Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0138

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2015.
    Randa Chart vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Membru tal-persunal lokali assenjat għad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Eġittu – Tmiem tal-kuntratt – Nuqqas tad-delegazzjoni li tipprovdi lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali ċ-ċertifikat ta’ tmiem is-servizz tal-membru tal-persunal u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-rigward – Preskrizzjoni – Dannu kontinwat – Inammissibbiltà parzjali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dannu ċert – Rabta kawżali.
    Kawża T-138/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2015:981

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    16 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Membru tal-persunal lokali assenjat għad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Eġittu — Tmiem tal-kuntratt — Nuqqas tad-delegazzjoni li tipprovdi lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali ċ-ċertifikat ta’ tmiem is-servizz tal-membru tal-persunal u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-rigward — Preskrizzjoni — Dannu kontinwat — Inammissibbiltà parzjali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Terminu raġonevoli — Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Dannu ċert — Rabta kawżali”

    Fil-Kawża T‑138/14,

    Randa Chart, residenti f’Woluwe-Saint-Lambert (il-Belġju), irrappreżentata minn T. Bontinck u A. Guillerme, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Service européen pour l’action extérieure (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u M. Silva, bħala aġenti,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett rikors għal danni intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti minħabba n-nuqqas tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Kajr (l-Eġittu) li tipprovdi, wara r-riżenja tagħha, iċ-ċertifikat tagħha ta’ tmiem is-servizz lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

    wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    F’Mejju 1990, ir-rikorrenti R. Chart, li dak iż-żmien kellha n-nazzjonalità Eġizzjana, kienet impjegata mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-Kajr (l-Eġittu) (iktar ’il quddiem id-“delegazzjoni”) bħala membru tal-persunal lokali sabiex teżerċita l-kariga ta’ assistenta. Hija kienet suġġetta għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Eġizzjana.

    2

    Ulterjorment, id-delegazzjoni saret waħda mill-komponenti tas-Service européen pour l’action extérieure (SEAE) (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Barranija).

    3

    Fit-8 ta’ Ottubru 2001, wara li bbenefikat minn leave għal raġunijiet personali mill-20 ta’ Ottubru 2000, ir-rikorrenti tat ir-riżenja tagħha u stabbiliet ruħha fil-Belġju sabiex tokkupa impjieg ieħor.

    4

    F’data mhux ippreċiżata matul is-sena 2004, ir-rikorrenti ħadet il-kunsinna ta’ appartament fil-Kajr, li kienet xtrat fuq pjanta fl-1998.

    5

    Fit-3 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti bagħtet lil ex kollega tagħha fid-delegazzjoni ittra ifformulata kif ġej:

    “[W]ara l-esperjenza eċitanti fl-Ewropa, ħsibt li nerġa’ lura f’pajjiżi! B’hekk, reċentement għaddejt minn diversi intervisti fi ħdan kumpanniji barranin/istituzzjonijiet Ewropej fl-Eġittu u rċevejt offerta ta’ impjieg mingħajt l-UNDP. Ninsab sorpriża li ma nistax insib il-formula ta’ tmiem is-servizz stabbilita mid-delegazzjoni (l-aħħar persuna li timpjega).

    Dan id-dokument għandu jkun fil-fajl tiegħi għand id-delegazzjoni. Tista’, jekk jogħġbok, tibgħatli b’email scan ‘rapidu’ [tal-imsemmi dokument], u sussegwentement tibgħat l-oriġinali fl-indirizz tiegħi fi Brussell […]”

    6

    Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti fin-noti tagħha li ma ġewx ikkontestati mis-SEAE, il-formula msemmija fl-email iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 5 iktar ’il fuq hija ċertifikat, imsejjaħ “estemara 6”, li, fis-sebat ijiem wara tmiem il-kuntratt ta’ impjieg tal-impjegat tagħha, il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tistabbilixxi fi tliet kopji, jiġifieri, l-oriġinali intiż għall-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, kopja intiża għall-impjegat u kopja għall-persuna li timpjega, u tgħaddih lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali. L-għoti ta’ din il-formula huwa neċessarju sabiex il-fajl ta’ sigurtà soċjali li jorbot lil dan l-impjegat ma’ din il-persuna li timpjega jkun jista’ jingħalaq, sabiex fajl ieħor tas-sigurtà soċjali jkun jista’ jinfetaħ ma’ persuna li timpjega oħra u sabiex l-impjegat ikun jista’ jibbenefika mid-drittijiet tiegħu meta jirtira fi tmiem il-karriera tiegħu.

    7

    Fl-1 ta’ April 2005, ir-rikorrenti rċeviet ittra minn kumpannija Eġizzjana li magħha kienet applikat għal impjieg, fejn kien indikat li “dokument amministrattiv għadu neċessarju min-naħa tiegħek sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ reklutaġġ”. L-awtur tal-ittra enfasizza li kien jispera li r-rikorrenti tkun tista’, kemm jista’ jkun malajr, tgħaddilu dan id-dokument u tiffirma l-kuntratt ta’ impjieg.

    8

    B’ittra tal-11 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti tenniet lid-delegazzjoni t-talba tagħha li tikseb il-formula “estemara 6” f’isimha, peress li l-ittra tat-3 ta’ Frar 2005 baqgħet mingħajr risposta. Hija indikat b’mod partikolari li kienet għaddiet minn intervista ta’ reklutaġġ li kienet ta’ suċċess fil-Kajr u li ma riditx tirriskja li “titlef” l-offerta li kienet saritilha, peress li dan kien il-każ mal-UNDP minħabba li ma setgħetx tipprovdi l-imsemmija formula.

    9

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2005, li kienet intbagħtitilha minn potenzjali persuna li timpjega fl-Eġittu, ir-rikorrenti saret taf li d-delegazzjoni kienet, fil-fatt, naqset milli tagħti l-formula “estemara 6” lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, b’mod li, għal dan, hija kienet għadha kkunsidrata bħala impjegata mid-delegazzjoni. Din il-persuna li timpjega ppreċiżat li, jekk din il-formula ma taslilhiex f’terminu ta’ ġimgħa, ikollha tannulla r-reklutaġġ tar-rikorrenti.

    10

    Fl-10 ta’ Jannar 2006, kumpannija Eġizzjana oħra għamlet offerta ta’ impjieg lir-rikorrenti, filwaqt li ppreċiżat li hija setgħet tibda taħdem ġaladarba jintemm il-proċess ta’ reklutaġġ.

    11

    Ir-rikorrenti tenniet mad-delegazzjoni t-talba tagħha sabiex tikseb il-formula “estemara” f’isimha fl-14 ta’ Marzu u fit-12 ta’ Settembru 2006.

    12

    Fis-6 ta’ Marzu 2007, kumpannija oħra stabbilita fl-Eġittu bagħtet ittra lir-rikorrenti, fejn informatha li xtaqet toffrilha impjieg ta’ assistenta personali ma’ direttur ġenerali, iżda li ma setgħetx tagħmel dan, peress li l-formula “estemara 6” f’isimha kienet nieqsa.

    13

    Ir-rikorrenti mill-ġdid talbet lid-delegazzjoni tibgħatilha formula “estemara 6” f’isimha fis-7 ta’ Marzu u fit-3 ta’ Diċembru 2007 kif ukoll fl-20 ta’ Frar 2008.

    14

    F’Awwissu 2008, ir-rikorrenti kisbet in-nazzjonalità Belġjana.

    15

    Fil-5 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti bagħtet ittra lid-delegazzjoni, fejn indikat li, fl‑2007, hija kienet iddeċidiet li “tillikkwida s-sigurtà soċjali tagħha fl-Eġittu” u li, f’din l-okkażjoni, hija kienet saret taf mingħand l-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali li l-fajl ta’ sigurtà soċjali tagħha kien għadu miftuħ, peress li d-delegazzjoni ma kinitx bagħtet lil dan tal-aħħar il-formula “estermara 6”. Hija indikat ukoll li, f’Novembru 2007, hija kienet ikkuntattjat lid-delegazzjoni, li kienet ikkonfermatilha li din il-formula ma tinsabx fil-fajl personali tagħha. Fl-aħħar nett, hija reġgħet talbet lid-delegazzjoni tieħu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex il-fajl ta’ sigurtà soċjali tagħha jkun jista’ jingħalaq.

    16

    Fl-istess ġurnata, id-delegazzjoni rrispondiet lir-rikorrenti li kienet se tagħmel mill-aħjar li setgħet sabiex issolvi l-problema, iżda li kellha bżonn ftit żmien.

    17

    B’ittra tal-21 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti talbet lid-delegazzjoni tinformaha bl-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Peress li ma rċeviet l-ebda risposta għal din l-ittra, hija reġgħet ikkuntattjat lid-delegazzjoni b’ittra tal-20 ta’ April 2009.

    18

    B’ittra tat-23 ta’ April 2009, id-delegazzjoni indikat lir-rikorrenti li kienet għadha qegħda taħdem sabiex issib soluzzjoni għall-problema tagħha u li kienet ser tikkuntattjaha meta jkollha iktar informazzjoni.

    19

    Fit-30 ta’ Settembru 2009, peress li kienet għadha mingħajr ebda aħbar mingħand id-delegazzjoni, ir-rikorrenti mill-ġdid talbet lil din tal-aħħar tinformaha bl-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Hija tenniet din it-talba f’ittra tas-27 ta’ Ottubru 2009, li baqgħet ukoll mingħajr risposta.

    20

    Fil-15 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-kap tad-diviżjoni K5 “Membri tal-persunal lokali” tad-direzzjoni ġenerali “Relazzjonijiet esterni” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DG Relex”), fejn hija fakkret il-fatti esposti fl-ittra tagħha tal-5 ta’ Frar 2009 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u fejn spjegat id-diversi skambji sussegwenti ta’ ittri mad-delegazzjoni, filwaqt li lmentat dwar in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni kif ukoll in-nuqqas ta’ trasparenza u ta’ komunikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

    21

    Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2010, il-kap tad-diviżjoni K5 indika lir-rikorrenti li kien jiddispjaċih li d-delegazzjoni ma rrispondietx għat-talbiet tagħha u li kellu bżonn ftit żmien sabiex jikseb l-informazzjoni rilevanti mingħand din tal-aħħar.

    22

    Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2010, id-delegazzjoni talbet lill-awtoritajiet Eġizzjani responsabbli mill-immigrazzjoni u l-passaporti jgħaddulha “movement certificate” (ċertifikat ta’ ċirkulazzjoni) f’isem ir-rikorrenti, li jiċċertifika li din tal-aħħar kienet telqet it-territorju Eġizzjan fl-2001 li kien intiż għall-organi Eġizzjan tas-sigurtà soċjali.

    23

    Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2010, l-imsemmija awtoritajiet irrispondew lid-delegazzjoni li dan id-dokument seta’ jingħata biss lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew lill-persuna kkonċernata u, f’dan l-aħħar każ fuq it-talba tagħha biss.

    24

    Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2010, uffiċjal tad-diviżjoni K5 “Membri tal-persunal lokali” tad-DG Relex b’mod partikolari indika lir-rikorrenti li, wara li kkuntattja lid-delegazzjoni, kien jidher li “movement certificate” li jiċċertifika li hija kienet telqet it-territorju Eġizzjan fl-2001 kellu jingħata mill-awtoritajiet Eġizzjani responsabbli mill-immigrazzjoni u l-passaporti u li d-delegazzjoni kienet diġà ħadet il-passi kollha neċessarji f’dan is-sens.

    25

    F’Mejju 2010, ir-raġel tar-rikorrenti ltaqa’, fil-Kajr, mal-kap tad-delegazzjoni, li spjegalu li, sabiex ikun jista’ jingħalaq il-fajl tas-sigurtà soċjali tal-mara tiegħu, kien neċessarju li din tal-aħħar titlob “movement certificate” mingħand l-awtoritajiet Eġizzjani responsabbli mill-immigrazzjoni u l-passaporti.

    26

    Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti għarrfet lid-delegazzjoni li kien ingħatalha parir mingħand avukat kif ukoll mingħand “konsulent amministrattiv” li ma titlobx “movement certificate”. Hija indikat li kienet tal-istess opinjoni tagħhom li kienet id-delegazzjoni li kellha ssib soluzzjoni għall-problema u li tali talba setgħet tikkawżalha dannu gravi, peress li dan it-tip ta’ dokument kien ukoll mitlub minn persuni ssuspettati li jkunu wettqu xi delitt sabiex, b’mod partikolari, jipprovaw l-alibi tagħhom.

    27

    Fit-13 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti bagħtet ittra lid-delegazzjoni sabiex tinforma ruħha dwar il-miżuri meħuda minn din tal-aħħar sabiex jingħalaq il-fajl ta’ sigurtà soċjali tagħha. F’din l-ittra, hija rrepetiet li kienet tikkunsidra s-soluzzjoni proposta mid-delegazzjoni, jiġifieri li tikseb “movement certificate”, bħala mhux xierqa u inaċċettabbli. Hija stiednet lid-delegazzjoni tagħtiha “risposta ċara u konkreta” sa nofs ix-xahar ta’ Novembru 2010.

    28

    Fis-17 ta’ Ottubru 2010, wara laqgħa ma’ rappreżentant tad-delegazzjoni u responsabbli tal-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, dan l-organu stess talab lill-awtoritajiet Eġizzjani responsabbli mill-immigrazzjoni u l-passaporti li jagħtih “movement certificate” dwar ir-rikorrenti. Din it-talba ma kellha l-ebda segwitu.

    29

    Fit-8 ta’ Marzu 2011, l-avukat Eġizzjan tar-rikorrenti bagħat ittra lill-kap tad-delegazzjoni fejn, b’mod partikolari, talbu jagħmel offerta finanzjarja f’terminu ta’ xahar sabiex it-tilwima dwar il-fajl ta’ sigurtà soċjali tal-klijenta tiegħu tiġi solvuta bonarjament.

    30

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2011, il-kap tad-delegazzjoni indika lill-avukat Eġizzjan tar-rikorrenti li l-każ kien għadu qiegħed jiġi eżaminat u li kienet ser tingħata risposta għat-talba tiegħu qabel it-18 ta’ April 2011.

    31

    Fis-17 ta’ Mejju 2011, l-avukat Eġizzjan tar-rikorrenti kiteb mill-ġdid lill-kap tad-delegazzjoni, fejn ilmenta li ma rċieva l-ebda risposta għat-talba tiegħu u li kien se jintimah jirreaġixxi qabel it-3 ta’ Ġunju 2011.

    32

    Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2001, il-kap tad-delegazzjoni indika lill-avukat Eġizzjan tar-rikorrenti li d-delegazzjoni ma setgħetx taċċetta li jiġi impost fuqha terminu sabiex tirrispondi għat-talba tiegħu u li l-każ kien għadu qiegħed jiġi eżaminat.

    33

    Fit-13 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew, intiż kontra s-SEAE, fejn ikkontestat il-mod kif id-delegazzjoni kienet ittrattat il-problema tal-fajl tagħha ta’ sigurtà soċjali fl-Eġittu.

    34

    F’Novembru 2011, ir-rikorrenti bagħtet lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali il-formula “estemara 6”, li d-delegazzjoni finalment kienet aċċettat li tibgħatilha f’Ottubru 2011. L-organu madankollu ċaħad din il-formula, minħabba li kien predatat, b’data tax-xahar ta’ Ottubru 2001.

    35

    Fit-8 ta’ Marzu 2013, l-Ombudsman ta d-deċiżjoni tiegħu dwar l-ilment tar-rikorrenti. Huwa kkunsidra li d-delegazzjoni kienet responsabbli għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni, fit-terminu mitlub, tal-formula “estemara 6” u li kull dannu subit mir-rikorrenti qabel Mejju 2010 u marbut mal-irregolarità tas-sitwazzjoni fil-qasam ta’ sigurtà soċjali kien il-konsegwenza ta’ dan in-nuqqas ta’ preżentazzjoni kif ukoll tan-nuqqas persistenti tad-delegazzjoni, wara l-2001, li tirregolarizza din is-sitwazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa qies li kull dannu subit mir-rikorrenti wara Mejju 2010 kellu jiġi imputat esklużivament lil din tal-aħħar minħabba r-rifjut tagħha li titlob “movement certificate” lill-awtoritajiet Eġizzjani kompetenti.

    36

    Minn din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-Ombudsman kien issuġġetta proposta ta’ soluzzjoni bonarja lis-SEAE li kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fit-teħid tal-passi neċessarji sabiex jingħalaq il-fajl ta’ sigurtà soċjali tar-rikorrenti ladarba hija tipprovdi “movement certificate”, jitħallas lis-sigurtà soċjali kwalunkwe ammont li għadu dovut għar-rikorrenti, inkluż kwalunkwe multa li tista’ tkun imposta, u sabiex tiġi eżaminata b’kura t-talba sostnuta ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit minn din tal-aħħar qabel Mejju 2010.

    37

    Peress li kkonstata li s-SEAE kienet intrabtet li tikkonforma ruħha mal-ewwel żewġ partijiet tal-proposta tas-soluzzjoni bonarja, l-Ombudsman għalaq il-każ f’dak li jikkonċerna dawn l-aspetti tal-ilment. Fir-rigward tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti qabel Mejju 2010, l-Ombudsman irreleva li din tal-aħħar ma kienet ipprovdiet l-ebda prova tal-eżistenza tiegħu u, għaldaqstant, għalaq dan l-aspett tal-ilment billi kkunsidra li l-ebda investigazzjoni supplimentari ma kienet meħtieġa f’dan ir-rigward.

    38

    Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2013, ir-raġel tar-rikorrenti, filwaqt li rreleva li din tal-aħħar kienet reċentement kisbet il-“movement certificate”, talab lis-SEAE torganizza laqgħa sabiex ikun “jista’ jingħalaq definittivament [il-]fajl”. Fis-16 ta’ Lulju 2013, b’risposta għal din l-ittra, is-SEAE stiednet lir-rikorrenti tgħaddi dan iċ-ċertifikat lid-delegazzjoni. Permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, ir-raġel tar-rikorrenti għarraf lis-SEAE li din l-aħħar kienet qegħda tikkundizzjona l-għoti tal-“movement certificate” għaż-żamma ta’ laqgħa li matulha kienet ser tiġi riżolta wkoll il-kwistjoni tal-kumpens tad-danni li hija kienet sostniet. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2013, is-SEAE b’mod partikolari indikat lir-rikorrenti li, fid-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2013, l-Ombudsman kien irreleva li din tal-aħħar ma kinitx ressqet prova tal-allegat dannu u kien għalaq dan l-aspett tal-ilment. Is-SEAE żiedet li r-rikorrenti kellha d-dritt li tipprovdilha tali provi jekk kienet tixtieq tagħmel dan.

    39

    Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ressqet quddiem is-SEAE talba għal kumpens għad-danni materjali u morali li hija kienet sostniet minħabba l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni sa minn Ottubru 2001, evalwat għal total ta’ EUR 452339,18. F’din l-ittra, hija ppreċiżat b’mod partikolari li hija kienet disposta tagħti l-“movement certificate” lis-SEAE “ladarba din tkun irrikonoxxiet in-nuqqasijiet li seħħew bejn l-2001 sal-lum, fejn l-Unjoni tinżamm responsabbli extrakuntrattwalment [...] u tkun ikkumpensat id-dannu li rriżulta minn din ir-responsabbiltà”.

    40

    Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2014, is-SEAE ċaħdet din it-talba billi sostniet li din kienet preskritta, peress li r-rikorrenti kienet taf bil-fatt ġeneratur ta’ responsabbiltà sa mit-13 ta’ Settembru 2005 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

    41

    Mistoqsija dwar dan matul is-seduta, is-SEAE indikat li, fid-data ta’ din is-seduta, il-fajl ta’ sigurtà soċjali tar-rikorrenti fl-Eġittu kien għadu bla dubju miftuħ.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    42

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

    43

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, hija talbet lill-partijiet jirrispondu għal xi domandi bil-miktub, li huma għamlu fit-terminu stabbilit.

    44

    It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2010.

    45

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SEAE;

    prinċipalment, tikkundanna lis-SEAR għal kumpens għad-danni sostnuti, evalwati għal EUR 509283.88, b’riżerva għal żieda matul il-proċedura;

    sussidjarjament, tikkundanna lis-SEAE għal kumpens għad-danni subiti mit-30 ta’ Ottubru 2008, evalwati għal EUR 380063.81, b’riżerva għal żieda matul il-proċedura;

    tikkundanna lil SEAE għall-ispejjeż.

    46

    Is-SEAE titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    47

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lis-SEAE, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tipproduċi d-dokumenti li jipprovaw il-passi li ħadu d-delegazzjoni u s-SEAE sabiex tiġi solvuta din it-tilwima.

    Id-dritt

    Osservazzjonijiet preliminari

    48

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

    49

    Skont ġurisprudenza stabbilita, biex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha, iridu jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE,26/81, Ġabra EU:C:1982:318, punt 16, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T-383/00, Ġabra EU:T:2005:453, punt 95).

    50

    Dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi. Għalhekk, l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors għal danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra, EU:C:1994:329, punt 81, u tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra, EU:T:2002:34, punt 37).

    51

    Fir-rigward tal-kundizzjoni, dwar l-aġir illegali li bih tkun ikkritikata l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra EU:C:2000:361, punt 42). Il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u serju, min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-korp tal-Unjoni kkonċernat, li josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollhom biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra EU:C:2002:736, punt 54, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T-198/95, T-171/96, T-230/97, T-177/98 u T-225/99, Ġabra EU:T:2001:184, punt 134).

    52

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar ir-realtà tad-dannu, ir-responsabbiltà tal-Unjoni ma tistax tiġi applikata ħlief jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu reali u ċert (sentenza tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill,T-108/94, Ġabra EU:T:1996:5, punt 54). Hija r-rikorrenti li għandha tressaq provi konklużivi kemm tal-eżistenza kif ukoll tal-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑362/95 P, Ġabra, EU:C:1997:401, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu ċert hija sodisfatta ladarba d-dannu jkun imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk ma jkunx għad jista’ jiġi kwantifikat bi preċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Jannar 1987, Zuckerfabrik Bedburg et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 281/84, Ġabra, EU:C:1987:3, punt 14, u d-digriet tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni,T‑369/03, Ġabra, EU:T:2005:458, punt 106).

    53

    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ikkontestat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, peress li ma hemmx obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza li tikkawża dannu, anki jekk lontanament, ta’ sitwazzjoni illegali (sentenza tal-4 Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra, EU:C:1979:223, punt 21; ara, wkoll, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni,T‑279/03, Ġabra, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ilmentat u dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-149/96, Ġabra, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, jipprovdi:

    “L-azzjonijiet kontra l-Unjoni f’materja ta’ responsabbilltà non-kontrattwali jiġu preskritti b’ħames snin li jingħaddu minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom. Il-preskrizzjoni tiġi nterrotta kemm bil- preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll bit-talba qabel il-preżentata li tista’ tagħmel il-parti leża lill-istituzzjonijiet kompetenti ta’ l-Unjoni. F’dan l-aħħar każ, ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 [TFUE]; japplikaw meta jkun il-każ [...] id-disposizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikoli 265 [TFUE] [...]”.

    55

    Il-preskrizzjoni għandha l-għan li tikkonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-terminu ta’ preskrizzjoni għalhekk ġie ddeterminat bit-teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, taż-żmien neċessarju għall-parti allegatament leża sabiex tiġbor l-informazzjoni xierqa għal rikors eventwali u sabiex tivverifika l-fatti li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ dan ir-rikors (ara d-digriet tal-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni,T‑140/04, Ġabra, EU:T:2005:321, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, meta jimmaterjalizza d-dannu li jrid jiġi kkumpensat (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C‑51/05 P, Ġabra, EU:C:2008:409, punt 54). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontenzjuż li jirriżulta minn atti individwali, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta dawn l-atti jkun pproduċew l-effetti dannużi tagħhom fil-konfront tal-persuni li jirrigwardaw [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni,C‑282/05 P, Ġabra, EU:C:2007:226, punti 29 u 30, u d-digriet tal-1 ta’ April 2009, Perry vs Il-Kummissjoni,T‑280/08, EU:T:2009:98, punt 36].

    57

    Fil-każ fejn il-fatt li jiġġenera d-dannu ma jkunx jista’ jkun magħruf mill-vittma ħlief f’data tardiva, it-terminu ma jistax jibda jiddekorri fir-rigward tagħha qabel ma’ hija tista’ tieħu konjizzjoni tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2006, É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑138/03, Ġabra, EU:T:2006:390, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    58

    Fil-każ ta’ dannu kontinwat, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, skont id-data tal-att li jinterrompi, fil-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin ta’ din id-data, mingħajr ma taffettwa eventwali drittijiet li nħolqu matul perijodi sussegwenti (digrieti tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni,T‑369/03, Ġabra, EU:T:2005:458, punt 116, u tal-10 ta’ April 2008, 2K-Teint et vs Il-Kummissjoni u BEI, T‑336/06, EU:T:2008:104, punt 106).

    Fuq l-ammissibbiltà

    59

    Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, is-SEAE isostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li huwa preskritt skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-SEAE jallega li r-rikorrenti setgħet issir taf bil-fatt ġeneratur tad-danni allegati “tal-inqas mill-1 ta’ April 2005 u l-iktar tard fis-6 ta’ Marzu 2007”, jiġifieri iktar minn ħames snin qabel ma tressqet it-talba preliminari għal kumpens għad-danni tat-30 ta’ Ottubru 2013. Matul is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, is-SEAE indika li, skont hi, it-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu, fi kwalunkwe ipoteżi, lir-rikorrenti li titlob il-ħlas ta’ kumpens għal danni allegati kienu sodisfatti, huwa l-iktar tard fi Frar 2008.

    60

    Is-SEAE jikkunsidra li r-rikorrenti ma tistax targumenta li l-allegat aġir illegali kompla sal-ġurnata tal-lum, li joħolqilha dannu kontinwat u li jiġġedded kuljum. Huwa jenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-obbligu ta’ kumpens tad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE u, għaldaqstant, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet intiżi għall-kumpens tal-imsemmija danni, jistgħu jkunu bbażati biss fuq kriterji strettament oġġettivi. Issa, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-“perċezzjoni suġġettiva” tagħha skont liema l-avvenimenti kollha marbuta mal-ħajja professjonali u personali tiegħu, li seħħew wara l-2001, huma l-konsegwenza tan-nuqqas inizjali tad-delegazzjoni li tibgħat formula “estermara 6” f’isimha. Is-SEAE jikkonkludi li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-mument fejn “in-nuqqas ta’ għeluq tal-fajl tar-rikorrenti fi ħdan il-korp ta’ sigurtà soċjali effettivament u oġġettivament ħoloq dannu billi ċaħħadha milli [...] taċċetta offerti ta’ persuni li jimpjegaw potenzjali”.

    61

    Ir-rikorrenti tirrifjuta l-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mis-SEAE.

    62

    Prinċipalment, ir-rikorrenti ssostni li l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni ma waqafx minn Ottubru 2001, u ħolqilha dannu kontinwat u dejjem jikber sa minn din id-data. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta d-dannu jkollu tali natura kontinwata, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri biss mid-data tal-“konkretizzazzjoni sħiħa” tal-imsemmi dannu. Għaldaqstant, ma jista’ jitressaq kontriha l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni.

    63

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti, filwaqt li tirripeti li d-dannu allegat għandu natura kontinwata u rilevanti li hija indirizzat f’talba preliminari għal kumpens lis-SEAE fit-30 ta’ Ottubru 2013, liema tikkostitwixxi att li jinterrompi l-preskrizzjoni, tallega li dan ir-rikors ma jistax jiġi preskritt fir-rigward tad-danni li seħħew wara t-30 ta’ Ottubru 2008.

    64

    Ir-rikorrenti takkuża prinċipalment lid-delegazzjoni u lis-SEAE, minn naħa, li ma bagħtitx il-formula “estermara 6” fis-sebat ijiem wara li hija rriżenjat f’Ottubru 2001, u, min-naħa l-oħra, li naqsu wkoll milli jirregolarizzaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-korp Eġizzjan ta’ sigurtà soċjali kif ukoll milli jirrispondu għat-talbiet tagħha. F’dan il-kuntest, hija tinvoka ksur, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni nett, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, it-tielet nett, tad-dritt Eġizzjan applikabbli.

    65

    Ir-rikorrenti takkuża wkoll lid-delegazzjoni u lis-SEAE li pprovaw jiksbu, mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr ma għarrfuha minn qabel, “movement certificate” dwarha. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

    66

    Ir-rikorrenti ssostni li sostniet danni kemm materjali kif ukoll morali minħabba dan l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE.

    67

    L-ewwel dannu materjali li hija ssostni huwa magħmul mill-ispejjeż amministrattivi u ta’ avukat li hija qabbdet għal diversi proċeduri, b’mod partikolari, amministrattivi, li hija bdiet fil-Belġju u fl-Eġittu, stmati għal ammont totali ta’ EUR 5200. Hija ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-impossibbiltà għaliha li terġa’ lura u taħdem fl-Eġittu minħabba l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE, hija kellha taffronta, kull sena, fil-Belġju “maratona amministrattiva twila” fi ħdan l-awtoritajiet sabiex tikseb permess ta’ xogħol u ta’ residenza kif ukoll, finalment, in-nazzjonalità Belġjana.

    68

    It-tieni dannu materjali allegat mir-rikorrenti huwa magħmul mill-ispejjeż ta’ alloġġament li kienet esposta għalihom fil-Belġju mill-1 ta’ Jannar 2004. Hija titlob ir-rimbors tal-kera mħallsa għall-kiri ta’ żewġ appartamenti li hija kienet okkupat suċċessivament bejn din id-data u l-31 ta’ Jannar 2008, spejjeż marbuta max-xiri ta’ għamara għat-tieni wieħed minn dawn l-appartamenti kif ukoll l-interessi dovuti għax-xiri ta’ appartament fil-Belġju f’Lulju 2007, fejn marret toqgħod fl-1 ta’ Frar 2008.

    69

    It-tielet dannu materjali invokat mir-rikorrenti jikkonċerna t-telf ta’ opportunità li hija għaddiet minnha li tirritorna taħdem fl-Eġittu mill-1 ta’ Jannar 2004 u li jkollha karriera professjonali hemmhekk iktar prestiġjuża, iktar dinamika, iktar interessanti fuq il-livell finanzjarju u li toffri perspettivi aħjar minn dik li hija għandha fil-Belġju.

    70

    Ir-raba’ dannu materjali li ssostni r-rikorrenti huwa magħmul mill-ammont imnaqqas tal-pensjoni ta’ rtirar li għandha dritt għaliha fil-Belġju. Hija ssostni li minħabba l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE, hija mhux se tkun tista’ tilħaq l-ammont ta’ snin minimu meħtieġ sabiex tibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar fl-Eġittu u li l-perijodi ta’ kontribuzzjoni li hija tista’ takkumula fil-Belġju huma wisq qosra sabiex tkun tista’ tingħata pensjoni ta’ rtirar sħiħa.

    71

    Il-ħames dannu materjali allegat mir-rikorrenti huwa magħmul mill-ispejjeż ta’ vjaġġar sostnuti sabiex tmur l-Eġittu sabiex tiltaqa’ ma’ persuni li jimpjegaw potenzjali meta kienet qegħda tfittex xogħol u sabiex iżżur lill-familja u lill-ħbieb tagħha. Hija tistima dawn l-ispejjeż għal EUR 8000, abbażi ta’ żewġ vjaġġi fis-sens u ta’ prezz medju ta’ EUR 400 għal biljett tal-ajru ’l hemm u lura.

    72

    Fir-rigward tad-danni materjali allegati, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE poġġewha fi stat ta’ stress u ta’ ansjetà, li ħolqilha problemi diġestivi, reazzjonijiet fil-ġilda u depressjoni profonda. Fit-tieni lok, hija tinvoka l-fatt li ssosfri minħabba li tinsab ’l bogħod mill-familja u mill-ħbieb tagħha.

    73

    Ir-rikorrenti ssostni li d-diversi danni materjali u morali msemmija fil-punti 67 sa 72 iktar ’il fuq huma l-konsegwenza diretta tan-nuqqas tad-delegazzjoni u tas-SEAE li jibagħtu formula “estemara 6” f’isimha u li jirregolarizzaw ulterjorment is-sitwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward. Fir-rigward tal-allegat aġir illegali bbażat fuq it-tentattivi tad-delegazzjoni li tikseb, mingħajr il-kunsens minn qabel tagħha, ta’ “movement certificate” dwarha, ir-rikorrenti indikat, b’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li dan kien ħolqilha “stress u stat ta’ tensjoni partikolari, li [kien] ipparteċipa fiż-żieda tad-dannu morali sostnut [...] mill-2004.

    74

    Mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk l-aġir li huma akkużati bih id-delegazzjoni u l-SEAE huwiex ta’ natura li tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta hijiex, fi kwalunkwe każ, sodisfatta, għandu jiġi ddeterminat il-mument preċiż meta l-effetti dannużi effettivament seħħew fil-konfront tar-rikorrenti. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati d-diversi danni materjali u morali li din tal-aħħar titlob kumpens għalihom.

    75

    Għandu jiġi rrelevat qabel xejn li huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-delegazzjoni kellha l-obbligu, skont id-dritt Eġizzjan applikabbli, li timla u tibgħat il-formula “estermara 6” relatata mar-rikorrenti sa mix-xahar ta’ Ottubru 2001, iżda li hija naqset milli tagħmel dan. Mill-fajl tar-rikorrenti, li f’din l-epoka kienet fil-Belġju, jirriżulta li hija saret taf b’dan in-nuqqas biss fit-13 ta’ Settembru 2005, u dan b’kumbinazzjoni (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Ċertament, permezz ta’ ittri tat-3 ta’ Frar (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u tal-11 ta’ Awwissu 2005 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), hija kienet diġà talbet lid-delegazzjoni li tibgħatilha fil-Belġju l-kopja tagħha ta’ din il-formula. Madankollu, f’dawn id-dati, hija kienet taħseb, in bona fide, li din il-kopja kienet tinsab fil-fajl personali tagħha għand id-delegazzjoni; hija ma kinitx taf li, fil-verità, din tal-aħħar lanqas biss kienet imliet il-formula. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun beda jiddekorri qabel it-13 ta’ Settembru 2005, b’mod partikolari sa mix-xahar ta’ Ottubru 2001.

    76

    Għandu jiġi kkonstatat li d-danni materjali u morali allegati mir-rikorrenti kollha għandhom bħala oriġini l-istess fatt, jiġifieri l-fatt li, fid-dawl tan-nuqqas tal-għoti ta’ formula “estemara 6” f’isimha mid-delegazzjoni, hija ma setgħetx issib xogħol ġdid fl-Eġittu u, għaldaqstant, li terġa’ lura f’dan il-pajjiż.

    77

    Skont ir-rikorrenti, fil-fatt, irriżulta dan li ġej:

    hija kellha ġġedded il-permess ta’ xogħol tagħha u l-permessi ta’ residenza fil-Belġju, qabel ma titlob in-nazzjonalità Belġjana, u tirrikorri għas-servizzi ta’ avukat Belġjan u ta’ avukat Eġizzjan (l-ewwel dannu materjali allegat);

    hija kellha tkompli tassumi spejjeż ta’ kiri fil-Belġju (it-tieni dannu materjali allegat);

    hija ma setgħetx tiżviluppa karriera professjonali fl-Eġittu (it-tielet dannu materjali allegat);

    hija ma tistax titlob id-drittijiet għall-pensjoni ta’ rtirar fl-Eġittu u lanqas ma tista’ tirċievi pensjoni ta’ rtirar sħiħa fil-Belġju (ir-raba’ dannu materjali allegat);

    hija għandha ssostni spejjeż ta’ vjaġġar darbtejn fis-sena, b’mod partikolari sabiex iżżur il-familja u l-ħbieb tagħha fl-Eġittu (il-ħames dannu materjali allegat);

    hija tinsab f’sitwazzjoni ta’ stat ta’ stress u ta’ ansjetà u tbati minħabba li tinsab ’l bogħod mill-familja u mill-ħbieb tagħha.

    78

    F’diversi postijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-allegati danni huma ta’ natura kontinwata mix-xahar ta’ Ottubru 2001, peress li n-nuqqas ta’ għoti ta’ formula “estemara 6” f’isimha mid-delegazzjoni ilu jippersisti minn dik id-data. Madankollu, meta tiddeskrivi iktar fid-dettall l-imsemmija danni, hija tgħid li dawn bdew fl-1 ta’ Jannar 2004.

    79

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-partijiet tal-fajl li jistabbilixxu li huwa biss fil-bidu tas-sena 2005 li r-rikorrenti bdiet tagħmel intervisti sabiex issib xogħol fl-Eġittu u, għall-ewwel darba tilfet opportunità ta’ xogħol f’dan il-pajjiż minħabba l-assenza tal-formula “estemara 6” f’isimha fil-fajl tas-sigurtà soċjali (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti ma tistax għalhekk, fi kwalunkwe każ, titlob li tingħata kumpens mill-1 ta’ Jannar 2004.

    80

    Sussegwentement, mingħajr preġudizzju, f’dan l-istadju, għan-natura kumpensabbli tad-danni allegati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li huma biss uħud minnhom li jista’ jkollhom natura kontinwata.

    81

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandhom jiġu kkunsidrati li għandhom tali natura, id-danni rinnovati matul perijodi suċċessivi u li jiżdiedu bi proporzjon taż-żmien li jkun għadda (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Settembru 2009, Inalca u Cremonini vs Il-Kummissjoni, T‑174/06, EU:T:2009:306, punt 57).

    82

    Ma jistax ikun kopert minn din id-definizzjoni, id-dannu materjali magħmul mill-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ta’ avukat sostnuti mir-rikorrenti fil-Belġju għat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza u l-permessi ta’ xogħol tagħha kif ukoll għall-kisba tan-nazzjonalità Belġjana. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż, anki jekk huma ripetuti xi drabi bejn l-2005 u Awwissu 2008, għandhom natura istantanja, sa fejn huma effettivament seħħew fid-data ta’ meta seħħet kull waħda mill-proċeduri amministrattivi inkwistjoni u fejn l-ammonti tagħhom żdiedux bi proporzjon taż-żmien li għadda.

    83

    Din il-parti tal-ewwel dannu materjali allegat għalhekk seħħet fir-rigward tar-rikorrenti għall-aħħar darba f’Awwissu 2008, jiġifieri iktar minn ħames snin qabel it-talba tagħha għal danni fit-30 ta’ Ottubru 2013 u l-preżentata ta’ dan ir-rikors għal danni. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li dan ir-rikors huwa preskritt f’dak li jikkonċerna l-imsemmija parti.

    84

    Fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat allegatament sostnuti mir-rikorrenti fl-Eġittu, li jaqgħu ukoll taħt l-ewwel dannu materjali invokat u li għandhom ukoll, min-natura tagħhom, natura istantanja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tippreċiżax id-data fejn ġew konkretizzati. Barra minn hekk, hija ma tipproduċi l-ebda prova li tista’ turi r-realtà u l-portata tagħhom.

    85

    Minn dan isegwi li għandha tiġi miċħuda, fit-totalità tagħha, it-talba għal kumpens għad-danni tal-ewwel dannu materjali allegat.

    86

    Lanqas ma jista’ jiġi kkwalifikat bħala kontinwat, id-dannu magħmul mill-ispejjeż tal-ivvjaġġar allegatament esposti mir-rikorrenti sabiex tmur l-Eġittu. Fil-fatt, min-natura tagħhom, tali spejjeż iseħħu effettivament fid-data ta’ kull wieħed mill-vjaġġi inkwistjoni u ma jiżdidux bi proporzjon taż-żmien li jkun għadda.

    87

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax id-data meta dawn l-ispejjeż ta’ vjaġġar immaterjalizzaw ruħhom għaliha. L-iktar l-iktar jista’ jiġi preżunt li jirrigwardaw is-snin 2004 sa 2013, li jwassal għall-konklużjoni li dan ir-rikors huwa preskritt għal dak li jikkonċerna dawk li hija sostniet qabel l-2009. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, hija ma tipprovdi l-ebda prova tar-realtà u tal-portata tal-ispejjeż ta’ vjaġġar allegati.

    88

    Għaldaqstant, it-talba għal kumpens tal-ħames dannu materjali allegat għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

    89

    Min-naħa l-oħra, it-tliet danni materjali l-oħra allegati jista’ jkunu ta’ natura kontinwata.

    90

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li mill-fajl tar-rikorrenti jirriżulta suffiċjentement skont il-liġi li r-rikorrenti xtaqet terġa’ tmur taħdem u tgħix fl-Eġittu sa mill-bidu tas-sena 2005, iżda li qatt ma setgħet terġa’ ssib xogħol f’dan il-pajjiż minħabba n-nuqqas persistenti tad-delegazzjoni li tagħti formula “estermara 6” f’isimha u li, għalhekk, hija kienet obbligata tibqa’ tgħix u taħdem fil-Belġju. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat qabel xejn li, kuntrarjament għal dak li jsostni s-SEAE f’diversi okkażjonijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-deċiżjoni tar-rikorrenti li tibqa’ fil-Belġju mill-2005 ma hijiex riżultat ta’ għażla personali u ħielsa min-naħa tagħha, iżda hija konsegwenza ta’, fi kliem din tal-aħħar, tal-“ibblokkar tas-sitwazzjoni amministrattiva fl-Eġittu”. Il-fatt li, xi snin wara, hija ddeċidiet li tistabbilixxi ruħha definittivament fil-Belġju u li tikseb in-nazzjonalità Belġjana huwa spjegat mir-rassenjazzjoni tagħha quddiem l-assenza ta’ reazzjoni mid-delegazzjoni għall-ħafna talbiet tagħha li toħroġ il-formula “estemara 6” f’isimha u mill-volontà tagħha li tillimita kemm jista’ jkun il-portata tad-dannu li hija tqis li kienet qegħda ssostni.

    91

    Għaldaqstant, jistgħu, fi kwalunkwe ipoteżi, jiġu kkunsidrati li għandhom natura kontinwata, l-ispejjeż ta’ alloġġament sostnuti mir-rikorrenti fil-Belġju sa mill-bidu tas-sena 2005, li, kieku setgħet tirritorna toqgħod u taħdem fl-Eġittu sa minn din id-data, kienet tkun tista’ tokkupa l-appartament li kienet xtrat fil-Kajr (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

    92

    Fir-rigward tal-opportunità mitlufa mir-rikorrenti li jkollha, fl-Eġittu, karriera professjonali iktar interessanti u lukrativa minn dik li għandha fil-Belġju u tal-allegati konsegwenzi f’termini ta’ drittijiet għal pensjoni minħabba din it-telfa ta’ opportunità, dawn ukoll huma danni li, jekk seħħew, għandhom natura kontinwata u progressiva, peress li huma marbuta mal-impossibbiltà, għar-rikorrenti, li tirritorna taħdem fl-Eġittu mill-2005.

    93

    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna d-danni morali invokati mir-rikorrenti, f’każ li jiġu pprovati biżżejjed, għandu jiġi kkunsidrat li, min-natura tagħhom, ma seħħewx b’mod istantanju, iżda ġġeddew kwotidjanament matul il-perijodu kollu li matulu hija sabet ruħha fl-impossibbiltà li tirritorna taħdem u li tgħix fl-Eġittu.

    94

    Is-SEAE ma jistax jippretendi li l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura kontinwata tad-danni allegati huwa bbażat fuq il-“perċezzjoni suġġettiva” ta’ din tal-aħħar li l-avvenimenti kollha marbuta mal-ħajja professjonali u personali li seħħew wara l-2001 huma l-konsegwenza tan-nuqqas inizzjali tad-delegazzjoni li tibgħat il-formula “estemara 6”. Fil-fatt, l-imsemmi argument huwa bbażat, mhux biss fuq is-sempliċi evalwazzjoni suġġettiva min-naħa tar-rikorrenti, iżda fuq diversi elementi oġġettivi u konkreti li jinsabu fil-fajl, minn fejn jirriżulta b’mod partikolari li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni soda, sa mill-bidu tal-2005, li tirritorna toqgħod u taħdem fil-pajjiż tat-twelid tagħha, fejn hija għandha appartament tagħha u fejn joqogħdu l-familja u l-ħbieb tagħha, li hija tilfet opportunitajiet reali ta’ impjieg fl-Eġittu fl-2005, fl-2006 u fl-2007 minħabba n-nuqqas tal-formula “estemara 6” f’isimiha fil-fajl tagħha ta’ sigurtà soċjali. Mill-fajl jirriżulta wkoll li, minkejja l-ħafna talbiet ta’ regolarizzazzjoni magħmula mir-rikorrenti sa minn Frar 2005, huwa biss ħames snin wara li d-delegazzjoni, qabel xejn fl-interess tagħha stess (ara l-punt 119 iktar ’il quddiem), indenjat ruħha tieħu l-ewwel miżura konkreta f’dan il-każ, billi tipprova tikseb “movement certificate” li jikkonċernaha, u li hija sabet ruħha, minħabba din is-sitwazzjoni kumplikata, fi stat ta’ stress u ta’ ansjetà li kkawżalha problemi kemm fiżiċi kif ukoll morali, li wħud minnhom għadhom jippersistu fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

    95

    Barra minn hekk, is-SEAE jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-ilment preċiż invokat mir-rikorrenti. Hija ma takkużax lid-delegazzjoni tant li naqset milli tagħti l-formula “estermara 6” f’isimha f’Ottubru 2001 iżda li baqgħet deliberatament fin-nuqqas li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni tagħha, minkejja t-talbiet tagħha f’dan is-sens kostantement irrepetuti sa minn Frar 2005. Hija tikkunsidra li, fid-dawl taż-żamma ta’ dan l-aġir allegatament illegali, l-effetti dannużi allegati komplew iseħħu f’intervalli regolari u jiżdiedu.

    96

    Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mill-konstatazzjoni li t-tieni, it-tielet u r-raba’ dannu materjali allegati kif ukoll id-danni morali allegati għandhom natura kontinwata, għandu jiġi rrelevat li t-teżi prinċipali tar-rikorrenti, li l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni ma jista’ jiġi oppost kontriha f’dan il-każ peress li l-allegat aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE kif ukoll l-effetti dannużi li jirriżultaw minnu għadhom jeżistu sal-lum, ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, b’risposta għal domanda bil-miktub li kienet saritilha mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll matul is-seduta, ir-rikorrenti espressament irrikonoxxiet li t-teżi prinċipali tagħha kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din il-ġurisprudenza u indikat li kienet qegħda tirrinunzja għall-imsemmija teżi, u żżomm biss dik żviluppata sussidjarjament.

    97

    Skont din tal-aħħar teżi u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti għamlet talba preliminari għad-danni lis-SEAE fit-30 ta’ Ottubru 2013, għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-kumpens tat-tieni, t-tielet u r-raba’ dannu materjali allegati kif ukoll tad-danni morali allegati, sa fejn dawn id-diversi danni ġew sostnuti wara t-30 ta’ Ottubru 2008. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq il-mertu

    Fuq l-allegat aġir illegali

    98

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti takkuża lis-SEAE u lid-delegazzjoni, essenzjalment, li ma bagħtux formula “estemara 6” f’isimha fis-sebat ijiem wara r-riżenja tagħha, f’Ottubru 2001, u li naqsu milli jirregolarizzaw ulterjorment is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tal-korp Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, minkejja l-ħafna talbiet tagħha f’dan is-sens. Fit-tieni lok, hija takkużahom li pprovaw jiksbu, mingħajr il-kunsens tagħha u mingħajr lanqas biss informawha b’dan minn qabel, “movement certificate” dwarha.

    – Fuq in-nuqqas tal-għoti tal-formula “estemara 6” f’isem ir-rikorrenti u ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar

    99

    Fir-rigward ta’ dan l-ewwel allegat aġir illegali, ir-rikorrenti tinvoka ksur, l-ewwel nett, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni nett, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, it-tielet nett, tad-dritt Eġizzjan applikabbli.

    100

    Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-rikorrenti ssostni li fl-ebda mument is-sitwazzjoni tagħha ma ġiet ittrattata b’mod imparzjali u ekwu mid-delegazzjoni u s-SEAE, bi ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija ssostni li, matul diversi snin, hija ma kisbet l-ebda risposta konkreta min-naħa tad-delegazzjoni għall-ħafna talbiet tagħha, li għalhekk deliberatament u inġustament injorat il-każ tagħha. Hija ssostni wkoll li s-SEAE ma implementax b’diliġenza d-deċiżjoni tal-Ombudsman tat-8 ta’ Marzu 2013.

    101

    Is-SEAE jikkontesta l-akkuża li baqa’ totalment inattiv u li naqas mir-rispett u mill-ekwità lejn ir-rikorrenti, filwaqt li jsostni li rrisponda diversi drabi għat-talbiet ta’ din tal-aħħar u li beda proċeduri sabiex isolvi l-problema inkwistjoni. Huwa jikkonstesta wkoll li ma aġixxiex wara d-deċiżjoni tal-Ombudsman tat-8 ta’ Marzu 2013 u jirreleva b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li talab diversi drabi lir-rikorrenti tibgħatlu “movement certificate”, li din tal-aħħar irrifjutat li tagħmel.

    102

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li d-delegazzjoni u s-SEAE kisru l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, sa fejn, sal-ġurnata tal-lum, għadhom ma rregolarizzawx is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sigurtà soċjali Eġizzjana, meta hija kienet talbet, sa mill-bidu tal-2005, lill-ewwel waħda li tibgħatilha kemm jista’ jkun malajr il-formula “estemara 6”, li hija kienet sussegwentement reġgħet għamlet it-talba diversi drabi permezz tat-telefon, ittri u ittri elettroniċi, li kienet ikkuntattjat lid-DG Relex fl-2010 u li l-Ombudsman kien ta deċiżjoni li tikkonstata l-aġir illegali tas-SEAE u d-danni li jirriżultaw minnu.

    103

    Is-SEAE jsostni li r-rikorrenti kkuntattjat lid-delegazzjoni, għall-ewwel darba, fi Frar 2005 biss u li huwa mill-2007 li l-iskambji ta’ korrispondenza bejn dawn it-tnejn tal-aħħar saru iktar frekwenti. Huwa jsostni li, għalkemm is-sitwazzjoni tar-rikorrenti għadha ma hijiex irregolarizzata, dan huwa għaliex din tal-aħħar ilha tirrifjuta li tibgħatlu “movement certificate” sa mill-2010. Id-dewmien tas-sitwazzjoni li tat lok għal dan ir-rikors huwa għalhekk, tal-inqas parzjalment, attribbwibbli għar-rikorrenti. B’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Ombudsman tat-8 ta’ Marzu 2013, id-danni sostnuti mir-rikorrenti wara Mejju 2010 huma unikament imputabbli lil din tal-aħħar, li rrifjutat li tikkollabora mad-delegazzjoni.

    104

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-delegazzjoni kisret id-dritt Eġizzjan applikabbli billi naqset milli tgħaddi formula “estemara 6” f’isimha fis-sebat ijiem wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha. Hija ssostni li d-delegazzjoni biss hija f’pożizzjoni li tirrimedja dan il-ksur. Issa, din tal-aħħar ilha, sa mill-2005, tirrifjuta li tirregolarizza s-sitwazzjoni tagħha unikament minħabba raġunijiet finanzjarji, peress li tali regolarizzazzjoni ma tistax issir retroattivament, iżda biss mid-data ta’ meta tiġi ddepożitata l-formula, li jimplika l-ħlas tal-kontribuzzjoni ta’ sigurtà soċjali sa din l-aħħar data.

    105

    Is-SEAE jirrikonoxxi li ma bagħatx il-formula “estemara 6” fit-terminu meħtieġ, iżda jirrepeti li, meta pprova jsolvi l-problema, ma setax jikseb il-kollaborazzjoni tar-rikorrenti, li rrifjutat li titlob “movement certificate”. Huwa jikkunsidra li ma jkunx korrett li jingħalaq il-fajl tas-sigurtà soċjali ta’ din tal-aħħar daqs li kieku kienet ħadmet għad-delegazzjoni sa dik il-ġurnata. Huwa jżid li d-delegazzjoni finalment irrikorriet għas-servizzi ta’ avukat, li bagħat l-imsemmija formula fl-aħħar indirizz tar-rikorrenti fl-Eġittu kif ukoll ittra lill-korp Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, li madankollu qatt ma rrisponda.

    106

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-allegat ksur tad-dritt Eġizzjan applikabbli.

    107

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li, abbażi tal-imsemmi dritt, id-delegazzjoni kellha, fis-sebat ijiem wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol li kien jorbotha mar-rikorrenti, li timla l-formula “estemara 6” f’isem din tal-aħħar u li tibgħatha lill-korp Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, iżda li naqset milli tagħmel dan. Kif is-SEAE indika matul is-seduta, jidher ukoll li, fid-data tas-seduta, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward kienet għadha ma ġietx irregolarizzata (ara l-punt 41 iktar ’il fuq).

    108

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif fil-fatt ammettiet ir-rikorrenti matul is-seduta, tali ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ pajjiż terz ma jistax, bħala tali u waħdu, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura li tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din. Għalhekk, ġie deċiż li n-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suxxettibbli li tiġi applikata r-responsabbiltà tal-Unjoni biss sa fejn dawn l-istituzzjonijiet jkunu kisru obbligu legali li jieħdu azzjoni li jirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:C:1994:329, punt 58, u tat-13 ta’ Novembru 2008, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑128/05, EU:T:2008:494, punt 128).

    109

    Min-naħa l-oħra, meta l-ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ pajjiż terz jikkostitwixxi simultanjament ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi applikata. Għalhekk, f’dan il-każ, il-ksur, rikonoxxut mis-SEAE, tad-dritt Eġizzjan applikabbli għandu jiġi evalwat, mhux b’mod awtonomu, iżda fil-kuntest tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji, minn naħa, ta’ amministrazzjoni tajba u, min-naħa l-oħra, ta’ terminu raġonevoli.

    110

    Fit-tieni lok, jaqbel li jiġu ttrattati flimkien il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji, minn naħa, tal-amministrazzjoni tajba u, min-naħa l-oħra, tat-terminu raġonevoli.

    111

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni. L-Artikolu 41(3) tal-imsemmija karta jfakkar il-prinċipju stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li kull persuna għandha d-dritt għal kumpens mill-Unjoni għad-dannu kkawżat mill-istituzzjonijiet, jew mill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-karigi tagħhom, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri.

    112

    L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jippreċiżaw li l-Artikolu 41 tagħha huwa bbażat fuq l-eżistenza tal-Unjoni bħala komunità tad-dritt li l-karatteristiċi tagħha ġew żviluppati mill-ġurisprudenza, li b’mod partikolari stabbiliet l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt.

    113

    Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ dritt speċifiku bħad-dritt li l-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ekwu u f’terminu raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi kkunsidrat bħala regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi [ara, fir-rigward tal-obbligu ta’ diliġenza, li huwa marbut mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’kura u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni,C‑47/07 P, Ġabra, EU:C:2008:726, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2006, Tillack vs Il-Kummissjoni,T‑193/04, Ġabra, EU:T:2006:292, punt 127, u SPM ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, EU:T:2008:494, punt 127].

    114

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni ma għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ konkret, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif huwa invokat f’dan il-każ. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ta’ sempliċi ksur ta’ dan il-prinċipju mid-delegazzjoni u mis-SEAE huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur biżżejjed serju fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq.

    115

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, matul is-seduta, is-SEAE kkonċeda li, f’dan il-każ, kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

    116

    L-elementi tal-fajl u s-sekwenza ta’ avvenimenti, kif deskritta fil-punti 1 sa 41 iktar ’il fuq, juru, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ tali ksur. Essenzjalment, b’nuqqas totali ta’ kunsiderazzjoni lejn ir-rikorrenti, li kienet impjegata tagħha għal iktar minn għaxar snin, id-delegazzjoni, suċċeduta mis-SEAE, minbarra l-fatt li naqset milli timla u tibgħat lill-korp Eġizzjan ta’ sigurtà soċjali l-formula “estermara 6” f’isem ir-rikorrenti f’Ottubru 2001, ħadet l-ewwel miżura konkreta b’risposta għat-talba tat-3 ta’ Frar 2005 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), ripetuta diversi drabi sussegwentement (ara l-punti 8, 11, 13, 15, 17, 19 u 20 iktar ’il fuq), biss fit-18 ta’ Marzu 2010. Imbagħad hija pprovat tikseb “movement certificate” f’isem din tal-aħħar (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Sa din l-aħħar data, id-delegazzjoni baqgħet inattiva u siekta meta affaċċjata bit-talbiet tar-rikorrenti jew tat biss risposti evażivi, filwaqt li sostniet li kellha bżonn ftit iktar żmien sabiex issib soluzzjoni għall-problema. Mistoqsi dwar dan is-suġġett matul is-seduta, is-SEAE ma kienx f’pożizzjoni li joffri l-iċken spjegazzjoni għal din in-nuqqas ta’ reazzjoni tad-delegazzjoni għat-talbiet, kompletament leġittimi, tar-rikorrenti.

    117

    Is-SEAE ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti mill-fatt li din tal-aħħar irrifjutat li titlob u li tibgħatlu “movement certificate”, kif id-delegazzjoni kienet talbitha diversi drabi sa minn nofs is-sena 2010.

    118

    Fil-fatt, kif ir-rikorrenti tenfasizza fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u matul is-seduta, imkien ma huwa pprovat li l-produzzjoni ta’ “movement certificate”, li jistabbilixxi li hija kienet telqet mit-territorju Eġizzjan f’Ottubru 2001, kien indispensabbli sabiex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tagħha fil-qasam ta’ sigurtà soċjali. Għaldaqstant, u fid-dawl tar-raġunijiet personali invokati mir-rikorrenti kif ukoll ir-rifjut tas-SEAE li jikkunsidra serjament il-possibbiltà li jagħtiha kumpens għad-dannu, huwa komprensibbli li din tal-aħħar ma kinitx inklinata li titlob tali ċertifikat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrelevat li l-“movement certificate” ma huwiex dokument insinjifikanti, anki jekk ma huwiex ipprovat li huwa biss, jew prinċipalment, użat fil-kuntest ta’ proċedura kriminali.

    119

    Fil-verità, kif deher ċar fis-seduta, għalkemm id-delegazzjoni u s-SEAE pprovaw jiksbu l-imsemmi “movement certificate”, dan kien qabel xejn fl-interess tagħhom stess, sabiex il-fajl ta’ sigurtà soċjali tar-rikorrenti jkun jista’ jingħalaq retroattivament, f’Ottubru 2001. Kif huwa paċifiku bejn il-partijiet, id-delegazzjoni setgħet, fi kwalunkwe mument, timla formula “estemara 6” bid-data tal-għoti effettiv tagħha lill-korp Eġizzjan tas-sigurtà soċjali, iżda, f’din l-ipoteżi, hija kienet tesponi ruħha sabiex tħallas l-arretrati tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali sal-imsemmija data. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-formula “estemara 6” li d-delegazzjoni kienet finalment aċċettat li tgħaddi lir-rikorrenti f’Ottubru 2011 ġiet irrifjutata minn dan il-korp, minħabba li kienet antidatata, bid-data tax-xahar ta’ Ottubru 2001 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

    120

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi naqsu milli jipprovdu l-formula “estemara 6” f’isem ir-rikorrenti fit-terminu stabbilit mid-dritt Eġizzjan applikabbli u li jirregolarizzaw ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar, id-delegazzjoni u s-SEAE huma ħatja ta’ aġir illegali ta’ natura li tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    – Fuq it-tentattiv ta’ ksib tal-“movement certificate” mid-delegazzjoni

    121

    Ir-rikorrenti ssostni li d-delegazzjoni kisret id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata tagħha peress li, fl-2010, hija kkuntattjat, mingħajr ma informatha u inqas u inqas mingħajr il-kunsens tagħha, lill-awtoritajiet Eġizzjani responsabbli mill-immigrazzjoni u l-passaporti sabiex tikseb “movement certificate”.

    122

    Is-SEAE jikkontesta li kiser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tar-rikorrenti. Huwa jsostni b’mod partikolari li kien in bona fide u bl-għan li tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar li, abbażi ta’ informazzjoni rċevuta mill-korp ta’ sigurtà soċjali Eġizzjan, id-delegazzjoni pprovat tikseb hi stess il-“movement certificate”.

    123

    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li r-rikorrenti ma tipprova bl-ebda mod kif it-tentattivi tad-delegazzjoni li tikseb “movement certificate” dwarha u li jistabbilixxi biss il-ħruġ tagħha mit-territorju Eġizzjan f’Ottubru 2001 huma suxxettibbli li jimminaw il-ħajja privata tagħha. Kif indika s-SEAE, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti dwar dan il-punt, l-informazzjoni li d-delegazzjoni riedet b’hekk tikseb b’konstatazzjoni uffiċjali għal finijiet purament amministrattivi kienet ġiet ikkomunikata minn tal-ewwel, mill-mument tar-riżenja tagħha, lit-tieni u ma kellha l-ebda natura privata.

    124

    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tentattivi tad-delegazzjoni li tikseb “movement certificate” li jikkonċerna lir-rikorrenti jikkostitwixxu aġir illegali ta’ natura li tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    Fuq id-danni allegati u r-rabta kawżali

    125

    Mill-punti 106 sa 120 iktar ’il fuq jirriżulta li d-delegazzjoni, u, sussegwentement is-SEAE wettqu ksur li jista’ japplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni billi naqset, bi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tat-terminu raġonevoli, li jagħtu l-formula “estemara 6” f’isem ir-rikorrenti fit-terminu meħtieġa mid-dritt Eġizzjan applikabbli u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-punti 89 sa 97 iktar ’il fuq jirriżulta li dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-kumpens tat-tieni, it-tielet u r-raba’ danni materjali allegati kif ukoll danni morali allegati, sa fejn dawn id-diversi danni ġew sostnuti wara t-30 ta’ Ottubru 2008.

    126

    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-danni humiex reali u ċerti u, skont il-każ, jekk teżistix rabta kawżali diretta bejn l-illegalità kkonstatata u l-imsemmi dannu.

    – Fuq it-tieni dannu materjali allegat

    127

    Prinċipalment, ir-rikorrenti titlob li tiġi rrimborsata l-ispejjeż ta’ alloġġament li sostniet fil-Belġju mill-2004, stmati għal ammont totali ta’ EUR 133493.88. Hija ssostni li, kieku d-delegazzjoni kienet bagħtet il-formula “estemara 6”, hija kienet tkun tista’ tirritorna toqgħod u taħdem fl-Eġittu mill-aħħar tas-sena 2013 u toqgħod mingħajr ħlas għand il-familja tagħha sakemm tingħata, fl-2004, l-appartament li kienet xtrat fil-Kajr. Peress li kellha tibqa’ toqgħod fil-Belġju minħabba l-aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE, hija titlob ir-rimbors tal-kera mħallsa għall-kiri ta’ żewġ appartamenti li hija kienet okkupat suċċessivament bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Jannar 2008, jiġifieri ammont ta’ EUR 40950, filwaqt li ppreċiżat li, f’Lulju 2007, hija kienet xtrat appartament, fejn marret toqgħod fl-1 ta’ Frar 2008. Hija titlob ukoll il-ħlas tas-somma ta’ EUR 4438, li tikkorrispondi għax-xiri ta’ għamara għat-tieni appartament mikri fi Brussell (il-Belġju). Fl-aħħar nett, hija tikkunsidra li ma’ dawn l-ammonti għandha tiżdied is-somma tal-interessi dovuti, mill-1 ta’ Lulju 2007, minħabba s-self ikkuntrattat għax-xiri tal-appartament tagħha fil-Belġju, jiġifieri EUR 88105.88.

    128

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob ir-rimbors tal-interessi dovuti, mit-30 ta’ Ottubru 2008, minħabba s-self imsemmi fil-punt 127 iktar ’il fuq, jiġifieri ammont ta’ EUR 78623.81.

    129

    Is-SEAE jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir illegali inkwistjoni u dan id-dannu, billi jsostni, essenzjalment, li r-rikorrenti volontarjament iddeċidiet li tmur toqgħod il-Belġju u li l-ispejjeż li għalihom huwa mitlub ir-rimbors huma biss għalhekk il-konsegwenza normali tal-għażla ta’ ħajja tagħha. Barra minn hekk, kull possibbli rabta kawżali nkisret mill-aġir stess tar-rikorrenti, li kienet irrifjutat li tikseb “movement certificate”.

    130

    Qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li, peress li t-talba għal kumpens għat-tieni dannu materjali allegat hija preskritta f’dak li jikkonċerna l-perijodu qabel it-30 ta’ Ottubru 2008, huma biss it-talbiet magħmula sussidjarjament mir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ alloġġament tagħha li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

    131

    Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li ma teżistix rabta kawżali biżżejjed diretta bejn l-aġir illegali inkwistjoni u d-dannu maħluq mill-interessi li r-rikorrenti kellha tħallas minħabba s-self ikkuntrattat għax-xiri ta’ appartament fi Brussell.

    132

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’każijiet fejn l-aġir li allegatament ikun wassal għad-dannu invokat ikun jikkonsisti f’nuqqas ta’ aġir, huwa partikolarment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu jkun effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li huwa kkritikat u ma jkunx seta’ ġie kkawżat minn aġir differenti minn dak li tkun akkużata bih l-istituzzjoni konvenuta (ara d-digriet Portela vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata). (ara d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2008, Portela vs Il-Kummissjoni,T‑137/07, EU:T:2008:589, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    133

    Ċertament, kif diġà ġie rrelevat, minħabba l-aġir illegali inkwistjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx taħdem u toqgħod fl-Eġittu mill-bidu tas-sena 2005. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tagħha, f’Lulju 2007, li tixtri appartament fi Brussel u li tieħu self ipotekarju għal dan il-għan jirriżulta, b’mod determinanti, minn għażla personali tagħha, u mhux minn dan l-aġir. L-iktar l-iktar teżisti biss rabta indiretta ta’ kawża u effett bejn dan l-aġir u d-deċiżjonijiet ta’ xiri u ta’ self. F’dan ir-rigward, jista’ b’mod partikolari jiġi rrelevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti tindika li huwa “[s]abiex tiżgura kapital immobbli sabiex jimla għal pensjoni futura deriżorja [li hija] finalment iddeċidiet li tieħu self fil-Belġju sabiex tixtri appartament f’Lulju 2007”.

    134

    Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens għat-tieni dannu materjali allegat għandha tiġi miċħuda.

    – Fuq it-tielet dannu materjali allegat

    135

    Ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-aġir illegali inkwistjoni, hija tilfet opportunità li tirritorna taħdem fl-Eġittu mill-1 ta’ Jannar 2004 u li jkollha karriera professjonali iktar prestiġjuża, iktar dinamika u iktar interessanti fuq il-livell finanzjarju minn dik li għandha fil-Belġju. Prinċipalment, hija evalwat dan id-dannu għal 50 % tas-salarju net li hija ilha tirċievi mill-1 ta’ Jannar 2004 sad-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 131150. Sussidjarjament, fid-dawl tas-salarju net li rċeviet mit-30 ta’ Ottubru 2008, hija titlob il-ħlas ta’ EUR 68800.

    136

    Is-SEAE jsostni li r-rikorrenti, billi rrifjutat li titlob “movement certificate” u li tibgħatulu, mhux biss ma wrietx “diliġenza raġonevoli” sabiex tiġi llimitata l-portata tat-tielet dannu allegat, iżda barra minn hekk kisret kull rabta kawżali bejn l-aġir illegali inkwistjoni u dan id-dannu. Barra minn hekk, huwa jpoġġi f’dubju l-fatt li l-impjieg okkupat mir-rikorrenti fil-Belġju huwa inqas prestiġjuż u interessanti minn dawk li hija seta’ jkollha fl-Eġittu u jsostni li hija ma tressaqx provi ta’ dawn l-affermazzjonijiet dwar ir-remunerazzjonijiet li hija setgħet tirċievi f’dan l-aħħar pajjiż. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-ammont mitlub abbażi ta’ dan id-dannu huwa kompletament infondat.

    137

    It-talba għal kumpens għad-dannu tar-rikorrenti għat-telf ta’ opportunità li jkollha karriera professjonali iktar interessanti u iktar lukrativa fl-Eġittu għandha tiġi miċħuda, peress li r-realtà ta’ dan l-allegat dannu ma ġietx ipprovata suffiċjentement.

    138

    Ċertament, mill-fajl jirriżulta suffiċjentament, u huwa paċifiku bejn il-partijiet, li, minħabba l-omissjoni illegali tad-delegazzjoni li tibgħat il-formula “estemara 6” f’isem ir-rikorrenti u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni tagħha, din tal-aħħar tilfet opportunitajiet ta’ impjieg fl-Eġittu fi Frar 2005, f’April 2005, f’Settembru 2005, f’Jannar 2006 u f’Marzu 2007 u kellha tkompli taħdem u toqgħod fil-Belġju.

    139

    Madankollu, it-teżi tar-rikorrenti li l-karriera li hija seta’ kellha fl-Eġittu kienet tkun iktar prestiġjuża u iktar interessanti fuq il-livell intellettwali u finanzjarju minn dik li hija għandha fil-Belġju hija bbażata fuq sempliċi konġetturi.

    140

    Għalhekk, l-ewwel nett, filwaqt li r-rikorrenti ssostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li fil-Belġju setgħet issib biss “post ta’ segretarja f’[Assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru] li tittratta l-bejgħ taż-żingu”, mill-kuntratt ta’ impjieg tagħha li jinsab fl-Anness A 18 tar-rikors u minn ittra li tinsab fl-Anness C 3 tar-replika jirriżulta li hija kienet ġiet impjegata, f’Settembru 2001, bħala “Assistant to Market Development Coordinator and Environment and Public Affairs Manager” (Assistenta tal-koordinatur tal-iżvilupp tas-swieq u tad-direttur tal-ambjent u tal-affarijiet pubbliċi). Barra minn hekk, il-permessi ta’ xogħol tagħha jindikaw li hija “responsabbli mill-proġetti” u ftehim tat-13 ta’ Frar 2013 li jinsab fl-Anness A 18 tar-rikors jidentifikaha bħala “Executive and Personal Assistant” (Assistenta eżekuttiva u personali).

    141

    It-tieni nett, fir-rikors, ir-rikorrenti tqabbel is-sitwazzjoni professjonali tagħha fil-Belġju mal-karigi li hija kienet teżerċita fi ħdan id-delegazzjoni, “struttura ta’ madwar sittin persuna, b’eku diplomatiku, li tirrappreżenta korp prestiġjuż”. Issa, dan il-paragun huwa irrelevanti, peress li hija r-rikorrenti stess li, f’Ottubru 2001, iddeċidiet li ttemm l-imsemmi kariga u li tmur taħdem fil-Belġju.

    142

    It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ssostni bl-ebda prova l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-ammont tar-remunerazzjoni li rċeviet fl-Eġittu. Fir-rigward tal-metodu li hija tistabbilixxi sabiex tikkwantifika l-allegat dannu inkwistjoni, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 50 % fuq is-salarju nett li hija tirċievi fil-Belġju, huwa purament arbitrarju.

    143

    Ir-raba’ nett, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li hija ma għandhiex “profil speċjalment promettenti u mfittex mill-persuni li jimpjegaw” fil-Belġju ma tantx hija konvinċenti. Ċertament, ir-rikorrenti għandha biss konoxxenza bażika tal-Olandiż, iżda hija titkellem il-Franċiż, l-Ingliż u l-Għarbi, u għandha idea tajba tal-Ispanjol u tat-Taljan. Barra minn hekk, l-esperjenza tagħha ta’ 10 snin mad-delegazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-deskrizzjoni tagħha li hija tat fir-rikors, tikkostitwixxi l-evidenza ta’ vantaġġ fuq il-livell professjonali.

    144

    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li t-talba għal kumpens għat-tielet dannu materjali allegat għandha tiġi miċħuda.

    – Fuq ir-raba’ dannu materjali allegat

    145

    Ir-raba’ dannu materjali li ssostni r-rikorrenti huwa magħmul mill-ammont imnaqqas tal-pensjoni ta’ rtirar li hija tista’ titlob fil-Belġju. Hija ssostni li, minħabba l-aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE, hija mhux se tkun tista’ tilħaq in-numru minimu ta’ snin meħtieġ sabiex tkun tista’ tibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar fl-Eġittu u li l-perijodi ta’ kontribuzzjoni li hija tkun setgħet takkumula fil-Belġju huma qosra wisq biex jingħata lok għall-ħlas ta’ pensjoni ta’ rtirar sħiħa. Għaldaqstant, hija titlob, kemm prinċipalment kif ukoll sussidjarjament, il-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 181440, li jikkorrispondi għad-“differenza bejn il-pensjoni ta’ rtirar li hija ser tirċievi u l-ammont li tirċievi f’każ ta’ karriera kompleta b’remunerazzjoni ekwivalenti bejn il-65 u t-83 sena tagħha”.

    146

    Is-SEAE jirrispondi, essenzjalment, li r-raba’ dannu allegat ma huwa la attwali, la ċert u lanqas determinat.

    147

    Għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ dannu materjali allegat huwa nieqes minn kwalunkwe natura ċerta. Fil-fatt, ir-rikorrenti tibbaża t-talbiet tagħha fuq il-premessa purament ipotetika li, kieku setgħet tirritorna taħdem fl-Eġittu, hija kienet tkun ikkontribwixxiet matul numru ta’ snin suffiċjenti, jiġifieri 20 sena tal-inqas, sabiex tkun tista’ tibbenefika hemmhekk minn pensjoni ta’ rtirar, qabel ma jiġi evalwat l-ammont tal-imsemmi dannu abbażi tal-premessa, ukoll ipotetika, ta’ karriera kompleta, u, għaldaqstant, ta’ pensjoni ta’ rtirar kompleta, fil-Belġju.

    148

    Konsegwentement, it-talba għal kumpens tar-raba’ dannu materjali allegat ma tistax tintlaqa’.

    – Fuq id-danni morali allegati

    149

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għaċ-ċertifikati mediċi annessi mar-rikors, li l-aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE poġġiha fi stat ta’ stress u ta’ ansjetà, li joħolqilha problemi diġestivi u fil-ġilda kif ukoll depressjoni profonda. Fit-tieni lok, hija ssostni li hija ssofri minħabba d-distanza mill-familja u l-ħbieb tagħha. Hija tevalwa dan id-dannu morali doppju ex aequo et bono għal EUR 50000.

    150

    Is-SEAE jikkunsidra li ma teżisti l-ebda rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir illegali u dan id-dannu morali doppju u li, fi kwalunkwe każ, kull rabta ta’ kawżalità possibbli ġiet interrotta mill-aġir tar-rikorrenti stess.

    151

    Għandu jiġi kkonstatat li d-diversi ċertifikati mediċi u attestazzjonijiet annessi mar-rikors juru li, matul perijodu li jikkoinċidi ma’ dak ta’ din il-kawża, ir-rikorrenti kellha problemi ta’ saħħa, kemm fuq il-livell fiżiku kif ukoll fuq il-livell morali, u soffriet minħabba d-distanza mill-pajjiż ta’ twelid, mill-familja u mill-ħbieb tagħha.

    152

    Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta b’mod suffiċjenti fid-dritt li dawn il-problemi u sofferenzi jirriżultaw mill-aġir illegali u kompletament irrispettuż tad-delegazzjoni u tas-SEAE. Dan l-aġir poġġa lir-rikorrenti f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli, li ħolqilha b’mod partikolari stat ta’ stress u ta’ depressjoni komprensibbli.

    153

    Għar-raġunijiet diġà esposti fil-punt 90 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi serjament allegat, kif jagħmel is-SEAE, li d-deċiżjoni tar-rikorrenti li tibqa’ fil-Belġju mis-sena 2005 tirriżulta minn għażla personali u ħielsa min-naħa tagħha. Barra minn hekk, għar-raġunijiet diġà stabbiliti fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli rrifjutat li tibgħat lid-delegazzjoni u lis-SEAE “movement certificate”.

    154

    L-ammont tad-dannu morali doppju li sostniet ir-rikorrenti minħabba l-aġir illegali tad-delegazzjoni u tas-SEAE għandu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġi evalwat ex aequo et bono, fid-data ta’ din is-sentenza għal EUR 25000.

    155

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan ir-rikors għandu għalhekk jiġi milquħ parzjalment, sa fejn huwa intiż għall-kumpens tad-dannu morali doppju sostnut mir-rikorrenti, u dan għall-ammont imsemmi iktar ’il fuq ta’ EUR 25000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

    Fuq it-talba ta ’ miżuri ta ’ organizzazzjoni tal-proċedura

    156

    Kif espost fil-punt 47 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali tordna lis-SEAE, abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li jipproduċi d-dokumenti li jipprovaw il-miżuri meħuda mid-delegazzjoni u mis-SEAE sabiex isolvu din it-tilwima.

    157

    Is-SEAE, filwaqt li jenfasizza li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi waħedha dwar in-neċessità possibbli li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha fil-kawża quddiemha, inkluda f’anness mal-kontroreplika kopja ta’ diversi ittri, skambjati b’mod partikolari ma’ avukat Eġizzjan, relatati mal-imsemmija miżuri.

    158

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tad-dokumenti l-oħra ppreżentati fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jippermettu lill-Qorti Ġenerali li jkollha biżżejjed informazzjoni, ma hemmx lok li jiġu ordnati l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti.

    Fuq l-ispejjeż

    159

    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

    160

    Billi fil-kawża preżenti, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti tbati tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tas-SEAE, filwaqt li dan tal-aħħar ibati tmienja tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-Service européen pour l’action extérieure (SEAE) (Servizz Ewropew għall-Azzjoni Barranija) huwa kkundannat iħallas kumpens ta’ EUR 25000 lil R. Chart.

     

    2)

    Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

     

    3)

    R. Chart għandha tbati tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u tnejn minn għaxra tal-ispejjeż tas-SEAE.

     

    4)

    Is-SEAE għandu jbati tmienja minn għaxra tal-ispejjeż tiegħu u tmienja minn għaxra tal-ispejjeż ta’ R. Chart.

     

    Frimodt Nielsen

    Dehousse

    Collins

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2015.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    Osservazzjonijiet preliminari

     

    Fuq l-ammissibbiltà

     

    Fuq il-mertu

     

    Fuq l-allegat aġir illegali

     

    – Fuq in-nuqqas tal-għoti tal-formula “estemara 6” f’isem ir-rikorrenti u ta’ regolarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar

     

    – Fuq it-tentattiv ta’ ksib tal-“movement certificate” mid-delegazzjoni

     

    Fuq id-danni allegati u r-rabta kawżali

     

    – Fuq it-tieni dannu materjali allegat

     

    – Fuq it-tielet dannu materjali allegat

     

    – Fuq ir-raba’ dannu materjali allegat

     

    – Fuq id-danni morali allegati

     

    Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top