Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014FJ0031

    Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tal-11 ta' Diċembru 2014.
    Philippe Colart et. vs il-Parlament Ewropew.
    Kawża F-31/14.

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2014:264

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża F‑31/14,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

    Philippe Colart, uffiċjal fil-Parlament Ewropew, residenti fi Bastogne (il-Belġju), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness, irrappreżentati minn A. Salerno, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau u S. Alves, bħala aġenti,

    konvenut,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. I. Rofes i Pujol, President, K. Bradley u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Marzu 2014, P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness jitolbu l-annullament tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament Ewropew, kif ippubblikati u kkomunikati mill-bord tal-iskrutinaturi fit-28 ta’ Novembru 2013 u kkonfermati mill-imsemmi bord wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolamenti tal-Persunal

    2. L-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

    “1. Għandu jiġi stabbilit:

    (a) ġewwa kull istituzzjoni:

    – Kumitat tal-Persunal, li jista’ jkun organiżżat f’taqsimiet għall-postijiet differenti ta’ l-impieg;

    […]

    li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

    2. Il-komposizzjoni u l-proċedura [ta’ dan il-korp] għandha tkun stabbilita minn kull istituzzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II [tar-Regolamenti tal-Persunal].

    […]”

    3. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li:

    “Il-kondizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal jekk ma jkunx organizzat f’taqsimiet lokali jew għat-taqsima lokali, jekk il-Kumitat tal-Persunal huwa organizzat f’taqsimiet lokali, jitniżżlu mill-laqgħa ġenerali ta’ l-istituzzjoni fis-servizz fil-post relevanti ta’ l-impieg. Madankollu, l-istituzzjoni tista’ tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet għall-elezzjoni għandhom ikunu stabbiliti skond il-preferenza tal-persunal ta’ l-istituzzjoni kif espressa f’referendum. […]”

    Ir-regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal fil-Parlament

    4. Skont l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament adotta, fis-6 ta’ Frar 2012, regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal (iktar ’il quddiem ir-“RDRP”), li, fl-4 ta’ April 2012, ġie adottat permezz ta’ referendum fost il-persunal ta’ din l-istituzzjoni.

    5. L-Artikolu 8(1) u (2) tar-RDRP jipprevedi li:

    “1. Il-laqgħa ġenerali [tal-persunal, komposta mill-votanti kollha tal-Kumitat tal-Persunal,] għandha taħtar, fuq proposta konġunta tal-listi li għandhom mill-inqas persuna waħda eletta fil-Kumitat tal-Persunal u li spiċċat il-mandat tagħha, mill-inqas skrutinatur prinċipali wieħed u tliet skrutinaturi supplenti għal kull lista magħżula minn fost il-votanti.

    2. L-iskrutinaturi, prinċipali u supplenti, ma jistgħu jkunu la membri tal-Kumitat tal-Persunal u lanqas kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6. Skont l-Artikolu 20(1) u (2) tar-RDRP, “[i]l-bord [tal-iskrutinaturi] għandu jkun ikkostitwit mill-iskrutinaturi prinċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal u ta’ elezzjonijiet, referenda u konsultazzjonijiet oħra organizzati skont dan ir-regolament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7. L-Artikolu 26 tar-RDRP jistipula li:

    “1. L-elezzjonijiet għandhom jiġu organizzati mill-bord tal-iskrutinaturi.

    2. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jingħata terminu ta’ mill-inqas [40] jum ta’ xogħol sabiex jorganizza l-elezzjonijiet.

    3. [Fuq] talba tal-bord tal-iskrutinaturi, is-Segretarju Ġenerali [tal-Parlament] jista’ jinnomina żewġ osservaturi, li wieħed minnhom għandu jkun mis-servizz legali, li jassistu fil-laqgħat tal-bord tal-iskrutinaturi dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8. L-Artikolu 39 tar-RDRP jipprevedi li:

    “1. Wara l-għadd tal-voti, il-bord tal-iskrutinaturi għandu jfassal u jippubblika l-lista tal-persuni eletti.

    2. Il-kandidati mhux eletti minn kull lista għandhom jitniżżlu fil-minuti fl-ordni tal-voti li jkunu kisbu.

    3. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jfassal il-minuti tal-elezzjonijiet f’terminu massimu ta’ [25] jum ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti, wara li jkun wieġeb għall-ilmenti eventwali previsti fl-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament.

    4. Huwa għandu jibgħat kopja ta’ dawn il-minuti u tal-lista tal-persuni eletti lis-Segretarju Ġenerali [tal-Parlament] kif ukoll lill-persuna l-iktar anzjana fl-età fost il-persuni eletti u jippubblikaha fuq l-[i]ntranet tal-bord tal-iskrutinaturi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9. Skont l-Artikolu 41 tar-RDRP:

    “Bla ħsara għal rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa biss il-bord tal-iskrutinaturi li għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar kull tilwima jew kull ilment li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal. Dawn l-ilmenti għandhom jaslu bil-miktub lill-bord tal-iskrutinaturi f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni jew tal-att li jikkawża preġudizzju. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jwieġeb għal dawn l-ilmenti f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ riċezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10. L-Artikolu 42 tar-RDRP jistipula li:

    “L-ilmenti li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet għandhom jaslu bil-miktub lill-bord tal-iskrutinaturi f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jwieġeb għal dawn l-ilmenti f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ riċezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11. Skont l-Artikolu 45 tar-RDRP, il-proposti ta’ reviżjoni tar-RDRP għandhom jiġu ppreżentati mill-Kumitat tal-Persunal jew permezz ta’ talba ffirmata minn mill-inqas 200 votant u, fil-każ li dawn il-proposti jiġu milqugħa fil-laqgħa ġenerali, għandhom jiġu sottomessi lill-votanti permezz ta’ referendum f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol.

    12. L-Artikolu 47 tar-RDRP jippreċiża li “kopja ta’ [dan] ir-regolament, ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2012 lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament […], qiegħda tintbagħat lill-President u lill-Bureau tal-Parlament […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13. Ir-rikorrenti kienu, fl-2013, membri tas-sindakat “Solidarité pour les agents et fonctionnaires européens” (Solidarjetà għall-membri tal-persunal u għall-uffiċjali Ewropej) (iktar ’il quddiem “SAFE”). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari P. Colart u P. Vienne, dawn okkupaw, rispettivament, il-kariga ta’ President u ta’ Segretarju Politiku.

    14. Wara li nżammet, fil-21 ta’ Ġunju 2013, laqgħa ġenerali straordinarja tal-membri ta’ SAFE, kien hemm nuqqas ta’ qbil fi ħdan dan is-sindakat dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat eżekuttiv tiegħu, billi disa’ membri ta’ SAFE mmexxija minn P. Colart (iktar ’il quddiem “Colart u oħrajn”) kienu qed isostnu, l-istess bħal grupp ieħor ta’ membri ta’ SAFE mmexxi mis-Sur Ciuffreda, li huma kienu r-rappreżentanti leġittimi ta’ dan is-sindakat. Dawn iż-żewġ gruppi ta’ membri ta’ SAFE ma qablux dwar il-kwistjoni dwar l-aċċess għall-mailbox elettronika mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ SAFE mill-Parlament, u dan kemm quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara d-digriet Colart et vs Il‑Parlament, F‑87/13, EU:F:2014:53) kif ukoll quddiem il-qrati Lussemburgiżi.

    15. Għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament, li kellhom jinżammu fil-ħarifa tal-2013, Colart u oħrajn iddeċidew finalment li ma joħorġux għall-elezzjonijiet taħt l-isem “SAFE” peress li t-tilwima bejnhom u l-grupp ta’ membri l-ieħor ta’ SAFE, immexxi l-aħħar mis-Sur Guccione (iktar ’il quddiem “Guccione u oħrajn”), ma kinitx ser tiġi riżolta. Għaldaqstant, fl-20 ta’ Settembru 2013, Colart u oħrajn ippreżentaw quddiem il-bord tal-iskrutinaturi lista bl-isem “SAFETY” (iktar ’il quddiem il-“lista SAFETY”) għall-imsemmija elezzjonijiet, filwaqt li wissu lill-bord tal-iskrutinaturi, permezz ta’ messaġġ elettroniku mibgħut fl-istess jum lill-President tiegħu, dwar il-konsegwenzi ta’ użu eventwali, li skonthom huwa irregolari u frawdolenti, tal-isem “SAFE” mil-lista ta’ kandidati mmexxija mis-Sur Guccione (iktar ’il quddiem il-“lista SAFE”). Skont ir-rikorrenti, Colart u oħrajn kellhom “attitudni prudenti u raġonevoli [li] kienet intiża sabiex ma ‘jħammġux’ il-proċess elettorali demokratiku, billi l-bord tal-iskrutinaturi jiġi ffaċjat bil-preżentazzjoni fl-istess żmien ta’ żewġ listi fejn kull waħda minnhom tistqarr li qed tuża [b’mod leġittimu] l-isem ‘SAFE’ bi [...] riskju [sussegwenti] ta’ numru ta’ proċedur[i] ġudiżżjarji wara xulxin li jfixklu l-ħin allokat għall-elezzjonijiet”.

    16. Wara l-pubblikazzjoni mill-bord tal-iskrutinaturi, fil-25 ta’ Settembru 2013, tal-listi ta’ kandidati għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, Colart u oħrajn bagħtu ittra lil Guccione u oħrajn, li ħarġu bħala kandidati fuq il-lista SAFE, sabiex jinformawhom li huma kienu l-proprjetarji tal-logo “SAFE”, irreġistrat mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), u li, għaldaqstant, jekk Guccione u oħrajn kellhom jużaw dan il-logo, Colart u oħrajn kienu ser jiftħu kawża kontrihom sabiex jingħataw kumpens għad-danni marbuta ma’ dan l-użu illegali.

    17. Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Parlament qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Colart mailbox elettronika bl-isem “SAFETY”.

    18. L-ewwel skrutinju tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal seħħ mill-14 sat-23 ta’ Ottubru 2013. It-tieni skrutinju ġie organizzat mit-18 sas-27 ta’ Novembru ta’ wara.

    19. Wara l-pubblikazzjoni mill-bord tal-iskrutinaturi, fit-28 ta’ Novembru 2013, tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament, P. Colart ressaq, fil-kwalità tiegħu ta’ “persuna responsabbli għal-lista SAFETY”, “ilment skont l-Artikolu 42 tar-[RDRP], dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet […]”. Kopja ta’ dan l-ilment intbagħtet ukoll lill-President tal-Parlament u lis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni. F’dan l-ilment, P. Colart, li kien qed jitkellem f’isem il-lista SAFETY, ilmenta li l-bord tal-iskrutinaturi ma ħax miżuri, ma weġibx għall-messaġġ tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2013 u lanqas ma ddiskuta l-kwistjoni dwar l-użu tal-isem “SAFE” għall-finijiet tal-elezzjonijiet. Huwa kkontesta wkoll l-għoti lil-lista SAFE, immexxija mis-Sur Guccione, ta’ erba’ siġġijiet mis-sitt siġġijiet mogħtija lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal bbażati fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

    20. Fl-ilment indirizzat lill-bord tal-iskrutinaturi f’isem il-lista SAFETY, P. Colart talab, prinċipalment, li “l-elezzjonijiet [jiġu] sempliċement annullati, minħabba assenza ta’ sinċerità fl-iskrutinju u minħabba l-użu ta’ metodi u proċessi żleali”. Sussidjarjament u billi kkontesta l-fatt li l-bord tal-iskrutinaturi kien tqiegħed taħt il-presidenza ta’ membru tal-grupp Guccione u oħrajn, billi pproklama ruħu grupp ta’ membri leġittimu tal-kumitat eżekuttiv ta’ SAFE, jiġifieri s-Sur Tilotta, P. Colart talab, f’isem il-lista SAFETY, li jsir għadd manwali tal-voti. Huwa invoka f’dan ir-rigward, irregolaritajiet dwar il-ftuħ tal-kaxxi tal-voti wara l-ewwel skrutinju u dwar il-qfil tal-kmamar allegatament siguri fejn ġie organizzat l-iskrutinju, kif ukoll dubji dwar ir-realtà tar-riżultati sa fejn, fost id-29 persuna eletti fil-Kumitat tal-Persunal, minn naħa, ma kien hemm l-ebda kandidat li jaħdem fid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, li madankollu jirrappreżenta 20 % tal-persunal tal-Parlament, u, min-naħa l-oħra, sitta biss kienu bbażati fil-Lussemburgu.

    21. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013” jew id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi”), il-bord tal-iskrutinaturi wieġeb għall-ilment imressaq minn P. Colart, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna responsabbli għal-lista SAFETY, billi indika li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti dwar l-użu tal-isem “SAFE”, huwa kellu jaċċetta l-ismijiet kollha tal-listi kif proposti mill-persuni responsabbli għalihom, iktar u iktar peress li, billi ddeċidew li jippreżentaw lista bl-isem “SAFETY”, Colart u oħrajn neħħew kull riskju ta’ konfużjoni, li seta’ jirriżulta fost il-votanti mill-eżistenza ta’ żewġ listi kompetituri bl-istess isem.

    22. Għal dak li jirrigwarda r-realtà tal-voti espressi, il-bord tal-iskrutinaturi indika lil P. Colart li n-numru ta’ karti tal-vot vojta kien ġie vverifikat sistematikament kemm mal-ftuħ kif ukoll mal-għeluq tal-kmamar tal-votazzjoni, liema kmamar kienu, barra minn hekk, maqfula permezz ta’ serraturi elettroniċi, u li ma kien ġie kkonstatat ebda żball, li ppermetta li jiġu esklużi s-suspetti tiegħu dwar l-allegata possibbiltà li kaxxi tal-voti kienu nfetħu u ġew mimlija b’karti tal-vot minflok dawk li kienu diġà tpoġġew fihom.

    23. Għal dak li jirrigwarda t-talba għall-għadd mill-ġdid tal-karti tal-vot, il-bord tal-iskrutinaturi indika lil P. Colart li huwa kien wasal għal deċiżjoni unanima li ma jwettaqx tali għadd mill-ġdid fl-assenza ta’ kwalsiasi argument raġonevoli u konvinċenti li jiġġustifika tali proċedura.

    24. Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-riżultati elettorali, il-bord tal-iskrutinaturi enfasizza li huwa ma kellux il-kompitu li jwettaq xi analiżi politika u inqas u inqas li jikkummenta dwar l-appartenenza tal-persuni eletti lil wieħed jew lill-ieħor mid-Direttorati Ġenerali tal-Parlament. Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ eletti li huma bbażati l-Lussemburgu, dan huwa perfettament konformi mal-minimu mitlub fir-RDRP.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

    25. Ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jog ħġbu:

    – jannulla r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal li nżammu fil-ħarifa tal-2013 u li r-riżultati tagħhom ġew ippubblikati uffiċjalment fit-28 ta’ Novembru 2013;

    – jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    26. Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    – jiċħad ir-rikors, prinċipalment, bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

    – jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    27. Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-15 ta’ Settembru 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsa, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mistoqsijiet lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu fit-terminu stabbilit.

    28. Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti spjegaw li huma ma pprovawx iressqu talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra wara t-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet u li kienu bagħtu kopja tal-ilment tagħhom indirizzat lill-bord tal-iskrutinaturi lil ċerti persuni, awtorizzati li jaġixxu f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, fl-interessi tat-trasparenza u ta’ kortesija. Huma kkonfermaw ukoll li d-deċiżjoni li tagħha huma talbu l-annullament kienet id-deċiżjoni ta’ tħabbir tar-riżultati, peress li, skonthom, id-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013 tikkonferma biss ir-riżultati mħabbra fit-28 ta’ Novembru ta’ qabel.

    29. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikaw li, wara d-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013, huma ma staqsewx lill-Awtorità tal-Ħatra dwar il-possibbiltà li jressqu lment bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, minn naħa, tali lment kien pass inutli għaliex l-Awtorità tal-Ħatra ma teżerċita l-ebda setgħa ġerarkika fuq il-bord tal-iskrutinaturi u ma setgħetx għalhekk, bħala prinċipju, tbiddel id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord. Min-naħa l-oħra, skont l-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 41 tar-RDRP u fuq il-premessa li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex, bħala prinċipju, intenzjoni li tinterferixxi fil-proċess elettorali tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, ir-rikorrenti qiesu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 41 tar-RDRP, sabiex jevalwa direttament il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-bord tal-iskrutinaturi.

    30. Filwaqt li rrikonoxxew li, skont il-ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Ħatra, minkejja li ma teżerċita l-ebda setgħa ġerarkika fuq il-bord tal-iskrutinaturi, tista’, jew tabilħaqq għandha, tintervjeni sabiex tbiddel id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord meta jirriżulta li dawn huma illegali, ir-rikorrenti talbu għal “żvilupp tal-ġurisprudenza fis-sens ta’ nuqqas ta’ intervent assolut tal-Awtorità tal-Ħatra fil-proċess elettorali”.

    31. Min-naħa tiegħu, il-Parlament ikkonferma lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa ma kien iddelega ebda setgħa lill-bord tal-iskrutinaturi sabiex jadotta deċiżjonijiet f’ismu u f’isem l-Awtorità tal-Ħatra. B’mod partikolari, il-kompetenza sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar ilmenti mressqa skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal hija fdata esklużivament lill-Bureau, lill-President u lis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni.

    32. Filwaqt li indika li ma kienx informa speċifikament lill-persunal tiegħu dwar il-fatt li l-korpi rappreżentattivi tal-persunal ma jistgħux, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħar-RDRP, jidderogaw minn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal bħall-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, wara li ressqu lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, kandidati oħra għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal organizzati fil-ħarifa tal-2013 kienu, fit-28 ta’ Frar 2014, ressqu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra lment bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema lment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-18 ta’ Ġunju ta’ wara.

    33. Il-Parlament enfasizza li, skont il-ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tintervjeni, anki ex officio , fil-każ ta’ dubju dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal. F’dan ir-rigward, huwa jsostni wkoll li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li hija ma tistax tbiddel, l-Awtorità tal-Ħatra hija awtorizzata tintervjeni fi ħdan il-bord tal-iskrutinaturi, li l-membri tiegħu jinħatru mil-laqgħa ġenerali tal-persunal, sabiex jiġu kkoreġuti irregolaritajiet eventwali kkonstatati.

    Id-dritt

    L-argumenti tal-partijiet

    34. Billi fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti ttrattaw b’mod spontanju l-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom, huma jenfasizzaw li dan huwa dovut għall-ilment imressaq fit-12 ta’ Diċembru 2013, skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, quddiem il-bord tal-iskrutinaturi u li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dan tal-aħħar fid-19 ta’ Diċembru ta’ wara. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jqisu li huwa “ammissibbli li jressqu l-imsemmi rikors b’osservanza tat-termini tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura” u, f’dan ir-rigward, isostnu, billi jirreferu għas-sentenza Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (T‑396/03, EU:T:2005:406), li l-Parlament ma jistax jinħeba wara l-fatt li r-regoli interni tiegħu jagħtu lill-bord tal-iskrutinaturi l-inkarigu li jiddeċiedi dwar l-ilmenti relatati mal-elezzjonijiet tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal sabiex jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu għal dak li jirrigwarda l-kontroll tar-regolarità tal-imsemmija elezzjoni.

    35. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li l-Awtorità tal-Ħatra kellha neċessarjament għarfien dwar l-abbozz tat-tweġiba tal-bord tal-iskrutinaturi għall-ilment tagħhom u għalhekk, “x’imkien” bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru 2013, kienet adottat deċiżjoni li kienet tikkonsisti f’parir favorevoli dwar dik li eventwalment saret id-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013.

    36. Il-Parlament jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors billi jenfasizza li dan ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament li “[a]ppell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk l-[A]wtorità tal-[Ħ]atra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) [tar-Regolamenti ta-Persunal] fil-perjodu preskritt fih, u l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita [tal-Awtorità tal-Ħatra]”.

    37. F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li, skont il-punt X, intitolat “T[albiet u rimedji ġudizzjarji]”, tal-Anness tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2014 dwar id-delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, li fuq dan il-punt huwa identiku għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-3 ta’ Mejju 2004 li kienet applikabbli qabel, is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiddeċiedi dwar ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet oħra li ma humiex il-Bureau, il-President jew is-Segretarju Ġenerali. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bi ksur tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mill-punt 7 tas-sentenza Diezler et vs CES (146/85 u 431/85, EU:C:1987:457), ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda lment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra. Għalhekk, sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    38. Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti skont liema huma ressqu lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, il-Parlament jargumenta li l-proċedura għat-tressiq ta’ lment prevista fir-RDRP hija distinta minn dik prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minkejja li r-RDRP jipprevedi, fit-Titolu V tiegħu intitolat “Ilmenti”, rimedju, bl-isem “ilment”, li jista’ jintuża quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, din il-proċedura kif irregolata mill-imsemmi regolament, li fir-rigward tagħha l-amministrazzjoni ma għandha barra minn hekk l-ebda setgħa ta’ deċiżjoni jew ta’ kodeċiżjoni, ma tipprevedi l-ebda għoti ta’ informazzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas il-possibbiltà li din tintervjeni għall-finijiet tal-formulazzjoni tat-tweġiba għall-ilmenti hekk imressqa, bħad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment adottata f’dan il-każ mill-bord tal-iskrutinaturi. F’kull każ, il-bord tal-iskrutinaturi ma ngħatax id-delega sabiex jiddeċiedi, f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, dwar l-ilmenti mressqa abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    39. Il-Parlament josserva wkoll li, f’dan il-każ u kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, huwa ma kienx, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, f’pożizzjoni li jkun jaf l-ilmenti jew ix-xewqat tar-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors. Madankollu, waqt is-seduta, il-Parlament irrikonoxxa li l-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP jistgħu jqarrqu bl-uffiċjali u bil-membri tal-persunal dwar in-neċessità li jitressaq, fil-qasam elettorali, ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma jiġi ppreżentat rikors kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Filwaqt li żammet it-talbiet prinċipali tagħha għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors, din l-istituzzjoni spjegat madankollu waqt is-seduta li, sabiex tiġi osservata s-sovranità tal-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali u l-awtonomija tal-Kumitat tal-Persunal, koawturi tar-RDRP, hija ma intervenietx, f’dan l-istadju, dwar dan it-test adottat minn dawn iż-żewġ istanzi li jikkostitwixxu r-rappreżentanza tal-persunal.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    40. Sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ikkontestata mill-Parlament, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel nett, it-tipi ta’ atti li jistgħu jkunu s-suġġett, fil-qasam elettorali, tal-istħarriġ ġudizzjarju tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll, it-tieni nett, ir-rekwiżiti dwar il-fażi prekontenzjuża f’dan il-qasam.

    Fuq it-tipi ta’ atti li jistgħu jkunu s-suġġett, fil-qasam elettorali, ta’ stħarriġ ġudizzjarju

    41. L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kawżi elettorali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-Kumitati tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-rikorsi tal-uffiċjali, stabbiliti skont l-Artikolu 270 TFUE. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eżerċitat fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati kontra l-istituzzjoni kkonċernata u li għandhom bħala suġġett l-atti jew l-ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kontroll amministrattiv li hija għandha tiżgura f’dan il-qasam (ara s-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, 54/75, EU:C:1976:127, punti 8 u 24; Diezler et vs CES, EU:C:1987:457, punt 5, u Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoni, T‑534/93, EU:T:1994:86, punt 20).

    42. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom ikollhom il-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 22, u Maindiaux et vs CES, T‑28/89, EU:T:1990:18, punt 32). Konsegwentement, huma għandhom l-obbligu li jipprevjenu u li jipprojbixxu irregolaritajiet manifesti min-naħa tal-korpi responsabbli għall-elezzjonijiet, bħall-Kumitat tal-Persunal jew, f’dan il-każ, il-bord tal-iskrutinaturi.

    43. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni, minn naħa, tista’ tkun obbligata tieħu deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 32, u Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, EU:F:2007:184, punt 71), u, min-naħa l-oħra, għandha f’kull każ l-obbligu li tiddeċiedi dwar ilmenti li jistgħu jiġu indirizzati lilha fuq dan is-suġġett fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 23).

    44. Il-kontroll eżerċitat mill-amministrazzjoni fil-qasam elettorali, li jagħti lok, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għal atti u ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li l-legalità tagħhom tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni, ma huwiex limitat għad-dritt li tintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn il-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal jew il-korpi amministrattivi responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ikunu diġà kissru r-regoli elettorali jew ikunu qed jheddu b’mod konkret li ma josservawhomx. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li jintervjenu ex officio , inkluż b’mod preventiv, fil-każ li jkollhom dubju dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet (sentenza Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 32).

    45. Fost id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam elettorali u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal hemm b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw astensjoni tal-Awtorità tal-Ħatra milli tikkontrolla r-regolarità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza White vs Il‑Kummissjoni, T‑65/91, EU:T:1994:3, punt 91), dawk li jikkonsistu f’istruzzjoni lil taqsima lokali ta’ Kumitat tal-Persunal sabiex jadotta aġir partikolari (ara s-sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punti 62 u 70, kif ukoll id-digriet Klar u Fernandez Fernandez vs Il‑Kummissjoni, F‑114/13, EU:F:2014:192, punt 66, li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑665/14 P), dawk intiżi sabiex jannullaw deċiżjonijiet ta’ korpi responsabbli għall-elezzjonijiet, inkluż it-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet, jew anki dawk li jġiegħlu bord tal-iskrutinaturi jikkoreġu żbalji (ara s-sentenza Loukakis et vs Il‑Parlament, F‑82/11, EU:F:2013:139, punt 94), kif ukoll dawk li jxolju tali korpi (ara s-sentenza White vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:3, punt 100). Madankollu, ġew esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni kull rifjut min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra li taġixxi meta din tal-aħħar ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu l-miżuri li jkunu ntalbu lilha, kif inhu l-każ għal dak li jirrigwarda r-regolarità ta’ deċiżjonijiet ta’ kumitat lokali dwar il-kompożizzjoni tal-Bureau tiegħu (ara s-sentenza Hecq u SFIE vs Il‑Kummissjoni, T‑35/98, EU:T:1999:23, punti 28 sa 41) kif ukoll ta’ deċiżjonijiet li ma humiex imputabbli lill-Awtorità tal-Ħatra, iżda lill-Kumitat tal-Persunal jew lil korp ieħor (sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 43).

    46. Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju u li joriġinaw mill-Awtorità tal-Ħatra (ara, bħala eżempju, is-sentenza Venus u Obert vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 783/79 u 786/79, EU:C:1981:245, punt 22). B’mod partikolari, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal, għandu jitfakkar li l-atti adottati minn korp, stabbilit jew le mir-Regolamenti tal-Persunal u li ma jkunx ingħata delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra, bħal Kumitat tal-Persunal, uffiċċju elettorali jew bord tal-iskrutinaturi, ma humiex, bħala prinċipju, atti li joriġinaw strettament mill-Awtorità tal-Ħatra u jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors awtonomu quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punti 42 u 43).

    47. Fil-fatt, huwa eventwalment biss b’mod inċidentali, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti jew ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet, li l-qorti tal-Unjoni jista’ jkollha, minħabba l-koeżjoni ta’ atti suċċessivi li jikkostitwixxu l-elezzjonijiet u minħabba l-proċedura kumplessa li fihom huma jintervjenu, teżamina jekk l-atti adottati minn bord tal-iskrutinaturi, li huma marbuta strettament mad-deċiżjoni kkontestata li toriġina mill-Awtorità tal-Ħatra, humiex ivvizzjati b’illegalità (sentenzi Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, T‑182/94, EU:T:1996:130, punt 37, u Chew vs Il‑Kummissjoni, T‑28/96, EU:T:1997:97, punt 20). Tali stħarriġ ġudizzjarju jippresupponi madankollu l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

    Fuq ir-rekwiżiti dwar il-fażi prekontenzjuża fil-qasam elettorali

    48. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif inhu l-każ hawnhekk, hija suġġetta għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża (sentenza Van Neyghem vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑288/04, EU:T:2007:1, punt 53, u d-digriet Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑60/13, EU:F:2014:6, punt 37).

    49. Għal dak li jirrigwarda l-atti adottati fil-kuntest tal-obbligu ta’ kull istituzzjoni tal-Unjoni li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-imsemmija korpi, dawn jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni li fid-dawl tagħhom l-uffiċjali u l-membri tal-persunal jistgħu jressqu direttament ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, mingħajr il-bżonn li tiġi osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-Awtorità tal-Ħatra tiġi mistiedna minn qabel sabiex tieħu deċiżjoni fil-konfront tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 23; Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 54; u d-digriet Klar u Fernandez Fernandez vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:192, punti 58 u 59).

    50. Il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li tittieħed azzjoni direttament permezz ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, anki meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx għadha adottat deċiżjoni, impliċita jew espliċita, li tastjeni milli tikkontrolla r-regolarità ta’ deċiżjoni adottata minn korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, sa fejn, f’tali lment, il-persuna kkonċernata tippreċiża l-miżuri li huma impostFi mir-Regolamenti tal-Persunal u li l-Awtorità tal-Ħatra tkun astjeniet allegatament milli tieħu (sentenza White vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:3, punti 91 u 92).

    51. Madankollu, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tressiq minn qabel ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ f’kull każ neċessarju għal kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza Diezler et vs CES, EU:C:1987:457, punt 7).

    Fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors

    52. F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Awtorità tal-Ħatra ma adottatx deċiżjoni fil-kuntest tal-obbligu ta’ kull istituzzjoni li tiġi żgurata r-regolarità tal-elezzjonijiet tal-persunal u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u, barra minn hekk, ir-rikorrenti la ma talbuha tikkontrolla r-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal li nżammu fil-ħarifa tal-2013 u lanqas ma ressqu lment quddiemha fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra deċiżjoni li hija adottat, impliċitament jew espliċitament, fejn hija tirrifjuta li tikkontrolla r-regolarità tal-iżvolġiment tal-imsemmija elezzjonijiet, ir-regolarità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi, bħad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, jew ir-regolarità tar-riżultati mħabbra mill-imsemmi bord.

    53. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti matul is-seduta, l-Awtorità tal-Ħatra ma adottatx deċiżjoni, taħt il-forma ta’ parir favorevoli, bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru 2013 għar-raġuni biss li kienu bagħtulha kopja tal-ilment tagħhom imressaq, s kont l-Artikolu 41 tar-RDRP, quddiem il-bord tal-iskrutinaturi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma semmew tali deċiżjoni, impliċita jew espliċita, tal-Awtorità tal-Ħatra la fil- petitum tagħhom u lanqas, b’mod ġenerali, fir-rikors tagħhom.

    54. Issa, fir-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li r-rikorrenti setgħu, wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment adottata mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, iressqu lment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra sabiex tadotta deċiżjoni dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet kontenzjużi għall-Kumitat tal-Persunal, jew saħansitra tannulla r-riżultati tal-imsemmija elezzjonijiet, u, fil-każ ta’ ċaħda impliċita jew espliċita, iressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punti 28 u 29; Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:86, punt 23; Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, EU:T:1996:130, punti 17 sa 22 u 33; u Loukakis et vs Il‑Parlament, EU:F:2013:139, punti 25, 29 u 46). Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti setgħu wkoll, wara ċ-ċaħda tal-bord tal-iskrutinaturi li jilqa’ t-talba tagħhom imressqa skont l-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP, iressqu direttament ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra.

    55. Madankollu, ir-rikorrenti ressqu biss ilment wieħed, mhux ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda lment kif previst fl-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP, jiġifieri quddiem il-bord tal-iskrutinaturi. Issa, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dan l-ilment ġiet adottata mill-bord tal-iskrutinaturi u mhux mill-Awtorità tal-Ħatra, li lilha ma ntbagħtitx kopja tal-ilment hekk imressaq u li, hekk kif isostni l-Parlament, la hija l-awtur u lanqas il-koawtur tad-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013.

    56. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu bħala għan li jippermetti u li jiffavorixxi li l-partijiet jaslu għal ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal u l-amministrazzjoni, ma tressqet f’dan il-każ l-ebda talba jew ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra fejn hija tintalab tikkontrolla d-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013 jew l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal b’mod ġenerali. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, hekk kif ir-rikorrenti ammettew, huma bl-ebda mod ma pprovaw jivverifikaw mal-Awtorità tal-Ħatra jekk kienx għadu neċessarju, wara ċ-ċaħda ta’ lment mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jippreżentaw rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    57. Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors, ippreżentat kontra l-Parlament, iżda li jittratta l-legalità tar-riżultat tal-elezzjonijiet imħabbra mill-bord tal-iskrutinaturi u kkonfermat l-aħħar fid-19 ta’ Diċembru 2013, u mhux deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, ma huwiex ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ġurisprudenza fil-qasam elettorali, kif imfakkra qabel.

    58. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:406), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża li taw lok għal dik is-sentenza huma differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, fil-punt 27 tas-sentenza inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej kienet osservat espressament li, għal dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea, l-uffiċċju elettorali ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-validità tal-elezzjonijiet, iżda kellu, skont l-Artikolu 20 tar-regolament elettorali adottat mil-laqgħa ġenerali tal-persunal tal-Kummissjoni, jibgħat mingħajr dewmien din il-kontestazzjoni lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt ta’ wara tal-istess sentenza, li, konsegwentement, l-att li kkawża preġudizzju li kontrih ġie ppreżentat ir-rikors kien id-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li ma tintervjenix, li kienet ittieħdet matul ix-xahar ta’ Jannar 2003, wara li l-uffiċċju elettorali kien bagħat lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 20 tar-regolament elettorali applikabbli, il-kontestazzjonijiet tar-rikorrent, tat-23 ta’ Diċembru 2002. Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-rikors kien ammissibbli biss sa fejn kien ġie ppreżentat kontra l-att li kkawża preġudizzju msemmi iktar ’il fuq tal-Awtorità tal-Ħatra.

    59. Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:406) ġie ddikjarat ammissibbli biss sa fejn kien jikkonċerna att li joriġina mill-Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss qatt ma tressaq ilment mir-rikorrenti quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, iżda li barra minn hekk ir-RDRP ma jipprevedix, kuntrarjament għar-regolament elettorali msemmi fil-punt preċedenti, li l-bord tal-iskrutinaturi għandu jibgħat lill-Awtorità tal-Ħatra l-ilmenti mressqa quddiemu sabiex din tiddeċiedi skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 41 tar-RDRP jipprevedi li “huwa biss il-bord tal-iskrutinaturi li għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar kull tilwima jew kull ilment li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal”, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra preċedentement, meta tali korp jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li ma jilqax ilment ta’ kandidat jew ta’ votant, ir-regolarità ta’ tali deċiżjoni, inkluża l-motivazzjoni tagħha, kif ukoll dik tal-elezzjonijiet b’mod ġenerali jistgħu dejjem ikunu s-suġġett ta’ kontroll amministrattiv li għandu jitwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam elettorali, billi jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li huma l-atti jew l-ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ kontroll tar-regolarità tal-elezzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Loukakis et vs Il‑Parlament, EU:F:2013:139, punt 101).

    60. B’mod partikolari, l-obbligu li jitressaq, anki fil-qasam elettorali, ilment previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel il-preżentata ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE fil-konfront ta’ att jew ommissjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tikkontrolla r-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, ma jistax jieqaf jeżisti għar-raġuni li korp, f’dan il-każ il-bord tal-iskrutinaturi, li barra minn hekk ma jkunx ingħata delega mill-Awtorità tal-Ħatra għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi f’dan il-qasam, għandu kompetenza, bis-saħħa ta’ test adottat mill-Kumitat tal-Persunal u mill-persunal tal-istituzzjoni stess, sabiex jiddeċiedi dwar kontestazzjonijiet marbuta mal-iżvolġiment tal-elezzjonijiet u mar-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet.

    61. Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa minnu li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tiegħu, jagħti lil-laqgħa ġenerali setgħa normattiva f’dan il-qasam sabiex tikkompleta, fi ħdan kull istituzzjoni, il-kuntest leġiżlattiv stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal għar-rappreżentanza tal-persunal (ara s-sentenza Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 45), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jfakkar li, bħall-istituzzjonijiet stess, il-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali u l-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Kumitat tal-Persunal, ma għandhomx madankollu kompetenza, fil-kuntest tal-“kondizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal”, bħar-RDRP, li għandhom jadottaw skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jidderogaw minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, EU:T:1994:283, punt 19).

    62. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li lment, kif previst fl-Artikolu 41 tar-RDRP, huwa intiż sabiex jikseb mill-bord tal-iskrutinaturi, li huwa korp li ma huwiex awtorizzat li jimpenja lill-Awtorità tal-Ħatra, l-eżami mill-ġdid tar-riżultati tal-elezzjonijiet kif imħabbra minn dan il-korp. Id-deċiżjoni mogħtija mill-bord tal-iskrutinaturi, f’dan il-każ fit-termini qosra previsti fir-RDRP, finalment hija biss deċiżjoni ta’ konferma jew, skont il-każ, ta’ tħassir tar-riżultati tal-elezzjonijiet, kif rikonoxxut mir-rikorrenti. F’dan il-każ, hekk kif tfakkar fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi direttament, fl-assenza ta’ kwalsiasi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni konvenuta, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi.

    63. Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiddeċiedi dwar ilment imressaq fil-qasam elettorali skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni titlob li l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet u tal-obbligu tagħha li tiżgura lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha l-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti, tagħżel jew li taġixxi jew inkella li tastjeni milli taġixxi fil-proċess elettorali. Hija f’sitwazzjoni bħal din li, fil-qasam elettorali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sabiex jistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex, b’mod partikolari, jiddetermina jekk “[l-Awtorità tal-Ħatra] naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    64. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jinfluwenza l-kontenut u l-loġika li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza stabbilita dwar l-elezzjonijiet tal-persunal organizzati fi ħdan l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni għar-raġuni li, għal dak li jirrigwarda l-Parlament, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tar-RDRP, adottat mill-Kumitat tal-Persunal u l-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali, tista’ tagħti lill-eletturi u lill-kandidati l-impressjoni li l-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi direttament dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi u li, min-naħa l-oħra, il-Parlament irrinunzja, f’dan l-istadju, milli juża s-setgħa tiegħu ta’ intervent sabiex tiġi emendata din il-formulazzjoni f’sens li jirrifletti aħjar ir-rekwiżiti prekontenzjużi fil-qasam elettorali. Dan japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti fejn, hekk kif ġie spjegat waqt is-seduta, ir-rikorrenti, minn naħa, iddeċidew deliberament li jippreżentaw dan ir-rikors, mingħajr ma jressqu minn qabel ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, għar-raġuni li ma xtaqux intervent minn din tal-aħħar fil-proċess elettorali, u, min-naħa l-oħra, jinvokaw espressament l-Artikolu 41 tar-RDRP u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala bażi legali tar-rikors tagħhom u mhux l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    65. Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li, fis-sentenza Sabbatucci vs Il‑Parlament (T‑42/98, EU:T:1999:247), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet fuq il-mertu rikors ippreċedut unikament minn ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi tal-Parlament, u mhux minn ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, lanqas ma hija rilevanti b’mod partikolari għaliex, f’din il-kawża, kien intlaħaq ftehim bonarju bejn ir-rikorrenti u l-Awtorità tal-Ħatra, wara li, preċiżament, din tal-aħħar kienet iddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża għall-finijiet ta’ miżuri provviżorji mressqa skont il-proċedura speċifika tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tgħodd mill-ġdid il-voti, jiġifieri li tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal.

    66. Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    67. Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(2) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li tirbaħ tista’ madankollu tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, sostnuti mill-parti l-oħra jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jitqiesu li huma fiergħa jew vessatorji.

    68. Mir-raġunijiet mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfu. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu l-Parlament talab espressament li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP tista’ tagħti lill-eletturi u lill-kandidati, bħar-rikorrenti, l-impressjoni li l-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi direttament dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi. Issa, il-Parlament irrikonoxxa l-eżistenza ta’ din l-ambigwità, iżda indika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa rrinunzja milli jintervjeni sabiex jemenda din il-formulazzjoni u li lanqas ma informa debitament lill-persunal tiegħu f’dan ir-rigward.

    69. Fid-dawl ta’ din l-attitudni tal-konvenut u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti ma pprovawx jikkuntattjaw lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jistaqsuha jekk, wara ċ-ċaħda ta’ lment mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, bħal dik fil-konfront tagħhom, kienx neċessarju li jressqu minn qabel ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, konsegwentement, jiddeċiedi li l-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u jiġi kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

    1) Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

    2) P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

    3) Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

    Top

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    TAL-UNJONI EWROPEW (It-Tieni Awla)

    11 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

    “Servizz pubbliku — Rappreżentanza tal-persunal — Kumitat tal-Persunal — Elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal — Regoli dwar ir-rappreżentanza tal-persunal fil-Parlament Ewropew — Kompetenza tal-bord tal-iskrutinaturi — Proċedura dwar it-tressiq ta’ lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi — Pubblikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet — Ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi — Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal — Nuqqas ta’ lment imressaq qabel quddiem l-Awtorità tal-Ħatra — Kawża mressqa direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża F‑31/14,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

    Philippe Colart, uffiċjal fil-Parlament Ewropew, residenti fi Bastogne (il-Belġju), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness, irrappreżentati minn A. Salerno, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Caisou-Rousseau u S. Alves, bħala aġenti,

    konvenut,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

    komposta minn M. I. Rofes i Pujol, President, K. Bradley u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Marzu 2014, P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness jitolbu l-annullament tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament Ewropew, kif ippubblikati u kkomunikati mill-bord tal-iskrutinaturi fit-28 ta’ Novembru 2013 u kkonfermati mill-imsemmi bord wara ċ-ċaħda tal-ilment tagħhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolamenti tal-Persunal

    2

    L-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

    “1.   Għandu jiġi stabbilit:

    (a)

    ġewwa kull istituzzjoni:

    Kumitat tal-Persunal, li jista’ jkun organiżżat f’taqsimiet għall-postijiet differenti ta’ l-impieg;

    […]

    li għandhom iwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

    2.   Il-komposizzjoni u l-proċedura [ta’ dan il-korp] għandha tkun stabbilita minn kull istituzzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II [tar-Regolamenti tal-Persunal].

    […]”

    3

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li:

    “Il-kondizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal jekk ma jkunx organizzat f’taqsimiet lokali jew għat-taqsima lokali, jekk il-Kumitat tal-Persunal huwa organizzat f’taqsimiet lokali, jitniżżlu mill-laqgħa ġenerali ta’ l-istituzzjoni fis-servizz fil-post relevanti ta’ l-impieg. Madankollu, l-istituzzjoni tista’ tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet għall-elezzjoni għandhom ikunu stabbiliti skond il-preferenza tal-persunal ta’ l-istituzzjoni kif espressa f’referendum. […]”

    Ir-regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal fil-Parlament

    4

    Skont l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament adotta, fis-6 ta’ Frar 2012, regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal (iktar ’il quddiem ir-“RDRP”), li, fl-4 ta’ April 2012, ġie adottat permezz ta’ referendum fost il-persunal ta’ din l-istituzzjoni.

    5

    L-Artikolu 8(1) u (2) tar-RDRP jipprevedi li:

    “1.   Il-laqgħa ġenerali [tal-persunal, komposta mill-votanti kollha tal-Kumitat tal-Persunal,] għandha taħtar, fuq proposta konġunta tal-listi li għandhom mill-inqas persuna waħda eletta fil-Kumitat tal-Persunal u li spiċċat il-mandat tagħha, mill-inqas skrutinatur prinċipali wieħed u tliet skrutinaturi supplenti għal kull lista magħżula minn fost il-votanti.

    2.   L-iskrutinaturi, prinċipali u supplenti, ma jistgħu jkunu la membri tal-Kumitat tal-Persunal u lanqas kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    6

    Skont l-Artikolu 20(1) u (2) tar-RDRP, “[i]l-bord [tal-iskrutinaturi] għandu jkun ikkostitwit mill-iskrutinaturi prinċipali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “huwa responsabbli għall-organizzazzjoni u għall-iżvolġiment tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal u ta’ elezzjonijiet, referenda u konsultazzjonijiet oħra organizzati skont dan ir-regolament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7

    L-Artikolu 26 tar-RDRP jistipula li:

    “1.   L-elezzjonijiet għandhom jiġu organizzati mill-bord tal-iskrutinaturi.

    2.   Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jingħata terminu ta’ mill-inqas [40] jum ta’ xogħol sabiex jorganizza l-elezzjonijiet.

    3.   [Fuq] talba tal-bord tal-iskrutinaturi, is-Segretarju Ġenerali [tal-Parlament] jista’ jinnomina żewġ osservaturi, li wieħed minnhom għandu jkun mis-servizz legali, li jassistu fil-laqgħat tal-bord tal-iskrutinaturi dwar l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8

    L-Artikolu 39 tar-RDRP jipprevedi li:

    “1.   Wara l-għadd tal-voti, il-bord tal-iskrutinaturi għandu jfassal u jippubblika l-lista tal-persuni eletti.

    2.   Il-kandidati mhux eletti minn kull lista għandhom jitniżżlu fil-minuti fl-ordni tal-voti li jkunu kisbu.

    3.   Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jfassal il-minuti tal-elezzjonijiet f’terminu massimu ta’ [25] jum ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti, wara li jkun wieġeb għall-ilmenti eventwali previsti fl-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament.

    4.   Huwa għandu jibgħat kopja ta’ dawn il-minuti u tal-lista tal-persuni eletti lis-Segretarju Ġenerali [tal-Parlament] kif ukoll lill-persuna l-iktar anzjana fl-età fost il-persuni eletti u jippubblikaha fuq l-[i]ntranet tal-bord tal-iskrutinaturi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    Skont l-Artikolu 41 tar-RDRP:

    “Bla ħsara għal rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa biss il-bord tal-iskrutinaturi li għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar kull tilwima jew kull ilment li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal. Dawn l-ilmenti għandhom jaslu bil-miktub lill-bord tal-iskrutinaturi f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni jew tal-att li jikkawża preġudizzju. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jwieġeb għal dawn l-ilmenti f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ riċezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    10

    L-Artikolu 42 tar-RDRP jistipula li:

    “L-ilmenti li jirrigwardaw l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet għandhom jaslu bil-miktub lill-bord tal-iskrutinaturi f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti. Il-bord tal-iskrutinaturi għandu jwieġeb għal dawn l-ilmenti f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data ta’ riċezzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    11

    Skont l-Artikolu 45 tar-RDRP, il-proposti ta’ reviżjoni tar-RDRP għandhom jiġu ppreżentati mill-Kumitat tal-Persunal jew permezz ta’ talba ffirmata minn mill-inqas 200 votant u, fil-każ li dawn il-proposti jiġu milqugħa fil-laqgħa ġenerali, għandhom jiġu sottomessi lill-votanti permezz ta’ referendum f’terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol.

    12

    L-Artikolu 47 tar-RDRP jippreċiża li “kopja ta’ [dan] ir-regolament, ippreżentat fl-20 ta’ Ġunju 2012 lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament […], qiegħda tintbagħat lill-President u lill-Bureau tal-Parlament […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Ir-rikorrenti kienu, fl-2013, membri tas-sindakat “Solidarité pour les agents et fonctionnaires européens” (Solidarjetà għall-membri tal-persunal u għall-uffiċjali Ewropej) (iktar ’il quddiem “SAFE”). Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari P. Colart u P. Vienne, dawn okkupaw, rispettivament, il-kariga ta’ President u ta’ Segretarju Politiku.

    14

    Wara li nżammet, fil-21 ta’ Ġunju 2013, laqgħa ġenerali straordinarja tal-membri ta’ SAFE, kien hemm nuqqas ta’ qbil fi ħdan dan is-sindakat dwar il-kompożizzjoni tal-kumitat eżekuttiv tiegħu, billi disa’ membri ta’ SAFE mmexxija minn P. Colart (iktar ’il quddiem “Colart u oħrajn”) kienu qed isostnu, l-istess bħal grupp ieħor ta’ membri ta’ SAFE mmexxi mis-Sur Ciuffreda, li huma kienu r-rappreżentanti leġittimi ta’ dan is-sindakat. Dawn iż-żewġ gruppi ta’ membri ta’ SAFE ma qablux dwar il-kwistjoni dwar l-aċċess għall-mailbox elettronika mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ SAFE mill-Parlament, u dan kemm quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara d-digriet Colart et vs Il‑Parlament, F‑87/13, EU:F:2014:53) kif ukoll quddiem il-qrati Lussemburgiżi.

    15

    Għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament, li kellhom jinżammu fil-ħarifa tal-2013, Colart u oħrajn iddeċidew finalment li ma joħorġux għall-elezzjonijiet taħt l-isem “SAFE” peress li t-tilwima bejnhom u l-grupp ta’ membri l-ieħor ta’ SAFE, immexxi l-aħħar mis-Sur Guccione (iktar ’il quddiem “Guccione u oħrajn”), ma kinitx ser tiġi riżolta. Għaldaqstant, fl-20 ta’ Settembru 2013, Colart u oħrajn ippreżentaw quddiem il-bord tal-iskrutinaturi lista bl-isem “SAFETY” (iktar ’il quddiem il-“lista SAFETY”) għall-imsemmija elezzjonijiet, filwaqt li wissu lill-bord tal-iskrutinaturi, permezz ta’ messaġġ elettroniku mibgħut fl-istess jum lill-President tiegħu, dwar il-konsegwenzi ta’ użu eventwali, li skonthom huwa irregolari u frawdolenti, tal-isem “SAFE” mil-lista ta’ kandidati mmexxija mis-Sur Guccione (iktar ’il quddiem il-“lista SAFE”). Skont ir-rikorrenti, Colart u oħrajn kellhom “attitudni prudenti u raġonevoli [li] kienet intiża sabiex ma ‘jħammġux’ il-proċess elettorali demokratiku, billi l-bord tal-iskrutinaturi jiġi ffaċjat bil-preżentazzjoni fl-istess żmien ta’ żewġ listi fejn kull waħda minnhom tistqarr li qed tuża [b’mod leġittimu] l-isem ‘SAFE’ bi [...] riskju [sussegwenti] ta’ numru ta’ proċedur[i] ġudiżżjarji wara xulxin li jfixklu l-ħin allokat għall-elezzjonijiet”.

    16

    Wara l-pubblikazzjoni mill-bord tal-iskrutinaturi, fil-25 ta’ Settembru 2013, tal-listi ta’ kandidati għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, Colart u oħrajn bagħtu ittra lil Guccione u oħrajn, li ħarġu bħala kandidati fuq il-lista SAFE, sabiex jinformawhom li huma kienu l-proprjetarji tal-logo “SAFE”, irreġistrat mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), u li, għaldaqstant, jekk Guccione u oħrajn kellhom jużaw dan il-logo, Colart u oħrajn kienu ser jiftħu kawża kontrihom sabiex jingħataw kumpens għad-danni marbuta ma’ dan l-użu illegali.

    17

    Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Parlament qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Colart mailbox elettronika bl-isem “SAFETY”.

    18

    L-ewwel skrutinju tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal seħħ mill-14 sat-23 ta’ Ottubru 2013. It-tieni skrutinju ġie organizzat mit-18 sas-27 ta’ Novembru ta’ wara.

    19

    Wara l-pubblikazzjoni mill-bord tal-iskrutinaturi, fit-28 ta’ Novembru 2013, tar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Parlament, P. Colart ressaq, fil-kwalità tiegħu ta’ “persuna responsabbli għal-lista SAFETY”, “ilment skont l-Artikolu 42 tar-[RDRP], dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet […]”. Kopja ta’ dan l-ilment intbagħtet ukoll lill-President tal-Parlament u lis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni. F’dan l-ilment, P. Colart, li kien qed jitkellem f’isem il-lista SAFETY, ilmenta li l-bord tal-iskrutinaturi ma ħax miżuri, ma weġibx għall-messaġġ tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2013 u lanqas ma ddiskuta l-kwistjoni dwar l-użu tal-isem “SAFE” għall-finijiet tal-elezzjonijiet. Huwa kkontesta wkoll l-għoti lil-lista SAFE, immexxija mis-Sur Guccione, ta’ erba’ siġġijiet mis-sitt siġġijiet mogħtija lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal bbażati fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

    20

    Fl-ilment indirizzat lill-bord tal-iskrutinaturi f’isem il-lista SAFETY, P. Colart talab, prinċipalment, li “l-elezzjonijiet [jiġu] sempliċement annullati, minħabba assenza ta’ sinċerità fl-iskrutinju u minħabba l-użu ta’ metodi u proċessi żleali”. Sussidjarjament u billi kkontesta l-fatt li l-bord tal-iskrutinaturi kien tqiegħed taħt il-presidenza ta’ membru tal-grupp Guccione u oħrajn, billi pproklama ruħu grupp ta’ membri leġittimu tal-kumitat eżekuttiv ta’ SAFE, jiġifieri s-Sur Tilotta, P. Colart talab, f’isem il-lista SAFETY, li jsir għadd manwali tal-voti. Huwa invoka f’dan ir-rigward, irregolaritajiet dwar il-ftuħ tal-kaxxi tal-voti wara l-ewwel skrutinju u dwar il-qfil tal-kmamar allegatament siguri fejn ġie organizzat l-iskrutinju, kif ukoll dubji dwar ir-realtà tar-riżultati sa fejn, fost id-29 persuna eletti fil-Kumitat tal-Persunal, minn naħa, ma kien hemm l-ebda kandidat li jaħdem fid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, li madankollu jirrappreżenta 20 % tal-persunal tal-Parlament, u, min-naħa l-oħra, sitta biss kienu bbażati fil-Lussemburgu.

    21

    Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013” jew id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi”), il-bord tal-iskrutinaturi wieġeb għall-ilment imressaq minn P. Colart, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna responsabbli għal-lista SAFETY, billi indika li, fl-assenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti dwar l-użu tal-isem “SAFE”, huwa kellu jaċċetta l-ismijiet kollha tal-listi kif proposti mill-persuni responsabbli għalihom, iktar u iktar peress li, billi ddeċidew li jippreżentaw lista bl-isem “SAFETY”, Colart u oħrajn neħħew kull riskju ta’ konfużjoni, li seta’ jirriżulta fost il-votanti mill-eżistenza ta’ żewġ listi kompetituri bl-istess isem.

    22

    Għal dak li jirrigwarda r-realtà tal-voti espressi, il-bord tal-iskrutinaturi indika lil P. Colart li n-numru ta’ karti tal-vot vojta kien ġie vverifikat sistematikament kemm mal-ftuħ kif ukoll mal-għeluq tal-kmamar tal-votazzjoni, liema kmamar kienu, barra minn hekk, maqfula permezz ta’ serraturi elettroniċi, u li ma kien ġie kkonstatat ebda żball, li ppermetta li jiġu esklużi s-suspetti tiegħu dwar l-allegata possibbiltà li kaxxi tal-voti kienu nfetħu u ġew mimlija b’karti tal-vot minflok dawk li kienu diġà tpoġġew fihom.

    23

    Għal dak li jirrigwarda t-talba għall-għadd mill-ġdid tal-karti tal-vot, il-bord tal-iskrutinaturi indika lil P. Colart li huwa kien wasal għal deċiżjoni unanima li ma jwettaqx tali għadd mill-ġdid fl-assenza ta’ kwalsiasi argument raġonevoli u konvinċenti li jiġġustifika tali proċedura.

    24

    Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ir-riżultati elettorali, il-bord tal-iskrutinaturi enfasizza li huwa ma kellux il-kompitu li jwettaq xi analiżi politika u inqas u inqas li jikkummenta dwar l-appartenenza tal-persuni eletti lil wieħed jew lill-ieħor mid-Direttorati Ġenerali tal-Parlament. Għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ eletti li huma bbażati l-Lussemburgu, dan huwa perfettament konformi mal-minimu mitlub fir-RDRP.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

    25

    Ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    jannulla r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal li nżammu fil-ħarifa tal-2013 u li r-riżultati tagħhom ġew ippubblikati uffiċjalment fit-28 ta’ Novembru 2013;

    jikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    26

    Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    jiċħad ir-rikors, prinċipalment, bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

    jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    27

    Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-15 ta’ Settembru 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku staqsa, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mistoqsijiet lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu fit-terminu stabbilit.

    28

    Min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti spjegaw li huma ma pprovawx iressqu talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra wara t-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet u li kienu bagħtu kopja tal-ilment tagħhom indirizzat lill-bord tal-iskrutinaturi lil ċerti persuni, awtorizzati li jaġixxu f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, fl-interessi tat-trasparenza u ta’ kortesija. Huma kkonfermaw ukoll li d-deċiżjoni li tagħha huma talbu l-annullament kienet id-deċiżjoni ta’ tħabbir tar-riżultati, peress li, skonthom, id-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013 tikkonferma biss ir-riżultati mħabbra fit-28 ta’ Novembru ta’ qabel.

    29

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikaw li, wara d-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013, huma ma staqsewx lill-Awtorità tal-Ħatra dwar il-possibbiltà li jressqu lment bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li, minn naħa, tali lment kien pass inutli għaliex l-Awtorità tal-Ħatra ma teżerċita l-ebda setgħa ġerarkika fuq il-bord tal-iskrutinaturi u ma setgħetx għalhekk, bħala prinċipju, tbiddel id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord. Min-naħa l-oħra, skont l-interpretazzjoni tagħhom tal-Artikolu 41 tar-RDRP u fuq il-premessa li l-Awtorità tal-Ħatra ma kellhiex, bħala prinċipju, intenzjoni li tinterferixxi fil-proċess elettorali tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, ir-rikorrenti qiesu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu kompetenza, bis-saħħa tal-Artikolu 41 tar-RDRP, sabiex jevalwa direttament il-legalità ta’ deċiżjonijiet tal-bord tal-iskrutinaturi.

    30

    Filwaqt li rrikonoxxew li, skont il-ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Ħatra, minkejja li ma teżerċita l-ebda setgħa ġerarkika fuq il-bord tal-iskrutinaturi, tista’, jew tabilħaqq għandha, tintervjeni sabiex tbiddel id-deċiżjonijiet tal-imsemmi bord meta jirriżulta li dawn huma illegali, ir-rikorrenti talbu għal “żvilupp tal-ġurisprudenza fis-sens ta’ nuqqas ta’ intervent assolut tal-Awtorità tal-Ħatra fil-proċess elettorali”.

    31

    Min-naħa tiegħu, il-Parlament ikkonferma lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa ma kien iddelega ebda setgħa lill-bord tal-iskrutinaturi sabiex jadotta deċiżjonijiet f’ismu u f’isem l-Awtorità tal-Ħatra. B’mod partikolari, il-kompetenza sabiex jittieħdu deċiżjonijiet dwar ilmenti mressqa skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal hija fdata esklużivament lill-Bureau, lill-President u lis-Segretarju Ġenerali ta’ din l-istituzzjoni.

    32

    Filwaqt li indika li ma kienx informa speċifikament lill-persunal tiegħu dwar il-fatt li l-korpi rappreżentattivi tal-persunal ma jistgħux, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħar-RDRP, jidderogaw minn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal bħall-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, wara li ressqu lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, kandidati oħra għall-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal organizzati fil-ħarifa tal-2013 kienu, fit-28 ta’ Frar 2014, ressqu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra lment bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, liema lment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-18 ta’ Ġunju ta’ wara.

    33

    Il-Parlament enfasizza li, skont il-ġurisprudenza, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tintervjeni, anki ex officio, fil-każ ta’ dubju dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal. F’dan ir-rigward, huwa jsostni wkoll li, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li hija ma tistax tbiddel, l-Awtorità tal-Ħatra hija awtorizzata tintervjeni fi ħdan il-bord tal-iskrutinaturi, li l-membri tiegħu jinħatru mil-laqgħa ġenerali tal-persunal, sabiex jiġu kkoreġuti irregolaritajiet eventwali kkonstatati.

    Id-dritt

    L-argumenti tal-partijiet

    34

    Billi fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti ttrattaw b’mod spontanju l-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom, huma jenfasizzaw li dan huwa dovut għall-ilment imressaq fit-12 ta’ Diċembru 2013, skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, quddiem il-bord tal-iskrutinaturi u li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dan tal-aħħar fid-19 ta’ Diċembru ta’ wara. Għaldaqstant, ir-rikorrenti jqisu li huwa “ammissibbli li jressqu l-imsemmi rikors b’osservanza tat-termini tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura” u, f’dan ir-rigward, isostnu, billi jirreferu għas-sentenza Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (T‑396/03, EU:T:2005:406), li l-Parlament ma jistax jinħeba wara l-fatt li r-regoli interni tiegħu jagħtu lill-bord tal-iskrutinaturi l-inkarigu li jiddeċiedi dwar l-ilmenti relatati mal-elezzjonijiet tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal sabiex jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu għal dak li jirrigwarda l-kontroll tar-regolarità tal-imsemmija elezzjoni.

    35

    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li l-Awtorità tal-Ħatra kellha neċessarjament għarfien dwar l-abbozz tat-tweġiba tal-bord tal-iskrutinaturi għall-ilment tagħhom u għalhekk, “x’imkien” bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru 2013, kienet adottat deċiżjoni li kienet tikkonsisti f’parir favorevoli dwar dik li eventwalment saret id-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013.

    36

    Il-Parlament jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors billi jenfasizza li dan ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament li “[a]ppell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jintlaqa’ biss jekk l-[A]wtorità tal-[Ħ]atra qabel kienet irċevit ilment mitfugħ skond l-Artikolu 90(2) [tar-Regolamenti ta-Persunal] fil-perjodu preskritt fih, u l-ilment ma kienx aċċettat b’deċiżjonijiet espressi jew b’deċiżjoni taċita [tal-Awtorità tal-Ħatra]”.

    37

    F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li, skont il-punt X, intitolat “T[albiet u rimedji ġudizzjarji]”, tal-Anness tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2014 dwar id-delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra u tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, li fuq dan il-punt huwa identiku għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat-3 ta’ Mejju 2004 li kienet applikabbli qabel, is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiddeċiedi dwar ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet meħuda minn awtoritajiet oħra li ma humiex il-Bureau, il-President jew is-Segretarju Ġenerali. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, bi ksur tal-ġurisprudenza li tirriżulta b’mod partikolari mill-punt 7 tas-sentenza Diezler et vs CES (146/85 u 431/85, EU:C:1987:457), ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda lment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra. Għalhekk, sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors huma ta’ ordni pubbliku, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    38

    Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza invokata mir-rikorrenti skont liema huma ressqu lment quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, il-Parlament jargumenta li l-proċedura għat-tressiq ta’ lment prevista fir-RDRP hija distinta minn dik prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minkejja li r-RDRP jipprevedi, fit-Titolu V tiegħu intitolat “Ilmenti”, rimedju, bl-isem “ilment”, li jista’ jintuża quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, din il-proċedura kif irregolata mill-imsemmi regolament, li fir-rigward tagħha l-amministrazzjoni ma għandha barra minn hekk l-ebda setgħa ta’ deċiżjoni jew ta’ kodeċiżjoni, ma tipprevedi l-ebda għoti ta’ informazzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra u lanqas il-possibbiltà li din tintervjeni għall-finijiet tal-formulazzjoni tat-tweġiba għall-ilmenti hekk imressqa, bħad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment adottata f’dan il-każ mill-bord tal-iskrutinaturi. F’kull każ, il-bord tal-iskrutinaturi ma ngħatax id-delega sabiex jiddeċiedi, f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, dwar l-ilmenti mressqa abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    39

    Il-Parlament josserva wkoll li, f’dan il-każ u kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza, huwa ma kienx, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, f’pożizzjoni li jkun jaf l-ilmenti jew ix-xewqat tar-rikorrenti qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors. Madankollu, waqt is-seduta, il-Parlament irrikonoxxa li l-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP jistgħu jqarrqu bl-uffiċjali u bil-membri tal-persunal dwar in-neċessità li jitressaq, fil-qasam elettorali, ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal qabel ma jiġi ppreżentat rikors kontenzjuż abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Filwaqt li żammet it-talbiet prinċipali tagħha għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors, din l-istituzzjoni spjegat madankollu waqt is-seduta li, sabiex tiġi osservata s-sovranità tal-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali u l-awtonomija tal-Kumitat tal-Persunal, koawturi tar-RDRP, hija ma intervenietx, f’dan l-istadju, dwar dan it-test adottat minn dawn iż-żewġ istanzi li jikkostitwixxu r-rappreżentanza tal-persunal.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    40

    Sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ikkontestata mill-Parlament, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel nett, it-tipi ta’ atti li jistgħu jkunu s-suġġett, fil-qasam elettorali, tal-istħarriġ ġudizzjarju tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll, it-tieni nett, ir-rekwiżiti dwar il-fażi prekontenzjuża f’dan il-qasam.

    Fuq it-tipi ta’ atti li jistgħu jkunu s-suġġett, fil-qasam elettorali, ta’ stħarriġ ġudizzjarju

    41

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kawżi elettorali li jikkonċernaw b’mod partikolari l-Kumitati tal-Persunal, il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal dwar ir-rikorsi tal-uffiċjali, stabbiliti skont l-Artikolu 270 TFUE. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju jiġi eżerċitat fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati kontra l-istituzzjoni kkonċernata u li għandhom bħala suġġett l-atti jew l-ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-kontroll amministrattiv li hija għandha tiżgura f’dan il-qasam (ara s-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, 54/75, EU:C:1976:127, punti 8 u 24; Diezler et vs CES, EU:C:1987:457, punt 5, u Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoni, T‑534/93, EU:T:1994:86, punt 20).

    42

    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-uffiċjali tagħhom ikollhom il-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 22, u Maindiaux et vs CES, T‑28/89, EU:T:1990:18, punt 32). Konsegwentement, huma għandhom l-obbligu li jipprevjenu u li jipprojbixxu irregolaritajiet manifesti min-naħa tal-korpi responsabbli għall-elezzjonijiet, bħall-Kumitat tal-Persunal jew, f’dan il-każ, il-bord tal-iskrutinaturi.

    43

    F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni, minn naħa, tista’ tkun obbligata tieħu deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 32, u Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, F‑71/05, EU:F:2007:184, punt 71), u, min-naħa l-oħra, għandha f’kull każ l-obbligu li tiddeċiedi dwar ilmenti li jistgħu jiġu indirizzati lilha fuq dan is-suġġett fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 23).

    44

    Il-kontroll eżerċitat mill-amministrazzjoni fil-qasam elettorali, li jagħti lok, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għal atti u ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li l-legalità tagħhom tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni, ma huwiex limitat għad-dritt li tintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn il-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal jew il-korpi amministrattivi responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet ikunu diġà kissru r-regoli elettorali jew ikunu qed jheddu b’mod konkret li ma josservawhomx. Għall-kuntrarju, l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li jintervjenu ex officio, inkluż b’mod preventiv, fil-każ li jkollhom dubju dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet (sentenza Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 32).

    45

    Fost id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam elettorali u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal hemm b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw astensjoni tal-Awtorità tal-Ħatra milli tikkontrolla r-regolarità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza White vs Il‑Kummissjoni, T‑65/91, EU:T:1994:3, punt 91), dawk li jikkonsistu f’istruzzjoni lil taqsima lokali ta’ Kumitat tal-Persunal sabiex jadotta aġir partikolari (ara s-sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punti 62 u 70, kif ukoll id-digriet Klar u Fernandez Fernandez vs Il‑Kummissjoni, F‑114/13, EU:F:2014:192, punt 66, li huwa suġġett għal appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑665/14 P), dawk intiżi sabiex jannullaw deċiżjonijiet ta’ korpi responsabbli għall-elezzjonijiet, inkluż it-tħabbir tar-riżultati tal-elezzjonijiet, jew anki dawk li jġiegħlu bord tal-iskrutinaturi jikkoreġu żbalji (ara s-sentenza Loukakis et vs Il‑Parlament, F‑82/11, EU:F:2013:139, punt 94), kif ukoll dawk li jxolju tali korpi (ara s-sentenza White vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:3, punt 100). Madankollu, ġew esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni kull rifjut min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra li taġixxi meta din tal-aħħar ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu l-miżuri li jkunu ntalbu lilha, kif inhu l-każ għal dak li jirrigwarda r-regolarità ta’ deċiżjonijiet ta’ kumitat lokali dwar il-kompożizzjoni tal-Bureau tiegħu (ara s-sentenza Hecq u SFIE vs Il‑Kummissjoni, T‑35/98, EU:T:1999:23, punti 28 sa 41) kif ukoll ta’ deċiżjonijiet li ma humiex imputabbli lill-Awtorità tal-Ħatra, iżda lill-Kumitat tal-Persunal jew lil korp ieħor (sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 43).

    46

    Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju u li joriġinaw mill-Awtorità tal-Ħatra (ara, bħala eżempju, is-sentenza Venus u Obert vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 783/79 u 786/79, EU:C:1981:245, punt 22). B’mod partikolari, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal, għandu jitfakkar li l-atti adottati minn korp, stabbilit jew le mir-Regolamenti tal-Persunal u li ma jkunx ingħata delega tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra, bħal Kumitat tal-Persunal, uffiċċju elettorali jew bord tal-iskrutinaturi, ma humiex, bħala prinċipju, atti li joriġinaw strettament mill-Awtorità tal-Ħatra u jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors awtonomu quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punti 42 u 43).

    47

    Fil-fatt, huwa eventwalment biss b’mod inċidentali, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti jew ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fid-dawl tal-obbligu tagħha li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet, li l-qorti tal-Unjoni jista’ jkollha, minħabba l-koeżjoni ta’ atti suċċessivi li jikkostitwixxu l-elezzjonijiet u minħabba l-proċedura kumplessa li fihom huma jintervjenu, teżamina jekk l-atti adottati minn bord tal-iskrutinaturi, li huma marbuta strettament mad-deċiżjoni kkontestata li toriġina mill-Awtorità tal-Ħatra, humiex ivvizzjati b’illegalità (sentenzi Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, T‑182/94, EU:T:1996:130, punt 37, u Chew vs Il‑Kummissjoni, T‑28/96, EU:T:1997:97, punt 20). Tali stħarriġ ġudizzjarju jippresupponi madankollu l-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

    Fuq ir-rekwiżiti dwar il-fażi prekontenzjuża fil-qasam elettorali

    48

    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif inhu l-każ hawnhekk, hija suġġetta għall-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża (sentenza Van Neyghem vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑288/04, EU:T:2007:1, punt 53, u d-digriet Lebedef vs Il‑Kummissjoni, F‑60/13, EU:F:2014:6, punt 37).

    49

    Għal dak li jirrigwarda l-atti adottati fil-kuntest tal-obbligu ta’ kull istituzzjoni tal-Unjoni li tiżgura r-regolarità tal-elezzjonijiet tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-imsemmija korpi, dawn jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ din l-istituzzjoni li fid-dawl tagħhom l-uffiċjali u l-membri tal-persunal jistgħu jressqu direttament ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, mingħajr il-bżonn li tiġi osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u li l-Awtorità tal-Ħatra tiġi mistiedna minn qabel sabiex tieħu deċiżjoni fil-konfront tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punt 23; Milella u Campanella vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2007:184, punt 54; u d-digriet Klar u Fernandez Fernandez vs Il‑Kummissjoni, EU:F:2014:192, punti 58 u 59).

    50

    Il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi wkoll il-possibbiltà li tittieħed azzjoni direttament permezz ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, anki meta l-Awtorità tal-Ħatra ma tkunx għadha adottat deċiżjoni, impliċita jew espliċita, li tastjeni milli tikkontrolla r-regolarità ta’ deċiżjoni adottata minn korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, sa fejn, f’tali lment, il-persuna kkonċernata tippreċiża l-miżuri li huma impostFi mir-Regolamenti tal-Persunal u li l-Awtorità tal-Ħatra tkun astjeniet allegatament milli tieħu (sentenza White vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:3, punti 91 u 92).

    51

    Madankollu, fil-qasam tal-kawżi elettorali fir-rigward tan-nomina tal-membri tal-Kumitati tal-Persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-tressiq minn qabel ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jibqa’ f’kull każ neċessarju għal kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza Diezler et vs CES, EU:C:1987:457, punt 7).

    Fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors

    52

    F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li l-Awtorità tal-Ħatra ma adottatx deċiżjoni fil-kuntest tal-obbligu ta’ kull istituzzjoni li tiġi żgurata r-regolarità tal-elezzjonijiet tal-persunal u tal-kompożizzjoni sussegwenti tal-korpi rappreżentattivi tal-persunal u, barra minn hekk, ir-rikorrenti la ma talbuha tikkontrolla r-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal li nżammu fil-ħarifa tal-2013 u lanqas ma ressqu lment quddiemha fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra deċiżjoni li hija adottat, impliċitament jew espliċitament, fejn hija tirrifjuta li tikkontrolla r-regolarità tal-iżvolġiment tal-imsemmija elezzjonijiet, ir-regolarità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi, bħad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi, jew ir-regolarità tar-riżultati mħabbra mill-imsemmi bord.

    53

    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti matul is-seduta, l-Awtorità tal-Ħatra ma adottatx deċiżjoni, taħt il-forma ta’ parir favorevoli, bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru 2013 għar-raġuni biss li kienu bagħtulha kopja tal-ilment tagħhom imressaq, skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, quddiem il-bord tal-iskrutinaturi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma semmew tali deċiżjoni, impliċita jew espliċita, tal-Awtorità tal-Ħatra la fil-petitum tagħhom u lanqas, b’mod ġenerali, fir-rikors tagħhom.

    54

    Issa, fir-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li r-rikorrenti setgħu, wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment adottata mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, iressqu lment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra sabiex tadotta deċiżjoni dwar ir-regolarità tal-elezzjonijiet kontenzjużi għall-Kumitat tal-Persunal, jew saħansitra tannulla r-riżultati tal-imsemmija elezzjonijiet, u, fil-każ ta’ ċaħda impliċita jew espliċita, iressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi de Dapper et vs Il‑Parlament, EU:C:1976:127, punti 28 u 29; Grynberg u Hall vs Il‑Kummissjoni, EU:T:1994:86, punt 23; Marx Esser u del Amo Martinez vs Il‑Parlament, EU:T:1996:130, punti 17 sa 22 u 33; u Loukakis et vs Il‑Parlament, EU:F:2013:139, punti 25, 29 u 46). Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrenti setgħu wkoll, wara ċ-ċaħda tal-bord tal-iskrutinaturi li jilqa’ t-talba tagħhom imressqa skont l-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP, iressqu direttament ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra.

    55

    Madankollu, ir-rikorrenti ressqu biss ilment wieħed, mhux ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda lment kif previst fl-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP, jiġifieri quddiem il-bord tal-iskrutinaturi. Issa, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dan l-ilment ġiet adottata mill-bord tal-iskrutinaturi u mhux mill-Awtorità tal-Ħatra, li lilha ma ntbagħtitx kopja tal-ilment hekk imressaq u li, hekk kif isostni l-Parlament, la hija l-awtur u lanqas il-koawtur tad-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013.

    56

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu bħala għan li jippermetti u li jiffavorixxi li l-partijiet jaslu għal ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal u l-amministrazzjoni, ma tressqet f’dan il-każ l-ebda talba jew ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra fejn hija tintalab tikkontrolla d-deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi tad-19 ta’ Diċembru 2013 jew l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal b’mod ġenerali. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, hekk kif ir-rikorrenti ammettew, huma bl-ebda mod ma pprovaw jivverifikaw mal-Awtorità tal-Ħatra jekk kienx għadu neċessarju, wara ċ-ċaħda ta’ lment mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jippreżentaw rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    57

    Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors, ippreżentat kontra l-Parlament, iżda li jittratta l-legalità tar-riżultat tal-elezzjonijiet imħabbra mill-bord tal-iskrutinaturi u kkonfermat l-aħħar fid-19 ta’ Diċembru 2013, u mhux deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, ma huwiex ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ġurisprudenza fil-qasam elettorali, kif imfakkra qabel.

    58

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:406), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi fattwali u legali tal-kawża li taw lok għal dik is-sentenza huma differenti ħafna minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, fil-punt 27 tas-sentenza inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej kienet osservat espressament li, għal dak li jirrigwarda l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea, l-uffiċċju elettorali ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar il-validità tal-elezzjonijiet, iżda kellu, skont l-Artikolu 20 tar-regolament elettorali adottat mil-laqgħa ġenerali tal-persunal tal-Kummissjoni, jibgħat mingħajr dewmien din il-kontestazzjoni lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt ta’ wara tal-istess sentenza, li, konsegwentement, l-att li kkawża preġudizzju li kontrih ġie ppreżentat ir-rikors kien id-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li ma tintervjenix, li kienet ittieħdet matul ix-xahar ta’ Jannar 2003, wara li l-uffiċċju elettorali kien bagħat lill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 20 tar-regolament elettorali applikabbli, il-kontestazzjonijiet tar-rikorrent, tat-23 ta’ Diċembru 2002. Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li r-rikors kien ammissibbli biss sa fejn kien ġie ppreżentat kontra l-att li kkawża preġudizzju msemmi iktar ’il fuq tal-Awtorità tal-Ħatra.

    59

    Għaldaqstant, ir-rikors fil-kawża Vanhellemont vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:406) ġie ddikjarat ammissibbli biss sa fejn kien jikkonċerna att li joriġina mill-Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss qatt ma tressaq ilment mir-rikorrenti quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, iżda li barra minn hekk ir-RDRP ma jipprevedix, kuntrarjament għar-regolament elettorali msemmi fil-punt preċedenti, li l-bord tal-iskrutinaturi għandu jibgħat lill-Awtorità tal-Ħatra l-ilmenti mressqa quddiemu sabiex din tiddeċiedi skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 41 tar-RDRP jipprevedi li “huwa biss il-bord tal-iskrutinaturi li għandu kompetenza sabiex jiddeċiedi dwar kull tilwima jew kull ilment li jirrigwarda l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal”, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra preċedentement, meta tali korp jiddeċiedi, bħal f’dan il-każ, li ma jilqax ilment ta’ kandidat jew ta’ votant, ir-regolarità ta’ tali deċiżjoni, inkluża l-motivazzjoni tagħha, kif ukoll dik tal-elezzjonijiet b’mod ġenerali jistgħu dejjem ikunu s-suġġett ta’ kontroll amministrattiv li għandu jitwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam elettorali, billi jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li huma l-atti jew l-ommissjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ kontroll tar-regolarità tal-elezzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 270 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Loukakis et vs Il‑Parlament, EU:F:2013:139, punt 101).

    60

    B’mod partikolari, l-obbligu li jitressaq, anki fil-qasam elettorali, ilment previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, qabel il-preżentata ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE fil-konfront ta’ att jew ommissjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tikkontrolla r-regolarità tal-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Persunal, ma jistax jieqaf jeżisti għar-raġuni li korp, f’dan il-każ il-bord tal-iskrutinaturi, li barra minn hekk ma jkunx ingħata delega mill-Awtorità tal-Ħatra għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi f’dan il-qasam, għandu kompetenza, bis-saħħa ta’ test adottat mill-Kumitat tal-Persunal u mill-persunal tal-istituzzjoni stess, sabiex jiddeċiedi dwar kontestazzjonijiet marbuta mal-iżvolġiment tal-elezzjonijiet u mar-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet.

    61

    Fil-fatt, minn naħa, għalkemm huwa minnu li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tiegħu, jagħti lil-laqgħa ġenerali setgħa normattiva f’dan il-qasam sabiex tikkompleta, fi ħdan kull istituzzjoni, il-kuntest leġiżlattiv stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal għar-rappreżentanza tal-persunal (ara s-sentenza Maindiaux et vs CES, EU:T:1990:18, punt 45), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jfakkar li, bħall-istituzzjonijiet stess, il-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali u l-korpi stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Kumitat tal-Persunal, ma għandhomx madankollu kompetenza, fil-kuntest tal-“kondizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Kumitat tal-Persunal”, bħar-RDRP, li għandhom jadottaw skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jidderogaw minn regola espliċita tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schneider vs Il‑Kummissjoni, T‑54/92, EU:T:1994:283, punt 19).

    62

    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li lment, kif previst fl-Artikolu 41 tar-RDRP, huwa intiż sabiex jikseb mill-bord tal-iskrutinaturi, li huwa korp li ma huwiex awtorizzat li jimpenja lill-Awtorità tal-Ħatra, l-eżami mill-ġdid tar-riżultati tal-elezzjonijiet kif imħabbra minn dan il-korp. Id-deċiżjoni mogħtija mill-bord tal-iskrutinaturi, f’dan il-każ fit-termini qosra previsti fir-RDRP, finalment hija biss deċiżjoni ta’ konferma jew, skont il-każ, ta’ tħassir tar-riżultati tal-elezzjonijiet, kif rikonoxxut mir-rikorrenti. F’dan il-każ, hekk kif tfakkar fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux kompetenza sabiex jiddeċiedi direttament, fl-assenza ta’ kwalsiasi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni konvenuta, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-bord tal-iskrutinaturi.

    63

    Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiddeċiedi dwar ilment imressaq fil-qasam elettorali skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tali deċiżjoni titlob li l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl tar-riżultati tal-elezzjonijiet u tal-obbligu tagħha li tiżgura lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħha l-possibbiltà li jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom bil-libertà kollha u b’osservanza tar-regoli stabbiliti, tagħżel jew li taġixxi jew inkella li tastjeni milli taġixxi fil-proċess elettorali. Hija f’sitwazzjoni bħal din li, fil-qasam elettorali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sabiex jistħarreġ il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex, b’mod partikolari, jiddetermina jekk “[l-Awtorità tal-Ħatra] naqset li tadotta miżura preskritta mir-Regolamenti tal-Persunal” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

    64

    F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jinfluwenza l-kontenut u l-loġika li fuqhom hija bbażata l-ġurisprudenza stabbilita dwar l-elezzjonijiet tal-persunal organizzati fi ħdan l-istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni għar-raġuni li, għal dak li jirrigwarda l-Parlament, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tar-RDRP, adottat mill-Kumitat tal-Persunal u l-laqgħa ġenerali tal-uffiċjali, tista’ tagħti lill-eletturi u lill-kandidati l-impressjoni li l-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi direttament dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi u li, min-naħa l-oħra, il-Parlament irrinunzja, f’dan l-istadju, milli juża s-setgħa tiegħu ta’ intervent sabiex tiġi emendata din il-formulazzjoni f’sens li jirrifletti aħjar ir-rekwiżiti prekontenzjużi fil-qasam elettorali. Dan japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti fejn, hekk kif ġie spjegat waqt is-seduta, ir-rikorrenti, minn naħa, iddeċidew deliberament li jippreżentaw dan ir-rikors, mingħajr ma jressqu minn qabel ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, għar-raġuni li ma xtaqux intervent minn din tal-aħħar fil-proċess elettorali, u, min-naħa l-oħra, jinvokaw espressament l-Artikolu 41 tar-RDRP u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal bħala bażi legali tar-rikors tagħhom u mhux l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    65

    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li, fis-sentenza Sabbatucci vs Il‑Parlament (T‑42/98, EU:T:1999:247), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet fuq il-mertu rikors ippreċedut unikament minn ilment imressaq quddiem il-bord tal-iskrutinaturi tal-Parlament, u mhux minn ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, lanqas ma hija rilevanti b’mod partikolari għaliex, f’din il-kawża, kien intlaħaq ftehim bonarju bejn ir-rikorrenti u l-Awtorità tal-Ħatra, wara li, preċiżament, din tal-aħħar kienet iddeċidiet, fil-kuntest ta’ kawża għall-finijiet ta’ miżuri provviżorji mressqa skont il-proċedura speċifika tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tgħodd mill-ġdid il-voti, jiġifieri li tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal.

    66

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(2) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li tirbaħ tista’ madankollu tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, sostnuti mill-parti l-oħra jekk dan jidher li jkun iġġustifikat minħabba l-aġir tagħha, inkluż qabel ma tkun tressqet il-kawża, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jitqiesu li huma fiergħa jew vessatorji.

    68

    Mir-raġunijiet mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfu. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu l-Parlament talab espressament li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikoli 41 u 42 tar-RDRP tista’ tagħti lill-eletturi u lill-kandidati, bħar-rikorrenti, l-impressjoni li l-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tiddeċiedi direttament dwar il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tal-iskrutinaturi. Issa, il-Parlament irrikonoxxa l-eżistenza ta’ din l-ambigwità, iżda indika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa rrinunzja milli jintervjeni sabiex jemenda din il-formulazzjoni u li lanqas ma informa debitament lill-persunal tiegħu f’dan ir-rigward.

    69

    Fid-dawl ta’ din l-attitudni tal-konvenut u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, min-naħa tagħhom, ir-rikorrenti ma pprovawx jikkuntattjaw lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex jistaqsuha jekk, wara ċ-ċaħda ta’ lment mill-bord tal-iskrutinaturi skont l-Artikolu 41 tar-RDRP, bħal dik fil-konfront tagħhom, kienx neċessarju li jressqu minn qabel ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura u, konsegwentement, jiddeċiedi li l-Parlament għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u jiġi kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    (It-Tieni Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    2)

    P. Colart u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsabu fl-Anness għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    3)

    Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat iħallas nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

     

    Rofes i Pujol

    Bradley

    Svenningsen

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Diċembru 2014.

    W. Hakenberg

    Ir-Reġistratur

    K. Bradley

    Il-President

    ANNESS

    Fid-dawl tan-numru ta’ rikorrenti f’din il-kawża, l-ismijiet tagħhom ma humiex riprodotti.


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top