Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0199

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015.
    Vanbreda Risk & Benefits vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Għoti ta’ kuntratt lil offerent ieħor – Ugwaljanza fit-trattament – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Telf ta’ opportunità – Sentenza interlokutorja.
    Kawża T-199/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:820

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża T‑199/14,

    Vanbreda Risk & Benefits, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn P. Teerlinck u P. de Bandt, sussegwentement minn P. Teerlinck, P. de Bandt u M. Gherghinaru, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea , irrappreżentata minn S. Delaude u L. Cappelletti, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta sottomessa mir-rikorrenti għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti OIB.DR.2/PO/2013/062/591, dwar l-assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni (ĠU 2013/S 155-269617), kif ukoll tat dan il-lott lil kumpannija oħra u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek-Tomac, amministratur,

    wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1. Fl-10 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fis-suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, S 155-269617), sejħa għal offerti bir-referenza OIB.DR.2/PO/2013/062/591, li tikkonċerna kuntratt pubbliku ta’ assigurazzjonijiet ta’ beni u ta’ persuni, maqsum f’erba’ lottijiet.

    2. Il-lott Nru 1, li huwa biss qiegħed jiġi kkontestat f’dan ir-rikors, kien jirrigwarda l-kopertura ta’ assigurazzjoni – mill-1 ta’ Marzu 2014 – għall-immobbli u l-kontenut tagħhom, f’isem il-Kummissjoni u diversi istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea.

    3. Id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jinkludu, fir-rigward tal-lott Nru 1, minbarra l-avviż ta’ kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li huwa magħmul mis-sejħa għal offerti li annessa magħha hemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (Anness I), mil-lista tal-bini (Anness I.1), mill-istatistiċi relatati ma’ inċidenti (Anness I.2), mill-offerta finanzjarja (Anness II), mill-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi (Anness III) u mill-“Kwestjonarju ‘Identifikazzjoni – Esklużjoni – Għażla’” (Anness IV) (iktar il’ quddiem il-“Kwestjonarju IES”).

    4. Is-sejħa għal offerti tippreċiża li din tirrigwarda proċedura miftuħa li tagħti kuntratt lill-offerta li tissottometti l-iktar prezz baxx fost l-offerti ammissibbli u konformi (Artikolu 3.4.3 tas-sejħa għal offerti; punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi).

    5. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum , fil-każ tal-involviment ta’ numru ta’ assiguraturi fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, hija indirizzata kif ġej.

    6. L-avviż ta’ kuntratt jipprevedi, fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, li l-membri kollha ta’ dan il-grupp irid ikollhom “responsabbiltà […] in solidum fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (punt III.1.3 tal-avviż ta’ kuntratt).

    7. L-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddisponi:

    “Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati minn assiguratur prinċipali in solidum, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur. F’dan il-każ, l-offerent jiggarantixxi li l‑awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt […]

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar. F’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt […]”

    8. Fl-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi, il-parti ddedikata għall-identifikazzjoni tal-firmatarji tal-kuntratt kienet segwita mill-kliem: “Il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq u li iktar ’il quddiem huma msejjħa flimkien ‘il-kontraent’ huma […] solidarjament responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-awtorità kontraenti.”

    9. Is-sejħa għal offerti kienet tiddisponi li ma’ kull offerta għandu jiġi anness kwestjonarju IES li l-offerent għandu jimla kull parti tiegħu (it-tmien inċiż tal-punt 2.1.2 tas-sejħa għal offerti). Dan il-kwestjonarju IES kien jiddistingwi, fit-Taqsima 1 tiegħu (Formola ta’ identifikazzjoni tal-offerent) skont jekk l-offerent kienx qed jaġixxi “bħala membru [ta’] grupp” jew bħala “offerent uniku”.

    10. Dan il-kwestjonarju IES kien jinkludi, fit-Taqsima 3 tiegħu “kwestjonarju li jikkonċerna l-offerti magħquda”, li “[kellu biss] jimtela jekk l-offerta [kienet] offerta magħquda”.

    11. Il-punti 5 u 5.1 ta’ dan l-imsemmi kwestjonarju kienu jiddisponu li, “fil-każ ta’ offerta magħquda, [kellu jiġi pprovdut] ftehim/prokura stabbilit konformement [ma’] mudell ipprovdut iktar ’il quddiem, iffirmat mir-rappreżentanti legali tal-partijiet kollha għall-offerta magħquda [u] li, b’mod partikolari[, kienu jirrikonoxxu] r-responsabbiltà in solidum tal-partijiet kollha għall-offerta magħquda fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt”.

    12. Dan il-ftehim/prokura kien jiddisponi li “bħala kofirmatarji tal-Kuntratt, il-membri kollha tal-grupp kienu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Awtorità kontraenti fl-eżekuzzjoni tal-Kuntratt”. Dan kien iżid ukoll li dawn il-membri kollha “għandhom josservaw il-kundizzjonijiet tal-Kuntratt u jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa tas-sehem rispettiv tagħhom tas-servizzi kif previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-offerta tal-kontraent”.

    13. Fil-31 ta’ Ottubru 2013, matul il-ftuħ tal-offerti, il-kumitat tal-ftuħ irreġistra l-wasla ta’ żewġ offerti għal-lott Nru 1. Waħda mingħand ir-rikorrenti, Vanbreda Risk & Benefits, u l-oħra mingħand il-kumpannija Marsh.

    14. Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq l-importanza, għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ offerta, “tad-dokumenti ffirmati, li minnhom jirriżulta li, fil-każ ta’ offerta li tinkludi numru ta’ assiguraturi, dawn l-istess assiguraturi jintrabtu in solidum mingħajr l-ebda restrizzjoni”. FIl-fatt, fl-esperjenza tar-rikorrenti, AIG Europe Limited (iktar ’il quddiem “AIG”), li kienet qed tipparteċipa fil-konsorzju ta’ Marsh, kienet bħala prinċipju tirrifjuta li tintrabat in solidum u għalhekk kienet kważi ċerta li l-offerta ta’ din tal-aħħar ma setgħatx tosserva r-rekwiżiti ta’ mertu u ta’ forma tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    15. Permezz tal-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni wieġbet, fuq dan il-punt, li ma setgħatx tipprovdi informazzjoni peress li l-evalwazzjoni tal-offerti kienet għada għaddejja.

    16. Mill-proċess verbali tal-evalwazzjoni tal-offerti tat-13 ta’ Jannar 2014, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti ddeċieda li l-offerti tar-rikorrenti u ta’ Marsh kienu jikkwalifikaw għall-evalwazzjoni finanzjarja u kkonstata li l-offerta ta’ Marsh kienet ikklassifikat l-ewwel, bi prezz annwali ta’ EUR 771 076.03, u li l-offerta tar-rikorrenti kienet it-tieni, bi prezz annwali ta’ EUR 935 573.58. Għalhekk, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeċieda li jipproponi l-għoti tal-lott Nru 1 lil Marsh.

    17. Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti l-kuntratt lil Marsh.

    18. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha għal-lott Nru 1 kienet ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx toffri l-iktar prezz baxx.

    19. Permezz tal-messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Jannar 2014 u tal-ittra tat-3 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni għall-aċċess għar-rapport sħiħ tal-għoti ta’ kuntratt u għall-komunikazzjoni tal-kopji tad-dokumenti ffirmati li minnhom jirriżulta li, fil-każ ta’ offerta b’numru ta’ assiguraturi, dawn kienu marbuta in solidum mingħajr ebda restrizzjoni, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrenti ssemmi li dan ir-rekwiżit kien inkluż fil-paġna 8 tal-Anness IV tas-sejħa għal offerti.

    20. Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti tenniet mill-ġdid it-talbiet tagħha u indikat it-tħassib tagħha li l-offerta ta’ Marsh ma hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għar-raġuni li mill-inqas wieħed mill-imsieħba f’din l-offerta ma kienx iffirma l-mudell ta’ ftehim/prokura meħtieġ. Ir-rikorrenti indikat li dan kien element essenzjali tal-kuntratt u li hija stess kienet għamlet offerta ta’ assigurazzjoni li kienet konformi bis-sħiħ mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inkluż dan il-punt essenzjali ta’ solidarjetà. Jistgħu biss jiġu kkunsidrati konformi dawk l-offerti li jinkludu biss assiguratur wieħed (li jkopri riskju ta’ 100 %) u dawk li fihom numru ta’ assiguraturi li kollha kemm huma jkunu ddikjaraw li huwa responsabbli in solidum fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-deċiżjoni tagħha ta’ għoti tal-kuntratt lil Marsh minħabba f’dan l-element u li tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt.

    21. Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni rrispondiet għall-messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Jannar 2014, fejn hija indikat li skont il-leġiżlazzjoni tista’ biss tipprovdi lir-rikorrenti b’informazzjoni li tikkonċerna “[il]-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-appaltatur b’suċċess [offerta magħżula] u l-isem tal-appaltatur li lilu jingħata il‑kuntratt”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li l-għoti tal-lott Nru 1 sar lill-offerta konformi li kellha l-iktar prezz baxx, jiġifieri l-offerta sottomessa minn Marsh.

    22. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti kkritikat din it-tweġiba li ma kinitx twieġeb il-mistoqsijiet li saru u tenniet mill-ġdid it-talba tagħha għal aċċess għall-informazzjoni diġà mitluba fl-ittri preċedenti tagħha.

    23. Permezz ta’ ittra u ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti esprimiet iċ-ċertezza tagħha li, mid-data tas-sottomissjoni tal-offerti, il-Kummissjoni ma kellhiex il-ftehim/prokura għal kull assiguratur li pparteċipa fl-offerta ta’ Marsh, bil-konsegwenza li din l-offerta ma kinitx konformi u li għalhekk kellha tiġi miċħuda. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-deċiżjoni tagħha ta’ għoti u tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt ma’ Marsh.

    24. Permezz ta’ ittra datata l-istess jum, il-Kummissjoni wieġbet li l-kwistjonijiet li kienu għall-oriġini tat-tħassib tar-rikorrenti kienu analizzati b’mod xieraq matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti, li ġie kkonstatat li dawn l-offerti nstabu konformi u, li għalhekk, il-kuntratt ingħata lill-offerta li kellha l-iktar prezz baxx. Il-Kummissjoni ma ttrażmettiet lir-rikorrenti l-ebda wieħed mid-dokumenti mitluba.

    25. Wara żewġ messaġġi elettroniċi tal-25 u tat-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqet, fl-14 ta’ Marzu 2014, talba għal aċċess għal dokumenti lill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    Il-proċedura u żviluppi ġodda matul fil-mori tal-kawża

    26. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għad-danni kif ukoll talba għal miżuri provviżorji għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għall-produzzjoni ta’ dokumenti mill-Kummissjoni.

    27. Permezz tad-digriet tat-3 ta’ April 2014, adottat fil-kuntest ta’ rikors għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntratt ma’ Marsh u mal-assiguraturi, u ordna l-produzzjoni ta’ dokumenti fil-proċedura għal miżuri provviżorji.

    28. Permezz tad-digriet tal-10 ta’ April 2014, adottat insegwitu għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali rtira, b’effett retroattiv għat-3 ta’ April 2014, il-punt tad-dispożittiv tad-digriet tat-3 ta’ April 2014, dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntratt ma’ Marsh u l-assiguraturi.

    29. Permezz tad-digriet tat-30 ta’ Lulju 2014, Vanbreda vs Il‑Kummissjoni (T‑199/14), mogħti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti inklużi, skont din tal-aħħar, informazzjoni kunfidenzjali, u indikat li, skont l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati f’dan l-istadju lir-rikorrenti.

    30. Peress li l-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Awissu 2014, ipproduċiet id-dokumenti mitluba, il-Qorti Ġenerali inidirizzat lill-Kummissjoni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-11 ta’ Settembru 2014, fejn talbet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjonijiet ta’ wħud minn dawn id-dokumenti li preċiżament jidentifikaw, billi jingassawhom, il-partijiet li fil-fehma tagħha huma kunfidenzjali.

    31. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba b’ittra tad-29 ta’ Settembru 2014.

    32. Peress li r-rikorrenti indikat li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Kummissjoni għall-kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-fajl id-dokumenti kunfidenzjali prodotti fl-anness għall-ittra tat-8 ta’ Awissu 2014.

    33. Permezz tad-digriet għal miżuri provviżorji tal-4 ta’ Diċembru 2014, Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni [T‑199/14 R, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:1024], il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għoti tal-lott Nru 1 (punt 1 tad-dispożittiv), indika li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni kienu miżmuma sakemm skada t-terminu tal-appell kontra dan l-istess digriet (punt 2 tad-dispożittiv) – jiġifieri sa nofsillejl tas-16 ta’ Frar 2015 – u rriżerva l-ispejjeż.

    34. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tannulla d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma taċċettax l-offerta tar-rikorrenti għal-lott Nru 1 u li tattribwixxi dan il-lott lil Marsh;

    – tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u tikkundannaha tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1 000 000 bħala kumpens għat-telf taċ-ċans li tiġi attribwita l-kuntratt, għat-telf ta’ referenzi u għad-dannu morali mġarrab;

    – fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukat li huma provviżorjament iffissati għal EUR 50 000.

    35. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    – tiċħad t-talba għal annullament;

    – tiċħad t-talba għad-danni;

    – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    36. Wara d-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024), il-Kummissjoni, minn naħa, fetħet proċedura nnegozjata tal-kuntratt fuq il-bażi tal-Artikolu 134(1)(c) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), sabiex tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni li jista’ jidħol fis-seħħ mis-17 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl. Min-naħa l-oħra hija ppreżentat appell (C‑35/15 P) kontra dan id-digriet.

    37. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lil Marsh bis-sospensjoni tal-kuntratt attwali mis-16 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl.

    38. Il-Kummissjoni rċeviet biss offerta waħda fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata, mingħand ir-rikorrenti f’konsorzju flimkien mal-assiguratur AIG. Hija żammet din l-offerta u ffirmat il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jirriżulta minn din il-proċedura, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl.

    39. Permezz tad-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits [C‑35/15 P(R), Ġabra, EU:C:2015:275], il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja annulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tad-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024) fuq il-bażi li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika mingħajr limitazzjoni fiż-żmien il-laxkar, iġġustifikat fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri provviżorji relatati mal-urġenza (digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, iċċitat iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 57). Fir-rigward tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din għall-istess raġunijiet (digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, iċċitat iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 61).

    Id-dritt

    Fuq it-talba għal annullament

    40. Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku ta’ annullament maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, skont l-Artikoli 111 u 113 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), l-Artikoli 146, 149 u 158 tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza.

    Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, skont l-Artikolu 111(5) u l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 146(1) u (2), l-Artikolu 149(1) u l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    41. Ir-rikorrenti ssostni li l-offerta ta’ Marsh ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, l-assiguraturi li pparteċipaw f’din l-offerta ma kinux marbuta in solidum fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u għalhekk ma kinux iffirmaw il-ftehim/prokura mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    42. Madankollu, is-solidarjetà hija kundizzjoni essenzjali tal-kuntratt pubbliku f’dan il-każ u din il-kundizzjoni kellha influwenza fuq il-prezz tal-offerta. Fil-fatt, jekk diversi assiguraturi jistgħu jagħżlu li jingħaqdu flimkien biex ikopru, kull wieħed minnhom l-impenn rispettiv tiegħu, riskju tal-portata tal-kuntratt inkwistjoni, din is-soluzzjoni ma tiggarantixxix li inċident jitħallas kollu kemm hu. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni imponiet, f’din il-kawża, is-solidarjetà fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jikkostitwixxi soluzzjoni possibbli iżda li tirriżulta fi spiża supplimentari sinjifikattiva.

    43. Billi ppermettiet lil Marsh toffri offerta magħquda ma’ konsorzju ta’ assiguraturi mhux responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni kienet ippermettiet lil dan l-operatur li joffri prezz ħafna iktar baxx.

    44. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 111(5) u l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 146(1) u (2), u l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, billi tat il-kuntratt lil Marsh, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 149(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    45. Fir-replika, ir-rikorrenti indikat li ħadet konjizzjoni, wara l-qari tar-risposta u tad-dokumenti mhux kunfidenzjali prodotti mill-Kummissjoni, tal-provi l-ġodda. Minn dan jirriżulta li Marsh kienet fil-fatt ressqet l-offerta tagħha bħala sensar offerent uniku u li l-Kummissjoni u Marsh kienu kkorrispondew b’mod estensiv wara l-ftuħ tal-offerti, dwar il-kundizzjoni ta’ solidarjetà. Il-Kummissjoni qatt ma semmiet dawn il-fatti lir-rikorrenti, minkejja l-mistoqsijiet ripetuti ta’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti tista’ għalhekk tibbaża ruħha fuq dawn il-provi ġodda.

    46. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku huwa manifestament illegali u jmur kontra l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Sussegwentement, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li targumenta, ittrattat l-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta. Fl-aħħar nett, sa fejn l-offerta ta’ Marsh setgħat biss tista’ tkun ikkunsidrata bħala offerta konġunta, hija kellha tinkludi l-ftehim/prokura meħtieġ fl-Anness IV tal-istedina għall-offerti.

    47. Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti, li hija bbażata fuq tliet suppożizzjonijiet mhux xierqa: l-ewwel nett, is-suppożizzjoni li l-offerta ta’ Marsh ġiet issottomessa f’isem grupp jew konsorzju; it-tieni nett, is-suppożizzjoni li din l-offerta ma kinitx tinkludi l-mudell ta’ ftehim/prokura bi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt; it-tielet nett, is-suppożizzjoni li l-assiguraturi proposti minn Marsh ma kinux impenjati in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, liema suppożizzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u minn ksur ta’ għarfien tal-provvista effettiva ta’ Marsh kif ukoll tal-iżvolġiment tal-proċedura tal-kuntratt.

    48. Fir-rigward tal-ewwel suppożizzjoni, il-Kummissjoni tinnota li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha bħala sensar offerent uniku mhux bħala membru jew mexxej ta’ grupp u li, b’mod koerenti, il-kuntratt ġie mogħti lil Marsh bħala offerent uniku. L-ebda dispożizzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma timpedixxi lil sensar milli jissottometti, bħala offerent uniku, offerta għal-lott Nru 1 tal-kuntratt.

    49. Fir-rigward tat-tieni suppożizzjoni, il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-offerti konġunti, inkluż il-ftehim/prokura mudell previst mill-kwestjonarju IES ma humiex applikabbli fil-każ ta’ offerta ssottomessa minn offerent uniku. Marsh għalhekk ma kinitx marbuta li tinkludi fl-offerta tagħha l-ftehim/prokura ffirmat kif previst għall-offerti konġunti. Marsh annettiet mal-offerta tagħha l-mandati li rċeviet minn diversi assiguraturi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

    50. Fir-rigward tat-tielet suppożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li vverifikat b’mod xieraq, hekk kif jirriżulta mill-korrispondenza skambjata ma’ Marsh bejn il-ftuħ tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt, li l-offerta ta’ Marsh tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inkluż dak tal-punt 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiżguraw li l-awtorità kontraenti tkun kompletament assigurata (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul tal‑kuntratt kollu u dak li jirriżulta mill-abbozz tal-kuntratt relattiv għal impenn in solidum tal-firmatarji. Fil-fatt, peress li l-għan tal-lott Nru 1 tal-kuntratt kien kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni għall-bini tal-awtorità kontraenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu speċifikament ipprovdew li, indipendentement mill-modalitajiet ta’ sottomissjoni tal-offerti, kull assiguratur involut fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt kellu neċessarjament jiffirma in solidum mal-assiguraturi jew mas-sensar potenzjali oħrajn sabiex jiżguraw kopertura kontinwa ta’ 100 % tal-awtorità kontraenti.

    51. L-argumenti tar-rikorrenti dwar id-differenzi fil-prezz, skont jekk is-solidarjetà hija proposta jew le, huma għalhekk irrilevanti. Fil-fatt, il-kuntratt iffirmat fih tabilħaqq il-klawżola ta’ solidarjetà tal-firmatarji, b’din il-klawżola kienet maħsuba sa mill-bidu, konsegwentement l-offerta ta’ Marsh għandha bilfors għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u r-riskji inerenti ma’ din il-klawżola u l-prezz tal-offerta fl-ebda waqt ma ġie mibdul jew diskuss mill-ġdid minn Marsh.

    52. Il-Kummissjoni ssostni li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku u li għalhekk din ma kinitx offerta konġunta. L-offerta ta’ Marsh għalhekk ġiet ittrattata bħallikieku sottomessa minn offerent uniku. Fil-ftuħ tal-offerti, il-Kummissjoni ma kkomunikatx isem l-assiguraturi elenkati fl-offerta ta’ Marsh. L-offerti ġew analizzati fuq il-bażi tal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla previsti fl-avviż ta’ kuntratt u konformi mal-proċedura prevista. Peress li l-offerta ta’ Marsh ġejja minn offerent uniku, il-Kummissjoni debitament ivverifikat li Marsh tissodisfa waħedha il-kriterji tal-għażla.

    53. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-argument imqajjem fir-replika, li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku kien ikun manifestament illegali, issostni li hija bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva u żbaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Belġjan.

    54. Filwaqt li interpretazzjoni restrittiva tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kellha twassal għaċ-ċaħda taż-żewġ offerti, il-Kummissjoni ppreferiet interpretazzjoni mhux restrittiva, mingħajr ma waqfet tħares biss lejn il-forma legali li fiha kienu strutturati r-rapporti sensar/assiguratur(i), sakemm l-offerti jiggarantixxu r-rispett tal-kuntratt. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li kemm l-assiguraturi u s-sensara jistgħu jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti u li xejn ma jipprojbixxi lil sensar milli jikkompeti bħala offerent uniku. Fi kwalunkwe każ, is-suġġett tal-kuntratt kien il-konklużjoni ta’ kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni li kull assiguratur kellu jiffirma, hekk kif sar fil-kuntratt iffirmat fl-aħħar nett.

    55. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt Belġjan, ir-rikorrenti japplikaw b’mod żbaljat dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt f’dan il-każ. Marsh qatt ma ppretendiet li tiffirma waħedha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni u għall-Kummissjoni qatt ma kien hemm il-kwistjoni li dan jista’ jkun il-każ. Ir-rikorrenti tidher li trid issostni, b’mod żbaljat, li, minħabba li Marsh ippreżentat lilha nnifisha bħala offerent uniku, hija ppreżentat lilha nnifisha bħala assiguratur li jrid jiffirma dan il-kuntratt waħdu. Il-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni biex tikkunsidra li l-offerta ta’ Marsh kienet illegali. Din l-offerta ma hijiex illegali minħabba li sensar ma jistax jiġġustifika minimu ta’ 100 000 m² bħala assigurat. Fil-fatt, l-informazzjoni meħtieġa ma teskludix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjoni ta’ poloz ta’ assigurazzjoni li jinvolvu minimu ta’ 100 000 m² bħala assigurat, għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, u l-provvista ta’ servizzi ta’ senserija li jinvolvu minimu ta’ 100 000 m² bħala assigurat, għas-sensara. Fl-aħħar nett, kien ikun loġiku li biss il-kapaċità finanzjarja u ekonomika ta’ Marsh tkun ivverifikata, fir-rigward ta’ offerent uniku. Fil-fatt, kienet Marsh li, bħala tali, iggarantixxiet il-vijabbiltà finanzjarja tal-offerta tagħha. Dan ikun ukoll l-istess approċċ li kien segwit mir-rikorrenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni preċedenti. Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni ma tkunx f’relazzjoni kuntrattwali diretta mal-assiguraturi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jirrikjedu li l-assiguraturi jiffirmaw l-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    56. Fir-rigward tal-allegat trattament tal-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta, dan l-argument huwa illoġiku u żbaljat. Huwa stabbilit li Marsh kienet issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku, li l-Kummissjoni eżaminat il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla fuq din il-bażi u attribwiet il-kuntratt lil dan l-offerent uniku. Il-Kummissjoni ma tistax tara kif ir-rikorrenti tista’ tqis li hija ttrattat l-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta. Sussidjarjament, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jipprovawx il-kuntrarju.

    57. Fir-rigward tal-argument li l-offerta ta’ Marsh kellha tinkludi l-mudell ta’ ftehim/prokura meħtieġ fil-każ ta’ offerta konġunta, il-Kummissjoni ssostni li l-offerta ta’ Marsh, minn offerent uniku, ma għandhiex tinkludi l-ftehim/prokura ffirmata.

    – Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa fir-replika

    58. Mingħajr ma tqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni madankollu tqis li, bħala riżultat tal-prova prodotta mill-Kummissjoni li l-kuntratt iffirmat fis-27 ta’ Frar 2014 ma’ Marsh u l-assiguraturi jistipula r-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika jmorru lil hinn mill-motiv uniku tal-bidu kif iddefinit fir-rikors, jiġifieri motiv li jikkonċerna “il-kundizzjoni ta’ solidarjetà prevista mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-każ ta’ offerta konġunta ma’ konsorzju ta’ assiguraturi”.

    59. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fir-replika tagħha, żviluppat ċerti argumenti ġodda relatati essenzjalment mal-illegalità ta’ parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku u l-illegalità tat-trattament mill-Kummissjoni ta’ din l-offerta bħala offerta konġunta.

    60. Madankollu, hekk kif ġie argumentat b’mod korrett mir-rikorrenti fir-replika u mingħajr ma l-Kummissjoni ma kkonfutat bl-ebda mod fil-kontroreplika, dawn l‑argumenti ġodda jirriżultaw minn informazzjoni li r-rikorrenti ħadet konjizzjoni tagħha biss mill-qari tar-replika u mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali.

    61. Għalhekk, huwa biss fir-replika li r-rikorrenti saret taf li Marsh kienet ipparteċipat fis-sejħa għal offerti mhux permezz ta’ offerta konġunta ta’ Marsh u ta’ sitt assiguraturi, iżda bħala sensar offerent uniku li jipproponi sitt assiguraturi. Kien biss permezz tal-qari tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti saret taf bl-iskambji li seħħew wara l-ftuħ tal-offerti, bejn il-Kummissjoni u Marsh, u mbagħad bejn il-Kummissjoni, Marsh u AIG, dwar il-kwistjoni tas-solidarjetà.

    62. Għalhekk, minkejja li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jiġu interpretati bħala li jinkludu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kontra l-argumenti ġodda ppreżentati mir-rikorrenti fir-replika, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija infondata.

    – Fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku

    63. Minn naħa, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi kollha ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, taħt l-Artikolu 146(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifasslu kriterji tal-għażla ċari u mhux diskriminatorji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Finanzjarju, kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi issir permezz tal-iktar kompetizzjoni wiesgħa u li, skont l-Artikolu 111(1), (4) u (5) tal-istess regolament, il-modalitajiet għas-sottomissjoni tal-offerti għandhom jippermettu li jiggarantixxu kompetizzjoni reali, b’kull offerta meqjusa bħala mhux konformi mill-kumitat tal-ftuħ tiġi miċħuda u kwalunkwe offerta konformi tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fis-sejħa għal offerti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 113(1) tal-istess regolament jiddisponi li l-uffiċjal awtorizzanti għandu jiddeċiedi lil min għandu jingħata l-kuntratt, b’konformità mal-kriterji ta’ għoti u l-għoti stabbilit minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa għal offerti u r-regoli tal-għoti tal-kuntratti.

    64. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni sana u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et , C‑470/99, Ġabra, EU:C:2002:746, punt 93, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra, EU:T:2008:67, punt 143).

    65. L-offerenti għandhom għalhekk ikunu fuq livell ugwali kemm meta jifformulaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn ikunu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra, EU:C:2001:553, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-awtorità kontraenti hija meħtieġa tiżgura f’kull stadju tal-proċedura, rispett tal-ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, ugwaljanza ta’ opportunità għall-offerenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra, EU:C:2004:236, punt 108; tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra, EU:T:2000:54, punt 164; tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra, EU:T:2005:107, punt 75, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑17/09, EU:T:2012:243, punt 65).

    66. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament, ibbażat fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku.

    67. Fir-rigward, skont it-termini tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, tal-possibbiltà għal kull sensar li jipparteċipa bħala offerent uniku, din il-possibbiltà tidher kontradetta minn dawn it-termini.

    68. L-ewwel nett, it-terminu “sensar” effettivament jidher f’ċerti partijiet mis-sejħa għal offerti (fit-Taqsima III.2.3 tal-avviż tal-kuntratt dwar il-kapaċità teknika, fl-anness għall-istedina għall-offerti relattiva għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi bħala kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni u fit-taqsimiet li jirrelataw għall-provvista ta’ informazzjoni għall-approvazzjoni). Madankollu, dawn is-siltiet huma għallinqas komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti.

    69. Lil hinn minn dawn id-dettalji f’dawn il-passaġġi komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti, it-terminu “sensar” jinstab speċifikament użat fil-kuntest ta’ offerti konġunti (fl-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, dwar l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-kwestjonarju dwar l-offerti konġunti fl-Anness IV għall-istedina għall-offerti u fil-mudell ta’ ftehim/prokura fl-istess anness).

    70. Għalhekk, jekk it-termini tas-sejħa għal offerti relatati mal-offerti ssottomessi minn offerent uniku ma jeskludux espressament it-terminu “sensar”, dawn lanqas ma jipprovdu għalih. Il-preżenza ta’ dan it-terminu, fil-partijiet tas-sejħa għal offerti komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti, jidher iktar spjegabbli mill-fatt li s-sensar huwa espliċitament previst li jkun offerent fil-kuntest ta’ offerta konġunta milli mill-fatt li jista’ jkun offerent uniku.

    71. It-tieni nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ebda dispożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma twaqqaf sensar milli jissottometti offerta għal-lott Nru 1 bħala offerent uniku, jista b’mod raġonevoli jiġi kkontestat.

    72. Minn naħa, jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-punt 5 tal-istedina għall-offerti, intitolat “Segwitu għas-sottomissjoni tal-offerti” li “l-istedina għall-offerti ma tikkostitwixxi l-ebda impenn min naħa tal-Kummissjoni” u li “[d]an iseħħ biss mal-firma tal-kuntratt mal-offerent magħżul”. Bl-istess mod, il-kliem “fil-każ li l-kuntratt ma jistax jiġi konkluż mal-offerent magħżul” jinstab fl-ewwel paragrafu tat-tielet paġna tad-deċiżjoni kkontestata.

    73. F’din il-kawża u hekk kif jirriżulta mill-fajl u mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, l-“offerent magħżul” huwa biss Marsh, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra.

    74. Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni stess fl-iskambji tagħha ma’ Marsh bid-data tat-18 ta’ Diċembru 2013 u tat-12 ta’ Frar 2014, sensar ma jistax ikun l-uniku firmatarju tal-kuntratt għal servizzi kkontestat.

    75. Sussegwentement, skont l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-każ li l-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn diversi assiguraturi in solidum , huma pprovduti biss tliet każijiet ta’ sottomissjoni ta’ offerta, li minnhom wieħed biss jipprovdi għall-preżenza ta’ sensar. Madankollu, din l-aħħar sitwazzjoni hija deskritta bħala li tikkorrispondi għall-“każ ta’ sottomissjoni minn diversi assiguraturi in solidum , li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar”. Għalhekk, il-preżenza ta’ sensar huwa previst biss fil-każ ta’ offerti konġunti.

    76. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, jirriżulta mill-analiżi tat-termini tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li mhux biss is-sitwazzjoni fejn sensar jagħmel offerta bħala offerent uniku ma kinitx prevista, iżda li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala eskluża.

    77. Il-Kummissjoni stess tammetti wkoll li s-sitwazzjoni ta’ sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku ma kinitx formalment prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Madankollu, hija ssostni li, animata mix-xewqa li tiftaħ il-kuntratt għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli, hija kienet ikkunsidrat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jeskludu l-offerta ta’ sensar offerent uniku li jkun iriċeva mandati minn diversi assiguraturi li jintrabtu li jiffirmaw u jeżegwixxu l-kuntratt jekk mogħti lilhom. Hija kkunsidrat ukoll, f’dan il-kuntest, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    78. Fir-rigward tar-referenza għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni tapplika għall-każ ta’ offerta minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni tindika li l-awtorità kontraenti ma tistax imbagħad teħtieġ forma legali speċifika għal dan il-grupp. Dan il-każ, madankollu, ma kienx jirrigwarda offerta minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi, iżda sensar offerent uniku li huwa l-uniku offerent magħżul tal-kuntratt pubbliku.

    79. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mitluba mill-Kummissjoni, li huma ma jipprekludux lis-sensara offerenti uniċi, din mhux biss hija kkontradetta mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, iżda wkoll mill-ekonomija tas-sistema.

    80. Fil-fatt, is-sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku, stmat possibbli mill-Kummissjoni, għandu implikazzjonijiet differenti f’termini ta’ verifika tal-konformità tal-offerta għal dawk li jirriżultaw minn offerta sottomessa minn kumpannija ta’ assigurazzjoni bħala offerent uniku. Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiżgura li l-offerta tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li tkun tista’ twettaq din il-missjoni.

    81. Jirriżulta mill-punt 3.4 tal-istedina għas-sottomissjoni tal-offerti li l-evalwazzjoni tal-offerti għandha ssir fi tliet fażijiet u li biss dawk l-offerti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kull fażi tal-evalwazzjoni jistgħu jiġu ammessi għall-fażi li jmiss. L-ewwel u t-tieni fażijiet kellhom bħala għan il-verifika, rispettivament, tal-kriterji ta’ esklużjoni u tal-kriterji tal-għażla tal-offerenti. L-evalwazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt jaqgħu taħt it-tielet fażi.

    82. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tieni fażi tal-evalwazzjoni dwar il-verifika tal-kriterji tal-għażla, jirriżulta mill-punt 3.4.2 tal-istedina għas-sejħa tal-offerti li l-kumitat ta’ evalwazzjoni huwa marbut jeżamina li l-offerenti jiddisponu, minn naħa, minn kapaċitajiet suffiċjenti, ekonomiċi u finanzjarji, u min-naħa l-oħra, tekniċi u professjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat espressament li kienet ivverifikat kif imiss li l-offerta ta’ Marsh tissodisfa waħedha l-kriterji tal-għażla tas-sejħa għal offerti, li jidher ukoll mill-grad ta’ evalwazzjoni tal-kriterji tal-għażla annessi mal-proċess verbali tal-evalwazzjoni tal-offerti tat-13 ta’ Jannar 2014.

    83. Madankollu, fir-rigward tal-verifika tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, għandu jiġi nnotat li fil-każ ta’ offerta konġunta, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Anness IV tal-istedina għas-sejħa għal offerti jindikaw li l-informazzjoni għandha tingħata għal kull membru individwali.

    84. Dan ir-rekwiżit jippermetti li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, li huma dawk li finalment jassiguraw ir-riskju. Minħabba f’dan ir-rekwiżit, ma huwiex possibbli għas-sensar – espliċitament previst bħala offerent potenzjali bħala parti minn offerta konġunta – li jipprovdi biss l-informazzjoni dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma jiffokax biss fuq is-saħħa ta’ intermedjarju li ma jassigurax ir-riskju kopert.

    85. Madankollu, fil-każ ta’ offerta sottomessa minn offerent uniku, l-istess dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Anness IV tal-istedina għall-offerti jindikaw biss li l-evalwazzjoni tiffoka fuq il-kapaċità ekonomika u finanzjarja. Issa, fil-każ (sostnut mill-Kummissjoni) tal-ammissjoni ta’ sensar bħala offerent uniku, dan jippermetti – hekk kif ġara f’dan il-każ – li tiġi limitata l-evalwazzjoni għall-informazzjoni relatata biss ma’ dak is-sensar. L-istabbiltà finanzjarja tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li ser ikunu konkretament responsabbli mill-garanzija tar-riskju ma huwiex, fil-liġi, inkluż fil-verifika tal-offerta.

    86. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 147(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt speċfiku, joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom, u f’dan il-każ, għandu jipprova lill-awtorità kontraenti li ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, pereżempju billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tal-operatur ekonomiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss jekk l-offerent jixtieq joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn.

    87. F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li l-verifika tal-kriterji tal-għażla, li jinkludu l-kapaċità ekonomika u finanzjarja, kienu esklużivament twettqu fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ Marsh.

    88. Fil-fatt, din l-indikazzjoni, li hija sostnuta mill-provi fil-fajl, ġiet ipprovduta b’mod ċar fil-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2014:1024, punt 72), li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni (ara l-punt 36, in fine , iktar ’il fuq) u deċiża fid-digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 39 iktar ’il fuq (EU:C:2015:275). Il-Kummissjoni kkonfermat li kienet biss il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ Marsh, u mhux dik tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mandatarji, li ġiet ivverifikata. Hija indikat li permezz ta’ din is-sejħa għal offerti kienet fittxet li tikkonkludi kuntratt ma’ assiguraturi iżda mingħajr ma jkollha għalfejn tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom. Dan l-approċċ jirriżulta minn għażla deliberata li ma jsirx eżami ekonomiku billi dan ma jirrikjedix prova f’dan ir-rigward, iżda sabiex tiġi adottata attitudni iktar legali, għalhekk ġie mitlub l-impenn tal-offerent li jiġi ssodisfat dan il-kriterju.

    89. Fil-kontroreplika tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni reġgħet ikkonfermat li hija biss il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ Marsh, iżda mhux dik tal-assiguraturi proposti minn Marsh, li għandha tiġi vverifikata bħala parti mill-proċedura tas-sejħa għal offerti.

    90. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ tal-Kummissjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti huma kontradetti mit-termini u mil-loġika stess tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ offerta konġunta li għaliha il-preżenza ta’ sensar huwa previst espressament, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirrikjedu d-dokumenti li jipprovaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ kull membru individwali, li jinkludu, għalhekk, il-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jipparteċipaw fl-offerta konġunta. Jekk ir-rieda inizjali tal-Kummissjoni kienet tassew li tiġi limitata l-verifika tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tas-sensara, hija ma kinitx tirrikjedi, fil-kuntest ta’ offerta konġunta ssottomessa minn sensar, il-produzzjoni ta’ dokumenti dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ kull wieħed mill-membri. Barra minn hekk, jekk kumpannija tal-assigurazzjoni kienet issottomettiet offerta bħala offerent uniku, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha kellha tkun ivverifikata. Għalhekk, huwa biss fil-każ li sensar kien issottometta offerta bħala offerent wieħed li l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-entità li tiggarantixxi r-riskju ma kellhiex tkun ivverifikata. Dan ma josserva la l-ekonomija tas-sistema fl-intier tiegħu u lanqas l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti.

    91. Fl-aħħar nett, skont it-termini tas-sejħa għal offerti (ara l-punt II.1.5 tal-avviż tal-kuntratt, il-punt 2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-Artikolu I.1.1 tal-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi), is-suġġett ta’ din is-sejħa għal offerti kien jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat li kien jirrigwarda kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li filwaqt li ssegwi dan l-objettiv, il-Kummissjoni limitat ruħha tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tas-sensar Marsh, mingħajr ma tikkunsidra dik tal-assiguraturi proposti minn din tal-aħħar. Jekk tali attitudni tista’ tiġi spjegata fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti organizzata għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ senserija, dan jidher bħala mhux konformi fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar kuntratt ta’ assigurazzjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mfittxija mir-Regolament Finanzjarju.

    92. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-approċċ li ġie segwit fis-sejħa għal offerti qabel is-sejħa għal offerti u l-kuntratt ta’ assigurazzjoni suġġett ta’ din il-kawża, dawn ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    93. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ammissjoni ta’ sensar biex jipparteċipa fis-sejħa għal offerti bħala offerent uniku jmur kontra kemm id-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti kif ukoll l-ekonomija tas-sistema stabbilita minnu. Il-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni dwar l-għan imfittex li jinżamm livell għoli ta’ kompetizzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti kkontestata, bl-ebda mod ma jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    94. Barra minn hekk, jidher mill-provi fil-fajl li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tas-sejħa għal offerti kienet tikkonsisti mill-impenn, minn assiguratur jew assiguraturi, li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti għandha tibbenefika minn kopertura ta’ 100 % tar-riskji previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    95. Skont il-Kummissjoni, fil-każ – fil-fehma tagħha aċċettabbli – ta’ sensar offerent uniku, dan tal-aħħar għandu jorganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni tal‑kuntratt. Dan l-approċċ kien jimplika, għall-Kummissjoni, li ma tivverifikax jekk il-kundizzjoni ta’ kopertura msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq ġietx issodisfatta billi ffokat biss fuq ir-riżultat tal-verifika u mhux fuq kif din inkisbet.

    96. F’dan il-każ, fis-sottomissjoni tal-offerta tagħha, Marsh ippreżentat distribuzzjoni tar-riskji bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kopertura ta’ 100 %. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2014, Marsh informat lill-Kummissjoni li wieħed mill-assiguraturi li ser jieħu sehem fl-offerta tagħha, AIG, kien irrifjuta li jiffirma l-kuntratt. Wara dan it-tluq, Marsh ipproponiet allokazzjoni ġdida ta’ dawn ir-riskji, mingħajr ma jinbidel il-prezz totali tal-offerta magħżula, li jimplika li s-sehem tal-intervent ta’ AIG ser isir, minn naħa, billi jiżdied is-sehem ta’ intervent tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li għad fadal u, min-naħa l-oħra, billi tiġi allokata parti minn dak is-sehem lil żewġ kumpanniji ta’ assigurazzjoni ġodda li ma kinux fost dawk imsemmija oriġinarjament fl-offerta ta’ Marsh.

    97. Għaldaqstant, meta Marsh kellha, minn naħa, tinnegozja mill-ġdid is-sehem tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li kienu tawha mandat u, min-naħa l-oħra, tinnegozja l-parteċipazzjoni ta’ żewġ assiguraturi ġodda, mhux biss l-offerta kompetitriċi kienet magħrufa, iżda kien hemm iċ-ċertezza tal-għoti tal-kuntratt lil Marsh. Li kieku, fil-mument tal-formazzjoni tal-offerta inizjali u għalhekk mingħajr ma kienu jafu li l-kuntratt kien se jingħata lilhom, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li taw il-mandat lil Marsh kellhom jassumu iktar ishma, li jfisser riskju ikbar minnhom, huwa probabbli li dawn, skont kull probabbiltà ekonomika, kienu jirrikjedu żieda fir-remunerazzjoni tagħhom. Dan seta’ għalhekk iwassal għal żieda fil-prezz tal-offerta. Bl-istess mod, in-negozjar ta’ sehem fl-offerta miż-żewġ assiguraturi l-ġodda, fi żmien meta la l-prezz u lanqas iċ-ċertezza li jiksbu l-kuntratt ma kienet magħrufa, kienet ukoll ta’ natura tali li twassal għal riżultat differenti li potenzjalment jaffettwa l-prezz totali tal-offerta propost minn Marsh. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, dawn iż-żewġ kumpanniji ta’ assigurazzjoni ġodda kienu jafu eżattament ir-remunerazzjoni massima li setgħu jiksbu meta taw il-qbil tagħhom lil Marsh.

    98. Għalhekk, waqt li l-prezz totali tal-offerta magħżula ma kienx effettivament inbidel għall-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ negozjazzjoni bejn l-offerent u l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni kienu bla dubju nbidlu.

    99. Mill-konklużjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammissjoni ta’ sensar li jipparteċipa fis-sejħa għal offerti bħala offerent uniku b’mandat minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni, l-ewwel nett, jagħmel illużorja l-verifika mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-merti ta’ offerta meta mqabbla mal-kundizzjonijiet imposti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tieni nett, jippermetti lil dan is-sensar jibbenefika, jekk ikun il-każ, minn vantaġġ kompetittiv fuq l-offerenti l-oħra, u t-tielet nett, iwassal għal nuqqsa ta’ ugwaljanza fit-trattament favur sensar offerent uniku meta mqabbel, b’mod partikolari, għal kompetitur li jissottometti offerta konġunta flimkien ma’ assiguratur wieħed jew iktar.

    100. L-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mill-Kummissjoni bħala li ma jipprekludux lis-sensara offerenti uniċi hija għalhekk kontradetta mhux biss mid-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, iżda wkoll mill-ekonomija tas-sistema. Għaldaqstant huwa korrett li r-rikorrenti sostniet li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku kienet illegali.

    101. Lil hinn minn din l-istess konstatazzjoni li tirriżulta mit-termini u mil-loġika tas-sejħa għal offerti, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, u kif ikkonstatat mir-rikorrenti fir-replika, il-Kummissjoni barra minn hekk kisritx l-ugwaljanza fit-trattament fl-okkażjoni tal-iskambji tagħha ma’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti.

    – Fuq il-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament fl-okkażjoni ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

    102. Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha tittratta l-offerenti kollha b’mod ugwali u għandha, għal dak il-għan, tivverifika l-konformità tal-offerti mar-rekwiżiti tal-kuntratt. L-awtorità kontraenti ma tistax taċċetta offerta u tiffirma kuntratt jekk ikollha, jew suppost raġonevolment kellha, raġuni għalfejn temmen li l-offerta li qed teżamina jew li diġà aċċettat ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-kuntratt.

    103. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati l-iskambji bejn Marsh u l-Kummissjoni, kif jirriżultaw mill-fajl u, b’mod partikolari, il-provi prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-11 ta’ Settembru 2014.

    104. Fil-25 ta’ Ottubru 2013, Marsh issottomettiet l-offerta tagħha lill-Kummissjoni bħala sensar offerent uniku.

    105. F’din l-offerta hemm l-affidavits ta’ sitt assiguraturi, fejn kull assiguratur jimmanifesta l-qbil tiegħu mal-kontenut tal-offerta ta’ Marsh, jindika l-ishma tal-impenn tiegħu ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni għall-kuntratt u li jikkonforma mat-termini kollha tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, “għal kull parti rispettiva”. F’waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet – minn AIG – kien hemm inkluża n-nota miktuba bl-idejn li ġejja:

    “Bl-eċċezzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà […]. Ma naċċettawx din il-klawżola.” [“except concern ing the solidarity clause (anness IV, p. 9, punt 1). We do not accept this clause”].

    106. Fil-parti teknika tal-offerta tagħha, Marsh indikat li, hija stess (sensar offerent) u l-assiguraturi li pproponiet “[ma] kinux waqqfu grupp lanqas fir-rigward tas-subappalt, b’ċerti modalitajiet li jinstabu fl-Anness IV [tal-istedina għall-offerti] bħar-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi, [ma kinux] japplikaw għal dan il-kuntratt”.

    107. Permezz ta’ faks tat-13 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-offerta ta’ Marsh. F’dak il-faks, il-Kummissjoni ma kkummentatx jew talbet, fir-rigward tad-dokumenti u tad-dettalji inklużi fl-offerta ta’ Marsh, dwar in-natura tal-impenn tal-assiguraturi.

    108. Il-Kummissjoni indikat biss lil Marsh li l-offerta tagħha ma kinitx (iżda f’aspetti oħra) tinkludi d-dokumenti kollha meħtieġa u l-informazzjoni mitluba (kapaċità teknika, referenzi preċedenti ta’ assigurazzjoni u ta’ superfiċji assigurati). Marsh ipprovdiet l-informazzjoni mitluba permezz ta’ faks fil-15 u fit-18 ta’ Novembru 2013.

    109. Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat lil Marsh li l-offerta tagħha kienet teħtieġ informazzjoni addizzjonali.

    110. F’dan il-faks, il-Kummissjoni indikat li “l-awtorità kontraenti innotat li [t-Taqsima] 3 tal-Anness IV tal-istedina għall-offerti [ma kinitx] applikabbli peress li [ma tikkonċernax] offerta konġunta jew offerta ssottomessa minn grupp ta’ impriżi”.

    111. Il-Kummissjoni indikat li l-awtorità kontraenti rreġistrat uffiċjalment li l-offerta ta’ Marsh tipproponi kopertura ta’ 100 % tar-riskji garantiti, iżda li kienet ġiet skoperta inkonsistenza fir-rigward tal-pro rata tal-interventi taż-żewġ assiguraturi. Għall-iskop li tiġi korretta din l-inkonsistenza, il-Kummissjoni talbet lil Marsh tibgħat il-mandati korretti kkontrofirmati mill-assiguraturi differenti bl-inklużjoni tas-sehem ta’ kull wieħed minnhom.

    112. Fl-okkażjoni ta’ din il-korrezzjoni – u dan b’mod li huwa iktar rilevanti direttament għall-każ preżenti – il-Kummissjoni talbet lil Marsh biex “tikkonferma li r-riskji li għandhom jiġu assigurati jkunu koperti 100 % taħt ir-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi kollha involuti skont l-aħħar paragrafu tal-paġna 1 tal-abbozz tal-kuntratt qafas”.

    113. Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Novembru 2013, Marsh wieġbet, “li tixtieq li jkun ippreċiżat li dan l-abbozz tal-kuntratt qafas ifisser ir-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi kollha involuti ” (korsiv miżjud minn Marsh).

    114. Marsh indikat li, “kont meħud tal-prattiki fl-assigurazzjoni fil-każ ta’ offerti li jinvolvu assiguratur prinċipali u koassiguraturi, il-fehim [tagħha] ta’ dan il-kunċett huwa li l-koassiguraturi kollha magħżula jawtorizzaw lill-assiguratur prinċipali li jaġixxi f’isimhom għall-operazzjonijiet kollha relatati mal-kuntratt”. Marsh indikat li “dan jinkludi, fost oħrajn, id-dikjarazzjonijiet, il-modifiki, in-notifiki ta’ inċidenti, in-negozjar, ir-regolamentazzjoni u l-kumpens relatati mal-inċident u l-ispejjeż relatati, kull azzjoni legali u l-eżerċizzju ta’ kull dritt ta’ surroga u ta’ rikors” u li “[huwa] inkluż ukoll li l-koassiguraturi kollha awtomatikament u b’mod permanenti jsegwu kull deċiżjoni meħuda jew azzjoni meħuda mill-assiguratur prinċipali permezz tal-kunsens unanimu tal-assiguraturi kollha tal‑kuntratt”. Marsh għalhekk talbet lill-Kummissjoni tikkonfermalha li dan il-ftehim kien korrett.

    115. Permezz ta’ faks tat-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni indikat li “tixtieq tagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin sabiex twieġeb il-mistoqsijiet” ta’ Marsh, u għamlet dan hekk kif ġej:

    “Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kontraenti futur ser ikun marbut minn obbligu li jikkonsisti fil-provvista ta’ assigurazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt.

    F’dan il-kuntest, huwa l-offerent li għandu jorganizza l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jista’ b’mod partikolari jinkludi l-mezzi deskritti fl-ittra tiegħek.

    F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ solidarjetà, nirreferik għad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (iktar ’il quddiem).

    Kif tista’ tikkonstata, dan l-artikolu ma jimponix rekwiżiti speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ ġesjoni tal-kuntratt min-naħa tal-assiguraturi prinċipali, tas-sensara u tal-koassiguraturi.

    ‘5.1 Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-eżekuzzjoni tal-kuntratt jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt skont l-Artikolu 1.2.1 tal-abbozz tal-kuntratt.

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati minn assiguratur prinċipali in solidum, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur. F’dan il-każ, l-offerent jiggarantixxi li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt; sakemm, fil-każ li l-offerent huwa assiguratur prinċipali, dan tal-aħħar iservi bħala punt ta’ kuntatt għall-awtorità kontraenti u ta’ amministratur tal-kuntratt waqt l-eżekuzzjoni tiegħu.

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar. F’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntrat. F’dan il-każ, is-sensar iservi bħala punt ta’ kuntatt għall-awtorità kontraenti u ta’ amministratur tal-kuntratt waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Is-sensar jitħallas direttament mill-assiguratur jew mill-assiguraturi. Is-sensar jista’ jirċievi ħlasijiet ta’ primjums u jservi ta’ intermedjarju għar-rimborż ta’ inċidenti.’

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistiednek tikkonferma l-konformità mal-klawżola tas-solidarjetà kif iddefinita iktar ’il fuq u fl-ewwel parti tal-abbozz tal-kuntratt qafas”(enfasi u korsiv miżjuda mill-Kummissjoni).

    116. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Diċembru 2013, Marsh indikat li kienet “sfortunatament […] f’dan l-istadju għadha mhux ċerta mill-impenn li [l-Kummissjoni] titlobha tipproduċi” rigward il-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi.

    117. Marsh żiedet tgħid li “l-kwistjoni kienet wisq importanti sabiex ma tieħux il-ħin neċessarju għal fehim perfett – minn naħa u minn oħra – tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li [hija kellha] tikkonforma magħhom”. Marsh talbet għal laqgħa biex “jiddiskutu [l]-fehim reċiproku ta’ din il-klawżola ta’ solidarjetà” u indikat li din il-laqgħa “[kienet] ser tiġi immedjatament segwita mit-tweġiba definittiva [tagħha] […] dwar dan l-impenn u [tippermettilha] bla dubju li tiċċara l-kunċetti li bħalissa [kienu qed iwaqqfuha] milli tipprovdi tweġiba [lill-Kummissjoni]”.

    118. Marsh kompliet bil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “Nixtieq infakkar, kif diġà ppreċiżat fit-talba tagħna tat-28 ta’ Novembru 2013, il-fatt li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha biss bħala sensar, mingħajr grupp, konsorzju jew offerta konġunta ma’ assiguratur wieħed jew iktar (li huma nfushom ma jikkostitwixxux grupp). Dan il-prinċipju li kien rikonoxxut mill-faks tiegħek tas-27 ta’ Novembru 2013, ma jinstabx fl-Artikolu 5.1 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, li għalihom tirreferi fl-aħħar faks tiegħek (l-ebda wieħed mill-każijiet deskritti ma jaqbel mar-realtà tal-offerta tagħna), meta din is-sejħa għal offerti hija fil-fatt miftuħa għall-assiguraturi u għas-sensara.

    Is-sottomissjoni ta’ offerta minn Marsh bħala offerent uniku, sostnuta mill-impenji min-naħa tal-assiguraturi għal kopertura sa 100 %, ma jeħtieġx u ma jidentifikax f’għajnejna lil grupp fis-sens tal-Artikolu 5.1, peress li din tirrikjedi offerta konġunta tal-membri kollha tal-grupp li hekk isiru kollha flimkien offerenti b’impenn in solidum .

    Din id-distinzjoni, jidhrilna, għandha impatt fuq in-neċessità ta’ konferma jew le tal-impenn ta’ solidarjetà minn naħa tal-assiguraturi.

    Aħna rridu wkoll nifhmu aħjar jekk Marsh, l-uniku offerent, huwiex ikkunsidrat bħala (uniku?) kontraenti, peress li d-definizzjoni ta’ kontraenti tirreferi għall-“kumpannija jew għall-impriża ta’ assigurazzjoni li magħhom jidħlu f’kuntratt”. Jew, għall-kuntrarju, tikkunsidra li l-(uniku) offerent lanqas ma huwa kokontraenti (minħabba li huwa sensar), li jidher li jkun iktar kumpless legalment?

    Fl-aħħar nett, dwar dan il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum , li jirrigwardha speċifikament, peress li pereżempju minħabba fl-Artikolu 47 tal-Liġi ta’ verifika tad-9 ta’ Lulju 1979 (kif emendat) (traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej), il-[Financial Services and Markets Authority] tista’ b’xi mod timponi miżuri ta’ konsolidazzjoni li jaffettwaw id-drittijiet ta’ terzi (kredituri ta’ assiguratur). Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ assiguratur Belġjan, il-[Financial Services and Markets Authority] tista’ timponi miżuri ta’ konsolidazzjoni li jaffettwaw l-impenn ta’ solidarjetà pereżempju minħabba li impenn ta’ solidarjetà jipperikola l-impenji regolari u speċifiċi tal-assiguratur.”

    119. Permezz ta’ faks tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni wieġbet li l-organizzazzjoni tal-laqgħa mitluba ma kinitx possibbli għaliex dan it-tip ta’ kuntatt ma kienx permess u indikat li “fir-rigward [tal-]mistoqsijiet ta’ [Marsh] dwar ir-responsabbiltà in solidum […], [hija] setgħat tagħmel il-kjarifiki li ġejjin”:

    “Għandu jiġi mfakkar li s-suġġett tas-sejħa għal offerti hija l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għal kull lott tal-kuntratt, skont il-modalitajiet previsti fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Dan jikkonċerna kuntratti ta’ assigurazzjoni diretti li jkopru l-assi jew ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kontraenti mill-firma tagħhom, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn tal-firma sussegwenti ta’ polza tal-assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jipprevedi li “l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt skont l-Artikolu 1.2.1 tal-abbozz tal-kuntratt.

    Issa li jiġi rikjest minn sensar uniku l-firma ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni f’ismu mingħajr l-impenn in solidum tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni jmur lil hinn mill-portata tal-impenji li sensar huwa legalment kapaċi jassumi. Din hija r-raġuni li ddeterminat li sitwazzjoni bħal din ma hijiex prevista f’dan il-kuntratt.

    Għal din ir-raġuni d-dokumenti għas-sejħa għal offerti għandhom jipprevedu li l-kuntratti għandhom jiġu ffirmati mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni u possibilment mis-sensar, skont il-modalitajiet previsti fil-punt 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-firmatarji tal-kuntratt hija responsabbiltà konġunta kif prevista fil-mudell ta’ kuntratt anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    Kif diġà indikat fil-faks tagħna tas-27 ta’ Novembru 2013, huwa l-offerent li jorganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni kuntrattwali, kif ukoll it-tqassim tar-rwoli bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni differenti biex jiżgura l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt. Għalhekk, il-kontraent(i) futur(i) huma suġġetti għal obbligu ta’ riżultat li jikkonsisti fil-provvista ta’ assigurazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt. F’dan il-kuntest, is-solidarjetà tippreżenta garanzija addizzjonali għall-awtoritajiet kontraenti fil-każ ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt mingħajr ma dan ikollu bħala konsegwenza li jimponi fuq il-firmatarji tal-kuntratt obbligi kuntrattwali oħra dwar l-eżekuzzjoni tiegħu.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistiednek tikkonferma l-konformità mal-klawżola ta’ solidarjetà kif definita fid-dokumenti għas-sejħa għal offerti u b’mod partikolari l-ewwel paġna tal-abbozz tal-kuntratt qafas, li huwa kkjarifikat iktar ’il fuq.

    Barra minn hekk, ninnota li fl-ittra tiegħek tippreċiża li tiddisponi minn mandati minn assiguraturi li jikkonfermaw il-kopertura ta’ 100 %. Nitolbok tibgħatilna dawn il-mandati.”

    120. Permezz ta’ faks tal-24 ta’ Diċembru 2013, Marsh wieġbet kif ġej:

    “Fid-dawl tal-punti ta’ kjarifika f’dan il-faks, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-garanzija addizzjonali li tirrappreżenta għall-awtoritajiet kontraenti s-solidarjetà fil-każ ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt, mingħajr ma din kellha bħala konsegwenza li timponi fuq il-firmatarji tal-kuntratt obbligi oħra rigward l-eżekuzzjoni tagħha, aħna nikkonfermawlek permezz ta’ dan il-faks kopertura ta’ 100 %.

    Għal din ir-raġuni, nannettu bħala anness il-mandati ffirmati mill-assiguraturi li jikkonfermaw, flimkien, il-kopertura ta’ 100 %, kull wieħed minnhom għall-parti tiegħu. Is-“sovrapożizzjoni” ta’ 6 mandati ffirmati tikkonferma sewwa l-kopertura ta’ 100 % għat-tul tal-kuntratt.

    F’din l-istruttura (bħala tfakkira, identika għal dik fis-seħħ fil-kuntest tal-kuntratt interistituzzjonali attwali), Marsh għalhekk issottomettiet offerta komposta minn 6 assiguraturi li għandhom ishma fil-forma ta’ koassigurazzjoni fi gradi li ddefinejna b’mod ċar fl-iskema li tinstab fuq il-mandati ffirmati.

    Ġie wkoll ippreċiżat li dawn l-assiguraturi ma humiex ikkostitwiti fi grupp ma’ Marsh, u lanqas bejniethom.

    Peress li ma jikkostitwixxux grupp, l-assiguraturi jiddikjaraw li jikkonformaw mat-termini kollha tal-kuntratt, għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxu (‘I declare that xxx will comply with all the terms of the tender specifications, for the part of the contract xxx will perform’).

    Fil-fehma tagħna dawn id-dikjarazzjonijiet iwieġbu għat-talbiet għal garanzija tal-awtoritajiet kontraenti dwar l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt, iżda madankollu jiddispjaċina li minkejja l-isforzi reċiproċi ta’ ftehim u kjarifika, dan ma jippermettilnix li nkunu kompletament konvinti li nissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kuntratt, sakemm is-solidarjetà in solidum , fis-sens li forsi inti tixtieq tagħtiha, ma hijiex rikonoxxuta mill-assiguraturi. Dan jista’ tabilħaqq jimplika li kull assiguratur mhux ser jintrabat biss għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi, iżda ser jintrabat għal 100 % ta’ dan, li jmur kontra l-prinċipju ta’ koassigurazzjoni, peress li l-kopertura għandha tiġi ggarantita sa 100 %, u mhux sa 600 %.

    Sabiex jinkiseb l-għan imsemmi minnek billi jiġi impost impenn in solidum bejn l-assiguraturi, nixtiequ nikkonfermawlek li ġie mitlub u aċċettat minn kull assiguratur li jimpenjaw ruħhom għall-eżekuzzjoni tas-sehem tagħhom sa 100 %. Għalhekk, ma għandekx la fil-fatt jew fid-dritt, titlob is-solidarjetà.

    Nirringrazzjawk bil-quddiem għall-kjarifika finali tiegħek fuq dan il-punt.”

    121. Permezz ta’ faks tat-8 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni rringrazzjat lir-rikorrenti għall-kjarifiki u għall-provi prodotti fl-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013 u talbet, fit-termini li ġejjin, il-preċiżazzjonnijiet li ġejjin:

    “Min-naħa l-oħra, kif ippreċiżat iktar ’il fuq, l-impenn tal-kumpannija tiegħek u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li l-mandati tagħhom ġew inklużi mal-offerta tiegħek għandu jkun irreġistrat uffiċjalment mill-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni annessa mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    Il-fatt li l-offerta tkun ġiet issottomessa b’mod individwali jew minn grupp ta’ offerenti ma hijiex rilevanti f’dan l-istadju, peress li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni għandhu neċessarjament jiġi ffirmat mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jikkonfermaw permezz tal-mandat tagħhom l-eżekuzzjoni fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt. Fid-dawl tal-ittra tiegħek, ma jirriżultax b’mod ċar jekk dan ikun il-każ.

    Konsegwentement, nistedinkom tikkonfermaw li, fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt l-impenn kuntrattwali ser jiġi ffirmat kemm mill-kumpannija tiegħek, kif ukoll mill-koassiguraturi inklużi fl-offerta tiegħek.”

    122. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2014, Marsh wieġbet fit-termini li ġejjin:

    “[N]ikkonfermawlek li f’każ ta’ għoti ta’ kuntratt, Marsh u l-koassiguraturi inklużi fl-offerta tagħna (u li l-mandati tagħhom kienu kkonfermati mill-ġdid fl-ittra tagħna tal-24 ta’ Diċembru 2013) se jiffirmaw il-kuntratt ta’ servizzi inkluż mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sakemm l-offerta inizjali tagħna, il-mandati li huma parti minnha u d-dokumenti differenti ta’ kjarifika li huma komplementari, b’mod partikolari r-responsabbiltà in solidum, jagħmlu parti integrali mill-komponenti tal-kuntratt.

    Preċiżament għal dak li jikkonċerna l-paġna 1 ta’ dan il-kuntratt, stajt tinnota mill-iskambji preċedenti tagħna li l-assiguraturi jiddikjaraw fil-mandati annessi mal-offerta tagħna, li huma jikkonformaw mat-termini kollha tal-kuntratt, għall-parti tal-kuntratt li huma ser jeżegwixxu (‘I declare that xxx will comply with all the terms of the tender specifications, for the part of the contract xxx will perform’).

    Fit-tama li din it-tweġiba ssodisfat l-aspettattivi tiegħek, nitolbok taċċetta, l-espressjoni tal-ogħla stima tagħna.”

    123. Fil-proċess verbali tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2014, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li, fid-dawl tat-tweġibiet kollha, Marsh issodisfat il-kriterji ta’ nuqqas ta’ esklużjoni u ta’ għażla indikati fl-avviż tal-kuntratt. Fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li Marsh kienet ipprovdiet il-preċiżazzjonijiet u d-dokumenti mitluba, u li l-offerta tagħha għal-lott Nru 1, kif iċċarat mill-offerent, kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tikkwalifika għall-evalwazzjoni finanzjarja.

    124. Fit-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    125. Jirriżulta, madankollu, mid-deskrizzjoni iktar ’il fuq tal-iskambji bejn Marsh u l-Kummissjoni li din tal-aħħar ma seta’ kellha l-ebda dubju dwar il-fatt li l-offerta ta’ Marsh, tal-25 ta’ Ottubru 2013, ma kinitx ifformata – u għalhekk lanqas f’dak li jirrigwarda l-ammont – fuq il-bażi ta’ impenn in solidum , jiġifieri ta’ impenn ta’ kull assiguratur li jipprovdi, skont il-każ, il-kopertura ta’ assigurazzjoni sħiħa.

    126. Mhux iktar tard mir-riċezzjoni tal-faks ta’ Marsh tal-24 ta’ Diċembru 2013 (ara l-punt 120 iktar ’il fuq) u ħafna iktar wara dik tal-messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Jannar 2014 (ara l-punt 122 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-offerta ta’ Marsh kienet tinkludi b’mod konkret, mill-ammissjoni ta’ din tal-aħħar, responsabbiltà konġunta tal-assiguraturi, kull wieħed għas-sehem tiegħu. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkonstata li l-offerta ta’ Marsh ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-kuntratt u tikkonkludi li jekk tiffirma l-kuntratt ma’ Marsh dan jimplika ksur tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-offerent l-ieħor.

    127. Fl-aħħar nett, il-fatt li, wara l-irtirar ta’ AIG u s-sostituzzjoni tagħha minn żewġ assiguraturi oħra, il-kopertura ta’ assigurazzjoni pprovduta mill-kuntratt iffirmat bejn il-Kummissjoni, Marsh u l-assiguraturi li fl-aħħar nett ġew proposti minn Marsh kien jinkludi l-impenn ta’ solidarjetà ta’ dawn l-assiguraturi bl-ebda mod ma jikkontesta l-konklużjoni tal-punt 126 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, dawn l-iżviluppi jikkonfermaw biss dak li jirriżulta diġà mill-iskambji preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata.

    128. Għandu jiġi enfasizzat li dak li huwa importanti għal dan ir-rikors ma huwiex li l-kopertura ta’ assigurazzjoni minn Marsh u l-assiguraturi għandha, minħabba f’dawn l-iżviluppi, is-solidarjetà meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mingħajr bdil fil-prezz fl-offerta ta’ Marsh tal-25 ta’ Ottubru 2013, iżda li l-offerta ta’ Marsh, kif issottomessa, ma tipprovdix għal din is-solidarjetà u għalhekk ma kinitx ġiet stabbilita konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    129. Fir-rigward tal-invokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti ċirkustanzi mhux tas-soltu, b’mod partikolari l-preżenza fuq il-mandat ta’ AIG evokat fil-punt 105 iktar ’il fuq ta’ nota miktuba bl-idejn (“Bl-eċċezzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà […]. Ma naċċettawx din il-klawżola.”) u li sussegwentment intbagħat mandat ulterjuri ta’ AIG li ma jinkludix din l-indikazzjoni (ara l-p unt 120 iktar ’il fuq), dan ma huwiex ta’ natura tali li ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħatx tieħu żball fir-rigward tal-assenza ta’ solidarjetà fl-offerta ta’ Marsh.

    130. Fil-fatt, jekk huwa minnu li, fuq talba tal-Kummissjoni, Marsh imbagħad bagħtet mandat ta’ AIG li ma kienx għadu jinkludi l-kliem miktuba bl-idejn, jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar mandat baqa’ jistipula limitu fl-impenn finanzjarju tal-assiguratur u l-fatt li l-assiguratur impenja ruħu li josserva t-termini tal-offerta “għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi” (for the part of the contract it will perform). Għalhekk, is-sempliċi tneħħija tal-kliem miktubin bl-idejn imsemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq ma jimplikax li AIG irrinunzjat milli teskludi s-solidarjetà.

    131. Barra minn hekk u saħansitra b’mod iktar sinjifikattiv, dan il-mandat ta’ AIG mingħajr il-kliem miktubin bl-idejn (kif ukoll il-ħames mandati l-oħra, ifformulati fl-istess termini, ta’ ħames assiguraturi oħra proposti minn Marsh) kien anness mal-ittra ta’ Marsh tal-24 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, din l-ittra, kif jirriżulta mill-kliem tagħha (ara l-punt 120 iktar ’il fuq), espliċitament eskludiet is-solidarjetà tal-assiguraturi. Matul il-qari ta’ din, il-Kummissjoni ma seta’ kellha l-ebda dubju raġonevoli fuq dan il-punt. Fuq kollox, is-soppressjoni tal-kliem miktubin bl-idejn, li toħloq uniformità fil-formulazzjoni tal-mandati kollha tal-assiguraturi proposti minn Marsh (li kollha nkludew referenza għall-impenn tal-assiguraturi “kull wieħed għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi”) kellu, flimkien mat-termini tal-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013, iktar u iktar jikkonvinċi lill-Kummissjoni li hija kienet qed tiffaċċja diffikultà rigward l-offerta ta’ Marsh, fir-rigward tas-solidarjetà.

    132. Fl-aħħar nett, wara l-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013, il-messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Jannar 2014 (ara l-punt 122 iktar ’il fuq) seta’ biss jikkonferma lill-Kummissjoni r-realtà tal-assenza ta’ solidarjetà mill-assiguraturi fl-offerta ta’ Marsh. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħatx tinjora li din l-offerta ma kinitx konformi u li kienet stabbilita fuq il-bażi ta’ impenn finanzjarju li ma humiex relatati ma’ dawk tal-offerta tar-rikorrenti. Għalhekk huwa manifest li bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minflok ma l-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità tal-offerta ta’ Marsh u eskludietha, kompliet bl-iskambji tagħha ma’ din l-impriża u adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    133. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament huwa fondat.

    Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba fil-bidla fl-offerta ta’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

    134. Ir-rikorrenti ssostni li l-kompożizzjoni tal-konsorzju fformat minn Marsh inbidlet wara l-ftuħ tal-offerti. Fil-fatt, mill-inqas wieħed mill-assiguraturi, jiġifieri AIG, li kien irrifjuta li jintrabat in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kien ġie eskluż.

    135. Din il-bidla fil-kompożizzjoni tal-konsorzju fformat minn Marsh wara l-ftuħ tal-offerti ma tistax tiġi deskritta bħala “preċiżjoni” fuq il-kontenut tal-offerta jew “korrezzjoni ta’ żball materjali” fis-sens tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, moqri flimkien mal-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju u mal-Artikolu 160 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, meta awtorizzatha.

    136. Fl-aħħar nett, huwa manifest li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità fl-għoti tal-kuntratt, il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta ta’ Marsh bħala mhux konformi, il-kuntratt kien jingħata lir-rikorrenti għaliex kienet l-unika impriża oħra li ssottomettiet offerta għal dan il-kuntratt u l-offerta tagħha kienet konformi.

    137. Fir-replika, ir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ provi ġodda, argumentat li l-bidliet illegali fl-offerta ta’ Marsh kienu tlieta.

    138. L-ewwel nett, l-identità tal-assiguraturi li taw mandat lil Marsh u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ma kinux sempliċi modalità prattika fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Is-sostituzzjoni ta’ AIG b’assiguraturi oħra wara l-ftuħ tal-offerti jikkostitwixxi bidla illegali tal-offerta.

    139. It-tieni nett, għalkemm il-prezz totali tal-offerta ta’ Marsh ma tbiddilx, il-kundizzjonijiet ta’ negozjati bejn Marsh u l-assiguraturi eżistenti u ġodda probabbilment kellhom ikunu differenti minn dawk eżistenti qabel is-sottomissjoni tal-offerta minħabba li, minn naħa, il-prezz propost mir-rikorrenti issa kien magħruf u, min-naħa l-oħra, l-assiguraturi kellhom iċ-ċertezza li l-kuntratt kien ser jingħata lil Marsh. B’dan il-mod, l-esklużjoni ta’ AIG u l-proposta ta’ tqassim ġdid tal-ishma fost l-assiguraturi kien wassal għal vantaġġ kompetittiv f‘dak li jirrigwarda lil Marsh.

    140. It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet ippermettiet lil Marsh li “tikkonverti” l-offerta tagħha ssottomessa b’mod illegali bħala offerent uniku mingħajr solidarjetà f’offerta konġunta b’solidarjetà. Sa fejn l-assiguraturi kienu espliċitament irrifjutaw kull solidarjetà u kienu impenjaw ruħhom biss għall-parti tagħhom tal-kuntratt, il-Kummissjoni ma setgħatx tikkuntattja lil Marsh biex titlob “kjarifiki” jew “korrezzjonijiet” iktar tard.

    141. Bl-aċċettazzjoni ta’ dokumenti u ta’ bidliet sostanzjali fl-offerta ta’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti, il-Kummissjoni kisret ir-regola fundamentali li l-għoti ta’ kuntratt isir fuq il-bażi ta’ offerti ssottomessi fit-terminu previst u mhux fuq il-bażi ta’ elementi sussegwenti.

    142. Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

    143. L-ewwel nett, Marsh ippreżentat lilha nnifisha bħala sensar offerent uniku u mhux bħala konsorzju. Għalhekk ma kienx hemm “bdil fil-konsorzju”.

    144. It-tieni nett, il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-offerenti (kemm Marsh kif ukoll ir-rikorrenti) qabel id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt kienu ttieħdu b’rispett sħiħ tar-regolamenti applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fir-rigward ta’ Marsh, dawn kienu jikkonsistu f’talbiet sabiex jiġu kompluti d-dokumenti ta’ sostenn li jirrigwardaw il-kriterji tal-għażla, jiġu korretti żbalji materjali misjuba u jiġu pprovduti kjarifiki dwar il-konformità ma’ ċerti obbligi taħt l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, f’konformità sħiħa mal-Artikolu 158(3) u mal-Artikolu 160(3) tar‑Regolament ta’ implementazzjoni. Ma seħħ l-ebda bidla fit-termini tal-offerta ta’ Marsh – kopertura ta’ 100 % tar-riskji previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u prezz tal-offerta.

    145. It-tielet nett, wara l-għoti tal-kuntratt u anki wara li ntbagħtu għall-firma lil Marsh żewġ kopji tal-abbozz tal-kuntratt, AIG, li kienet waħda mill-assiguraturi li inizjalment taw mandat lil Marsh għall-kuntratt u assiguratur fi grupp mar-rikorrenti, kienet irrifjutat li tiffirma hekk kif previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Iżda, kuntrarjament għal dak li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, l-ebda assiguratur ma kien “eskluż” mill-Kummissjoni jew minn Marsh. Huwa l-assiguratur stess li kien irrifjuta li jiffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    146. Il-Kummissjoni tafferma li kienet Marsh, li kienet għamlet offerta tagħha bħala sensar offerent uniku, li kellha torganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, kif ukoll it-tqassim tar-rwoli bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni differenti biex jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt, bi kwalunkwe bidla fit-termini ta’ din l-offerta tagħha tkun eskluża. Marsh kienet ukoll ipproponiet (u l-Kummissjoni aċċettat) is-sostituzzjoni ta’ AIG mill-assiguraturi l-oħra li diġà kienu tawha l-mandat tagħha u minn żewġ assiguraturi ġodda. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni seta’ għalhekk ikun iffirmat fis-27 ta’ Frar 2014.

    147. F’dan ir-rigward, kien hemm lok ta’ insistenza fuq il-fatt li s-sostitizzjoni ta’ AIG ma wassal għall-ebda bidla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew fit-termini tal-offerta inizjali ta’ Marsh, li huwa pprojbit taħt l-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju, peress li Marsh kienet issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku, li kienet issodisfat waħedha l-kriterji tal-għażla tal-kuntratt, li t-termini tal-offerta tagħha (kopertura ta’ 100 % u prezz) ma kinux tbiddlu u li l-kuntratt iffirmat minnha u mill-assiguraturi kien konformi b’mod sħiħ (u identiku) għall-abbozz tal-kuntratt inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    148. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, anki wara l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt, l-offerent li ngħata l-kuntratt huwa marbut bl-obbligu li jeżegwixxi dan skont l-offerta tagħha u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Jekk wieħed mill-assiguraturi firmatarji tal-kuntratt jirtira jew jonqos, l-offerent magħżul ikun obbligat li jipproponi lill-Kummissjoni alternattiva li ma tibdilx l-offerta tiegħu u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrenti stess tipprovdi fl-offerta tagħha, f’każ ta’ sostituzzjoni tal-assiguratur li jagħmel parti mill-grupp tagħha, li “[f’]każijiet fejn l-assiguratur, għal raġuni indipendenti mir-rieda tiegħu, ixolji l-polza, Vanbreda ser tagħmel kull sforz sabiex il-kopertura tista’ tiġi ggarantita skont il-kundizzjonijiet maqbula inizjalment”.

    149. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-argument li kienet illegalment biddlet l-offerta ta’ Marsh fi tliet aspetti (identità u ishma tal-assiguraturi, natura tal-offerta), tirreferi għar-risposta fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet li ġejjin. Fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ wieħed mill-assiguraturi, dan sar mingħajr bdil tat-termini tal-offerta (kopertura ta’ 100 %, impenn in solidum tal-assiguraturi u tal‑prezz). Fir-rigward tal-ishma, dawn jaqgħu taħt ir-relazzjonijiet interni bejn l-assiguraturi li taw mandat lil Marsh għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u mhux mill-kuntratt innifsu. Fir-rigward tal-allegata konverżjoni tal-offerta unika mingħajr solidarjetà f’offerta konġunta b’solidarjetà, il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha dwar l-assenza ta’ konverżjoni.

    150. Skont l-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju, matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti jseħħu f’kundizzjonijiet li jiżguraw it-trasparenza u l-ugwaljanza fit-trattament. Dawn ma jwasslu għall-bdil la tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u lanqas tat-termini tal-offerta inizjali.

    151. Skont l-Artikolu 160 tar-Regolamenti ta’ implementazzjoni, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti huma awtorizzati eċċezzjonalment matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti. Wara l-ftuħ tal-offerti, fil-każ fejn offerta tagħti lok għal talbiet għal kjarifika jew jekk ikun hemm korrezzjoni ta’ żbalji materjali fl-abbozzar tal-offerta, l-awtorità kontraenti tista’ tieħu l-inizjattiva ta’ kuntatt mal-offerent, għalkemm tali kuntatt ma jistax iwassal għal bidla fil-kundizzjonijiet tal-offerta.

    152. F’dan il-każ, jirriżulta mill-provi eżaminati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku li l-kuntatti stabbiliti bejn Marsh u l-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-offerti, b’mod partikolari kienu jirrigwardaw il-kundizzjoni ta’ solidarjetà, li hija kundizzjoni essenzjali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    153. Dawn il-kuntatti werew li l-offerta ta’ Marsh tal-25 ta’ Ottubru 2013 ma kinitx, essenzjalment, tinkludi l-impenn in solidum previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li, konsegwentement, il-prezz tal-offerta ta’ Marsh ma setax ikun ikkunsidrat bħala stabbilit fuq bażijiet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt.

    154. Filwaqt li l-Kummissjoni kellha immedjatament tiġbed il-konsegwenzi minn dan u ma tagħtix il-kuntratt lill Marsh, iktar u iktar, f’dan il-każ, fejn l-għoti sar lill-offerta li toffri l-iktar prezz baxx, il-Kummissjoni xorta pproċediet b’dan l-għoti. Wara r-rifjut ta’ assiguratur li jassumi s-solidarjetà u jiffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, dan l-assiguratur ġie issostitwit minn żewġ assiguraturi ġodda, it-tqassim tal-ishma inbidel mill-ġdid u l-kuntratt ġie finalment iffirmat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, Marsh u seba’ assiguraturi.

    155. Il-Kummissjoni tirreferi, sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, għall-obbligu tal-offerent magħżul li jipproponilha, fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ rtirar minn wieħed mill-assiguraturi firmatarji tal-kuntratt, alternattiva li ma għandha bżonn tagħmel l-ebda bidla lill-offerta u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    156. Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, f’dan il-każ, ma kienx irtirar jew nuqqas ta’ assiguratur wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, liema rtirar jew nuqqas effettivament jobbliga, kuntrattwalment, lill-offerent magħżul isib soluzzjoni sabiex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi kuntrattwali, iżda rtirar li seħħ wara l-iffirmar tal-kuntratt, li għalhekk kien suġġett għar-regoli ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti.

    157. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kuntatti stabbiliti bejn il-Kummissjoni u Marsh, essenzjalment wasslu għal bidla essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-offerta inizjali ta’ Marsh, bi ksur tar-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

    158. Għalhekk huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li l-motiv ta’ annullament, fit-tieni parti tiegħu, huwa wkoll fondat.

    Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

    159. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, dan il-motiv għandu jintlaqa’ u għalhekk għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq it-talba għad-danni

    160. Ir-rikorrenti tindika li pprovat l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni li, individwalment jew għall-inqas ikkunsidrati flimkien, huma tali li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

    161. Għal dak li jirrigwarda d-dannu subit, dan jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità għar-rikorrenti, jew saħansitra ċ-ċertezza li tirbaħ il-kuntratt kif ukoll telf ta’ referenza u danni morali.

    162. Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn id-danni jistgħu jiġu kkwantifikati ex aequo et bono fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 1 000 000.

    163. Fil-fatt, huwa manifest li, fl-assenza ta’ irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt, il-proċedura amministrattiva setgħat wasslet għal riżultat differenti. Jekk il-Kummissjoni kienet ċaħdet l-offerta ta’ Marsh, il-kuntratt kien jiġi mogħti lir-rikorrenti għaliex kienet l-unika impriża oħra li ssottomettiet offerta għal dan il-kuntratt u li ssottomettiet offerta skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    164. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li kuntratt li jirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni kontra n-nar, ir-riskji assoċjati tal-binjiet kollha u l-kontenut tagħhom, għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha kkonċernati, jikkostitwixxi riferiment importanti ħafna għal sejħiet għal offerti simili. Lil hinn minn sempliċi referenzi, iċ-ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba huma ta’ importanza kruċjali għall-fażi tas-selezzjoni teknika f’sejħiet għal offerti futuri. Tali ċertifikati, barra minn hekk, kienu meħtieġa f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Madankollu, huwa evidenti li, sa fejn ma tkunx ingħatat il-kuntratt, ir-rikorrenti tilfet il-benefiċċju taċ-ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba għal dan il-kuntratt li jkopri diversi istituzzjonijiet Ewropej.

    165. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma aċċettatx l-offerta tar-rikorrenti, minkejja li din kienet l-unika offerta regolari ssottomessa fil-kuntest tal-proċeduri, imur kontra għall-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li tirbaħ il-kuntratt u tikkawżalha dannu morali.

    166. Fir-replika, ir-rikorrenti tfakkar li hija fuq kollox tfittex l-eżekuzzjoni in natura tal-kuntratt. Għalhekk kien biss peress li r-rikorrenti ma kisbitx din l-eżekuzzjoni sas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija talbet kumpens sħiħ ekwivalenti.

    167. Ir-rikorrenti ssostni li diġà pprovat ampjament in-nuqqas tal-Kummissjoni. Fir-rigward tad-dannu, dan huwa reali u ċert. Fir-rigward tal-possibbiltà legali li tirrinunzja għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt u li tibda mill-ġdid proċedura oħra, din kienet purament teoretika fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-probabbiltà għar-rikorrenti li tikseb il-kuntratt kien ikun kważi ċert. F’termini purament finanzjarji, il-valur tal-kuntratt matul erba’ snin kien ikun ta’ EUR 3 742 000. Ir-rikorrenti ssostni li sofriet dannu morali minħabba t-telf ta’ referenza u ta’ prestiġju. Għalhekk ir-rikorrenti ssostni li t-telf tagħha jista’ jiġi stabbilit għal EUR 1 000 000.

    168. Il-Kummissjoni tiċħad li kkommettiet illegalità. Sussidjarjament, hija ma wettqet l-ebda ksur gravi u manifest tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għall-kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar mill-fatti tal-kawża, li b’mod diliġenti kienet għamlet dak kollu possibbli, f’ bona fide , sabiex tiżgura li l-proċedura tal-kuntratt tosserva r-regoli rilevanti kollha, sabiex jiġi żgurat li l-offerti li rċeviet ikunu kompletament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u sabiex tiżgura li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni l-ġdid jidħol fis-seħħ fil-ħin sabiex ikun żgurat kopertura ta’ 100 % tal-awtorità kontraenti.

    169. Fir-rigward tad-dannu, ir-rikorrenti tinvoka fi żmien qasir kumpens għat-tliet tipi ta’ danni li tallega li sofriet. Hija ma tipprovax li dan l-allegat dannu huwa reali u ċert.

    170. L-ewwel nett, fir-rigward tat-telf ta’ opportunità li tirbaħ il-kuntratt, ir-rikorrenti ma tilfet xejn, peress li l-offerta tagħha ma kinitx issottomettiet il-prezz l-iktar baxx u l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni sabiex teskludi jew tqis bħala mhux konformi l-offerta ta’ Marsh.

    171. It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna t-telf ta’ referenza, ma hemm ebda dannu reali u ċert. Minn naħa, l-assenza ta’ referenza ġdida, ma hijiex waħedha suxxettibbli li tibdel il-kapaċità tar-rikorrenti biex tipparteċipa f’kuntratti simili fil-futur. Barra minn hekk, dan id-dannu huwa wieħed ipotetiku: ir-rikorrenti ma setgħatx tippretendi li kienet ser tikseb ċertament ċertifikat ta’ eżekuzzjoni kuntrattwali tajba peress li dan iċ-ċertifikat huwa marbut mal-eżekuzzjoni konkreta tal-kuntratt u ma setgħatx tkun assigurata minn qabel.

    172. It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tidentifika l-ebda dannu morali, iżda hija biss issostni li n-nuqqas ta’ għoti lilha jmur kontra l-“aspettattivi leġittimi” tagħha. Barra minn hekk, fl-ebda mument l-awtorità kontraenti tat lok sabiex ir-rikorrenti jkollha xi aspettattiva leġittima li tingħata l-kuntratt.

    173. Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti kisbet is-sospensjoni tal-kuntratt u l-organizzazzjoni ta’ proċedura nnegozjata wara liema huma kienu daħlu f’kuntratt flimkien għal massimu ta’ 18-il xahar mis-17 ta’ Frar 2015. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dannu.

    174. Madankollu, id-dannu allegat la huwa reali, la ċert u lanqas speċifiku. Għalhekk, jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu ġew interpretati b’mod restrittiv, jew jekk l-offerta ta’ Marsh għandha tiġi kkunsidrata bħala konġunta, l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx titqies valida.

    175. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħat perfettament tirrinunzja għas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

    176. Fir-rigward tal-ammont tad-dannu allegat, dan il-Kummissjoni tikkontestah. L-allegat telf ta’ qligħ ma huwiex dak tar-rikorrenti, li huwa sempliċi sensar li qed jaġixxi għalih innifsu.

    177. Fir-rigward tad-dannu morali li allegatament jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-kuntratt, il-Kummissjoni tikkontesta dan il-karattru eċċezzjonali.

    178. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

    179. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni fuq imsemmija, minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra, EU:C:1982:318, punt 16; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166; tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑300/07, Ġabra, EU:T:2010:372, punt 137, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, EU:T:2014:888, punt 28). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni, dwar l-aġir illegali, il-ġurisprudenza titlob li għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali maħsuba li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ksur ikun suffiċjentement serju jikkonsisti f’ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni kkonċernat, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 42 sa 44; tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra, EU:C:2002:736, punt 54; AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2005:107, punt 93, u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2014:888, punt 29).

    180. Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà li tirrigwarda l-illegalità, għandu jiġi nnotat li ġie kkonstatat, b’mod partikolari, ksur mill-Kummissjoni tal-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti. Billi kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li r-rispett tiegħu huwa essenzjali għal-legalità tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni kisret regola tad-dritt intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2005:107, punt 91, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 134).

    181. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li f’dan il-każ dan huwa ksur suffiċjentement serju. Fil-fatt, billi implementat l-proċedura ta’ kuntratt pubbliku ma’ Marsh fil-kundizzjonijiet deskritti, b’mod partikolari, fil-punti 102 sa 128 u 151 sa 156 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kisret b’mod manifest u serju l-limiti stabbiliti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    182. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà dwar l-eżistenza ta’ dannu u għal dak ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas u d-dannu, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rabta kawżali, li jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu ġew interpretati b’mod restrittiv, jew jekk l-offerta ta’ Marsh kellha tiġi kkunsidrata bħala offerta konġunta, l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx titqies valida.

    183. Dan l-argument għandu żewġ aspetti.

    184. L-ewwel nett, permezz ta’ dan l-argument il-Kummissjoni ssostni li l-qari mhux restrittiv tas-sejħa għal offerti li hija tirrappreżenta u li tgħid li offerta ssottomessa minn sensar offerent uniku kienet aċċettabbli kienet ukoll tibbenefika lir-rikorrenti għaliex l-offerta tagħha, mingħajr dan l-approċċ mhux restrittiv, ma setgħatx titqies valida. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, is-sejħa għal offerti, bl-interpretazzjoni restrittiva difiża mir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ kienet teskludi l-offerta ta’ din tal-aħħar. Għalhekk ma seta’ jkun hemm l-ebda rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni, li kien attwalment serva l-interessi tar-rikorrenti, u r-rifjut tal-offerta ta’ din tal-aħħar.

    185. Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

    186. Fil-fatt, sakemm (hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament) it-termini u l-ekonomija tas-sejħa għal offerti jeskludu s-sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku, dawn it-termini u l-ekonomija bl-ebda mod ma jipprekludu sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    187. Ċertament, kien possibbli li jkun stabbilit li offerta konġunta, speċjalment f’dan il-kuntest – bħal f’dan il-każ – tal-kopertura ta’ riskju kbir kien iktar suxxettibbli li jinteressa iktar assiguraturi li jingħaqdu flimkien ma’ sensar, iktar milli assiguratur wieħed irrappreżentat minn sensar. Iżda għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’ possibilment tispjega l-użu frekwenti tal-plural (“l-assiguraturi”) fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, madankollu din ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni ta’ offerta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    188. Barra minn hekk, is-sottomissjoni ta’ offerta minn tali grupp ma huwiex kuntrarju għall-ekonomija tas-sistema stabbilita mis-sejħa għal offerti. Huwa fil-fatt ċar li fil-każ ta’ offerta konġunta, kemm jekk minn wieħed jew minn numru ta’ assiguraturi rrappreżentati minn sensar, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tas-sejħa għal offerti tirrigwarda kull membru tal-grupp, b’differenza notevoli mill-offerta ssottomessa minn sensar offerent uniku.

    189. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li qari tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jeskludi s-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn assiguratur irrappreżentat minn sensar, meta huma ammessi s-sottomissjonijiet ta’ offerta minn assiguratur uniku jew ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn żewġ assiguraturi rrappreżentati minn sensar, tmur kontra, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    190. Il-Kummissjoni tispjega, fil-kontroreplika tagħha, li fl-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hija kienet qed tistenna li tirċievi offerti minn assiguratur wieħed biss, jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati, jew le, minn assiguratur prinċipali jew minn sensar. Madankollu, hija ma tiġġustifikax, u inqas u inqas b’mod konvinċenti, kif is-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn assiguratur u minn sensar qabżet il-previżjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    191. Fl-aħħar nett u sussidjarjament, għandu jiġi nnotat li fil-kuntest ta’ offerti konġunti, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jiddisponi li “fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar”. Din id-dispożizzjoni tkompli billi tindika li “f’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt” u li “s-sensar jitħallas direttament mill-assiguratur jew mill-assiguraturi”. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddefinixxu il-“kontraenti” bħala “l-kumpannija jew l-impriża ta’ assigurazzjoni li magħha ġie ffirmat il-kuntratt u li għal dan il-għan hija marbuta b’kundizzjonijiet partikolari”.

    192. L-użu tas-singular (“l-assiguratur jew l-assiguraturi”, “il-kumpannija jew l-impriża ta’ assigurazzjoni”) jikkorrobora l-kunsiderazzjonijiet, li huma diġà suffiċjenti, stabbiliti fil-punti 185 sa 190 iktar ’il fuq, li s-sejħa għal offerti ma kinitx teskludi s-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    193. It-tieni nett, l-argumenti ppreżentati fil-punt 182 iktar ’il fuq jassumu li, jekk l-offerta ta’ Marsh għandha tiġi kkunsidrata bħala offerta konġunta, allura l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx tiġi kkunsidrata valida għaliex kien hemm assiguratur (AIG) li kien preżenti simultanjament f’żewġ offerti.

    194. Indipendentement mill-fatt li ma huwiex stabbilit li s-sitwazzjoni prevista mill-Kummissjoni kienet timplika awtomatikament, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi allegati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, Ġabra, EU:C:2009:317, punt 30; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, Ġabra, EU:C:2009:808, punti 38 sa 42 u 46 u d-dispożittiv, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, Ġabra, EU:C:2012:801, punt 14), għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni ma tikkorrispondix għar-realtà. Fil-fatt, l-offerta ta’ Marsh ma hijiex offerta konġunta, iżda l-offerta ta’ sensar offerent uniku, u għalhekk mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li għalhekk kellha, bħala tali, u għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-motiv ta’ annullament, tiġi ddikjarata invalida mill-Kummissjoni. L-argument tal-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi miċħud.

    195. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu allegat la huwa reali, la ċert u lanqas speċifiku għar-rikorrenti u, sussidjarjament, li s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ Marsh u l-għoti lir-rikorrenti tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati.

    196. L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat telf ta’ opportunità li jinkiseb il-kuntratt, għandu jiġi nnotat li l-offerta tar-rikorrenti kienet iddikjarata konformi mill-Kummissjoni, kienet l-unika offerta barra dik ta’ Marsh u ġiet miċħuda favur l-offerta ta’ Marsh għaliex din tal-aħħar kellha l-iktar prezz baxx.

    197. Minn dan isegwi li, li kieku l-offerta ta’ Marsh kienet ġiet iddikjarata mhux konformi peress li ġejja, kuntrarjament għar-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti, minn sensar offerent uniku, jew anki jekk l-offerta kienet iddikjarata mhux konformi minħabba li ma kinitx tinkludi s-solidarjetà tal-assiguraturi proposti, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni tajba sabiex tingħata l-kuntratt.

    198. Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan b’mod serju. Hija tillimita ruħha għal darb’oħra li tgħid li ma wettqet l-ebda illegalità, tinvoka argumenti diġà miċħuda fil-punti 184 sa 194 iktar ’il fuq u tfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija setgħat tirrinunzja għall-proċeduri tal-kuntratt inkwistjoni u tibda proċeduri ġodda, bil‑konsegwenza li r-rikorrenti ma kien ikollha l-ebda garanzija li tikseb il-kuntratt inkwistjoni.

    199. Fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi mfakkar li għalkemm huwa minnu li l-awtorità kontraenti tista’ dejjem, sal-firma tal-kuntratt, tirrinunzja l-kuntratt jew tannulla l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt, mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal kwalunkwe tip ta’ kumpens (Artikolu 114 tar-Regolament Finanzjarju), xorta jibqa l-fatt li dawn is-suppożizzjonijiet ta’ rinunzja jew ta’ annullament tal-proċeduri ma kinux immaterjalizzaw ruħhom u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-opportunitajiet tar-rikorrenti li jiksbu dan il-kuntratt kienu, esklużi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, għolja ħafna.

    200. Wara li kkunsidrat iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jidher possibbli li l-possibiltajiet tar-rikorrenti li tikkonkludi l-kuntratt, esklużi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, jiġu evalwati bħala 90 %.

    201. Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqis li d-dannu globali tagħha, fid-dawl tat-telf ta’ opportunità, ta’ telf ta’ referenzi u ta’ danni morali, seta’ jiġi evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 1 000 000.

    202. Ir-rikorrenti ma taqsamx dan l-ammont bejn it-tliet kapijiet ta’ danni mitluba, iżda ssemmi, bħala valur ta’ referenza, dak tal-kuntratt li ma ngħatatx, jiġifieri EUR 3 742 300, fejn spjegat li dan il-valur huwa l-prezz annwali indikat fl-offerta (EUR 935 574 fis-sena) immultiplikat bl-erba’ snin tal-kuntratt. Ir-rikorrenti tenfasizza l-importanza tad-danni morali tagħha fid-dawl tal-importanza tal-valur tal-kuntratt (“diversi miljuni”) u t-tul (erba’ snin).

    203. Il-Kummissjoni, titlaq mill-premessa li l-ammont mitlub kien ikkalkolat b’referenza għall-valur annwali tal-kuntratt, meta ssostni li dan l-ammont, qrib dan il-valur annwali, neċessarjament jinkludi r-remunerazzjoni ta’ AIG u li għalhekk jikkorrispondi biss għal parti limitata tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għalhekk tikkontesta dan l-ammont, bl-argument li, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed taġixxi biss f’isimha u għalhekk tista’ biss titlob kumpens għad-dannu tagħha stess.

    204. Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll id-dannu li jirriżulta minn telf ta’ referenzi. Skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ referenza ġdida ma hijiex probabbli, minnha nnifisha, li tibdel il-kapaċità tar-rikorrenti milli tipparteċipa f’kuntratti simili fil-futur. Fir-rigward tat-telf ta’ ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba, dan jiddependi minn eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt. Fir-rigward tal-allegat dannu morali, dan ma huwiex reali u ċert.

    205. Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-premessa li fuqha l-Kummissjoni tibbaża l-ewwel oġġezzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 203 iktar ’il fuq, hija kontradetta mill-provi fil-fajl prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta mill-atti tar-rikorrenti li l-ammont mitlub huwa kkalkolat mhux b’referenza għall-valur annwali tal-kuntratt, iżda b’referenza għall-valur totali tal-kuntratt għal erba’ snin. Dan jirriżulta b’mod ċar mir-rabta magħmula mir-rikorrenti bejn l-ammont mitlub u dan l-aħħar valur kif ukoll mir-referenza għall-kuntratt bħala li jkopri perijodu ta’ erba’ snin u li jirrappreżenta diversi miljuni ta’ euro (ara l-punt 202 iktar ’il fuq).

    206. Konsegwentement, u sakemm dan l-ammont mitlub ma jikkorrispondix biss għal ftit iktar minn kwart tal-valur tal-kuntratt fuq erba’ snin u li r-rikorrenti tinvoka, barra minn hekk, it-telf ta’ opportunità kważi ċerta li tikseb il-kuntratt, dan l-ammont mitlub jista’ biss loġikament jikkorrispondi għad-danni li din il-parti tallega li sofriet hija stess. Fil-każ oppost, ir-rikorrenti, li tħoss li tilfet ċans kważi ċert li tingħata il-kuntratt, kienet loġikament titlob, għaliha nnifisha u għall-assiguratur, ammont ta’ danni ħafna iktar ogħla, meta mqabbla mal-valur tal-kuntratt fuq erba’ snin.

    207. Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni jekk huwiex leġittimu għar-rikorrenti li tirreferi għall-erba’ snin tal-kuntratt fil-kalkolu tad-dannu tagħha, għandu jiġi nnotat li l-avviż tal-kuntratt jindika li t-tul tal-kuntratt kien ta’ 48 xahar (punt II.3 tal-avviż tal-kuntratt, punt 4 tal-lott Nru 1). Bl-istess mod, kien stipulat li l-avviż tal-kuntratt sussegwenti kellu jkun ippubblikat 36 xahar wara l-għoti (punt VI.1 tal-avviż tal-kuntratt). Fir-rigward tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ servizzi anness mal-istedina għall-offerti, dan jindika li “[il]-kuntratt huwa konkluż għal perijodu ta’ 12-il xahar” (Artikolu I.2.3 tal-abbozz tal-kuntratt) u li “jiġġedded b’mod impliċitu sa massimu ta’ tliet darbiet, kull darba għal perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ 12-il xahar [...] sakemm l-awtorità kontraenti ma tinformax lill-kontraenti bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt u jekk din in-notifika [ssir] sitt xhur qabel ma jiġu kompluti l-kompiti tal-perijodu preċedenti” (Artikolu I.2.4 tal-abbozz tal-kuntratt). Barra minn hekk, l-abbozz tal-kuntratt jindirizza r-reviżjoni tal-prezzijiet u tal-primjum annwali billi jevoka l-“ewwel sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt”, it-“tieni sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt” u “kull sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt” (Artikolu I.3.2 tal-abbozz tal-kuntratt). L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jagħmlu l-istess (ara l-punt 9.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi).

    208. Jirriżulta mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti ġustament, fir-rikors tagħha, irreferiet għat-tul sħiħ tal-kuntratt sabiex tibbaża t-talba tagħha għal danni, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ erba’ snin li ta’ kull sena jinkludi opzjoni sabiex ma jiġġeddidx li hija biss miftuħa għall-awtorità kontraenti u dan taħt ċerti kundizzjonijiet proċedurali stretti. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-kumpens, tal-perikolu li jaf jirriżulta minn din il-fakultà ta’ nuqqas ta’ tiġdid annwali.

    209. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li ma jirriżultax mill-atti tar-rikorrenti li din ħadet inkunsiderazzjoni, fit-tnaqqis tat-talba tagħha għad-danni, tal-ispejjeż tal-kuntratt li kien ikollha tagħmel li kieku hija kienet rebħet il-kuntratt. Issa huwa impossibbli, fuq il-bażi tal-provi fil-fajl, li jiġu ddeterminati dawn l-ispejjeż. Barra minn hekk, jekk it-termini tar-rikors jiġġustifikaw li jiġi konkluż li r-rikorrenti qed titlob biss għal kumpens tad-danni tagħha stess, il-fajl ma fih ebda prova li tippermetti li tiġi vverifikata l-parti tar-rikorrenti fil-valur totali tal-kuntratt.

    210. Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li jekk ir-rikorrenti tilfet fl-2014 iċ-ċans li tikseb kuntratt ta’ erba’ snin, hija, fis-17 ta’ Frar 2015, jiġifieri madwar ħdax-il xahar u ġimgħatejn wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ikkontestat, kisbet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li kien is-suġġett tal-proċedura nnegozjata miftuħa mill-Kummissjoni insegwitu għad-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024). Għandu jingħad ukoll, hekk kif indikat ir-rikorrenti, li dan l-aħħar kuntratt ġie konkluż għal perijodu massimu ta’ 18-il xahar, jiġifieri sas-17 ta’ Awwissu 2016, filwaqt li l-kuntratt suġġett ta’ din il-kawża kellu normalment jiskadi f’Marzu 2018.

    211. Dawn iċ-ċirkustanzi huma, ukoll, ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-ammont tad-dannu sostnut mir-rikorrenti, b’din tal-aħħar tindika hija stess fl-atti tagħha, li t-talba tagħha għal kumpens għandha tkun tali fil-każ li ma tiksibx l-eżekuzzjoni in natura tat-talba tagħha, u li jekk tikseb tardivament tali eżekuzzjoni, id-dannu għandu jiġu kkalkolat abbażi ta’ dan id-dewmien.

    212. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratt, li l-eżistenza ta’ dannu li għandu jiġi kkumpensat huwa bħala prinċipju pprovat biżżejjed, iżda li l-ammont ta’ dawn id-danni ma huwiex biżżejjed determinabbli, f’dan l-istadju, sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-bażi tal-ammont mitlub mir-rikorrenti, jew sabiex tiffissa ammont ieħor.

    213. It-tieni nett, fir-rigward tat-telf ta’ referenzi, li jinkludi skont ir-rikorrenti t-telf ta’ ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba, h uwa xieraq li dan il-kap jiġi eskluż sa fejn jikkonċerna tali ċertifikati. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ dawn id-dokumenti ma jiddependix fuq l-għoti tal-kuntratt, iżda minn ċirkustanzi futuri u ipotetiċi bbażati fuq eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt.

    214. Madankollu, f’dak li jirrigwarda referenzi għall-għoti tal-kuntratt innifsu, li jirriżultaw de facto mill-ksib mir-rikorrenti tal-kuntratt, huwa inkontestabbli li r-rikorrenti, bl-istess mod bħat-telf ta’ opportunità tagħha li tikseb il-kuntratt, tilfet iċ-ċans li tiddisponi minnhom. Iżda għal darb’oħra, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tiddetermina, fir-rigward tal-ammont mitlub mir-rikorrenti, dak li jaqa’ taħt it-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratt u dak li jaqa’ taħt it-telf ta’ opportunità li tikseb ir-referenzi.

    215. It-tielet nett, fir-rigward tad-dannu morali li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni, bi ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, li kienet issottomettiet l-unika offerta regolari, tat il-kuntratt lil terz, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti sempliċement tinvoka l-illegalità tal-aġir tagħha u li fl-ebda waqt hija ma kellha aspettattiva leġittima li tingħata l-kuntratt. Fir-replika, ir-rikorrenti ma tweġibx din l-aħħar kunsiderazzjoni, iżda tassimila l-preġudizzju morali tagħha għal telf ta’ referenza u ta’ prestiġju.

    216. Għandu jiġi nnotat, li fl-ebda punt, il-Kummissjoni ma tat lir-rikorrenti aspettativa leġittima dwar il-ksib tal-kuntratt. Fir-rigward tad-dannu morali, li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija ġurisprudenza stabbilita li tali dannu huwa bħala prinċipju kkumpensat biżżejjed mill-konstatazzjoni magħmula mill-qorti ta’ din l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP, EU:T:2006:148, punt 131). Fir-rigward tal-allegat dannu morali li jirriżulta minn telf ta’ referenzi, dan jikkoinċidi parzjalment mat-telf ta’ referenzi diġà eżaminat iktar ’il fuq u, fir-rigward tat-telf ta’ prestiġju, dan ma jippreżentax natura reali u ċerta.

    217. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tista’ tidentifika numru ta’ punti fir-rigward tat-talba għad-danni, hija ma għandhiex provi biżżejjed sabiex tikkonferma l-ammont mitlub jew sabiex tistabbilixxi hija stess l-ammont tad-dannu subit, għalhekk huwa meħtieġ li t-talba tar-rikorrenti għal kumpens tintlaqa’ sal-punt fejn din titlob kumpens għat-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt inkwistjoni u li tikseb ir-referenzi tal-għoti tal-kuntratt rilevanti, u li l-kumplament jiġi miċħud. Għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ kumpens għat-telf ta’ opportunità, huwa xieraq li l-partijiet jiġu mistiedna, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali, sabiex jilħqu ftehim dwar dan l-ammont fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sabiex jgħaddulha, f’terminu ta’ sitt xhur, dekorribbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont pagabbli, stabbilit bi ftehim komuni, jew, fin-nuqqas, li jwasslulha, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet neċessarji għall-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-merti.

    Fuq l-ispejjeż

    218. Id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija rriżervata.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1) Id-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet l-offerta sottomessa minn Vanbreda Risk & Benefits għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti OIB.DR.2/PO/2013/062/591, dwar l-assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni (ĠU 2013/S 155-269617), u tat dan il-lott lil kumpannija oħra hija annullata.

    2) L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel tajjeb għad-dannu sostnut minn Vanbreda Risk & Benefits għat-telf tagħha ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt fuq imsemmi u li tikseb ir-referenzi korrispondenti ta’ għoti tal-kuntratt.

    3) Il-kumplament tat-talba għal kumpens għad-danni hija miċħuda.

    4) Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont, stabbilit bi ftehim komuni, tal-kumpens dovut sabiex isir tajjeb għal dan id-dannu.

    5) Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri.

    6) L-ispejjeż huma rriżervati.

    Top

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    26 ta’ Ottubru 2015 ( *1 )

    “Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Għoti ta’ kuntratt lil offerent ieħor — Ugwaljanza fit-trattament — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Telf ta’ opportunità — Sentenza interlokutorja”

    Fil-Kawża T‑199/14,

    Vanbreda Risk & Benefits, stabbilita f’Antwerpen (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn P. Teerlinck u P. de Bandt, sussegwentement minn P. Teerlinck, P. de Bandt u M. Gherghinaru, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Delaude u L. Cappelletti, bħala aġenti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta sottomessa mir-rikorrenti għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti OIB.DR.2/PO/2013/062/591, dwar l-assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni (ĠU 2013/S 155-269617), kif ukoll tat dan il-lott lil kumpannija oħra u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek-Tomac, amministratur,

    wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-10 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fis-suppliment għal Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, S 155-269617), sejħa għal offerti bir-referenza OIB.DR.2/PO/2013/062/591, li tikkonċerna kuntratt pubbliku ta’ assigurazzjonijiet ta’ beni u ta’ persuni, maqsum f’erba’ lottijiet.

    2

    Il-lott Nru 1, li huwa biss qiegħed jiġi kkontestat f’dan ir-rikors, kien jirrigwarda l-kopertura ta’ assigurazzjoni – mill-1 ta’ Marzu 2014 – għall-immobbli u l-kontenut tagħhom, f’isem il-Kummissjoni u diversi istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea.

    3

    Id-dokumenti tas-sejħa għal offerti jinkludu, fir-rigward tal-lott Nru 1, minbarra l-avviż ta’ kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li huwa magħmul mis-sejħa għal offerti li annessa magħha hemm l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (Anness I), mil-lista tal-bini (Anness I.1), mill-istatistiċi relatati ma’ inċidenti (Anness I.2), mill-offerta finanzjarja (Anness II), mill-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi (Anness III) u mill-“Kwestjonarju ‘Identifikazzjoni – Esklużjoni – Għażla’” (Anness IV) (iktar il’ quddiem il-“Kwestjonarju IES”).

    4

    Is-sejħa għal offerti tippreċiża li din tirrigwarda proċedura miftuħa li tagħti kuntratt lill-offerta li tissottometti l-iktar prezz baxx fost l-offerti ammissibbli u konformi (Artikolu 3.4.3 tas-sejħa għal offerti; punt 12 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi).

    5

    Il-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum, fil-każ tal-involviment ta’ numru ta’ assiguraturi fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, hija indirizzata kif ġej.

    6

    L-avviż ta’ kuntratt jipprevedi, fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi, li l-membri kollha ta’ dan il-grupp irid ikollhom “responsabbiltà […] in solidum fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt” (punt III.1.3 tal-avviż ta’ kuntratt).

    7

    L-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddisponi:

    “Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati minn assiguratur prinċipali in solidum, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur. F’dan il-każ, l-offerent jiggarantixxi li l‑awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt […]

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar. F’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt […]”

    8

    Fl-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi, il-parti ddedikata għall-identifikazzjoni tal-firmatarji tal-kuntratt kienet segwita mill-kliem: “Il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq u li iktar ’il quddiem huma msejjħa flimkien ’il-kontraent’ huma […] solidarjament responsabbli mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt fir-rigward tal-awtorità kontraenti.”

    9

    Is-sejħa għal offerti kienet tiddisponi li ma’ kull offerta għandu jiġi anness kwestjonarju IES li l-offerent għandu jimla kull parti tiegħu (it-tmien inċiż tal-punt 2.1.2 tas-sejħa għal offerti). Dan il-kwestjonarju IES kien jiddistingwi, fit-Taqsima 1 tiegħu (Formola ta’ identifikazzjoni tal-offerent) skont jekk l-offerent kienx qed jaġixxi “bħala membru [ta’] grupp” jew bħala “offerent uniku”.

    10

    Dan il-kwestjonarju IES kien jinkludi, fit-Taqsima 3 tiegħu “kwestjonarju li jikkonċerna l-offerti magħquda”, li “[kellu biss] jimtela jekk l-offerta [kienet] offerta magħquda”.

    11

    Il-punti 5 u 5.1 ta’ dan l-imsemmi kwestjonarju kienu jiddisponu li, “fil-każ ta’ offerta magħquda, [kellu jiġi pprovdut] ftehim/prokura stabbilit konformement [ma’] mudell ipprovdut iktar ’il quddiem, iffirmat mir-rappreżentanti legali tal-partijiet kollha għall-offerta magħquda [u] li, b’mod partikolari[, kienu jirrikonoxxu] r-responsabbiltà in solidum tal-partijiet kollha għall-offerta magħquda fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt”.

    12

    Dan il-ftehim/prokura kien jiddisponi li “bħala kofirmatarji tal-Kuntratt, il-membri kollha tal-grupp kienu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Awtorità kontraenti fl-eżekuzzjoni tal-Kuntratt”. Dan kien iżid ukoll li dawn il-membri kollha “għandhom josservaw il-kundizzjonijiet tal-Kuntratt u jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa tas-sehem rispettiv tagħhom tas-servizzi kif previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-offerta tal-kontraent”.

    13

    Fil-31 ta’ Ottubru 2013, matul il-ftuħ tal-offerti, il-kumitat tal-ftuħ irreġistra l-wasla ta’ żewġ offerti għal-lott Nru 1. Waħda mingħand ir-rikorrenti, Vanbreda Risk & Benefits, u l-oħra mingħand il-kumpannija Marsh.

    14

    Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq l-importanza, għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ offerta, “tad-dokumenti ffirmati, li minnhom jirriżulta li, fil-każ ta’ offerta li tinkludi numru ta’ assiguraturi, dawn l-istess assiguraturi jintrabtu in solidum mingħajr l-ebda restrizzjoni”. FIl-fatt, fl-esperjenza tar-rikorrenti, AIG Europe Limited (iktar ’il quddiem “AIG”), li kienet qed tipparteċipa fil-konsorzju ta’ Marsh, kienet bħala prinċipju tirrifjuta li tintrabat in solidum u għalhekk kienet kważi ċerta li l-offerta ta’ din tal-aħħar ma setgħatx tosserva r-rekwiżiti ta’ mertu u ta’ forma tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    15

    Permezz tal-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni wieġbet, fuq dan il-punt, li ma setgħatx tipprovdi informazzjoni peress li l-evalwazzjoni tal-offerti kienet għada għaddejja.

    16

    Mill-proċess verbali tal-evalwazzjoni tal-offerti tat-13 ta’ Jannar 2014, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti ddeċieda li l-offerti tar-rikorrenti u ta’ Marsh kienu jikkwalifikaw għall-evalwazzjoni finanzjarja u kkonstata li l-offerta ta’ Marsh kienet ikklassifikat l-ewwel, bi prezz annwali ta’ EUR 771076.03, u li l-offerta tar-rikorrenti kienet it-tieni, bi prezz annwali ta’ EUR 935573.58. Għalhekk, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeċieda li jipproponi l-għoti tal-lott Nru 1 lil Marsh.

    17

    Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti l-kuntratt lil Marsh.

    18

    Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha għal-lott Nru 1 kienet ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx toffri l-iktar prezz baxx.

    19

    Permezz tal-messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Jannar 2014 u tal-ittra tat-3 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni għall-aċċess għar-rapport sħiħ tal-għoti ta’ kuntratt u għall-komunikazzjoni tal-kopji tad-dokumenti ffirmati li minnhom jirriżulta li, fil-każ ta’ offerta b’numru ta’ assiguraturi, dawn kienu marbuta in solidum mingħajr ebda restrizzjoni, konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrenti ssemmi li dan ir-rekwiżit kien inkluż fil-paġna 8 tal-Anness IV tas-sejħa għal offerti.

    20

    Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti tenniet mill-ġdid it-talbiet tagħha u indikat it-tħassib tagħha li l-offerta ta’ Marsh ma hijiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, għar-raġuni li mill-inqas wieħed mill-imsieħba f’din l-offerta ma kienx iffirma l-mudell ta’ ftehim/prokura meħtieġ. Ir-rikorrenti indikat li dan kien element essenzjali tal-kuntratt u li hija stess kienet għamlet offerta ta’ assigurazzjoni li kienet konformi bis-sħiħ mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inkluż dan il-punt essenzjali ta’ solidarjetà. Jistgħu biss jiġu kkunsidrati konformi dawk l-offerti li jinkludu biss assiguratur wieħed (li jkopri riskju ta’ 100 %) u dawk li fihom numru ta’ assiguraturi li kollha kemm huma jkunu ddikjaraw li huwa responsabbli in solidum fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-deċiżjoni tagħha ta’ għoti tal-kuntratt lil Marsh minħabba f’dan l-element u li tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt.

    21

    Permezz tal-ittra tas-7 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni rrispondiet għall-messaġġ elettroniku tal-31 ta’ Jannar 2014, fejn hija indikat li skont il-leġiżlazzjoni tista’ biss tipprovdi lir-rikorrenti b’informazzjoni li tikkonċerna “[il]-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-appaltatur b’suċċess [offerta magħżula] u l-isem tal-appaltatur li lilu jingħata il‑kuntratt”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni indikat li l-għoti tal-lott Nru 1 sar lill-offerta konformi li kellha l-iktar prezz baxx, jiġifieri l-offerta sottomessa minn Marsh.

    22

    Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti kkritikat din it-tweġiba li ma kinitx twieġeb il-mistoqsijiet li saru u tenniet mill-ġdid it-talba tagħha għal aċċess għall-informazzjoni diġà mitluba fl-ittri preċedenti tagħha.

    23

    Permezz ta’ ittra u ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti esprimiet iċ-ċertezza tagħha li, mid-data tas-sottomissjoni tal-offerti, il-Kummissjoni ma kellhiex il-ftehim/prokura għal kull assiguratur li pparteċipa fl-offerta ta’ Marsh, bil-konsegwenza li din l-offerta ma kinitx konformi u li għalhekk kellha tiġi miċħuda. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi d-deċiżjoni tagħha ta’ għoti u tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt ma’ Marsh.

    24

    Permezz ta’ ittra datata l-istess jum, il-Kummissjoni wieġbet li l-kwistjonijiet li kienu għall-oriġini tat-tħassib tar-rikorrenti kienu analizzati b’mod xieraq matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti, li ġie kkonstatat li dawn l-offerti nstabu konformi u, li għalhekk, il-kuntratt ingħata lill-offerta li kellha l-iktar prezz baxx. Il-Kummissjoni ma ttrażmettiet lir-rikorrenti l-ebda wieħed mid-dokumenti mitluba.

    25

    Wara żewġ messaġġi elettroniċi tal-25 u tat-28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqet, fl-14 ta’ Marzu 2014, talba għal aċċess għal dokumenti lill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    Il-proċedura u żviluppi ġodda matul fil-mori tal-kawża

    26

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għad-danni kif ukoll talba għal miżuri provviżorji għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għall-produzzjoni ta’ dokumenti mill-Kummissjoni.

    27

    Permezz tad-digriet tat-3 ta’ April 2014, adottat fil-kuntest ta’ rikors għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntratt ma’ Marsh u mal-assiguraturi, u ordna l-produzzjoni ta’ dokumenti fil-proċedura għal miżuri provviżorji.

    28

    Permezz tad-digriet tal-10 ta’ April 2014, adottat insegwitu għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors għal miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali rtira, b’effett retroattiv għat-3 ta’ April 2014, il-punt tad-dispożittiv tad-digriet tat-3 ta’ April 2014, dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tal-kuntratt ma’ Marsh u l-assiguraturi.

    29

    Permezz tad-digriet tat-30 ta’ Lulju 2014, Vanbreda vs Il‑Kummissjoni (T‑199/14), mogħti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti inklużi, skont din tal-aħħar, informazzjoni kunfidenzjali, u indikat li, skont l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, dawn id-dokumenti ma kinux ser jiġu kkomunikati f’dan l-istadju lir-rikorrenti.

    30

    Peress li l-Kummissjoni, b’ittra tat-8 ta’ Awissu 2014, ipproduċiet id-dokumenti mitluba, il-Qorti Ġenerali inidirizzat lill-Kummissjoni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-11 ta’ Settembru 2014, fejn talbet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjonijiet ta’ wħud minn dawn id-dokumenti li preċiżament jidentifikaw, billi jingassawhom, il-partijiet li fil-fehma tagħha huma kunfidenzjali.

    31

    Il-Kummissjoni rrispondiet għal din it-talba b’ittra tad-29 ta’ Settembru 2014.

    32

    Peress li r-rikorrenti indikat li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għat-talba tal-Kummissjoni għall-kunfidenzjalità, il-Qorti Ġenerali neħħiet mill-fajl id-dokumenti kunfidenzjali prodotti fl-anness għall-ittra tat-8 ta’ Awissu 2014.

    33

    Permezz tad-digriet għal miżuri provviżorji tal-4 ta’ Diċembru 2014, Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni [T‑199/14 R, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:1024], il-President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-għoti tal-lott Nru 1 (punt 1 tad-dispożittiv), indika li l-effetti ta’ din id-deċiżjoni kienu miżmuma sakemm skada t-terminu tal-appell kontra dan l-istess digriet (punt 2 tad-dispożittiv) – jiġifieri sa nofsillejl tas-16 ta’ Frar 2015 – u rriżerva l-ispejjeż.

    34

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li ma taċċettax l-offerta tar-rikorrenti għal-lott Nru 1 u li tattribwixxi dan il-lott lil Marsh;

    tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u tikkundannaha tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1000000 bħala kumpens għat-telf taċ-ċans li tiġi attribwita l-kuntratt, għat-telf ta’ referenzi u għad-dannu morali mġarrab;

    fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukat li huma provviżorjament iffissati għal EUR 50000.

    35

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad t-talba għal annullament;

    tiċħad t-talba għad-danni;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    36

    Wara d-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024), il-Kummissjoni, minn naħa, fetħet proċedura nnegozjata tal-kuntratt fuq il-bażi tal-Artikolu 134(1)(c) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), sabiex tikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni li jista’ jidħol fis-seħħ mis-17 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl. Min-naħa l-oħra hija ppreżentat appell (C‑35/15 P) kontra dan id-digriet.

    37

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lil Marsh bis-sospensjoni tal-kuntratt attwali mis-16 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl.

    38

    Il-Kummissjoni rċeviet biss offerta waħda fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata, mingħand ir-rikorrenti f’konsorzju flimkien mal-assiguratur AIG. Hija żammet din l-offerta u ffirmat il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jirriżulta minn din il-proċedura, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2015 f’nofsillejl.

    39

    Permezz tad-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits [C‑35/15 P(R), Ġabra, EU:C:2015:275], il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja annulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tad-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024) fuq il-bażi li l-President tal-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika mingħajr limitazzjoni fiż-żmien il-laxkar, iġġustifikat fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ miżuri provviżorji relatati mal-urġenza (digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, iċċitat iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 57). Fir-rigward tat-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din għall-istess raġunijiet (digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, iċċitat iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 61).

    Id-dritt

    Fuq it-talba għal annullament

    40

    Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku ta’ annullament maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, skont l-Artikoli 111 u 113 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), l-Artikoli 146, 149 u 158 tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza.

    Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, skont l-Artikolu 111(5) u l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 146(1) u (2), l-Artikolu 149(1) u l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    41

    Ir-rikorrenti ssostni li l-offerta ta’ Marsh ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, l-assiguraturi li pparteċipaw f’din l-offerta ma kinux marbuta in solidum fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u għalhekk ma kinux iffirmaw il-ftehim/prokura mitluba mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    42

    Madankollu, is-solidarjetà hija kundizzjoni essenzjali tal-kuntratt pubbliku f’dan il-każ u din il-kundizzjoni kellha influwenza fuq il-prezz tal-offerta. Fil-fatt, jekk diversi assiguraturi jistgħu jagħżlu li jingħaqdu flimkien biex ikopru, kull wieħed minnhom l-impenn rispettiv tiegħu, riskju tal-portata tal-kuntratt inkwistjoni, din is-soluzzjoni ma tiggarantixxix li inċident jitħallas kollu kemm hu. Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni imponiet, f’din il-kawża, is-solidarjetà fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jikkostitwixxi soluzzjoni possibbli iżda li tirriżulta fi spiża supplimentari sinjifikattiva.

    43

    Billi ppermettiet lil Marsh toffri offerta magħquda ma’ konsorzju ta’ assiguraturi mhux responsabbli in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-Kummissjoni kienet ippermettiet lil dan l-operatur li joffri prezz ħafna iktar baxx.

    44

    Billi għamlet dan, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont l-Artikolu 111(5) u l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 146(1) u (2), u l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, billi tat il-kuntratt lil Marsh, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 149(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    45

    Fir-replika, ir-rikorrenti indikat li ħadet konjizzjoni, wara l-qari tar-risposta u tad-dokumenti mhux kunfidenzjali prodotti mill-Kummissjoni, tal-provi l-ġodda. Minn dan jirriżulta li Marsh kienet fil-fatt ressqet l-offerta tagħha bħala sensar offerent uniku u li l-Kummissjoni u Marsh kienu kkorrispondew b’mod estensiv wara l-ftuħ tal-offerti, dwar il-kundizzjoni ta’ solidarjetà. Il-Kummissjoni qatt ma semmiet dawn il-fatti lir-rikorrenti, minkejja l-mistoqsijiet ripetuti ta’ din tal-aħħar. Ir-rikorrenti tista’ għalhekk tibbaża ruħha fuq dawn il-provi ġodda.

    46

    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku huwa manifestament illegali u jmur kontra l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Sussegwentement, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li targumenta, ittrattat l-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta. Fl-aħħar nett, sa fejn l-offerta ta’ Marsh setgħat biss tista’ tkun ikkunsidrata bħala offerta konġunta, hija kellha tinkludi l-ftehim/prokura meħtieġ fl-Anness IV tal-istedina għall-offerti.

    47

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti, li hija bbażata fuq tliet suppożizzjonijiet mhux xierqa: l-ewwel nett, is-suppożizzjoni li l-offerta ta’ Marsh ġiet issottomessa f’isem grupp jew konsorzju; it-tieni nett, is-suppożizzjoni li din l-offerta ma kinitx tinkludi l-mudell ta’ ftehim/prokura bi ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt; it-tielet nett, is-suppożizzjoni li l-assiguraturi proposti minn Marsh ma kinux impenjati in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, liema suppożizzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u minn ksur ta’ għarfien tal-provvista effettiva ta’ Marsh kif ukoll tal-iżvolġiment tal-proċedura tal-kuntratt.

    48

    Fir-rigward tal-ewwel suppożizzjoni, il-Kummissjoni tinnota li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha bħala sensar offerent uniku mhux bħala membru jew mexxej ta’ grupp u li, b’mod koerenti, il-kuntratt ġie mogħti lil Marsh bħala offerent uniku. L-ebda dispożizzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma timpedixxi lil sensar milli jissottometti, bħala offerent uniku, offerta għal-lott Nru 1 tal-kuntratt.

    49

    Fir-rigward tat-tieni suppożizzjoni, il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-offerti konġunti, inkluż il-ftehim/prokura mudell previst mill-kwestjonarju IES ma humiex applikabbli fil-każ ta’ offerta ssottomessa minn offerent uniku. Marsh għalhekk ma kinitx marbuta li tinkludi fl-offerta tagħha l-ftehim/prokura ffirmat kif previst għall-offerti konġunti. Marsh annettiet mal-offerta tagħha l-mandati li rċeviet minn diversi assiguraturi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

    50

    Fir-rigward tat-tielet suppożizzjoni, il-Kummissjoni ssostni li vverifikat b’mod xieraq, hekk kif jirriżulta mill-korrispondenza skambjata ma’ Marsh bejn il-ftuħ tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt, li l-offerta ta’ Marsh tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, inkluż dak tal-punt 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiżguraw li l-awtorità kontraenti tkun kompletament assigurata (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul tal‑kuntratt kollu u dak li jirriżulta mill-abbozz tal-kuntratt relattiv għal impenn in solidum tal-firmatarji. Fil-fatt, peress li l-għan tal-lott Nru 1 tal-kuntratt kien kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni għall-bini tal-awtorità kontraenti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienu speċifikament ipprovdew li, indipendentement mill-modalitajiet ta’ sottomissjoni tal-offerti, kull assiguratur involut fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt kellu neċessarjament jiffirma in solidum mal-assiguraturi jew mas-sensar potenzjali oħrajn sabiex jiżguraw kopertura kontinwa ta’ 100 % tal-awtorità kontraenti.

    51

    L-argumenti tar-rikorrenti dwar id-differenzi fil-prezz, skont jekk is-solidarjetà hija proposta jew le, huma għalhekk irrilevanti. Fil-fatt, il-kuntratt iffirmat fih tabilħaqq il-klawżola ta’ solidarjetà tal-firmatarji, b’din il-klawżola kienet maħsuba sa mill-bidu, konsegwentement l-offerta ta’ Marsh għandha bilfors għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u r-riskji inerenti ma’ din il-klawżola u l-prezz tal-offerta fl-ebda waqt ma ġie mibdul jew diskuss mill-ġdid minn Marsh.

    52

    Il-Kummissjoni ssostni li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku u li għalhekk din ma kinitx offerta konġunta. L-offerta ta’ Marsh għalhekk ġiet ittrattata bħallikieku sottomessa minn offerent uniku. Fil-ftuħ tal-offerti, il-Kummissjoni ma kkomunikatx isem l-assiguraturi elenkati fl-offerta ta’ Marsh. L-offerti ġew analizzati fuq il-bażi tal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla previsti fl-avviż ta’ kuntratt u konformi mal-proċedura prevista. Peress li l-offerta ta’ Marsh ġejja minn offerent uniku, il-Kummissjoni debitament ivverifikat li Marsh tissodisfa waħedha il-kriterji tal-għażla.

    53

    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-argument imqajjem fir-replika, li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku kien ikun manifestament illegali, issostni li hija bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva u żbaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Belġjan.

    54

    Filwaqt li interpretazzjoni restrittiva tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kellha twassal għaċ-ċaħda taż-żewġ offerti, il-Kummissjoni ppreferiet interpretazzjoni mhux restrittiva, mingħajr ma waqfet tħares biss lejn il-forma legali li fiha kienu strutturati r-rapporti sensar/assiguratur(i), sakemm l-offerti jiggarantixxu r-rispett tal-kuntratt. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li kemm l-assiguraturi u s-sensara jistgħu jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti u li xejn ma jipprojbixxi lil sensar milli jikkompeti bħala offerent uniku. Fi kwalunkwe każ, is-suġġett tal-kuntratt kien il-konklużjoni ta’ kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni li kull assiguratur kellu jiffirma, hekk kif sar fil-kuntratt iffirmat fl-aħħar nett.

    55

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt Belġjan, ir-rikorrenti japplikaw b’mod żbaljat dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt f’dan il-każ. Marsh qatt ma ppretendiet li tiffirma waħedha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni u għall-Kummissjoni qatt ma kien hemm il-kwistjoni li dan jista’ jkun il-każ. Ir-rikorrenti tidher li trid issostni, b’mod żbaljat, li, minħabba li Marsh ippreżentat lilha nnifisha bħala offerent uniku, hija ppreżentat lilha nnifisha bħala assiguratur li jrid jiffirma dan il-kuntratt waħdu. Il-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni biex tikkunsidra li l-offerta ta’ Marsh kienet illegali. Din l-offerta ma hijiex illegali minħabba li sensar ma jistax jiġġustifika minimu ta’ 100000 m2 bħala assigurat. Fil-fatt, l-informazzjoni meħtieġa ma teskludix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konklużjoni ta’ poloz ta’ assigurazzjoni li jinvolvu minimu ta’ 100000 m2 bħala assigurat, għall-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, u l-provvista ta’ servizzi ta’ senserija li jinvolvu minimu ta’ 100000 m2 bħala assigurat, għas-sensara. Fl-aħħar nett, kien ikun loġiku li biss il-kapaċità finanzjarja u ekonomika ta’ Marsh tkun ivverifikata, fir-rigward ta’ offerent uniku. Fil-fatt, kienet Marsh li, bħala tali, iggarantixxiet il-vijabbiltà finanzjarja tal-offerta tagħha. Dan ikun ukoll l-istess approċċ li kien segwit mir-rikorrenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni preċedenti. Fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni ma tkunx f’relazzjoni kuntrattwali diretta mal-assiguraturi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jirrikjedu li l-assiguraturi jiffirmaw l-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    56

    Fir-rigward tal-allegat trattament tal-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta, dan l-argument huwa illoġiku u żbaljat. Huwa stabbilit li Marsh kienet issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku, li l-Kummissjoni eżaminat il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla fuq din il-bażi u attribwiet il-kuntratt lil dan l-offerent uniku. Il-Kummissjoni ma tistax tara kif ir-rikorrenti tista’ tqis li hija ttrattat l-offerta ta’ Marsh bħala offerta konġunta. Sussidjarjament, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jipprovawx il-kuntrarju.

    57

    Fir-rigward tal-argument li l-offerta ta’ Marsh kellha tinkludi l-mudell ta’ ftehim/prokura meħtieġ fil-każ ta’ offerta konġunta, il-Kummissjoni ssostni li l-offerta ta’ Marsh, minn offerent uniku, ma għandhiex tinkludi l-ftehim/prokura ffirmata.

    – Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa fir-replika

    58

    Mingħajr ma tqajjem espliċitament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni madankollu tqis li, bħala riżultat tal-prova prodotta mill-Kummissjoni li l-kuntratt iffirmat fis-27 ta’ Frar 2014 ma’ Marsh u l-assiguraturi jistipula r-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fir-replika jmorru lil hinn mill-motiv uniku tal-bidu kif iddefinit fir-rikors, jiġifieri motiv li jikkonċerna “il-kundizzjoni ta’ solidarjetà prevista mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-każ ta’ offerta konġunta ma’ konsorzju ta’ assiguraturi”.

    59

    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fir-replika tagħha, żviluppat ċerti argumenti ġodda relatati essenzjalment mal-illegalità ta’ parteċipazzjoni ta’ Marsh bħala offerent uniku u l-illegalità tat-trattament mill-Kummissjoni ta’ din l-offerta bħala offerta konġunta.

    60

    Madankollu, hekk kif ġie argumentat b’mod korrett mir-rikorrenti fir-replika u mingħajr ma l-Kummissjoni ma kkonfutat bl-ebda mod fil-kontroreplika, dawn l‑argumenti ġodda jirriżultaw minn informazzjoni li r-rikorrenti ħadet konjizzjoni tagħha biss mill-qari tar-replika u mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali.

    61

    Għalhekk, huwa biss fir-replika li r-rikorrenti saret taf li Marsh kienet ipparteċipat fis-sejħa għal offerti mhux permezz ta’ offerta konġunta ta’ Marsh u ta’ sitt assiguraturi, iżda bħala sensar offerent uniku li jipproponi sitt assiguraturi. Kien biss permezz tal-qari tad-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 2014 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) li r-rikorrenti saret taf bl-iskambji li seħħew wara l-ftuħ tal-offerti, bejn il-Kummissjoni u Marsh, u mbagħad bejn il-Kummissjoni, Marsh u AIG, dwar il-kwistjoni tas-solidarjetà.

    62

    Għalhekk, minkejja li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jiġu interpretati bħala li jinkludu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, taħt l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kontra l-argumenti ġodda ppreżentati mir-rikorrenti fir-replika, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija infondata.

    – Fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku

    63

    Minn naħa, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti pubbliċi kollha ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni jirrispettaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, taħt l-Artikolu 146(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifasslu kriterji tal-għażla ċari u mhux diskriminatorji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regolament Finanzjarju, kull proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi issir permezz tal-iktar kompetizzjoni wiesgħa u li, skont l-Artikolu 111(1), (4) u (5) tal-istess regolament, il-modalitajiet għas-sottomissjoni tal-offerti għandhom jippermettu li jiggarantixxu kompetizzjoni reali, b’kull offerta meqjusa bħala mhux konformi mill-kumitat tal-ftuħ tiġi miċħuda u kwalunkwe offerta konformi tiġi evalwata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fis-sejħa għal offerti. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 113(1) tal-istess regolament jiddisponi li l-uffiċjal awtorizzanti għandu jiddeċiedi lil min għandu jingħata l-kuntratt, b’konformità mal-kriterji ta’ għoti u l-għoti stabbilit minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa għal offerti u r-regoli tal-għoti tal-kuntratti.

    64

    Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni sana u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw f’kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha għandhom jingħataw l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għaldaqstant jimplika li dawn l-offerti jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C‑470/99, Ġabra, EU:C:2002:746, punt 93, u tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑345/03, Ġabra, EU:T:2008:67, punt 143).

    65

    L-offerenti għandhom għalhekk ikunu fuq livell ugwali kemm meta jifformulaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta dawn ikunu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra, EU:C:2001:553, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-awtorità kontraenti hija meħtieġa tiżgura f’kull stadju tal-proċedura, rispett tal-ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, ugwaljanza ta’ opportunità għall-offerenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra, EU:C:2004:236, punt 108; tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra, EU:T:2000:54, punt 164; tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra, EU:T:2005:107, punt 75, u tat-22 ta’ Mejju 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑17/09, EU:T:2012:243, punt 65).

    66

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament, ibbażat fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku.

    67

    Fir-rigward, skont it-termini tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, tal-possibbiltà għal kull sensar li jipparteċipa bħala offerent uniku, din il-possibbiltà tidher kontradetta minn dawn it-termini.

    68

    L-ewwel nett, it-terminu “sensar” effettivament jidher f’ċerti partijiet mis-sejħa għal offerti (fit-Taqsima III.2.3 tal-avviż tal-kuntratt dwar il-kapaċità teknika, fl-anness għall-istedina għall-offerti relattiva għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi bħala kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni u fit-taqsimiet li jirrelataw għall-provvista ta’ informazzjoni għall-approvazzjoni). Madankollu, dawn is-siltiet huma għallinqas komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti.

    69

    Lil hinn minn dawn id-dettalji f’dawn il-passaġġi komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti, it-terminu “sensar” jinstab speċifikament użat fil-kuntest ta’ offerti konġunti (fl-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, dwar l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-kwestjonarju dwar l-offerti konġunti fl-Anness IV għall-istedina għall-offerti u fil-mudell ta’ ftehim/prokura fl-istess anness).

    70

    Għalhekk, jekk it-termini tas-sejħa għal offerti relatati mal-offerti ssottomessi minn offerent uniku ma jeskludux espressament it-terminu “sensar”, dawn lanqas ma jipprovdu għalih. Il-preżenza ta’ dan it-terminu, fil-partijiet tas-sejħa għal offerti komuni għall-offerti ssottomessi minn offerent uniku u għall-offerti konġunti, jidher iktar spjegabbli mill-fatt li s-sensar huwa espliċitament previst li jkun offerent fil-kuntest ta’ offerta konġunta milli mill-fatt li jista’ jkun offerent uniku.

    71

    It-tieni nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ebda dispożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma twaqqaf sensar milli jissottometti offerta għal-lott Nru 1 bħala offerent uniku, jista b’mod raġonevoli jiġi kkontestat.

    72

    Minn naħa, jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-punt 5 tal-istedina għall-offerti, intitolat “Segwitu għas-sottomissjoni tal-offerti” li “l-istedina għall-offerti ma tikkostitwixxi l-ebda impenn min naħa tal-Kummissjoni” u li “[d]an iseħħ biss mal-firma tal-kuntratt mal-offerent magħżul”. Bl-istess mod, il-kliem “fil-każ li l-kuntratt ma jistax jiġi konkluż mal-offerent magħżul” jinstab fl-ewwel paragrafu tat-tielet paġna tad-deċiżjoni kkontestata.

    73

    F’din il-kawża u hekk kif jirriżulta mill-fajl u mill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, l-“offerent magħżul” huwa biss Marsh, bl-esklużjoni ta’ kull persuna oħra.

    74

    Hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni stess fl-iskambji tagħha ma’ Marsh bid-data tat-18 ta’ Diċembru 2013 u tat-12 ta’ Frar 2014, sensar ma jistax ikun l-uniku firmatarju tal-kuntratt għal servizzi kkontestat.

    75

    Sussegwentement, skont l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fil-każ li l-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn diversi assiguraturi in solidum, huma pprovduti biss tliet każijiet ta’ sottomissjoni ta’ offerta, li minnhom wieħed biss jipprovdi għall-preżenza ta’ sensar. Madankollu, din l-aħħar sitwazzjoni hija deskritta bħala li tikkorrispondi għall-“każ ta’ sottomissjoni minn diversi assiguraturi in solidum, li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar”. Għalhekk, il-preżenza ta’ sensar huwa previst biss fil-każ ta’ offerti konġunti.

    76

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-argumenti tal-Kummissjoni, jirriżulta mill-analiżi tat-termini tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li mhux biss is-sitwazzjoni fejn sensar jagħmel offerta bħala offerent uniku ma kinitx prevista, iżda li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala eskluża.

    77

    Il-Kummissjoni stess tammetti wkoll li s-sitwazzjoni ta’ sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku ma kinitx formalment prevista fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Madankollu, hija ssostni li, animata mix-xewqa li tiftaħ il-kuntratt għall-iktar kompetizzjoni wiesgħa possibbli, hija kienet ikkunsidrat li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jeskludu l-offerta ta’ sensar offerent uniku li jkun iriċeva mandati minn diversi assiguraturi li jintrabtu li jiffirmaw u jeżegwixxu l-kuntratt jekk mogħti lilhom. Hija kkunsidrat ukoll, f’dan il-kuntest, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    78

    Fir-rigward tar-referenza għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 121(5) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, għandu jingħad li din id-dispożizzjoni tapplika għall-każ ta’ offerta minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi. Din id-dispożizzjoni tindika li l-awtorità kontraenti ma tistax imbagħad teħtieġ forma legali speċifika għal dan il-grupp. Dan il-każ, madankollu, ma kienx jirrigwarda offerta minn grupp ta’ operaturi ekonomiċi, iżda sensar offerent uniku li huwa l-uniku offerent magħżul tal-kuntratt pubbliku.

    79

    Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mitluba mill-Kummissjoni, li huma ma jipprekludux lis-sensara offerenti uniċi, din mhux biss hija kkontradetta mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, iżda wkoll mill-ekonomija tas-sistema.

    80

    Fil-fatt, is-sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku, stmat possibbli mill-Kummissjoni, għandu implikazzjonijiet differenti f’termini ta’ verifika tal-konformità tal-offerta għal dawk li jirriżultaw minn offerta sottomessa minn kumpannija ta’ assigurazzjoni bħala offerent uniku. Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiżgura li l-offerta tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li tkun tista’ twettaq din il-missjoni.

    81

    Jirriżulta mill-punt 3.4 tal-istedina għas-sottomissjoni tal-offerti li l-evalwazzjoni tal-offerti għandha ssir fi tliet fażijiet u li biss dawk l-offerti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kull fażi tal-evalwazzjoni jistgħu jiġu ammessi għall-fażi li jmiss. L-ewwel u t-tieni fażijiet kellhom bħala għan il-verifika, rispettivament, tal-kriterji ta’ esklużjoni u tal-kriterji tal-għażla tal-offerenti. L-evalwazzjoni tal-offerti u l-għoti tal-kuntratt jaqgħu taħt it-tielet fażi.

    82

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tieni fażi tal-evalwazzjoni dwar il-verifika tal-kriterji tal-għażla, jirriżulta mill-punt 3.4.2 tal-istedina għas-sejħa tal-offerti li l-kumitat ta’ evalwazzjoni huwa marbut jeżamina li l-offerenti jiddisponu, minn naħa, minn kapaċitajiet suffiċjenti, ekonomiċi u finanzjarji, u min-naħa l-oħra, tekniċi u professjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat espressament li kienet ivverifikat kif imiss li l-offerta ta’ Marsh tissodisfa waħedha l-kriterji tal-għażla tas-sejħa għal offerti, li jidher ukoll mill-grad ta’ evalwazzjoni tal-kriterji tal-għażla annessi mal-proċess verbali tal-evalwazzjoni tal-offerti tat-13 ta’ Jannar 2014.

    83

    Madankollu, fir-rigward tal-verifika tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, għandu jiġi nnotat li fil-każ ta’ offerta konġunta, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Anness IV tal-istedina għas-sejħa għal offerti jindikaw li l-informazzjoni għandha tingħata għal kull membru individwali.

    84

    Dan ir-rekwiżit jippermetti li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni, li huma dawk li finalment jassiguraw ir-riskju. Minħabba f’dan ir-rekwiżit, ma huwiex possibbli għas-sensar – espliċitament previst bħala offerent potenzjali bħala parti minn offerta konġunta – li jipprovdi biss l-informazzjoni dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma jiffokax biss fuq is-saħħa ta’ intermedjarju li ma jassigurax ir-riskju kopert.

    85

    Madankollu, fil-każ ta’ offerta sottomessa minn offerent uniku, l-istess dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Anness IV tal-istedina għall-offerti jindikaw biss li l-evalwazzjoni tiffoka fuq il-kapaċità ekonomika u finanzjarja. Issa, fil-każ (sostnut mill-Kummissjoni) tal-ammissjoni ta’ sensar bħala offerent uniku, dan jippermetti – hekk kif ġara f’dan il-każ – li tiġi limitata l-evalwazzjoni għall-informazzjoni relatata biss ma’ dak is-sensar. L-istabbiltà finanzjarja tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li ser ikunu konkretament responsabbli mill-garanzija tar-riskju ma huwiex, fil-liġi, inkluż fil-verifika tal-offerta.

    86

    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Artikolu 147(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, operatur ekonomiku jista’, fejn xieraq u għal xi kuntratt speċfiku, joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabtiet li għandu magħhom, u f’dan il-każ, għandu jipprova lill-awtorità kontraenti li ser ikollu r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq tal-kuntratt, pereżempju billi jipproduċi garanzija mingħand dawk l-entitajiet li jpoġġi r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tal-operatur ekonomiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss jekk l-offerent jixtieq joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn.

    87

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li l-verifika tal-kriterji tal-għażla, li jinkludu l-kapaċità ekonomika u finanzjarja, kienu esklużivament twettqu fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ Marsh.

    88

    Fil-fatt, din l-indikazzjoni, li hija sostnuta mill-provi fil-fajl, ġiet ipprovduta b’mod ċar fil-proċeduri għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:T:2014:1024, punt 72), li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt fil-kuntest tal-appell ippreżentat mill-Kummissjoni (ara l-punt 36, in fine, iktar ’il fuq) u deċiża fid-digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 39 iktar ’il fuq (EU:C:2015:275). Il-Kummissjoni kkonfermat li kienet biss il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ Marsh, u mhux dik tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni mandatarji, li ġiet ivverifikata. Hija indikat li permezz ta’ din is-sejħa għal offerti kienet fittxet li tikkonkludi kuntratt ma’ assiguraturi iżda mingħajr ma jkollha għalfejn tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom. Dan l-approċċ jirriżulta minn għażla deliberata li ma jsirx eżami ekonomiku billi dan ma jirrikjedix prova f’dan ir-rigward, iżda sabiex tiġi adottata attitudni iktar legali, għalhekk ġie mitlub l-impenn tal-offerent li jiġi ssodisfat dan il-kriterju.

    89

    Fil-kontroreplika tar-rikors preżenti, il-Kummissjoni reġgħet ikkonfermat li hija biss il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ Marsh, iżda mhux dik tal-assiguraturi proposti minn Marsh, li għandha tiġi vverifikata bħala parti mill-proċedura tas-sejħa għal offerti.

    90

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ tal-Kummissjoni u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti huma kontradetti mit-termini u mil-loġika stess tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ offerta konġunta li għaliha il-preżenza ta’ sensar huwa previst espressament, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirrikjedu d-dokumenti li jipprovaw il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ kull membru individwali, li jinkludu, għalhekk, il-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jipparteċipaw fl-offerta konġunta. Jekk ir-rieda inizjali tal-Kummissjoni kienet tassew li tiġi limitata l-verifika tal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tas-sensara, hija ma kinitx tirrikjedi, fil-kuntest ta’ offerta konġunta ssottomessa minn sensar, il-produzzjoni ta’ dokumenti dwar il-kapaċità ekonomika u finanzjarja ta’ kull wieħed mill-membri. Barra minn hekk, jekk kumpannija tal-assigurazzjoni kienet issottomettiet offerta bħala offerent uniku, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħha kellha tkun ivverifikata. Għalhekk, huwa biss fil-każ li sensar kien issottometta offerta bħala offerent wieħed li l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-entità li tiggarantixxi r-riskju ma kellhiex tkun ivverifikata. Dan ma josserva la l-ekonomija tas-sistema fl-intier tiegħu u lanqas l-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti.

    91

    Fl-aħħar nett, skont it-termini tas-sejħa għal offerti (ara l-punt II.1.5 tal-avviż tal-kuntratt, il-punt 2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-Artikolu I.1.1 tal-abbozz tal-kuntratt ta’ servizzi), is-suġġett ta’ din is-sejħa għal offerti kien jikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat li kien jirrigwarda kuntratt dirett ta’ assigurazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li filwaqt li ssegwi dan l-objettiv, il-Kummissjoni limitat ruħha tivverifika l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tas-sensar Marsh, mingħajr ma tikkunsidra dik tal-assiguraturi proposti minn din tal-aħħar. Jekk tali attitudni tista’ tiġi spjegata fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti organizzata għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ senserija, dan jidher bħala mhux konformi fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar kuntratt ta’ assigurazzjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni mfittxija mir-Regolament Finanzjarju.

    92

    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-approċċ li ġie segwit fis-sejħa għal offerti qabel is-sejħa għal offerti u l-kuntratt ta’ assigurazzjoni suġġett ta’ din il-kawża, dawn ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    93

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-ammissjoni ta’ sensar biex jipparteċipa fis-sejħa għal offerti bħala offerent uniku jmur kontra kemm id-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti kif ukoll l-ekonomija tas-sistema stabbilita minnu. Il-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni dwar l-għan imfittex li jinżamm livell għoli ta’ kompetizzjoni għall-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti kkontestata, bl-ebda mod ma jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    94

    Barra minn hekk, jidher mill-provi fil-fajl li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali tas-sejħa għal offerti kienet tikkonsisti mill-impenn, minn assiguratur jew assiguraturi, li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti għandha tibbenefika minn kopertura ta’ 100 % tar-riskji previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    95

    Skont il-Kummissjoni, fil-każ – fil-fehma tagħha aċċettabbli – ta’ sensar offerent uniku, dan tal-aħħar għandu jorganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni tal‑kuntratt. Dan l-approċċ kien jimplika, għall-Kummissjoni, li ma tivverifikax jekk il-kundizzjoni ta’ kopertura msemmija fil-punt 94 iktar ’il fuq ġietx issodisfatta billi ffokat biss fuq ir-riżultat tal-verifika u mhux fuq kif din inkisbet.

    96

    F’dan il-każ, fis-sottomissjoni tal-offerta tagħha, Marsh ippreżentat distribuzzjoni tar-riskji bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kopertura ta’ 100 %. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 2014, Marsh informat lill-Kummissjoni li wieħed mill-assiguraturi li ser jieħu sehem fl-offerta tagħha, AIG, kien irrifjuta li jiffirma l-kuntratt. Wara dan it-tluq, Marsh ipproponiet allokazzjoni ġdida ta’ dawn ir-riskji, mingħajr ma jinbidel il-prezz totali tal-offerta magħżula, li jimplika li s-sehem tal-intervent ta’ AIG ser isir, minn naħa, billi jiżdied is-sehem ta’ intervent tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li għad fadal u, min-naħa l-oħra, billi tiġi allokata parti minn dak is-sehem lil żewġ kumpanniji ta’ assigurazzjoni ġodda li ma kinux fost dawk imsemmija oriġinarjament fl-offerta ta’ Marsh.

    97

    Għaldaqstant, meta Marsh kellha, minn naħa, tinnegozja mill-ġdid is-sehem tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li kienu tawha mandat u, min-naħa l-oħra, tinnegozja l-parteċipazzjoni ta’ żewġ assiguraturi ġodda, mhux biss l-offerta kompetitriċi kienet magħrufa, iżda kien hemm iċ-ċertezza tal-għoti tal-kuntratt lil Marsh. Li kieku, fil-mument tal-formazzjoni tal-offerta inizjali u għalhekk mingħajr ma kienu jafu li l-kuntratt kien se jingħata lilhom, il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li taw il-mandat lil Marsh kellhom jassumu iktar ishma, li jfisser riskju ikbar minnhom, huwa probabbli li dawn, skont kull probabbiltà ekonomika, kienu jirrikjedu żieda fir-remunerazzjoni tagħhom. Dan seta’ għalhekk iwassal għal żieda fil-prezz tal-offerta. Bl-istess mod, in-negozjar ta’ sehem fl-offerta miż-żewġ assiguraturi l-ġodda, fi żmien meta la l-prezz u lanqas iċ-ċertezza li jiksbu l-kuntratt ma kienet magħrufa, kienet ukoll ta’ natura tali li twassal għal riżultat differenti li potenzjalment jaffettwa l-prezz totali tal-offerta propost minn Marsh. Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, dawn iż-żewġ kumpanniji ta’ assigurazzjoni ġodda kienu jafu eżattament ir-remunerazzjoni massima li setgħu jiksbu meta taw il-qbil tagħhom lil Marsh.

    98

    Għalhekk, waqt li l-prezz totali tal-offerta magħżula ma kienx effettivament inbidel għall-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ negozjazzjoni bejn l-offerent u l-kumpanniji ta’ assigurazzjoni kienu bla dubju nbidlu.

    99

    Mill-konklużjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammissjoni ta’ sensar li jipparteċipa fis-sejħa għal offerti bħala offerent uniku b’mandat minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni, l-ewwel nett, jagħmel illużorja l-verifika mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-merti ta’ offerta meta mqabbla mal-kundizzjonijiet imposti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-tieni nett, jippermetti lil dan is-sensar jibbenefika, jekk ikun il-każ, minn vantaġġ kompetittiv fuq l-offerenti l-oħra, u t-tielet nett, iwassal għal nuqqsa ta’ ugwaljanza fit-trattament favur sensar offerent uniku meta mqabbel, b’mod partikolari, għal kompetitur li jissottometti offerta konġunta flimkien ma’ assiguratur wieħed jew iktar.

    100

    L-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mill-Kummissjoni bħala li ma jipprekludux lis-sensara offerenti uniċi hija għalhekk kontradetta mhux biss mid-dispożizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, iżda wkoll mill-ekonomija tas-sistema. Għaldaqstant huwa korrett li r-rikorrenti sostniet li l-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku kienet illegali.

    101

    Lil hinn minn din l-istess konstatazzjoni li tirriżulta mit-termini u mil-loġika tas-sejħa għal offerti, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, u kif ikkonstatat mir-rikorrenti fir-replika, il-Kummissjoni barra minn hekk kisritx l-ugwaljanza fit-trattament fl-okkażjoni tal-iskambji tagħha ma’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti.

    – Fuq il-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament fl-okkażjoni ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

    102

    Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha tittratta l-offerenti kollha b’mod ugwali u għandha, għal dak il-għan, tivverifika l-konformità tal-offerti mar-rekwiżiti tal-kuntratt. L-awtorità kontraenti ma tistax taċċetta offerta u tiffirma kuntratt jekk ikollha, jew suppost raġonevolment kellha, raġuni għalfejn temmen li l-offerta li qed teżamina jew li diġà aċċettat ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-kuntratt.

    103

    F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati l-iskambji bejn Marsh u l-Kummissjoni, kif jirriżultaw mill-fajl u, b’mod partikolari, il-provi prodotti mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-11 ta’ Settembru 2014.

    104

    Fil-25 ta’ Ottubru 2013, Marsh issottomettiet l-offerta tagħha lill-Kummissjoni bħala sensar offerent uniku.

    105

    F’din l-offerta hemm l-affidavits ta’ sitt assiguraturi, fejn kull assiguratur jimmanifesta l-qbil tiegħu mal-kontenut tal-offerta ta’ Marsh, jindika l-ishma tal-impenn tiegħu ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni għall-kuntratt u li jikkonforma mat-termini kollha tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, “għal kull parti rispettiva”. F’waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet – minn AIG – kien hemm inkluża n-nota miktuba bl-idejn li ġejja:

    “Bl-eċċezzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà […]. Ma naċċettawx din il-klawżola.” [“except concerning the solidarity clause (anness IV, p. 9, punt 1). We do not accept this clause”].

    106

    Fil-parti teknika tal-offerta tagħha, Marsh indikat li, hija stess (sensar offerent) u l-assiguraturi li pproponiet “[ma] kinux waqqfu grupp lanqas fir-rigward tas-subappalt, b’ċerti modalitajiet li jinstabu fl-Anness IV [tal-istedina għall-offerti] bħar-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi, [ma kinux] japplikaw għal dan il-kuntratt”.

    107

    Permezz ta’ faks tat-13 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-offerta ta’ Marsh. F’dak il-faks, il-Kummissjoni ma kkummentatx jew talbet, fir-rigward tad-dokumenti u tad-dettalji inklużi fl-offerta ta’ Marsh, dwar in-natura tal-impenn tal-assiguraturi.

    108

    Il-Kummissjoni indikat biss lil Marsh li l-offerta tagħha ma kinitx (iżda f’aspetti oħra) tinkludi d-dokumenti kollha meħtieġa u l-informazzjoni mitluba (kapaċità teknika, referenzi preċedenti ta’ assigurazzjoni u ta’ superfiċji assigurati). Marsh ipprovdiet l-informazzjoni mitluba permezz ta’ faks fil-15 u fit-18 ta’ Novembru 2013.

    109

    Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni indikat lil Marsh li l-offerta tagħha kienet teħtieġ informazzjoni addizzjonali.

    110

    F’dan il-faks, il-Kummissjoni indikat li “l-awtorità kontraenti innotat li [t-Taqsima] 3 tal-Anness IV tal-istedina għall-offerti [ma kinitx] applikabbli peress li [ma tikkonċernax] offerta konġunta jew offerta ssottomessa minn grupp ta’ impriżi”.

    111

    Il-Kummissjoni indikat li l-awtorità kontraenti rreġistrat uffiċjalment li l-offerta ta’ Marsh tipproponi kopertura ta’ 100 % tar-riskji garantiti, iżda li kienet ġiet skoperta inkonsistenza fir-rigward tal-pro rata tal-interventi taż-żewġ assiguraturi. Għall-iskop li tiġi korretta din l-inkonsistenza, il-Kummissjoni talbet lil Marsh tibgħat il-mandati korretti kkontrofirmati mill-assiguraturi differenti bl-inklużjoni tas-sehem ta’ kull wieħed minnhom.

    112

    Fl-okkażjoni ta’ din il-korrezzjoni – u dan b’mod li huwa iktar rilevanti direttament għall-każ preżenti – il-Kummissjoni talbet lil Marsh biex “tikkonferma li r-riskji li għandhom jiġu assigurati jkunu koperti 100 % taħt ir-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi kollha involuti skont l-aħħar paragrafu tal-paġna 1 tal-abbozz tal-kuntratt qafas”.

    113

    Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Novembru 2013, Marsh wieġbet, “li tixtieq li jkun ippreċiżat li dan l-abbozz tal-kuntratt qafas ifisser ir-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi kollha involuti” (korsiv miżjud minn Marsh).

    114

    Marsh indikat li, “kont meħud tal-prattiki fl-assigurazzjoni fil-każ ta’ offerti li jinvolvu assiguratur prinċipali u koassiguraturi, il-fehim [tagħha] ta’ dan il-kunċett huwa li l-koassiguraturi kollha magħżula jawtorizzaw lill-assiguratur prinċipali li jaġixxi f’isimhom għall-operazzjonijiet kollha relatati mal-kuntratt”. Marsh indikat li “dan jinkludi, fost oħrajn, id-dikjarazzjonijiet, il-modifiki, in-notifiki ta’ inċidenti, in-negozjar, ir-regolamentazzjoni u l-kumpens relatati mal-inċident u l-ispejjeż relatati, kull azzjoni legali u l-eżerċizzju ta’ kull dritt ta’ surroga u ta’ rikors” u li “[huwa] inkluż ukoll li l-koassiguraturi kollha awtomatikament u b’mod permanenti jsegwu kull deċiżjoni meħuda jew azzjoni meħuda mill-assiguratur prinċipali permezz tal-kunsens unanimu tal-assiguraturi kollha tal‑kuntratt”. Marsh għalhekk talbet lill-Kummissjoni tikkonfermalha li dan il-ftehim kien korrett.

    115

    Permezz ta’ faks tat-2 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni indikat li “tixtieq tagħmel il-preċiżazzjonijiet li ġejjin sabiex twieġeb il-mistoqsijiet” ta’ Marsh, u għamlet dan hekk kif ġej:

    “Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kontraenti futur ser ikun marbut minn obbligu li jikkonsisti fil-provvista ta’ assigurazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt.

    F’dan il-kuntest, huwa l-offerent li għandu jorganizza l-modalitajiet prattiċi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jista’ b’mod partikolari jinkludi l-mezzi deskritti fl-ittra tiegħek.

    F’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ solidarjetà, nirreferik għad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (iktar ’il quddiem).

    Kif tista’ tikkonstata, dan l-artikolu ma jimponix rekwiżiti speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ ġesjoni tal-kuntratt min-naħa tal-assiguraturi prinċipali, tas-sensara u tal-koassiguraturi.

    ‘5.1 Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-eżekuzzjoni tal-kuntratt jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt skont l-Artikolu 1.2.1 tal-abbozz tal-kuntratt.

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati minn assiguratur prinċipali in solidum, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur. F’dan il-każ, l-offerent jiggarantixxi li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt; sakemm, fil-każ li l-offerent huwa assiguratur prinċipali, dan tal-aħħar iservi bħala punt ta’ kuntatt għall-awtorità kontraenti u ta’ amministratur tal-kuntratt waqt l-eżekuzzjoni tiegħu.

    Fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar . F’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntrat. F’dan il-każ, is-sensar iservi bħala punt ta’ kuntatt għall-awtorità kontraenti u ta’ amministratur tal-kuntratt waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Is-sensar jitħallas direttament mill-assiguratur jew mill-assiguraturi. Is-sensar jista’ jirċievi ħlasijiet ta’ primjums u jservi ta’ intermedjarju għar-rimborż ta’ inċidenti.’

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistiednek tikkonferma l-konformità mal-klawżola tas-solidarjetà kif iddefinita iktar ’il fuq u fl-ewwel parti tal-abbozz tal-kuntratt qafas”(enfasi u korsiv miżjuda mill-Kummissjoni).

    116

    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Diċembru 2013, Marsh indikat li kienet “sfortunatament […] f’dan l-istadju għadha mhux ċerta mill-impenn li [l-Kummissjoni] titlobha tipproduċi” rigward il-kwistjoni tar-responsabbiltà in solidum tal-assiguraturi.

    117

    Marsh żiedet tgħid li “l-kwistjoni kienet wisq importanti sabiex ma tieħux il-ħin neċessarju għal fehim perfett – minn naħa u minn oħra – tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li [hija kellha] tikkonforma magħhom”. Marsh talbet għal laqgħa biex “jiddiskutu [l]-fehim reċiproku ta’ din il-klawżola ta’ solidarjetà” u indikat li din il-laqgħa “[kienet] ser tiġi immedjatament segwita mit-tweġiba definittiva [tagħha] […] dwar dan l-impenn u [tippermettilha] bla dubju li tiċċara l-kunċetti li bħalissa [kienu qed iwaqqfuha] milli tipprovdi tweġiba [lill-Kummissjoni]”.

    118

    Marsh kompliet bil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

    “Nixtieq infakkar, kif diġà ppreċiżat fit-talba tagħna tat-28 ta’ Novembru 2013, il-fatt li Marsh issottomettiet l-offerta tagħha biss bħala sensar, mingħajr grupp, konsorzju jew offerta konġunta ma’ assiguratur wieħed jew iktar (li huma nfushom ma jikkostitwixxux grupp). Dan il-prinċipju li kien rikonoxxut mill-faks tiegħek tas-27 ta’ Novembru 2013, ma jinstabx fl-Artikolu 5.1 tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, li għalihom tirreferi fl-aħħar faks tiegħek (l-ebda wieħed mill-każijiet deskritti ma jaqbel mar-realtà tal-offerta tagħna), meta din is-sejħa għal offerti hija fil-fatt miftuħa għall-assiguraturi u għas-sensara.

    Is-sottomissjoni ta’ offerta minn Marsh bħala offerent uniku, sostnuta mill-impenji min-naħa tal-assiguraturi għal kopertura sa 100 %, ma jeħtieġx u ma jidentifikax f’għajnejna lil grupp fis-sens tal-Artikolu 5.1, peress li din tirrikjedi offerta konġunta tal-membri kollha tal-grupp li hekk isiru kollha flimkien offerenti b’impenn in solidum.

    Din id-distinzjoni, jidhrilna, għandha impatt fuq in-neċessità ta’ konferma jew le tal-impenn ta’ solidarjetà minn naħa tal-assiguraturi.

    Aħna rridu wkoll nifhmu aħjar jekk Marsh, l-uniku offerent, huwiex ikkunsidrat bħala (uniku?) kontraenti, peress li d-definizzjoni ta’ kontraenti tirreferi għall-“kumpannija jew għall-impriża ta’ assigurazzjoni li magħhom jidħlu f’kuntratt”. Jew, għall-kuntrarju, tikkunsidra li l-(uniku) offerent lanqas ma huwa kokontraenti (minħabba li huwa sensar), li jidher li jkun iktar kumpless legalment?

    Fl-aħħar nett, dwar dan il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum, li jirrigwardha speċifikament, peress li pereżempju minħabba fl-Artikolu 47 tal-Liġi ta’ verifika tad-9 ta’ Lulju 1979 (kif emendat) (traspożizzjoni tad-direttivi Ewropej), il-[Financial Services and Markets Authority] tista’ b’xi mod timponi miżuri ta’ konsolidazzjoni li jaffettwaw id-drittijiet ta’ terzi (kredituri ta’ assiguratur). Meta wieħed iqis is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ assiguratur Belġjan, il-[Financial Services and Markets Authority] tista’ timponi miżuri ta’ konsolidazzjoni li jaffettwaw l-impenn ta’ solidarjetà pereżempju minħabba li impenn ta’ solidarjetà jipperikola l-impenji regolari u speċifiċi tal-assiguratur.”

    119

    Permezz ta’ faks tat-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni wieġbet li l-organizzazzjoni tal-laqgħa mitluba ma kinitx possibbli għaliex dan it-tip ta’ kuntatt ma kienx permess u indikat li “fir-rigward [tal-]mistoqsijiet ta’ [Marsh] dwar ir-responsabbiltà in solidum […], [hija] setgħat tagħmel il-kjarifiki li ġejjin”:

    “Għandu jiġi mfakkar li s-suġġett tas-sejħa għal offerti hija l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għal kull lott tal-kuntratt, skont il-modalitajiet previsti fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti. Dan jikkonċerna kuntratti ta’ assigurazzjoni diretti li jkopru l-assi jew ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kontraenti mill-firma tagħhom, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn tal-firma sussegwenti ta’ polza tal-assigurazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jipprevedi li “l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt skont l-Artikolu 1.2.1 tal-abbozz tal-kuntratt.

    Issa li jiġi rikjest minn sensar uniku l-firma ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni f’ismu mingħajr l-impenn in solidum tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni jmur lil hinn mill-portata tal-impenji li sensar huwa legalment kapaċi jassumi. Din hija r-raġuni li ddeterminat li sitwazzjoni bħal din ma hijiex prevista f’dan il-kuntratt.

    Għal din ir-raġuni d-dokumenti għas-sejħa għal offerti għandhom jipprevedu li l-kuntratti għandhom jiġu ffirmati mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni u possibilment mis-sensar, skont il-modalitajiet previsti fil-punt 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-firmatarji tal-kuntratt hija responsabbiltà konġunta kif prevista fil-mudell ta’ kuntratt anness mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    Kif diġà indikat fil-faks tagħna tas-27 ta’ Novembru 2013, huwa l-offerent li jorganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni kuntrattwali, kif ukoll it-tqassim tar-rwoli bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni differenti biex jiżgura l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt. Għalhekk, il-kontraent(i) futur(i) huma suġġetti għal obbligu ta’ riżultat li jikkonsisti fil-provvista ta’ assigurazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt. F’dan il-kuntest, is-solidarjetà tippreżenta garanzija addizzjonali għall-awtoritajiet kontraenti fil-każ ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt mingħajr ma dan ikollu bħala konsegwenza li jimponi fuq il-firmatarji tal-kuntratt obbligi kuntrattwali oħra dwar l-eżekuzzjoni tiegħu.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistiednek tikkonferma l-konformità mal-klawżola ta’ solidarjetà kif definita fid-dokumenti għas-sejħa għal offerti u b’mod partikolari l-ewwel paġna tal-abbozz tal-kuntratt qafas, li huwa kkjarifikat iktar ’il fuq.

    Barra minn hekk, ninnota li fl-ittra tiegħek tippreċiża li tiddisponi minn mandati minn assiguraturi li jikkonfermaw il-kopertura ta’ 100 %. Nitolbok tibgħatilna dawn il-mandati.”

    120

    Permezz ta’ faks tal-24 ta’ Diċembru 2013, Marsh wieġbet kif ġej:

    “Fid-dawl tal-punti ta’ kjarifika f’dan il-faks, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-garanzija addizzjonali li tirrappreżenta għall-awtoritajiet kontraenti s-solidarjetà fil-każ ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-kuntratt, mingħajr ma din kellha bħala konsegwenza li timponi fuq il-firmatarji tal-kuntratt obbligi oħra rigward l-eżekuzzjoni tagħha, aħna nikkonfermawlek permezz ta’ dan il-faks kopertura ta’ 100 %.

    Għal din ir-raġuni, nannettu bħala anness il-mandati ffirmati mill-assiguraturi li jikkonfermaw, flimkien, il-kopertura ta’ 100 %, kull wieħed minnhom għall-parti tiegħu. Is-“sovrapożizzjoni” ta’ 6 mandati ffirmati tikkonferma sewwa l-kopertura ta’ 100 % għat-tul tal-kuntratt.

    F’din l-istruttura (bħala tfakkira, identika għal dik fis-seħħ fil-kuntest tal-kuntratt interistituzzjonali attwali), Marsh għalhekk issottomettiet offerta komposta minn 6 assiguraturi li għandhom ishma fil-forma ta’ koassigurazzjoni fi gradi li ddefinejna b’mod ċar fl-iskema li tinstab fuq il-mandati ffirmati.

    Ġie wkoll ippreċiżat li dawn l-assiguraturi ma humiex ikkostitwiti fi grupp ma’ Marsh, u lanqas bejniethom.

    Peress li ma jikkostitwixxux grupp, l-assiguraturi jiddikjaraw li jikkonformaw mat-termini kollha tal-kuntratt, għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxu (‘I declare that xxx will comply with all the terms of the tender specifications, for the part of the contract xxx will perform’).

    Fil-fehma tagħna dawn id-dikjarazzjonijiet iwieġbu għat-talbiet għal garanzija tal-awtoritajiet kontraenti dwar l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt, iżda madankollu jiddispjaċina li minkejja l-isforzi reċiproċi ta’ ftehim u kjarifika, dan ma jippermettilnix li nkunu kompletament konvinti li nissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kuntratt, sakemm is-solidarjetà in solidum, fis-sens li forsi inti tixtieq tagħtiha, ma hijiex rikonoxxuta mill-assiguraturi. Dan jista’ tabilħaqq jimplika li kull assiguratur mhux ser jintrabat biss għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi, iżda ser jintrabat għal 100 % ta’ dan, li jmur kontra l-prinċipju ta’ koassigurazzjoni, peress li l-kopertura għandha tiġi ggarantita sa 100 %, u mhux sa 600 %.

    Sabiex jinkiseb l-għan imsemmi minnek billi jiġi impost impenn in solidum bejn l-assiguraturi, nixtiequ nikkonfermawlek li ġie mitlub u aċċettat minn kull assiguratur li jimpenjaw ruħhom għall-eżekuzzjoni tas-sehem tagħhom sa 100 %. Għalhekk, ma għandekx la fil-fatt jew fid-dritt, titlob is-solidarjetà.

    Nirringrazzjawk bil-quddiem għall-kjarifika finali tiegħek fuq dan il-punt.”

    121

    Permezz ta’ faks tat-8 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni rringrazzjat lir-rikorrenti għall-kjarifiki u għall-provi prodotti fl-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013 u talbet, fit-termini li ġejjin, il-preċiżazzjonnijiet li ġejjin:

    “Min-naħa l-oħra, kif ippreċiżat iktar ’il fuq, l-impenn tal-kumpannija tiegħek u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li l-mandati tagħhom ġew inklużi mal-offerta tiegħek għandu jkun irreġistrat uffiċjalment mill-firma tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni annessa mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    Il-fatt li l-offerta tkun ġiet issottomessa b’mod individwali jew minn grupp ta’ offerenti ma hijiex rilevanti f’dan l-istadju, peress li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni għandhu neċessarjament jiġi ffirmat mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jikkonfermaw permezz tal-mandat tagħhom l-eżekuzzjoni fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt. Fid-dawl tal-ittra tiegħek, ma jirriżultax b’mod ċar jekk dan ikun il-każ.

    Konsegwentement, nistedinkom tikkonfermaw li, fil-każ ta’ għoti tal-kuntratt l-impenn kuntrattwali ser jiġi ffirmat kemm mill-kumpannija tiegħek, kif ukoll mill-koassiguraturi inklużi fl-offerta tiegħek.”

    122

    Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Jannar 2014, Marsh wieġbet fit-termini li ġejjin:

    “[N]ikkonfermawlek li f’każ ta’ għoti ta’ kuntratt, Marsh u l-koassiguraturi inklużi fl-offerta tagħna (u li l-mandati tagħhom kienu kkonfermati mill-ġdid fl-ittra tagħna tal-24 ta’ Diċembru 2013) se jiffirmaw il-kuntratt ta’ servizzi inkluż mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, sakemm l-offerta inizjali tagħna, il-mandati li huma parti minnha u d-dokumenti differenti ta’ kjarifika li huma komplementari, b’mod partikolari r-responsabbiltà in solidum, jagħmlu parti integrali mill-komponenti tal-kuntratt.

    Preċiżament għal dak li jikkonċerna l-paġna 1 ta’ dan il-kuntratt, stajt tinnota mill-iskambji preċedenti tagħna li l-assiguraturi jiddikjaraw fil-mandati annessi mal-offerta tagħna, li huma jikkonformaw mat-termini kollha tal-kuntratt, għall-parti tal-kuntratt li huma ser jeżegwixxu (‘I declare that xxx will comply with all the terms of the tender specifications, for the part of the contract xxx will perform’).

    Fit-tama li din it-tweġiba ssodisfat l-aspettattivi tiegħek, nitolbok taċċetta, l-espressjoni tal-ogħla stima tagħna.”

    123

    Fil-proċess verbali tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2014, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li, fid-dawl tat-tweġibiet kollha, Marsh issodisfat il-kriterji ta’ nuqqas ta’ esklużjoni u ta’ għażla indikati fl-avviż tal-kuntratt. Fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li Marsh kienet ipprovdiet il-preċiżazzjonijiet u d-dokumenti mitluba, u li l-offerta tagħha għal-lott Nru 1, kif iċċarat mill-offerent, kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tikkwalifika għall-evalwazzjoni finanzjarja.

    124

    Fit-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    125

    Jirriżulta, madankollu, mid-deskrizzjoni iktar ’il fuq tal-iskambji bejn Marsh u l-Kummissjoni li din tal-aħħar ma seta’ kellha l-ebda dubju dwar il-fatt li l-offerta ta’ Marsh, tal-25 ta’ Ottubru 2013, ma kinitx ifformata – u għalhekk lanqas f’dak li jirrigwarda l-ammont – fuq il-bażi ta’ impenn in solidum, jiġifieri ta’ impenn ta’ kull assiguratur li jipprovdi, skont il-każ, il-kopertura ta’ assigurazzjoni sħiħa.

    126

    Mhux iktar tard mir-riċezzjoni tal-faks ta’ Marsh tal-24 ta’ Diċembru 2013 (ara l-punt 120 iktar ’il fuq) u ħafna iktar wara dik tal-messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Jannar 2014 (ara l-punt 122 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-offerta ta’ Marsh kienet tinkludi b’mod konkret, mill-ammissjoni ta’ din tal-aħħar, responsabbiltà konġunta tal-assiguraturi, kull wieħed għas-sehem tiegħu. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkonstata li l-offerta ta’ Marsh ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-kuntratt u tikkonkludi li jekk tiffirma l-kuntratt ma’ Marsh dan jimplika ksur tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-offerent l-ieħor.

    127

    Fl-aħħar nett, il-fatt li, wara l-irtirar ta’ AIG u s-sostituzzjoni tagħha minn żewġ assiguraturi oħra, il-kopertura ta’ assigurazzjoni pprovduta mill-kuntratt iffirmat bejn il-Kummissjoni, Marsh u l-assiguraturi li fl-aħħar nett ġew proposti minn Marsh kien jinkludi l-impenn ta’ solidarjetà ta’ dawn l-assiguraturi bl-ebda mod ma jikkontesta l-konklużjoni tal-punt 126 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, dawn l-iżviluppi jikkonfermaw biss dak li jirriżulta diġà mill-iskambji preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata.

    128

    Għandu jiġi enfasizzat li dak li huwa importanti għal dan ir-rikors ma huwiex li l-kopertura ta’ assigurazzjoni minn Marsh u l-assiguraturi għandha, minħabba f’dawn l-iżviluppi, is-solidarjetà meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mingħajr bdil fil-prezz fl-offerta ta’ Marsh tal-25 ta’ Ottubru 2013, iżda li l-offerta ta’ Marsh, kif issottomessa, ma tipprovdix għal din is-solidarjetà u għalhekk ma kinitx ġiet stabbilita konformement mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    129

    Fir-rigward tal-invokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ ċerti ċirkustanzi mhux tas-soltu, b’mod partikolari l-preżenza fuq il-mandat ta’ AIG evokat fil-punt 105 iktar ’il fuq ta’ nota miktuba bl-idejn (“Bl-eċċezzjoni tal-klawżola ta’ solidarjetà […]. Ma naċċettawx din il-klawżola.”) u li sussegwentment intbagħat mandat ulterjuri ta’ AIG li ma jinkludix din l-indikazzjoni (ara l-punt 120 iktar ’il fuq), dan ma huwiex ta’ natura tali li ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħatx tieħu żball fir-rigward tal-assenza ta’ solidarjetà fl-offerta ta’ Marsh.

    130

    Fil-fatt, jekk huwa minnu li, fuq talba tal-Kummissjoni, Marsh imbagħad bagħtet mandat ta’ AIG li ma kienx għadu jinkludi l-kliem miktuba bl-idejn, jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar mandat baqa’ jistipula limitu fl-impenn finanzjarju tal-assiguratur u l-fatt li l-assiguratur impenja ruħu li josserva t-termini tal-offerta “għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi” (for the part of the contract it will perform). Għalhekk, is-sempliċi tneħħija tal-kliem miktubin bl-idejn imsemmija fil-punt 129 iktar ’il fuq ma jimplikax li AIG irrinunzjat milli teskludi s-solidarjetà.

    131

    Barra minn hekk u saħansitra b’mod iktar sinjifikattiv, dan il-mandat ta’ AIG mingħajr il-kliem miktubin bl-idejn (kif ukoll il-ħames mandati l-oħra, ifformulati fl-istess termini, ta’ ħames assiguraturi oħra proposti minn Marsh) kien anness mal-ittra ta’ Marsh tal-24 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, din l-ittra, kif jirriżulta mill-kliem tagħha (ara l-punt 120 iktar ’il fuq), espliċitament eskludiet is-solidarjetà tal-assiguraturi. Matul il-qari ta’ din, il-Kummissjoni ma seta’ kellha l-ebda dubju raġonevoli fuq dan il-punt. Fuq kollox, is-soppressjoni tal-kliem miktubin bl-idejn, li toħloq uniformità fil-formulazzjoni tal-mandati kollha tal-assiguraturi proposti minn Marsh (li kollha nkludew referenza għall-impenn tal-assiguraturi “kull wieħed għall-parti tal-kuntratt li ser jeżegwixxi”) kellu, flimkien mat-termini tal-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013, iktar u iktar jikkonvinċi lill-Kummissjoni li hija kienet qed tiffaċċja diffikultà rigward l-offerta ta’ Marsh, fir-rigward tas-solidarjetà.

    132

    Fl-aħħar nett, wara l-ittra tal-24 ta’ Diċembru 2013, il-messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Jannar 2014 (ara l-punt 122 iktar ’il fuq) seta’ biss jikkonferma lill-Kummissjoni r-realtà tal-assenza ta’ solidarjetà mill-assiguraturi fl-offerta ta’ Marsh. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħatx tinjora li din l-offerta ma kinitx konformi u li kienet stabbilita fuq il-bażi ta’ impenn finanzjarju li ma humiex relatati ma’ dawk tal-offerta tar-rikorrenti. Għalhekk huwa manifest li bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minflok ma l-Kummissjoni kkonstatat in-nuqqas ta’ konformità tal-offerta ta’ Marsh u eskludietha, kompliet bl-iskambji tagħha ma’ din l-impriża u adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    133

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament huwa fondat.

    Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba fil-bidla fl-offerta ta’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

    134

    Ir-rikorrenti ssostni li l-kompożizzjoni tal-konsorzju fformat minn Marsh inbidlet wara l-ftuħ tal-offerti. Fil-fatt, mill-inqas wieħed mill-assiguraturi, jiġifieri AIG, li kien irrifjuta li jintrabat in solidum għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, kien ġie eskluż.

    135

    Din il-bidla fil-kompożizzjoni tal-konsorzju fformat minn Marsh wara l-ftuħ tal-offerti ma tistax tiġi deskritta bħala “preċiżjoni” fuq il-kontenut tal-offerta jew “korrezzjoni ta’ żball materjali” fis-sens tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti, moqri flimkien mal-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju u mal-Artikolu 160 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, meta awtorizzatha.

    136

    Fl-aħħar nett, huwa manifest li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità fl-għoti tal-kuntratt, il-proċedura amministrattiva setgħat twassal għal riżultat differenti. Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni ċaħdet l-offerta ta’ Marsh bħala mhux konformi, il-kuntratt kien jingħata lir-rikorrenti għaliex kienet l-unika impriża oħra li ssottomettiet offerta għal dan il-kuntratt u l-offerta tagħha kienet konformi.

    137

    Fir-replika, ir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ provi ġodda, argumentat li l-bidliet illegali fl-offerta ta’ Marsh kienu tlieta.

    138

    L-ewwel nett, l-identità tal-assiguraturi li taw mandat lil Marsh u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ma kinux sempliċi modalità prattika fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Is-sostituzzjoni ta’ AIG b’assiguraturi oħra wara l-ftuħ tal-offerti jikkostitwixxi bidla illegali tal-offerta.

    139

    It-tieni nett, għalkemm il-prezz totali tal-offerta ta’ Marsh ma tbiddilx, il-kundizzjonijiet ta’ negozjati bejn Marsh u l-assiguraturi eżistenti u ġodda probabbilment kellhom ikunu differenti minn dawk eżistenti qabel is-sottomissjoni tal-offerta minħabba li, minn naħa, il-prezz propost mir-rikorrenti issa kien magħruf u, min-naħa l-oħra, l-assiguraturi kellhom iċ-ċertezza li l-kuntratt kien ser jingħata lil Marsh. B’dan il-mod, l-esklużjoni ta’ AIG u l-proposta ta’ tqassim ġdid tal-ishma fost l-assiguraturi kien wassal għal vantaġġ kompetittiv f’dak li jirrigwarda lil Marsh.

    140

    It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet ippermettiet lil Marsh li “tikkonverti” l-offerta tagħha ssottomessa b’mod illegali bħala offerent uniku mingħajr solidarjetà f’offerta konġunta b’solidarjetà. Sa fejn l-assiguraturi kienu espliċitament irrifjutaw kull solidarjetà u kienu impenjaw ruħhom biss għall-parti tagħhom tal-kuntratt, il-Kummissjoni ma setgħatx tikkuntattja lil Marsh biex titlob “kjarifiki” jew “korrezzjonijiet” iktar tard.

    141

    Bl-aċċettazzjoni ta’ dokumenti u ta’ bidliet sostanzjali fl-offerta ta’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti, il-Kummissjoni kisret ir-regola fundamentali li l-għoti ta’ kuntratt isir fuq il-bażi ta’ offerti ssottomessi fit-terminu previst u mhux fuq il-bażi ta’ elementi sussegwenti.

    142

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti.

    143

    L-ewwel nett, Marsh ippreżentat lilha nnifisha bħala sensar offerent uniku u mhux bħala konsorzju. Għalhekk ma kienx hemm “bdil fil-konsorzju”.

    144

    It-tieni nett, il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u l-offerenti (kemm Marsh kif ukoll ir-rikorrenti) qabel id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt kienu ttieħdu b’rispett sħiħ tar-regolamenti applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fir-rigward ta’ Marsh, dawn kienu jikkonsistu f’talbiet sabiex jiġu kompluti d-dokumenti ta’ sostenn li jirrigwardaw il-kriterji tal-għażla, jiġu korretti żbalji materjali misjuba u jiġu pprovduti kjarifiki dwar il-konformità ma’ ċerti obbligi taħt l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, f’konformità sħiħa mal-Artikolu 158(3) u mal-Artikolu 160(3) tar‑Regolament ta’ implementazzjoni. Ma seħħ l-ebda bidla fit-termini tal-offerta ta’ Marsh – kopertura ta’ 100 % tar-riskji previsti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u prezz tal-offerta.

    145

    It-tielet nett, wara l-għoti tal-kuntratt u anki wara li ntbagħtu għall-firma lil Marsh żewġ kopji tal-abbozz tal-kuntratt, AIG, li kienet waħda mill-assiguraturi li inizjalment taw mandat lil Marsh għall-kuntratt u assiguratur fi grupp mar-rikorrenti, kienet irrifjutat li tiffirma hekk kif previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Iżda, kuntrarjament għal dak li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, l-ebda assiguratur ma kien “eskluż” mill-Kummissjoni jew minn Marsh. Huwa l-assiguratur stess li kien irrifjuta li jiffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    146

    Il-Kummissjoni tafferma li kienet Marsh, li kienet għamlet offerta tagħha bħala sensar offerent uniku, li kellha torganizza l-modalitajiet prattiki ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt, kif ukoll it-tqassim tar-rwoli bejn il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni differenti biex jiżguraw l-eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratt, bi kwalunkwe bidla fit-termini ta’ din l-offerta tagħha tkun eskluża. Marsh kienet ukoll ipproponiet (u l-Kummissjoni aċċettat) is-sostituzzjoni ta’ AIG mill-assiguraturi l-oħra li diġà kienu tawha l-mandat tagħha u minn żewġ assiguraturi ġodda. Il-kuntratt ta’ assigurazzjoni seta’ għalhekk ikun iffirmat fis-27 ta’ Frar 2014.

    147

    F’dan ir-rigward, kien hemm lok ta’ insistenza fuq il-fatt li s-sostitizzjoni ta’ AIG ma wassal għall-ebda bidla fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt jew fit-termini tal-offerta inizjali ta’ Marsh, li huwa pprojbit taħt l-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju, peress li Marsh kienet issottomettiet l-offerta tagħha bħala offerent uniku, li kienet issodisfat waħedha l-kriterji tal-għażla tal-kuntratt, li t-termini tal-offerta tagħha (kopertura ta’ 100 % u prezz) ma kinux tbiddlu u li l-kuntratt iffirmat minnha u mill-assiguraturi kien konformi b’mod sħiħ (u identiku) għall-abbozz tal-kuntratt inkluż fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    148

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, anki wara l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt, l-offerent li ngħata l-kuntratt huwa marbut bl-obbligu li jeżegwixxi dan skont l-offerta tagħha u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Jekk wieħed mill-assiguraturi firmatarji tal-kuntratt jirtira jew jonqos, l-offerent magħżul ikun obbligat li jipproponi lill-Kummissjoni alternattiva li ma tibdilx l-offerta tiegħu u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Ir-rikorrenti stess tipprovdi fl-offerta tagħha, f’każ ta’ sostituzzjoni tal-assiguratur li jagħmel parti mill-grupp tagħha, li “[f’]każijiet fejn l-assiguratur, għal raġuni indipendenti mir-rieda tiegħu, ixolji l-polza, Vanbreda ser tagħmel kull sforz sabiex il-kopertura tista’ tiġi ggarantita skont il-kundizzjonijiet maqbula inizjalment”.

    149

    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-argument li kienet illegalment biddlet l-offerta ta’ Marsh fi tliet aspetti (identità u ishma tal-assiguraturi, natura tal-offerta), tirreferi għar-risposta fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet li ġejjin. Fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ wieħed mill-assiguraturi, dan sar mingħajr bdil tat-termini tal-offerta (kopertura ta’ 100 %, impenn in solidum tal-assiguraturi u tal‑prezz). Fir-rigward tal-ishma, dawn jaqgħu taħt ir-relazzjonijiet interni bejn l-assiguraturi li taw mandat lil Marsh għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u mhux mill-kuntratt innifsu. Fir-rigward tal-allegata konverżjoni tal-offerta unika mingħajr solidarjetà f’offerta konġunta b’solidarjetà, il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha dwar l-assenza ta’ konverżjoni.

    150

    Skont l-Artikolu 112(1) tar-Regolament Finanzjarju, matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti jseħħu f’kundizzjonijiet li jiżguraw it-trasparenza u l-ugwaljanza fit-trattament. Dawn ma jwasslu għall-bdil la tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u lanqas tat-termini tal-offerta inizjali.

    151

    Skont l-Artikolu 160 tar-Regolamenti ta’ implementazzjoni, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti u l-offerenti huma awtorizzati eċċezzjonalment matul il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti. Wara l-ftuħ tal-offerti, fil-każ fejn offerta tagħti lok għal talbiet għal kjarifika jew jekk ikun hemm korrezzjoni ta’ żbalji materjali fl-abbozzar tal-offerta, l-awtorità kontraenti tista’ tieħu l-inizjattiva ta’ kuntatt mal-offerent, għalkemm tali kuntatt ma jistax iwassal għal bidla fil-kundizzjonijiet tal-offerta.

    152

    F’dan il-każ, jirriżulta mill-provi eżaminati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku li l-kuntatti stabbiliti bejn Marsh u l-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-offerti, b’mod partikolari kienu jirrigwardaw il-kundizzjoni ta’ solidarjetà, li hija kundizzjoni essenzjali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    153

    Dawn il-kuntatti werew li l-offerta ta’ Marsh tal-25 ta’ Ottubru 2013 ma kinitx, essenzjalment, tinkludi l-impenn in solidum previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li, konsegwentement, il-prezz tal-offerta ta’ Marsh ma setax ikun ikkunsidrat bħala stabbilit fuq bażijiet konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt.

    154

    Filwaqt li l-Kummissjoni kellha immedjatament tiġbed il-konsegwenzi minn dan u ma tagħtix il-kuntratt lill Marsh, iktar u iktar, f’dan il-każ, fejn l-għoti sar lill-offerta li toffri l-iktar prezz baxx, il-Kummissjoni xorta pproċediet b’dan l-għoti. Wara r-rifjut ta’ assiguratur li jassumi s-solidarjetà u jiffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, dan l-assiguratur ġie issostitwit minn żewġ assiguraturi ġodda, it-tqassim tal-ishma inbidel mill-ġdid u l-kuntratt ġie finalment iffirmat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, Marsh u seba’ assiguraturi.

    155

    Il-Kummissjoni tirreferi, sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, għall-obbligu tal-offerent magħżul li jipproponilha, fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ rtirar minn wieħed mill-assiguraturi firmatarji tal-kuntratt, alternattiva li ma għandha bżonn tagħmel l-ebda bidla lill-offerta u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    156

    Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li, f’dan il-każ, ma kienx irtirar jew nuqqas ta’ assiguratur wara l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, liema rtirar jew nuqqas effettivament jobbliga, kuntrattwalment, lill-offerent magħżul isib soluzzjoni sabiex tkun żgurata l-kontinwità tas-servizzi kuntrattwali, iżda rtirar li seħħ wara l-iffirmar tal-kuntratt, li għalhekk kien suġġett għar-regoli ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti.

    157

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kuntatti stabbiliti bejn il-Kummissjoni u Marsh, essenzjalment wasslu għal bidla essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-offerta inizjali ta’ Marsh, bi ksur tar-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

    158

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li l-motiv ta’ annullament, fit-tieni parti tiegħu, huwa wkoll fondat.

    Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

    159

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza, dan il-motiv għandu jintlaqa’ u għalhekk għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

    Fuq it-talba għad-danni

    160

    Ir-rikorrenti tindika li pprovat l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni li, individwalment jew għall-inqas ikkunsidrati flimkien, huma tali li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

    161

    Għal dak li jirrigwarda d-dannu subit, dan jikkonsisti fit-telf ta’ opportunità għar-rikorrenti, jew saħansitra ċ-ċertezza li tirbaħ il-kuntratt kif ukoll telf ta’ referenza u danni morali.

    162

    Ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn id-danni jistgħu jiġu kkwantifikati ex aequo et bono fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 1000000.

    163

    Fil-fatt, huwa manifest li, fl-assenza ta’ irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt, il-proċedura amministrattiva setgħat wasslet għal riżultat differenti. Jekk il-Kummissjoni kienet ċaħdet l-offerta ta’ Marsh, il-kuntratt kien jiġi mogħti lir-rikorrenti għaliex kienet l-unika impriża oħra li ssottomettiet offerta għal dan il-kuntratt u li ssottomettiet offerta skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

    164

    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li kuntratt li jirrigwarda l-kuntratti ta’ assigurazzjoni kontra n-nar, ir-riskji assoċjati tal-binjiet kollha u l-kontenut tagħhom, għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha kkonċernati, jikkostitwixxi riferiment importanti ħafna għal sejħiet għal offerti simili. Lil hinn minn sempliċi referenzi, iċ-ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba huma ta’ importanza kruċjali għall-fażi tas-selezzjoni teknika f’sejħiet għal offerti futuri. Tali ċertifikati, barra minn hekk, kienu meħtieġa f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Madankollu, huwa evidenti li, sa fejn ma tkunx ingħatat il-kuntratt, ir-rikorrenti tilfet il-benefiċċju taċ-ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba għal dan il-kuntratt li jkopri diversi istituzzjonijiet Ewropej.

    165

    Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni ma aċċettatx l-offerta tar-rikorrenti, minkejja li din kienet l-unika offerta regolari ssottomessa fil-kuntest tal-proċeduri, imur kontra għall-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li tirbaħ il-kuntratt u tikkawżalha dannu morali.

    166

    Fir-replika, ir-rikorrenti tfakkar li hija fuq kollox tfittex l-eżekuzzjoni in natura tal-kuntratt. Għalhekk kien biss peress li r-rikorrenti ma kisbitx din l-eżekuzzjoni sas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li hija talbet kumpens sħiħ ekwivalenti.

    167

    Ir-rikorrenti ssostni li diġà pprovat ampjament in-nuqqas tal-Kummissjoni. Fir-rigward tad-dannu, dan huwa reali u ċert. Fir-rigward tal-possibbiltà legali li tirrinunzja għall-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt u li tibda mill-ġdid proċedura oħra, din kienet purament teoretika fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-probabbiltà għar-rikorrenti li tikseb il-kuntratt kien ikun kważi ċert. F’termini purament finanzjarji, il-valur tal-kuntratt matul erba’ snin kien ikun ta’ EUR 3742000. Ir-rikorrenti ssostni li sofriet dannu morali minħabba t-telf ta’ referenza u ta’ prestiġju. Għalhekk ir-rikorrenti ssostni li t-telf tagħha jista’ jiġi stabbilit għal EUR 1000000.

    168

    Il-Kummissjoni tiċħad li kkommettiet illegalità. Sussidjarjament, hija ma wettqet l-ebda ksur gravi u manifest tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għall-kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar mill-fatti tal-kawża, li b’mod diliġenti kienet għamlet dak kollu possibbli, f’bona fide, sabiex tiżgura li l-proċedura tal-kuntratt tosserva r-regoli rilevanti kollha, sabiex jiġi żgurat li l-offerti li rċeviet ikunu kompletament konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u sabiex tiżgura li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni l-ġdid jidħol fis-seħħ fil-ħin sabiex ikun żgurat kopertura ta’ 100 % tal-awtorità kontraenti.

    169

    Fir-rigward tad-dannu, ir-rikorrenti tinvoka fi żmien qasir kumpens għat-tliet tipi ta’ danni li tallega li sofriet. Hija ma tipprovax li dan l-allegat dannu huwa reali u ċert.

    170

    L-ewwel nett, fir-rigward tat-telf ta’ opportunità li tirbaħ il-kuntratt, ir-rikorrenti ma tilfet xejn, peress li l-offerta tagħha ma kinitx issottomettiet il-prezz l-iktar baxx u l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni sabiex teskludi jew tqis bħala mhux konformi l-offerta ta’ Marsh.

    171

    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna t-telf ta’ referenza, ma hemm ebda dannu reali u ċert. Minn naħa, l-assenza ta’ referenza ġdida, ma hijiex waħedha suxxettibbli li tibdel il-kapaċità tar-rikorrenti biex tipparteċipa f’kuntratti simili fil-futur. Barra minn hekk, dan id-dannu huwa wieħed ipotetiku: ir-rikorrenti ma setgħatx tippretendi li kienet ser tikseb ċertament ċertifikat ta’ eżekuzzjoni kuntrattwali tajba peress li dan iċ-ċertifikat huwa marbut mal-eżekuzzjoni konkreta tal-kuntratt u ma setgħatx tkun assigurata minn qabel.

    172

    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma tidentifika l-ebda dannu morali, iżda hija biss issostni li n-nuqqas ta’ għoti lilha jmur kontra l-“aspettattivi leġittimi” tagħha. Barra minn hekk, fl-ebda mument l-awtorità kontraenti tat lok sabiex ir-rikorrenti jkollha xi aspettattiva leġittima li tingħata l-kuntratt.

    173

    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti kisbet is-sospensjoni tal-kuntratt u l-organizzazzjoni ta’ proċedura nnegozjata wara liema huma kienu daħlu f’kuntratt flimkien għal massimu ta’ 18-il xahar mis-17 ta’ Frar 2015. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-dannu.

    174

    Madankollu, id-dannu allegat la huwa reali, la ċert u lanqas speċifiku. Għalhekk, jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu ġew interpretati b’mod restrittiv, jew jekk l-offerta ta’ Marsh għandha tiġi kkunsidrata bħala konġunta, l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx titqies valida.

    175

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħat perfettament tirrinunzja għas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

    176

    Fir-rigward tal-ammont tad-dannu allegat, dan il-Kummissjoni tikkontestah. L-allegat telf ta’ qligħ ma huwiex dak tar-rikorrenti, li huwa sempliċi sensar li qed jaġixxi għalih innifsu.

    177

    Fir-rigward tad-dannu morali li allegatament jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-kuntratt, il-Kummissjoni tikkontesta dan il-karattru eċċezzjonali.

    178

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

    179

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni fuq imsemmija, minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra, EU:C:1982:318, punt 16; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166; tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑300/07, Ġabra, EU:T:2010:372, punt 137, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑297/12, EU:T:2014:888, punt 28). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni, dwar l-aġir illegali, il-ġurisprudenza titlob li għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali maħsuba li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li ksur ikun suffiċjentement serju jikkonsisti f’ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni kkonċernat, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 42 sa 44; tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra, EU:C:2002:736, punt 54; AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2005:107, punt 93, u Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2014:888, punt 29).

    180

    Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-istabbiliment tar-responsabbiltà li tirrigwarda l-illegalità, għandu jiġi nnotat li ġie kkonstatat, b’mod partikolari, ksur mill-Kummissjoni tal-ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti. Billi kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li r-rispett tiegħu huwa essenzjali għal-legalità tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni kisret regola tad-dritt intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2005:107, punt 91, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑16/04, Ġabra, EU:T:2010:54, punt 134).

    181

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li f’dan il-każ dan huwa ksur suffiċjentement serju. Fil-fatt, billi implementat l-proċedura ta’ kuntratt pubbliku ma’ Marsh fil-kundizzjonijiet deskritti, b’mod partikolari, fil-punti 102 sa 128 u 151 sa 156 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kisret b’mod manifest u serju l-limiti stabbiliti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    182

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà dwar l-eżistenza ta’ dannu u għal dak ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas u d-dannu, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward b’mod iktar partikolari tar-rabta kawżali, li jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu ġew interpretati b’mod restrittiv, jew jekk l-offerta ta’ Marsh kellha tiġi kkunsidrata bħala offerta konġunta, l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx titqies valida.

    183

    Dan l-argument għandu żewġ aspetti.

    184

    L-ewwel nett, permezz ta’ dan l-argument il-Kummissjoni ssostni li l-qari mhux restrittiv tas-sejħa għal offerti li hija tirrappreżenta u li tgħid li offerta ssottomessa minn sensar offerent uniku kienet aċċettabbli kienet ukoll tibbenefika lir-rikorrenti għaliex l-offerta tagħha, mingħajr dan l-approċċ mhux restrittiv, ma setgħatx titqies valida. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, is-sejħa għal offerti, bl-interpretazzjoni restrittiva difiża mir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ kienet teskludi l-offerta ta’ din tal-aħħar. Għalhekk ma seta’ jkun hemm l-ebda rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni, li kien attwalment serva l-interessi tar-rikorrenti, u r-rifjut tal-offerta ta’ din tal-aħħar.

    185

    Din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.

    186

    Fil-fatt, sakemm (hekk kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ annullament) it-termini u l-ekonomija tas-sejħa għal offerti jeskludu s-sottomissjoni ta’ offerta minn sensar offerent uniku, dawn it-termini u l-ekonomija bl-ebda mod ma jipprekludu sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    187

    Ċertament, kien possibbli li jkun stabbilit li offerta konġunta, speċjalment f’dan il-kuntest – bħal f’dan il-każ – tal-kopertura ta’ riskju kbir kien iktar suxxettibbli li jinteressa iktar assiguraturi li jingħaqdu flimkien ma’ sensar, iktar milli assiguratur wieħed irrappreżentat minn sensar. Iżda għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’ possibilment tispjega l-użu frekwenti tal-plural (“l-assiguraturi”) fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti, madankollu din ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni ta’ offerta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    188

    Barra minn hekk, is-sottomissjoni ta’ offerta minn tali grupp ma huwiex kuntrarju għall-ekonomija tas-sistema stabbilita mis-sejħa għal offerti. Huwa fil-fatt ċar li fil-każ ta’ offerta konġunta, kemm jekk minn wieħed jew minn numru ta’ assiguraturi rrappreżentati minn sensar, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tas-sejħa għal offerti tirrigwarda kull membru tal-grupp, b’differenza notevoli mill-offerta ssottomessa minn sensar offerent uniku.

    189

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li qari tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jeskludi s-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn assiguratur irrappreżentat minn sensar, meta huma ammessi s-sottomissjonijiet ta’ offerta minn assiguratur uniku jew ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn żewġ assiguraturi rrappreżentati minn sensar, tmur kontra, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    190

    Il-Kummissjoni tispjega, fil-kontroreplika tagħha, li fl-abbozzar tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hija kienet qed tistenna li tirċievi offerti minn assiguratur wieħed biss, jew minn numru ta’ assiguraturi li jaġixxu bħala konsorzju u li huma rrappreżentati, jew le, minn assiguratur prinċipali jew minn sensar. Madankollu, hija ma tiġġustifikax, u inqas u inqas b’mod konvinċenti, kif is-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn assiguratur u minn sensar qabżet il-previżjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    191

    Fl-aħħar nett u sussidjarjament, għandu jiġi nnotat li fil-kuntest ta’ offerti konġunti, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jiddisponi li “fil-każ ta’ offerta minn numru ta’ assiguraturi in solidum li jaġixxu bħala konsorzju, irrappreżentat(i) minn sensar, fil-każ ta’ għoti, il-kuntratt għandu jiġi ffirmat minn kull assiguratur u mis-sensar”. Din id-dispożizzjoni tkompli billi tindika li “f’dan il-każ, l-assiguratur jew l-assiguraturi jintrabtu wkoll li jiggarantixxu li l-awtorità kontraenti tingħata assigurazzjoni sħiħa (kopertura ta’ 100 %) mingħajr interruzzjoni għat-tul kollu tal-kuntratt” u li “s-sensar jitħallas direttament mill-assiguratur jew mill-assiguraturi”. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiddefinixxu il-“kontraenti” bħala “l-kumpannija jew l-impriża ta’ assigurazzjoni li magħha ġie ffirmat il-kuntratt u li għal dan il-għan hija marbuta b’kundizzjonijiet partikolari”.

    192

    L-użu tas-singular (“l-assiguratur jew l-assiguraturi”, “il-kumpannija jew l-impriża ta’ assigurazzjoni”) jikkorrobora l-kunsiderazzjonijiet, li huma diġà suffiċjenti, stabbiliti fil-punti 185 sa 190 iktar ’il fuq, li s-sejħa għal offerti ma kinitx teskludi s-sottomissjoni ta’ offerta konġunta minn grupp kompost minn sensar u minn assiguratur wieħed.

    193

    It-tieni nett, l-argumenti ppreżentati fil-punt 182 iktar ’il fuq jassumu li, jekk l-offerta ta’ Marsh għandha tiġi kkunsidrata bħala offerta konġunta, allura l-offerta tar-rikorrenti ma setgħatx tiġi kkunsidrata valida għaliex kien hemm assiguratur (AIG) li kien preżenti simultanjament f’żewġ offerti.

    194

    Indipendentement mill-fatt li ma huwiex stabbilit li s-sitwazzjoni prevista mill-Kummissjoni kienet timplika awtomatikament, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi allegati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2009, Assitur, C‑538/07, Ġabra, EU:C:2009:317, punt 30; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni u Consorzio stabile edili, C‑376/08, Ġabra, EU:C:2009:808, punti 38 sa 42 u 46 u d-dispożittiv, u tat-13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, Ġabra, EU:C:2012:801, punt 14), għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni ma tikkorrispondix għar-realtà. Fil-fatt, l-offerta ta’ Marsh ma hijiex offerta konġunta, iżda l-offerta ta’ sensar offerent uniku, u għalhekk mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u li għalhekk kellha, bħala tali, u għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-motiv ta’ annullament, tiġi ddikjarata invalida mill-Kummissjoni. L-argument tal-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi miċħud.

    195

    Minbarra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu allegat la huwa reali, la ċert u lanqas speċifiku għar-rikorrenti u, sussidjarjament, li s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ Marsh u l-għoti lir-rikorrenti tal-kuntratt ta’ sostituzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati.

    196

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat telf ta’ opportunità li jinkiseb il-kuntratt, għandu jiġi nnotat li l-offerta tar-rikorrenti kienet iddikjarata konformi mill-Kummissjoni, kienet l-unika offerta barra dik ta’ Marsh u ġiet miċħuda favur l-offerta ta’ Marsh għaliex din tal-aħħar kellha l-iktar prezz baxx.

    197

    Minn dan isegwi li, li kieku l-offerta ta’ Marsh kienet ġiet iddikjarata mhux konformi peress li ġejja, kuntrarjament għar-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti, minn sensar offerent uniku, jew anki jekk l-offerta kienet iddikjarata mhux konformi minħabba li ma kinitx tinkludi s-solidarjetà tal-assiguraturi proposti, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni tajba sabiex tingħata l-kuntratt.

    198

    Il-Kummissjoni ma tikkontestax dan b’mod serju. Hija tillimita ruħha għal darb’oħra li tgħid li ma wettqet l-ebda illegalità, tinvoka argumenti diġà miċħuda fil-punti 184 sa 194 iktar ’il fuq u tfakkar li, fi kwalunkwe każ, hija setgħat tirrinunzja għall-proċeduri tal-kuntratt inkwistjoni u tibda proċeduri ġodda, bil‑konsegwenza li r-rikorrenti ma kien ikollha l-ebda garanzija li tikseb il-kuntratt inkwistjoni.

    199

    Fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi mfakkar li għalkemm huwa minnu li l-awtorità kontraenti tista’ dejjem, sal-firma tal-kuntratt, tirrinunzja l-kuntratt jew tannulla l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt, mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal kwalunkwe tip ta’ kumpens (Artikolu 114 tar-Regolament Finanzjarju), xorta jibqa l-fatt li dawn is-suppożizzjonijiet ta’ rinunzja jew ta’ annullament tal-proċeduri ma kinux immaterjalizzaw ruħhom u li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-opportunitajiet tar-rikorrenti li jiksbu dan il-kuntratt kienu, esklużi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, għolja ħafna.

    200

    Wara li kkunsidrat iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jidher possibbli li l-possibiltajiet tar-rikorrenti li tikkonkludi l-kuntratt, esklużi illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni, jiġu evalwati bħala 90 %.

    201

    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqis li d-dannu globali tagħha, fid-dawl tat-telf ta’ opportunità, ta’ telf ta’ referenzi u ta’ danni morali, seta’ jiġi evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 1000000.

    202

    Ir-rikorrenti ma taqsamx dan l-ammont bejn it-tliet kapijiet ta’ danni mitluba, iżda ssemmi, bħala valur ta’ referenza, dak tal-kuntratt li ma ngħatatx, jiġifieri EUR 3742300, fejn spjegat li dan il-valur huwa l-prezz annwali indikat fl-offerta (EUR 935574 fis-sena) immultiplikat bl-erba’ snin tal-kuntratt. Ir-rikorrenti tenfasizza l-importanza tad-danni morali tagħha fid-dawl tal-importanza tal-valur tal-kuntratt (“diversi miljuni”) u t-tul (erba’ snin).

    203

    Il-Kummissjoni, titlaq mill-premessa li l-ammont mitlub kien ikkalkolat b’referenza għall-valur annwali tal-kuntratt, meta ssostni li dan l-ammont, qrib dan il-valur annwali, neċessarjament jinkludi r-remunerazzjoni ta’ AIG u li għalhekk jikkorrispondi biss għal parti limitata tar-remunerazzjoni tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni għalhekk tikkontesta dan l-ammont, bl-argument li, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti qed taġixxi biss f’isimha u għalhekk tista’ biss titlob kumpens għad-dannu tagħha stess.

    204

    Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll id-dannu li jirriżulta minn telf ta’ referenzi. Skont il-Kummissjoni, l-assenza ta’ referenza ġdida ma hijiex probabbli, minnha nnifisha, li tibdel il-kapaċità tar-rikorrenti milli tipparteċipa f’kuntratti simili fil-futur. Fir-rigward tat-telf ta’ ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba, dan jiddependi minn eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt. Fir-rigward tal-allegat dannu morali, dan ma huwiex reali u ċert.

    205

    Minn naħa, għandu jiġi osservat li l-premessa li fuqha l-Kummissjoni tibbaża l-ewwel oġġezzjoni tagħha, imsemmija fil-punt 203 iktar ’il fuq, hija kontradetta mill-provi fil-fajl prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, jirriżulta mill-atti tar-rikorrenti li l-ammont mitlub huwa kkalkolat mhux b’referenza għall-valur annwali tal-kuntratt, iżda b’referenza għall-valur totali tal-kuntratt għal erba’ snin. Dan jirriżulta b’mod ċar mir-rabta magħmula mir-rikorrenti bejn l-ammont mitlub u dan l-aħħar valur kif ukoll mir-referenza għall-kuntratt bħala li jkopri perijodu ta’ erba’ snin u li jirrappreżenta diversi miljuni ta’ euro (ara l-punt 202 iktar ’il fuq).

    206

    Konsegwentement, u sakemm dan l-ammont mitlub ma jikkorrispondix biss għal ftit iktar minn kwart tal-valur tal-kuntratt fuq erba’ snin u li r-rikorrenti tinvoka, barra minn hekk, it-telf ta’ opportunità kważi ċerta li tikseb il-kuntratt, dan l-ammont mitlub jista’ biss loġikament jikkorrispondi għad-danni li din il-parti tallega li sofriet hija stess. Fil-każ oppost, ir-rikorrenti, li tħoss li tilfet ċans kważi ċert li tingħata il-kuntratt, kienet loġikament titlob, għaliha nnifisha u għall-assiguratur, ammont ta’ danni ħafna iktar ogħla, meta mqabbla mal-valur tal-kuntratt fuq erba’ snin.

    207

    Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni jekk huwiex leġittimu għar-rikorrenti li tirreferi għall-erba’ snin tal-kuntratt fil-kalkolu tad-dannu tagħha, għandu jiġi nnotat li l-avviż tal-kuntratt jindika li t-tul tal-kuntratt kien ta’ 48 xahar (punt II.3 tal-avviż tal-kuntratt, punt 4 tal-lott Nru 1). Bl-istess mod, kien stipulat li l-avviż tal-kuntratt sussegwenti kellu jkun ippubblikat 36 xahar wara l-għoti (punt VI.1 tal-avviż tal-kuntratt). Fir-rigward tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ servizzi anness mal-istedina għall-offerti, dan jindika li “[il]-kuntratt huwa konkluż għal perijodu ta’ 12-il xahar” (Artikolu I.2.3 tal-abbozz tal-kuntratt) u li “jiġġedded b’mod impliċitu sa massimu ta’ tliet darbiet, kull darba għal perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ 12-il xahar [...] sakemm l-awtorità kontraenti ma tinformax lill-kontraenti bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt u jekk din in-notifika [ssir] sitt xhur qabel ma jiġu kompluti l-kompiti tal-perijodu preċedenti” (Artikolu I.2.4 tal-abbozz tal-kuntratt). Barra minn hekk, l-abbozz tal-kuntratt jindirizza r-reviżjoni tal-prezzijiet u tal-primjum annwali billi jevoka l-“ewwel sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt”, it-“tieni sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt” u “kull sena ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt” (Artikolu I.3.2 tal-abbozz tal-kuntratt). L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jagħmlu l-istess (ara l-punt 9.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi).

    208

    Jirriżulta mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti ġustament, fir-rikors tagħha, irreferiet għat-tul sħiħ tal-kuntratt sabiex tibbaża t-talba tagħha għal danni, fir-rigward ta’ kuntratt ta’ erba’ snin li ta’ kull sena jinkludi opzjoni sabiex ma jiġġeddidx li hija biss miftuħa għall-awtorità kontraenti u dan taħt ċerti kundizzjonijiet proċedurali stretti. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-kumpens, tal-perikolu li jaf jirriżulta minn din il-fakultà ta’ nuqqas ta’ tiġdid annwali.

    209

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li ma jirriżultax mill-atti tar-rikorrenti li din ħadet inkunsiderazzjoni, fit-tnaqqis tat-talba tagħha għad-danni, tal-ispejjeż tal-kuntratt li kien ikollha tagħmel li kieku hija kienet rebħet il-kuntratt. Issa huwa impossibbli, fuq il-bażi tal-provi fil-fajl, li jiġu ddeterminati dawn l-ispejjeż. Barra minn hekk, jekk it-termini tar-rikors jiġġustifikaw li jiġi konkluż li r-rikorrenti qed titlob biss għal kumpens tad-danni tagħha stess, il-fajl ma fih ebda prova li tippermetti li tiġi vverifikata l-parti tar-rikorrenti fil-valur totali tal-kuntratt.

    210

    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi osservat li jekk ir-rikorrenti tilfet fl-2014 iċ-ċans li tikseb kuntratt ta’ erba’ snin, hija, fis-17 ta’ Frar 2015, jiġifieri madwar ħdax-il xahar u ġimgħatejn wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt ikkontestat, kisbet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni li kien is-suġġett tal-proċedura nnegozjata miftuħa mill-Kummissjoni insegwitu għad-digriet Vanbreda Risk & Benefits vs Il‑Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (EU:T:2014:1024). Għandu jingħad ukoll, hekk kif indikat ir-rikorrenti, li dan l-aħħar kuntratt ġie konkluż għal perijodu massimu ta’ 18-il xahar, jiġifieri sas-17 ta’ Awwissu 2016, filwaqt li l-kuntratt suġġett ta’ din il-kawża kellu normalment jiskadi f’Marzu 2018.

    211

    Dawn iċ-ċirkustanzi huma, ukoll, ta’ natura tali li jistgħu jaffettwaw l-ammont tad-dannu sostnut mir-rikorrenti, b’din tal-aħħar tindika hija stess fl-atti tagħha, li t-talba tagħha għal kumpens għandha tkun tali fil-każ li ma tiksibx l-eżekuzzjoni in natura tat-talba tagħha, u li jekk tikseb tardivament tali eżekuzzjoni, id-dannu għandu jiġu kkalkolat abbażi ta’ dan id-dewmien.

    212

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, f’dak li jirrigwarda t-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratt, li l-eżistenza ta’ dannu li għandu jiġi kkumpensat huwa bħala prinċipju pprovat biżżejjed, iżda li l-ammont ta’ dawn id-danni ma huwiex biżżejjed determinabbli, f’dan l-istadju, sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq il-bażi tal-ammont mitlub mir-rikorrenti, jew sabiex tiffissa ammont ieħor.

    213

    It-tieni nett, fir-rigward tat-telf ta’ referenzi, li jinkludi skont ir-rikorrenti t-telf ta’ ċertifikati ta’ eżekuzzjoni tajba, huwa xieraq li dan il-kap jiġi eskluż sa fejn jikkonċerna tali ċertifikati. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ dawn id-dokumenti ma jiddependix fuq l-għoti tal-kuntratt, iżda minn ċirkustanzi futuri u ipotetiċi bbażati fuq eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt.

    214

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda referenzi għall-għoti tal-kuntratt innifsu, li jirriżultaw de facto mill-ksib mir-rikorrenti tal-kuntratt, huwa inkontestabbli li r-rikorrenti, bl-istess mod bħat-telf ta’ opportunità tagħha li tikseb il-kuntratt, tilfet iċ-ċans li tiddisponi minnhom. Iżda għal darb’oħra, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tiddetermina, fir-rigward tal-ammont mitlub mir-rikorrenti, dak li jaqa’ taħt it-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratt u dak li jaqa’ taħt it-telf ta’ opportunità li tikseb ir-referenzi.

    215

    It-tielet nett, fir-rigward tad-dannu morali li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni, bi ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, li kienet issottomettiet l-unika offerta regolari, tat il-kuntratt lil terz, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti sempliċement tinvoka l-illegalità tal-aġir tagħha u li fl-ebda waqt hija ma kellha aspettattiva leġittima li tingħata l-kuntratt. Fir-replika, ir-rikorrenti ma tweġibx din l-aħħar kunsiderazzjoni, iżda tassimila l-preġudizzju morali tagħha għal telf ta’ referenza u ta’ prestiġju.

    216

    Għandu jiġi nnotat, li fl-ebda punt, il-Kummissjoni ma tat lir-rikorrenti aspettativa leġittima dwar il-ksib tal-kuntratt. Fir-rigward tad-dannu morali, li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija ġurisprudenza stabbilita li tali dannu huwa bħala prinċipju kkumpensat biżżejjed mill-konstatazzjoni magħmula mill-qorti ta’ din l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP, EU:T:2006:148, punt 131). Fir-rigward tal-allegat dannu morali li jirriżulta minn telf ta’ referenzi, dan jikkoinċidi parzjalment mat-telf ta’ referenzi diġà eżaminat iktar ’il fuq u, fir-rigward tat-telf ta’ prestiġju, dan ma jippreżentax natura reali u ċerta.

    217

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li minnhom jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tista’ tidentifika numru ta’ punti fir-rigward tat-talba għad-danni, hija ma għandhiex provi biżżejjed sabiex tikkonferma l-ammont mitlub jew sabiex tistabbilixxi hija stess l-ammont tad-dannu subit, għalhekk huwa meħtieġ li t-talba tar-rikorrenti għal kumpens tintlaqa’ sal-punt fejn din titlob kumpens għat-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt inkwistjoni u li tikseb ir-referenzi tal-għoti tal-kuntratt rilevanti, u li l-kumplament jiġi miċħud. Għal dak li jirrigwarda l-ammont ta’ kumpens għat-telf ta’ opportunità, huwa xieraq li l-partijiet jiġu mistiedna, bla ħsara għal deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali, sabiex jilħqu ftehim dwar dan l-ammont fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u sabiex jgħaddulha, f’terminu ta’ sitt xhur, dekorribbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont pagabbli, stabbilit bi ftehim komuni, jew, fin-nuqqas, li jwasslulha, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet neċessarji għall-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-merti.

    Fuq l-ispejjeż

    218

    Id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija rriżervata.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ċaħdet l-offerta sottomessa minn Vanbreda Risk & Benefits għal-lott Nru 1 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti OIB.DR.2/PO/2013/062/591, dwar l-assigurazzjoni ta’ beni u ta’ persuni (ĠU 2013/S 155-269617), u tat dan il-lott lil kumpannija oħra hija annullata.

     

    2)

    L-Unjoni Ewropea għandha tagħmel tajjeb għad-dannu sostnut minn Vanbreda Risk & Benefits għat-telf tagħha ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt fuq imsemmi u li tikseb ir-referenzi korrispondenti ta’ għoti tal-kuntratt.

     

    3)

    Il-kumplament tat-talba għal kumpens għad-danni hija miċħuda.

     

    4)

    Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti Ġenerali, f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, l-ammont, stabbilit bi ftehim komuni, tal-kumpens dovut sabiex isir tajjeb għal dan id-dannu.

     

    5)

    Fin-nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet għandhom jibagħtu lill-Qorti Ġenerali, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom espressi f’ċifri.

     

    6)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Frimodt Nielsen

    Dehousse

    Collins

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2015.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u żviluppi ġodda matul fil-mori tal-kawża

     

    Id-dritt

     

    Fuq it-talba għal annullament

     

    Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti, skont l-Artikolu 111(5) u l-Artikolu 113(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 146(1) u (2), l-Artikolu 149(1) u l-Artikolu 158(1) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

     

    – Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti mressqa fir-replika

     

    – Fuq l-illegalità tal-parteċipazzjoni ta’ Marsh fis-sejħa għal offerti bħala sensar offerent uniku

     

    – Fuq il-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament fl-okkażjoni ta’ skambji bejn il-Kummissjoni u Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

     

    Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba fil-bidla fl-offerta ta’ Marsh wara l-ftuħ tal-offerti

     

    Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

     

    Fuq it-talba għad-danni

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top