Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0580

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015.
    Sandra Bitter, en qualité de mandataire liquidateur de Ziegelwerk Höxter GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Multa għall-eċċess tal-emissjonijiet – Proporzjonalità.
    Kawża C-580/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:835

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    17 ta’ Diċembru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Multa għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet — Proporzjonalità”

    Fil-Kawża C‑580/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (tribunal amministrattiv ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

    Sandra Bitter, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza ta’ Ziegelwerk Höxter GmbH,

    vs

    Bundesrepublik Deutschland,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President ta’ Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Bundesrepublik Deutschland, minn G. Buchholz, avukat,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti

    għall-Parlament Ewropew, minn P. Schonard u A. Tamás, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm u N. Rouam, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. White u A. C. Becker, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Bitter, bħala amministratur fil-proċeduri ta’ insolvenza ta’ Ziegelwerk Höxter GmbH (iktar ’il quddiem, “Ziegelwerk Höxter”), u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), dwar multa imposta minn din tal-aħħar lil Ziegelwerk Höxter peress li naqset mill-obbligi tagħha ta’ dikjarazzjoni u li ċċedi l-kwoti tagħha tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju għas-sena 2011.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 2 tad-Direttiva 2003/87 hija redatta kif ġej:

    “Is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni dwar l-Ambjent stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1600.2002.KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-22 ta’ Lulju 2002, li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 152] jidentifika l-bidla fil-klima bħala prijorità għall-azzjoni u jipprovdi li tiġi stabbilita skema għall-iskambju ta’ emissjonijiet matul il-Komunità kollha sas-sena 2005. Dan il-Programm jagħraf illi l-Komunità hija impenjata li tikseb tnaqqis ta’ 8 % fl-emissjoni tal-gassijiet serra bejn mis-sena 2008 sas-sena 2012 meta pparagunat mal-livelli tas-sena 1990, u li, fuq skond iktar fit-tul, l-emissjonijiet globali jridu jeħtieġu li jiġu mnaqqsa b’madwar 70 % meta pparagunati mal-livelli tas-sena 1990.”

    4

    Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tiddikjara:

    “Ġaladarba jidħol fis-seħħ, il-Protokoll ta’ Kyoto li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal-25 ta’ April 2002 li jirrigwarda l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto ta’ mal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u t-twettiq konġunt tiegħu [ĠU L 130, p. 1], irid jikkommetti lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra antropoġeniċi aggregati tagħhom elenkati fl-Anness A mal-Protokoll bi 8 % pparagunati mal-livelli tas-sena 1990 fil-perjodu taż-żmien mis-sena 2008 sas-sena 2012.”

    5

    L-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw, li sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jċedi numru ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, ekwivalenti ghat-total tal-emissjonijet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skond l-Artikolu 15, u li wara dawn jiġu kkanċellati.”

    6

    Skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur li ma jċedix kwoti biżżejjed sat-30 ta’ April ta’ kull sena sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu matul is-sena ta’ qabel għandu jinżamm lijabbli li jħallas penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet. Il-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħ minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ma għandux jeħles lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti egwali għall-dawk l-emissjonijiet maqbuża meta jċedi l-kwoti f’relazzjoni mas-sena kalendarja ta’ wara.”

    7

    L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni inizjali tiegħu kien jipprevedi:

    “Matul il-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda fl-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-penali l-iktar baxxa għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ta’ EUR 40 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħa minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ma għandux jeħles lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti egwali għall-dawk l-emissjonijiet maqbuża meta jċedi l-kwoti f’relazzjoni mas-sena kalendarja ta’ wara.”

    Id-dritt Ġermaniż

    8

    Id-Direttiva 2003/87 ġiet trasposta mil-Liġi dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (Gesetz über den Handel mit Berechtigungen zur Emission von Treibhausgasen), tat-8 ta’ Lulju 2004 (BGBl. I, p. 1578, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-iskambju tal-kwoti”).

    9

    L-Artikolu 6(1) Liġi dwar l-iskambju tal-kwoti jipprevedi:

    “L-operatur responsabbli għandu, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, għall-ewwel darba fis-sena 2006, iċedi lill-awtorità kompetenti numru ta’ kwoti li jikkorrispondi għall-kwantità ta’ emissjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet tiegħu fis-sena kalendarja ta’ qabel.”

    10

    L-Artikolu 18 tal-Liġi dwar l-iskambju tal-kwoti, intitolat “Implementazzjoni tal-obbligu ta’ ċediment”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “(1)   Jekk l-operatur responsabbli jonqos milli jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu skont il-Paragrafu 6(1), għal kull tunnellata tal-ekwivalenti ta’ dijossidu ta’ karbonju mitfugħ li għaliha l-operatur responsabbli ma jkunx ċeda xi kwoti, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa l-operatur bħala responsabbli għall-pagament ta’ EUR 100, u EUR 40 għall-ewwel perjodu ta’ allokazzjoni. L-awtorità tista’ tirrinunzja li timponi multa jekk l-operatur responsabbli ma setax jikkonforma ruħu mad-dmir tiegħu skont il-Paragrafu 6(1) għal raġunijiet ta’ forza maġġuri.

    (2)   Fejn l-operatur responsabbli jkun naqas milli jagħti rapport xieraq dwar l-emissjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tistima tal-emissjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet tiegħu fis-sena kalendarja ta’ qabel. L-istima għandha tikkostitwixxi l-bażi, inkontestabbli, għall-obbligu stipulat fil-Paragrafu 6(1). Ma għandha tingħata ebda stima jekk, fil-kuntest tas-seduta dwar ir-responsabbiltà sabiex isir il-pagament speċifikat fis-subparagrafu (1), l-operatur responsabbli jikkonforma ruħu mad-dmir ta’ rappurtaġġ.

    (3)   L-operatur responsabbli għandu jibqa’ suġġett għall-obbligu li jċedi l-kwoti neqsin, fil-każijiet koperti bis-subparagrafu (2) skont l-istima, sat-30 ta’ April tas-sena ta’ wara. [...]”

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    11

    Ziegelwerk Höxter hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li, sax-xahar tas-Settembru 2011, kienet topera installazzjoni li jemettu gassijiet b’effett serra. Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Novembru 2011, l-Amtsgericht Paderborn (qorti distrettwali ta’ Paderborn, il-Ġermanja) bdiet proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ din il-kumpannija.

    12

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, S. Bitter, avukat, ġiet maħtura mandatarja stralċjarja. F’din il-kwalità, hija ġiet ikkunsidrata mill-awtoritajiet Ġermaniżi bħala l-operatriċi tal-installazzjoni u, għalhekk, responsabbli għall-osservanza tal-obbligi applikabbli għal din l-installazzjoni skont il-Liġi dwar l-iskambju tal-kwoti.

    13

    Minħabba dan il-fat, dawn l-awtoritajiet talbuha li tipprovdi d-dikjarazzjonijiet ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-sena 2011 u li ċċedi l-kwoti ta’ emissjonijiet relatati ma’ din is-sena.

    14

    S. Bitter kkunsidrat li, peress li Ziegelwerk Höxter temmet l-attività tagħha qabel inbdiet il-proċedura ta’ insolvenza fix-xahar ta’ Settembru 2011, din l-impriża ma kinitx iktar obbligata li tiddikjara la li ċċedi l-kwoti tagħha tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju emessi fis-sena 2011, peress li d-djun eventwali tagħha jistgħu biss jiġu rreġistrati bħala passiv fil-proċedura ta’ falliment.

    15

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ posta elettronika tal-20 ta’ Settembru 2012, mandatarju preċedenti ta’ din l-impriża indika lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti li 3324 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju ġew emessi minn din l-impriża matul is-sena 2011.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2013, dawn l-awtoritajiet stmaw li n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li ma ġewx ċeduti ta’ din l-impriża għas-sena 2011 tela’ għal 3323 u ġiet imposta fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 332300, b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tal-Liġi dwar l-iskambju tal-kwoti, li jittrasponi l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87.

    17

    S. Bitter ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin, li qed tistaqsi dwar il-konformità tal-livell tal-multa prevista minn din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    18

    Il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) tikkunsidra b’mod partikolari li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-multa ta’ EUR 40 għal kull tunnellata tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju emessi li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda l-kwoti, previst fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2003/87 fil-verżjoni inizjali tiegħu matul l-perijodu ta’ skambju bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (is-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664), dan ma jistax ikun il-każ tal-multa fl-ammont ta’ EUR 100 għal kull tunnellata tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju emessi li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda l-kwoti, previst fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, mis-sena 2008, minħabba barra minn hekk, il-waqgħa tal-prezz tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mix-xahar ta’ Diċembru 2006.

    19

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u li meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet intiżi. Hija tagħmel riferiment għas-sentenza Agrarproduktion Staebelow (C‑504/04, EU:C:2006:30, punti 3540).

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Ir-regola li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, li tipprovdi li għal kull tunnellata metrika ta’ dijossidu tal-karbonju mitfugħa li għaliha l-operatur jew operatur ta’ ajruplan ma jkunx ċeda kwoti, il-multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet għandha tkun ta’ EUR 100, hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità?”

    Fuq id-domanda preliminari

    21

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    22

    Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

    23

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    24

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu adattati sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom (ara is-sentenzi Vodafone etC‑58/08, EU:C:2010:321, punt 51, kif ukoll Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 34).

    25

    F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għandha madankollu tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni meta huwa jkollu jintervjeni f’qasam li jinvolvi għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika jew soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, fl-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-ġudizzju tal-leġiżlatur tal-Unjoni bil-ġudizzju tagħha. Hija ma tista’ tiċċensura l-għażla normattiva tiegħu ħlief jekk din tkun tidher li hija manifestament żbaljata jew jekk l-iżvantaġġi li jirriżultaw għal ċerti atturi ekonomiċi ma jkunux jibbilanċjaw mal-benefiċċji li din ikollha wkoll (ara s-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    26

    F’dan ir-rigward, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Marzu 2001, li għalihom tirreferi l-ewwel premessa tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li l-istabbiliment ta’ skema tal-Unjoni tal-kontabbiltà u għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju fil-livell tal-Unjoni jikkostitwixxi għażla normattiva li tirrifletti orjentazzjoni politika f’kuntest ta’ urġenza sabiex jiġu ttrattati preokkupazzjonijiet ambjentali serji. Barra minn hekk, din l-għażla normattiva hija bbażata, fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna u diskussi b’mod wiesa’, deskritti fil-green paper dwar l-iskambju ta’ emissjoni tal-gassijiet ġewwa l-Unjoni Ewropea [COM (2000) 87 finali]. Bil-għan li jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-impenji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu għalhekk jevalwa u jikkunsidra huwa nnifsu l-effetti futuri u inċerti tal-intervent tiegħu (ara s-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 36).

    27

    Issa l-evalwazzjoni fuq il-proporzjonalità ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effikaċja tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li tkun se tiġi adottata u l-effetti tagħha ma jistgħux ikunu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ biss tiġi kkritikata jekk din kienet tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. (ara f’dan is-sens, is-sentenzi, Jippes et, C-189/01, EU:C:2001:420, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 37).

    28

    B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, fis-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C 203/12, EU:C:2013:664), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet in-natura proporzjonali mhux biss tal-multa tranżitorja ta’ EUR 40 għal kull tunnellata prevista fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni inizjali tiegħu, iżda wkoll tal-multa fissa ta’ EUR 100 għal kull tunnellata prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, peress li dan l-ammont ma jinkludix ebda possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali.

    29

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li d-Direttiva 2003/87 tagħti lill-operaturi terminu raġonevoli sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu restituttiv tagħhom u li huwa leġittimu għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ avviżi, ta’ rkupru u ta’ ċediment antiċipat li jippermettu lill-operaturi bona fide li jkunu informati sewwa bl-obbligu restituttiv u li b’hekk ma jieħdu ebda riskju li tiġi imposta fuqhom multa. (is-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C-203/12, EU:C:2013:664, punti 4041).

    30

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li l-obbligu ta’ ċediment previst fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 u l-multa fissa li tissanzjonah fl-Artikolu 16(3) u (4) ta’ din id-direttiva, u dan mingħajr flessibbiltà oħra għajr it-tnaqqis tranżitorju tal-livell tagħha, bejn is-sena 2005 u s-sena 2007, kienu neċessarji għal-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-tfittix tal-għan leġittimu li tiġi stabbilita skema effiċjenti għall-iskambju ta’ kwoti ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju, sabiex jevita li ċerti operaturi jew intermedjarji tas-suq jitħajru jevitaw jew jimmanipulaw l-iskema billi abbużivament jimmanipulaw il-prezzijiet, il-kwantitajiet, it-termini jew il-prodotti finanzjarji kumplessi li kull suq joħloq (is-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C-203/12, EU:C :2013:664, punt 39).

    31

    Hija rrilevat, b’mod partikolari, il-livell relattivament għoli tal-multa huwa ġġustifikat min-neċessità li n-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligu ta’ ċediment ta’ numru suffiċjenti ta’ kwoti jiġu ttrattati b’mod strett u konsistenti madwar l-Unjoni kollha (is-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C-203/12, EU:C:2013:664, punt 39).

    32

    Il-fatt li l-ammont inkwistjoni huwa ogħla minn dak li fuqu ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, (C-203/12, EU:C:2013:664), ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din l-evalwazzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta’ multa ta’ ammont iktar baxx matul l-ewwel perijodu ta’ skambju kienet iġġustifikata, kif ikkonstatat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, peress li fir-rigward ta’ perijodu ta’ prova tal-iskema, li fil-kuntest tiegħu l-operaturi ekonomiċi kkonċernati kienu suġġetti għal obbligi inqas stretti.

    33

    Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma żiedx għalhekk l-ammont tal-multa applikabbli wara dan l-ewwel perijodu ta’ skambju, iżda “[...]naq[...]as” b’mod tranżitorju, matul l-ewwel perijodu, l-ammont tal-multa għall-perijodu ffissata, fin-nuqqas, għal EUR 100 skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87 (ara s-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C 203/12, EU:C:2013:664; punti 25 u 39).

    34

    Fir-rigward tal-argument li l-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjoni ġew imnaqqsa sew wara l-ewwel perijodu ta’ skambju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fil-punt 27 tas-sentenza Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka (C 203/12, EU:C:2013:664), li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, billi jistabbilixxi huwa stess multa predefinita, jipproteġi l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-manipulazzjonijiet tas-suq. Kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni bl-evalwazzjoni tagħha.

    35

    Konsegwentement, l-eżami tad-domanda magħmula ma rrivela ebda element ta’ natura li jeffettwa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, sa fejn din tipprevedi multa ta’ EUR 100 għal kull tunnellata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju emessi li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda l-kwoti.

    Fuq l-ispejjeż

    36

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-eżami tad-domanda magħmula ma rrivela ebda element ta’ natura li jeffettwa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-validità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, sa fejn din tipprevedi multa ta’ EUR 100 għal kull tunnellata ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju emessi li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda l-kwoti.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top