This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014TJ0423
Judgment of the General Court (Sixth Chamber) of 1 February 2018.#Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE v European Commission.#State aid — Aid implemented by Greece — Decision declaring the aid incompatible with the internal market — Concept of State aid — Advantage — Private investor test — Amount of aid to be recovered — Commission Notice on State aid in the form of guarantees.#Case T-423/14.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Frar 2018.
Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Greċja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Kriterju tal-investitur privat – Ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji.
Kawża T-423/14.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-1 ta’ Frar 2018.
Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-Greċja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Kriterju tal-investitur privat – Ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji.
Kawża T-423/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2018:57
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
“Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mill-Greċja - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern - Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat - Vantaġġ - Kriterju tal-investitur privat - Ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji”
Fil-Kawża T‑423/14,
Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn I. Dryllerakis, I. Soufleros, E. Triantafyllou, G. Psaroudakis, E. Rantos u N. Korogiannakis, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar u É. Gippini Fournier, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/539/UE, tas-27 ta’ Marzu 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (2013/C) (ex 13/NN) mogħtija mill-Greċja lil Larko General Mining & Metallurgical Company SA (ĠU 2014, L 254, p. 24),
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn G. Berardis, President tal-Awla, D. Spielmann u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Larko”) hija impriża kbira, speċjalizzata fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali tal-laterit, l-estrazzjoni tal-linjite u l-produzzjoni ta’ ferronikil u prodotti sekondarji. |
2 |
Hija nħolqot fl-1989, fil-forma ta’ impriża ġdida, wara l-istralċ ta’ Hellenic Mining and Metallurgical SA. Fiż-żmien tal-fatti sottostanti għat-tilwima prinċipali, hija kellha tliet azzjonisti: l-Istat Grieg, li kellu 55.2 % tal-azzjonijiet permezz tal-Hellenic Republic Asset Development Fund, istituzzjoni finanzjarja privata, in-National Bank of Greece SA (iktar ’il quddiem “ETE”), li kellha 33.4 % tal-azzjonijiet, u l-Public Power Corporation (il-produttur prinċipali tal-elettriku fil-Greċja, li l-Istat huwa l-azzjonist maġġoritarju tiegħu), li kellha 11.4 % tal-azzjonijiet. |
3 |
F’Marzu 2012, il-Hellenic Republic Asset Development Fund informa lill-Kummissjoni Ewropea bi programm ta’ privatizzazzjoni ta’ Larko. |
4 |
F’April 2012, il-Kummissjoni bdiet, ex officio, eżami preliminari fuq l-imsemmija privatizzazzjoni, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat. |
5 |
L-eżami għandu bħala għan is-sitt miżuri li ġejjin:
|
6 |
Matul dan l-eżami, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi għal informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta minn dawn l-awtoritajiet fl-2012 u l-2013. Saru wkoll laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi. |
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, C 136, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN). |
8 |
Matul il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi u lit-terzi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Griegi fit-30 ta’ April 2013 u ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa tat-terzi interessati. |
9 |
Fis-27 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/539/UE dwar l-għajnuna mill-Istat SA.34572 (2013/C) (ex 13/NN) mogħtija mill-Greċja lil Larco General Mining & Metallurgical Company SA (ĠU 2014, L 254, p. 24, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
10 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, preliminarjament, li, fiż-żmien meta ngħataw is-sitt miżuri inkwistjoni, Larko kienet impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni”). |
11 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, qabel kollox, li l-miżuri 2 sa 4 u 6 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, insegwitu, li dawn il-miżuri kienu ngħataw bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ projbizzjoni ta’ implementazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 108(3) TFUE u, fl-aħħar nett, li l-imsemmija miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u suġġetti għal irkupru fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). |
12 |
Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li żewġ miżuri oħra, il-miżuri Nri 1 u 5, jikkonċernaw rispettivament in-nuqqas li jiġi rkuprat dejn dovut lill-Ministeru għall-Finanzi u żewġ garanziji tal-Istat tal-2011 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), ma kkostitwixxewx għajnuna mill-Istat. |
13 |
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej: “Artikolu 1 In-nuqqas ta’ ġbir tad-dejn lill-Ministeru tal-Finanzi u l-ittri ta’ garanzija minflok ħlas bil-quddiem ta’ taxxa addizzjonali fl-2010, li l-Greċja implimentat għal [Larko], ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Artikolu 2 L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 135820824.35 fil-forma ta’ garanziji mill-Istat lil [Larko] fl-2008, l-2010 u l-2011 u l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda fil-kapital tal-kumpanija fl-2009, mogħtija llegalment mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern. Artikolu 3 1. Il-Greċja tiġbor lura l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju. 2. Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom iġibu imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu fil-fatt ġew irkuprati. 3. L-imgħax jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, kif immodifikat. 4. Fir-rigward tal-miżura [Nru] 3, il-Greċja tipprovdi d-data(i) eżatta(i) meta pprovdiet il-kontribuzzjoni tagħha għaż-żieda fil-kapital azzjonarju tal-2009. 5. Il-Greċja tikkanċella l-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 4 1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv. 2. Il-Greċja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 5 1. Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Greċja [għandha] tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
2. Il-Greċja żżomm lill-Kummisjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 ikun ikkompletat. Hija tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju. Artikolu 6 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.” |
14 |
L-anness tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi “Informazzjoni dwar l-ammonti ta’ riċevuti, li għandhom jiġu rkuprati u li diġà ġew irkuprati” u huwa riprodott kif ġej:
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
15 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
16 |
Fit-30 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. Ir-risposta u l-kontroreplika ġew ippreżentati fit-terminu prefiss. |
17 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ottubru 2014, Elliniki Metalleftiki kai Metallourgiki Larymnis Larko AE talbet sabiex tintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. It-talba għal-intervent ġiet miċħuda b’digriet tal-11 ta’ Ġunju 2015, Larko vs Il-Kummissjoni (T-423/14, mhux ippubblikat EU:T:2015:439). Appell kontra dan id-digriet ġie wkoll miċħud b’digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, Metalleftiki kai Metallourgiki Etairia Larymnis Larko vs Il-Kummissjoni (C-385/15 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2015:681). |
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2015, il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ġġib fit-tmiem l-istanza fil-Kawża C‑385/15 P(I). Il-proċedura tkompliet fis-16 ta’ Ottubru 2015. |
19 |
Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla. |
20 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
22 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-miżuri Nri 2 sa 4 u 6 (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern; it-tieni wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u t-tielet wieħed, imqajjem sussidjarjament, huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni iddeterminat b’mod żbaljat l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi u ordnat l-irkupru tagħhom bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
23 |
Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tittratta, qabel xejn, it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u, insegwitu, il-motivi l-oħra fl-ordni li fihom ġew invokati. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
24 |
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement, fid-deċiżjoni kkontestata, diversi aspetti relatati, fl-ewwel lok, mal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, fit-tieni lok, il-kompatibbiltà tal-miżuri Nri 3, 4 u 6 mas-suq intern u, fit-tielet lok, il-kwantifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6. |
25 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
26 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl ta’ kliemu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha tiegħu kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni interessati jqajmu quddiemha, imma biżżejjed li hija tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, EU:T:2010:62, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti. |
28 |
L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u, għalhekk, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ vantaġġ, it-tieni nett, l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 u, it-tielet nett, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
29 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-miżuri kontenzjużi kienu jinvolvu l-għoti ta’ vantaġġ lil Larko, kif jirriżulta rispettivament, mill-premessi 73 u 74, fir-rigward tal-miżura Nru 2, mill-premessi 80 sa 85 fir-rigward tal-miżura Nru 3, mill-premessi 90 sa 92 fir-rigward tal-miżura Nru 4 u mill-premessi 101 u 102 fir-rigward tal-miżura Nru 6. |
30 |
Fil-premessi msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, minn naħa, li l-garanziji tal-2008, 2010 u 2011 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li l-kundizzjonijiet tal-Avviż [Komunikazzjoni] tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107] u [108 TFUE] għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Garanziji”) ma ġewx issodisfatti, peress li Larko kienet impriża f’diffikultà u għalhekk il-primjum tal-garanzija ma jirriflettix ir-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit u, min-naħa l-oħra, li ż-żieda tal-kapital tal-2009 ma ssodisfatx il-kriterju tal-investitur privat, peress li l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni ma ġie pprovdut lill-azzjonisti minn qabel, minkejja l-fatt li Larko kienet impriża f’diffikultà. |
31 |
It-tieni nett, l-istess jgħodd għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha l-miżuri Nri 2, 4 u 6 involvew l-użu ta’ riżorsi ta’ Stat, kif jirriżulta, rispettivament, mill-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-miżura Nru 2, mill-premessa 89 ta’ din id-deċiżjoni fir-rigward tal-miżura Nru 4 u mill-premessa 99 tal-istess deċiżjoni fir-rigward tal-miżura Nru 6. |
32 |
Fil-premessi msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat li l-miżuri kontenzjużi, minn naħa, kienu jinvolvu r-riskju ta’ mobilizzazzjoni għar-riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, jimplikaw telf ta’ riżorsi finanzjarji għall-Istat, sa fejn ma ġewx irremunerati korrettement. |
33 |
It-tielet nett, l-istess jgħodd għall-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha l-miżuri kontenzjużi kienu tali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-premessi 75 u 76 tal-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-miżura Nru 2 u tar-riferiment għal dawn tal-aħħar mill-premessi 86, 93 u 103 tal-imsemmija deċiżjoni fir-rigward tal-miżuri l-oħra kontenzjużi. |
34 |
Fil-premessi msemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, minn naħa, li Larko kienet attiva f’settur fejn il-prodotti tqiegħdu fis-suq fl-Istati Membri u li esportat ħafna mill-produzzjoni tagħha lejn Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri kontenzjużi ppermettew li din l-impriża tkompli bl-attivitajiet tagħha, kuntrarjament għall-kompetituri l-oħra li kellhom diffikultajiet finanzjarji. |
35 |
Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-premessi msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq – u b’mod partikolari dawk relatati mal-użu ta’ riżorsi tal-Istat u dawk relatati mal-preġudizzju tal-kompetizzjoni u mal-kummerċ bejn l-Istati Membri – huma estremament konċiżi, madankollu huma suffiċjenti sabiex jimmotivaw id-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fid-dritt, filwaqt li jqisu wkoll il-fatt li l-Kummissjoni mxiet fuq linja ta’ prattika deċiżjonali kostanti u li l-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata kien magħruf sewwa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Griegi stess ma kkontestawx il-preżenza tal-kundizzjonijiet relatati mal-użu tar-riżorsi tal-Istat u l-preġudizzju tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
36 |
Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u ppermettiet, kemm lir-rikorrenti sabiex tiżviluppa l-argumenti tagħha fuq il-merti ta’ dan ir-raġunament u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ legalità. |
37 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-assenza ta’ kompatibbiltà tal-miżuri Nri 3, 4 u 6 mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
38 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma ġietx invokata mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura amministrattiva u, min-naħa l-oħra, li, min-natura tagħhom, il-miżuri kontenzjużi ma jistgħux jiġu użati sabiex jirrimedjaw għad-danni kkawżati minn avvenimenti straordinarji, minħabba li dawn il-miżuri huma ta’ natura ġenerali u indipendenti mid-danni allegatament ikkawżati minn avvenimenti straordinarji. |
39 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma tatx motivazzjoni biżżejjed għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
40 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li l-garanziji tal-2008, 2010 u 2011 taw vantaġġ lil Larko, li kien daqs l-ammont tas-self iggarantit, peress li Larko, li kienet impriża f’diffikultà, ma kinitx tkun tista’ tirċievi dan il-finanzjament fis-suq mingħajr l-imsemmija garanziji. Din l-ispjegazzjoni tirriżulta, rispettivament, mill-premessa 77 fir-rigward tal-miżura 2, mill-premessa 94 fir-rigward tal-miżura Nru 4 u mill-premessa 104 fir-rigward tal-miżura Nru 6. Barra minn hekk, fil-premessi 56 sa 66, il-Kummissjoni ddeskriviet fid-dettall is-sitwazzjoni ta’ diffikultà li fiha Larko kienet tinsab fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna. |
42 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kwantifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata hija debitament motivata fid-deċiżjoni kkontestata. |
43 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, b’mod iktar ġenerali, li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni jikkoinċidu fil-parti l-kbira tagħhom ma’ dawk żviluppati fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motiv u iktar jirrigwardaw il-mertu tal-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata milli n-natura suffiċjenti tagħhom mill-perspettiva formali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivazzjoni, li jirriżulta mill-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, EU:C:2001:178, punt 35, u tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération nationale du Crédit mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02, EU:T:2005:11, punt 67). Dawn l-argumenti, sa fejn huma mqajma fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jistgħu, konsegwentement, jiġu miċħuda biss bħala ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2017, Gfi PSF vs Il-Kummissjoni, T‑200/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:294, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji fil-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern mogħtija lill-miżuri kontenzjużi
45 |
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka żbalji li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mogħtija lill-miżuri kontenzjużi. |
46 |
Dan il-motiv huwa, essenzjalment, maqsum f’erba’ partijiet. |
47 |
L-ewwel u t-tieni parti jikkonċernaw il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat mogħtija lill-miżuri kontenzjużi, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ vantaġġ fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi kollha u, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ riżorsi tal-Istat sa fejn jikkonċernaw il-miżuri Nri 2, 4 u 6. |
48 |
It-tielet u r-raba’ parti jikkonċernaw il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, minn naħa, abbażi, minn naħa, tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE fir-rigward tal-miżuri Nri 3, 4 u 6 u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE fir-rigward tal-miżura Nru 6. |
Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE
49 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-miżuri li, permezz tal-użu ta’ riżorsi tal-Istat, jagħtu l-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi tal-ekonomija, vantaġġ li jfixkel jew jhedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
50 |
Il-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens ristrett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi. Għalhekk, huma kkunsidrati bħala għajnuna l-interventi kollha mill-Istat li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxi direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Għall-kuntrarju, il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfatti jekk l-impriża pubblika benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak disponibbli għaliha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal ċirkustanzi normali tas-suq, evalwazzjoni li għall-impriżi pubbliċi ssir billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju tal-investitur privat fl-ekonomija tas-suq (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
Fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fil-forma ta’ garanzija, ma jistax jiġi eskluż li garanzija tal-Istat tikkonċedi hija stess vantaġġi li jistgħu jimplikaw spiża addizzjonali għall-Istat. Fil-fatt, persuna li tissellef li tidħol f’self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija ser tbati hija inqas minn dik li jkollha tbati fil-każ li kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezz tas-suq (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punti 95 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Insegwitu, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi kompleta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha, inkluż tas-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Franza u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni, T‑479/11 u T‑157/12, EU:T:2016:320, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kriterju tal-investitur privat, il-ġurisprudenza tispeċifika li dan il-kriterju, meta jkun applikabbli, jinsab fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali għajnuna (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103). |
55 |
Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju tal-investitur privat jista’ japplika, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà u għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju humiex issodisfatti u hija tista’ tirrifjuta li teżamina tali informazzjoni biss jekk il-provi prodotti jkunu ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li twettaq l-investiment inkwistjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104). Jekk l-Istat Membru jipprovdiha bil-provi, il-Kummissjoni hija obbligata li twettaq evalwazzjoni globali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha f’dan il-każ li jippermettulha li tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli minn operatur privat (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 73). |
56 |
Madankollu, jekk matul il-proċedura amministrattiva Stat Membru jinvoka l-kriterju tal-investitur privat, huwa għandu l-obbligu, fil-każ ta’ dubju, li jistabbilixxi mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist. Dawn l-elementi għandhom juru b’mod ċar li, qabel jew fl-istess waqt tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jwettaq, permezz tal-miżura effettivament implementata, investiment fl-impriża pubblika kkontrollata. F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, fatturi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 84). |
57 |
Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-vantaġġ, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 85). Fil-fatt, sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-kondotta ta’ investitur prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq, huwa neċessarju li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest tal-perijodu li fih il-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju ttieħdu sabiex tiġi evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-kondotta tal-Istat, u għaldaqstant ma għandha tinħareġ l-ebda evalwazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni iktar reċenti (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 71). Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni teżamina l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta mqabbla ma’ miżura li ma ġietx innotifikata lilha u li diġà ġiet implementata mill-entità pubblika kkonċernata fil-mument meta din twettaq l-eżami tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni, T‑305/13, taħt appell, EU:T:2015:435, punt 94). |
58 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif definit f’din id-dispożizzjoni, huwa ta’ natura legali li għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tal-kwistjoni mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
59 |
Madankollu, il-ġurisprudenza stabbiliet ukoll li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa. Madankollu hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑29/10 u T-33/10, EU:T:2012:98, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, meta hemm lok, għall-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk miżura taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tapplika l-kriterju tal-investitur privat, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika, b’mod ġenerali, min-naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68). |
60 |
Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom iseħħu fil-kuntest tal-Unjoni, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni minn stħarriġ tal-interpretazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 64 u 65, u tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 102). |
61 |
Madankollu, il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha. Fil-fatt, l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni huwa stħarriġ limitat li jillimita ruħu neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 66, u tat-2 ta’ Marzu 2012, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑29/10 u T‑33/10, EU:T:2012:98, punt 103). |
62 |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ kull waħda mill-miżuri ta’ għajnuna kontenzjużi. |
– Fuq il-miżura Nru 2 (garanzija tal-2008)
63 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-garanzija tal-2008 ma tagħti l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3.2(a) sa (d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji. |
64 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni allegatament applikat b’mod żbaljat il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li timponi li min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja sabiex jeskludi l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
65 |
Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Larko marret għall-agħar lejn nofs l-2008, filwaqt li, matul il-perijodu mill-2004 sa nofs l-2008 hija wriet profittabbiltà u data ekonomika pożittiva u, konsegwentement, kienet biss “impriża f’diffikultà”, fis-sens tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni, biss mill-2009, meta s-sitwazzjoni ekonomika tagħha ddeterjorat bħala riżultat tal-waqgħa fil-prezz internazzjonali tan-nikel. |
66 |
Id-data determinanti għall-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, jiġifieri d-data li fiha tingħata l-garanzija ngħatat, tinsab fit-tieni nofs tal-2008, jiġifieri qabel tmiem is-sena finanzjarja 2008, u għalhekk qabel ma r-riżultati negattivi dehru fir-rapporti finanzjarji tagħha. Barra minn hekk, kuntrarjament tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, Larko osservat l-obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni Griega, li tadotta miżuri xierqa meta l-fondi proprji tagħha saru inqas minn 50 %, billi sejħet laqgħa ġenerali tal-kumpannija fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja 2008. |
67 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni allegatament applikat b’mod żbaljat il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li jipprevedi li l-garanzija tagħti lok għal ħlas ta’ primjum konformi mal-prezz tas-suq. |
68 |
Qabel kollox, il-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % jirrifletti s-solvenza tajba ta’ Larko fil-mument tal-garanzija, billi jittieħed kont tal-profittabbiltà tagħha matul it-tliet snin preċedenti; insegwitu, Larko kisbet, matul l-istess sena 2008, self mhux iggarantit mogħti minn ATE Bank u, finalment, l-imsemmi primjum kien konformi mal-primjums riċevuti mill-Istat Grieg għal garanziji ta’ self mogħtija lil kumpanniji oħra f’sitwazzjoni simili għal dik tagħha stess. |
69 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni allegatament applikat ħażin il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2(b) u (c) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li jipprevedu, l-ewwel nett, li l-garanzija għandha tintrabat ma’ tranżazzjoni finanzjarja preċiża, tirrigwarda ammont massimu speċifiku u tkun limitata ratione temporis, u, it-tieni, li l-garanzija “ma tkoprix aktar minn 80 % tas-self jew ta’ l-obbligu finanzjarju ieħor dovut; dan il-limitu ma [kienx japplikax] għal garanziji li jkopru titoli ta’ dejn”. |
70 |
Il-Kummissjoni allegatament warrbet il-fatt li l-garanzija tista’ titkejjel b’mod adegwat u li r-rata ta’ kopertura tal-garanzija ta’ 100 % kienet iġġustifikata, fir-rigward ta’ garanzija mogħtija sabiex tkopri titolu ta’ dejn fis-sens tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq irregolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU 2004, L 390, p. 38). |
71 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
72 |
Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni pprovdiet vantaġġ selettiv lil Larko, għaliex ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2(a) u (d) ta l-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji: minn naħa, Larko kienet impriża f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, il-primjum ta’ 1 % ma jirriflettix ir-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit. |
73 |
Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ġustament ikkonkludietx li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2(a) u (d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u, fl-affermattiv, jekk l-assenza tal-imsemmija kundizzjonijiet kinitx biżżejjed sabiex turi li l-miżura inkwistjoni kienet tat lil Larko vantaġġ skont l-Artikolu 107(1) TFUE, u dan irrispettivament mill-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.2(b) u (c) ta’ din il-komunikazzjoni. |
74 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, hemm lok li tiġi vverifikata jekk il-Kummissjoni setgħetx, ġustament, tikkonkludi li Larko kienet impriża f’diffikultà fis-sens ta’ din il-komunikazzjoni u, fl-affermattiv, jekk l-Istat Grieg kienx jaf jew kellux ikun jaf dwar is-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ din tal-aħħar waqt l-għoti tal-garanzija tal-2008. |
75 |
Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ Larko bħala “impriża f’diffikultà”, għandu jitfakkar li l-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jirreferi għal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. |
76 |
Dawn tal-aħħar, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, jipprevedu kif ġej:
|
77 |
F’dan il-każ, fil-premessi 56 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat lil Larko bħala “impriża f’diffikultà” waqt l-għoti tal-miżuri kontenzjużi, inklużi l-garanzija tal-2008. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-rapporti finanzjarji ta’ Larko għas-snin finanzjarji mill-2007 sa l-ewwel nofs tal-2012 u rreferiet għaċ-ċirkustanzi li ġejjin:
|
78 |
Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tar-riżultati ekonomiċi li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalihom u li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, din tal-aħħar b’mod partikolari uriet fondi proprji negattivi, li jwassal f’telf kunsiderevoli għall-ammont tal-kapital azzjonarju tagħha, tnaqqis fl-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħha bi kważi nofs meta mqabbel mas-sena ta’ qabel u telf kunsiderevoli. |
79 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ kapital proprja negattiv, imsemmija mill-Kummissjoni, tista’ titqies bħala indikatur importanti tas-sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, fit-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T-102/07 u T-120/07, EU:T:2010:62, punt 106). Dan japplika wkoll fir-rigward tat-tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ u t-telf sinjifikattiv akkumulat minn Larko fl-2008, ċirkustanzi li huma msemmija wkoll fil-punt 11 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni (ara t-tielet subparagrafu tal-punt 77, iktar ’il fuq). |
80 |
Sussegwentement, mid-dokumenti annessi mal-proċess tal-kawża jirriżulta li l-garanzija tal-2008 ingħatat b’deċiżjoni ministerjali tat-22 ta’ Diċembru 2008. Għaldaqstant, il-fatt li d-deterjorazzjoni kien bdiet tidher biss minn nofs l-2008 ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li Larko kien f’diffikultà fi tmiem l-2008, waqt l-għoti tal-garanzija. |
81 |
Finalment, kif ġie enfasizzat fil-punti 63 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ diffikultà kienet ikkawżata minn tnaqqis mhux mistenni fil-prezz tal ferronickel, anki jekk ippruvat, ma jikkontestax, fih innifsu, il-konklużjoni li biha Larko kienet impriża f’diffikultà. |
82 |
Minn dan isegwi li, abbażi tal-elementi li kellha u fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali tagħha (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li Larko kienet kumpannija f’diffikultà meta ngħatatilha l-garanzija tal-2008. |
83 |
Madankollu, huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk, fil-mument tal-għoti tal-garanzija fl-2008, l-Istat Grieg, bħala azzjonist ta’ Larko, kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà tagħha. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru aġixxiex bħala investitur privat għandha tiġi evalwata fil-mument meta din tal-aħħar ħadet id-deċiżjoni tagħha li tinvesti. |
84 |
Ir-rikorrenti ssostni li din is-sitwazzjoni ta’ diffikultà ġiet żvelata biss wara t-tmiem l-2008, meta kien imsemmija fid-data finanzjarja, stabbilita fl-aħħar tas-sena baġitarja. Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija speċifikat li, bħala kumpannija mhux ikkwotata fil-Borża, hija ma kellha l-ebda obbligu li tirrediġi rapporti ta’ kull tliet xhur jew rapporti ta’ bilanċ interim oħra u hija ma pproduċietx tali elementi fil-Qorti Ġenerali. |
85 |
Ma hemm l-ebda element fil-proċess tal-kawża li juri b’mod ċert li l-Istat Membru kien jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko fil-mument tal-għoti tal-garanzija tal-2008. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ssodisfatx l-oneru tal-prova billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-preżunzjoni li l-Istat Grieg kellu jkun jaf bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà ta’ Larko fi tmiem l-2008, waqt l-għoti tal-garanzija. |
86 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, meta Stat Membru jinvoka l-kriterju tal-investitur privat matul il-proċedura amministrattiva, huwa għandu, f’każ ta’ dubju, jistabbilixxi mingħajr ekwivoku u fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-klassifikazzjoni tiegħu ta’ azzjonist, fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ elementi li juru li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, investitur privat razzjonali li jinsab f’sitwazzjoni kemm jista’ jkun qrib ta’ dik tal-imsemmi Stat Membru kellu jistabbilixxi, qabel ma għamel l-imsemmi investiment, bil-għan li jiddetermina l-profittabbiltà futura ta’ tali investiment. |
87 |
F’dan il-każ, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet diġà kkonstatat li Larko kienet impriża f’diffikultà mill-2008, li kien jirriżulta mir-rapporti finanzjarji ta’ Larko, kif ġie rrilevat fil-punt 78 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ddikjarat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li “d-dehra ekonomika ħażina [tagħha] […] bdiet tiġi kkonstata minn Lulju 2008” u, filwaqt li enfasizzat li “[hija] kellha profitti u data ekonomika tajba sa nofs [din] is-sena”, hija rrikonoxxiet li “hija [kellha] insegwitu aggravament brutali li fl-aħħar [kien] wassalha sabiex ikollha, fi tmiem is-sena, dehra estremament negattiva”. |
88 |
Madankollu, la l-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura amministrattiva u lanqas ir-rikorrenti matul din l-istanza ma wrew li l-Istat Grieg għamel xi tentattiv kwalunkwe sabiex jinforma ruħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ta’ Larko fil-mument tal-għoti tal-garanzija tal-2008. Huma lanqas ma wrew, b’mod partikolari abbażi tal-kontijiet ta’ din tal-aħħar, li ma setgħux ikunu jafu bis-sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja li kellha quddiemha r-rikorrenti. |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li kien raġonevoli jew, għall-inqas mhux manifestament żbaljat, min-naħa tal-Kummissjoni, li tqis li azzjonist prudenti kien, mill-inqas, ġie infurmat dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-impriża qabel ma jagħti garanzija bħal dik tal-2008. Barra minn hekk, hawn hemm l-azzjonist maġġoritarju ta’ din l-impriża u l-miżura kienet ingħatat lejn tmiem is-sena kontabbli. |
90 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat lil Larko bħala impriża f’diffikultà waqt l-għoti tal-miżura Nru 2 u għalhekk stabbilixxiet li l-kundizzjoni stipulata fil-punt 3.2(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji ma ġietx issodisfatta. |
91 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji jipprevedi, essenzjalment, li t-telf ta’ riskju għandu normalment jiġi rremunerat bi primjum ta’ garanzija xieraq fuq l-ammont kopert mill-garanzija. |
92 |
B’mod iktar speċifiku, fis-sens tal-punt 3.2(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, il-prezz imħallas għall-garanzija għandu jitqabbel mal-primjum ta’ garanzija ta’ riferiment korrispondenti offert fis-swieq finanzjarji. Jekk ma hemmx tali primjum, l-ispiża finanzjarja totali tas-self iggarantit, inkluż ir-rata ta’ interessi u l-primjum mogħti, għandu jitqabbel mal-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit. Fiż-żewġ każijiet, hemm lok li jiġu eżaminati l-karatteristiċi tal-garanzija u tas-self sottostanti u b’mod partikolari l-ammont u t-tul tat-tranżazzjoni, il-sigurtà mogħtija minn min jissellef u elementi oħra li jaffettwaw il-valutazzjoni tar-rata ta’ rkupru, il-probabbiltà ta’ inadempjenza minn min jissellef minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, il-qasam tal-attività tiegħu u l-prospetti tiegħu, kif ukoll kundizzjonijiet ekonomiċi oħra. Din l-analiżi għandha b’mod partikolari tippermetti lil min jissellef permezz ta’ marka ta’ riskju (rating), ibbażata jew fuq il-klassifikazzjoni stabbilita minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni rrikonoxxuta internazzjonalment, jew fuq il-klassifikazzjoni interna użata mill-bank li jagħti s-self sottostanti. |
93 |
F’dan il-każ, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % “ma [setax] jitqies li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għas-self garantit, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji sinifikanti ta’ [Larko] u b’mod partikolari l-proporzjon għolja tagħha tad-dejn mal-ekwità [fondi proprji].” |
94 |
Għalkemm mhux iddettaljat b’mod partikolari, din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
95 |
Huwa minnu li l-Kummissjoni la stabbiliet il-primjum tal-garanzija ta’ riferiment offrut fis-swieq finanzjarji, u lanqas prezz tas-suq għal self simili mhux iggarantit. Lanqas ma kklassifikat lil Larko b’marka tar-riskju stabbilita minn aġenzija internazzjonali jew mill-bank li jagħti s-self sottostanti. |
96 |
Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ diffikultà ekonomika u finanzjarja ta’ Larko, ma kienx manifestament żbaljat li jiġi konkluż li din tal-aħħar ma setatx tikseb il-garanzija tal-2008 bħala korrispettiv tal-ħlas ta’ primjum ukoll baxx, li, ġeneralment, tapplika għal tranżazzjonijiet li ma jinvolvux riskji għoljin, mingħajr intervent mill-Istat. |
97 |
Barra minn hekk, għalkemm, fil-punt 37 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet iddikjarat b’mod ċar li ma kienx jidher prima facie li primjum ta’ 1 % kien jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit, peress li d-diffikultajiet finanzjarji kunsiderevoli ta’ Larko u, b’mod partikolari, il-proporzjon għoli tad-dejn mal-fondi proprji u l-eżistenza ta’ fondi proprji negattivi, la r-rikorrenti u lanqas l-awtoritajiet Griegi ma ressqu, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, elementi li juru li l-primjum inkwistjoni kien jikkorrispondi għal primjum li kien offrut fis-swieq finanzjarji jew bil-prezz tas-suq ta’ self simili mhux iggarantit. |
98 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tirrileva li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Larko, primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma setax jitqies bħala li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit. |
99 |
Fir-rigward tal-argumenti speċifiċi l-oħra mressqa mir-rikorrenti, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-sitwazzjoni diffiċli tagħha, huwa diffiċli li wieħed jemmen li investitur privat kien jagħti l-imsemmija garanzija sempliċement abbażi tal-profittabbiltà ta’ Larko matul it-tliet snin ta’ qabel, mingħajr ebda element li juri s-saħħa attwali tal-imsemmija kumpannija u mingħajr ebda riferiment għall-prospetti futuri tagħha. |
100 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-għoti ta’ self mhux iggarantit minn ATE Bank ma huwiex biżżejjed sabiex juri s-solvenza tajba ta’ Larko, peress li ATE Bank tappartjeni lill-Istat Grieg. Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, il-fatt li, wara li kisbet self mhux assigurat minn ATE Bank, Larko kisbet self li kien jeħtieġ il-garanzija kontenzjuża juri li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ din tal-aħħar iddeterjorat iktar tard matul l-istess sena. |
101 |
It-tielet nett, il-fatt li l-Istat Grieg ta garanziji lil impriżi oħra b’rati ta’ primjums komparabbli ma jistax jixxiebah, fih innifsu, mal-aġir ta’ investitur privat. |
102 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-primjum ta’ garanzija annwali ta’ 1 % ma kienx konformi mal-aġir ta’ investitur privat. |
103 |
Fit-tielet lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-osservanza tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3.2(b) u (c) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji hija biżżejjed sabiex teskludi l-preżenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 3.2(a) u (d) tal-imsemmija komunikazzjoni ma humiex issodisfatti. |
104 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 3.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jispeċifika l-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmi punti, (a) sa (d), huma, meħuda flimkien “suffiċjenti sabiex jeskludu l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat”. Minn dan isegwi li l-osservanza ta’ waħda jew iktar minn dawk il-kundizzjonijiet ma teskludix, waħedha, il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat. |
105 |
Filwaqt li huwa veru li, kif speċifikat fil-punt 3.6 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, invokat mir-rikorrenti, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti minnha ma jfissirx li l-garanzija hija kklassifikata awtomatikament bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 74 sa 102 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx tali klassifikazzjoni awtomatikament, iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq elementi konkreti li juru li l-miżura kontenzjuża ma kinitx konformi mal-prinċipju tal-investitur privat. |
106 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 3.2(b) u (c) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji huma ineffettivi. Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, jekk wieħed jassumi li din seħħet, ma hijiex biżżejjed sabiex teskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
107 |
L-ewwel parti tal-ewwel motiv fir-rigward tal-miżura Nru 2 għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
– Fuq il-miżura Nru 3 (żieda fil-kapital tal-2009)
108 |
Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda fil-kapital tal-2009 ma tagħti l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn tikkonforma mal-prinċipju tal-investitur privat, abbażi tal-elementi li ġejjin:
|
109 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
110 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ż-żieda fil-kapital tal-2009 tat vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li, minn naħa, l-ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kien ipprovdut lill-azzjonisti qabel iż-żieda tal-kapital, minkejja l-fatt li Larko kienet impriża f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, l-ammont finali taż-żieda fil-kapital kien insuffiċjenti sabiex ikopri l-fondi proprji negattivi ta’ Larko u ma setatx għalhekk titqies bħala miżura li tipproteġi l-valur tal-impriża u tinkoraġġixxi r-ristrutturazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, qabel kollox, li sehem ta’ ETE ma kienx prova biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni konkomitanti tal-Istat ma’ dik tal-azzjonisti privati, peress li din il-kumpannija kienet marbuta ma’ Larko mhux biss bħala azzjonista, iżda wkoll bħala debitur, insegwitu, li l-Istat kien diġà ta garanzija lil Larko fl-2008 u, finalment, li azzjonista l-oħra, il-Public Power Corporation, kienet iddikjarat li ma kinitx ser tieħu sehem fiż-żieda fil-kapital. |
111 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova, b’mod partikolari pjan ta’ impriża reali (business plan), li juri li l-Istat Grieg kien qies il-profittabbiltà fit-tul ta’ Larko. B’risposta għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat il-minuti tal-laqgħa straordinarja tal-bord tad-diretturi tagħha tat-18 ta’ Marzu 2009, li jindikaw li l-president tal-bord tad-diretturi kien indika li pjan ta’ impriża kien ġie ippreżentat f’laqgħa li nżammet fid-19 ta’ Diċembru 2008 mal-Ministeru tal-Finanzi u m’ azzjonisti oħra. Madankollu, mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li tali pjan, li barra minn hekk ma ntbagħatx lill-Qorti Ġenerali u li l-eżistenza tiegħu ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, kien intbagħat lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva. L-eżistenza ta’ dan il-pjan, jekk wieħed jassumi li seħħ u irrispettivament mill-kontenut tiegħu, ma hijiex għaldaqstant rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
112 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ kwalunkwe elementi li juri l-Istat Grieg kien stima li l-profittabbiltà fit-tul ta’ Larko tikkostitwixxi indizju importanti tal-assenza ta’ razzjonalità ekonomika taż-żieda fil-kapital inkwistjoni. |
113 |
Ċertament, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Kummissjoni fil-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda effettiva fil-kapital, li l-premessa 16 tal-istess deċiżjoni tammonta għal EUR 65.5 miljun, li minnhom madwar EUR 45 miljun mogħtija mill-Istat Grieg, ma kinitx biżżejjed sabiex tkopri l-fondi proprji negattivi ta’ Larko, li, kif jirriżulta mit-tabella mdaħħla fil-premessa 56 tal-imsemmija deċiżjoni, jammontaw għal EUR 35 miljun. Madankollu, dan huwa żball li ma jistax jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li hija bbażata prinċipalment fuq l-assenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni. |
114 |
Għalhekk, kien raġonevoli jew, għall-inqas, mhux manifestament żbaljat li jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, investitur prudenti, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist, ma kienx jagħmel rikapitalizzazzjoni daqshekk sinjifikattiva mingħajr ma jkollu xi element dwar il-prospetti ekonomiċi u finanzjarji ta’ din il-kumpannija, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni, ladarba Larko kienet impriża f’diffikultà. |
115 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti speċifiċi l-oħrajn imressqa mir-rikorrenti. |
116 |
Qabel kollox, il-fatt li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni u ta’ vijabbiltà kienu bħala regola previsti, jekk wieħed jassumi li huwa stabbilit, ma huwiex, fih innifsu, fattur li juri l-profittabbiltà taż-żieda tal-kapital tal-2009, u dan iktar u iktar fl-assenza ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni reali. L-istess jgħodd għad-dokument, prodott mir-rikorrenti bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, li fihom lista ta’ miżuri, ġeneriċi ħafna, ta’ tnaqqis fl-ispejjeż, anki jekk wieħed jassumi li din il-lista ġiet prodotta mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura amministrattiva, li ma ntwerietx. |
117 |
Insegwitu, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda element qabel iż-żieda tal-kapital tal-2009 li juri li l-Istat, permezz ta’ din il-miżura, effettivament kien qed ifittex li jakkwista sehem maġġoritarju fil-kapital ta’ Larko bil-għan li jniedi l-bejgħ ta’ din tal-aħħar u li din l-istrateġija kienet konformi mal-prinċipju tal-investitur privat. Barra minn hekk, il-minuti tal-laqgħa tal-azzjonisti ta’ Larko tal-2009 prodotti mir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni speċifika f’dan is-sens. |
118 |
Barra minn hekk, minn l-ebda element fil-proċess ma jirriżulta li l-akkwist ta’ sehem maġġoritarju mill-Istat Grieg kien jiffavorixxi l-bejgħ ta’ Larko f’kundizzjonijiet iktar favorevoli u li, konsegwentement, dan l-akkwist kien ikun konformi għall-aġir ta’ azzjonist privat. |
119 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sehem konkomitanti ta’ ETE fiż-żieda fil-kapital tal-2009, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li l-konkomitanza ta’ investimenti pubbliċi u privati ma tistax waħedha, anki fil-preżenza ta’ investiment privat sinjifikattiv, tkun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm assenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti l-oħra ta’ fatt jew ta’ liġi rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑565/08, EU:T:2012:415, punt 122). |
120 |
Min-naħa l-oħra, hem lok li jiġi rrilevat ukoll li l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Istat huwa darbtejn l-ammont ta’ dak ta’ ETE u li din tal-aħħar, li kienet l-azzjonista prinċipali ta’ Larko qabel iż-żieda tal-kapital, saret it-tieni l-ikbar azzjonista fi tmiem din it-tranżazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapport finanzjarju annwali ta’ ETE għall-2008, ippreżentat mill-Kummissjoni, jikkonferma li ETE annullat kompletament il-valur kontabbli tas-sehem tagħha fil-kapital ta’ Larko, peress li ma kellhiex l-intenzjoni li tirkupra l-valur kontabbli tal- investiment fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Larko. F’ċirkustanzi bħal dawn, is-sehem ta’ ETE ma seta jipprovdi ebda sostenn għall-argumenti tar-rikorrenti. |
121 |
L-ewwel parti tal-ewwel motiv fir-rigward tal-miżura Nru 3 għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
– Fuq il-miżura Nru 4 (garanzija tal-2010)
122 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-garanzija tal-2010 ma tagħti l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn hija tissodisfa l-kundizzjonijiet, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin:
|
123 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, b’mod passiv, li din il-miżura ma tagħti ebda vantaġġ, sa fejn hemm dejn tal-Istat li fir-rigward tiegħu, u dan irrispettivament mill-fatt li l-awtoritajiet Griegi, kuntrarjament għal dak li għamlu għall-miżura Nru 6, ma invokawx dan l-argument matul il-proċedura amministrattiva. |
124 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
125 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet li, għalkemm f’ċirkustanzi simili, l-għoti ta’ garanziji jista’ jikkostitwixxi prattika kummerċjali, f’dan il-każ, l-Istat assuma r-riskju kollu u pprovda garanzija għal dejn, filwaqt li Larko kienet f’diffikultà u li l-azzjonista privata ETE ma kinitx qasmet proporzjonalment dan ir-riskju. Barra minn hekk, il-miżura inkwistjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fit-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, peress li l-primjum ta’ 2 % ma kienx jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza ta’ Larko. |
126 |
Għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni. |
127 |
L-ewwel nett, ma hemm xejn li jindika li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni) ikkunsidrat is-suċċess ta’ Larko bħala probabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li din il-qorti tiċħad it-talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni “jekk ma titqiesx probabbli li hemm riskju ta’ dannu” ma jimplikax neċessarjament li, fil-każ oppost fejn il-qorti tagħti s-sospensjoni, bħal f’dan il-każ, huwa jikkunsidra suċċess fit-tilwima fil-kawża prinċipali, is-sentenza msemmija iktar ’il fuq tikkonċerna biss il-possibbiltà ta’ dannu u mhux l-eżistenza ta’ dejn fit-tilwima fil-kawża prinċipali. |
128 |
Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa ineffettiv. Fil-fatt, irrispettivament mill-probabbiltà ta’ suċċess fit-tilwima nazzjonali u b’hekk l-eżistenza tad-dejn, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm għajnuna mill-Istat mill-fatt li l-Istat kien assuma r-riskju kollu u pprovda garanzija għal dejn, filwaqt li Larko kienet f’diffikultà, li l-azzjonista privata ETE ma kinitx qasmet proporzjonalment dan ir-riskju u li l-primjum ta’ 2 % ma kienx jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza ta’ Larko (ara l-punt 125 iktar ’il fuq). |
129 |
It-tieni nett, il-fatt li Larko kienet impriża f’diffikultà ma jiġġustifikax, mill-perspettiva ta’ azzjonist privat, il-fatt li, quddiem il-ħtieġa, għall-azzjonisti, li jintervjenu, l-Istat kien assuma waħdu r-riskju kollha b’korrispettiv tal-ħlas ta’ primjum baxx ħafna. |
130 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li primjum ta’ 2 % ma kienx jikkorrispondi mal-kundizzjonijiet tas-suq, minħabba l-ammont imnaqqas tal-primjum u minħabba li Larko, bħala impriża f’diffikultà, kienet esposta għar-riskju ta’ inadempjenza. |
131 |
Ir-raba’ nett, irrispettivament mill-fatt jekk l-awtoritajiet Griegi rrikonoxxew jew le li ETE ma kinitx ingħatat l-ittra ta’ garanzija fl-assenza tal-garanzija tal-Istat, kif jirriżulta mill-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni fil-kuntest ta’ azzjonisti privati, ETE ma qasmitx ir-riskju li jirriżulta mill-garanzija inkwistjoni mal-Istat. |
132 |
Fi kwalunkwe każ, anki meta jitqies li, minħabba l-pożizzjoni partikolari ta’ ETE, dan tal-aħħar ma kellux jaqsam ir-riskju tal-garanzija 2010, jibqa’ l-fatt li, kif spjegat iktar ’il fuq, Larko ma setatx jikseb tali garanzija fis-suq u li l-primjum ta’ 2 % ma kienx jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li Larko kien irċeviet vantaġġ li ma setgħetx tikseb fis-suq. |
133 |
L-ewwel parti tal-ewwel motiv fir-rigward tal-miżura Nru 4 għandha għalhekk tiġi miċħuda. |
– Fuq il-miżura Nru 6 (garanzija tal-2011)
134 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-garanziji tal-2011 ma jagħtu l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-eventwali element ta’ għajnuna li jinsab f’dawn il-garanziji jiġi kkumpensat b’arretrati fiskali dovuti mill-Istat Grieg fir-rigward tagħha. |
135 |
B’mod iktar speċifiku, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ċaħdet l-argument tal-awtoritajiet Griegi dwar il-possibbiltà li jiġu kkumpensati d-djun ta’ Larko fir-rigward tal-Istat Grieg, marbuta mar-rimbors tat-taxxi, mal-ammont tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni hija inkonsistenti ma’ dik tal-miżura Nru 5 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), li biha l-Kummissjoni rrikonoxxiet li kumpens simili ma wassal għal ebda vantaġġ selettiv. |
136 |
Ir-rikorrenti tispeċifika li dan l-argument ma jirreferix għal kumpens bejn l-arretrati tal-Istat fir-rigward ta’ Larko u dejn futur, iżda għal kumpens għal dawn l-arretrati bl-element eventwali ta’ għajnuna li jinsab fil-garanziji tal-2011, li kien jeżisti fil-mument tal-għoti ta’ din l-għajnuna fi tmiem l-2011. Barra minn hekk, dan l-argument ma jkunx kontradittorju, sa fejn, wara l-kumpens magħmul fil-kuntest tal-miżura Nru 5, ikun hemm bilanċ ta’ djun tal-Istat fir-rigward tagħha. |
137 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
138 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-garanziji tal-2011, il-Kummissjoni tirreferi għall-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri Nri 2 u 4, li fir-rigward tagħhom hija kkonkludiet li dawn tal-aħħar ipprovdew vantaġġ selettiv lil Larko, peress li din tal-aħħar hija impriża f’diffikultà u l-primjum ta’ 1 % ma jirriflettix ir-riskju ta’ inadempjenza għas-self iggarantit. |
139 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna l-miżuri Nri 2 u 4 ma hijiex affettwata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 63 sa 107 u 122 sa 133 iktar ’il fuq. |
140 |
Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tista’ tiġbed l-ebda argument mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura Nru 5, li permezz tagħha l-Kummissjoni stabbilixxiet li s-sostituzzjoni, b’ittri ta’ garanzija, tal-pagament minn qabel ta’ taxxa supplimentari, li kienet relatata ma’ azzjoni legali, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
141 |
Fir-rigward ta’ din l-aħħar miżura, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dritt li tissostitwixxi l-pagament tat-taxxa supplimentari b’ittri ta’ garanzija kien ingħata lil Larko minn qorti, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal kwalunkwe impriża f’sitwazzjoni simili. |
142 |
Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-miżura Nru 6, li dwarha r-rikorrenti ssostni, kif intqal mill-awtoritajiet Griegi, li l-vantaġġ mogħti kien ikkumpensat mill-arretrati tal-Istat fir-rigward tagħha, jiġifieri rimbors tat-taxxi. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li miżura ma tistax tevita l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat meta l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa suġġett għal oneru speċifiku li huwa distint u mhux relatat mal-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
143 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura Nru 6 tat vantaġġ lil Larko fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
144 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv fir-rigward tal-miżura Nru 6 għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha. |
Fuq it-tieni parti, dwar l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6
145 |
Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi tal-Istat fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6. |
146 |
Ir-rikorrenti ssostni li dawn il-miżuri ma kinux jinvolvu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, minħabba li ma kinux jinvolvu riskju konkret biżżejjed għall-baġit tal-Istat, minħabba s-solvenza tajba tagħha, l-assenza ta’ kull anteċedent ta’ attivazzjoni tal-garanziji u l-fatt li l-imsemmija garanziji ma kinux sussegwentement attivati. |
147 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti żżid li l-miżura Nru 6 ma tinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, peress li, fil-mument tal-għotja tagħha, l-Istat Grieg kellu djun ta’ madwar EUR 60 miljun lejn Larko ġejjin mir-rimbors tat-taxxi, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). |
148 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
149 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu tar-riżorsi tal-Istat hija sekondarja għal dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, li kienet is-suġġett tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li kwalunkwe garanzija tal-Istat mhux remunerata skont il-kundizzjonijiet tas-suq tista’ tinvolvi telf ta’ riżorsi tal-Istat, anki jekk ma tkunx mobilizzata, sa fejn tista’ timplika oneru addizzjonali għall-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014: 217, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
150 |
Konsegwentement, sa fejn il-garanziji tal-2008, 2010 u 2011 ma ngħatawx skont il-kundizzjonijiet tas-suq, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-istess miżuri jinvolvu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
151 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżura Nru 6, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-eżistenza, preżumibbilment stabbilita, tal-arretrati tal-Istat fir-rigward ta’ Larko, jiġifieri rimbors tat-taxxi. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, miżura ma tistax tevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat meta l-benefiċjarju ta’ din il-miżura huwa suġġett għal oneru speċifiku li huwa distint u mhux relatat mal-miżura inkwistjoni. |
152 |
Hemm lok għaldaqstant li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv. |
Fuq-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE mogħtija lill-miżuri Nri 3, 4 u 6
153 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri Nri 3, 4 u 6 għandhom jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE minħabba li kienu ngħataw sabiex jirrimedjaw għad-danni kkawżati minn żewġ avvenimenti straordinarji:
|
154 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
155 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, hija kompatibbli mas-suq intern “kull għajnuna mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”. |
156 |
Fil-każ ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali, stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFE, li għajnuna mogħtija mill-Istat ma hijiex kompatibbli mas-suq intern, l-Artikolu 107(2)(b)TFUE għandu jiġi interpretat restrittivament. Għalhekk, huma biss, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra straordinarji, li jistgħu jiġu kkumpensati. Għalhekk, għandu jkun hemm rabta bejn id-danni kkawżati mill-ġrajja straordinarja u l-għajnuna mogħtija mill-Istat u huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tad-danni subiti (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni, T‑268/06, EU:T:2008:222, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
157 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi mad-dispożizzjoni inkwistjoni, peress li l-awtoritajiet Griegi ma invokawx din id-dispożizzjoni. |
158 |
Ċertament, hekk kif issostni r-rikorrenti, iż-żewġ ċirkustanzi msemmija hawn fuq kienu msemmija b’mod sporadiku, fir-rigward tal-miżuri Nri 3 u 4, fl-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura amministrattiva. |
159 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmija awtoritajiet ma invokawx il-ġustifikazzjoni prevista mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE fir-rigward ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak tipprevedi l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 156 iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda korrispondenza bejn l-ammont tad-danni allegatament ikkawżati miż-żewġ avvenimenti imsemmija mir-rikorrenti u l-ammont ta’ garanziji u ż-żieda fil-kapitali inkwistjoni, li, barra minn hekk, jikkostitwixxu miżuri ta’ natura ġenerali li ma tantx jistgħu jintużaw għal użu bħal dak previst mir-rikorrenti. |
160 |
Għaldaqstant, hekk, ma kien hemm xejn li jissuġġerixxi li l-eċċezzjoni msemmija iktar ’il fuq tista’ tiġi applikata fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma eżaminatx, ex officio, il-kompatibbiltà mal-imsemmija dispożizzjoni tal-miżuri Nri 3 u 4, u iktar u iktar il-miżura Nru 6, li fir-rigward tagħha dawn iċ-ċirkustanzi lanqas kienu imsemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-171/02, EU:T:2005:219, punti 166 sa 168). |
161 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ddikjaratx il-miżuri kontenzjużi bħala kompatibbli mas-suq preċedenti fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. |
162 |
Għalhekk it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-għajnuna kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE mogħtija lill-miżuri Nri 3, 4 u 6
163 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura Nru 6 għandha titqies bħal għajnuna kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, minħabba li kienet kompatibbli mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2009, C 83, p. 1, iktar ‘il quddiem il-“qafas temporanju 2009”) bħala “prorogata” mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Temporanju tal-Unjoni għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2011, C 6, p. 5, iktar il quddiem il-“qafas temporanju tal-2011”). Hija tippreċiża li, skont il-kundizzjonijiet ipprovduti mill-qafas temporanju tal-2011, interpretat fid-dawl ta’ dak tal-2009, hija ma kinitx impriża f’diffikultà fl-1 ta’ Lulju 2008 u li l-imsemmi qafas jipprevedi primjums ta’ rifuġju, bħall-primjum ta’ 1 % previst mill-miżura inkwistjoni. |
164 |
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-miżura inkwistjoni għandha titqies, totalment jew parzjalment, bħala kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. Hija ssostni li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Griegi, huma kienu nnotifikaw il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni permezz ta’ fajl mehmuż ma’ posta elettronika tas-16 ta’ Marzu 2012. |
165 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
166 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti invokati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
167 |
Madankollu, peress li adottat ir-regoli ta’ kondotta u peress li stqarret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jikkonċernawhom, il-Kummissjoni għamlet restrizzjoni fuqha nnifisha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, fil-prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinsab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm ma tagħtix raġunijiet li jiġġustifikaw, fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji, il-fatt li hija qed titbiegħed mir-regoli tagħha stess (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, EU:T:2012:351, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
168 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-miżura Nru 6 ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet tal-qafas temporanju tal-2011, peress li Larko hija impriża f’diffikultà. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-ammont totali taż-żewġ garanziji qabżu l-kont tal-pagi annwali tal-Larko, il-garanzija qabżet 90 % tas-self u l-primjum ta’ 1 % fis-sena ma setax jitqies bħala primjum tas-suq, li jirrifletti r-riskju ta’ inadempjenza għall-ammont garantit. |
169 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-garanziji tal-2011 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-uniku qafas temporanju tal-2011, li kien fis-seħħ fid-data tal-għoti tagħhom u mhux ukoll fil-qafas temporanju tal-2009. |
170 |
Insegwitu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-garanziji tal-2011, għall-inqas, ma jissodisfawx xi wħud mill-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti mill-qafas temporanju tal-2011, applikabbli f’dan il-każ, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
171 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-ħames subparagrafu tal-punt 2.1 tal-qafas temporanju tal-2011 jispeċifika li l-Istati Membri huma marbuta li juru li l-għajnuna mill-Istat innotifikata skont dan il-qafas huma neċessarji, xierqa u proporzjonati sabiex jirrimedjaw għal disturb gravi tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li, f’dan il-każ, ma jidhirx mill-elementi tal-proċess li l-awtoritajiet Griegi kienu nnotifikaw kif xieraq il-miżura inkwistjoni jew ipprovdew tali dimostrazzjoni. |
172 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura Nru 6 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna għas-salvataġġ, peress li l-awtoritajiet Griegi ma semmewx dan l-argument jew ipprovdew notifika f’dan ir-rigward. Hija żiedet, fil-premessa 117 ta’ din id-deċiżjoni, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni ma għadhomx jiġu ssodisfatti, minħabba li l-garanziji inkwistjoni ma kinux intemmu wara sitt xhur, l-awtoritajiet Griegi ma kinux innotifikaw pjan ta’ ristrutturazzjoni jew stralċ u ma kien hemm l-ebda prova li tindika li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju. |
173 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, minn naħa, l-awtoritajiet Griegi ma nnotifikawx il-miżura Nru 6 fid-dawl tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni u, min-naħa l-oħra, li mill-proċess tal-kawża ma jirriżultax li dawn l-awtoritajiet kienu ppreżentaw, fi żmien sitt xhur mill-implementazzjoni, pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ jew il-prova li s-self kien irrimborsat fl-intier tiegħu jew li l-garanzija kienet intemmet, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-paragrafu 25(c) tal-imsemmija Linji Gwida. |
174 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbiliet li l-miżura Nru 6 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-qafas temporanju tal-2011 u tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturazzjoni. |
175 |
Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq żbalji fil-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6
176 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, li jiġbor fih argumenti sostanzjati b’mod mifrux ħafna matul ir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/99 fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6, jiġifieri għajnuna fil-forma ta’ garanzija, sa fejn il-Kummissjoni għamlet żbalji fil-kwantifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata u ordnat l-irkupru bi ksur tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. |
177 |
Fl-ewwel lok, il-garanziji ma kinux jissejħu u s-self iggarantit kien diġà ġie rrimborsat, totalment jew parzjalment. |
178 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova tal-eżistenza ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali” msemmija fit-tielet subparagrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, il-klassifikazzjoni ta’ Larko bħala impriża f’diffikultà ma kinitx suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi. Barra minn hekk, kien ikun possibbli, f’dan il-każ, li jitqabblu l-primjums kontenzjużi ma’ primjums oħra tas-suq jew, fl-assenza ta’ dan, jiġu kkalkolati dawn il-primjums skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008 C 14, p. 6) u ta’ annessi tal-qafas temporanju tal-2009 u tal-qafas temporanju tal-2011. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li kien “dubjuż” li Larko kienet ibbenefika minn garanziji tas-suq mingħajr intervent mill-Istat ma jikkorrispondix mal-livell ta’ prova rikjesta għal tali dimostrazzjoni. |
179 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
180 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedi li l-Kummissjoni, meta hija tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, EU:C:2000:559, punt 25, u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287, punt 39). Madankollu jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tordna l-irkupru ta’ ammont speċifiku, hija għandha, skont l-obbligu tagħha li teżamina b’mod xieraq u imparzjali l-fajl fil-kuntest tal-Artikolu 108 TFUE, tistabbilixxi, b’mod daqstant preċiż li ċ-ċirkustanzi tal-kawża jippermettu, il-valur tal-għajnuna li l-impriża bbenefikat minnha. Meta terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna, minn naħa, il-Kummissjoni hija marbuta tiżgura li l-vantaġġ reali tal-għajnuna huwa eliminat u b’hekk tordna l-irkupru tat-totalità tal-għajnuna. Hija ma tistax tordna l-irkupru ta’ somma inferjuri jew superjuri għall-valur tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarju (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni, T‑366/00, EU:T:2007:99, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
181 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, għall-investigazzjoni tal-mistoqsija jekk l-Istat aġixxiex bħala investitur prudenti li jinnegozja f’suq ħieles, wieħed għandu jmur lura fil-kuntest taż-żmien li fih ittieħdu l-miżuri għal sostenn finanzjarju, sabiex wieħed ikun jista’ jiddeċiedi jekk l-atteġġament tal-Istat kienx ekonomikament raġonevoli, u li wieħed għandu jastjeni minn kull deċiżjoni relatata ma’ sitwazzjonijiet iktar tard. |
182 |
Huwa għalhekk fil-mument meta tingħata l-garanzija u mhux meta tkun mobilizzata jew meta tinvolvi pagamenti li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk tikkostitwixxix jew le għajnuna mill-Istat, fl-affermattiv, li tiġi kkalkolata l-ammont tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il-Kummissjoni, T-242/12, taħt appell, EU:T:2015:1003, punt 332). Barra minn hekk, l-assenza ta’ sejħa ta’ garanziji u l-allegat rimbors, totali jew parzjali, ta’ self iggarantit, imsemmija mir-rikorrenti, jikkostitwixxu element ulterjuri li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-għajnuna inkompatibbli. |
183 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, fil-premessi 77, 94 u 104 (li impliċitament jirreferu għall-premessa 77) tad-deċiżjoni kkontestata, li Larko kienet irċeviet vantaġġ daqs l-ammont totali tas-self iggarantit, peress li, mingħajr il-garanzija tal-Istat, ma kinitx tista’ tirċievi dan il-finanzjament mis-suq. |
184 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 56 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-rikorrenti fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna u kkonkludiet minn dan li kienet impriża f’diffikultà li kienet f’sitwazzjoni estremament ikkumplikata. Hija rrilevat li, abbażi tad-data finanzjarja ewlenija ta’ din l-impriża għas-snin mill-2007 sa l-ewwel nofs tal-2012, tnaqqis kostanti u kunsiderevoli fl-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħha u l-eżistenza ta’ fondi proprji negattivi. |
185 |
Fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija tal-2008 (miżura Nru 2) kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li din l-għajnuna kienet ekwivalenti għall-ammont totali tas-self iggarantit, peress li “[kien] dubjuż li [Larko], minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha, kienet issib kwalunkwe finanzjament fis-suq irrispettivament mill-kundizzjonijiet”. L-istess konklużjoni tinġibed mill-premessa 104 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn tikkonċerna l-garanziji tal-2011 (miżura Nru 6). Fir-rigward tal-garanzija 2010 (miżura Nru 4), fil-premessa 94 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li l-ammont ta’ għajnuna kien daqs l-ammont iggarantit, għaliex “[kien] ċar li, irrispettivament mill-kundizzjonijiet, l-ebda parteċipant fis-suq raġonevoli ma kien ikun kapaċi jiggarantixxi dan l-ammont lil [Larko], minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha”. |
186 |
Qabel kollox, fir-rigward tal-miżuri Nri 2 u 6, għandu jiġi kkonstatat li l-kelma “dubjuż” diġà ntużat, b’mod xieraq, fl-evalwazzjoni preliminari magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 39 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u li, ċertament, l-użu ta’ din il-kelma jidher li huwa inqas xieraq sabiex tesprimi l-evalwazzjoni finali tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar il-fatt li Larko ma setax ikollha aċċess, fis-suq, għal miżuri paragunabbli mal-miżuri kontenzjużi, iktar u iktar peress li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni sostanzjalment identika, il-Kummissjoni użat il-kelma “dubjuż” fir-rigward ta’ dawn il-miżuri u l-kelma “ċar” fir-rigward tal-miżura Nru 4. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, speċifikat li “fatt huwa meqjus li ġie stabbilit meta l-eżistenza tiegħu dehret iktar probbabli min-nuqqas ta’ eżistenza tiegħu”, li jimplika l-obbligu li jiġu evalwati l-fatti b’mod adegwat. |
187 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata u tal-premessa 77 tagħha, kuntest li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora, jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li l-Kummissjoni qieset li kien, għall-inqas, ftit probabbli li Larko setgħet tikseb self fis-suq mingħajr l-intervent tal-Istat Grieg, minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżura Nru 2, wara li ddikjara li “[kien] dubjuż li [Larko], minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tagħha, kienet issib kwalunkwe finanzjament fis-suq irrispettivament mill-kundizzjonijiet”, l-istess premessa 77 tispeċifika li “[f]i kliem ieħor, il-Kummissjoni tqis li [Larko] rċeviet vantaġġ daqs l-ammont tas-self garantit, minħabba li mingħajr il-garanzija mill-Istat ma kinitx tkun kapaċi tirċievi finanzjament mis-suq”. Dan jgħodd ukoll għall-premessa 104 dwar il-miżura Nru 6, li tirreferi, parzjalment, għall-evalwazzjoni tal-miżura Nru 2. |
188 |
Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-użu tal-kelma “dubjuż” ma jistax, fih innifsu, jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-miżuri Nri 2 u 6. |
189 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, il-vantaġġ li jirriżulta minn garanzija mill-Istat jista’ jkun daqs l-ammont sħiħ tas-self iggarantit, tali konklużjoni ma tistax, minn naħa, tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanza li s-self ma kienx jingħata fl-assenza tal-garanzija, ċirkustanza li taqa’ fil-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u mhux fil-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ din l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-użu tal-possibbiltà li jiġi kkalkolat il-vantaġġ li jirriżulta minn garanzija tal-Istat daqs l-ammont sħiħ tas-self iggarantit ma jistax jiġi ġġustifikat sempliċiment mill-fatt li l-impriża benefiċjarja hija f’diffikultà, minħabba l-implikazzjonijiet kbar ta’ tali approċċ u b’mod partikolari tar-riskju li l-benefiċjarju jkun marbut li jħallas l-ammont sħiħ tas-self lill-Istat, anki meta kien jista’ jirrimborsa l-imsemmi self lill-kreditur tiegħu. |
190 |
Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Kummissjoni stess fit-tielet subparagrafu (a) tal-punt 4.1 tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li jaqra kif ġej: “[…] [G]ħal kumpanniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza. Jekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija.” |
191 |
Mit-tielet subparagrafu (a) tal-punt 4.1(3) tal-Komunikazzjoni dwar il-Garanziji, li l-Kummissjoni ssostni li applikat f’dan il-każ, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-element ta’ għajnuna ta’ garanzija jwassal għal riżultati progressivi, sal-punt li l-imsemmi element huwa daqs l-ammont totali tas-self kopert mill-garanzija, li jista’ jseħħ fil-preżenza ta’ “ċirkostanzi eċċezzjonali” li fihom huwa impossibbli għal min jissellef li jirrimborsa s-self koperta mill-garanzija bil-mezzi tagħha stess. |
192 |
Fl-aħħar nett, huwa veru li, fil-premessi 77, 94 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, meta kkunsidrat li Larko kienet irċeviet vantaġġ daqs l-ammont ta’ self iggarantit, ibbażat ruħha fuq motivazzjoni qasira, li ssemmi biss “id-diffikultajiet ekonomiċi” ta’ Larko. |
193 |
Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata kollha, u b’mod partikolari mill-premessi 56 sa 66 tagħha, jirriżulta li, fiż-żmien meta ngħataw il-miżuri ta’ għajnuna, Larko kien f’qagħda estremament delikata, b’mod partikolari minħabba t-tnaqqis kostanti fl-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħha u l-eżistenza ta’ fondi proprji negattivi, li ssuġġerixxa li l-kapital azzjonarju kollu tal-impriża intilef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball meta kkonkludiet li kien hemm “ċirkostanzi eċċezzjonali” li għamluha impossibbli għal Larko li tirrimborsa s-self kollu bil-mezzi tagħha stess. Barra minn hekk, peress li dawn l-elementi ma kinux kontradetti b’xi element ieħor prodott mill-awtoritajiet Griegi jew mir-rikorrenti waqt il-proċeduri u mqiegħed fil-proċess ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni, ġustament, evalwat il-miżuri kontenzjużi skont l-informazzjoni disponibbli għaliha fil-mument meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 168). Barra minn hekk, rikorrent ma jistax jinvoka quddiem il-qorti punti ta’ fatt li ma ġewx imressqa matul il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 108 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-382/99, EU:C:2002:363, punti 49 u 76, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C‑280/92, EU:C:1994:325, punt 31). |
194 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi kollha, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-kliem li jistgħu jiġu kkritikati ta’ ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ikkonkludiet li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji tal-Istat mogħtija lir-rikorrenti kien daqs l-ammont sħiħ tas-self iggarantit. |
195 |
Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet, li huwa ntiż li jikseb ordni ta’ “rimbors”, bl-interessi, ta’ kwalunkwe somma li tista’ tiġi “rkuprata”, direttament jew indirettament, mir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-ispejjeż
196 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Berardis Spielmann Csehi Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2018. Firem |
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Id-dritt |
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni |
|
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji fil-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern mogħtija lill-miżuri kontenzjużi |
|
Fuq l-ewwel parti, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE |
|
– Fuq il-miżura Nru 2 (garanzija tal-2008) |
|
– Fuq il-miżura Nru 3 (żieda fil-kapital tal-2009) |
|
– Fuq il-miżura Nru 4 (garanzija tal-2010) |
|
– Fuq il-miżura Nru 6 (garanzija tal-2011) |
|
Fuq it-tieni parti, dwar l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 |
|
Fuq-tielet parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE mogħtija lill-miżuri Nri 3, 4 u 6 |
|
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-għajnuna kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE mogħtija lill-miżuri Nri 3, 4 u 6 |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq żbalji fil-kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-miżuri Nri 2, 4 u 6 |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
( 1 ) Fil-punt 170 ta’ dan it-test saru modifiki li jikkonsistu f’korrezzjonijiet żgħar, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.