26.4 biljun) għall-perijodu bejn 2018 sa 2024, fejn dan l-ammont ivarja skont il-livell meħtieġ ta’ “kapaċità ġdida maħluqa” (il-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

C. Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida

21

Għandu jitfakkar li, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tista’ toħloq linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha u li, sa fejn dawn jimxu mar-regoli tat-Trattat, ir-regoli indikattivi li huma inklużi fihom huma imposti fuq l-istituzzjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, EU:C:2002:363, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Barra minn hekk, fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u għal darba oħra matul is-seduta, Tempus ikkonfermat espressament li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-ħolqien ta’ suq ta’ kapaċità, bħala tali, iżda biss, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-elementi pprovduti mir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna l-impatt tal-ġestjoni tat-talba u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet differenti previsti sabiex l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq ta’ kapaċità.

23

Fost id-dispożizzjonijiet differenti tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), adottati mill-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2014 u li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014, u b’kunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni fejn il-prinċipju ta’ għajnuna favur l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni hija aċċettata (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima huwa s-segwenti.

24

L-ewwel nett, fil-paragrafu 224(b), fil-punt 3.9.2 “Il-ħtieġa għal intervent mill-Istat”, il-Linji gwida jipprovdu li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-elementi pprovduti mill-Istat ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-“valutazzjoni tal-impatt ta’ parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, inkluża deskrizzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu ġestjoni mil-lat tad-domanda”.

25

It-tieni nett, fil-pargrafu 226, fil-punt 3.9.3 “Adegwatezza”, il-Linji gwida jindikaw dan li ġej:

“Il-miżura għandha tkun miftuħa u tipprovdi inċentivi adegwati kemm lil ġeneraturi eżistenti u kemm dawk futuri u għall-operaturi li jużaw teknoloġiji sostitwibbli, bħal reazzjoni min-naħa tad-domanda jew soluzzjonijiet ta’ ħażna. Għaldaqstant, l-għajnuna għandha tiġi kkonsenjata permezz ta’ mekkaniżmu li jippermetti skedi ta’ twettiq potenzjalment differenti li jikkorrispondu maż-żmien meħtieġ biex jitwettqu investimenti ġodda minn ġeneraturi ġodda li jużaw teknoloġiji differenti. Il-miżura għandha tqis ukoll sa liema punt il-kapaċità ta’ interkonnessjoni tista’ tirrimedja kwalunkwe problema eventwali tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni”.

26

It-tielet nett, fil-paragrafu 229, fil-punt 3.9.5 “Proporzjonalità”, il-Linji gwida jippreċiżaw li “[p]roċess ta’ offerti kompetittiv fuq il-bażi ta’ kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, li effettivament ikun immirat lejn l-objettiv definit, se jitqies li jwassal għal rati raġonevoli ta’ redditu taħt ċirkostanzi normali”.

27

Ir-raba’ nett, fil-paragrafu 232(a) fil-punt 3.9.6 “L-evitar ta’ effetti negattivi mhux mixtieqa fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ”, il-Linji gwida jenfasizzaw b’mod partikolari li “[i]l-miżura għandha tkun imfassla b’mod li tagħmilha possibbli għal kwalunkwe kapaċità li tista’ effettivament tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni biex tipparteċipa fil-miżura, b’mod partikolari, billi jitqiesu […] il-parteċipazzjoni ta’ ġeneraturi li jużaw teknoloġiji differenti u ta’ operaturi li joffru miżuri bi prestazzjoni teknika ekwivalenti, pereżempju ġestjoni mil-lat tat-domanda, l-interkonnetturi u l-ħażna”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-atturi differenti “[tista’ tkun ristretta] biss fuq il-bażi ta’ prestazzjoni teknika insuffiċjenti meħtieġa biex tindirizza l-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni”.

D. Fuq id-deċiżjoni kkontestata

28

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE li l-miżura inkwistjoni kienet għajnuna mill-Istat (il-premessi 109 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

29

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni indikat li bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.9 tal-Linji Gwida, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

30

Taħt il-punt 3.3.1 “Għan ta’ interess komuni u ħtieġa tal-għajnuna” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistabbilixxi dan li ġej:

“(118)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għan ta’ interess komuni u li hija neċessarja skont il-punti 3.9.1 u 3.9.2 tal-Linji Gwida […].

(119)

L-ewwel nett, ir-Renju Unit stabbilixxa metodu sabiex tiġi identifikata l-problema ta’ adegwatezza. Ix-xogħol tal-ħolqien ta’ mudell imwettaq mir-Renju Unit juri li l-“enduring reliability adequacy standard” – l-indikatur magħżul sabiex tiġi mkejjla l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni – seta’ jilħaq livelli kritiċi sa mill-2018 – 2019. Ir-riżultati huma globalment konformi ma’ dawk ippubblikati minn ENTSO-E [European Network of Transmission System Operators for Electricity, Réseau européen des gestionnaires de réseau de transport d’électricité (Network Ewropew ta’ Operaturi tan-Network tat-Trażmissjoni ta’ Elettriku] fl-aħħar rapport tiegħu. […]

(120)

Ir-rapport dwar il-kapaċità ta’ National Grid ġie eżaminat minn grupp ta’ esperti tekniċi indipendenti (iktar ’il quddiem il-“PTE”) innominat mid-Department of Energy and Climate Change [il-Ministeru tal-Enerġija u tal-Kambjament Klimatiku tar-Renju Unit]. Fit-30 ta’ Ġunju 2014, il-Ministeru tal-Enerġija u tal-Kambjament Klimatiku ppubblika rapport tal-PTE f’dak li jikkonċerna l-analiżi li ssostni r-rakkomandazzjonijiet ta’ National Grid dwar l-ammont ta’ kapaċità meħtieġa għall-ewwel irkant. Il-PTE kkonkluda li x-xenarju ġenerali u l-approċċ immodellizzat adottati minn National Grid kienu validi rigward il-prinċipji u li National Grid kienet fittxet li tieħu inkunsiderazzjoni elementi insostenn u l-opinjonijiet tal-persuni kkonċernati. Madankollu, jeżisti qbil fi ħdan il-PTE sabiex jingħad li National Grid kellha tendenza tadotta viżjoni wisq konservattiva f’dak li jikkonċerna ċerti ipoteżi fundamentali, b’mod partikolari l-interkonnessjoni, u b’hekk ħolqot stima ikbar tal-kwantità ta’ kapaċità meħtieġa. Il-PTE osserva wkoll li ipoteżi inqas konservattivi kienu jkunu biżżejjed sabiex ma jkunx hemm għalfejn jinħolqu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda.

(121)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li kienu ħadu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet ta’ National Grid kif ukoll ir-rapport tal-PTE u kienu eżaminaw bir-reqqa d-differenzi fl-analiżi rispettivi tagħhom. […] Fid-dawl tal-provi ppreżentati, il-Gvern tar-Renju Unit iddeċieda li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet ta’ National Grid, inkwantu “system operator”.

(122)

F’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tat-talba, ir-Renju Unit indika li ż-żamma tal-ewwel żewġ irkant f’Diċembru 2014 hija fundamentali għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni tat-talba u dwar il-potenzjal tagħha. B’risposta għar-rapport tal-PTE, National Grid issuġġeriet proġett komuni mal-Energy Networks Association [l-Assoċjazzjoni tan-Networks tal-Enerġija] (inkluż id-Distribution Network Operators) [l-Operaturi tan-Networks ta’ Distribuzzjoni] sabiex tinftiehem il-kapaċità attwali u l-kapaċità potenzjali li setgħet tiprovdi l-ġestjoni tat-talba. Barra minn hekk, ir-Renju Unit elabora dispożizzjonijiet relatati mal-irkant tranżitorju sabiex tiġi sostnuta ż-żieda fil-ġestjoni tat-talba mill-2015 sal-2016, kif ukoll proġett pilota ta’ GBP 20 miljun fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika [il-pilota tat-Tnaqqis tat-Talba tal-Elettriku]. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit spjega li kien ser jeżamina d-data li tirriżulta mill-ewwel irkant u li kien ser jiżgura ruħu li l-kurvi tat-talba jkunu aġġustati b’mod xieraq, li huwa meħud inkunsiderazzjoni fil-proċess Future Energy Scenario ta’ National Grid għar-rapporti dwar il-kapaċità elettrika intiża għall-irkant fil-futur.

[…]

(124)

Il-Kummissjoni evalwat l-inizzjattivi meħuda mir-Renju Unit sabiex jirrispondi għar-rapport tal-PTE u qieset li ċertu tħassib identifikat mill-PTE kien serju, b’mod partikolari l-istimi wisq prudenti skont liema l-interkonnessjoni għandha kontribuzzjoni netta ta’ żero matul il-perijodi ta’ tensjoni fuq in-network. […]

(125)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li [l-obbligi meħuda mir-Renju Unit] huma suffiċjenti sabiex tingħata risposta għat-tħassib metodoloġiku li kien jeżisti fir-rigward tal-kontribuzzjoni tal-interkonnessjoni u tal-istima tagħha.

[…]

(128)

Ir-raba’ nett, il-miżura nnotifikata jista’ jkollha bħala riżultat li ssostni l-produzzjoni minn kombustibbli fossili. Madankollu, kif indikat fil-premessi (88) sa (94), ir-Renju Unit jikkunsidra jew jimplementa miżuri supplementari sabiex jirrimedja għan-nuqqasijiet tas-suq identifikati. Dawn il-miżuri huma intiżi sabiex tiġi mħeġġa l-ġestjoni tat-talba, sabiex jiġu rreformati il-“cash-out arrangements” u sabiex jiġi promoss livell iktar għoli ta’ interkonnessjoni. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri alternattivi għandhom għalhekk iwasslu għal tnaqqis tal-kapaċitajiet mitluba minħabba l-miżura nnotifikata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-Renju Unit ippropona miżuri ad hoc sabiex isostni l-produzzjoni b’emissjoni ta’ karbonju dgħajfa (pereżempju il-“Contracts for Differences”) u adotta regoli ta’ rendiment stretti fil-qasam tal-emissjonijiet. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit esplora b’mod suffiċjenti l-mezzi sabiex jattenwa l-effetti negattivi li l-miżura nnotifikata jista’ jkollha fuq l-għan tal-eliminazzjoni progressiva tas-sussidji li joħolqu dannu fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni annwali tieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ produzzjoni, il-kontribuzzjoni tal-interkonnetturi u hija miftuħa għat-tipi kollha ta’ fornituri ta’ kapaċitajiet, inkluż l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

(129)

F’dak li jikkonċerna l-ittra mibgħuta mill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, il-Kummissjoni taqbel mal-opinjoni tar-Renju Unit li kuntratti ta’ kapaċità ta’ ħmistax –il sena jistgħu jkunu ġġustifikati għaċ-ċentrali l-ġodda filwaqt li ċ-ċentrali eżistenti u l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, fid-dawl tal-bżonn minimu tagħhom ta’ kapital (li jindika importanza minima li jiġi żgurat finanzjament), ma jibbenefikawx b’mod sinjifikattiv minn kuntratti għal żmien twil […]. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li kuntratti iktar qosra jpoġġu fi żvantaġġ ċar iċ-ċentrali eżistenti u l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba meta mqabbla maċ-ċentrali l-ġodda. Il-miżura hija newtrali fuq il-livell teknoloġiku u għalhekk ma ssaħħaħx il-pożizzjoni tal-produtturi li jużaw kombustibbli fossili. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż iservi ta’ inċentiv sabiex titnaqqas it-talba matul perijodi tal-ikbar bżonn, filwaqt li tkun prevedibbli għall-fornituri ta’ elettriku”.

31

Taħt il-punt 3.3.2 “Natura xierqa tal-għajnuna” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni dan li ġej:

“(130)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija xierqa, kif meħtieġ mill-punt 3.9.3 tal-Linji Gwida. […]

(131)

L-ewwel nett, il-miżura tirrispondi għan-nuqqasijiet tas-suq identifikati, kif indikati fit-Tabella 1. Barra minn hekk, il-miżura nħolqot sabiex jiġu sostnuti u kompluti l-iżviluppi għaddejjin fuq is-suq u sabiex tkun koerenti mas-suq intern tal-enerġija u l-politika dwar l-enerġija tal-Unjoni Ewropea: jiġifieri l-iżvilupp ta’ ġestjoni attiva tat-talba, żieda tal-kompetizzjoni u tal-investiment fil-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni. […]

Is-suq tal-kapaċità ser jgħin l-iżvilupp ta’ ġestjoni attiva tat-talba. Ir-riżorsi ta’ ġestjoni tat-talba jistgħu jirċievu pagamenti ta’ kapaċità u ser ikun hemm miżuri speċifiċi biex jgħinu l-kapaċità ta’ din l-industrija, li għadha fil-bidu tagħha, biex tiżviluppa. Is-suq ta’ kapaċità għandu jsostni l-likwidità u l-kompetizzjoni (kemm fuq is-suq tal-kapaċità kif ukoll fuq is-suq tal-elettriku).

[…]

(134)

It-tielet nett, il-miżura hija miftuħa għall-produtturi eżistenti u ġodda, għall-operaturi ta’ ħażna u għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Il-proċess ta’ tqegħid għall-irkant inħoloq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi termini ta’ eżekuzzjoni neċessarji sabiex il-kapaċità ssir disponibbli. Il-fornituri ta’ kapaċità jistgħu jagħmlu offerta għal termini ta’ eżekuzzjoni ta’ sena jew ta’ erba’ snin, li għandu jirrispondi għall-bżonnijiet ta’ ċentrali ġodda u għal dawk tar-rinnovazzjoni taċ-ċentrali eżistenti.

[…]

(140)

F’dak li jikkonċerna l-ittra mibgħuta mill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, il-Kummissjoni tosserva li l-esklużjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba li għandhom kuntratt ta’ kapaċità għal skema fit-tul milli jipparteċipaw fl-irkant tranżitorju hija intiża fil-fatt sabiex tippromwovi l-iżvilupp tas-settur tal-ġestjoni tat-talba. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan intiż mill-miżura, il-Kummissjoni tikkunsidra ġġustifikata l-assenza ta’ ħlas supplementari għall-ekonomija li ssir fil-qasam ta’ telf fit-trasport u fid-distribuzzjoni tal-elettriku grazzi għall-ġestjoni tat-talba.”

32

Fuq il-punt 3.3.5 “Limitazzjoni tal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq l-iskambji” tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li ġej:

“(149)

[…] Il-miżura hija miftuħa għall-produtturi kollha, għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u għall-operaturi ta’ ħażna eżistenti u ġodda suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà elenkati fil-premessi (15) sa (18). […]”

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2014, Tempus ippreżentat dan ir-rikors.

34

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2015, ir-Renju Unit talab li jintervjeni f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2015, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Ir-Renju Unit ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din tal-aħħar fit-termini mogħtija.

35

Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ieħor fis-27 ta’ April 2016.

36

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

37

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-20 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi n-notifika tal-miżura inkwistjoni li kienet intbagħtitilha mir-Renju Unit.

38

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni bagħtet lill-Qorti Ġenerali verżjoni mhux kunfidenzjali tan-notifika li kien bagħtilha r-Renju Unit. Hija ssostni li n-notifika inkwistjoni kienet dokument kunfidenzjali, protett mill-Artikolu 339 TFUE li ma setax jingħata lil Tempus. Hija ddikjarat li ma kinitx f’pożizzjoni li tibgħat dan id-dokument lill-Qorti Ġenerali abbażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni sostniet li, jekk il-Qorti Ġenerali tordnalha li tipproduċi dan id-dokument abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, hija tikkonforma ruħha immedjatament ma’ tali miżura istruttorja.

39

Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Marzu 2017 dwar miżura istruttorja relatata mal-produzzjoni ta’ dokumenti, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(1) u tal-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura n-notifika tal-miżura inkwistjoni li kien bagħtilha r-Renju Unit. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fis-16 ta’ Marzu 2017.

40

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-3 ta’ April 2017, il-Qorti Ġenerali indikat lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit l-intenzjoni tagħha li tinfilza fil-proċess diversi estratti tan-notifika. Il-Qorti Ġenerali stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward l-iżvelar tal-imsemmija estratti. Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, rispettivament ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-iżvelar ta’ dawn l-estratti fid-19 ta’ April 2017 u fl-24 ta’ April 2017.

41

Fil-5 ta’ Mejju 2017, ċerti estratti tan-notifika, iġġudikati rilevanti u mhux kunfidenzjali, ġew infilzati fil-proċess u mibgħuta lil Tempus (iktar ’il quddiem in-“notifika”).

42

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-5 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet kollha jirrispondu għal diversi domandi. Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet dwar ċerti paragrafi tal-Linji gwida u dwar ċerti kunċetti inklużi fihom. Il-partijiet ġew mistoqsija b’mod partikolari dwar l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-ġestjoni tat-talba u l-evoluzzjonijiet teknoloġiċi potenzjali tagħha fid-dawl tas-sigurtà tal-provvista fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreċiża l-pożizzjoni tagħha dwar ċerti affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u l-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta wettqet l-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali stiednet lil Tempus tikkummenta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-kontroreplika, fir-rigward tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni ġiet mistiedna wkoll tindika l-elementi li fuqhom ibbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u Tempus ġiet mistiedna tindika liema kienu l-provi ta’ dawn il-bżonnijiet ta’ finanzjament pprovduti lir-Renju Unit u lill-Kummissjoni.

43

Fit-22 ta’ Mejju 2017, il-partijiet irrispondew għal din il-miżura.

44

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju u fid-9 ta’ Ġunju 2017, Tempus għamlet l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport tas-seduta.

45

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2017, Tempus, f’isem l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, talbet lill-Qorti Ġenerali terġa’ teżamina l-Anness B tan-notifika, li fuqu kienu bbażaw rwieħhom il-Kummissjoni u r-Renju Unit fir-risposta tagħhom għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-5 ta’ Mejju 2017, u li tiddetermina jekk kellhomx jinbagħtulha partijiet oħra ta’ dan l-anness li kienu għadhom ma ġewx żvelati.

46

Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Lulju 2017 dwar miżura istruttorja relatata mal-produzzjoni ta’ dokumenti, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(1) u tal-Artikolu 103(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi l-imsemmi Anness B tan-notifika. Il-Kummissjoni wieġbet għal din id-domanda fl-4 ta’ Lulju 2017. Fis-6 ta’ Lulju 2017, dan l-anness, iġġudikat rilevanti u mhux kunfidenzjali mill-Qorti Ġenerali, ġie infilzat fil-proċess u kkomunikat lil Tempus.

47

Tempus titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

tikkundanna lil Tempus għall-ispejjeż.

49

Ir-Renju Unit isostni t-talbiet tal-Kummissjoni u jitlob iċ-ċaħda tar-rikors.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

50

Il-Kummissjoni tfakkar, fir-risposta tagħha, li, sabiex ikun ammissibbli, ir-rikors ta’ parti kkonċernata għandu jkun intiż sabiex jiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Għaldaqstant l-argumenti ta’ Tempus dwar l-ewwel motiv għandhom jiġu kkunsidrati biss sa fejn dawn huma intiżi effettivament sabiex juru li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha tegħleb id-dubji li hija kellha taffaċċja fil-fażi tal-eżami preliminari u li dan affettwa d-drittijiet proċedurali tagħha.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex intiż biex jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors fl-intier tiegħu, iżda biss il-parti tar-rikors li ma tikkonċernax id-difiża tad-drittijiet proċedurali ta’ Tempus. Matul is-seduta, fil-fatt, il-Kummissjoni ammettiet li l-partijiet kienu jaqblu li Tempus kellha d-dritt tiddefendi d-drittijiet proċedurali tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx l-argumenti li, skont hi, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba li ma humiex relatati mad-drittijiet proċedurali ta’ Tempus.

52

Fid-dawl ta’ dan, l-argument tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’.

B. Fuq il-mertu

53

Bħala parti kkonċernata u sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, Tempus tippreżenta żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll diversi regoli ta’ dritt oħra u, t-tieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

1.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll evalwazzjoni żbaljata tal-fatti

a)   Osservazzjonijiet preliminari

54

Kif isostnu r-Renju Unit fin-notifika u l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-eġerġija elettrika disponibbli f’dan l-Istat Membru kienet qiegħda tirriskja f’futur qarib li ma tkunx suffiċjenti sabiex tissodisfa l-perijodi tal-ikbar talba. L-installazzjonijiet ta’ produzzjoni l-iktar antiki kienu ser jagħlqu fi ftit żmien u s-suq tal-elettriku kien qiegħed jirriskja li ma joħloqx biżżejjed inċentivi sabiex il-produtturi jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni sabiex jikkompensaw għal dan l-għeluq. Is-suq tal-elettriku lanqas ma kien joffri inċentivi biżżejjed għall-konsumaturi sabiex inaqqsu t-talba tagħhom sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni. Sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista, ir-Renju Unit qies għalhekk li kien neċessarju li jinħoloq suq tal-kapaċità.

55

L-għan essenzjali ta’ dan is-suq tal-kapaċità huwa li jħeġġeġ lill-fornituri ta’ kapaċità, jiġifieri, fil-prinċipju, kemm il-produtturi tal-elettriku (iċ-ċentrali elettriċi, inkluż iċ-ċentrali li jużaw kombustibbli fossili) kif ukoll l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba, li jipproponu li jibdlu l-ħin tal-konsum jew inaqqsu l-konsum, li jieħdu inkunsiderazzjoni diffikultajiet suxxettiblli li jinqalgħu matul il-perijodi tal-ikbar talba. Għalhekk, anki jekk jintervjenu f’livelli differenti – l-offerta għall-produzzjoni, it-talba għall-konsum – il-produtturi u l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jikkostitwixxu elementi indispensabbli fl-istruttura u fil-mod ta’ funzjonament tas-suq ta’ kapaċità ppjanat mir-Renju Unit.

56

Skont Tempus, madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra, wara eżami preliminari u fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonstesta, li s-suq tal-kapaċità ppjanat ma kienx joħloq dubji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq intern. Tempus hawnhekk tenfasizza, bħala operatur tal-ġestjoni tat-talba, seba’ aspetti tas-suq tal-kapaċità li joħloq daqstant dubji fis-sens mogħti lil dan il-kunċett mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Essenzjalment, hija ssostni li s-suq tal-kapaċità jipprivileġġa l-produzzjoni fuq il-ġestjoni tat-talba b’mod diskriminatorju u sproporzjonat li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema ta’ għajnuna u jiġu ssodisfatti r-regoli tal-Unjoni Ewropea applikabbli.

b)   Fuq il-kunċett ta’ dubji u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ jew ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

57

Kif jirriżulta mill-Artikolu 108(3) TFUE jekk il-Kummissjoni tqis, wara li tiġi informata bi proġett intiż sabiex jipprovdi għajnuna, li dan il-proġett ma huwiex kompatibbli mas-suq intern, hija għandha tiftaħ mingħajr dewmien il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Abbażi tal-proċedura prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni għalhekk għandha l-obbligu li tintima lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

58

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jindika f’dan ir-rigward li, sakemm il-proġett innotifikat mill-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi effettivament għajnuna, hija l-eżistenza jew l-assenza ta’ “dubji” dwar il-kompatibbiltà ta’ dan il-proġett mas-suq intern li tippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ jew ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fi tmiem l-eżami preliminari tagħha, fit-termini segwenti:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċeviha. […]

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [107](1) [TFUE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq [intern] ([id-] ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq [intern] ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skont l-Artikolu [108](2) [TFUE] ([id-]‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’)”.

59

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 jelenka, min-naħa tiegħu, il-metodu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali:

“1.   Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq [intern]. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar.[…]

2.   Il-kummenti riċevuti għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat.[…]”.

60

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għanjuna mill-Istat għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ eżami tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE u rregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li għandha l-uniku għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE u rregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, EU:C:2008:224, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Il-Kummissjoni tista’ tieqaf mal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna jekk hija tkun f’pożizzjoni li tkun konvinta, wara l-ewwel eżami, li l-proġett ikkonċernat huwa kompatibbli mat-Trattat. Madankollu, jekk dan l-ewwel eżami jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ukoll ma ppermettiex li jiġu solvuti d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, EU:C:2008:224, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “dubji” rigward il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern, imsemmi fl-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999, il-ġurisprudenza stabbilixxiet tliet rekwiżiti sabiex jirregolaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

63

L-ewwel nett, dan il-kunċett għandu natura esklużiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interess ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali jew kwalunkwe raġuni oħra ta’ inklinazzjoni amministrattiva jew politika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T-388/03, EU:T:2009:30, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 78).

64

It-tieni nett, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni ma jirnexxilhiex telimina kull dubju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija għandha l-obbligu li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan ir-rigward hija ma għandha l-ebda diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

It-tielet nett, il-kunċett ta’ dubji msemmi fl-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999 għandu natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ dubji bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti Ġenerali twettaq dwar l-eżistenza ta’ dubji, min-natura tiegħu, imur lil hinn mill-verifika ta’ jekk hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, EU:C:2009:223, punt 63, u tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T-304/08, EU:T:2012:351, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

F’dan il-kuntest, għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti mressqa minn Tempus sabiex tistabbilixxi li, wara eżami preliminari, il-miżura nnotifikata tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999, li kellu jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Tali eżami huwa iktar u iktar importanti għal Tempus għaliex dawn l-argumenti jikkorrispondu essenzjalment għal dawk li setgħet tressaq bħala parti kkonċernata billi tuża d-drittijiet proċedurali tagħha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE kieku din il-proċedura kienet infetħet, drittijiet proċedurali li hija f’dan il-każ, issostni li nkisrulha.

67

Għal dan il-għan, Tempus għandha l-oneru tal-prova li tista’ tipproduċi minn serje ta’ indizji konkordanti, relatati, minn naħa, maċ-ċirkustanzi u mat-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T-388/03, EU:T:2009:30, punt 93). B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolment Nru 659/1999 (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, bħala parti kkonċernata, Tempus ma għandha la setgħa ta’ investigazzjoni u lanqas, fil-prinċipju, kapaċitajiet ta’ investigazzjoni paragunabbli ma’ dawk li għandha l-Kummissjoni, skont il-bżonn billi titlob l-għajnuna tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex twettaq l-eżami tagħha tal-miżura nnotifikata.

68

Għaldaqstant, f’dan il-każ u kif jirriżulta mill-punti 79 sa 82 iktar ’il quddiem, fi stadju tal-proċedura fejn il-partijiet ikkonċernati għadhom ma ġewx intimati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa biżżejjed li Tempus tesponi r-raġunijiet għalfejn hija tqis, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern. Hija għalhekk ma għandhiex tippreżenta l-elementi kollha ta’ natura li jistabbilixxu l-inkompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħmel eżami suffiċjenti fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma għandhiex tillimita l-analiżi tagħha għall-elementi li jinsabu fin-notifika tal-miżura inkwistjoni. Hija tista’, u skont il-każ għandha tfittex l-informazzjoni rilevanti, sabiex ikollha, meta tadotta d-deċiżjoni kkontestata, elementi ta’ evalwazzjoni li jistgħu raġonevolment jiġu kkunsidrati li huma suffiċjenti u ċari għall-bżonnijiet tal-evalwazzjoni tagħha. Bħala eżempju, diġà ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet wettqet eżami “attiv u bir-reqqa” tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna meta kienet qajmet dubji dwar il-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il-Kummissjoni, T-388/02, mhux ippubblikata, EU:T:2008:556, punt 127) filwaqt li ġie kkunsidrat li dan l-eżami kien “insuffiċjenti” meta ma kinitx kisbet informazzjoni li kienet tippermettilha li tevalwa miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T-388/03, EU:T:2009:30, punti 109 u 110).

70

Għalhekk, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa biżżejjed li Tempus turi li l-Kummissjoni ma fittxitx u ma eżaminatx, b’mod diliġenti u imparzjali, l-elementi kollha rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi jew li ma ħadithomx debitament inkunsiderazzjoni, b’mod li telimina kwalunkwe dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern.

71

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha meta hija adottat din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, EU:C:2008:224, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni “seta’ jkollha” jinkludu dawk li jidhru rilevanti għall-evalwazzjoni li din l-istituzzjoni kellha twettaq skont l-Artikolu 108(2) u (3) TFUE u l-Artikolu 4(3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999.

72

Sabiex turi l-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, Tempus tista’ tinvoka l-informazzjoni kollha rilevanti li kellha jew setgħa kellha l-Kummissjoni fid-data meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità li l-Qorti Ġenerali hija mitluba twettaq f’dan ir-rigward, din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ informazzjoni kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-evalwazzjoni magħmula fiha mill-Kummissjoni.

73

F’dan il-każ, għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-provi prodotti minn Tempus quddiem il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kinux ta’ natura li jqajmu dubji rigward il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-miżura nnotifikata mas-suq intern, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun obbligata tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ħsara għall-eżerċizzju ulterjuri minn din l-istituzzjoni tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern wara l-ftuħ tal-imsemmija proċedura.

c)   Fuq it-tul tad-diskussjonijiet bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni u ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

74

Tempus tenfasizza l-importanza tal-kwistjonijiet li l-Kummissjoni kienet iffaċċjata bihom f’din it-tilwima, li kienet l-ewwel proċedura ta’ eżami relatata ma’ suq tal-kapaċità u l-applikazzjoni tal-Linji Gwida. F’dan il-każ, it-tul tad-diskussjonijiet bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, qabel in-notifika, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet u jikkostitwixxi indizju dwar l-eżistenza ta’ dubji. Tempus tosserva wkoll li huwa paradossali li l-Kummissjoni tikkunsidra, minn naħa, li ma huwiex neċessarju li tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq l-ewwel suq tal-kapaċità nnotifikat u, min-naħa l-oħra, li sussegwentement għandha ssir dwar dan is-suġġett l-ewwel investigazzjoni settorjali qatt miftuħa fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, sabiex “jinftiehmu aħjar dawn il-miżuri u tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni” u jintlaħqu “l-partijiet kkonċernati li ma jinstemgħux fil-kuntest tal-proċeduri ordinarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat” [ara, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2814 finali tad-29 ta’ April 2015, li tiftaħ investigazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità fis-settur tal-enerġija b’applikazzjoni tal-Artikolu 20a tar-Regolament Nru 659/1999, u l-istqarrija għall-istampa korrispondenti].

75

Il-Kummissjoni twieġeb li, fl-assenza ta’ lment, hija biss id-data tan-notifika li tgħodd sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tul tal-proċedura preliminari ta’ eżami hijiex ta’ natura li tiżvela dubji. Issa, peress li din il-proċedura damet inqas minn xahrejn, ma hijiex ta’ natura li turi l-eżistenza ta’ dubji, iżda tirrifletti pjuttost l-assenza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, peress li s-suq tal-kapaċità ġie maħluq fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika nazzjonali li ntemmet ftit qabel in-notifika, l-iskambji li r-Renju Unit seta’ kellu mal-Kummissjoni matul il-prenotifika huma neċessarjament irrelevanti sabiex ikun magħruf jekk il-Kummissjoni setax ikollha dubji dwar il-miżura finalment innotifikata. Rigward il-paradoss invokat minn Tempus, il-Kummissjoni ssostni li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija evalwata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli fil-mument meta hija tiddeċiedi mingħajr ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal “effett psikoloġiku”, deċiżjonijiet adottati sussegwentement. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni ulterjuri li tinfetaħ investigazzjoni settorjali dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju Unit kellha l-għan li “tifhem aħjar l-eżistenza u l-funzjonament [ta’ dawn] il-mekkaniżmi”. F’dak li jikkonċerna s-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit, tali ftehim diġà kien inkiseb wara l-eżami individwali tagħha tal-miżura nnotifikata.

76

Min-naħa tiegħu, ir-Renju Unit isostni li t-tul tad-diskussjoni li tippreċedi n-notifika ma huwiex ta’ natura li jiżvela l-eżistenza ta’ dubji.

77

Skont l-Artikolu 108(3) TFUE “[il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna”. Dan l-obbligu ta’ notifika jippermetti lill-Kummissjoni teżerċita l-istħarriġ preliminari tagħha fuq kull proġett ta’ għajnuna. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999, “[i]l-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha”. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 jippreċiża wkoll li l-Kummissjoni għandha terminu ta’ “xahrejn”, li “jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta”, sabiex tieħu deċiżjoni għall-eżami preliminari tan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE, sabiex, skont il-każ, tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE jekk il-miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

78

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-portata tal-kamp ta’ investigazzjoni kopert mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni preliminari kif ukoll il-kumplessità tal-proċess ikkunsidrat jistgħu jindikaw li l-proċedura inkwistjoni eċċediet sewwa dak li normalment jimplika eżami preliminari mwettaq fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE. Dan il-fatt jikkostitwixxi indizju li jipprova l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T-137/10, EU:T:2012:584, punt 285 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura nnotifikata hija sinjifikattiva, kumplessa u ġdida.

80

Fil-fatt, l-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni awtorizzat l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna pluriannwali għal perijodu ta’ għaxar snin (ara l-premessi 6 u 162 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammonti kkonċernati minn din l-iskema huma partikolarment kbar sa fejn imorru bejn GBP 0.9 biljun u 2.6 biljun fis-sena (ara l-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri bejn GBP 8.1 u 23.4 biljun fuq perijodu ta’ għaxar snin, kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni matul is-seduta. Għalhekk, għall-2018-2019, l-ewwel sena ta’ kunsinna affettwata mis-suq tal-kapaċità, ir-Renju Unit kien wera l-intenzjoni tiegħu li jpoġġi għall-irkant kapaċità totali ta’ 53.3 gigawatts (GW).

81

It-tieni nett, kemm id-definizzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna huma kumplessi. L-ipoteżi esposti sabiex tiġi ġġustifikata l-eżistenza tagħhom huma ħafna u bbażati fuq probabbiltajiet (ara l-premessi 79 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Diversi kategoriji ta’ operaturi huma kkonċernati skont modalitajiet li jistgħu jvarjaw minn kategorija għall-oħra u li jeħtieġ li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà (ara l-premessi 15 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma ddefiniti diversi mekkaniżmi ta’ rkant u dawn isiru f’diversi passi (ara, b’mod partikolari l-premessi 28 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-miżura tista’ tipproduċi effetti sinjifikattivi u fit-tul, potenzjalment li jmorru ħafna iktar lil hinn mill-perijodu ta’ għaxar snin li ġiet awtorizzata għalih, peress li tippermetti lil ċerti fornituri ta’ kapaċità li jikkonkludu kuntratt ta’ tul li jmur sa ħmistax–il sena ma’ kull irkant T‑4 annwali (ara l-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, dawn l-effetti jikkonċernaw, kemm direttament kif ukoll indirettament u għal żmien twil, il-produtturi eżistenti u ġodda kif ukoll l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba.

82

It-tielet nett, kif issostni Tempus u kif espona l-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni meta rreżuma fl-istqarrija għall-istampa l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni qiegħda tevalwa suq tal-kapaċità fid-dawl tal-Linji Gwida. Il-miżura inkwistjoni hija għalhekk ġdida kemm għal dak li jikkonċerna s-suġġett tagħha kif ukoll l-implikazzjonijiet tagħha għall-futur.

83

Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat – bħalma għamlet Tempus u sempliċement sabiex tiġi enfasizzata l-kumplessità u n-novità tal-kwistjonijiet li kellha taffaċċja l-Kummissjoni f’dan il-każ – kemm il-ftuħ ta’ investigazzjoni settorjali li tikkonċerna s-swieq ta’ kapaċità kif ukoll il-ftuħ, sussegwentement, f’ċerti każijiet u għal raġunijiet speċifiċi ta’ kull każ, ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar is-swieq ta’ kapaċità ppjanati minn Stati Membri oħra. Peress li tali avvenimenti huma kollha posterjuri fil-mument fejn il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, ma jistax ikollhom relevanza fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

84

F’dan il-każ, madankollu, fit-23 ta’ Lulju 2014, wara eżami preliminari ta’ xahar, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura nnotifikata mir-Renju Unit fit-23 ta’ Ġunju 2014 ma kinitx tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u li setgħet tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Id-diversi fornituri ta’ kapaċità ma ġewx mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet matul din il-proċedura, peress li l-Kummissjoni qieset li dan ma kienx neċessarju.

85

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-fatt li l-eżami preliminari dam biss xahar ma jippermettix madankollu li jiġi kkunsidrat li dan huwa indizju probatorju sabiex jiġi konkluż li ma hemmx dubji fi tmiem l-ewwel eżami tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, kif tesponi Tempus, huwa wkoll importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul u l-kontenut tal-kuntatti li seħħew bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni qabel in-notifika tal-miżura. Għalkemm tali kuntatti ma humiex ġodda, iżda huma pjuttost imħeġġa mill-Kummissjoni, madankollu għandhom f’dan il-każ karatteristiċi li jenfasizzaw il-kumplessità u n-novità tal-miżura inkwistjoni.

86

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-fażi ta’ prenotifika, riżultat tal-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fit-tmexxija ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, ġiet ifformalizzata fil-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, adottat mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, C 136, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Aħjar Prattika”). Anki jekk, kif stabbilit fil-fatt fil-paragrafu 8 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, dan ma jibdel ebda dritt jew obbligu stabbilit fit-Trattat FUE u d-diversi regolamenti li jirregolaw il-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat, dan il-kodiċi jippermetti li jiġu ppreċiżati l-għan, it-tul u l-modalità ta’ tali kuntatti informali.

87

Għalhekk, skont il-paragrafu 10 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, il-fażi ta’ prenotifika tippermetti lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat li jeżaminaw flimkien, b’mod informali, l-aspetti legali u ekonomiċi ta’ pjan ta’ għajnuna qabel in-notifika tiegħu, sabiex titjieb il-kwalità tal-għajnuna u sabiex din tkun eżawrjenti. Din il-fażi tiftaħ għalhekk it-triq għal trattament iktar mgħaġġel tan-notifiki, ladarba dawn jiġu ppreżentati formalment lill-Kummissjoni.

88

Kif jirreleva l-Kodiċi tal-Aħjar Prattika, il-fażi ta’ prenotifika għandha l-għan li tiffaċilita n-notifika tal-proġett ippjanat, u dan sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tipproċedi bl-aħjar mod, sa minn meta tirċievi din in-notifika, fl-eżami preliminari tagħha. Fil-fatt, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 659/1999, in-notifika għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 4 (deċiżjonijiet dwar l-eżami preliminari tan-notifika) u l-Artikolu 7 (deċiżjonijiet li tingħalaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali) ta’ dan ir-regolament.

89

L-għan essenzjali tal-fażi ta’ prenotifika jikkonsisti għalhekk f’li jitnaqqas ir-riskju li n-notifika tista’ tkun ikkunsidrata bħala mhux kompleta, li jtawwal il-proċedura ta’ eżami tal-proġett innotifikat. Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha li jkollha bżonn matul il-fażi tal-eżami preliminari jekk tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta ma hijiex kompleta.

90

Min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ prenotifika ma għandhiex l-għan, speċjalment meta jkun każ partikolarment ġdid jew kumpless, li tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern. Il-Kummissjoni tindika fil-fatt fil-paragrafu 16 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika li, f’tali każ, is-servizzi tagħha ma jipprovdux fil-prinċipju, fit-tmiem tal-fażi ta’ prenotifika, “valutazzjoni preliminari informali” dwar il-konformità tal-proġett ta’ notifika u l-kompatibbiltà, prima facie tal-proġett ippjanar mas-suq intern. Fi kwalunkwe każ, tali indikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni matul il-kuntatti informali u preliminari li jsiru fl-okkażjoni tal-fażi ta’ prenotifika ma tistax tiġi kkunsidrata bħala teħid ta’ pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni adottata matul l-eżami tan-notifika.

91

Fil-fatt, kif espost fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa biss minn meta tirċievi n-notifika li l-Kummissjoni tgħaddi għall-eżami tagħha. Affermazzjoni preċedenti magħmula dwar in-natura ftit jew wisq kompleta tan-notifika tal-proġett ippjanat fid-dawl tar-regoli applikabbli ma tistax għalhekk titqabbel ma’ evalwazzjoni li ssir fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat previsti mit-Trattat FUE u mir-Regolament Nru 659/1999. Il-Kummissjoni ma tistax tħallat il-fażi, eventwalment preliminari, tan-notifika, ma’ dik tal-eżami tagħha, preliminari inizjalment u, skont il-każ, formali sussegwentement, jekk ikun neċessarju li tiġbor l-informazzjoni kollha li jkollha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna u tiġbor, għal dan il-għan, l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

92

F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, min-notifika jirriżulta li l-fażi ta’ prenotifika, li tiġbor fiha l-kuntatti preliminari għan-notifika li jseħħu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, kienet sinjfikattivament iktar twila mill-perijodu ta’ xahrejn previst, bħala regola ġenerali, mill-Kodiċi tal-Aħjar Prattika.

93

Fil-fatt, ix-xogħlijiet tal-Gvern tar-Renju Unit għall-implimentazzjoni ta’ suq tal-kapaċità bdew sa mill-2010. Minn Diċembru 2012, jiġifieri 18-il xahar qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-eżami preliminari tan-notifika b’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni bil-kontenut tal-miżura ppjanata.

94

Fil-kuntest ta’ dawn il-kuntatti informali, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Renju Unit l-ewwel serje ta’ domandi dwar din il-miżura li r-Renju Unit irrisponda f’Lulju 2013.

95

Min-notifika jirriżulta wkoll li, fil-25 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Renju Unit it-tieni serje ta’ domandi. F’dawn is-47 domanda, il-Kummissjoni talbet b’mod partikolari lir-Renju Unit jipprovdi informazzjoni dwar ir-rwol tal-interkonnessjoni, dwar il-possibbiltà għall-ġestjoni tat-talba li tipparteċipa fis-suq tal-kapaċità jew dwar id-diversi tul ta’ kuntratti proposti lill-produtturi. Bħala eżempju, fid-domanda Nru 32, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jindika jekk l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kinux ser ikunu awtorizzati jipparteċipaw fis-suq tal-kapaċità u kif kienu ser jiġu trattati. Bl-istess mod, fid-domanda Nru 33, il-Kummissjoni xtaqet tkun taf sa fejn il-kapaċità interkonnessa kienet ser tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-31 ta’ Marzu 2014, ir-Renju Unit irrisponda għal dawn id-domandi u bagħat lill-Kummissjoni verżjoni aġġornata tal-miżura ppjanata.

96

Fis-17 ta’ Ġunju 2014, skont kif turi ittra tar-Renju Unit tas-27 ta’ Ġunju 2014 prodotta mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit “wara evalwazzjoni preliminari” – magħmula barra mill-kuntest formali previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-eżami preliminari jibda biss mid-data ta’ meta tiġi rċevuta n-notifika – li hija kienet tikkunsidra s-suq tal-kapaċità, prima facie, kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE fid-dawl tal-Linji Gwida.

97

Fis-17 ta’ Ġunju 2014 ukoll, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit it-tielet serje ta’ domandi dwar, b’mod partikolari, l-effett ta’ inċentiv tal-miżura ppjanata, fuq il-proporzjonalità tagħha u dwar possibbli diskriminazzjoni bejn fornituri ta’ kapaċità. Ir-Renju Unit irrisponda għal dawn id-domandi direttament fin-notifika, b’mod partikolari fl-Anness H tagħha, u pprovda sunt ta’ dawn ir-risposti fl-ittra ċċitata iktar ’il fuq tas-27 ta’ Ġunju 2014.

98

Issa, abbażi tal-Linji gwida (ara, b’mod partikolari, il-punti 3.9.4, 3.9.5 u 3.9.6), għandu jiġi rrilevat li d-domandi tal-effett ta’ inċentiv, tal-proporzjonalità u tal-eżistenza ta’ possibbli diskriminazzjoni jagħmlu parti minn elementi li għandhom neċessarjament jiġu evalwati fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna favur l-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, bħall-miżura inkwistjoni. Fi kliem ieħor, b’mod kontradittorju u filwaqt li tali “valutazzjoni preliminari informali” u mhux vinkolanti ma hijiex prevista fil-paragrafu 16 tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika fil-każijiet partikolarment ġodda u kumplessi, il-Kummissjoni kienet tikkunsidra diġà, f’dan l-istadju, anki qabel l-eżami preliminari tagħha skont ir-Regolament Nru 659/1999, li l-miżura ppjanata kienet prima facie kompatibbli mar-regoli applikabbli, filwaqt li ħasset il-bżonn li titlob b’mod parallel informazzjoni dwar punti fundamentali ta’ tali eżami.

99

Fit-tieni lok, parallellalment għad-diskussjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li seħħew bejn ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, ir-Renju Unit organizza, mill-10 ta’ Ottubru sal-24 ta’ Diċembru 2013, konsultazzjoni pubblika nazzjonali relatata mas-suq tal-kapaċità ppjanat. Din il-konsultazzjoni madankollu ma kinitx tikkunsidra l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Hija kienet sempliċement limitata sabiex tinvoka l-implimentazzjoni tal-miżura ppjanata.

100

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkunsidrat, kif jirriżulta xi kultant mill-argument ippreżentat mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, li tali konsultazzjoni nazzjonali tista’ titqabbel ma’ proċedura li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħalma seta’ jkun il-każ kieku l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru kkonċernat, li jagħti l-għajnuna, ma jistax jissostitwixxi l-Kummissjoni, li għandha, bħala gwardjan tat-Trattati u skont l-Artikolu 108 TFUE, teżamina l-proġetti kollha intiżi għall-għoti ta’ għajnuna. Hija l-Kummissjoni u mhux l-Istat Membru li għandha, skont il-każ u fil-kuntest tal-proċedura prevista għal dan il-għan, tiġbor l-informazzjoni kollha li għandha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna. Bl-istess mod, huwa lill-Kummissjoni u mhux lill-Istat li jagħti l-għajnuna li l-partijiet ikkonċernati għandhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom jekk iqisu li dan ikun neċessarju sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi b’konjizzjoni tal-kawża dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

101

Fit-tielet lok, anki jekk il-Kummissjoni tqis li ma rċevietx ilmenti (ara l-punt 75 iktar ’il fuq), min-notifika u mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li tliet tipi ta’ operatur xtaqu, fid-dawl tal-informazzjoni li kellhom fil-mument meta intervjenew, jagħmlu l-osservazzonijiet tagħhom direttament u volontarjament lill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

102

Għalhekk, fit-30 ta’ Mejju u fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ekwilibraġġ li jallegaw l-inkompatibbilta tal-għajnuna mal-Linji gwida (ara l-premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

103

Bl-istess mod, fid-9 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand il-UK Demand Response Association (UKDRA, Assoċjazzjoni ta’ ġestjoni tat-talba tar-Renju Unit) li kienu jallegaw ukoll li l-miżura ppjanata kienet kuntrarja għal-Linji Gwida. B’mod partikolari, l-UKDRA invokat id-diversi tul ta’ kuntratti tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u tal-produtturi, l-esklużjoni reċiproka bejn il-parteċipazzjoni għall-irkant tranżitorju u dik għall-irkant fit-tul, il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità u l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tal-ġestjoni tat-talba fuq l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. L-UKDRA indikat ukoll li, mill-konsultazzjoni nazzjonali li saret mir-Renju Unit, kienu seħħew modifiki sostanzjali għall-proġett ippjanat, sabiex b’mod partikolari tiġi sostnuta l-produzzjoni ta’ elettriku minn kombustibbli fossili (ara l-premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

104

Fl-aħħar nett, fil-25 ta’ Ġunju u fit-3 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni rċeviet ittri ta’ operatur li kien xtara ċentrali eżistenti. Dan l-operatur allega li d-differenzi fit-trattament bejn iċ-ċentrali eżistenti u ċ-ċentrali l-ġodda – fejn tal-ewwel setgħu jaċċedu biss b’mod partikolari għal kuntratti ta’ sena kuntrarjament għall-oħrajn – ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara l-premessi 98 sa 100 tad-deċiżjoni kkontestata).

105

L-osservazzjonijiet tar-Renju Unit b’risposta għal dawn l-interventi ġew ippreżentati lill-Kummissjoni fl-Anness I man-notifika. Ir-Renju Unit indika f’dan ir-rigward li kien qiegħed jirrispondi għall-allegazzjonijiet magħmula fiż-żewġ “ilmenti” li kienu miżjuda mill-Kummissjoni mat-tielet serje ta’ domandi magħmula fis-17 ta’ Ġunju 2014 (jiġifieri dawk ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2014 u d-9 ta’ Ġunju 2014) kif ukoll għall-allegazzjonijiet magħmula f’“ilment ieħor”, li, skont ir-Renju Unit, kien ser jintbagħat fi żmien qasir lill-Kummissjoni minn operatur li kien xtara ċentrali eżistenti(ara l-premessi 103 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Osservazzjonijiet tar-Renju Unit”). Barra minn hekk, f’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2014, mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-Renju Unit minn naħa, ippreżenta, fost l-elementi relatati mat-tul tal-kuntratti, mal-ġestjoni tan-network ta’ ħażna u man-nukleari, tabella li tirreżumi d-differenzi fit-trattament bejn fornituri ta’ kapaċità u, min-naħa l-oħra, fakkar li “għal kull ilment, in-notifika [kienet] tinkludi informazzjoni addizzjonali, prinċipalment fl-Anness I”.

106

Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tul tal-fażi tal-prenotifika kien sinjifikattivament itwal mill-perijodi ta’ xahrejn imsemmi, bħala regola ġenerali, mill-Kodiċi tal-Aħjar Prattika.

107

Huwa l-każ ukoll li l-miżura ppjanata mhux biss kienet tqajjem, sa mill-bidu, diversi diffikultajiet irrelevati mill-Kummissjoni fil-fażi ta’ prenotifika, iżda kienet ukoll tkompli tqajjem tali diffikultajiet fl-aħħar ta’ din il-fażi. Fil-fatt, wara iktar minn sena ta’ kuntatti informali, il-Kummissjoni staqsiet lir-Renju Unit dwar ir-rwol tal-interkonnessjoni, dwar l-istatut tal-ġestjoni tat-talba u dwar id-differenzi fit-trattament bejn produtturi. Bl-istess mod, mat-tmiem ta’ din il-proċedura informali, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit preċiżazzjonijiet dwar diversi punti invokati mil-Linji Gwida, li kienu jikkostitwixxu l-kuntest tal-analiżi tal-miżura ppjanata li kienet ser tidħol fis-seħħ.

108

Madankollu, f’dan l-istadju tal-proċedura, meta l-Kummissjoni kienet għadha kemm ser tibda l-eżami preliminari tan-notifika u li tliet tipi ta’ operatur differenti kienu intervjenew magħha sabiex jgħarrfuha bil-ħsibijiet tagħhom rigward il-kompatibbiltà tal-miżura ppjanata, hija kkunsidrat li ma kellhiex dubji u li għalhekk ma kienx neċessarju li titlob l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar id-diversi għażliet magħmula mir-Renju Unit fin-notifika.

109

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ prenotifika, li jixhdu diffikultajiet minħabba l-bżonn li tinġabar informazzjoni rilevanti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżamina n-notifika tal-iskema ta’ għajnuna fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattat FUE, tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-Linji Gwida, l-istess bħall-varjeta tal-osservazzjonijiet magħmula dwar din l-iskema ta’ għajnuna minn tliet tipi ta’ operaturi differenti, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li t-tul qasir tal-proċedura preliminari ta’ eżami jikkostitwixxi indizju tal-assenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, iżda huma, għall-kuntrarju, suxxettibbli li jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ tali dubji.

110

Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li, fix-xahar iddedikat għall-eżami preliminari tan-notifika, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni partikolari tal-proċess f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-ġestjoni tat-talba fi ħdan is-suq tal-kapaċità. Fil-fatt, l-unika dokument ipprovdut dwar dan il-punt mill-Kummissjoni lill-Qorti Ġenerali huwa l-ittra tar-Renju Unit tat-28 ta’ Ġunju 2014 (ara iktar ’il fuq il-punt 105). F’din l-ittra, ir-Renju Unit ippreżenta b’mod partikolari espost, taħt il-forma ta’ tabella, tad-differenzi fit-trattament bejn il-fornituri ta’ kapaċità b’risposta għat-tħassib muri f’dan ir-rigward, probabbilment mill-operatur li xtara ċentrali eżistenti. Id-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix formalment dan l-iskambju, b’mod li ma tippermettix li jiġi stabbilit li, wara li rċeviet din it-tabella jew elementi oħra inklużi f’din l-ittra, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kontenut tagħhom f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-ġestjoni tat-talba fi ħdan is-suq tal-kapaċità, jew mill-ġdid fil-konfront tar-Rejnu Unit, jew fil-konfront tal-partijiet ikkonċernati. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija tabella sempliċement tissintesizza d-differenzi li jeżistu, fis-suq tal-kapaċità li huwa ppreżentat fin-notifika, bejn it-tliet tipi ta’ operatur segwenti: l-ewwel nett, iċ-ċentrali eżistenti u ċ-ċentrali rrinnovati; it-tieni nett, iċ-ċentrali l-ġodda u, it-tielet nett, l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Dan id-dokument ma jipprovdix elementi li jippermettu li ssir evalwazzjoni awtonoma tal-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fil-Linji gwida (ara, dwar dan is-suġġett, il-punti 117 et seq. iktar ’il quddiem).

111

Konsegwentement, fir-rigward tat-tul tad-diskussjonijiet bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni u ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-miżura nnotifikata hija sinjifikattiva, kumplessa u ġdida, u li tat lok għal fażi ta’ prenotifika twil, li matulu l-Kummissjoni għamlet diversi domandi lir-Renju Unit sabiex tikseb kjarifiki importanti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ din il-miżura fid-dawl tal-Linji Gwida. Minn dan jirriżulta wkoll li din il-miżura kienet ikkontestata taħt tliet aspetti minn operaturi differenti li kellhom jibbenefikaw minnha.

112

Bl-istess mod, mill-proċess ma jirriżultax li, f’tali sitwazzjoni, il-Kummissjoni wettqet, matul l-eżami preliminari, investigazzjoni partikolari dwar l-informazzjoni mibgħuta mir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-ġestjoni tat-talba fl-ambitu tas-suq tal-kapaċità.

113

Issa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u tal-ispeċifiċitajiet tal-fażi ta’ prenotifika, il-Kummissjoni ma kinitx f’sitwazzjoni fejn setgħet tikkuntenta ruħha bl-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma twettaq l-evalwazzjoni sabiex teżamina u skont il-bżonn, tfittex, jekk ikun il-kaz mingħand il-partijiet ikkonċernati l-oħra, l-informazzjoni rilevanti għall-bżonnijiet tal-evalwazzjoni tagħha (ara l-punt 69 iktar ’il fuq).

114

Fl-assenza ta’ elementi pprovduti mill-Kummissjoni sabiex twettaq tali eżami, huwa permess li jiġi kkunsidrat li din illimitat ruħha f’dan il-każ li titlob u tuża l-elementi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma twettaq f’dan ir-rigward l-analiżi tagħha.

115

Tali ċirkustanzi jikkostitwixxu, kif issostni Tempus, indizju li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern.

116

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk elementi relatati mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jistgħux, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati f’dan ir-rigward minn Tempus f’din il-kawża, jikkostitwixxux ukoll indizji li jindikaw li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fi tmiem l-eżami preliminari tal-miżura nnotifikata.

d)   Fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari u b’kunsiderazzjoni tal-elementi disponibbli, tar-rwol tal-ġestjoni tat-talba fi ħdan is-suq tal-kapaċità

117

Tempus issostni li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod korrett ir-rwol tal-ġestjoni tat-talba fuq is-suq tal-kapaċità, fid-dawl b’mod partikolari tal-Linji gwida li għandhom l-għan li “jiffaċilitaw” jew “jinkoraġġixxu” l-ġestjoni tat-talba. Hija tirreferi wkoll għal dokumenti tal-Kummissjoni li jinvokaw il-bżonn li tiġi rrikonoxxuta “il-parteċipazzjoni potenzjali tal-atturi tat-talba fis-sistema” sabiex jiġu evitati “investimenti obsoleti fil-produzzjoni”. Għalhekk, minflok tillimita ruħha sabiex tapprova l-pożizzjoni tar-Renju Unit, skont liema “l-ewwel irkant f’Diċembru 2014 huwa essenzjali sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-ġestjoni tat-talba u l-potenzjal tagħha” u li l-irkant tranżitorju għandu jkun biżżejjed (ara l-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kellha teżiġi jew twettaq hi stess evalwazzjoni adegwata tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba. Din l-analiżi kien ikollha l-effett li tnaqqas l-“ammont tal-kapaċità ta’ produzzjoni” disponibbli sa mill-ewwel irkant T-4 u li tevita l-ħela ta’ riżorsi pubbliċi għad-detriment tal-konsumatur. Il-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għall-irkant T-1 ma tippermettix li tiġi kkumpensata din is-sitwazzjoni minħabba l-kapaċità baxxa rriżervata għal dan l-irkant u tal-obbligu tar-Renju Unit li jnaqqas, jekk possibbli, l-“ammont ta’ kapaċità li għandha tinkiseb fl-irkant previst fis-sena ta’ qabel fl-2017”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-produzzjoni minn kombustibbli fossili tinsab “imbarrata” li jirriskja li jibblokka għal diversi snin il-kapaċità li setgħet kienet ġiet ipprovduta min-naħa tat-talba.

118

Barra minn hekk, il-miżuri l-oħra li l-Kummissjoni tirreferi għalihom fir-risposta ma jistgħux jitqabblu ma’ miżuri ta’ sostenn għall-ġestjoni tat-talba fl-ambitu tal-iskema ta’ għajnuna jew għal miżuri maħsuba speċjalment bħala risposta għall-problema marbuta mal-adegwatezza tal-kapaċitajiet. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta, il-limitu ta’ dħul ta’ 2 MW previst sabiex l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jkunu jistgħu jipparteċipaw għall-irkant tal-iskema fit-tul ma huwiex “baxx”, kif juru eżempji meħuda minn sistema oħra, bħas-suq tal-kapaċità Pennsylvania Jersey Maryland (PJM) u n-New York Independent System Operator (NYISO), fejn il-limitu ta’ dħul huwa 20 darba iktar baxx, għal 100 kW.

119

Il-Kummissjoni tosserva li l-ġestjoni tat-talba, fiha nfisha, ma hijiex biżżejjed sabiex tipprevjeni r-riskju ta’ skarsezza ta’ kapaċità. Barra minn hekk, Tempus ma tipprovax li l-Kummissjoni ma analizzatx b’mod korrett ir-rwol potenzjali tal-ġestjoni tat-talba u li kellu jkollha, għalhekk, dubji li jobbligawha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, Tempus naqset milli tirreferi għall-miżuri ġenerali ta’ sostenn għall-ġestjoni tat-talba implimentati indipendentement mis-suq tal-kapaċità mir-Renju Unit. Bl-istess mod, Tempus ma tiħux inkunsiderazzjoni karatteristiċi tas-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit intiżi sabiex jiffavorixxu l-ġestjoni tat-talba, bħal-“limitu baxx ta’ 2 MW”, meħtieġ għall-parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul, u l-metodi ta’ agregazzjoni għall-operaturi li ċ-CMU tagħhom jinsabu taħt dan il-limitu. Fl-aħħar nett, il-ġestjoni tat-talba ma hijiex eskluża mill-irkant T-4 u l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jistgħu jagħmlu offerta għall-istess tul kuntrattwali bħall-produtturi eżistenti. Ir-riskju li l-kapaċità tiġi “mbarrata” tnaqqas għall-minimu u l-possibbli riskju li jibqa’ huwa kkumpensat mill-effetti pożittivi tal-istimulu tal-investimenti l-ġodda bħala risposta għall-isfida tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet.

120

Ir-Renju Unit iqis li Tempus takkużah li ma għamilx iktar sabiex jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-ġestjoni tat-talba mingħajr madankollu ma tipprova l-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà tas-suq tal-kapaċità mas-suq intern. Il-ġestjoni tat-talba ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, anki jekk huwa importanti li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ għas-suq tal-kapaċità, dan ma ġiex maħsub b’tali mod li prinċipalment jinkoraġġihom. Ir-Renju Unit jikkontesta l-fatt li l-għoti tal-kuntratti tal-kapaċità lill-produtturi, eżistenti jew ġodda, huwa ħela ta’ riżorsi meta tiġi kkunsidrata l-importanza ta’ dawn il-kuntratti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà tal-provvista.

1) Ekwivalenza u interessi tal-produzzjoni u tal-ġestjoni tat-talba

121

Mir-risposti għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017 jirriżulta li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li, għall-bżonnijiet b’mod partikolari tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 232(a) tal-Linji Gwida, kemm il-kapaċità offruta mill-produtturi kif ukoll dik offruta mill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba jistgħu jikkontribwixxu sabiex jirrimedjaw għall-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni identifikata mir-Renju Unit. Fil-fatt, mistoqsija dwar dan il-punt, il-Kummissjoni enfasizzat li, “fil-prinċipju, iż-żewġ tipi ta’ kapaċitajiet huma kapaċi jikkontribwixxu, bil-kwalitajiet tekniċi tagħhom, sabiex jaffaċċjaw in-nuqqasijiet li jibqa’ fis-suq osservati mir-Renju Unit” (fosthom il-“missing money problem”) imsemmija fil-premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

122

Il-Kummissjoni taqbel ukoll ma’ Tempus u tirrikonoxxi li l-kunċett ta’ ekwivalenza teknika ma jfissirx identiċità.

123

Għalhekk, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza dan li ġej:

“Madankollu, għandu jiġi osservat li ż-żewġ tipi ta’ kapaċità għandhom fakultajiet u vantaġġi speċifiċi. Kapaċitajiet (ġodda) ta’ produzzjoni (b’mod partikolari l-enerġiji li jiġġeddu) huma neċessarji sabiex iservu ta’ bażi għall-injezzjoni ta’ elettriku fin-network, filwaqt li l-limitazzjoni u l-bdil tat-talba fil-perijodi tal-ikbar talba mill-ġestjoni tat-talba jistgħu jnaqqsu l-bżonn f’kapaċitajiet ta’ produzzjoni, li huma neċessarji biss għal numru ta’ siegħat limitat matul is-sena (u l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni huwa għalhekk għoli wisq għal dan il-għan).

124

Min-naħa tagħha, Tempus indikat dwar dan il-punt dak li ġej:

“[I]l-ġestjoni tat-talba weriet li din setgħet teċċedi r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni tekniċi minimi sabiex tipprovdi l-kapaċità, b’mod partikolari meta l-leġiżlaturi jieħdu l-ħin li jifhmu n-natura tagħha u jikkonċepixxu l-kuntest leġiżlattiv sabiex jiffaċilitaha u jinkoraġġixxiha bl-aħjar mod. Il-ġestjoni tat-talba ma hijiex l-istess ħaġa bħall-produzzjoni u ma għandhiex tkun. ‘Soluzzjonijiet għall-kwalitajiet tekniċi ekwivalenti’ ma tifssirx l-istess prestazzjonijiet, iżda biss il-kapaċità teknika li jintlaħqu l-istess riżultati/prodotti […]. Sistema ta’ enerġija sigura u affidabbli teħtieġ sorsi diversifikati b’diversi vantaġġi. Barra li hija sors ta’ kapaċità flessibbli u bi profitt, il-ġestjoni tat-talba tnaqqas l-ispejjeż billi tħaffef il-pressjoni fuq l-infrastrutturi ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni u billi tnaqqas in-neċessita li jitjiebu l-infrastrutturi bi spejjeż kbar; hija ttejjeb l-affidabbiltà tan-network, tinkoraġġixxi l-intelliġenza u l-involviment tal-konsumaturi, issaħħah l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-provvista, ittejjeb il-valur u l-vijabbiltà tal-produzzjoni ta’ enerġiji li jiġġeddu intermittenti billi tadegwa l-mudelli ta’ provvista mingħajr ma jkollha tirdoppja l-produzzjoni bl-użu ta’ ċentrali kombustibbli fossili ta’ sigurtà u, kumplessivament, għandha rwol uniku u importanti billi tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista għal spiża minima għall-konsumaturi.”

125

Minn dak li jippreċedi jirriżulta li għalkemm il-produzzjoni u l-ġestjoni tat-talba jistgħu t-tnejn li huma jikkontribwixxu sabiex tiġi solvuta problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni identifikati mir-Renju Unit, kull waħda għandha l-vantaġġi tagħha. Il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jipprovdu l-elettriku fuq in-network, filwaqt li l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba jippermettu l-limitazzjoni u l-bdil tat-talba fil-perijodi tal-ikbar talba u b’hekk inaqqsu l-bżonn f’termini ta’ kapaċità ta’ produzzjoni li huma neċessarji biss għal numru limitat ta’ siegħat matul is-sena, li jevita għalhekk il-bini ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma wisq għoljin.

126

Għalhekk, b’applikazzjoni tal-paragrafu 232(a) tal-Linji Gwida, hija l-Kummissjoni li kellha tiżgura ruħha li l-iskema ta’ għajnuna kienet maħsuba b’tali mod li l-ġestjoni tat-talba tkun tista’ tipparteċipa fiha bl-istess mod bħall-produzzjoni, għaliex il-kapaċitajiet korrispondenti kienu jippermettu li jinħoloq rimedju effettiv għall-problema tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

127

F’dan il-kuntest, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafu 226 tal-Linji Gwida, il-miżuri ta’ għajnuna għandhom ikunu miftuħin u jipprovdu inċentivi adegwati għall-operaturi kkonċernati.

128

Il-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża ma hijiex wisq li jkun magħruf jekk il-ġestjoni tat-talba jistax ikollha rwol biex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq tal-kapaċità, li huwa fil-fatt il-każ, u lanqas, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Renju Unit, jekk hija tistax tirrispondi bħala tali u fi żmien qasir għall-problema tal-adegwatezza tal-kapaċità, li ma huwiex dak sostnut minn Tempus. Il-kwistjoni fundamentali hija pjuttost dik li jsir magħruf jekk ir-rwol li jista’ jkollha l-ġestjoni tat-talba ġiex evalwat b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-prinċipji ddefiniti mil-Linji Gwida.

129

Huwa fid-dawl ta’ dak li jippreċedi li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ Tempus li takkuża lill-Kummissjoni li awtorizzat il-miżura inkwistjoni, fi tmiem eżami preliminari ta’ xahar, mingħajr ma fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni kollha li kien ikollha bżonn sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna u sabiex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

2) Ir-rwol pożittiv tal-ġestjoni tat-talba

130

Kif jirriżulta mid-dokument tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 2013 intitolat “Commission Staff Working Document, Generation Adequacy in the internal electricity market – guidance on public interventions” [SWD(2013) 438 finali], iċċitat mir-Renju Unit fil-paragrafu 219 tan-notifika: “[i]l-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jiġu maħsuba filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi partikolari tal-ġestjoni tat-talba iktar milli jiġu ddefiniti prodotti fuq il-preżunzjoni li dawn ser jiġu ssodisfatti mill-produzzjoni l-ġdida”.

131

F’din il-perspettiva, fil-paragrafu 220 tan-notifika, ir-Renju Unit enfasizza li “il-ġestjoni tat-talba […] [kellha] l-potenzjal li toffri kapaċità affidabbli u bi profitt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista”. Fl-istess punt, ir-Renju Unit ippreżenta l-ġestjoni tat-talba bħala alternattiva għal spiża minima għall-konsumaturi għall-investiment fil-kapaċità ta’ produzzjoni. Għal dan l-Istat Membru, żvilupp ikbar tal-ġestjoni tat-talba jikkostitwixxi pass importanti lejn suq tal-elettriku iktar effettiv, fejn il-parteċipanti jirrispondu aħjar għas-sinjali tal-prezz billi jnaqqsu t-talba meta l-elettriku jkun rari u l-prezzijiet ikunu għoljin, jew billi jiġi kkonsmat l-elettriku meta l-produzzjoni teċċedi t-talba.

132

Barra minn hekk, ir-Renju Unit indika, fil-paragrafi 61 u 188 tan-notifika, li l-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għas-suq tal-kapaċità kienet ta’ benefiċċju għall-kompetizzjoni fl-ambitu tas-suq tal-kapaċità, iżda wkoll b’mod iktar wiesa’ fl-ambitu tas-suq tal-enerġija.

133

Bl-istess mod, fin-notifika r-Renju Unit jinsisti dwar il-fatt li, iktar kemm il-ġestjoni tat-talba tkun importanti, inqas jinħass il-bżonn tas-suq tal-kapaċità. Fil-fatt, ir-Renju Unit jindika li s-suq tal-kapaċità jitneħħa meta ma jkunx iktar neċessarju, li jseħħ bl-iżvilupp progressiv tal-ġestjoni tat-talba (ara l-paġni 7, 8, 45 u 46 tan-notifika).

134

Din l-analiżi hija, essenzjalment, l-istess bħal dik li esponiet Tempus fir-rikors, fejn tirreleva li t-teknoloġija tal-ġestjoni tat-talba tippermetti lill-klijenti li jibdlu l-ħin tal-bżonnijiet mhux suġġetti għal ħin partikolari u b’hekk jitħaffu l-perijodi tal-ikbar talba. Konsum ottimizzat, li jirreaġixxi malajr, jissostitwixxi għalhekk il-konsum abitwali. F’dan il-kuntest, il-ġestjoni tat-talba, li tippermetti li jitnaqqsu l-mumenti tal-ikbar talba jew li din titnaqqas meta l-produzzjoni tkun limitata, tikkostitwixxi alternattiva għall-produzzjoni, b’mod partikolari l-produzzjoni l-iktar għolja mil-livell ambjentali.

135

Dawn l-analiżi, kemm tar-Renju Unit kif ukoll ta’ Tempus, juru l-potenzjal reali tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità. Għalhekk, iktar kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din il-parti tal-kombinazzjoni tat-teknoloġiji jkun rapidu u preċiż, inqas ikun hemm lok għar-Renju Unit li jirrikorri għall-kapaċità ta’ produzzjoni sabiex jirrispondi għall-problema tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet.

3) Elementi disponibbli dwar il-potenzjali tal-ġestjoni tat-talba

136

Għandu jiġi rrilevat li, fl-Anness B tan-notifika, intitolat “UK Checklist against the Commission Staff Working Document on Generation Adequacy in the internal electricity market – guidance on public interventions”, ir-Renju Unit irrisponda kif ġej għal domanda dwar jekk “il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba kif ukoll data realistika tal-materjalizzazzjoni tagħha kienux ġew inklużi fl-analiżi [tal-bżonnijiet f’kapaċità]”:

“Il-ġestjoni tat-talba għandha tibbenefika minn parteċipazzjoni diretta fis-suq tal-kapaċità, kif ukoll mill-parteċipazzjoni tagħha għall-iskema tranżitorja. […] Kull sena, National Grid għandha tevalwa l-kwantità ta’ ġestjoni tat-talba attwalment disponibbli u għandha tistma l-ġestjoni tat-talba potenzjali li tista’ tkun ipprovduta matul il-perijodu – fil-kuntest tal-analiżi li tidderieġi t-teħid tad-deċiżjoni rigward il-kapaċità li għandha takkwista matul l-irkant. Fl-Istati Uniti, is-suq tal-kapaċità PJM ippermetta lill-ġestjoni tat-talba tipprovdi bejn wieħed u ieħor 15 GW fuq 10 snin [skont it-tabella, din iċ-ċifra intlaħqet għall-perijodu ta’ kunsinna 2015/2016]. Madankollu, is-suq tal-kapaċità PJM jinkludi bejn wieħed u ieħor it-triplu tat-talba tas-suq tar-Renju Unit. National Grid tqis li l-ġestjoni tat-talba tista’ tipprovdi bejn wieħed u ieħor 3 GW ta’ kapaċità fl-2018/19. L-istimi relatati mal-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba huma inċerti ħafna u diffiċli biex jinkisbu. Madankollu, l-iskema tranżitorja għandha ssostni l-iżvilupp ta’ dan is-settur u tinkoraġġixxi parteċipazzjoni ikbar tal-ġestjoni tat-talba għas-suq prinċipali tal-kapaċità”.

137

Fil-paragrafu 221 tan-notifika, ir-Renju Unit jagħmel ukoll riferiment għar-riżultati osservati fl-Istati Uniti billi jindika li “id-data ġejja mill-Istati Uniti wriet li s-swieq tal-kapaċità bl-irkant ċentralizzat irnexxielhom tajjeb ħafna jippromwovu l-ġestjoni tat-talba”. Fil-fatt, skont il-grafika ppreżentati mir-Renju Unit fin-notifika, mill-perijodu 2012-2013, il-kapaċità pprovduta mill-ġestjoni tat-talba fl-irkant annwali tas-suq tal-kapaċità PJM kienet iktar minn 5 GW, u kienet tilħaq 15 GW ta’ kuntratti mogħtija fl-2015/2016.

138

Barra minn hekk, mistoqsija dwar id-diversa informazzjoni disponibbli f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, Tempus issemmi rapporti stabbiliti minn Sustainability First f’Settembru 2012 u f’Jannar 2014, ikkummissjonati minn atturi kbar fuq is-suq tal-elettriku, fosthom National Grid, sabiex turi li hemmhekk kien imsemmi li 4 sa 5 GW ta’ kapaċità pprovduta mill-ġestjoni tat-talba setgħu jiġu spostati minn issa grazzi għall-klijenti tas-settur industrijali. Data oħra pprovduta minn Tempus, ibbażata fuq rapport ta’ Element Energy – De Montfort University Leicester, intitolat “Demand side response in the non-domestic sector” ta’ Lulju 2012, kienet tippermetti li jiġu identifikati 1.2 GW sa 4.4 GW li setgħu jiġu spostati f’ġurnata tax-xitwa bl-ikbar talba fl-2012 minn bini mhux industrijali u mhux residenzjali. Għal Tempus, dan ifisser li tal-inqas 5 GW tal-kapaċità pprovduta mill-ġestjoni tat-talba, jew anki iktar, seta’ jkun disponibbli u meħud inkunsiderazzjoni fis-suq tal-kapaċità.

139

Fl-aħħar nett, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-mument meta l-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, hija kienet taf bir-rapport tal-grupp ta’ esperti tekniċi (iktar ’il quddiem il-“PTE”), li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu fdawlu l-missjoni li jeżamina r-rakkomandazzjonijiet ta’ National Grid f’dak li jikkonċerna l-kapaċità li kellha tiġi rkantata fil-kuntest tas-suq tal-kapaċità f’Diċembru 2014, li ġie ppubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2014 mill-Ministeru tal-Enerġija u Kambjament Klimatiku tar-Renju Unit (DCEE). Il-Kummissjoni fil-fatt tiċċita l-konklużjonijiet tar-rapport tal-PTE fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.

140

Skont dan ir-rapport, li jesponi x-xogħlijiet imwettqa minn dawn l-esperti tekniċi minn Frar 2014, setgħu jsiru diversi osservazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni li kienet ser issir tal-ewwel irkant T-4 f’Diċembru 2014 għall-perijodu 2018/2019.

141

L-ewwel nett, meta jesponi l-approċċ tiegħu għall-eżami tal-istimi ta’ National Grid, il-PTE josserva dan li ġej fil-paragrafu 19 tar-rapport tiegħu sabiex ifakkar b’mod partikolari l-interess tal-esperjenza akkwistata minn swieq ta’ kapaċità oħrajn, b’mod partikolari dak ta’ PJM, f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni fil-prattika tal-ġestjoni tat-talba:

“Il-grupp ibbaża ruħu wkoll fuq l-esperjenza tal-membri tiegħu fuq swieq oħra li għandhom mekkaniżmu ta’ kapaċità, bħal dawk ta’ PJM u tan-New England, kif ukoll fuq l-esperjenza tagħom f’oqsma oħra fundamentali fejn il-bżonn ta’ xiri ta’ kapaċità jieħu inkunsiderazzjoni t-talba. Il-grupp huwa relattivament rassigurat mill-fatt li d-DECC ibbaża ruħu fuq l-esperjenza ta’ PJM, iżda jibqa’ mħasseb min-nuqqas ta’ provi rigward il-kontribut potenzjali tat-talba, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-miżura fejn il-produzzjoni integrata tista’ ssir disponibbli, wara li ssir konformi u wara ċerta aggregazzjoni, u l-miżura li fiha il-[produzzjoni kombinata ta’ sħana u ta’ elettriku] tista’ tipprovdi elettriku supplementari għas-sistema f’livell li jaqbeż it-talba tagħha f’perijodu ta’ diffikultà].”

142

It-tieni nett, meta jeżamina l-kontribuzzjoni li tista’ ssir mill-ġestjoni tat-talba għas-suq tal-kapaċità, il-PTE josserva dan li ġej fil-paragrafi 96 sa 106 ta’ dan ir-rapport:

“96.

It-terminu “riżorsi enerġetiċi deċentralizzati’ (DER) huwa dak li nippreferu għall-eżami tal-kontribuzzjoni li tista’ ssir sabiex jiġu amministrati sitwazzjoni fejn il-produtturi konnessi mas-sitstema ta’ trasport ma humiex f’pożizzjoni li jirrispondu għat-talba ta’ elettriku. Nippreferu dan it-terminu għal dak li huwa normalment użat ta’ “ġestjoni tat-talba” li jidher li jimplika l-preċkonċezzjoni li l-unika (jew prinċipali) kontribuzzjoni tat-talba tikkonsisti fi tnaqqis temporanju tagħha. Issa, it-terminu “DER” jirreferi għall-gamma kollha ta’ strumenti, minbarra l-bini ta’ ċentrali elettriċi ġodda, li jistgħu jikkontribwixxu għas-soluzzjoni neċessarja tal-problemi ta’ kapaċità. Huwa urġenti li tibda tinġabar iktar informazzjoni f’dan il-qasam sabiex jiġu ċċarati d-deċiżjonijiet meħuda fil-futur, iktar u iktar peress li ma teżistix organizzazzjoni ġenerali li tistudja s-sistema elettrika kollha. Dawn l-istrumenti huma s-segwenti: a) kontroll dirett tal-karga, b) produzzjoni integrata, c) produzzjoni ta’ sostituzzjoni, d) ġestjoni tat-talba, e) effettività enerġetika, f) sostituzzjoni tal-komubstibbli (pereżempju, użu tal-kombustjoni tal-gass pjuttost milli tal-elettriku), g) kargi interruptibli, h) proġett integrat ta’ ġestjoni tat-talba (pereżempju, l-użu bħala forza ta’ riżerva tal-batteriji tal-karozzi elettriċi ipparkjati), i) spostament tal-karga, j) kejl intelliġenti k) korrezzjoni tal-fattur tal-forza.

97.

Sabiex jiġi evalwat dak li qiegħed jiġi stabbilit mudell għalih, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li l-lista ta’ kandidati li jistgħu jipprovdu l-kapaċità mil-lat tat-talba hija pjuttost twila. Għandu jiġi osservat ukoll li jeżistu differenzi kwalitattivi bejn dawn l-istrumenti.

98.

Pereżempju, l-ispostament tal-karga jista’ jsir billi utent li jikkonsma l-elettriku għall-bżonnijiet ta’ refriġerazzjoni jiġi nkoraġġut inaqqas it-talba tiegħu matul xi ftit siegħat u juża l-inerzja termika sabiex ma ssirx ħsara. Tali utent jista’ jkollu kuntratt ta’ provvista ta’ tul (pereżempju) ta’ sentejn, li jiġi nnegozzjat mill-ġdid kull sena jew kull sentejn; f’dan il-każ, dan il-konsumatur jirrispondi għar-rekwiżiti tal-irkant għal żmien qasir.

99.

Barra minn hekk, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat strument potenzjali ieħor li jikkonsisti fil-bini ta’ ċentrali ta’ koġenerazzjoni jew sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija fil-bini, bil-għan li tiġi ottimizzata l-ġestjoni tat-talba, iżda mbgħad hija meħtieġa ċ-ċertezza assoċjata ma’ kuntratt ta’ kapaċità għal żmien twil sabiex jinkiseb finanzjament. Il-punt essenzjali huwa s-segwenti: sabiex jiġi stmat dak li l-ġestjoni tat-talba tista’ tippermetti, huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-istrumenti potenzjali li jirrispondu probabbilment għas-sinjali tas-suq tal-kapaċità u dawk li ma jirrispondux minħabba li l-inċentivi ma jikkorrispondux għall-bżonnijiet tal-atturi kkonċernati.

100.

Nosservaw li l-metodoloġija tad-DECC sabiex jiddetermina l-livell li d-DSR ikkontribwiet għall-kapaċità hija kompletament konformi mal-approċċ adottat fi New England u għal dawk ta’ PJM (bl-eċċezzjoni tal-effett fuq it-telf). Sa dan il-punt, dan joħloq l-opportunità li jiġu kkonfermati ipoteżi billi jiġu mqabbla u distinti dawn is-sistemi.

101.

Matul il-konverżazzjonijiet mad-DECC u N[ational] G[rid], fhimna li l-ġestjoni tat-talba għad ma hijiex mifhuma daqstant sewwa bħall-produzzjoni tradizzjonali. Ma hijiex kritika, għaliex dan ma jagħmilx parti mir-rwol ta’ N[ational] G[rid], peress li din hija nettament separata mill-operaturi tan-network ta’ distribuzzjoni u mill-fornituri ta’ elettriku liċenzjati u ħadd ma għandu komprensjoni kompleta u dettaljata tad-data dwar it-talba, minn naħa, u l-motivazzjoni li jiġbor din id-data, min-naħa l-oħra. Pereżempju, ir-risposti għal domandi bħal ‘x’inhi l-medja tad-disponibbilta ta’ CHP f’każ ta’ diffikultà fuq is-sistema’ ma humiex magħrufa, anki jekk il-medja annwali hija magħrufa.

102.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nifhmu perfettament li N[ational] G[rid] ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq analiżi tal-ġestjoni tat-talba bir-reqqa u l-kwalità li sal-preżent kienu kkaratterizzaw parti kbira mill-attivitajiet l-oħra tagħha. Madankollu, dan ifisser li huwa urġenti li jiġi stabbilit proċess sistematiku li jippermetti li jiġi ggrantit li r-riżorsi li jirriżultaw mill-ġestjoni tat-talba ma jinħlewx u li ma jkunux kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni li jissodisfaw in-nuqqas li jirriżulta minn użu ħażin ta’ dawn ir-riżorsi.

[…]

104.

Minkejja li l-grupp ma jippretendix li jaf bir-riżorsi kollha potenzjalment disponibbli grazzi għall-ġestjoni tat-talba, huwa tal-opinjoni li l-istruttura attwalment maħluqa hija bbażata fuq ipoteżi relattivament moderati fir-rigward tal-kapaċità li tista’ tinkiseb. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-mekkaniżmu ta’ kapaċità huwa iktar xieraq għal ċertu aġir, metodi u teknoloġija milli għal oħrajn.

105.

Konsegwentement, anki jekk l-esperjenzi internazzjonali fil-qasam ta’ DER, partikolarment fl-Istati Uniti, li fuqhom il-grupp żvela informazzjoni li tindika li d-DER setgħu potenzjalment jikkontribwixxu għas-swieq tal-kapaċità b’mod sinjifikattiv u utli (li wassal għal bżonn imnaqqas ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni supplementari), l-ambizzjonijiet għandhom ikunu iktar modesti fil-kuntest tal-istruttura attwalment maħsuba mir-Renju Unit. Bħala ġustifikazzjoni addizzjonali ta’ dawn l-ambizzjonijiet modesti, aħna nenfasizzaw li, pereżempju, il-produtturi tradizzjonali jirċievu ħlas u dħul marbut mal-użu tan-network ta’ trasport fil-kuntest tal-mekkaniżmu tal-kapaċità, filwaqt li l-produtturi deċentralizzati jistgħu jibbenefikaw minn inċentivi inqas milli għall-produtturi tradizzjonali jekk ma jistax ikollhom aċċess kemm għall-vantaġġi li jipprovdi l-fatt li jiġi evitat it-trio u għad-dħul li jirriżulta mill-mekkaniżmu tal-kapaċità.

106.

Abbażi tal-interpretazzjoni li l-grupp ta tas-suq tal-kapaċità propost għad-DER, aħna naħsbu li l-potenzjal kollu li ntwera fi swieq oħra fejn isir l-irkant ta’ kapaċità, b’mod partikolari dawk fl-Istati Uniti, ser ikun użat b’mod limitat u li l-komprensjoni ta’ dan l-aspett teżiġi konoxxenzi ħafna aħjar dwar il-gamma ta’ strumenti disponibbli fil-qasam tal-ġestjoni tat-talba. Il-konsegwenza essenzjali fuq il-modellizzazzjoni hija s-segwenti: l-effett tagħha fuq il-livell preżunt tat-talba f’perijodu ta’ l-ikbar talba, li jikkostitwixxi l-fattur prinċipali li jiddetermina l-kapaċità li hemm bżonn tinxtara, ma huwiex tali li jiġi kkontestat daqs kemm wieħed jista’ jinstenna.”

143

L-istess bħal Tempus fir-rikors tagħha, din l-analiżi tenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu identifikati l-inċentivi adegwati sabiex il-ġestjoni tat-talba tkun tista’ tipparteċipa effettivament fis-suq tal-kapaċità b’kunsiderazzjoni tal-potenzjal kollu tagħha. Tali eżami għandu għalhekk il-konsegwenza li jiġi evitat li l-modalitajiet iddefiniti mis-suq tal-kapaċità “iħassru” il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba u li jiġi ssostitwit b’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, PTE jikkritika l-assenza, f’dan il-mument, ta’ organizzazzjoni li tal-inqas tiġbor id-data neċessarja sabiex tifhem u tiġbor informazzjoni dwar il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba taħt id-diversi aspetti tagħha, minkejja li xi wħud huma diġà disponibbli.

144

Għalkemm National Grid u l-Ministeru tal-Enerġija u tal-Kambjament Klimatiku tar-Renju Unit huma kkritikati dwar dan il-punt mill-PTE, wieħed jista’ jaħseb li l-Kummissjoni, fi proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandha l-mezzi suffiċjenti sabiex titlob u tikseb l-informazzjoni rilevanti sabiex tevalwa s-sitwazzjoni, sabiex b’mod partikolari tidentifika l-bżonn eventwali kif ukoll, skont il-każ, il-livell ta’ inċentiv neċessarju sabiex jintuża l-potenzjal reali tal-ġestjoni tat-talba b’risposta għall-bżonn tal-adegwatezza tal-kapaċitajiet identifikat mir-Renju Unit.

145

It-tielet nett, bħala parti mill-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-PTE jirreleva dan li ġej fil-paragrafu 6(c) u fil-paragrafi 119 u 132 tar-rapport tiegħu, sabiex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ komprensjoni tal-ġestjoni tat-talba fir-Renju Unit:

“Il-grupp esprima t-tħassib tiegħu rigward in-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ konoxxenza dwar it-tnaqqis tat-talba (DSR). Huwa jippreferi t-terminu ‘riżorsi enerġetiċi deċentralizzati’ (DER), li jirreferi għall-gamma kompleta ta’ kontribuzzjonijiet li jistgħu joriġinaw minn sorsi differenti mill-produtturi tradizzjonali, filwaqt li t-terminu ‘DSR’ jidher li jillimita t-teħid inkunsiderazzjoni tat-talba għal sempliċi tnaqqis tagħha u tal-produzzjoni integrata. Filwaqt li rreleva l-importanza li jiġu żviluppati fi ħdan id-DECC u N[ational] G[rid] konoxxenzi solidi fil-qasam ta’ DER, il-grupp irrakkomanda programm ta’ studju supplementari f’dan il-qasam, sabiex fil-futur jintużaw l-possibbiltajiet offruti mid-DER.

[…] ix-xenarju ġenerali u l-approċċ modelizzat adottati minn N[ational] G[rid] huma validi fir-rigward tal-prinċipji u N[ational] G[rid] ipprovat tieħu inkunsiderazzjoni elementi insostenn ta’ dan kif ukoll l-opinjonijiet tal-persuni kkonċernati. Madankollu, il-grupp wasal għall-konsensus li N[ational] G[rid] kellha tendenza tadotta perspettiva wisq prudenti fir-rigward ta’ diversi ipoteżi essenzjali, speċjalment fir-rigward tal-fluss ta’ interkonnessjoni, u li N[ational] G[rid] esaġerat l-ammont li għandu jinxtara fid-dawl ta’ dawn il-flussi (u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi) bħala varjabbli, minflok ma inkludiet il-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni abbażi tal-probabbilta stmata tad-disponibbilta tagħhom (bħal fil-każ ta’ ċentrali). Min-naħa l-oħra, għalkemm il-flussi netti ta’ interkonnessjoni huma mistennija jitilqgħu għal 2.25 GW (deskritti bħala li joriġinaw f’75 % minn importazzjonijiet), l-ammont ta’ kapaċità li jkollu jinxtara jonqos konsegwentement u, grazzi għal sforzi żgħar supplementari għall-benefiċċju tad-DSR u sabiex titħaffef l-implementazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni, kif ukoll jekk tiġi kkunsidrata offerta ikbar miċ-ċentrali tal-faħam fl-ambitu tal-irkant, dan l-ammont jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġu evitati CCTG [turbini tal-gass b’ċiklu kkumbinat] ġodda.

[…] Rakkomandazzjoni 9: […] programm ta’ riċerka dwar il-potenzjal kollu tad-DER għandu jiġi stabbilit kemm jista’ jkun malajr, sabiex jipprovdi informazzjoni utli għall-irkant futuri; l-aċċent għandu jitqiegħed b’mod partikolari fuq l-istrumenti kollha msemmija f’dan ir-rapport li jippermetti li titnaqqas it-talba f’perijodi ta’ talba ikbar.”

146

F’dan l-istadju tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, jidher li, fil-mument meta l-Kummissjoni wettqet l-eżami preliminari tagħha, din kienet f’pożizzjoni li tanalizza elementi li jippermettulha mhux biss li tikkunsidra r-rwol attwali tal-ġestjoni tat-talba, teknoloġija kkunsidrata affidabbli u bi profitt għall-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-eżempji Amerikani diġà wrew l-utilità u l-effettività tagħha, iżda wkoll li jikkunsidraw il-potenzjal reali tal-ġestjoni tat-talba, bħalma turi b’mod partikolari l-istima li għamlet National Grid, iċċitata mir-Renju Unit fin-notifika, fejn il-ġestjoni tat-talba tista’ tipprovdi madwar 3 GW ta’ kapaċità fl-2018/2019.

147

Bl-istess mod, il-Kummissjoni kienet taf bid-diffikultajiet invokati mill-PTE f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba fuq is-suq tal-kapaċità. L-istess bħat-teħid inkunsiderazzjoni tal-potenzjal tal-interkonnessjoni, fejn it-tħassib tal-PTE ġie kkwalifikat bħala “serju” mill-Kummissjoni fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif jirriżulta mill-punti 141 sa 145 iktar ’il fuq, is-suq tal-kapaċità ppjanat kien jirriskja li ma jieħux inkunsiderazzjoni biżżejjed il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba jew, b’mod iktar wiesa’ tal-potenzjal kollu li jista’ jnaqqas il-bżonn ta’ rikors għall-kapaċità ta’ produzzjoni bħala b’risposta għall-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet.

148

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-paragrafu 224 tal-Linji gwida jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-effett tal-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba tikkostitwixxi wieħed mill-elementi tal-eżami li l-Kummissjoni għandha tagħmel meta tiddeċiedi dwar in-neċessità ta’ intervent mill-Istat.

149

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li huwa biżżejjed għall-evalwazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni effettiv tal-ġestjoni tat-talba – u ma ssibx ruħha iktar f’sitwazzjoni fejn jista’ jkollha dubji dwar dan is-suġġett fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq intern – li taċċetta l-modalitajiet ippjanati mir-Renju Unit f’dan ir-rigward.

150

Fil-fatt, skont ma tesponi l-Kummissjoni fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna u tal-bżonn ta’ intervent tal-Istat u f’dak li jikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-ġestjoni tat-talba, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat dan li ġej:

“ir-Renju Unit sostna li l-ewwel irkant ta’ Diċembru 2014 huwa fundamentali sabiex tinkiseb informazzjoni dwar il-ġestjoni tat-talba u l-potenzjal tagħha” u “spjega li kien ser jeżamina l-informazzjoni li tirriżulta mill-ewwel irkant T-4 u kien ser jiżgura ruħu li l-kurvi tat-talba jkunu aġġustati b’mod xieraq, li kien ser jittieħed inkunsiderazzjoni fil-proċess Future Energy Scenario ta’ National Grid għar-rapporti dwar il-kapaċità elettrika intiża għall-irkant futur”;

“[b’]risposta għar-rapport tal-PTE, National Grid issuġġeriet proġett komuni mal-Energy Network Association [l-Assoċjazzjoni tan-networks tal-enerġija] (inkluż id-Distribution Network Operators) [l-Operaturi tan-networks ta’ distribuzzjoni]”;

“[b]arra minn hekk, ir-Renju Unit elabora dispożizzjonijiet dwar l-irkant tranżitorju sabiex jiġi sostnut it-tkabbir tas-settur tal-ġestjoni tat-talba mill-2015 sal-2016, kif ukoll poġett pilota ta’ GBP 20 miljun fil-qasam tal-effettività enerġetika [Electricity Demand Reduction pilot]”.

151

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk l-iskema ta’ għajnuna “jista’ jkollha r-riżultat li ssostni l-produzzjoni minn kombustibbli fossili”, hija kienet f’pożizzjoni li tikkonstata li l-evalwazzjoni tal-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet, li ssir kull sena, kienet tieħu inkunsiderazzjoni t-tipi kollha ta’ operaturi, inkluż l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba (ara wkoll il-premessi 134 u 149 tad-deċiżjoni kkontestata fi stadji oħra tal-analiżi). Minn dan hija tikkonkludi, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-miżura hija newtrali fuq il-pjan teknoloġiku” u għalhekk ma għandhiex l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi tal-elettriku minn kombustibbli fossili.

152

B’kunsiderazzjoni tal-elementi disponibbli u ċċitati iktar ’il fuq, bħall-elementi li l-Kummissjoni seta’ kellha b’applikazzjoni tal-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mir-Regolament Nru 659/1999, kif ukoll l-importanza tar-rwol li jista’ jkollha l-ġestjoni tat-talba f’suq tal-kapaċità sabiex b’mod partikolari jiġi ddefinit bl-aħjar mod il-bżonn ta’ intervent mill-Istat u li tiġi llimitata għall-ammont xieraq l-għajnuna għall-produzzjoni minn kombustibbli fossili, tali evalwazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jippermettu lill-Kummissjoni li tneħħi d-dubji kollha li jirriżultaw mill-elementi li hija diġà kellha fil-pussess tagħha jew li seta’ jkollha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

153

B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-paragrafu 226 u mill-paragrafu 232(a) tal-Linji Gwida, skont liema miżura ta’ għajnuna “għandha tkun miftuħa”, iżda wkoll “tipprovdi inċentivi adegwati kemm lil ġeneraturi eżistenti kif ukoll dawk futuri u lill-operaturi li jużaw teknoloġiji sostitwibbli, bħala reazzjoni min-naħa tad-domanda”, u “għandha tkun imfassla b’mod li tagħmilha possibbli għal kwalunkwe kapaċità li tista’ effettivament tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problema tal-adegwatezza tal-ġenerazzjoni biex tipparteċipa fil-miżura”, huwa partikolarment importanti għall-Kummissjoni li tiżgura li s-suq tal-kapaċità inkwistjoni jippermetti lis-soluzzjonijiet kollha jipparteċipaw realment u effettivament, peress li kull soluzzjoni għandha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha, sabiex tkun tista’ tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni.

154

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-elementi disponibbli u fid-dawl tar-rwol tal-ġestjoni tat-talba, hija ma setgħetx, f’dan il-każ, tissodisfa ruħha bis-sempliċi “natura miftuħa” tal-miżura u tikkonkludi, konsegwentement, li hija newtrali fuq il-pjan teknoloġiku, mingħajr ma teżamina f’iktar dettall ir-realtà u l-effettività tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-soluzzjoni teknoloġika fl-ambitu tas-suq tal-kapaċità.

155

Fil-fatt, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-elementi invokati mir-Renju Unit f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni fis-suq tal-kapaċità u, minħabba b’mod partikolari t-tħassib li esprima r-rapport tal-PTE, l-elementi pprovduti sussegwentement f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità pprovduta mill-interkonnessjoni, l-ebda element imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jiġi pprovat li l-Kummissjoni wettqet l-eżami tagħha f’dak li jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni effettiva tal-ġestjoni tat-talba, li l-potenzjal tagħha ġie rrikonoxxut u huwa utli, għal dan is-suq. Bħala eżempju, imkien fid-deċiżjoni kkontestata ma jsir riferiment għall-istima ta’ 3 GW invokata minn National Grid. Billi ma eżaminatx ir-rwol u l-kapaċità potenzjali tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità, il-Kummissjoni aċċettat l-informazzjoni u l-ipoteżi ppreżentati mir-Renju Unit (ara l-punti 149 sa 151 iktar ’il fuq), minkejja l-influwenza tagħhom fuq il-kwantità ta’ kapaċità rkantata u l-ammont tal-għajnuna meħtieġa għall-finijiet tas-suq tal-kapaċità.

156

Għalhekk, fir-rigward tar-riżultat tal-ewwel irkant T-4 ta’ Diċembru 2014, peress li dan l-irkant sar skont modalitajiet li ma jidhirx li jieħdu inkunsiderazzjoni biżżejjed il-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, ir-riskju jeżisti – bħalma huwa invokat b’mod partikolari mir-rapport tal-PTE – li jingħata rwol ikbar milli neċessarju lill-kapaċità ta’ produzzjoni. Għalhekk, huwa possibbli li li kieku l-Kummissjoni kienet wettqet l-ewwel eżami tagħha tal-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, b’mod partikolari dwar il-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-istimi magħmula minn National Grid jew sorsi oħra jew dwar ir-raġunijiet tas-suċċess tal-eżempji Amerikani, il-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kienu jkunu differenti.

157

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-irkant T-1, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 45 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerta kwantità ta’ kapaċità hija meħuda mill-irkant T-4 sabiex tiġi “rriżervata” għall-irkant T-1, skont stima tal-kapaċità ta’ ġestjoni tat-talba “bi profitt” li tista’ tipparteċipa fl-irkant. Dan l-ammont jista’ jitnaqqas jekk it-talba tonqos bejn l-irkant T-4 u l-irkant T-1. Issa, kif ġie kkonfermat matul is-seduta, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Gvern tar-Renju Unit intrabat li jpoġġi għall-irkant T-1 tal-inqas 50 % ta’ din il-kapaċità “rriżervata” filwaqt li jżomm il-possibbiltà li ma jirrispettax din ir-rabta jekk il-ġestjoni tat-talba ma tirriżultax “bi profitt fuq żmien twil” jew jekk is-settur tal-ġestjoni tat-talba jiġi kkunsidrat matur biżżejjed. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-2014 dwar il-kapaċità tal-elettriku, intitolat “Determinazzjoni ta’ jekk għandux isir irkant”, jipprovdi pereżempju, fil-paragrafu 3, li s-Segretarju tal-Istat kompetenti jista’ jiddeċiedi li ma hemmx lok li jinżamm irkant T-1 jekk il-provvisti juru li ebda fornitur ta’ ġestjoni tat-talba ma jkun ser jagħmel offerta għal tali rkant. Għaldaqstant, peress li l-irkant T-1 jiddependi b’mod partikolari minn stima tal-kapaċità ta’ ġestjoni tat-talba “bi profitt” lesta li tipparteċipa għall-irkant, il-kapaċità potenzjali tal-ġestjoni tat-talba u l-evalwazzjoni tagħha jeħtieġu analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

158

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi disponibbli f’dak li jikkonċerna l-potenzjal tal-ġestjoni tat-talba, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza tar-rwol li jista’ jkollha s-soluzzjoni teknoloġika fuq is-suq tal-kapaċità, jistgħu jikkostitwixxu indizju tal-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern, li ma jistax jiġi kkonstatat, meta tinqara d-deċiżjoni kkontestata, li twarrbu wara l-eżami preliminari tal-Kummissjoni.

e)   Fuq l-allegat trattament diskriminatorju jew żvantaġġuż tal-ġestjoni tat-talba fuq is-suq tal-kapaċità

159

Tempus issostni, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni kellha tqajjem dubji rigward il-kompatibbilta tagħha mas-suq intern minħabba ċertu numru ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari għad-detriment tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. B’mod partikolari, Tempus tqajjem ilmenti dwar it-trattament tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba f’dak li jikkonċerna t-tul tal-kuntratti ta’ kapaċità, il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità, il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità kif ukoll l-assenza ta’ ħlas supplementari tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba f’każ ta’ limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

1) Fuq it-tul tal-kuntratti ta’ kapaċità

160

Tempus issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern sa fejn tirriżerva l-possibbiltà li jinkisbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ta’ iktar minn sena biss għall-produtturi li għandhom spiża ta’ kapital ta’ iktar minn ċertu limitu, u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għad-detriment tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba. Dan it-trattament diskriminatorju huwa kuntrarju għall-għan ta’ newtralità teknoloġika tal-miżura inkwistjoni, jagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi u jwassal sabiex tiġi mbarrata parti importanti mit-talba li jista’ jiġi evitat grazzi għall-ġestjoni tat-talba.

161

Tempus issostni li dan in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ma huwiex iġġustifikat mill-ispejjeż ta’ investiment ikbar li għandhom il-produtturi li jirrinnovaw ċentrali eżistenti jew li jibnu ċentrali ġdida. Fil-fatt, l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kif ukoll il-klijenti tagħhom ukoll għandhom spejjeż ta’ investiment. Barra minn hekk, il-klijenti tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jixtiequ jiksbu garanzija ta’ dħul fuq diversi snin qabel ma jagħmlu dawn l-investimenti. F’dan ir-rigward, Tempus issostni li diġà kienet ġiet ikkomunikata informazzjoni lir-Renju Unit u għalhekk dan tal-aħħar ma setax jillimita ruħu fin-notifika sabiex isostni li s-settur tal-ġestjoni tat-talba ma kienx ipprovda prova “kwantitattiva” rigward in-neċessita ta’ kuntratti fit-tul insostenn tal-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għall-irkant.

162

Il-Kummissjoni tirrispondi, essenzjalment, li eżaminat kif xieraq il-miżura inkwistjoni fir-rigward tat-trattament tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba meta mqabbel ma’ dak ta’ fornituri oħra ta’ kapaċità, u kkonstatat li din il-miżura kienet tippermettilhom li jkunu kompetituri fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tagħhom. Id-differenza bejn it-tul tal-kuntratti offerti hija ġġustifikata mill-għan ċentrali intiż mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kapaċità biżżejjed fil-futur, inkluż billi jiġu inkoraġġuti l-investimenti fiċ-ċentrali l-ġodda. L-operaturi tal-ġestjoni tat-talba ma jistgħux jibbenefikaw minn kuntratti ta’ tul ikbar minn sena għaliex ma għandhomx l-istess bżonnijiet ta’ finanzjament bħall-produtturi li jirrinnovaw ċentrali eżistenti jew li jibnu ċentrali ġdida. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, matul il-proċedura amministrattiva, la Tempus u lanqas UKDRA ma ppreżentaw argumenti sostanzjati li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba kellhom bżonn ta’ investimenti ta’ livell paragunabbli mal-proġetti ta’ rinnovazzjoni ta’ ċentrali u ta’ bini ta’ ċentrali ġodda, u lanqas ma pproduċew l-iċken prova kwantitattiva f’dan ir-rigward.

163

Fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba l-livell għoli tal-ispejjeż ta’ investiment tagħhom, kieku ċ-ċentrali rrinnovati u ċ-ċentrali l-ġodda kienu offruti biss kuntratti ta’ sena, kieku probabbilment dawn ma kinux jipparteċipaw għall-irkant jew jekk jipparteċipaw joħorġu mill-irkant peress li l-offerti tagħhom ikuni ogħla mil-limitu ta’ prezz; anki kieku jaslu biex jagħmlu l-offerta tagħhom, dan ikun probabbilment għal prezz għoli ħafna, li jsir il-prezz tal-għeluq tal-irkant. Skont il-Kummissjoni, dan mhux biss joħloq profitti eċċezzjonali għall-produtturi eżistenti u għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, iżda jwassal għal spejjeż għoljin għall-klijenti kollha finali u, għaldaqstant, għal ammont sproporzjonat ta’ għajnuna.

164

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T-487/11, EU:T:2014:1077, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165

F’dan il-każ, preliminarjament, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma toffri ebda possibbiltà għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar minn sena.

166

Skont id-deċiżjoni kkontestata, huma biss il-fornituri ta’ kapaċità li jintrabtu bi spiża ta’ kapital superjuri għal GBP 125 kull kW (ċentrali li jridu jiġu rrinnovati) li huma eliġibbli jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul massimu li jmur sa tliet snin u huma biss il-fornituri ta’ kapaċità li jintrabtu għal spiża ta’ kapital superjuri għal GBP 250 kull kW (ċentrali ġodda) li huma eliġibbli jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul massimu li jmur sa ħmistax–il sena (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

167

Issa, għalkemm il-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata tuża t-terminu teknoloġikament newtrali ta’ “fornituri ta’ kapaċità”, min-notifika u mill-qari kkombinat tal-Artikolu 2(1), tal-Artikoli 4, 5 u tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-2014 dwar il-kapaċità elettrika jirriżulta li l-kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul massimu ta’ tliet snin u ta’ ħmistax–il sena huma espressament irriżervati għaċ-CMU ta’ produzzjoni li jkollhom spiża ta’ kapital li taqbeż il-limiti stabbiliti mis-Segretarjat tal-Istat, bl-esklużjoni taċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba.

168

Konsegwentement, minn naħa, l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba ma humiex eliġibbli jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul li jmur sa tlieta jew ħames snin, anki jekk jipprovaw li daħlu għal spiżi kapitali superjuri għal-limiti stabbiliti għaċ-CMU ta’ produzzjoni fil-miżura inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni ma tinkludi ebda limitu ta’ spiża f’kapital għaċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba biss li jiftaħ il-possibbiltà għal dawn l-operaturi li jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar minn sena.

169

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit li kien biżżejjed li jiġu offruti kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul massimu li jmur sa tliet snin jew ħmistax–il sena liċ-CMU ta’ produzzjoni li l-ispejjeż tagħha f’kapital jaqbżu ċertu limitu stabbilit mis-Segretarju tal-Istat u kien iġġustifikat li jiġu offruti biss kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ta’ sena liċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba (premessi 106, 129 u 145 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk hija kkunsidrat li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba kellhom bżonnijiet ta’ spiża f’kapital inqas importanti minn dawk il-produtturi li jibnu jew jirrinnovaw iċ-ċentrali. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni aċċettat li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew li kellhom jiġu rrinnovati, li jimplikaw spejjeż ta’ investiment għoljin, ikunu eliġibbli għal kuntratti ta’ kapaċità itwal sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jiksbu l-finanzjament neċessarju u hija kkunsidrat li l-offerta ta’ kuntratti tal-kapaċità ta’ tul iqsar għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba ma kinitx tpoġġihom fi żvantaġġ meta mqabbla mal-operaturi ta’ ċentrali li kellhom jiġu rrinnovati jew ta’ ċentrali ġodda. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet newtrali fuq il-livell teknoloġiku u ma ssaħħaħx il-pożizzjoni tal-produtturi li jużaw kombustibbli fossili.

170

Għandu jiġi vverifikat għalhekk jekk il-Kummissjoni setgħetx tapprova t-trattament differenti tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba meta mqabbla mal-produtturi mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew jekk l-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, li jiksbu kuntratti tal-kapaċità ta’ tul superjuri għal sena kellhiex twassal lill-Kummissjoni jkollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

171

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni hija intiża li tkun teknoloġikament newtrali, skont il-preskrizzjonijiet li jinsabu fil-paragrafu 226 tal-Linji Gwida.

172

Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex tikseb biżżejjed kapaċitajiet sabiex tiżgura s-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku fir-Renju Unit (premessi 4 u 126 tad-deċiżjoni kkontestata).

173

B’mod iktar iddettaljat, min-notifika jirriżulta li l-għan prinċipali tal-miżura inkwistjoni huwa li jkun hemm provvista ta’ kapaċità affidabbli u adegwata fuq is-suq tal-elettriku fir-Renju Unit għal spiża minima għall-konsumaturi, b’mod li jitnaqqsu l-konsegwenzi involontarji u r-riskji mhux mistennija, u sabiex jiġi sostnut it-twettiq tal-għanijiet governattivi iktar wiesa’, jiġifieri li jkun possibbli li s-suq tal-elettriku jkun mingħajr faħam, l-iżvilupp ta’ talba iktar reattiva u l-integrazzjoni ikbar tas-suq intern tal-enerġija (il-paragrafu 139 tan-notifika). Barra minn hekk, sabiex jintlaħaq il-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fir-Renju Unit, in-notifika tippreċiża li l-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex tinċentiva investimenti biżżejjed fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u l-kapaċitajiet l-oħra, inkluż sostenn speċifiku għas-soluzzjonijiet fil-livell tat-talba (il-paragrafu 140 tan-notifika). Dawn l-għanijiet jikkorrispondu għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafi 216 sa 221 tal-Linji gwida bħala li huma leġittimi għal miżuri ta’ għajnuna favur l-adegwatezza tal-kapaċitajiet.

174

Issa, fir-rigward tal-għan prinċipali li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, kif diġà ġie espost fil-punt 121 iktar ’il fuq u kif irrikonoxxiet espressament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Mejju 2017, hemm qbil bejn il-partijiet li kemm il-kapaċità offruta mill-produtturi kif ukoll dik offruta mill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jistgħu fil-prinċipju jikkontribwixxu sabiex tkun solvuta l-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

175

Bl-istess mod, fir-rigward tal-għan derivat li jiġu inċentivati biżżejjed investimenti fil-kapaċitajiet il-ġodda, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-miżura inkwistjoni jinkludi espressament kemm il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kif ukoll il-kapaċitajiet l-oħra, bħall-ġestjoni tat-talba. Fil-fatt, in-notifika, fil-paragrafu 355 tagħha, tenfasizza espressament li s-suq tal-kapaċità ma huwiex intiż li jikseb kwantitajiet iddefiniti minn qabel ta’ kapaċità skont it-tip ta’ teknoloġija). Għall-kuntrarju, il-miżura inkwistjoni tfittex li tħalli lis-suq jiddetermina liema hija l-kwantità ottimali ta’ kull tip ta’ kapaċità (kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni, kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jridu jiġu rrinnovati, kapaċitajiet ta’ produzzjoni eżistenti, kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba eżistenti, kapaċitajiet ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati) sabiex jintlaħaq il-livell ta’ sigurtà ta’ provvista ddefinit mir-Renju Unit.

176

Minn dan isegwi li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għandhom ikunu kkunsidrati li jinsabu f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik tal-produtturi fir-rigward tal-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku intiżi mill-miżuri inkwistjoni, li huma teknoloġikament newtrali. Dan huwa minnu peress li l-Linji gwida jeżiġu li l-miżuri ta’ għajnuna li jimplimentaw suq tal-kapaċità jkunu miftuħa u jipprovdu inċentivi adegwati kemm għall-produtturi eżistenti kif ukoll għall-produtturi futuri, kif ukoll għall-produtturi li jużaw teknoloġiji sostitwibbli, bħalma huma s-soluzzjoni ta’ adattament tat-talba jew tal-ħażna (il-paragrafu 226 tal-Linji Gwida). Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-limitazzjoni tal-offerta tal-kuntratti tal-kapaċità ta’ tul superjuri għal sena għall-kapaċitajiet ta’ produzzjoni biss kinitx tippermetti minkejja kollox lis-suq tal-kapaċità li jkun newtrali fuq il-livell teknoloġiku, mingħajr ma jgħawweġ il-kompetizzjoni bejn il-produtturi u l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

177

Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-fatt li l-kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ta’ iktar minn sena huma offruti lil ċerti fornituri ta’ kapaċità huwa ġġustifikat mill-ispejjeż ta’ kapital għoljin tagħhom u mid-diffikultajiet ta’ finanzjament tagħhom.

178

Għalhekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar huma offruti lill-atturi l-ġodda huwa ġġustifikat mill-promozzjoni tal-wasla fuq is-suq ta’ operaturi kompetituri ġodda. Li jingħata kuntratt għal żmien twil lill-atturi l-ġodda jippermettilhom li jiksbu finanzjament bi spiża żgħira għall-investiment tagħhom. Dan jippermetti li jitnaqqsu l-barrieri għad-dħul għall-impriżi indipendenti li ma jistgħux jiffinanzjaw l-investiment tagħhom f’kapaċitajiet ġodda permezz ta’dħul li joriġinaw minn ċentrali oħra fil-portafoll tagħhom. Billi tiġi inkoraġġuta l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-kapaċità, il-kuntratti għal tul ikbar jistgħu għalhekk inaqqsu l-ispejjeż sostnuti mill-konsumaturi fuq is-swieq tal-enerġija u tal-kapaċità. L-offerta ta’ kuntratti għal żmien itwal għandha wkoll tnaqqas ir-riskju li l-parteċipanti li għandhom spejjeż ta’ investiment jew ta’ rinnovazzjoni għoljin ħafna ma jfittxux li jirkupraw l-ispejjeż kollha tagħhom fuq kuntratt ta’ sena biss (il-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

179

Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-offerta ta’ kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar huma intiżi sabiex jimplimentaw l-għanijiet teknoloġikament newtrali, imfakkra fil-punt 173 iktar ’il fuq, li jikkonsistu f’li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku billi jiġu inċentivati investimenti suffiċjenti fil-kapaċitajiet. Barra minn hekk, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tinsisti fuq il-bżonn li jiġu inkoraġġuti atturi ġodda fuq is-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jiġu offruti kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar minn sena għandu għan usa’ sa fejn l-operaturi li jirrinnovaw ċentrali eżistenti huma wkoll eliġibbli sabiex jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul massimu ta’ tliet snin. Minn dan isegwi li l-fatt li jiġu offruti kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar għandu bħala raġuni prinċipali li jilqa’ għad-diffikultajiet ta’ finanzjament ta’ ċerti operaturi minħabba l-importanza tal-ispejjeż ta’ kapital tagħhom, billi jiġilhom iggarantit dħul fuq diversi snin, u jingħatawlhom il-mezzi li jagħmlu offerta kompetittiva fl-irkant, billi jkunu jistgħu jirkupraw l-ispejjeż tagħhom fuq diversi snin.

180

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kriterju deċiżiv użat mill-miżura inkwistjoni għad-determinazzjoni tal-operaturi eliġibbli li jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar minn sena huwa l-livell ta’ spejjeż ta’ kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament li jistgħu iżommu lil dawn l-operaturi milli jipparteċipaw fis-suq tal-kapaċità.

181

Peress li l-kuntratti ta’ tul ikbar kienu kkunsidrati neċessarji sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi, kien neċessarju li jiġi eżaminat liema kien it-tul neċessarju sabiex kull kategorija ta’ fornituri ta’ kapaċità tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ fis-suq tal-kapaċità, fid-dawl tal-ispejjeż ta’ investiment tagħhom u tad-diffikultajiet ta’ finanzjament, sabiex jiġi osservat l-obbligu li jiġu pprovduti inċentivi adegwati lill-operaturi kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-fatt li jiġu rriżervati l-kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar minn sena għal ċerti teknoloġiji kellux natura diskriminatorja u kienx kuntrarju għall-għan li jiġi implimentat suq tal-kapaċità newtrali fuq il-pjan teknoloġiku, li jmur kontra r-rekwiżiti tal-Linji Gwida.

182

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit li ma kienx neċessarju li jiġu offruti kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar minn sena lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba mingħajr ma eżaminat jekk l-ispejjeż ta’ kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament tagħhom setgħux jeħtieġu li jkun neċessarju li jkunu offruti l-possibbiltà li jiksbu tali kuntratti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw għall-irkant, filwaqt li jiġi evitat prezz tal-għeluq wisq għoli.

183

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat fid-dettall il-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-fornituri ta’ kapaċità li kienu qegħdin jibnu ċentrali ġodda jew jirrinnovaw ċentrali eżistenti. B’hekk, il-Kummissjoni talbet espressament lir-Renju Unit li jipprovdilha informazzjoni supplementari insostenn tal-għażliet tagħha fir-rigward ta’ tul tal-kuntratti tal-kapaċità, sa fejn kuntratti ta’ tul ikbar huma fil-prinċipju iktar problematiċi u għandhom jiġu ġġustifikati bir-reqqa (it-Tabella 16, paġna 161 tan-notifika). Il-Kummissjoni għalhekk setgħet tibbaża ruħha fuq informazzjoni ddettaljata pprovduta mir-Renju Unit rigward l-ispejjeż ta’ kapital u d-diffikultajiet ta’ finanzjament relatati mal-bini ta’ ċentrali ġodda sabiex jiġi ddeterminat it-tul ottimali tal-kuntratti tal-kapaċità u l-limiti f’termini ta’ spiża tal-kapital li għandhom ikunu suġġetti għalihom dawn il-kuntratti. Din kienet kwistjoni li dawn l-operaturi jiġu megħjuna jiksbu l-finanzjament neċessarju u li jiġi evitat li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-kapaċità twassal għal prezz ta’ għeluq għoli wisq, filwaqt li ma jkunux jistgħu jirkupraw l-integralita tal-ispejjeż fissi tagħhom ta’ investiment abbażi sempliċement tad- dħul li joriġina mis-suq tal-kapaċità. L-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit kienet tinkludi b’mod partikolari diversi studji ta’ każijiet iddettaljati li janalizzaw xenarji differenti kif ukoll mudelli ta’ pjanijiet kummerċjali ta’ diversi operaturi u ta’ diversi ċentrali (il-punti 4.3.1, 4.6.5, C.4.3 tan-notifika).

184

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma fittxitx li tanalizza fid-dettall l-ispejjeż ta’ kapital u l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba. Huwa minnu li wara l-ittra tal-UKDRA tad-9 ta’ Ġunju 2014 li permezz tagħha din l-assoċjazzjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar id-differenza fit-trattament bejn il-produtturi u l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jirreaġixxi. Madankollu, sussegwentement il-Kummissjoni kkuntentat ruħha billi tirrikonoxxi r-risposta tar-Renju Unit fejn huwa sempliċement afferma, minn naħa, li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba ma kellhomx l-istess bżonnijiet ta’ kapital bħall-operaturi ta’ ċentrali ġodda u, min-naħa l-oħra, li l-UKDRA ma kienet ipprovdiet ebda prova kwantitattiva insostenn tat-teżi tagħha li l-kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar kienu neċessarji sabiex tiġi sostnuta l-parteċipazzjoni tal-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għall-irkant (il-paragrafu 511 tan-notifika).

185

Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit ma pprovda ebda analiżi ddettaljata insostenn tal-pożizzjoni tiegħu, b’kuntrast ċar mal-informazzjoni dwar il-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-produtturi. In-nuqqas ta’ data dwar il-ġestjoni tat-talba, f’dak li jikkonċerna r-Renju Unit, fil-fatt ġiet irrimarkata mill-PTE fir-rapport tiegħu (ara, b’mod partikolari, il-paragrafi 19, 96 u 101 tar-rapport iċċitat fil-punti 141 u 142 iktar ’il fuq). Minkejja li l-Kummissjoni tikkwota parzjalment il-konklużjonijiet tar-rapport tal-PTE fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kkunsidratx li kien utli li tiġbor hi stess iktar informazzjoni dwar il-ġestjoni tat-talba sabiex tpatti għall-ftit informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit. Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas in-notifika ma jinkludu eżami ddettaljat tal-bżonnijiet ta’ kapital tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

186

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tat-tul tal-kuntratti tal-kapaċità li d-diversi fornituri tal-kapaċità setgħu jagħmlu offerti għalihom, kienet tikkostitwixxi l-argument prinċipali tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba kemm fil-konfronti tal-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll fil-konfronti tal-Kummissjoni. B’hekk, mill-kontribuzzjoni tal-UKDRA għall-konsultazzjoni pubblika, li l-Kummissjoni seta’ jkollha aċċess għaliha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-UKDRA kienet tikkonstesta mhux biss il-fatt li l-kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar minn sena kienu rriżervati biss għaċ-CMU ta’ produzzjoni bi spejjeż ta’ kapital li jaqbżu ċerti limiti, iżda wkoll il-livelli ta’ spejjeż ta’ kapital magħżula. B’mod partikolari, l-UKDRA stiednet espressament lir-Renju Unit joħloq mudell tal-bżonnijiet ta’ finanzjament ta’ diversi tipi ta’ teknoloġiji u jirrivedi l-ammont tal-limiti fuq din il-bażi. Barra minn hekk, permezz tal-ittra tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2014, l-UKDRA kienet għarrfet lill-Kummissjoni bid-domandi tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-kuntratti ta’ ħmistax‑il sena mal-Linji gwida u, indipendentement mill-kwistjoni tat-tul tal-kuntratti offruti, hija kienet tenniet il-volontà tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jkunu jistgħu jagħmlu offerti għall-istess tul ta’ kuntratti tal-kapaċità bħal dawk offruti lill-produtturi.

187

It-tielet nett, kemm l-UKDRA kif ukoll Tempus jammettu li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba l-ġodda ma għandhomx neċessarjament l-istess spejjeż ta’ kapital bħall-produtturi li jibnu ċentrali ġodda. Huma jsostnu madankollu li ċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba l-ġodda għandhom, l-istess bħaċ-CMU ta’ produzzjoni l-ġodda, spejjeż ta’ kapital u diffikultajiet ta’ finanzjament li jiġġustifikaw li jingħatawlhom kuntratti tal-kapaċità ta’ tul ikbar minn sena sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-suq tal-kapaċità. B’mod partikolari, Tempus issostni li l-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba għandhom jiżviluppaw portafoll ta’ klijenti biżżejjed wiesa’ sabiex jippermettilhom li jkopru avveniment ta’ kapaċità għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, l-investimenti neċessarji sabiex il-konsum ta’ elettriku ta’ kull wieħed minn dawn il-klijenti jsir flessibbli fiż-żmien, li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jista’ jkun li jkollhom jipparteċipaw għall-finanzjament tagħhom, jistgħu jkunu sostanzjali u jistgħu jitolbu kuntratti ta’ kapaċità għal tul ikbar. Bl-istess mod, il-PTE jirreleva espressament fil-paragrafu 99 tar-rapport tiegħu li ċerti investimenti relatati mal-ġestjoni tat-talba “[għandhom] bżonn taċ-ċertezza ta’ kuntratt ta’ kapaċità għal żmien twil sabiex jiksbu finanzjament” u jikkonkludi li huwa essenzjali li jiġu identifikati r-riżorsi potenzjali fil-qasam tal-ġestjoni tat-talba li ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq għaliex l-inċentivi eżistenti ma jippermettux lis-sinjali tas-suq li jissodisfaw l-eżiġenzi tagħhom. L-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, barra minn hekk ma kinux l-uniċi li sostnew li l-fornituri ta’ kapaċità kollha kellhom ikunu jistgħu jagħmlu offerti għall-istess tul ta’ kuntratt, indipendentement mit-teknoloġija użata, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi. Għalhekk, min-notifika jirriżulta li diversi kumpanniji tal-elettriku vertikalment integrati kienu enfasizzaw li, sabiex ikun possibbli paragun ġust tal-prezzijiet ta’ kapaċità, il-kapaċitajiet kollha għandu jkollhom aċċess għall-istess tul ta’ kuntratt u li l-fornituri ta’ kapaċità kollha għandu jkollhom il-libertà li jagħżlu t-tul ta’ kuntratt li jippermettilhom li jkunu kompetittivi fl-irkant (il-paġna 79 tan-notifika).

188

Ir-raba’ nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Tempus u l-UKDRA ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ppreżentawx informazzjoni iktar iddettaljata matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tfittex b’mod effettiv u b’mod diliġenti l-informazzjoni rilevanti (ara l-punt 69 iktar ’il fuq), sabiex ikollha, meta tadotta d-deċiżjoni kkontestata, elementi ta’ evalwazzjoni li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu kkunsidrati li huma suffiċjenti u ċari għall-bżonnijiet tal-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2008, Kronoply u Kronotex vs Il-Kummissjoni, T-388/02, mhux ippubblikata, EU:T:2008:556, punt 127, u tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T-388/03, EU:T:2009:30, punt 109). Għalhekk, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dubji fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa biżżejjed li Tempus turi li l-Kummissjoni ma fittxitx u ma eżaminatx b’mod diliġenti u imparzjali, l-elementi kollha rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi jew inkella li ma ħadithomx biżżejjed inkunsiderazzjoni, b’mod li telimina kull dubju rigward il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern.

189

F’dan il-każ, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 171 sa 176 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha, meta ffaċċjata b’nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-bżonnijiet ta’ kapital tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, tinforma ruħha iktar billi taċċetta, pereżempju, l-offerta magħmula mill-UKDRA, fl-ittra tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2014, li jipprovdilha iktar informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk l-għoti ta’ kuntratti ta’ tul differenti lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u lill-fornituri ta’ kapaċità l-oħrajn kienx kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan japplika iktar u iktar peress li s-settur tal-ġestjoni tat-talba huwa ddiversifikat ħafna u huwa stabbilit li l-awotoritajiet tar-Renju Unit ma tantx kellhom għarfien tal-imsemmi settur meta mqabbel ma’ dak tal-produzzjoni (ara l-punti 141 sa 145 iktar ’il fuq).

190

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-għoti ta’ kuntratti li jmorru sa tlieta jew ħames snin lil ċerti produtturi għandu effetti fuq il-kompetizzjoni matul il-tul kollu ta’ dawn il-kuntratti. Sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-settur tal-ġestjoni tat-talba kien għadu bil-bidu tiegħu fir-Renju Unit, hija kellha teżamina jekk l-impossibbiltà, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, li jagħmlu offerti għall-istess tul ta’ kuntratt bħall-produtturi kienx jirriskja li jnaqqas l-opportunitajiet tagħhom li jikkontribwixxu sabiex tiġi solvuta l-problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet tar-Renju Unit fil-mument meta s-settur tagħha jkun żviluppa iktar. Fil-fatt, l-għoti ta’ kuntratti ta’ tlieta jew ħames snin inaqqas fil-futur il-kapaċità irkantata fil-kuntest tas-suq tal-kapaċità.

191

Il-ħames nett, il-PTE iddeskriva, fil-paragrafu 102 tar-rapport tiegħu, ir-riskju marbut mal-implimentazzjoni tas-suq tal-kapaċità tar-Renju Unit fl-assenza ta’ informazzjoni biżżejjed dwar il-ġestjoni tat-talba fit-termini segwenti:

“Għal dawn ir-raġunijiet kollha, aħna nafu li National Grid ma kinitx kapaċi twettaq anliżi tal-ġestjoni tat-talba bir-reqqa u l-kwalità li kienu jikkaratterizzawha fil-parti l-kbira tal-bqija tax-xogħol tagħha. Madankollu, dan jimplika bżonn urġenti li tinħoloq proċedura sistematika sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi ta’ ġestjoni tat-talba ma jinħlewx unikament sabiex kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda jissoddisfaw il-vojt tal-ineffiċjenza”.

192

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit li ma kienx neċessarju li jiġu offruti kuntratti ta’ tul superjuri għal sena lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mingħajr ma jiġu eżaminati liema kienu l-livelli ta’ spiża f’kapital relatata maċ-CMU tal-ġestjoni tat-talba ġodda, u mingħajr ma jiġi vverifikat jekk kienx neċessarju li jiġu ffissati limiti speċifiċi għaċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba rigward il-bżonnijiet tagħhom ta’ finanzjament u tal-għanijiet intiżi minn din il-miżura.

193

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li d-differenza bejn it-tul ta’ kuntratt ta’ kapaċità offruta lill-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba u dawk offruti lill-produtturi tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li kellha teżamina l-livell tal-ispejjeż f’kapital u l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba sabiex tiġi vverfikata l-assenza ta’ kull ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-CMU ta’ produzzjoni u ċ-CMU tal-ġestjoni tat-talba minkejja l-assenza ta’ kull possibbiltà, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, li jiksbu kuntratti ta’ kapaċità ta’ tul ikbar minn sena. Fid-dawl tal-għanijiet teknoloġikament newtrali intiżi mill-miżura inkwistjoni u tal-kriterji kkunsidrati mill-miżura inkwistjoni, kellu jsir tali eżami qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija miżura hija inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l-għażla tar-Renju Unit li ma jippermettix lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jagħmlu offerti għall-istess tul ta’ kuntratt bħal dawk tat-teknoloġiji l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ eżami, jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ dubji.

2) Fuq il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż

194

Tempus issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji rigward in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni u, għalhekk dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, minħabba l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż magħżul li ma jinċentivax biżżejjed lill-konsumaturi jnaqqsu l-konsum tagħhom fil-perijodi tal-ikbar talba u għalhekk ma kienx jippermetti li jiġi llimitat l-ammont totali tal-għajnuna għall-minimu neċessarju.

195

Għalhekk, Tempus issostni li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż li ġie adottat, jiġifieri rkupru tal-ispejjeż ibbażat fuq il-konsum tal-elettriku bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar kull ġurnata tal-ġimgħa fix-xitwa minflok fuq il-konsum matul it-tliet xhur tal-ikbar talba annwali, (it-“trio”), ipoġġi fi żvantaġġ l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jżid l-ammont tal-għajnuna mogħtija. Fil-fatt, tali metodu jrendi iktar diffiċli għall-konsumaturi li ma jikkontribwixxux għall-ispejjeż tas-suq billi jnaqqsu l-konsum tagħhom, jiġifieri t-talba, fil-mument rilevanti, fid-dawl tan-natura inevitabbli ta’ dan il-konsum għall-impriżi u għall-familji. Dan japplika iktar u iktar peress li l-impriżi ż-żgħar u l-konsumaturi residenzjali ma jistgħux jevitaw l-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità permezz ta’ azzjonijiet ta’ ġestjoni tat-talba minħabba l-fatt li fir-Renju Unit ikunu kklassifikati skont il-profil tagħhom u mhux skont l-ammont tal-konsum tagħhom fuq kull nofs siegħa.

196

Barra minn hekk, billi ma jinċentivax biżżejjed lill-konsumaturi sabiex inaqqsu t-talba tal-elettriku preċiżament meta din tkun l-iktar għolja u l-kapaċità tkun l-iktar dgħajfa, Tempus tqis li l-metodu adottat iżid l-ammont tal-għajnuna mogħtija billi jobbliga lir-Renju Unit jikseb iktar kapaċità milli meħtieġ. Issa, skont Tempus, ir-Renju Unit ma jikkontestax li sinjal ta’ prezz iktar nett jista’ jwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna peress li, fil-bidu, huwa kien għażel il-metodu bbażat fuq it-trio, qabel ma biddel l-opinjoni tiegħu wara l-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika nazzjonali.

197

Barra minn hekk, Tempus issostni li l-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż ġie speċifikament mitlub mill-fornituri integrati vertikalment, li bbenefikaw minn dan il-bdil li sar. Issa, xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-26 ta’ Ġunju 2014, l-Office of Gas and Electricity Management (Ofgem, l-Uffiċċju tal-ġestjoni tal-gass u tal-elettriku, ir-Renju Unit) kien iddeċieda li jitlob formalment lill-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-kompetizzjoni u tas-swieq, ir-Renju Unit) li tinvestiga dwar is-suq tal-provvista tal-elettriku u tal-gass lill-individwi u lill-impriżi żgħar minħabba, b’mod partikolari, tħassib imqajjem mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-fornituri integrati vertikalment, b’mod partikolari dwar l-aċċess għas-suq fuq suq fejn il-kompetizzjoni hija diġà dgħajfa (l-Anness E3 tal-osservazzjonijiet fin-nota ta’ intervent, paragrafi 3.16 sa 3.18 u l-Anness E4 tal-osservazzjonijiet fin-nota ta’ intervent, paragrafu 1.39).

198

Il-Kummissjoni tirrispondi li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż jaqa’ taħt il-kapitlu finanzjarju tas-suq tal-kapaċità li ma huwiex, tal-inqas direttament, rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni. Il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż użat f’dan il-każ huwa kompromess bejn l-interess li jinżamm inċentiv għat-tnaqqis tal-konsum u dak li titnaqqas l-inċertezza tal-fornituri ta’ elettriku fir-rigward tal-parti tal-ispiża li jifdal taħt ir-responsabbiltà tagħhom, fejn l-analiżi fid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern tar-Renju Unit fin-notifika, b’risposta għall-ittra tal-UKDRA. Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż jibbenefika lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u li, fi kwalunkwe każ, hija żżid livell supplementari ta’ pprezzar tal-perijodu tal-ikbar talba, li ma huwiex il-każ fil-metodi l-oħra bħall-prezzijiet ta’ somma fissa jew tassazzjoni ġenerali. Ir-Renju Unit iżid li, matul il-konsultazzjoni pubblika nazzjonali, il-parteċipanti kienu ntalbu speċifikament jipproponu alternattivi għall-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż ibbażat fuq it-trio.

199

F’dan ir-rigward, il-Linji gwida jistabbilixxu li miżura ta’ għajnuna hija kkunsidrata proporzjonata biss jekk l-ammont tagħha jkun limitat għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż [il-paragrafu 27(e) u l-paragrafu 69 tal-Linji Gwida]. Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna favur l-adegwatezza tal-kapaċitajiet, dawn għandhom ikunu maħsuba b’mod li jiggarantixxu li l-prezz imħallas għad-disponibbiltà tal-kapaċitajiet ikun ixaqleb awtomatikament lejn żero meta l-livell ta’ kapaċità pprovduta jkun adegwat biex jirrispondi għal-livell tal-kapaċitajiet mitluba (il-paragrafu 231 tal-Linji Gwida).

200

F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż esposti għall-finanzjament tal-kuntratti tal-kapaċità adottati mill-miżuri inkwistjoni jikkonsisti f’miżata applikata għall-fornituri kollha tal-elettriku awtorizzati u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tas-sehem tas-suq tagħhom fit-talba tal-elettriku rreġistrata bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar matul il-ġimgħa, minn Novembru sa Frar (il-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

201

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvat il-metodu ta’ rkupru adottat fil-miżura inkwistjoni. Għalhekk, hija kkunsidrat li dan il-metodu jikkostitwixxi inċentiv sabiex titnaqqas it-talba tal-elettriku matul il-perijodi tal-ikbar talba, filwaqt li jkunu prevedibbli mill-fornituri tal-elettriku (il-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

202

Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tapprova l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż adottat fil-miżura inkwistjoni mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew jekk dan il-metodu kellux iwassal lill-Kummissjoni jkollha dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

203

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern u, b’mod partikolari, tan-natura proporzjonata tagħha.

204

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ammont tal-għajnuna jiddependi mill-volum tal-kapaċità mixtrija permezz tas-suq tal-kapaċità u mill-prezz tal-għeluq tal-irkant. Issa, minn naħa, il-volum tal-kapaċità rkantat mir-Renju Unit huwa ddeterminat minn stima tat-talba tal-elettriku kif ukoll mill-kapaċitajiet disponibbli u permezz tal-applikazzjoni ta’ regola ta’ affidabbiltà sabiex jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ adegwatezza tal-kapaċità (il-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-volum ta’ kapaċità meħtieġ huwa għalhekk direttament marbut mal-livell ta’ elettriku kkonsmat fil-perijodi tal-ikbar talba. Inqas kemm ikun hemm perijodi ta’ talba kbira, inqas ikun meħtieġ għar-Renju Unit li jixtri kapaċità sabiex jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ sigurtà ta’ provvista ta’ elettriku. Min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-volum ta’ kapaċità rkantat jista’ wkoll iwassal għal tnaqqis tal-prezz ta’ għeluq sa fejn dan iwassal sabiex ikun hemm numbru ikbar ta’ fornituri ta’ kapaċità f’kompetizzjoni għall-istess volum ta’ kapaċità. Fil-fatt, kif jirrikonoxxi r-Renju Unit fin-notifika tiegħu, kompetizzjoni ikbar twassal għal tnaqqis tal-prezz ta’ għeluq (il-punt 2, “Box 2 – When will it be possible to withdraw the Capacity Market?”, tan-notifika). In-notifika tirrikonoxxi barra minn hekk li tnaqqis tal-konsum tal-elettriku matul il-perijodi tal-ikbar talba jwassal, biż-żmien, għall-ħruġ mis-suq tal-kapaċità (ara l-iskemi 8 u 9 fil-paġna 47 tan-notifika li jindikaw kif il-problema tal-“missing money” ser titnaqqas mal-progress tat-talba).

205

It-tieni nett, ir-Renju Unit ammetta li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità jinfluwenza l-volum tal-kapaċità mqiegħda fis-suq. B’hekk, ir-Renju Unit spjega li l-fatt li l-miżata intiża sabiex tiffinanzja l-irkupru tal-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità hija marbuta mal-konsum tal-elettriku matul il-perijodi tal-ikbar talba jikkostitwixxi inċentiv ċar għall-partijiet ikkonċernati li jnaqqsu l-konsum tagħhom matul dawn il-perijodi tal-ikbar talba, li jnaqqas il-kapaċità li għandha tinxtara sabiex jintlaħaq il-livell ta’ sigurtà ta’ provvista mixtieq u, għaldaqstant, titnaqqas ukoll l-ispiża għall-konsumaturi (punt 624 tal-proġett ta’ suq tal-kapaċità suġġett għall-konsultazzjoni pubblika).

206

It-tieni lok, min-notifika jirriżulta li r-Renju Unit biddel il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż wara l-konsultazzjoni pubblika. Fil-fatt, huwa kien inizjalment ippjana li jikkalkola l-ammont tat-tariffa abbażi tas-sehem tas-suq tal-fornituri ta’ elettriku fit-talba tal-elettriku rreġistrata matul il-perijodi msejħa “trio” jiġifieri t-tliet perijodi ta’ nofs siegħa li jirreġistraw l-ikbar talba ta’ konsum tal-elettriku annwalment fir-Renju Unit fuq il-perijodu li jmur minn Novembru sa Frar (il-paragrafi 521 u 522 tan-notifika). Huwa biss wara l-konsultazzjoni pubblika li r-Renju Unit biddel il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż sabiex jadotta dak deskritt fil-punt 200 iktar ’il fuq, jiġifieri metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż ibbażati fuq il-konsum tal-elettriku bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar kull ġurnata tal-ġimgħa fix-xitwa.

207

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit mingħajr ma eżaminat il-konsegwenzi ta’ dan il-bdil fuq l-ammont totali tal-għajnuna u, għaldaqstant, fuq in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni.

208

Fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2014, l-UKDRA ressqet quddiem il-Kummissjoni t-tħassib tagħha wara l-bdil tal-metodu tal-irkupru tal-ispejjeż. Minn naħa, skont l-UKDRA, tali metodu jattenwa s-sinjal ta’ prezz li għandu jintbagħat lill-konsumaturi fil-mumenti tal-ikbar talba sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-attenzjoni tal-Kummissjoni nġibdet ukoll fuq il-fatt li l-konsumaturi residenzjali kienu kklassifikati skont profili stabbiliti minn qabel u li ma jistgħux jevitaw l-ispejjeż tas-suq tal-kapaċità billi jibdlu l-konsum tagħhom bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar.

209

Ċertament, wara l-ittra tal-UKDRA tad-9 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jirreaġixxi. Madankollu, il-Kummissjoni sussegwentement ikkuntentat ruħha li tieħu att tar-risposta tar-Renju Unit li permezz tagħha llimita ruħu biex jafferma li l-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż finalment adottat kien iżomm inċentiv biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku fil-perijodi tal-ikbar talba, filwaqt li huwa iktar prevedibbli għall-fornituri (il-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, skont ir-Renju Unit, peress li l-perijodi tat-trio kienu ddeterminati posterjorament, l-użu tagħhom bħala perijodi ta’ referenza għall-kalkolu tal-miżata kien joħloq inċertezza għall-fornituri rigward l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-finanzjament tas-sistema li seta’ jinċentivahom sabiex iġiegħlu lill-konsumaturi jħallsu prezz ogħla. Ir-Renju Unit sostna wkoll li l-fatt li jittieħed perijodu determinat u prevedibbli bħala riferiment għall-kalkolu tat-tariffa kien intiż li jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ prezz skont il-ħin tal-konsum, li kellu jibbenefika lill-konsumaturi residenzjali li għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jirreaġixxu u li jnaqqsu l-konsum tagħhom bejn l-4:00 u s-7:00 ta’ waranofsinhar fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa, matul ix-xhur tax-xitwa (il-paragrafu 522 tan-notifika).

210

Issa, minkejja r-rikonoxximent tal-influwenza tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fuq il-volum tal-kapaċità li hemm bżonn li tinkiseb fuq is-suq tal-kapaċità, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż il-ġdid kienx iżomm effettivament inċentiv ekwivalenti għat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku fil-perijodi tal-ikbar talba, b’mod partikolari permezz tal-inkoraġġament tal-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

211

Il-Kummissjoni lanqas ma vverifikat jekk il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż adottat kienx jaffettwa l-aċċess għas-suq, b’mod partikolari tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, billi jżid l-ostakli għad-dħul u għall-espansjoni li jirriżultaw mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-fornituri integrati vertikalment. Issa, miżura ta’ għajnuna tista’ wkoll tiġġenera tgħawwiġ tal-kompetizzjoni billi żżid jew iżżomm setgħa tas-suq sostanzjali għall-benefiċjarju. Anki meta l-għajnuna ma ssaħħaħx is-saħħa fis-suq direttament, tista’ tagħmel dan indirettament, billi tiskoraġġixxi l-espansjoni ta’ kompetituri eżistenti jew twassalhom biex joħorġu mis-suq jew tiskoraġġixxi d-dħul ta’ kompetituri ġodda (il-paragrafu 92 tal-Linji Gwida).

212

Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li l-metodu propost inizjalment seta’ jinċentiva lill-fornituri tal-elettriku jimponu prezz ogħla fuq il-konsumaturi finali, il-Kummissjoni ma spjegatx kif dan ir-riskju kellu kwalunkwe relevanza fuq l-ammont totali tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk tali prezz setgħax, għall-konsumaturi, jiġi kkumpensat bil-possibbiltà li jitnaqqas il-volum ta’ kapaċità mixtrija permezz tas-suq tal-kapaċità, jew il-prezz tal-għeluq, għar-raġunijiet esposti fil-punti 204 u 205 iktar ’il fuq.

213

Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li hija l-Kummissjoni li kellha teżamina l-eventwali effett tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fuq in-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx informazzjoni kompleta f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tal-bdil tal-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jikkostitwixxi indizju supplementari tal-eżistenza ta’ dubji.

3) Fuq il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità

214

Tempus issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern sa fejn tmur kontra l-Linji gwida u, b’mod partikolari kontra l-obbligu li jiġu inkoraġġuti u li jiġu pprovduti inċentivi adegwati għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, minħabba l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità li huma suġġetti għalihom l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u li jrendu diffiċli l-parteċipazzjoni tagħhom għas-suq tal-kapaċità.

215

L-ewwel nett, Tempus issostni li l-interazzjoni bejn l-irkant tranżitorju u l-irkant fit-tul tinċentiva lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jipparteċipaw għall-irkant tranżitorju minħabba kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni iktar favorevoli, li jwassal de facto sabiex jiġu esklużi mill-ewwel irkant T-4. Minflok jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità billi jagħtihom l-okkażjoni suppelementari li jagħmlu offerti, l-irkant tranżitorju iwassal għalhekk fil-verità sabiex jillimita l-parteċipazzjoni tagħhom għall-irkant fit-tul.

216

It-tieni nett, Tempus issostni li l-miżura inkwistjoni tpoġġi fi żvantaġġ lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba billi tobbliga l-parteċipanti kollha fis-suq tal-kapaċità jiggarantixxi avvenimenti ta’ kapaċità ta’ tul indeterminat, meta l-parti l-kbira tal-avvenimenti ta’ kapaċità għandhom biss tul limitat fiż-żmien. B’hekk, il-miżura inkwistjoni ma tiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-kapaċità.

217

It-tielet nett, Tempus issostni li l-fatt li l-parteċipanti għas-suq tal-kapaċità huma suġġetti għall-istess obbligu ta’ garanzija ta’ offerta jista’ jikkawża problema ta’ dħul fis-suq għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, minħabba l-fatt li s-settur għadu fil-bidu tiegħu. Il-problema hija aggravata mill-obbligu ta’ offerta sabiex jiġu koperti l-avvenimenti ta’ kapaċità għal tul indeterminat. Ir-Renju Unit kien barra minn hekk inizjalment ippreveda li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba l-ġodda jiġu suġġetti għal garanzija ta’ offerta inferjuri minn dik tal-produtturi l-ġodda. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

218

Ir-raba’ nett, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni fir-risposta, li l-iffissar għal 2 MW tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni fl-irkant għal żmien twil kien baxx u kien jippermetti li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, Tempus issostni li dan il-limitu kien fil-fatt pjuttost għoli, b’mod partikolari fid-dawl tal-limitu adottat fl-eżempji Amerikani tas-suq tal-kapaċità, u jsaħħaħ il-problemi marbuta mal-ammont tal-garanzija ta’ offerta.

219

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, issostni, l-ewwel nett, li l-miżura inkwistjoni ma timponix fuq l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jagħżlu bejn l-irkant tranżitorju u l-irkant fit-tul, iżda għall-kuntrarju toffri possibbiltà supplementari għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li ma kinux f’pożizzjoni li jipparteċipaw fl-ewwel irkant T-4 jew li pparteċipaw mingħajr suċċess, sabiex tinkoraġġixxi t-tkabbir tas-settur. Peress li l-irkant tranżitorju ma huwiex intiż li jservi ta’ sostenn supplementari għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jistgħu jirbħu irkant fit-tul, huwa ġġustifikat li jiġu esklużi mill-ikrant tranżitorju l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li pparteċipaw b’suċċess għall-irkant fit-tul.

220

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-għan intiż mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista indipendentement mit-tul effettiv ta’ kull sitwazzjoni ta’ tensjoni fuq in-network, l-assenza ta’ possibbiltà li ssir offerta għall-avvenimenti ta’ kapaċità għal terminu fiss ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni kontra l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba sa fejn il-previżjoni ta’ tali possibbiltà tillimita l-affidabbiltà tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba meta mqabbla mal-fornituri l-oħra ta’ kapaċità, tirdoppja l-kumplessità tal-irkant u tista’ wkoll tobbliga lir-Renju Unit ifittex li jikseb iktar kapaċità. Ir-Renju Unit iżid li għalkemm il-possibbiltà li ssir offerta għal avvenimenti ta’ kapaċità għal terminu fiss tista’ tkun utli għas-settur tal-ġestjoni tat-talba, għaliex hija iktar familjari għalih u tippermettilu li jagħmel offerti iktar preċiżi, hija ma hijiex iġġustifikata fl-irkant fit-tul sa fejn tirriskja li tikkomprometti l-għan intiż (jew li trendih iktar għoli).

221

It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ garanzija ta’ offerta huma raġonevoli. Hija tirreleva li tali garanzija hija intiża sabiex turi s-serjetà tal-intenzjoni ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi l-ġodda u sabiex tinċentivahom jipprovdu l-kapaċitajiet neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sigurtà tal-provvista. Hija tirreleva li ma tqajmet ebda problema ta’ diskriminazzjoni f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li d-differenza bejn l-ammont tal-garanzija tal-offerta meħtieġa fil-kuntest tal-iskema fit-tul u dik meħtieġa fil-kuntest tal-iskema tranżitorja hija dovuta għall-fatt li din tal-aħħar ġiet speċjalment maħsuba sabiex tinkoraġġixxi lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba l-ġodda. Ir-Renju Unit iżid li l-parti l-kbira tar-risposti għall-konsultazzjoni pubblika sostnew l-inklużjoni ta’ rekwiżit ta’ garanzija għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u qies li l-livell propost kien xieraq.

222

Fl-aħħar nett, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta’ Tempus dwar il-limitu minimu ta’ 2 MW huma inammissibbli peress li tqajmu fl-istadju tar-replika. Hija ssostni barra minn hekk li l-limitu ta’ 2 MW huwa baxx.

223

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Linji gwida jipprovdu fil-paragrafu 226 tagħhom, li l-miżuri ta’ għajnuna għandhom ikunu miftuħa u jipprovdu inċentivi adegwati kemm għall-produtturi eżistenti kif ukoll għall-produtturi futuri, kif ukoll għall-operaturi li jużaw teknoloġiji sostitwibbli, bħas-soluzzjonijiet ta’ adattament tat-talba jew tal-ħażna.

224

F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li n-notifika tindika li l-miżura inkwistjoni tinkludi ċertu numru ta’ miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

225

L-ewwel nett, in-notifika tirreleva li l-organizzazzjoni tal-irkant tranżitorju hija intiża espressament sabiex issostni t-tkabbir tal-ġestjoni tat-talba u sabiex tagħti lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba l-aħjar opportunità possibbli li jipparteċipaw b’suċċess fl-iskema fit-tul sussegwentement. Lil hinn mill-istess eżistenza tiegħu, l-irkant tranżitorju għandu ċerti karatteristiċi intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba. Għalhekk, il-garanzija ta’ offerta għall-parteċipazzjoni għall-irkant tranżitorju hija ffissata għal livell limitu ta’ 10 % tal-livell meħtieġ għall-parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul. Barra minn hekk, l-irkant tranżitorju jippermetti li jsiru offerti sabiex ikunu koperti avvenimenti ta’ kapaċità għal terminu fiss, filwaqt li l-irkant fit-tul jeżiġi parteċipanti li jintrabtu li jkopru avvenimenti ta’ kapaċità ta’ tul indeterminat (il-paragrafi 222 u 223 tan-notifika).

226

It-tieni nett, in-notifika tirreleva li l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba huwa inkoraġġut mill-organizzazzjoni tal-irkant T-1 u, b’mod partikolari, mill-garanzija li r-Renju Unit jikseb b’dan il-mod 50 % tal-volum ta’ kapaċità inizjalment irriżervat għal tali rkant, tkun xi tkun l-evoluzzjoni tal-bżonnijiet f’kapaċità bejn il-mument meta jiġi organizzat l-irkant T-4 u l-mument meta jiġi organizzat l-irkant T-1 (il-paragrafi 224 sa 226 tan-notifika).

227

It-tielet nett, in-notifika tirreleva li l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba huwa wkoll inkoraġġut minn ċerti kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-iffissar ta’ limitu minimu għal 2 MW, tal-possibbiltajiet ta’ aggregazzjoni u tal-possibbiltà, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, li jinfluwenzaw il-prezz tal-għeluq (il-paragrafu 224 tan-notifika).

228

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni approvat il-pożizzjoni tar-Renju Unit. B’hekk, hija indikat espressament fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżura inkwistjoni ssostni l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba u tinkludi miżuri speċifikament intiżi sabiex jgħinu fl-iżvilupp ta’ dan is-settur li għadu bil-bidu tiegħu. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan jirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-irkant tranżitorju huwa “rriżervat” għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u huwa speċifikament strutturat sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba, billi jgħin lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li għad ma humiex biżżejjed maturi sabiex ikunu kompetittivi fil-kuntest tal-irkant fit-tul (il-premessi 51 u 107 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan jirrigwarda wkoll il-garanzija li l-irkant T-1, li jikkostitwixxi “mezz ta’ aċċess aħjar għas-suq” għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba milli l-irkant T-4, jiġi organizzat u li l-Renju Unit “jintrabat” li jikseb tal-inqas 50 % tal-volum irriżervat għal tali rkant, filwaqt li jżomm ċertu flessibbiltà fuq żmien twil (il-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

229

Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tapprova l-miżura inkwistjoni bħala li tipprovdi inċentivi adegwati għall-ġestjoni tat-talba mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew jekk il-Kummissjoni kellux ikollha dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern.

i) Fir-rigward tal-irkant tranżitorju

230

Tempus issostni, essenzjalment, li kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni iktar favorevoli jwasslu lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba sabiex jipprivileġġaw il-parteċipazzjoni għall-irkant tranżitorju. Skont Tempus, dan iwassal sabiex jiġu esklużi de facto l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mill-ewwel irkant T-4. Dan iwassal ukoll sabiex jiġi mbarrat is-suq minħabba kuntratti ta’ kapaċità għal żmien twil mogħtija lill-produtturi matul dan l-irkant.

231

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma teskludix l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mill-irkant fit-tul T-4 u T-1, sakemm ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni stabbiliti.

232

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Tempus, għandu jiġi kkonstatat li ma teżistix esklużjoni reċiproka vera bejn il-parteċipazzjoni għall-irkant tranżitorju u l-parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul. Minn naħa, l-operaturi tat-talba li l-offerti tagħhom ma jkunux setgħu jintlaqgħu fl-ewwel irkant T-4 jibqagħlhom il-possibbiltà li jipparteċipaw għall-irkant tranżitorju. Min-naħa l-oħra, l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jkunu ntlaqgħu l-offerti tagħhom fl-irkant tranżitorju jibqgħalhom il-possibbiltà li jipparteċipaw sussegwentement fl-irkant fit-tul T-4 u T-1 sussegwenti. Il-miżura inkwistjoni għalhekk ma tobbligax lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jagħżlu bejn li jipparteċipaw għall-irkant tranżitorju jew li jipparteċipaw għall-irkant fit-tul.

233

Ċertament, l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jkunu kisbu kuntratt ta’ kapaċità wara l-ewwel irkant T-4 ma humiex eliġibbli jipparteċipaw għall-irkant tranżitorju. Kuntrarjament għal dak li ssostni Tempus, din il-limitazzjoni ma teskludix madankollu l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mill-ewwel irkant T-4. Fil-fatt, l-irkant tranżitorju huwa intiż unikament sabiex jgħin lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li ma jkunux għadhom saru maturi biżżejjed sabiex jipparteċipaw b’suċċess għall-ewwel irkant fit-tul li jiżviluppaw ruħhom billi tingħatalhom possibbiltà supplementari li jirċievu ħlas ta’ kapaċità mill-2015 sal-2016 sabiex ikunu iżjed kompetittivi fl-irkant fit-tul sussegwenti. F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li s-settur tal-ġestjoni tat-talba għadu biss fil-bidu tiegħu ma jeskludix li ċerti operaturi tal-ġestjoni tat-talba jkunu diġà laħqu livell ta’ maturità biżżejjed sabiex jipparteċipaw b’mod kompetittiv għall-irkant fit-tul sa mill-ewwel irkant T-4.

234

It-tielet nett, fir-rigward tar-riskju li s-suq jiġi mbarrat minħabba l-iċken parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għall-ewwel irkant T-4 u tal-għoti konsegwenti ta’ wisq kuntratti ta’ kapaċità għal żmien twil lill-produtturi, dan l-argument ser jiġi eżaminat ma’ dawk relatati mal-interazzjoni bejn l-irkant T-4 u l-irkant T-1. Fil-fatt, ir-riskju allegat minn Tempus li s-suq jiġi mbarrat jippreżupponi li l-volum ta’ kapaċità rriżervat għall-irkant T-1 ma jippermettix l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

235

Għandu jiġi konkluż li l-interazzjoni bejn l-irkant tranżitorju u l-irkant fit-tul ma twassalx sabiex jiġu esklużi l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mill-irkant fit-tul.

236

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-irkant tranżitorju, mid-definizzjoni tiegħu, ma jagħmilx parti mill-iskema fit-tul. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li dan l-irkant tranżitorju ma huwiex irriżervat biss għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, iżda huwa wkoll miftuħ għall-unitajiet ta’ produzzjoni żgħar bħalma huwa indikat fl-Artikolu 29 tar-Regolament tal-2014 dwar il-kapaċità elettrika. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu wkoll jiġi eżaminat jekk l-irkant fit-tul jipprovdix lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba inċentivi adegwati.

ii) Fir-rigward tal-irkant T-1 u tal-internazzjoni tiegħu mal-irkant T‑4

237

Tempus issostni, essenzjalment, li l-irkant fit-tul ma jipprovdix inċentivi adegwati għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għaliex, minn naħa, l-irkant T-4 ma huwiex adattat għat-termini ta’ eżekuzzjoni (lead time) tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u, min-naħa l-oħra, il-volum ta’ kapaċità rriżervata għall-irkant T-1 huwa limitat.

238

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li l-irkant T-1 huwa partikolarment importanti għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

239

Fil-fatt, hemm qbil bejn il-partijijiet li l-irkant T-1 jista’ jkun iżjed adattat għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba mill-irkant T-4 minħabba t-termini ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-operaturi. Għalhekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-irkant T-1 jikkostitwixxi “mezz aħjar ta’ aċċess għas-suq” għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba (il-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, fir-rikors, Tempus tikkunsidra li jista’ jkun difiċli għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jipparteċipaw għall-irkant T-4 sa fejn l-irkant jeħtieġ li jsiru l-offerti u li jitwettqu investimenti immedjatament sabiex jiġu pprovduti l-kapaċitajiet erba’ snin wara u l-ħlas jiġi rċevut biss erba’ snin wara (rikors, il-punt 75).

240

Il-volum ta’ kapaċità rriżervat għall-irkant T-1 huwa fil-fatt ikkalkolat fil-miżura inkwistjoni abbażi ta’ stima tal-ġestjoni tat-talba bi profitt li tista’ tipparteċipa għal dan l-irkant (il-premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

241

Issa, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-volum ta’ kapaċità rriżervat għall-irkant T-1 huwa limitat meta mqabbel mal-volum ta’ kapaċità rkantat fl-irkant T‑4. Barra minn hekk, l-irkant T-1 bl-ebda mod ma huwa rriżervat biss għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u parti mill-volum ta’ kapaċità fl-irkant T-1 tista’ għalhekk tiġi attribwita lil fornituri ta’ kapaċità differenti mill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

242

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-proċess jirriżulta li ma teżistix garanzija li r-Renju Unit jorganizza rkant T-1 jekk jiġi organizzat irkant T-4, u lanqas li ser jakkwista b’dan il-mod tal-inqas 50 % tal-volum inizjalment irriżervat għall-irkant T-1. Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 7(4)(b), l-Artikoli 10 u 26 tar-Regolament tal-2014 dwar il-kapaċità elettrika, moqrija flimkien, jindikaw li s-Segretarju tal-Istat jista’ jiddeċiedi li ma jorganizzax irkant T-1, it-test ma jgħid xejn rigward l-obbligu li jitqiegħed għall-irkant tal-inqas 50 % tal-volum ta’ kapaċità inizjalment irriżervat għal tali rkant. Fis-seduta, b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit lanqas ma kienu kapaċi jidentifikaw id-dispożizzjoni legali li tikkonferma l-eżistenza ta’ tali garanzija, lil hinn mid-dikjarazzjonijiet politiċi tar-Renju Unit.

243

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li, għalkemm l-organizzazzjoni ta’ rkant T-1 tista’ effettivament tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji rigward il-portata ta’ dan l-effett ta’ inċentiv f’dan il-każ fir-rigward tal-volum limitat tal-kapaċità rriżervata għall-irkant T-1 u tal-assenza ta’ dispożizzjoni legali espressa li tikkonferma l-garanzija tar-Renju Unit li jakkwista tal-inqas 50 % tal-volum irriżervat għal dan l-irkant.

iii) Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul

244

Tempus issostni, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul ma jippermettux li jingħataw inċentivi adegwati lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba. Skont Tempus, hemm probabbiltà żgħira ħafna fil-prattika, fid-dawl ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni, li dawn l-operaturi jkunu f’pożizzjoni li jipparteċipaw għall-irkant T-4. Tempus tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-impossibbilta għal dawn l-operaturi li jagħmlu offerti għal obbligi li jkopru avvenimenti ta’ kapaċità fuq terminu fiss u fuq l-ammont tal-garanzija ta’ offerta.

245

Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tul tal-avvenimenti ta’ kapaċità, Tempus issostni li l-miżura inkwistjoni tiddiskrimina l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba billi tittratta b’mod ekwivalenti l-parteċipanti kollha għall-irkant fit-tul u billi tobbligahom kollha kemm huma, inkluż dawn l-operaturi, jagħmlu offerti għal avveniment ta’ kapaċità għal żmien twil.

246

F’dan ir-rigward, kif issostni Tempus, ir-Renju Unit għażel, għall-iskema fit-tul, li jimponi fuq l-operaturi kollha li jkunu jistgħu jirrispondu għal avveniment ta’ kapaċità ta’ tul indeterminat. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-irkant tranżitorju, l-Artikolu 29(3) tar-Regolament tal-2014 dwar il-kapaċità elettrika jippermetti lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba li jagħżlu li jagħmlu offerta għal obbligu li jkopri avvenimenti ta’ kapaċità jew għal terminu fiss, jew għal tul indeterminat. Barra minn hekk, kif jirrikonoxxi r-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, obbligi ta’ terminu fiss huma iktar familjari għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u jistgħu jgħinuhom jikkwantifikaw preċiżament l-espożizzjoni tagħhom għar-riskju li bħala konsegwenza jippermetti offerti iżjed preċiżi fil-kuntest tal-iskema fit-tul.

247

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni ġustament li offerti limitati għall-kopertura ta’ avvenimenti ta’ kapaċitajiet għal terminu fiss joħolqu livell ta’ sigurtà ta’ provvista minimu meta mqabbel mal-offerti li jkopru avvenimenti ta’ kapaċità għal żmien indeterminat u ma jippermettux għalhekk daqshekk faċilment li jintlaħaq il-livell ta’ sigurtà ta’ provvista mixtieq. Il-fatt li jiġu imposti fuq il-fornituri kollha kapaċitajiet li jkopru avvenimenti ta’ kapaċità għal tul indeterminat, fejn għalhekk l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jkollhom ibatu r-riskju ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ ta’ avvenimenti ta’ kapaċità li jdumu fiż-żmien, ma huwiex għalhekk ta’ natura li joħloq dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, sakemm il-miżura inkwistjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ finanzjament partikolari ta’ kull teknoloġija sabiex tippermetti lill-fornituri ta’ kapaċità kollha effettivament fis-suq tal-kapaċità. Kif ġie espost fil-punti 182 sa 192 iktar ’il fuq, madankollu ma jidhirx li l-Kummissjoni fittxet li tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni tiħux inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

248

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-garanzija ta’ offerta, Tempus issostni li l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq tal-kapaċità jiġu suġġetti għall-istess obbligu ta’ garanzija ta’ offerta jista’ jikkawża problema ta’ dħul fuq is-suq għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, minħabba l-fatt li s-settur tal-ġestjoni tat-talba għadu fil-bidu tiegħu.

249

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-Renju Unit ammetta li l-garanzija ta’ offerta seta’ jikkostitwixxi barriera għad-dħul ta’ operaturi ta’ ġestjoni tat-talba ġodda. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li r-Renju Unit kien inizjalment ippjana li jnaqqas l-ammont tal-garanzija ta’ offerta għaċ-CMU tal-ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati sabiex jevita li din il-garanzija ta’ offerta tkun tippreżenta barriera għad-dħul ta’ operaturi tal-ġestjoni tat-talba ġodda (il-punt 565 tal-proġett ta’ suq tal-kapaċità suġġett għal konsultazzjoni pubblika). Bl-istess mod, matul il-konsultazzjoni pubblika, ċerti operaturi ta’ ġestjoni tat-talba kienu wkoll iddikjaraw li l-ammont tal-garanzija ta’ offerta kien jikkostitwixxi barriera għad-dħul ta’ operaturi tal-ġestjoni tat-talba ġodda. L-ammont tal-garanzija ta’ offerta seta’ jikkostitwixxi barriera għad-dħul għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba l-ġodda peress li l-parteċipanti kollha fis-suq tal-kapaċità għandhom jintrabtu li jkopru avvenimenti ta’ kapaċità għal tul indeterminat filwaqt li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jista’ jkollhom iktar diffikultajiet mill-produtturi sabiex ikopru avveniment ta’ kapaċità li jdum maż-żmien. Sa fejn l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jirriskjaw, potenzjalment, li jiġu kkunsidrati li huma iktar suxxettibbli li ma josservawx l-obbligi tagħhom, huma jista’ għalhekk ikollhom iktar diffikultajiet biex jiffinanzjaw l-ammont tal-garanzija tal-offerta.

250

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-osservazzjonijiet tal-produtturi u tad-distributuri b’risposta għall-konsultazzjoni pubblika, ir-Renju Unit iddeċieda li jpoġġi fuq l-istess linja, fil-miżura inkwistjoni, il-garanzija ta’ offerta imposta fuq iċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati ma’ dik meħtieġa miċ-CMU ta’ produzzjoni li għandhom ma humiex operattivi. Il-miżura inkwistjoni hija għalhekk inqas favorevoli għall-operaturi ta’ ġestjoni tat-talba mis-sistema inizjalment ippjanata bħala risposta għad-diffikultajiet ta’ finanzjament ta’ dawn l-operaturi.

251

Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-risposta, filwaqt li r-Renju Unit kien inizjalment ippreveda li l-garanzija ta’ offerta kienet kompletament mitlufa f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni tipprovdi li l-garanzija ta’ offerta minn issa ’l quddiem tintilef biss bi prorata tal-volum ta’ kapaċità li ma jkunx ġie effettivament ipprovdut mill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, sakemm dawn jipprovdu tal-inqas 90 % mill-volum ta’ kapaċità li kienu ntrabtu li jipprovdu. Il-miżura inkwistjoni tinkludi għalhekk miżura speċifikament intiża li tikkompensa, għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, it-telf tal-vantaġġ li jikkonsisti f’ammont imnaqqas tal-garanzija ta’ offerta wara li l-ammont tal-garanzija ta’ offerta taċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati ġie mqiegħed fuq l-istess linja ma’ dak taċ-CMU ta’ produzzjoni l-ġodda.

252

Konsegwentement, fid-dawl tal-għan intiż mill-impożizzjoni ta’ garanzija ta’ offerta, it-tqegħid fuq l-istess linja tal-ammont tal-garanzija ta’ offerta taċ-CMU ta’ ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermati u taċ-CMU ta’ produzzjoni l-ġodda ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex joħloq dubji rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, sa fejn l-imsemmija miżura tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ finanzjament partikolari għal kull teknoloġija sabiex tippermetti lill-fornituri ta’ kapaċità kollha jipparteċipaw effettivament fuq is-suq tal-kapaċità. Kif ġie espost fil-punti 182 sa 192 iktar ’il fuq, madankollu ma jidhirx li l-Kummissjoni fittxet li tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba.

253

Fit-tielet lok, b’risposta għall-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, Tempus issostni li l-iffissar tal-limitu minimu ta’ parteċipazzjoni għal 2 MW jikkostitwixxi barriera għall-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità.

254

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Tempus rigward dan il-limitu huwa marbut mal-argument li jinsab fir-rikors dwar it-trattament diskriminatorju jew żvantaġġjuż tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba fi ħdan is-suq tal-kapaċità, kif Tempus indikat matul is-seduta. Barra minn hekk, dan l-argument ġie fformulat b’risposta għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-risposta fejn ġie sostnut li l-imsemmi limitu kien baxx u favorevoli għall-ġestjoni tat-talba. Għalhekk, f’dan il-każ, l-argument inkwistjoni għandu mhux biss rabta stretta mar-rikors, iżda jirriżulta, barra minn hekk, mill-evoluzzjoni normali tad-dibattitu fl-ambitu ta’ proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punt 31). Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-argument għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala l-amplifikazzjoni ta’ lment magħmul fir-rikors.

255

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li n-notifika tippreżenta l-limitu massimu ta’ parteċipazzjoni ta’ 2 MW bħala li huwa dgħajjef fid-dawl tal-limitu ta’ parteċipazzjoni adottat minn National Grid fil-kuntest ta’ miżuri oħra u, għaldaqstant, bħala li hija waħda mill-miżuri li tippermetti li tinċentiva lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba jipparteċipaw fis-suq tal-kapaċità (il-paragrafu 224 tan-notifika).

256

Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-limitu ta’ parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità PJM kien biss ta’ 100 kW, jiġifieri 20 darba inqas għoli mil-limitu adottat mill-miżura inkwistjoni. Issa, l-imsemmi suq tal-kapaċità PJM kien espressament meħud bħala riferiment mir-Renju Unit fin-notifika insostenn tal-affermazzjoni tiegħu li l-miżura inkwistjoni tippermetti li jiżviluppa s-settur tal-ġestjoni tat-talba (il-paragrafu 221 tan-notifika).

257

It-tieni nett, għalkemm huwa eżatt li l-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għandhom effettivament il-possibbiltà li jaggregaw diversi siti sabiex jilħqu l-limitu minimu ta’ 2 MW, għandu jiġi rrilevat li għandhom jagħtu garanzija ta’ offerta fuq l-integralita tat-2 MW, malli parti minn dan il-volum, anki minima, tkun ikkostitwita mill-kapaċitajiet tal-ġestjoni tat-talba mhux ikkonfermata. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 249 sa 252 iktar ’il fuq, l-ammont tal-garanzija ta’ offerta jista’ jikkostitwixxi barriera għad-dħul ta’ operaturi tal-ġestjoni tat-talba ġodda.

258

Konsegwentement, il-Kummissjoni kellu jkollha dubji rigward l-affermazzjoni li l-iffissar tal-limitu minimu tal-parteċipazzjoni għal 2 MW kien jikkostitwixxi miżura li tiffavorixxi l-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba.

iv) Konklużjoni

259

Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-interazzjoni bejn l-irkant T-4 u T-1 kif ukoll ċerti kundizzjonijiet oħra ta’ parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba fis-suq tal-kapaċità kellhom iwasslu lill-Kummissjoni jkollha dubji, minn naħa, rigward il-kapaċità tal-miżura inkwistjoni li tilħaq l-għanijiet iddikjarati mir-Renju Unit fil-qasam tal-inkoraġġament għall-iżvilupp tal-ġestjoni tat-talba u, min-naħa l-oħra, rigward il-kompatibbiltà tagħha mar-rekwiżiti tal-Linji gwida fil-qasam tal-inċentivi adegwati għall-operaturi tal-ġestjoni tat-talba u, għaldaqstant, rigward il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

f)   Fuq l-assenza ta’ ħlas supplementari tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba f’każ ta’ limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku

260

Tempus issostni li l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern sa fejn ma tħallasx lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għal-limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, skont Tempus, il-kapaċità pprovduta mill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba tnaqqas mhux biss l-ammont globali ta’ kapaċità meħtieġa u li tiċċirkola fuq is-suq tal-kapaċità, iżda wkoll, għall-ammont ta’ bejn wieħed u ieħor 7 sa 8 %, l-ammont tal-kapaċità mitlufa mat-trasport u mad-distribuzzjoni tal-elettriku. Hija tqis li l-ekonomiji li jsiru b’dan il-mod għandhom jiġu inklużi fil-ħlas tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba, b’mod li jinħloq inċentiv intiż sabiex itejjeb l-effettività tan-network.

261

Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, tqis li l-kwistjoni tal-assenza ta’ ħlas supplementari għal-limitazzjoni tat-telf fit-trasport u fid-distribuzzjoni tal-elettriku ġiet analizzata fin-notifika u ġiet eżaminata fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat bħala tagħha l-ispjegazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li s-suq tal-kapaċità għandu l-għan uniku li jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ kapaċità suffiċjenti fuq in-network, u mhux li jirrikompensa l-vantaġġi l-oħra li tipprovdi kull tip ta’ teknoloġija.

262

Essenzjalment, Tempus issostni għalhekk li l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern sa fejn ma tħallasx lill-operaturi tal-ġestjoni tat-talba għal-limitazzjoni ta’ telf fit-trasport u fid-distribuzzjoni tal-elettriku.

263

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-miżura inkwistjoni kienet tħallas biss it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċertu volum ta’ kapaċità, bl-esklużjoni ta’ kull prestazzjoni oħra bħal, pereżempju, il-provvista ta’ elettriku (il-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija sussegwentement qieset li, fid-dawl tal-għan intiż mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-adegwatezza tal-kapaċitajiet sabiex jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ sigurtà tal-provvista, l-assenza ta’ ħlas supplementari għal-limitazzjonijiet tat-telf fit-trasport u fid-distribuzzjoni tal-elettriku kienet ġustifikata (il-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata).

264

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-miżura inkwistjoni tikkonsisti fl-implimentazzjoni ta’ suq tal-kapaċità intiż sabiex jirrimedja għal problema ta’ adegwatezza tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fir-Renju Unit.

265

Issa, il-Linji gwida jipprovdu espressament li n-natura xierqa ta’ miżura ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-fatt li “[l]-għajnuna għanda tirrimunera biss is-servizz tad-disponibilità pura pprovdut mill-ġeneratur, jiġifieri, l-impenn li jkun disponibbli biex iwassal l-elettriku u jkun ikkumpensat għal dan, pereżempju f’termini ta’ remunerazzjoni għal kull MW ta’ kapaċità li ssir disponibbli” u li “[l]-għajnuna ma għandhiex tinkludi kwalunkwe remunerazzjoni għall-bejgħ tal-elettriku, jiġiferi r-remunerazzjoni għal kull MW[h] mibjugħ”.

266

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-assenza ta’ ħlas supplementari għal-limitazzjoni tat-telf fit-trasport u fid-distribuzzjoni tal-elettriku ma jqajmux dubji fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 659/1999 li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali imsemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE. Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Tempus dwar dan il-punt għandhom jiġu miċħuda.

g)   Konklużjoni

267

Mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li jeżistu diversi indizji oġġettivi u konkordanti, bbażati, min-naħa, fuq it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-fażi ta’ prenotifika u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut inkomplet u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-assenza ta’ investigazzjoni xierqa mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari, ta’ ċerti aspetti tas-suq tal-kapaċità, li jipprova li din tal-aħħar ħadet id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-eżistenza ta’ dubji. Mingħajr ma hemm lok li jiġi deċiż dwar l-argumenti l-oħra ta’ Tempus, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern tqajjem dubji fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

268

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

2.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

269

Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet annullata abbażi tal-ewwel motiv, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

Fuq l-ispejjeż

270

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata gћall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawn sostnuti minn Tempus Energy Ltd u minn Tempus Energy Technology Ltd, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

271

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew għat-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, għandu jiġi deċiż li r-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5083 finali tat-23 ta’ Lulju 2014 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-iskema ta’ għajnuna relatata mal-kapaċità fir-Renju Unit, minħabba li l-imsemmija skema hija kompatibbli mas-suq intern, abażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE (għajnuna mill-Istat 2014/N-2), hija annullata.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti minn Tempus Energy Ltd u Tempus Energy Technology Ltd.

 

3)

Ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Novembru 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

A. Fuq ir-rikorrenti u fuq is-suġġett tat-tilwima

 

B. Fuq il-miżura inkwistjoni

 

C. Fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida

 

D. Fuq id-deċiżjoni kkontestata

 

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq l-ammissibbiltà

 

B. Fuq il-mertu

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll evalwazzjoni żbaljata tal-fatti

 

a) Osservazzjonijiet preliminari

 

b) Fuq il-kunċett ta’ dubji u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ jew ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali

 

c) Fuq it-tul tad-diskussjonijiet bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni u ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

d) Fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, fl-istadju tal-eżami preliminari u b’kunsiderazzjoni tal-elementi disponibbli, tar-rwol tal-ġestjoni tat-talba fi ħdan is-suq tal-kapaċità

 

1) Ekwivalenza u interessi tal-produzzjoni u tal-ġestjoni tat-talba

 

2) Ir-rwol pożittiv tal-ġestjoni tat-talba

 

3) Elementi disponibbli dwar il-potenzjali tal-ġestjoni tat-talba

 

e) Fuq l-allegat trattament diskriminatorju jew żvantaġġuż tal-ġestjoni tat-talba fuq is-suq tal-kapaċità

 

1) Fuq it-tul tal-kuntratti ta’ kapaċità

 

2) Fuq il-metodu ta’ rkupru tal-ispejjeż

 

3) Fuq il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fis-suq tal-kapaċità

 

i) Fir-rigward tal-irkant tranżitorju

 

ii) Fir-rigward tal-irkant T-1 u tal-internazzjoni tiegħu mal-irkant T‑4

 

iii) Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni għall-irkant fit-tul

 

iv) Konklużjoni

 

f) Fuq l-assenza ta’ ħlas supplementari tal-operaturi tal-ġestjoni tat-talba f’każ ta’ limitazzjoni tat-telf ta’ trasport u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku

 

g) Konklużjoni

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top