Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0574

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2018.
    European Association of Euro-Pharmaceutical Companies (EAEPC) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni – Akkordji – Kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali – Ftehim li jagħmel distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati għall-bejgħ mill-ġdid fi Spanja u l-prezzijiet iffatturati fil-każ ta’ esportazzjoni lejn Stati Membri oħra – Talba għal eżami mill-ġdid ta’ lment wara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 266 TFUE – Ċaħda ta’ lment – Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni – Waqfien tal-prattika antikompetittiva – Assenza ta’ effetti antikompetittivi persistenti – Teħid ta’ konjizzjoni tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru – Obbligi marbuta ma’ investigazzjoni ta’ lment – Artikolu 105 TFUE – Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Drittijiet proċedurali ta’ lanjant – Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-574/14.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:605

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    26 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

    “Kompetizzjoni – Akkordji – Kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali – Ftehim li jagħmel distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati għall-bejgħ mill-ġdid fi Spanja u l-prezzijiet iffatturati fil-każ ta’ esportazzjoni lejn Stati Membri oħra – Talba għal eżami mill-ġdid ta’ lment wara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 266 TFUE – Ċaħda ta’ lment – Nuqqas ta’ interess tal-Unjoni – Waqfien tal-prattika antikompetittiva – Assenza ta’ effetti antikompetittivi persistenti – Teħid ta’ konjizzjoni tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru – Obbligi marbuta ma’ investigazzjoni ta’ lment – Artikolu 105 TFUE – Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Drittijiet proċedurali ta’ lanjant – Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T-574/14,

    European Association of Euro-Pharmaceutical Companies (EAEPC), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. L. Buendía Sierra, L. Ortiz Blanco, Á. Givaja Sanz u M. Araujo Boyd, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras, F. Jimeno Fernández u C. Vollrath, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    GlaxoSmithKline plc, stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit),

    u

    GlaxoSmithKline SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

    inizjalment irrappreżentati minn I. S. Forrester, QC, u A. Komninos, avukat, sussegwentement minn Komninos,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kumissjoni C(2014) 3654 finali tas-27 ta’ Mejju 2014, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti dwar ksur tal-Artikolu 101 TFUE allegatament imwettaq minn Glaxo Wellcome SA (Każ COMP/AT.36957 – Glaxo Wellcome),

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn H. Kanninen, President, C. Iliopoulos (Relatur) u L. Calvo‑Sotelo Ibáñez-Martín, Imħallfin,

    Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑4 ta’ April 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, European Association of Euro-Pharmaceutical Companies (EAEPC), hija assoċjazzjoni Ewropea stabbilita fi Brussell (il-Belġju) li tirrappreżenta l-interessi tal-kumpanniji indipendenti li joperaw fil-qasam tal-esportazzjoni jew tal-importazzjoni u tal-ippakkjar mill-ġdid ta’ prodotti farmaċewtiċi ffinalizzati fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

    2

    GlaxoSmithKline SA, li qabel kienet Glaxo Wellcome SA, hija kumpannija rregolata mid-dritt Spanjol stabbilita f’Madrid (Spanja) li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fl-elaborazzjoni, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mediċinali fi Spanja. GlaxoSmithKline plc, kumpannija omm ta’ GlaxoSmithKline SA (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “GSK” jew l-“intervenjenti”), hija stabbilita fi Brentford (ir-Renju Unit) u hija waħda mill-produtturi prinċipali globali ta’ prodotti farmaċewtiċi.

    Proċedura amministrattiva inizjali

    3

    Fis‑6 ta’ Marzu 1998, Glaxo Wellcome SA nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-kundizzjonijiet ġenerali ġodda tagħha ta’ bejgħ lill-grossisti awtorizzati fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), bil-għan li jiksbu negative clearance skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas‑6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat [li saru l-Artikoli 81 u 82 KE, li min-naħa tagħhom saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jew, fin-nuqqas ta’ dan, eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament, li ġie abrogat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Lulju 1998, Glaxo Wellcome plc, kumpannija omm ta’ Glaxo Wellcome SA, bagħtet notifika komplementari lill-Kummissjoni, fejn ġibdet l-attenzjoni tagħha dwar fatturi li kienu jaffettwaw l-attivitajiet tagħha u dawk tas-sussidjarji tagħha fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u li ma kinux speċifiċi għall-attivitajiet ta’ Glaxo Wellcome.

    4

    Il-Ftehim kien jirrigwarda 82 prodott mediċinali intiżi li jinbiegħu lill-grossisti stabbiliti fi Spanja, li magħhom GSK kienet stabbilixxiet relazzjonijiet kummerċjali. Dawn tal-aħħar setgħu jindirizzawhom għall-bejgħ mill-ġdid jew lill-isptarijiet u lill-ispiżeriji fi Spanja, jew fi Stati Membri oħra. Issa, l-Artikolu 4 tal-Ftehim kien jipprevedi distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati lill-grossisti għall-prodotti mediċinali intiżi għall-bejgħ mil-ġdid fis-suq nazzjonali u dawk iffatturati għall-prodotti mediċinali intiżi għall-esportazzjoni. Il-Ftehim ġie ffirmat minn GSK u minn 75 grossist, daħal fis-seħħ fid‑9 ta’ Marzu 1998 u ġie sospiż mit-Tribunal de Defensa de la Competencia (Tribunal tal-Kompetizzjoni) fis‑16 ta’ Ottubru 1998.

    5

    Fid‑19 ta’ Jannar 1999, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17 (iktar ’il quddiem l-“ilment tal‑1999”) li permezz tiegħu hija talbet lill-Kummissjoni tirrifjuta li toħroġ clearance negattiva jew eżenzjoni u li tordna lil GSK ittemm il-politika ta’ prezzijiet prevista mill-Ftehim. Ir-rikorrenti kienet ikkonkludiet li l-iskema ta’ prezzijiet doppji prevista mill-Ftehim kienet tinkludi projbizzjoni indiretta ta’ esportazzjoni u strument ta’ esklużjoni mis-suq kuntrarju għall-Artikolu 101(1) TFUE u ma setgħet tibbenefika minn ebda eżenzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 101(3) TFUE.

    6

    Fit‑8 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/791/KE dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każijiet: IV/36.957/F3 Glaxo Wellcome (notifika), IV/36.997/F3 Aseprofar u Fedifar (ilment), IV/37.121/F3 Spain Pharma (ilment), IV/37.138/F3 BAI (ilment) u IV/37.380/F3 EAEPC (ilment)) (ĠU 2001, L 302, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑2001”), li skontha l-Ftehim innotifikat kellu bħala għan u bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li Glaxo Wellcome “kisret l-Artikolu [101](1) [TFUE] billi kkonkludiet mal-grossisti Spanjoli ftehim li jagħmel distinzjoni bejn il-prezzijiet iffatturati lill-grossisti li fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti mediċinali rimborsabbli lill-ispiżeriji jew lill-isptarijiet fit-territorju nazzjonali u l-prezzijiet ogħla ffatturati fil-każ ta’ esportazzjoni tal-prodotti mediċinali lejn kwalunkwe Stat Membru ieħor”. L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal‑2001 jipprovdi li l-kundizzjoniijet ta’ bejgħ innotifikati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 101(3) TFUE. Fl-aħħar nett, l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2001 jordnaw lil Glaxo Wellcome, rispettivament li “ttemm immedjatament il-ksur li għalih isir riferiment fl-Artikolu 1” u li tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda f’dan is-sens.

    Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

    7

    Fit‑23 ta’ Lulju 2001, GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc, ippreżentat rikors intiż sabiex tikseb l-annullament tad-Deċiżjoni tal‑2001. Ir-rikorrenti intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    8

    Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni (T‑168/01, iktar ’il quddiem is‑“sentenza fil-Kawża T‑168/01”, EU:T:2006:265), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn kien jirrigwarda l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001. F’dan ir-rigward, hija qieset li, minkejja li l-konklużjoni prinċipali tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 4 tal-Ftehim kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kienet żbaljata, GlaxoSmithKline Services ma kienx irnexxielha tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni sussidjarja tal-Kummissjoni li skontha din id-dispożizzjoni kellha bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u għaldaqstant kienet kuntrarja għall-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza fil-Kawża T‑168/01, punti 147 u 194). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors fir-rigward tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal‑2001 u annullat dawn l-artikoli minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami adegwat tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 101(3) TFUE kinux ġew issodisfatti (sentenza fil-Kawża T‑168/01, punti 308 u 316 sa 318).

    9

    Permezz tal-appelli tagħhom, GlaxoSmithKline Services, il-Kummissjoni u r-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-annullament parzjali tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01.

    10

    Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et (C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, iktar ’il quddiem is‑“sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P”, EU:C:2009:610), fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali billi kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal‑2001 li l-Ftehim kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma kienx tali li jinvalida s-sentenza tagħha, sa fejn, f’din is-sentenza, kien ġie kkonstatat li l-Ftehim kien imur kontra l-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, punti 64 sa 67). Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet eżami komplet tal-argumenti invokati minn GlaxoSmithKline Services dwar l-eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE (sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, punti 68 sa 168). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati.

    Proċedura quddiem il-Kummissjoni wara s-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

    11

    Fis-26 ta’ Jannar 2010, GSK irtirat formalment it-talba tagħha għal clearance negattiva jew ta’ eżenzjoni individwali tas‑6 ta’ Marżu 1998 għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u sabiex tevita telf inutili ta’ żmien u ta’ riżorsi, fejn enfasizzat li n-notifika tal-ftehim kienet tressqet fl‑1998, li hija ma kinitx iktar għamlet użu mis-sistema tariffarja fi Spanja minn dak iż-żmien ’l hawn u li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu nbiddlu ħafna.

    12

    Wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, il-Kummissjoni żammet sensiela ta’ laqgħat mar-rikorrenti u ma’ partijiet oħra kkonċernati, ikkuntattjat lill-awtorajiet Spanjoli, eżaminat osservazzjonijiet ġodda tar-rikorrenti u fetħet, fl‑24 ta’ Jannar 2012, investigazzjoni dwar il-prattiki allegati ta’ prezzijiet doppji fi Spanja minn impriżi minbarra GSK (Każ AT.39973 – Skemi ta’ prezzijiet għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fi Spanja).

    13

    Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ April 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 265 TFUE, sabiex “tadotta deċiżjoni relatata mal-[ilment tal‑1999] u sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li teżamina mill-ġdid il-Kawża Glaxo, hekk kif ordnaw il-Qrati Ewropej”.

    14

    Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2013 ibbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu [101] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tal-1999. Fuq talba tar-rikorrenti tad‑19 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni tatu aċċess, fil-5 ta’ Lulju 2013, bis-saħħa tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004, għad-dokumenti li servew bħala bażi għall-evalwazzjoni provviżorja tagħha.

    15

    Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijet tagħha bi tweġiba għall-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2013 tal-Kummissjoni u sostniet li din tal-aħħar kellha tkompli tinvestiga.

    16

    Fil‑11 ta’ Settembru u t‑3 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ rappreżentanti tar-rikorrenti sabiex tiddiskuti l-pożizzjoni tagħha u l-argumenti tagħha msemmija fl-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2013.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    17

    Permezz tad-Deċiżjoni C(2014) 3654 finali tas‑27 ta’ Mejju 2014 (Każ COMP/AT.36957 – Glaxo Wellcome) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tal‑1999 bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni suffiċjenti għat-tkomplija tal-investigazzjoni dwar il-ksur allegat. Wara li fakkret, fil-premessi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti li kien jippermettilha, b’mod partikolari, li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni suffiċjenti għat-tkomplija tal-investigazzjoni tal-kawża, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm lok li l-ilment tal‑1999 jiġi miċħud fid-dawl tar-raġunijiet li ġejjin.

    18

    Fl-ewwel lok, fil-premessi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġir inkwistjoni ma tkompliex wara s‑16 ta’ Ottubru 1998 u li xejn fil-fajl jew fil-ġabra ta’ fatti u argumenti invokati fil-komunikazzjonijiet tar-rikorrenti ma kien jindika li GSK kienet stabbilixxiet mill-ġdid jew kellha l-intenzjoni li tistabbilixxi mill-ġdid l-iskema tagħha ta’ prezzijiet doppji fi Spanja.

    19

    Fit-tieni lok, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat l-assenza ta’ effetti persistenti tal-ksur preżunt. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kien hemm ebda prova li kienet tindika li l-kapaċità tal-grossisti Spanjoli li jesportaw it‑82 prodott mediċinali kkonċernat mill-ftehim ġie ristrett minn meta ġie sospiż il-Ftehim tas‑16 ta’ Ottubru 1998. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-effetti persistenti kienu ftit probabbli, anki fid-dawl tal-fatt li dawn il-prattiki kienu damu biss seba’ xhur, jiġifieri mid‑9 ta’ Marzu sas‑16 ta’ Ottubru 1998. Il-Kumissjoni osservat ukoll, fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet teżisti ebda rabta kawżali bejn l-aġir tagħha f’din il-kawża u l-adozzjoni ta’ prattiki tariffarji oħra minn manifatturi oħra fi Spanja.

    20

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 39 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kawża setgħet titressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li osservat li ma kienx ġie pprovat li d-drittijiet tar-rikorrenti ma kinux ġew protetti suffiċjentement mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u mill-qrati nazzjonali.

    21

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, fil-premessi 42 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata u bi tweġiba għall-argumenti magħmula mir-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li hija ma kellhiex obbligu tadotta deċiżjoni ġdida fid-dawl tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P u skont l-Artikolu 266 TFUE, billi eżaminat jekk il-ftehim kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE. Il-Kummissjoni enfasizzat, l-ewwel nett, li nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 u 266 TFUE, tikkonsisti fl-astensjoni milli tingħata deċiżjoni jew milli tittieħed pożizzjoni, u mhux fl-adozzjoni minn att differenti minn dak mixtieq mill-persuni kkonċernati, it-tieni nett, li hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar talba għal eżenzjoni li tkun ġiet irtirata, it-tielet nett, li hija ma kellhiex obbligu li taġixxi fuq l-ilment tal‑1999 minħabba l-annullament tad-Deċiżjoni tal‑2001 mill-Qorti tal-Ġustizzja u, ir-raba’ nett, li persuna li tressaq ilment taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kellhiex id-dritt li teżiġi mill-Kummissjoni deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    22

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    23

    Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fis-16 ta’ Ottubru 2014.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ottubru 2014, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur sedenti fis-Sitt Awla.

    25

    Ir-rikorrenti ppreżentat replika fid-19 ta’ Diċembru 2014.

    26

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Jannar 2015, GSK talbet sabiet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

    27

    Il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika fil-25 ta’ Frar 2015.

    28

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti talbet li jiġi rriżervat trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ GSK għal ċerti elementi tar-rikors, tar-risposta u tar-replika, inklużi l-annessi.

    29

    Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Mejju 2015, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent ta’ GSK. GSK ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit‑8 ta’ Lulju 2015 u l-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota, rispettivament, fit‑8 u fid‑9 ta’ Settembru 2015.

    30

    Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Novembru 2015, EAEPC vs Il‑Kummissjoni (T‑574/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:872), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ GSK.

    31

    Fit-18 ta’ April 2016, din il-kawża ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid sedenti inizjalment fit-Tielet Awla, imbagħad, wara kompożizzjoni ġdida tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, fir-Raba’ Awla, li lilha għalhekk din il-kawża ġiet attribwita.

    32

    Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

    33

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑4 ta’ April 2017.

    34

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

    35

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest tal-intervent.

    36

    L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż li huma sostnew fil-kuntest tal-intervent.

    Id-dritt

    37

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 266, 101 u 105 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ. It-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni li tkompli bl-investigazzjoni kif ukoll bi ksur tad-dritt għal smigħ. It-tielet motiv huwa bbażat essenzjalment fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix analiżi ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ dritt ikkomunikati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P.

    38

    Il-Kummissjoni u GSK jikkontestaw l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 266, 101 u 105 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ

    39

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi ċaħdet l-ilment tal 1999, il-Kummissjoni wettqet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-Artikoli 266, 101 u 105 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni kkontestata tistrieħ fuq il-premessa żbaljata li s-sentenzi fil-Kawża T 168/01 u fil-Kawżi C 501/06 P, C 513/06 P, C 515/06 P u C 519/06 P jiddikjaraw id-deċiżjoni tal-2001 “nulla u mingħajr effett” filwaqt li din id-deċiżjoni tibqa’ parzjalment valida inkwantu hija tikkonstata li l-Ftehim huwa kuntrarju għall-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni ma misshiex tat effett lil dawn is-sentenzi billi “twettaq investigazzjoni ddettaljata ġdida fuq il-bażi tal-ilment [tal‑1999]” kif tindika l-Kummissjoni, iżda billi tkompli bil-proċedura amministrattiva mill-punt preċiż fejn seħħ l-aġir illegali, sabiex teżamina jekk il-Ftehim setax jiġi eżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 101(3) TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, minn naħa, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE billi naqset milli tispjega għalfejn hija kienet tqis id-Deċiżjoni tal‑2001 “nulla u mingħajr effett” u, min-naħa l-oħra, kisret id-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-effetti li għandhom jingħataw lis-sentenzi fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P.

    40

    Skont il-Kummissjoni u l-intervenjenti, dan l-ewwel motiv huwa ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, huwa għalkollox infondat.

    Fuq in-natura effettiva tal-ewwel aggravju

    41

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jqisu li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn interpretazzjoni żbaljata eventwali tal-effetti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P ma tistax tkun tali li tqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar preċiż, iċ-ċaħda tal-ilment tal‑1999 tistrieħ biss fuq is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fit-trattament tal-ilmenti u għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti ma jistax legalment iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma għandhiex l-intenzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni prinċipali tal-Kummissjoni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ interess tal-Unjoni fit-tkomplija tal-investigazzjoni.

    42

    Jeħtieġ li jitfakkar, preliminarjament, li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, in-natura ineffettiva ta’ motiv imqajjem jirreferi għall-kapaċità tiegħu, fl-ipoteżi li dan ikun fondat, li jwassal għall-annullament imfittex mill-parti rikorrenti (sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38, u tat‑12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:267, punt 127).

    43

    F’dan il-każ, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tibbaża lilha nnifisha fuq l-obbligu għall-Kummissjoni li timxi mad-dispożittiv tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P sabiex tikkonstata li din kienet obbligata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 266, 101 u 105 TFUE u tal‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) TFUE kinux ġew issodisfati, sabiex b’hekk, a fortiori, tkun aġixxiet fuq l-ilment tagħha fuq il-mertu. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tmur kontra l-imsemmija sentenzi, tqis li ma hemmx lok li titkompla l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni, minn naħa, għandha l-obbligu li tikkoreġi l-illegalitajiet imwettqa fid-Deċiżjoni tal‑2001 u kkonstatati f’dawn is-sentenzi u, min-naħa l-oħra, ma kellhiex dritt tagħlaq l-investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni.

    44

    Għaldaqstant, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija preċiżament ibbażata fuq nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li tkompli bl-eżami tal-ilment, fl-ipoteżi fejn dan ikun fondat, dan l-ewwel motiv jista’ jagħti lok għall-annullament imfittex mir-rikorrenti.

    45

    Mill-punti preċedenti jirriżulta li dan il-motiv ma jistax sa mill-bidu nett jiġi miċħud bħala ineffettiv. B’hekk jeħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu.

    Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

    46

    L-ewwel motiv, huwa maqsum, essenzjalment, fi tliet partiejiet, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikoli 101 u 105 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u, it-tielet nett, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

    – Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

    47

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma lilha nnifisha mas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, fejn b’hekk kisret l-Artikolu 266 TFUE. Jidher li l-Kummissjoni interpretat l-imsemmija sentenzi b’mod żbaljat billi indikat, l-ewwel nett, li d-Deċiżjoni tal‑2001 kienet, essenzjalment “nulla u mingħajr effett”, it-tieni nett, li hija ma kinitx “obbligata li taġixxi fuq l-ilment minħabba l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja” u, it-tielet nett, li kien meħtieġ li “twettaq investigazzjoni dettaljata ġdida fuq il-bażi tal-ilment [tal‑1999]”. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li, b’konsegwenza ta’ dawn is-sentenzi, minn naħa, id-Deċiżjoni tal‑2001 ġiet annullata biss parzjalment, sa fejn l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni li jikkonstata l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE ma kienx suġġett għal annullament u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha sempliċement tevalwa, fuq il-bażi ta’ provi li GSK kienet diġà pproduċietilha, jekk il-ksur bis-saħħa tal-iskop setax jiġi eżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 101(3) TFUE.

    48

    Qabel kollox, hemm lok li jitfakkar li, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li minnha kien ħareġ l-att annullat kellha l-obbligu li tadotta l-miżuri dovuti għall-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, li skontha hija l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat li għandha tiddetermina liema huma l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza għal annullament (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni jgawdu, hekk kif isiru definittivi, l-awtorità assoluta ta’ res judicata. Din ma tkoprix biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll ir-raġunijiet li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv u huma, minħabba f’hekk, indissoċjabbli minnha (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza hija marbuta, madankollu, biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑281/89, EU:C:1991:59, punt 14). Għaldaqstant, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punt 30).

    51

    Barra minn hekk, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li tagħhom qed jintalab l-annullament jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu, liema fatt għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv, u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    52

    Għandu jingħad ukoll li l-proċedura intiża li tissostitwixxi att annullat għandha titkompla mill-punt preċiż fejn tkun seħħet l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1986, Il‑Kunsill vs Il‑Parlament, 34/86, EU:C:1986:291, punt 47), inkwantu l-annullament ta’ att ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fédesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 34), L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tinkludi diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha li tippreċedi l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, fuq il-mertu jew ta’ natura proċedurali, tas-sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, T‑2/95, EU:T:1998:242, punt 91 u l-Ġurisprudenza ċċitata). L-awtur tal-att għandu għalhekk jirreferi għad-data li fiha huwa kien adotta l-att annullat sabiex jadotta l-att ta’ sostituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, T‑328/03, EU:T:2006:116, punti 4748). Madankollu, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu huwa jista’ jinvoka motivi li ma humiex dawk li fuqhom huwa kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il‑Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punti 30 sa 32). Barra minn hekk, huwa ma għandux l-obbligu li jerġa’ jittratta mill-ġdid l-aspetti tad-deċiżjoni inizjali li ma tqegħdux inkwistjoni mis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑224/95, EU:T:1997:187, punt 53).

    53

    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, fil-każ inkwistjoni, adottatx il-miżuri sabiex tikkonforma ruħha mal-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P u, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari li teżamina jekk id-dispożittiv u l-motivi ta’ dawn is-sentenza obbligawx lill-Kummissjoni taġixxi fuq l-ilment tal‑1999 indipendentement mill-preżenza ta’ interess tal-Unjoni suffiċjenti sabiex wieħed ikun jista’ jaġixxi fuq dan l-ilment.

    54

    Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-motivi u d-dispożittiv tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati aħjar il-miżuri dovuti għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi.

    55

    Minn naħa, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jitfakkar li, permezz tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-Ftehim ma kellux bħala “għan”, iżda kellu bħala “effett”, restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 8 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Ftehim kellu bħala “għan” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi fil-motivi tas-sentenza. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja dan l-iżball ta’ liġi ma kienx tali li jwassal għall-annullament tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, peress li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza fuq dan il-punt kien jidher fondat, sa fejn kien jikkonferma, essenzjalment, li l-Ftehim kien jikser l-Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Għalhekk l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001, iċċitat fil-punt 6 iktar ’il fuq, li tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, effettivament qatt ma ġie annullat.

    56

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101(3) TFUE, jeħtieġ li jitfakkar li peress li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat korrettament it-talba għal eżenzjoni tal-Ftehim taħt l-Artikolu 101(3) TFUE, hija annullat l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal‑2001, fejn ikkonkludiet, fil-punti 319 u 320 tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, li, “[s]kond [l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 266 TFUE], il-Kummissjoni [kienet] marbuta li tieħu l-miżuri li [kienu] jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza preżenti” u li, “[g]ħal dan il-għan, [minkejja li] l-proċedura ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 17 ma [kinitx teżisti] aktar taħt l-influwenza tar-Regolament [Nru 1/2003], hija [kellha], fir-rigward ta’ l-annullament parzjali tad-[deċiżjoni kkontestata] u għall-effett retroattiv [li kien] konness magħha, tippronunċa ruħha fuq id-domanda ta’ eżenzjoni ppreżentata minn GSK meta tpoġġi lilha nnfisha fid-data ta’ dik l-aħħar imsemmija […] [sa fejn kienet] tkun tista’ tiddeċiedi dwarha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, fejn qieset li “il-Qorti tal-Prim’Istanza ma [setgħetx] tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni fejn [kienet] mitluba tistħarreġ il-legalità” (sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, punt 163). Għalhekk, kif jirriżulta mid-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, l-Artikoli 2 sa 4 tad-Deċiżjoni tal‑2001, iċċitati fil-punt 6 iktar ’il fuq, ġew annullati.

    57

    Mill-punti preċedenti jirriżulta li, sabiex teżegwixxi s-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, il-Kummissjoni kellha l-obbligu, minħabba l-effett retroattiv tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni 2001, li tiddeċiedi biss it-talba għal eżenzjoni ppreżentata minn GSK, billi tagħmel riferiment għad-data tan-notifika tal-Ftehim u billi, konsegwentement, twettaq l-eżami tagħha fil-kuntest tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, taħt l-iskema preċedenti tal-awtorizzazzjoni amministrattiva tar-Regolament Nru 17, hija biss il-Kummissjoni li setgħet tadotta deċiżjoni wara talba għal eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 101(3) TFUE, inkwantu din l-istituzzjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar l-eżami jew le tat-talba għal eżenzjoni. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza, il-fatt li r-Regolament Nru 1/2003, li sa mill‑1 ta’ Mejju 2004 jirregola l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 101 u 102 TFUE, neħħa l-proċedura ta’ notifika li kienet teżisti preċedentement huwa mingħajr konsegwenza fuq l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tilqa’ talba għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, O2 (Germany) vs Il‑Kummissjoni, T‑328/03, EU:T:2006:116, punt 48).

    58

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 320 tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, il-Kummissjoni kellha obbligu tiddeċiedi dwar it-talba għal eżenzjoni biss “[sa fejn kienet] tkun tista’ tiddeċiedi dwarha”. Fi kliem ieħor, hija kienet eżentata minn dan l-obbligu biss jekk il-persuna li tagħmel it-talba kellha tiddeċiedi li tirtira t-talba tagħha. Dan kien preċiżament il-każ inkwistjoni, ġaladarba, fis‑26 ta’ Jannar 2010, ftit xhur wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, GSK irtirat it-talba għal negative clearance jew ta’ eżenzjoni individwali tas‑6 ta’ Marzu 1998 skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni effettivament ma kinitx iktar obbligata tiddeċiedi dwar talba għal eżenzjoni li ma kinitx iktar quddiemha.

    59

    Fir-rigward tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi fuq it-talba tal‑1999 minħabba s-sempliċi fatt li t-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata mir-rikorrenti kienet tirrigwarda d-Deċiżjoni tal‑2001, li ġiet annullata biss parzjalment, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Kif josservaw ġustament l-intervenjenti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 320 tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01, talbet espliċitament sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar it-talba għal eżenzjoni, u mhux fuq l-ilmenti differenti mressqa kontra GSK.

    60

    Għalhekk, peress li l-Kummissjoni ma kinitx iktar adita bit-talba għal negative clearance jew għal eżenzjoni ppreżentata minn GSK, hija osservat il-motivi u d-dispożittiv tas-sentenza fil-Kawża T‑168/01 fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE, sa fejn ma jirriżultax minn din is-sentenza li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq investigazzjoni ġdida dwar l-ilmenti marbuta mad-Deċiżjoni tal‑2001, iżda li hija kellha tagħmel dan biss fir-rigward tat-talba għal eżenzjoni.

    61

    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argumenti tar-rikorrenti li jallegaw evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-effetti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P mal-premessi 9, 18 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata.

    62

    Qabel kollox, fir-rigward tal-karatterizzazzjoni allegatament żbaljata tad-Deċiżjoni tal‑2001 bħala, essenzjalment “nulla u mingħajr effett”, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punti 55 u 56 iktar ’il fuq, li l-effett tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P kien kjarament li tiġi annullata parzjalment id-Deċiżjoni tal‑2001, fejn l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001 qatt ma ġie annullat u l-Artikoli 2 sa 4 tal-istess deċiżjoni ġew annullati.

    63

    Għalhekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 9 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom, rispettivament, “[i]s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kellha baħal effett in-nullità tad-Deċiżjoni tal‑2001, li kellha titqies li qatt ma ġiet adottata mill-Kummissjoni”, u, “peress li jirriżulta f’dan il-każ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-deċiżjoni [tal‑2001] hija nulla u mingħajr effett u li jeħtieġ li din titqies li qatt ma ġiet adottata, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li taġixxi fuq l-ilment minħabba l-annullament tad-deċiżjoni [tal‑2001] mill-Qorti tal-Ġustizzja”, hija żbaljata, inkwantu l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001, fil-verità, qatt ma ġie annullat.

    64

    L-istess jgħodd fir-rigward tal-formulazzjoni, li hija minn tal-inqas ambigwa, tal-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-Kummissjoni jmissha “[wettqet] investigazzjoni ddettaljata ġdida fuq il-bażi tal-ilment [tal‑1999]”, fil-każ li din il-frażi kellha tiġi interpretata f’sens li tirreferi għal investigazzjoni ġdida fuq l-aspetti kollha tal-Artikolu 101 TFUE, inkluża l-eżistenza nnifisha tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, hekk kif tallega r-rikorrenti.

    65

    Barra minn hekk, dawn il-konstatazzjonijiet ma jistgħux jiġu invalidati bl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li, minn naħa, l-effetti ġuridiċi tad-Deċiżjoni tal-2001 jirriżultaw biss mill-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni, li ġew annullati, u mhux mill-Artikolu 1 tagħha, u, min-naħa l-oħra, taħt l-iskema preċedenti tar-Regolament Nru 17, GSK ma kisritx għalkollox l-Artikolu 101 TFUE, peress li s-sitwazzjoni rriżultat bħallikieku ebda deċiżjoni relatata mat-talba għal eżenzjoni ma kienet ġiet adottata.

    66

    Madankollu, anki jekk il-Kummissjoni naqset milli tqis li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001 kien għadu validu, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif ġie stabbilit fil-punti 57 u 58 iktar ’il fuq, taħt il-qafas tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni ma kellhiex iżjed l-obbligu li tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni ġaladarba GSK kienet irtirat it-talba tagħha għal negative clearance jew għal eżenzjoni. Għalhekk, adita bit-talba għal eżami mill-ġdid tal-ilment tal‑1999 fid‑9 ta’ April 2013, iktar minn tliet snin wara l-irtirar fis‑26 ta’ Jannar 2010 tat-talba għal negative clearance jew għal eżenzjoni ta’ GSK, il-Kummissjonila kellha dritt titratta l-ilment tal‑1999 fid-dawl ta’ ċirkustanzi ġodda, inkluż tal-fatt li t-talba għal negative clearance jew għal eżenzjoni kienet eventwalment ġiet irtirata. Fil-kuntest ta’ din il-konfigurazzjoni fattwali partikolari ħafna, il-Kummissjoni għaldaqstant kellha d-dritt tevalwa l-interess tal-Unjoni, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja ż-żamma, parzjali, fis-seħħ, tad-Deċiżjoni tal-2001.

    67

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li l-parti tal-motiv ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE tiġi miċħuda.

    – Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 101 u 105 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003

    68

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi ddeċidiet li “ċċedi l-kawża” minħabba li GSK kienet irtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 105 TFUE, li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Skont ir-rikorrenti, kemm taħt il-qafas qadim tar-Regolament Nru 17 kif ukoll taħt dak tar-Regolament Nru 1/2003, peress li ksur “skont l-iskop” tal-Artikolu 101(1) TFUE kien ġie identifikat mill-Kummissjoni u peress li GSK irrifjutat li tipprova li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE setgħu jiġu ssodisfatti, il-Kummissjoni jkollha biss alternattiva waħda sabiex ma tiksirx l-Artikolu 105 TFUE: twettaq hija stess l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 101(3) TFUE “bil-mezzi tagħha stess” jew, jekk din il-possibbiltà tirriżulta li hija impossibbli, tipprojbixxi l-ftehim u tipprekludi li l-aġir jerġa’ jseħħ. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jmissha qieset li, billi rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni, GSK irrinunzjat milli tiddefendi lilha nnifisha billi tinvoka l-Artikolu 101(3)TFUE.

    69

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha minn tal-inqas issostitwixxiet l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal‑2001, annullati permezz tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, permezz ta’ deċiżjoni ġdida li tistabbilixxi l-konsegwenzi tal-ksur ikkonstatat, konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li huwa għandu “iġib fit-temm dan il-ksur”, u b’rispett lejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni għandha obbligu tinforma lill-impriżi b’mod ċar u preċiż dwar il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    70

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni dejjem tibqa’ intitolata tieħu deċiżjonijiet individwali skont l-Artikolu 101 TFUE u taħt l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, anki meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni diġà tkun ħadet konjizzjoni tal-każ. Fil-fatt, fir-replika, hija ssostni li f’dan il-każ il-Kummissjoni kienet neħħiet il-ġurisdizzjoni mill-awtorità Spanjola sabiex tkompli tieħu konjizzjoni tal-każ li kien jirrigwarda l-iskema ta’ prezzijiet doppji ta’ GSK (ara d-deċiżjoni R 515/02 tal-Awtorità Spanjola tal-Kompetizzjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2003). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha tkompli bl-investigazzjoni b’rigward tal-ittra u l-ispirtu tal-Artikolu 105 TFUE u tal-Artikoli 7 u 11 tar-Regolament Nru 1/2003.

    71

    Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jagħtix lil-lanjant id-dritt li jirrikjedi mill-Kummissjoni deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur allegat u ma jobbligax lill-Kummissjoni tkompli fi kwalunkwe każ il-proċeduri sal-istadju ta’ deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punti 5782, u tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 61; ara, ukoll, il-punt 41 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament mill-Kummissjoni tal-ilmenti mressqa taħt l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 65, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti”)).

    72

    Fil-fatt, il-Kummissjoni, fdata permezz tal-Artikolu 105(1) TFUE bil-kompitu li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija mitluba tiddefinixxi u timplimenta l-politika ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, il-Kummissjoni għandha biss riżorsi limitati, li hija għandha tuża sabiex taġixxi kontra numru potenzjalment għoli ta’ aġir kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk sabiex twettaq dan il-kompitu b’mod effikaċi, il-Kummissjoni għandha dritt tagħti livelli ta’ prijorità differenti lill-ilmenti li tagħhom tieħu konjizzjoni u f’dan ir-rigward hija għandha setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    Sabiex tevalwa l-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami ta’ każ, il-Kummisjsoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati fl-ilment li tiegħu tieħu konjizzjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑450/98 P, EU:C:2001:276, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, hija għandha, wara li tkun evalwat, bl-attenzjoni kollha meħtieġa, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa mil-lanjant, tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punt 86, u tat-12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il‑Kummissjoni, T‑60/05, EU:T:2007:269, punt 178).

    74

    Madankollu, peress li l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni ppreżentat minn ilment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, ma għandu la jiġi limitat in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li għalihom tista’ tirreferi l-Kummissjoni, u lanqas, bil-kontra, jiġi impost fuqha r-rikors esklużiv ta’ ċerti kriterji. Fid-dawl tal-fatt li, f’qasam bħal dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kuntest fattwali u ġuridiku jista’ jvarja b’mod kunsiderevoli minn kawża għal oħra, huwa possibbli, minn naħa, li jiġu applikati kriterji li jistgħu jkunu kunsiderevolment differenti, u mhux kriterji predeterminati li jkunu ta’ applikazzjoni obbligatorja, jew, min-naħa l-oħra, li jiġu applikati kriterji li sa dak il-mument ma kinux mistennija li jiġu applikati jew li tingħata l-prijorità lil kriterju wieħed biss sabiex jiġi evalwat dan l-interess tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, EFIM vs Il‑Kummissjoni, C‑56/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:575, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Jannar 2017, Topps Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑699/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, ukoll, il-punt 43 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti).

    75

    Barra minn hekk, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza li skontha l-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ twaqqif ta’ lment minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni, mhux biss qabel ma tkun bdiet tapplika miżuri istruttorji jekk hija tasal għal din il-konstatazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 37, u tal‑24 ta’ Jannar 1995, BEMIM vs Il‑Kummissjoni, T‑114/92, EU:T:1995:11, punt 81; ara, ukoll, il-punt 45 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti).

    76

    Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex mingħajr limiti. Minn naħa, sabiex jiġi evalwat l-interess tal-Unjoni li titkompla l-eżami ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex tiddeċiedi l-azzjoni li għandha tittieħed fuq ilment. B’mod iktar partikolari hija marbuta teżamina bir-reqqa l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-lanjant jipproduċi quddiemha (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑450/98 P, EU:C:2001:276, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, BVGD vs Il‑Kummissjoni, T‑104/07 u T‑339/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:366, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, ukoll, punt 42 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti). F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet ikollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza daqstant fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, hemm b’mod partikolari l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni, T‑355/13, EU:T:2015:36, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    77

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli teżamina lment. Peress li l-motivazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża u ddettaljata sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ effettiv fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tiddefinixxi prijoritajiet, din l-istituzzjoni hija meħtieġa tesponi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha sabiex tieħu din id-deċiżjoni (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punti 9091, u d-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2011, EMC Development vs Il‑Kummissjoni, C‑367/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:203, punt 75).

    78

    Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jiġi osservat li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fuq l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassal lil din il-qorti sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni b’dik tal-Kummissjoni, iżda huwa intiż li jivverifika li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tkunx ibbażata fuq fatti materjalment ineżatti u li ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evlawazzjoni jew użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2010CEAHR vs Il‑Kummissjoni, T-427/08, EU:T:2010:517, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-jedd li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni ma dik tal-Kummissjoni billi tivverifika jekk kriterji oħra minbarra dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata misshomx wasslu lil din tal-aħħar tikkonstata interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-każ (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1096, punt 89, u tat‑30 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑70/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:592, punt 76). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita fil-qasam taċ-ċaħda tal-ilmenti li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE jinvolvu evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, u dan wisq iżjed meta l-Kummissjoni twettaq analiżi prospettivi, li l-kontroll tagħhom mill-qorti tal-Unjoni jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll ta’ dik tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Haladjian Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑204/03, EU:T:2006:273, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Spira vs Il‑Kummissjoni, T‑108/07 u T‑354/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:367, punt 185).

    79

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jirregolaw id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ilmenti mill-Kummissjoni li jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti.

    80

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, essenzjalment, tqis li l-Kummissjoni jmissha applikat is-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, taħt l-Artikolu 105 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, jew billi eżaminat jekk l-aġir antikompetittiv bis-saħħa tal-iskop setax jiġi eżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 101(3) TFUE, jew billi jiġi pprojbit il-Ftehim u billi jiġi prekluż li l-aġir jirrepeti ruħu. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni jmissha adottat deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur allegat fl-ilment tal‑1999.

    81

    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li skont ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punti 71 sa 79 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-investigazzjoni tal-każijiet li jirriżultaw minn ilment u li hija ma għandhiex obbligu tieħu deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur allegat fl-ilment. L-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiddeċiedi li taġixxi fuq ilment, fir-rigward ta’ lment miċħud minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni, ma jikkonċernax l-elementi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, iżda l-elementi rilevanti b’rigward tal-kriterju meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li hemm tali nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Spira vs Il-Kummissjoni, T‑108/07 u T‑354/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:367, punt 155).

    82

    Għaldaqstant, peress li, legalment, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tadotta deċiżjoni definittiva fir-rigward tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur allegat f’ilment, jeħtieġ li jiġi deċiż li, indipendentement mill-fondatezza tal-allegazzjoni bbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-effetti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiddeċiedi definittivament dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod iktar konkret, li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk aġir li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE jissodisfax xorta waħda l-erba’ kundizzjonijiet għall-kisba ta’ eżenzjoni individwali taħt l-Artikolu 101(3) TFUE.

    83

    Jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa u b’mod ulterjuri, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex dovuta għan-natura ftit jew wisq avvanzata tal-investigazzjoni ta’ każ. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ twaqqif ta’ lment minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni mhux biss qabel ma tkun tat lok għal investigazzjoni ta’ każ, iżda wkoll wara li tkun adottat miżuri istruttorji, jekk hija tasal għal din il-konstatazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. Għaldaqstant, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni tapplika jkun liema jkun l-istadju tal-proċedura, indipendentement mill-fatt dwar jekk l-eżami mixtieq huwiex relatat ma’ lment ġdid jew, bħal f’dan il-każ, ilment li qed jiġi eżaminat quddiem il-Kummissjoni wara proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    84

    Fit-tieni lok, fir-rigward, iktar preċiżament, l-allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 105 TFUE, ċertament, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tħares li jiġu applikati l-prinċipji ffissati mill-Artikolu 101 TFUE billi tinvestiga l-każijiet ta’ ksur preżunt u billi “tipproponi tipproponi mezzi xierqa sabiex twaqqfu”. Madankollu, f’dan il-każ, mhux biss l-applikazzjoni tal-Ftehim kienet ġiet sospiża minn Ottubru 1998 mit-Tribunal de Defensa de la Competencia (Qorti tal-Kompetizzjoni), iżda l-Kummissjoni vverifikat li ma kienx għad hemm effetti tal-aġir ta’ GSK fl‑1998 fis-suq u li lanqas ma kien hemm riskju li l-ksur jerġa’ jseħħ (ara l-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq).

    85

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali talli naqset milli tissostitwixxi l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal‑2001, kif tosserva l-Kummissjoni, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi li hija tista’ “b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur”, fejn b’hekk iħallilha d-diskrezzjoni li tiddetermina l-azzjoni li għandha tittieħed sabiex jiġi osservat id-dritt tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ interess tal-Unjoni li twettaq eżami ta’ ftehim li kien ilu li waqaf milli jiġi applikat u li ma kellux iżjed effetti persistenti, ma kienx hemm lok li tiġi adottata deċiżjoni taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan ir-rigward, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata b’rigward tal-assenza ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni li tkompli l-eżami tal-ilment għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv (ara l-punti 97 sa 138 iktar ’il quddiem).

    86

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-riferiment min-naħa tar-rikorrenti għall-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li jiġi osservat li, ċertament, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċeduri bil-għan tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni kellha bħala effett li neħħiet mill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni l-ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE f’dan il-każ. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sempliċi raġuni li ġiet imressqa proċedura u li tneħħiet il-ġurisdizzjoni tal-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni ma tistax tfisser li l-Kummissjoni kellha obbligu tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Hekk kif ġie indikat fil-punt 83 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ twaqqif ta’ lment minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni, anki wara li tkun adottat miżuri istruttorji, jekk hija tasal għal din il-konstatazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. Barra minn hekk, xejn ma jipprekludi lill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni milli terġa’ tingħata ġurisdizzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE, wara ċ-ċaħda tal-ilment tal‑1999. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jneħħix b’mod permanenti l-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, iżda biss matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 68 sa 92).

    87

    Fil-ħames lok u barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li, kif tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, wara s-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, hija eżaminat il-każ mill-ġdid u nediet sensiela ta’ azzjonijiet li wasslu, b’mod partikolari, għall-ftuħ ta’ investigazzjoni separata dwar il-prattiki fis-seħħ fir-rigward ta’ prezzijiet marbuta mal-kummerċ parallel fi Spanja (Każ AT.39973 – Skemi ta’ prezzijiet għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fi Spanja). Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li “ċċedi l-kawża”, kif tallega r-rikorrenti, ma hijiex eżatta.

    88

    It-tieni parti tal-ewwel motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

    – Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u fuq ksur tad-dritt għal smigħ

    89

    Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE, b’mod partikolari billi naqset milli turi fid-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet għalfejn hija qieset li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal‑2001 kien ukoll ġie annullat mis-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P.

    90

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riferiment għall-effetti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P fl-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2013, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet informatha dwar l-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment tal‑1999, hija qatt ma kellha l-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-effetti li għandhom jingħataw lill-imsemmija sentenzi, fejn b’hekk inkiser id-dritt għal smigħ taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 773/2004.

    91

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ att għandha tkun adattata għan-natura tiegħu u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad 29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il Kummissjoni, C 521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    92

    F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissojni qieset li intervent addizzjonali min-naħa tagħha ma kienx fl-interess tal-Unjoni għal raġunijiet esposti b’mod ċar fl-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 18 sa 21 iktar ’il fuq) kif ukoll fl-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2013 indirizzata taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004. B’hekk, il-Kummissjoni esponiet il-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li wassluha sabiex tadottaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2012, Comité de défense de la viticulture charentaise vs Il‑Kummissjoni, T‑192/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:116, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li l-Kummissjoni ma analizzatx korrettament jew suffiċjentement l-effetti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P b’ebda mod ma jbiddel din il-konstatazzjoni (ara, ukoll, il-punt 106, iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati ssottomettew insostenn tal-ilment tagħhom. Jeħtieġ sempliċement li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkunu ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il‑Kummissjoni, T‑229/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:224, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 22). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

    93

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ, il-Qorti Ġenerali tfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-proċedura mressqa wara lment ma tikkostitwixxix proċedura kontradittorja bejn l-impriżi kkonċernati, iżda proċedura mressqa mill-Kummissjoni, wara li tkun saret talba, fl-eżerċizzju tad-dmir tagħha li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk l-impriżi li kontrihom tkun tressqet il-proċedura u dawk li ressqu lment ma jkunux jinsabu fl-istess sitwazzjoni proċedurali u dawn tal-aħħar ma jistgħux jinvokaw drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, il-lanjanti għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tagħhom fil-kuntest tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni u b’hekk għandhom ikunu assoċjati mill-qrib mal-imsemmija proċedura, anki jekk id-drittijiet proċedurali tagħhom ma jkunux daqstant wiesgħa bħad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li kontrihom il-Kummissjoni tkun indirizzat l-investigazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il‑Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punti 1920, u tat‑30 ta’ Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kummissjoni, T‑5/97, EU:T:2000:278, punt 229; ara, ukoll, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 773/2004 u l-punt 59 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-terzi ma jistgħux isostnu li għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl fil-pussess tal-Kummissjoni f’ċirkustanzi identiċi għal dawk li jistgħu jsostnu li għandhom l-impriżi li qed jiġu investigati (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1994, Matra Hachette vs Il‑Kummissjoni, T‑17/93, EU:T:1994:89, punt 34; tat‑30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, EU:T:2000:93, punt 34, u tat‑30 ta’ Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kummissjoni, T‑5/97, EU:T:2000:278, punt 229; ara, ukoll, il-punt 59 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti). Għandu jingħad ukoll li mill-punti 7, 8, 30 u 31 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar ir-regolamenti tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim taż-ŻEE u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2016, C 144, p. 29), jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess tal-lanjant huwa limitat għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni provvisorja tagħha u ma għandux l-istess portata bħad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni rrikonoxxut lill-persuni, lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li lilhom il-Kummissjoni tkun bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jirrigwarda d-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni.

    94

    F’dan il-każ, permezz tal-ittra tagħha tas‑6 ta’ Ġunju 2013 mibgħuta taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni indikat il-punti determinanti fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-ilment, inkwantu l-interpretazzjoni magħmula tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P ma tgħoddx fost dawn il-punti determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni provviżorja tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma werietx fiex hija kienet ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-effetti tas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, ġaladarba, fl-ittra tagħha tat‑18 ta’ Lulju 2013, minn naħa, hija tagħmel sunt tal-ittra tal-Kummissjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2013 bħala waħda li “tiddeskrivi l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” u, min-naħa l-oħra, fil-punt 4.3, intitolat “Obbligi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 266 TFUE”, hija tagħti l-interpretazzjoni tagħha tal-effetti tal-imsemmija sentenzi billi ma tikkontestax l-assenza ta’ xi tip ta’ analiżi tal-imsemmija sentenzi fl-ittra tal-Kummissjoni.

    95

    Għalhekk, jirriżulta li ebda waħda mill-allegat ksur invokat mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv ma huwa stabbilit.

    96

    Għar-raġunijiet esposti fil-punti 47 sa 95 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 105 TFUE, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni kif ukoll fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’

    97

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, imressaq b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni li wassluha sabiex tiċħad l-ilment tal‑1999 minħabba nuqqas suffiċjenti tal-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, fil-fehma tagħha l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 101 u 105 TFUE fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u d-dritt fundamentali li tinstema’ waqt l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni li titkompla l-investigazzjoni.

    98

    Qabel kollox, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward taċ-ċaħda ta’ lment, ir-rikorrenti ssostni li l-kawża fiha “karatteristika partikolari”, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li kienet is-suġġett ta’ żewġ sentenzi importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tagħha ma jistax jiġi konkluż li l-interess tal-Unjoni huwa assenti.

    99

    Sussegwentement, b’riferiment għall-kriterji differenti li l-ġurisprudenza qieset li kienu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni, ir-rikorrenti kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi b’mod selettiv u żbaljat biss tliet raġunijiet li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-assenza ta’ interess għall-Unjoni: fl-ewwel lok, il-fatt li l-ksur allegat fl-ilment tal‑1999 kien ilu ħafna snin li waqaf, fit-tieni lok, il-fatt li l-ksur inkwistjoni ma kienx jipproduċi effetti persistenti u, fit-tielet lok, il-fatt li konjizzjoni tal-każ kienet, u għad kienet tista’, tittieħed mill-qrati u mill-awtoritajiet nazzjonali.

    100

    It-tieni motiv huwa kompost, għalhekk, essenzjalment, f’erba’ partijiet.

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni sempliċement minħabba s-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

    101

    Ir-rikorrenti ssostni li jeżisti interess tal-Unjoni sempliċement minħabba l-karatteristika partikolari ta’ din il-kawża li tiddistingwiha minn dawk preċedenti analizzati sal-lum mill-qrati tal-Unjoni fir-rigward tal-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami tal-ilment, jiġifieri l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li kienet suġġetta għal żewġ sentenzi li ngħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ is-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, u li ġew diskussi b’mod wiesa’ fid-duttrina legali.

    102

    Sabiex jiġu mwieġba l-argumenti tar-rikorrenti, konformement mal-ġurisprudenza, jeħtieġ li jiġi vverifikat li billi tiċħad l-ilment tal‑1999 fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 773/2004, id-deċiżjoni kkontestata ma tistrieħx fuq fatti sostantivament ineżatti u li hija ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi jew minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2010, CEAHR vs Il‑Kummissjoni, T‑427/08, EU:T:2010:517, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni ma’ dik tal-Kummissjoni billi tivverifika jekk kriterji oħra minbarra dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jmisshomx wasslu lil din tal-aħħar tikkonstata l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni sabiex hija tkompli bl-eżami tal-każ (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1096, punt 89).

    103

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni ma jikkostitwixxix illegalità. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie osservat, minn naħa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-għażla tal-kriterji li għalihom hija tista’ tirreferi sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali interess (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2012, Comité de défense de la viticulture charentaise vs Il‑Kummissjoni, T‑192/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:116, punt 80) u, min-naħa l-oħra, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 66 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-konfigurazzjoni fattwali partikolari ħafna tal-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni kellha d-dritt tevalwa l-interess tal-Unjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl ta’ ċirkustanzi ġodda.

    104

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, ċertament, hekk kif tosserva r-rikorrenti, is-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P qajmu interess ġuridiku suffiċjenti fir-rigward tal-analiżi tal-iskemi ta’ prezzijiet doppji fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax fiha nnifisha tiġġustifika t-tkomplija tal-eżami tal-ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata ma jirrigwardax l-eżistenza ta’ interess astratt u akkademiku li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, iżda jirrigwarda l-eżistenza ta’ interess konkret u reali li jiġġustifika t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi tal-Kummissjoni sabiex issir azzjoni fuq l-ilment tal‑1999, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

    105

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-interess tal-Unjoni ma’ dik tal-Kummissjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni kriterju ieħor, jiġifieri l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tat sentenza li kienet tinvolvi l-istess suġġett bħall-ilment tal‑1999, u dan indipendentement mir-rilevanza inkontestabbli ta’ din is-sentenza għall-eżami sostantiv tal-ilment tal‑1999. Fi kliem ieħor, dan il-kriterju addizzjonali invokat mir-rikorrenti ma jistax fih innifsu jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet oħra, u b’mod partikolari t-tliet kunsiderazzjonijiet iddikjarati fil-punt 99 iktar ’il fuq u eżaminati iktar ’il quddiem.

    106

    Fl-aħħar nett, anki li kieku kellu jitqies li l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li huwa dirett ukoll, fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni, lejn ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-portata tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, inkwantu jżommu fis-seħħ, parzjalment, id-Deċiżjoni tal‑2001, jeħtieġ li jitfakkar l-iżball imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat fil-punti 62 sa 64 iktar ’il fuq. Jifdal li ssir l-evalwazzjoni dwar jekk dan l-iżball kienx tali li jkollu influwenza determinanti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni li titkompla l-investigazzjoni tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il‑Kummissjoni, T‑126/99, EU:T:2002:116, punti 4849, u tat‑12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il‑Kummissjoni, T‑60/05, EU:T:2007:269, punti 7778). F’dan il-każ, mill-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tistrieħ, sabiex tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ interess għall-Unjoni, fuq tliet kriterji relatati mal-waqfien f’Ottubru 1998 tal-aġir inkwistjoni, mal-assenza ta’ produzzjoni ta’ effetti persistenti kif ukoll mal-fatt li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu f’pożizzjoni tajba sabiex jitrattaw problemi mqajma. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kellha dritt tillimita n-numru ta’ kriterji li għalihom hija kellha l-intenzjoni tagħmel riferiment għat-tliet kriterji inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punti 45 sa 47, u tal‑24 ta’ Novembru 2011, EFIM vs Il‑Kummissjoni, T‑296/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:693, punt 105). Konsegwentement għandha tiġi evalwata l-influwenza li setgħet kellha l-evalwazzjoni żbajata mill-Kummissjoni tal-portata tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P u, għaldaqstant, tal-portata tad-Deċiżjoni tal‑2001, fid-dawl tat-tliet kriterji meħuda inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni. Issa, ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma huwa tali li jiġi affettwat b’mod determinanti, fl-implimentazzjoni rispettiva tagħhom, miż-żamma parzjali fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal‑2001. Fil-fatt, l-eżistenza tad-Deċiżjoni tal‑2001, li hija ċirkustanza ta’ liġi, hija mingħajr effett fuq il-persistenza tal-aġir inkwistjoni jew tal-effetti tiegħu, li hija ċirkustanza ta’ fatt. L-istess jgħodd fir-rigward tal-intervent tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali, li jibqa’ possibbli, hekk kif ġie osservat fil-punt 86 iktar ’il fuq, u dan inkluż wara li l-Kummissjoni nnifisha adottat deċiżjoni dwar l-aġir inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 68 sa 92). Barra minn hekk, mill-premessi 39 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni teżamina dan il-kriterju biss fir-rigward tal-applikazzjoni, jekk ikun il-każ, mill-awtoritajiet jew qrati nazzjonali, tal-Artikolu 101(3) TFUE, fejn huwa paċifiku li, wara l-annullament parzjali tagħha, id-Deċiżjoni tal‑2001 ma tapplikax.

    107

    .Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni b’rabta mal-waqfien tal-aġir ta’ GSK fl‑1998 bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni

    108

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx u ma mmotivatx debitament il-konklużjonijiet tagħha, b’mod partikolari fil-premessi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-punt li l-ksur kien diġà waqaf fl‑1998 u kien dam seba’ xhur biss (mid‑9 ta’ Marzu sas‑16 ta’ Ottubru 1998), meta l-Kummissjoni kienet ibbażat lilha nnifisha fuq dan it-tul limitat u fuq in-nuqqas ta’ riskju ta’ ripetizzjoni minn GSK sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ interess tal-Unjoni. It-tieni nett, hija tikkonstata kontradizzjoni bejn iċ-ċirkustanza li l-aġir kien waqaf f’Ottubru 1998 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkompli bl-investigazzjoni wara din id-data, bejn l‑1998 u l‑2009, billi adottat id-Deċiżjoni tal‑2001 u billi ddefendietha quddiem il-qrati tal-Unjoni.

    109

    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma huwiex xieraq li taġixxi fuq ilment li jqiegħed inkwistjoni prattiki li ulterjorment waqfu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tqis li ma hemmx iktar interess suffiċjenti tal-Unjoni meta l-impriżi kkonċernati jaċċettaw li jbiddlu l-aġir tagħhom f’sens favorevoli għall-interess ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni, C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punti 4849; ara, ukoll, is-sitt inċiż tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti).

    110

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-waqfien tal-aġir fl‑1998 ma jistax jintlaqa’. L-ewwel nett, fil-fatt, ma huwiex direttament ikkontestat mir-rikorrenti li l-aġir ta’ GSK effettivament intemm f’Ottubru 1998 u r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova konkreta li tippermetti li jiġi stabbilit il-kuntrarju. It-tieni nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti f’dan ir-rigward, inkwantu, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat b’mod ċar li l-applikazzjoni tal-klawżoli kkontestati tal-Ftehim kienet ġiet sospiża mit-Tribunal de Defensa de la Competencia (Tribunal tal-Kompetizzjoni) fis‑16 ta’ Ottubru 1998 u li GSK kienet baqgħet lura milli tapplikahom mid-data ta’ sospenzjoni sad-data tad-Deċiżjoni tal‑2001. It-tielet nett, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi li xejn fil-fajl ma jidher li jindika li GSK kellha intenzjoni tapplikaw dawn il-miżuri mill-ġdid fi Spanja.

    111

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-data ta’ waqfien tal-aġir ma jistax jitqiegħed inkwistjoni mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddefendi d-Deċiżjoni tal‑2001 sa ma tingħata s-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P fl‑2009. Fil-fatt, din l-allegata kontradizzjoni b’ebda mod ma tipprova li l-aġir ta’ GSK ma kienx waqaf u, għalhekk, li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-aġir ma tkompliex wara din id-data.

    112

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ indikazzjonijiet konkreti mingħand ir-rikorrenti li juru li l-aġir kien kompla wara s‑16 ta’ Ottubru 1998 jew li GSK kellha l-intenzjoni li tapplika dawn il-miżuri mill-ġdid fi Spanja, il-Kummissjoni ma vvizzjatx id-deċiżjoni kkontestata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-aġir ta’ GSK kien effettivament waqaf fl‑1998.

    113

    Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-Kummissojni dwar l-assenza ta’ effetti persistenti fis-suq Spanjol li jirriżultaw mill-Ftehim

    114

    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-effetti antikompetittivi tal-ksur jippersistu fil-parti l-kbira fis-suq Spanjol minħabba numru ta’ skemi ta’ prezzijiet doppji attwalment implimentati mill-parti l-kbira tal-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi. Skont ir-rikorrenti, ir-raġunament tal-Kummissjoni fil-premessi 27 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ evalwazzjoni tant gravi u manifesti li l-Kummissjoni ma tistax validament tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ interess tal-Unjoni fil-każ. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet li ma teżisti ebda rabta kawżali bejn il-prattiki ta’ GSK u l-introduzzjoni ulterjuri ta’ prezz doppju minn manifatturi oħra (premessi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata).

    115

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissojni ma tistax tibbaża lilha nnifisha fuq is-sempliċi fatt li waqfu allegati prattiki kuntrarji għat-Trattat FUE sabiex tiddeċiedi li minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti tal-Unjoni ma tkomplix b’investigazzjoni ta’ lment li jiġbed l-attenzjoni dwar dawn il-prattiki mingħajr ma tkun ivverifikat li dawn l-effetti antikompetittivi ma jippersistux u li, jekk ikun il-każ, il-gravità tal-preġudizzji allegati fuq il-kompetizzjoni jew il-persistenza tal-effetti tagħhom ma kinux tali li jikkonferixxu interess tal-Unjoni fuq dan l-ilment (sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il‑Kummissjoni, C‑119/97 P, EU:C:1999:116, punt 95, u tal‑14 ta’ Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑115/99, EU:T:2001:54, punt 33; ara, ukoll, il-ħames inċiż tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti). Din il-ġurisprudenza tapplika biss fil-każ fejn il-Kummissjoni tibbaża lilha nnifisha, sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha, fuq il-waqfien tal-prattiki allegatament antikompetittivi (sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il‑Kummissjoni, T‑60/05, EU:T:2007:269, punt 74, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Spira vs Il‑Kummissjoni, T‑108/07 u T‑354/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:367, punt 178).

    116

    Fl-ewwel lok, mill-punti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament, fid-deċiżjoni kkontesatata, ma kkonstatatx sempliċement il-waqfien tal-Ftehim fl‑1998 u hija vverifikat ukoll li l-effetti antikompetittivi ma kinux qed jippersistu.

    117

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova konkreta li tistabbilixxi li l-kapaċità tal-grossisti Spanjoli li jesportaw il-prodotti mediċinali li kienu direttament affettwati mill-klawżola ta’ prezz doppju applikata minn GSK fl‑1998 kienet limitata jew li l-portata ta’ din ir-restrizzjoni fl‑1998 kienet tali li l-effetti antikompetittivi kienu ppersistew fis-suq Spanjol. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonkludi li “[i]l‑grossisti Spanjoli llum huma kkonfrontati bi prezzijiet u volumi ta’ xiri għall-esportazzjoni ta’ dawn it‑82 prodott mediċinali li huma ddeterminati mid-dinamiċi attwali tas-suq pjuttost milli mill-aġir ta’ GSK fl‑1998”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    118

    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq hija ffukata, essenzjalment, fuq l-effetti antikompetittivi marbuta direttament mal-prattiki allegatament antikompetittivi li waqfu u li huma s-suġġett tal-ilment tal‑1999. Għaldaqstant l-effetti antikompetittivi ma jistgħux jiġu, bħala prinċipju, stabbiliti b’riferiment għal prattiki ta’ partijiet terzi. Madankollu, ma huwiex eskluż li effetti antikompetittivi jiġu eżaminati fid-dawl ta’ prattiki mwettqa minn partijiet terzi, meta tiġi stabbilita b’mod ċar rabta kawżali bejn dawn il-prattiki u l-prattika li hija s-suġġett tal-ilment. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li tista’ tistabbilixxi rabta kawżali bejn il-prattiki ta’ GSK implimentati fl‑1998 u l-introduzzjoni ulterjuri ta’ prezz doppju minn manifatturi oħra. Barra minn hekk, il-fatt li dawn il-prattiki tal-impriżi l-oħra potenzjalment iqajmu l-istess problemi ta’ kompetizzjoni bħal dawk tal-każ li huwa suġġett għall-ilment tal‑1999 huwa, fih innifsu, mingħajr effett, ġaladarba l-fatt li aġir ikun paragunabbli fiż-żewġ każijiet ma jfissirx li wieħed ħoloq jew influwenza lill-ieħor.

    119

    Fir-raba’ lok, jeħtieġ ukoll li tiġi miċħuda l-allegazzjoni li tali rabta kawżali bejn dawn il-prattiki tista’ tiġi stabbilita mill-fatt li l-allegat nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissojni fil-każ li huwa s-suġġett tal-ilment tal‑1999 ta “de facto l-permess” biex jiġu introdotti restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fi Spanja. Minn naħa, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li ma adottatx deċiżjoni dwar ksur ma jistax fih innifsu jkun determinanti fuq l-awtoevalwazzjoni mwettqa mill-impriżi taħt l-Artikolu 101(3) TFUE, ġaladarba din għandha ssir fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi attwali tas-suq, u mhux fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni fir-rigward ta’ ksur li waqaf milli jipproduċi effetti sa mill‑1998. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni tal-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) kif ukoll il-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida dwar prattiki allegati ta’ prezzijiet doppji fi Spanja minn impriżi minbarra GSK (Każ AT.39973 – Skemi ta’ prezzijiet għad-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fi Spanja) ma jistgħux jinftiehmu mill-impriżi l-oħra bħala “nuqqas ta’ azzjoni” li tagħtihom permess jintroduċu skemi ta’ prezzijiet doppji fi Spanja.

    120

    Fil-ħames lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma huwiex possibbli li tinsilet kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-użu allegatament mifrux tal-iskemi ta’ prezzijiet doppji mill-manifatturi fi Spanja huwa marbut, fost fatturi oħra, ma’ miżuri leġiżlattivi introdotti matul il-każ GSK, b’mod partikolari l-Ley 29/2006 de garantías y uso racional de los medicamentos y productos sanitarios (Liġi 29/2006 fuq il-garanziji u l-użu razzjonali tal-prodotti mediċinali), tas‑26 ta’ Lulju 2006 (BOE Nru 178, tas‑27 ta’ Lulju 2006, p. 28122), u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda, permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal‑4 ta’ Novembru 2008, ta’ lment ieħor imressaq mir-rikorrenti fir-rigward ta’ bidliet leġiżlattivi ġodda introdotti permezz tal-Liġi 29/2006. Minn naħa, mill-formulazzjoni tal-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn il-miżuri leġiżlattivi jikkostitwixxu wieħed mill-fatturi, u mhux l-uniku fattur, tal-użu allegat tal-iskemi ta’ prezzijiet doppji u, min-naħa l-oħra, din il-kontradizzjoni hija marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-portata tal‑ilment tal‑1999 u li, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux jipprovaw l-effetti persistenti tal-prattika kkontestata f’dan il-każ.

    121

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, l-argument tar-rikorrenti li l-aġir ta’ GSK ikompli jiġġenera effetti antikompetittivi ma huwiex fondat inkwantu l-istess rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn is-sistema implimentata għal żmien qasir minn GSK fl‑1998 u l-allegati “effetti antikompetittivi” li jirriżultaw mill-prattiki implimentati attwalment minn produtturi farmaċewtiċi oħra.

    122

    Għalhekk, jeħtieġ li jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni relatata mal-assenza ta’ effetti persistenti fis-suq Spanjol li jirriżultaw mill-Ftehim.

    Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-każ li huwa s-suġġett tal-ilment tal‑1999 jista’ jitressaq validament quddiem l-awtoritajiet nazzjonali

    123

    Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-każ li huwa s-suġġett tal-ilment tal‑1999 ma jistax jitressaq utilment quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, inkwantu huma ma humiex f’pożizzjoni tajba sabiex jevalwaw każ ta’ natura ta’ dan it-tip. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’mod ġenerali tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-awtoritajiet nazzjonali. L-ewwel nett, hija tinsab fil-pussess tal-provi rilevanti inklużi fil-fajl. It-tieni nett, il-kummerċ parallel, minħabba n-natura partikolari tiegħu, bħala regola ġenerali jaffettwa numru ta’ Stati Membri. It-tielet nett, ma jistax jiġi kkontestat li l-awtoritajiet Spanjoli ma għandhomx il-mezzi, l-għarfien jew anki l-esperjenza neċessarja sabiex jiksbu u janalizzaw id-data ekonomika kumplessa li jkunu indispensabbli fil-kuntest tal-analiżi magħmula skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 10 tar-Regolament Nru 1/2003 billi affermat li l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni tista’ “tadotta deċiżjoni valida dwar l-Artikolu 101(3) TFUE fil-kawża GSK”. Ir-rikorrenti ssostni li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jadottaw deċiżjonijiet individwali li jaffermaw li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE huma sodisfatti u, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni biss tista’ tikkonstata permezz ta’ deċiżjoni li l-erba’ kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 101(3) TFUE huma applikabbli. Il-ħames nett, il-Kummissjoni kienet ukoll f’pożizzjoni aħjar sabiex teżamina u tadotta deċiżjoni li tirrigwarda l-Artikolu 101(3) TFUE, sabiex tiġi żgurata, minn naħa, l-effikaċja amministrattiva, inkwantu l-Kummissjoni kienet diġà ddedikat ħafna sforzi għal dan il-każ, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li iktar ’il quddiem ikollhom quddiemhom każijiet simili.

    124

    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom kompetenzi paralleli għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li l-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 tistrieħ fuq kooperazzjoni mill-qrib bejniethom (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il‑Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 26). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2007, Au Lys de France vs Il‑Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:195, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad ilment minħabba li l-lanjant jista’ jippreżenta azzjonijiet sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punti 88 sa 96; tat‑24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il‑Kummissjoni, T‑5/93, EU:T:1995:12, punti 65 sa 74, u tad‑9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il‑Kummissjoni, T‑575/93, EU:T:1996:1, punti 7879; ara, ukoll, il-Komunikazzjoni dwar it-trattament tal-ilmenti, l-ewwel inċiż tal-punt 44 u l-Kapitolu II). Min-naħa l-oħra, la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), ma jipprevedu regola ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jew ma joħolqu drittijiet jew aspettattivi għal impriża fir-rigward tat-teħid ta’ konjizzjoni tal-każ tagħha minn awtorità speċifika tal-kompetizzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2011, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il‑Kummissjoni, T‑144/07, T‑147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, EU:T:2011:364, punt 78, u tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punti 3839).

    125

    Għaldaqstant, anki li kieku kellu jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li l-Kummissjoni tinsab partikolarment f’pożizzjoni tajba sabiex tieħu konjizzjoni ta’ każ u li l-awtoritajiet nazzjonali jinsabu f’pożizzjoni inqas tajba biex jagħmlu dan, l-impriżi lanjanti, bħar-rikorrenti, ma għandhom ebda dritt sabiex il-Kummissjoni tieħu konjizzjoni tal-każ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 40, u tat‑30 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑70/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:592, punt 43).

    126

    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li mill-motivi tar-Regolament Nru 1/2003 u, b’mod partikolari, mill-premessi tagħha 1, 6, 8 u 35, jirriżulta li l-parteċipazzjoni l-iktar stretta tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u l-obbligu impost fuq dawn tal-aħħar sabiex japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet meta l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat huma intiżi preċiżament sabiex jiżguraw l-għan ta’ effikaċja li għandu jintlaħaq mill-imsemmi regolament. B’hekk, ir-rekwiżit ta’ effikaċja ma jistax jagħti lok, mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni l-portata tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1/2003, li taħtu l-Kummissjoni tista’ tiċħad ilment għar-raġuni li tkun ittieħed konjizzjoni tal-każ minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, għall-obbligu għall-istess Kummissjoni li tivverifika, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni speċifika, jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni kkonċernata għandhiex il-mezzi istituzzjonali, finanzjarji u tekniċi sabiex twettaq il-kompitu mogħti lilha mir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punti 5657).

    127

    Għaldaqstant u fid-dawl tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003 bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ evalwazzjoni, tassumi li l-awtoritajiet nazzjonali kellhom il-kapaċità li jimplimentaw b’mod effikaċi r-regoli, in-normi u l-politiki li kienu jiffurmaw il-corpus leġiżlattiv tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑70/15, EU:T:2016:592, punt 53) u b’mod partikolari tqis li l-awtoritajiet nazzjonali Spanjoli kienu f’pożizzjoni li jieħdu azzjoni fuq il-każ li kien is-suġġett tal-ilment tal‑1999 fuq livell nazzjonali, billi jiksbu l-provi kollha neċessarji, inkluż billi jirrikorru għall-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikoli 12 u 15 tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem il-Kummissjoni, u b’mod partikolari dawk relatati ma’ allegat nuqqas ta’ esperjenza neċessarja sabiex twettaq analiżi ekonomika jew ma’ diffikultà li tikseb informazzjoni indispensabbli, ma jistabbilixxux suffiċjentement l-eżistenza ta’ nuqqasijiet istituzzjonali fi ħdan l-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni li jipprekluduha twettaq dawn il-kompiti.

    128

    Bl-istess mod, ma ġiex ipprovat li l-qrati Spanjoli ma humiex kapaċi jivverifikaw il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni. Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, ebda waħda mill-proċeduri pendenti dwar il-prattiki allegati ta’ prezzijiet doppji fi Spanja, li r-rikorrenti tinvoka, ma jistgħu jipprovaw l-allegata inkapaċità min-naħa tal-qrati Spanjoli li japplikaw korrettament l-Artikolu 101(3) TFUE. Minn naħa, ebda waħda minn dawn il-proċeduri ġudizzjarji ma jirrigwarda l-Ftehim u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ dawk li jirrigwardaw prattiki allegatament imwettqa minn impriżi oħra, mill-provi prodotti mir-rikorrenti ma jirriżultax li l-qrati nazzjonali kienu interpretaw b’mod żbaljat is-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P. B’mod indikattiv, is-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) mogħtija fit‑3 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża Nru 4792/2011, Pharma vs Pfizer SLU, li barra minn hekk tirreferi għall-imsemmija sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, minkejja li effettivament tirrigwarda prinċipalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, turi li din il-qorti għandha l-mezzi kollha sabiex twettaq analiżi konformi mal-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn is-sentenzi, anki, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikolu 101(3) TFUE.

    129

    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, anki jekk il-prattika kkontestata taffettwa t-territorju ta’ numru ta’ Stati Membri, minħabba n-natura partikolari tal-kummerċ parallel, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies li hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex jiġi konkluż li l-ilment tal‑1999 kien mogħni b’interess suffiċjenti tal-Unjoni. Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tieħu azzjoni fir-rigward ta’ kull ilment li jirrigwarda allegat ksur li jkopri numru ta’ Stati Membri, u dan indipendentement mill-evalwazzjoni tal-kriterji l-oħra ta’ evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni u tan-natura fondata jew infondata tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il‑Kummissjoni, T‑60/05, EU:T:2007:269, punt 158, u tat‑13 ta’ Settembru 2012, Protégé International vs Il‑Kummissjoni, T‑119/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:421, punt 77). Minn dan jirriżulta li l-portata transnazzjonali tal-aġir inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti waħedha sabiex jiġi kkonferit interess tal-Unjoni.

    130

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta b’mod ċar li “[l]-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-[Artikoli 101] u [102 TFUE] f’każijiet individwali” u li, “[g]ħal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin: […] jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum, […]jordnaw miżuri ntermedjarji, […] jaċċettaw rbit [u] jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom”. Konformement mat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni “għandhom [jistgħu] jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li r-Regolament Nru 1/2003 ġab fi tmiem l-iskema ċċentralizzata tar-Regolament Nru 17, li kienet ibbażata fuq sistema ta’ notifika permezz ta’ talba għal negative clearance jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ eżenzjoni individwali, billi ssostitwietha b’sistema ta’ eċċezzjoni li tkun direttament applikabbli, li tirrikonoxxi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-qrati tal-Istati Membri s-setgħa li japplikaw mhux biss l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102 TFUE, iżda wkoll l-Artikolu 101(3) TFUE (ara l-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 1/2003). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu b’mod ċar jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 101(3) TFUE humiex issodisfatti.

    131

    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li, fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, u konformement mas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska (C‑375/09, EU:C:2011:270), hija biss il-Kummissjoni li tista’ tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni, li l-erba’ kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 101(3) TFUE huma applikabbli.

    132

    Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-fatt, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li l-Kummissjoni “tista’ b’deċiżjoni issib lill-Artikolu [101 TFUE] mhux applikabli għal xi ftehim […]sew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu [101(1) TFUE] mhux imwettqa, jew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artiklu [101(3) TFUE huma ssodisfatti]”. Konformement mal-ewwel sentenza ta’ dan l-istess artikolu, tali deċiżjoni, li n-natura tagħha ma hijiex waħda li tikkostitwixxi liġi, iżda hija purament dikjaratorja, tista’ tiġi adottata mill-Kummissjoni biss “fuq l-iniżjattiva tagħha” u “[f]ejn l-interess pubbliku tal-[Unjoni] b’relazzjoni għal applikazzjoni ta’ l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] jirrikjedi hekk” (ara wkoll il-premessa 14 tar-Regolament Nru 1/2003). Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonkludix li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jadottaw deċiżjoni taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

    133

    Sussegwentement, fir-rigward tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska (C‑375/09, EU:C:2011:270), ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li “awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma [setgħetx] tieħu deċiżjoni li tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-Artikolu 102 TFUE”. Din il-ġurisprudenza tapplilka, b’analoġija, ukoll għall-Artikolu 101 TFUE, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “din id-deċiżjoni ‘negattiva’ dwar il-mertu tirriskja li tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE” (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2011:270, punt 28; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni, T‑355/13, EU:T:2015:36, punt 32).

    134

    Madankollu, il-fatt li awtorità nazzjonali ma tistax tadotta deċiżjonijiet li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax jiġi ekwiparat għal inkapaċità għall-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tapplika l-Artikolu 101(3) TFUE. B’mod iktar speċifiku, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’, meta tqis, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, li l-kundizzjonijiet ta’ projbizzjoni ddikjarati fl-Artikolu 101 TFUE ma humiex issodisfatti, tiddeċiedi li ma hemmx lok li hija tintervjeni. Konsegwentement, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tevalwa jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 101(3) TFUE huma ssodisfatti u, jekk iva, tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tintervjeni.

    135

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dak li huwa meħtieġ, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk każ jistax validament jitressaq quddiem awtorità nazzjonali, ma huwiex l-eżitu tal-eżami tal-ilment mill-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni, iżda l-fatt li teżisti possibbiltà li dan jiġi eżaminat minn din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni, T‑355/13, EU:T:2015:36, punt 27), liema każ huwa minnu hawnhekk.

    136

    Fil-ħames u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha wkoll l-obbligu li tkompli bl-investigazzjoni inkwantu kienet neħħiet il-ġurisdizzjoni mill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni biex tkompli tieħu konjizzjoni tal-każ, minn naħa, jeħtieġ li jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1/2003 ma jindikax li t-tressiq ta’ proċedura mill-Kummissjoni tneħħi, b’mod permanenti u definittiv, il-ġurisdizzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tiġi stabbilita mill-ġdid hekk kif il-proċedura mressqa mill-Kummissjoni tiġi konkluża (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 78 sa 80). Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, taħt il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1/2003, sospensjoni jew terminazzjoni eventwali ta’ każ minn awtorità tal-kompetizzjoni għar-raġuni li awtorità oħra tieħu konjizzjoni jew ħadet konjizzjoni tal-istess każ “għandha tippreveni li l-Kummissjoni tirriġetta l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess mil-Komunità, bħalma għarfet li tista tagħmel bil-liġi tal-preċedent tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk l-ebda awtorità tal-Kompetizzjoni ma tindika l-intenżjoni li tinnegozja l-każ [ma għandhiex tipprekludi l-possibbiltà, rikonoxxuta lill-Kummissjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, anki meta ebda awtorità tal-kompetizzjoni oħra ma tkun indikat l-intenzjoni tagħha li tieħu konjizzjoni tal-każ]”.

    137

    Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li ma ġiex stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi indikat li l-każ seta’ tressaq quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

    138

    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami u fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ liġi kkomunikati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

    139

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha li hija kkomunikatilha wara l-għoti tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, jiġifieri dawk imsemmija fil-memoranda li hija ssottomettiet fl‑4 ta’ Marzu 2010 u fit‑8 ta’ Ottubru 2011, u li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkonstataw ebda analiżi li l-Kummissjoni suppost wettqet ta’ dawn il-punti.

    140

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ eżami min-naħa tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi evalwat l-interess tal-Unjoni li jitkompla l-eżami ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-konfront ta’ lment. Hija għandha b’mod iktar partikolari teżamina bir-reqqa l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li l-lanjant iressaq quddiemha (ara l-punt 76 iktar ’il fuq).

    141

    F’dan il-każ, jeħtieġ li jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni segwiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 773/2004. B’hekk, fl-ittra tagħha tas‑6 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-analiżi tagħha tal-ilment tal‑1999 u ħallietha tinvoka l-argumenti tagħha. Fil-fatt, ir-rirkorrenti ssottomettiet osservazzjonijiet fit‑18 ta’ Lulju 2013, li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tal-memoranda sottomessi mir-rikorrenti fl‑4 ta’ Marzu 2010 u fit‑8 ta’ Ottubru 2011, li huma s-suġġett ta’ dan il-motiv, mill-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni “eżaminat[hom] bir-reqqa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ memoranda kienu jittrattaw, fir-rigward tal-ewwel, l-analiżi tal-iskema ta’ prezzijiet doppji ta’ GSK wara s-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, li essenzjalment tikkonkludi li l-Ftehim ma jistax jiġi eżentat taħt l-Artikolu 101(3) TFUE u, fir-rigward tat-tieni, il-bżonn ta’ azzjoni urġenti min-naħa tal-Kummissjoni b’suġġerimenti ta’ soluzzjonijiet possibbli. Minkejja li ma huwiex possibbli li jiġi kkonfermat, fuq il-bażi tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-memoranda effettivament ġew eżaminati mill-Kummissjoni, mill-kontenut tagħhom jirriżulta li dawn ma jqajmux punti li ma kinux tqajmu waqt il-proċedura amministrattiva, inkluża dik wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom b’riferiment espliċitu għall-kontenut tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx, ġustament indispensabbli. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq l-argument li dawn il-memoranda ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għandu jiġi miċħud.

    142

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ att għandha tiġi adattata għan-natura tiegħu u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli teżamina lment. Peress li l-motivazzjoni għandha tkun suffiċjentement preċiża u ddettaljata sabiex tqiegħed lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita kontroll effettiv fuq l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għad-definizzjoni tal-prijoritajiet (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2015, easyJet Airline vs Il‑Kummissjoni, T‑355/13, EU:T:2015:36, punt 70), din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tesponi l-punti ta’ fatt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha tieħu din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2012, Comité de défense de la viticulture charentaise vs Il‑Kummissjoni, T‑192/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:116, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti kollha li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew insostenn tal-ilment tagħhom. Jeħtieġ sempliċement li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-qafas tad-deċiżjoni (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 22; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il‑Kummissjoni, T‑229/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:224, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    143

    F’dan il-każ, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, anki jekk din ma weġbitx l-argumenti kollha tar-rikorrenti sottomessi fiż-żewġ memoranda msemmija fil-punt 142 iktar ’il fuq, madankollu hija spjegat b’mod ċar ir-raġunament li hija kienet segwiet, u b’mod partikolari t-tliet kriterji ddikjarati fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata li wassluha tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ interess tal-Unjoni, fejn b’hekk ir-rikorrenti setgħet tifhem il-motivazzjoni wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħha. Kif inhu indikat fil-punt 141 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu tieħu espliċitament pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew insostenn tal-ilment tagħhom. Jeħtieġ sempliċement li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-qafas tad-deċiżjoni tagħha.

    144

    Għaldaqstant, minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha ta’ eżami u l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi esponiet, b’mod ċar u inekwivoku, il-punti ta’ fatt u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha tiċħad l-ilment tal‑1999. Peress li dawn l-ispjegazzjonijiet iqiegħdu lill-Qorti Ġenerali f’pożizzjoni li teżerċita kontroll effettiv fuq l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata f’dan ir-rigward, anki fl-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq l-argumenti mqajma fil-luntest tal-memoranda tar-rikorrenti tal‑4 ta’ Marzu 2010 u tat‑8 ta’ Ottubru 2011.

    145

    Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    146

    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li, għal raġunijiet ta’ ekwità, il-parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, biss frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

    147

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet. Madankolli, fil-kuntest tal-eżami ta’ dan ir-rikors, irriżulta li l-Kummissjoni, minn naħa, wettqet karatterizzazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni tal‑2001 fil-premessi 9 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, użat formulazzjoni minn tal-inqas ambigwa fir-rigward tal-investigazzjoni li hija kellha twettaq fuq il-bażi tal-ilment tal‑1999 fil-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

    148

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa ekwu li tħalli lil kull parti tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha, inklużi lill-partijiet intervenjenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Kull waħda mill-partijiet għandha tħallas l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     

    Kanninen

    Iliopoulos

    Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Settembru 2018.

    Ir-Reġistratur

    E. Coulon

    Il‑President

    Table des matières

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Proċedura amministrattiva inizjali

     

    Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

     

    Proċedura quddiem il-Kummissjoni wara s-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

     

    Id-deċiżjoni kkontestata

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 266, 101 u 105 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal smigħ

     

    Fuq in-natura effettiva tal-ewwel aggravju

     

    Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

     

    – Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

     

    – Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikoli 101 u 105 TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003

     

    – Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti u fuq ksur tad-dritt għal smigħ

     

    Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 105 TFUE, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni kif ukoll fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tinstema’

     

    Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni sempliċement minħabba s-sentenzi fil-Kawża T‑168/01 u fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

     

    Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni b’rabta mal-waqfien tal-aġir ta’ GSK fl‑1998 bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess tal-Unjoni

     

    Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-Kummissojni dwar l-assenza ta’ effetti persistenti fis-suq Spanjol li jirriżultaw mill-Ftehim

     

    Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-każ li huwa s-suġġett tal-ilment tal‑1999 jista’ jitressaq validament quddiem l-awtoritajiet nazzjonali

     

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ eżami u fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ liġi kkomunikati mir-rikorrenti lill-Kummissjoni wara l-għoti tas-sentenza fil-Kawżi C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top