Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0587

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
Crosfield Italia Srl vs Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.
REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-587/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2016:475

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“REACH — Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza — Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju — Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża — Rakkomandazzjoni 2003/361/KE — Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑587/14,

Crosfield Italia Srl, stabbilita f’Vérone (l-Italja), irrappreżentata minn M. Baldassarri, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, E. Bigi, J.‑P. Trnka u E. Maurage, sussegwentement minn Heikkilä, Bigi, Trnka u Maurage, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2013) 4672 tal-ECHA, tat-28 ta’ Mejju 2013, li tikkonstata li r-rikorrenti ma tissodisfax ir-rekwiżiti sabiex tibbenefika mit-tnaqqis ta’ ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar u li timponilha spiża amministrattiva u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-fatturi maħruġa mill-ECHA wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 4672,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti,

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fid-9 u fid-29 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti, Crosfield Italia Srl, wettqet ir-reġistrazzjoni ta’ diversi sustanzi abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2

Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il-quddiem l-“SMEs”). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB/D/29/2010”). Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 annessa ma din id-deċiżjoni, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA MB/21/2012/D, tat-12 ta’ Frar 2013 hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija ta’ EUR 19900 għall-impriżi l-kbar, ta’ EUR 13900 għal impriża ta’ daqs medju, ta’ EUR 7960 għal impriża żgħira.

3

Fid-9 u fid-29 ta’ Settembru 2010, l-ECHA ħarġet żewġ fatturi (Nri 10024188 u 10024196), li kienu jammontaw għal EUR 9 300-il waħda. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ iktar minn 1000 tunnellata.

4

Fil-11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-ECHA sabiex tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti sabiex tivverifika d-dikjarazzjoni li fiha hija kienet indikat li kienet impriża żgħira.

5

Fit-28 ta’ Mejju 2013, wara skambju ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 4672 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, l-ECHA qieset li r-rikorrenti kellha titqies impriża kbira u li kellha tħallas il-ħlas applikabbli għal impriża kbira. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ECHA informat lir-rikorrenti li kienet ser tibgħatilha fatturi li jkopru d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u fattura ta’ EUR 19900 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva.

6

Fl-4 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat, abbażi tal-Artikoli 91 u 92 tar-Regolament Nru 1907/2006, appell mid-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA.

7

Fit-8 ta’ Diċembru 2014, il-Bord tal-Appell tal-ECHA ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu fl-istennija ta’ deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Dan ir-rikors jifforma parti minn serje ta’ kawżi konnessi.

9

L-ewwel kawża ta’ din is-serje ta’ kawżi konnessi kienet is-suġġett tas-sentenza ta’ annullament tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849).

10

Fid-8 ta’ Jannar 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), fuq il-kawża preżenti u sabiex iwieġbu mistoqsija. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

11

Fis-16 ta’ Ottubru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet iwieġbu mistoqsija u jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

12

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2015.

13

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla u għalhekk tiddikjara invalida d-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, tħassar kull effett tal-imsemmija deċiżjoni, inkluż billi tannulla l-fatturi maħruġa għall-irkupru ta’ ħlasijiet ogħla u abbażi tas-sanzjonijiet allegatament dovuti.

14

Matul is-seduta r-rikorrenti rrinunċjat għat-talba tagħha intiża għall-annullament tal-fatturi maħruġa b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li ġie nnotat.

15

L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali

16

L-ECHA tenfasizza li l-Bord tal-Appell ma għandux kompetenza biex jiddeċiedi din it-tilwima, li tressqet ukoll quddiemha, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx fost id-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati quddiemha.

17

Ir-rikorrenti tindika li dan ir-rikors ma jimplikax li hija qed tirrinunzja għar-rikors li ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA. Ir-rikorrenti speċifikat ukoll, matul is-seduta, li hija tqis li l-Qorti Ġenerali hija kompetenti biex tiddeċiedi l-preżenti tilwima.

18

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li “[t]ista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti [Ġenerali] jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skond l-Artikolu [263 TFUE], li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell quddiem il-Bord, mi[nn deċiżjoni tal-ECHA]”.

19

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(1) tar-Regolament 1907/2006 jipprevedi li “[j]ista’ jitressaq appell mid-deċiżjonijiet tal-[ECHA] li jittieħdu skont l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2), u (3) u l-Artikolu 51 [tar-Regolament Nru 1907/2006]” quddiem il-Bord tal-Appell.

20

Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma ttieħditx skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006, iżda skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 u l-Artikoli 2 u 4 tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li la r-Regolament Nru 340/2008 u lanqas id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 ma ġew adottati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament Nru 1907/2006.

21

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 27, 30 u 51 tar-Regolament Nru 1907/2006, msemmija fl-Artikolu 91(1) tal-istess regolament, jikkonċernaw deċiżjonijiet li ma għandhom ebda rabta mal-ħlas li għandu jitħallas mill-impriżi dikjaranti.

22

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1907/2006, min-naħa tiegħu, ikopri d-“[d]mirijiet tal-[ECHA]”. L-Artikolu 20(5) tal-istess regolament jipprevedi li “[j]ista’ jitressaq appell, skond l-Artikoli [91, 92 u 93], mid-deċiżjonijiet ta’ l-Aġenzija taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu” tar-Regolament Nru 1907/2006. L-Artikolu 20(2) tal-istess regolament jirrigwarda l-kontroll imwettaq mill-ECHA f’dak li jirrigwarda l-“kompletezza” ta’ kull reġistrazzjoni, inkluż it-twettiq tal-ħlasijiet. Madankollu għandu jiġi rrilevat li dan il-kontroll “ma għandux jinkludi valutazzjoni tal-kwalità jew adegwatezza ta’ kwalunkwe data jew ġustifikazzjoni mogħtija”. Barra minn hekk, it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedu li jekk ir-reġistrazzjoni “ma tkunx kompleta” u jekk id-dikjarant “jonqos li jlesti r-reġistrazzjoni fit-terminu perentorju stabbilit”, l-ECHA “tiċħad ir-reġistrazzjoni”. Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, hija ma pproċedietx għaċ-ċaħda tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi inkwistjoni.

23

Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza biex tiddeċiedi dan ir-rikors, u dan minkejja l-appell mid-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti ppreżentat fl-istess ħin quddiem il-Bord tal-Appell tal-ECHA (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Settembru 2015, Calestep vs ECHA, T‑89/13, EU:T:2015:711, punti 16 sa 22).

Fuq l-ammissibbiltà ta ’ ċerti motivi mqajma fil-mori tal-kawża

24

Fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-8 ta’ Jannar 2015 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti indikat li, bi qbil ma dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849), hemm lok li d-Deċiżjoni MB/D/29/2010 tiġi ddikjarata illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ motiv diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Issa, fil-każ preżenti, il-motiv imqajjem mir-rikorrenti huwa motiv ġdid u ma huwiex imsejjes fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. Barra minn hekk, dan il-motiv ġdid ma jikkostitwixxix elaborazzjoni ta’ motiv diġà mressaq.

27

Għalhekk għandu jitqies li l-motiv imqajjem mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat-8 ta’ Jannar 2015 (punt 10 iktar ’il fuq), intiż sabiex id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 tiġi ddikjarata illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa inammissibbli.

Fuq il-mertu

28

Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża preżenti.

29

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tindika li d-deċiżjoni kkontestata ma tispeċifikax ir-raġunijiet li għalihom hija għandha tiġi kklassifikata impriża kbira. L-uniku riferiment għad-daqs tar-rikorrenti kien jinsab fid-dokument intitolat “SME calculation report”, anness mal-ittra tal-ECHA tad-19 ta’ Novembru 2013. Minn dan id-dokument jirriżulta li sabiex tiddetermina d-daqs tar-rikorrenti, l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss id-dħul mill-bejgħ tagħha iżda wkoll dak ta’ Marchi Industriale SpA, ta’ Esseco Group Srl (b’mod proporzjonali għas-sehem ta’ Marchi Industriale f’Essemar SpA) u ta’ Marfin Srl. Dan il-kalkolu, kif jirriżulta mill-argumenti magħmula mir-rikorrenti, ma għandu l-ebda bażi. Ir-rikorrenti tenfasizza, b’mod partikolari, li l-ECHA ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet magħmula permezz ta’ ittra elettronika tas-26 ta’ Frar 2013. Bl-istess mod, ir-rikorrenti kienet indikat, f’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2013, ir-raġunijiet li għalihom id-data ta’ Esseco Group ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. L-ittra tal-ECHA tat-28 ta’ Mejju 2013 tillimita ruħha li tfakkar il-parametri u l-kriterji li jippermettu li impriża tiġi kklassifikata bħala SME. Ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunament li l-ECHA segwiet biex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Lanqas id-dokumenti annessi mad-deċiżjoni kkontestata ma kienu jippermettu li hija tifhem ir-raġunament tal-ECHA.

30

L-ECHA tenfasizza li r-rikorrenti, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, tastjeni ruħha milli ssemmi li mad-deċiżjoni kkontestata hemm anness id-dokument intitolat “SME calculation report”. Id-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment espliċitu għal dan id-dokument kif ukoll għal annessi oħra. Barra minn hekk, permezz tal-ittra elettronika tagħha indirizzata lill-ECHA tas-26 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tagħmel riferiment għal ċertu numru ta’ dokumenti. Huwa manifest li l-ECHA, fid-deċiżjoni kkontestata, tagħmel espliċitament riferiment għad-dokumenti trażmessi mir-rikorrenti fis-26 ta’ Frar 2013. Huwa wkoll manifest li mit-test tad-deċiżjoni kkontestata u tal-annessi tagħha r-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunament segwit mill-ECHA sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-data ta’ Marchi Industriale u ta’ Esseco Group. L-ECHA tkompli tgħid li, skont il-ġurisprudenza, motivazzjoni qasira hija meqjusa xierqa sakemm l-awtorità li tadottaha tannetti mad-deċiżjoni inkwistjoni dokumenti li jistgħu jiċċaraw ir-raġunament segwit minnha jew sakemm hija tagħmel riferiment għal dokument li diġà jinsab fil-pussess tad-destinatarju tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tifhem fuq liema bażi din ġiet adottata. L-ECHA ssemmi b’mod partikolari r-riferimenti espliċiti, magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, għad-dispożizzjonijiet rilevanti u għad-dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-ittra tas-16 ta’ Diċembru 2013, imsemmija mir-rikorrenti, l-ECHA tippreċiża li, minkejja li din bi żball intbagħtet lill-Bord tal-Appell, hija kienet irrispondiet għall-osservazzjonijiet li kienu jinsabu fl-imsemmija ittra.

31

Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu li tali deċiżjonijiet jiġu mmotivati għalhekk huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha. Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 9394 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għad-definizzjoni tal-SMEs.

33

Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 fiha anness, li l-Titolu 1 tiegħu jikkonċerna d-“Definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju adottatta mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 2 tal-imsemmi titolu huwa intitolat “L-għadd ta’ persunal u l-limiti stabbiliti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34

Fil-każ ta’ impriża awtonoma, jiġifieri impriża li ma hijiex ikklassifikata bħala “impriża msieħba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “impriża assoċjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir esklużivament fuq il-bażi tal-kontabbiltà ta’ din l-impriża, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi anness.

35

Fil-każ ta’ impriża li għandha impriżi msieħba jew assoċjati, id-determinazzjoni tad-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, issir biss fuq il-bażi tal-kontabbiltà u ta’ data oħra tal-impriża jew, jekk jeżistu, fuq kontabbiltà kkonsolidata tal-impriża jew fuq kontabbiltà kkonsolidata fejn l-impriża tkun meħuda inkunsiderazzjoni b’konsolidazzjoni, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ma’ din id-data għandha tiżdied, minn naħa, id-data tal-impriżi msieħba (li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni) b’mod proporzjonali għas-sehem fil-kapital azzjonarju jew għal perċentwali tad-drittijiet ta’ vot, fejn jintgħażel l-ogħla minn fost dawn il-perċentwali, u, min-naħa l-oħra, 100 % tad-data tal-impriżi direttament jew indirettament assoċjati mal-impriża inkwistjoni u li ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni.

36

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, id-data tal-impriżi msieħba mal-impriża inkwistjoni tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu, li magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi assoċjati ma’ dawn l-impriżi msieħba, ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni, u dan abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Fir-rigward tad-data tal-impriżi assoċjati mal-impriża inkwistjoni din tirriżulta mill-kontabbiltà tagħhom u minn data oħra, ikkonsolidati jekk jeżistu. Ma’ din tiżdied b’mod proporzjonali d-data ta’ eventwali impriżi msieħba ma’ dawn l-impriżi assoċjati, li jkunu jinsabu immedjatament upstream jew downstream tagħha, jekk din ma tkunx diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kontabbiltà kkonsolidata, fi proporzjoni minn tal-inqas identika għall-perċentwali tas-sehem kapitali jew tas-sehem tad-drittijiet ta’ vot, fejn jingħażel l-għola minn fost dawn il-perċentwali, u dan abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361.

37

F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-ECHA ddeċidiet li r-rikorrenti kellha għadd ta’ persunal ta’ 250 persuna jew iktar, dħul mill-bejgħ fis-sena ta’ iktar minn EUR 50 miljun u bilanċ fis-sena ta’ iktar minn EUR 43 miljun. Fuq din il-bażi, l-ECHA qieset li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala impriża żgħira.

38

Il-kalkolu tal-ECHA kien iddettaljat f’rapport anness mad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rapport, l-ECHA rriproduċiet id-data tal-impriżi kklassifikata bħala “assoċjata” (Marchi Industriale) u bħala “msieħba” (Marfin u Esseco Group) u sussegwentement żiditha, totalment jew parzjalment, mad-data tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-impriżi kklassifikata bħala “msieħba”, l-ECHA b’mod partikolari ħadet inkunsiderazzjoni 49.9995 % tad-data ta’ Esseco Group. Ir-rikorrenti kkontestat it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ Esseco Group f’ittra tat-16 ta’ Diċembru 2013 indirizzata bi żball lill-Bord tal-Appell u li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-ECHA, ittieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura amministrattiva.

39

Preliminarjament, għandhom jitfakkru r-rabtiet li r-rikorrenti kellha ma impriżi oħra meta seħħew il-fatti. Ir-rikorrenti kienet l-ewwel nett assoċjata ma’ Marchi Industriale, sa fejn din tal-aħħar kellha l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju tagħha. Marchi Industriale, wara dan, kienet imsieħba ta’ Marfin (li kellha bejn 25 % u 50 % tal-kapital azzjonarju tagħha) u ta’ Essemar SpA (li bejn 25 % u 50 % tal-kapital azzjonarju tagħha kien ta’ Marchi Industriale). Fl-aħħar nett, Essemar kienet, skont l-ECHA, assoċjata ma’ Esseco Group, sa fejn din l-aħħar impriża kellha formalment il-maġġoranza tal-kapital azzjonarju u, għalhekk, tad-drittijiet ta’ vot tal-ewwel waħda, fatt li r-rikorrenti ammettiet matul is-seduta.

40

Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ Marchi Industriale u ta’ Marfin, ir-rapport anness mad-deċiżjoni kkontestata kien jippermetti li r-rikorrenti ssir taf bil-ġustifikazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. B’mod partikolari, minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-elementi tal-każ inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li l-ECHA ħadet inkunsiderazzjoni d-data kollha ta’ Marchi Industriale, sa fejn din l-impriża kienet assoċjata mar-rikorrenti (skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361), u tad-data pro rata ta’ Marfin, sa fejn din l-impriża kienet imsieħba tal-impriża assoċjata mar-rikorrenti (Marchi Industriale) (skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ dawn l-impriżi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

41

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ Esseco Group, li ġie kkontestat mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u li huwa b’mod partikolari s-suġġett ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni fattwali tal-każ preżenti ma hijiex inkluża fost is-sitwazzjonijiet previsti fl-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Fil-fatt, fejn l-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ impriżi li ma jinsabux immedjatament upstream jew downstream tal-impriża inkwistjoni, dan it-teħid inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat għall-impriżi assoċjati mall-impriżi msieħba tal-impriża inkwistjoni (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361) u l-impriżi msieħba tal-impriżi assoċjati mal-impriża inkwistjoni (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361). Issa, fil-każ preżenti, Esseco Group kienet impriża assoċjata ma’ impriża msieħba tal-impriża assoċjata mar-rikorrenti.

42

Barra minn hekk, mill-elementi tal-każ preżenti ma jirriżultax li r-rikorrenti kienet imsieħba ta’ Esseco Group, kif madankollu osservat l-ECHA fir-rapport anness mad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ebda spjegazzjoni oħra.

43

Fl-aħħar nett, matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti ma ngħatat ebda indikazzjoni dwar il-bażi legali applikabbli għal każ preżenti għall-finijiet tal-użu tad-data ta’ Esseco Group, hekk kif ġie kkonfermat mill-ECHA matul is-seduta. B’mod partikolari, l-ECHA speċifikat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, invokat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma kienx issemma matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, ir-riferiment quddiem il-Qorti Ġenerali għal din il-bażi legali, li tirrigwarda l-impriżi direttament jew indirettament assoċjati mal-impriża inkwistjoni, huwa kontradittorju mal-klassifikazzjoni ta’ impriża msieħba magħmula mill-ECHA fir-rapport anness mad-deċiżjoni kkontestata.

44

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata la tippermetti li r-rikorrenti ssir taf il-ġustifikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ Esseco Group, u lanqas ma tippermetti li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

45

Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi milqugħ u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

Fuq l-ispejjeż

46

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ECHA tilfet u r-rikorrenti ma talbitx l-ispejjeż, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni SME(2013) 4672 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), tat-28 ta’ Mejju 2013, hija annullata.

 

2)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top