Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0517

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse e.V. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 510/2006 – Reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti – Reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ‘Edam Holland’ – Produtturi li jużaw l-isem ‘edam’ – Assenza ta’ interess ġuridiku.
    Kawża C-517/14 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:700

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Appell — Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 510/2006 — Reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti — Reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ‘Edam Holland’ — Produtturi li jużaw l-isem ‘edam’ — Assenza ta’ interess ġuridiku”

    Fil-Kawża C‑517/14 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2014,

    Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse e.V., stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Loschelder u V. Schoene, Rechtsanwälte,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Schima, J. Guillem Carrau u G. von Rintelen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti,

    Nederlandse Zuivelorganisatie, stabbilita f’Zoetermeer (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn P. van Ginneken u G. Béquet, advocaten,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse e.V. titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il‑Kummissjoni (T‑112/11, EU:T:2014:752, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1121/2010, tat-2 ta’ Diċembru 2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Edam Holland (IĠP)] (ĠU L 317, p. 14, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006

    2

    Skont il-premessa 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel (ĠU L 93, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), li kien għadu fis-seħħ fid-data tal-fatti kontenzjużi:

    “Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni għandha tippermetti lil kull persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu fi Stat Membru jew pajjiż terz tinvoka d-drittijiet tagħha billi tinnotifika l-oppożizzjoni tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3

    L-Artikolu 7(1) u (2) tar-regolament bażiku kien jipprovdi:

    “1.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2), kull Stat Membru jew pajjiż terz jista’ jopponi għar-reġistrazzjoni proposta billi jippreżenta dikjarazzjoni debitament motivata lill-Kummissjoni [Ewropea].

    2.   Kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, stabbilita jew residenti fi Stat Membru minbarra f’dak li talab ir-reġistrazzjoni jew f’pajjiż terz, tista’ topponi wkoll għar-reġistrazzjoni proposta, billi tippreżenta dikjarazzjoni debitament motivata.

    Għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti jew residenti fi Stat Membru, din id-dikjarazzjoni hija indirizzata lil dan l-Istat Membru f’terminu li jippermetti oppożizzjoni skont l-Artikolu 7(1).

    [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    4

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

    “Meta denominazzjoni rreġistrata tinkludi fiha nnifisha l-isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott tal-ikel li huwa meqjus bħala ġeneriku, l-użu ta’ dan l-isem ġeneriku fuq il-prodotti agrikoli jew il-prodotti tal-ikel korrispondenti ma għandux jitqies bħala kuntrarju għall-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagafu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Ir-regolament ikkontestat

    5

    Skont il-premessa 8 tar-regolament ikkontestat:

    “Jidher li dawk li oġġezzjonaw ma rreferewx għall-isem sħiħ ‘Edam Holland’ meta ddikjaraw li r-reġistrazzjoni kienet se tipperikola l-eżistenza ta’ denominazzjonijiet, marki kummerċjali jew prodotti, u li d-denominazzjoni proposta għar-reġistrazzjoni hija ġenerika, iżda għal element wieħed biss tagħha, jiġifieri ‘Edam’. Madankollu, se tingħata protezzjoni għat-terminu ‘Edam Holland’ kollu kemm hu. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament [bażiku], it-terminu ‘Edam’ jista’ jkompli jintuża sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tal-Unjoni jitħarsu. Għal raġunijiet ta’ kjarifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni u s-sommarju ġew modifikati skont dan.”

    6

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament hija b’dan imdaħħla fir-Reġistru.

    Minkejja l-ewwel paragrafu, l-isem ‘Edam’ jista’ jkompli jintuża fi ħdan it-territorju tal-Unjoni [Ewropea], sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni legali tagħha jitħarsu.”

    7

    L-Anness II ta’ dan ir-regolament jinkludi l-indikazzjonijiet sussegwenti:

    “[...]

    4. Speċifikazzjoni

    [...]

    4.1. Isem

    ‘Edam Holland’

    4.2. Deskrizzjoni

    L-Edam Holland huwa ġobon kemxejn iebes immaturat b’mod naturali. Jiġi prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-ħalib tal-baqar tal-azjendi tal-prodotti tal-ħalib Olandiżi u jiġi mmaturat għal prodott lest għal konsumatur fi kmamar għal maturazzjoni Olandiżi.

    [...]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    8

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew deskritti fil-punti 1 sa 7 tad-digriet appellat kif ġej:

    “1

    Fl-1 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni [...] ippubblikat applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament [bażiku]. Din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, imressqa min-Nederlandse Zuivelorganisatie (iktar ’il quddiem l-[in-]‘NZO’) u ppreżentata quddiem il-Kummissjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kienet tirrigwarda r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta [...] ‘edam holland’ [(iktar ’il quddiem l-‘IĠP inkwistjoni’)].

    2

    Fis-26 ta’ Ġunju 2008, ir-rikorrenti [...] ippreżentat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni quddiem awtoritajiet Ġermaniżi, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament [bażiku].

    3

    Fil-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, ir-rikorrenti ppreżentat ruħha bħala assoċjazzjoni professjonali ta’ manifatturi u distributuri tal-edam, li fl-2007 l-impriżi membri tagħha kienu kkummerċjalizzaw 141385 tunnellata ta’ edam (94361 tunnellata kienet ġejja mill-produzzjoni tagħhom stess). Insostenn tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, kien indikat b’mod partikolari li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ‘edam holland’, mingħajr ebda preċiżazzjoni espressa, kienet tikkomprometti l-użu tal-isem ġeneriku ‘edam’.

    4

    Fit-18 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ippreżentat quddiem il-Kummissjoni dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tar-rikorrenti tas-26 ta’ Ġunju 2008 (punt 2 iktar ’il fuq) kienet annessa mad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    5

    Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li hija qieset li l-oppożizzjoni ppreżentata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ammissibbli. Hija stiednet ukoll lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipproċedu għall-konsultazzjonijiet xierqa sabiex jilħqu ftehim, fis-sens tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament [bażiku].

    6

    Fid-29 ta’ Mejju 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika lill-Kummissjoni li huwa ma setax jilħaq ftehim mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    7

    Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat ir-regolament [kontenzjuż]. L-ispeċifikazzjonijiet tal-IĠP inkwistjoni kienu jipprovdu, b’mod partikolari, li l-ġobon ‘edam holland’ huwa prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-ħalib tal-baqar li joriġina mill-bdiewa Olandiżi li jrabbu l-baqar li jipproduċu l-ħalib (punt 4.2 tal-ispeċifikazzjonijiet).”

    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

    9

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2011, l-appellanti talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż.

    10

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u n-NZO tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, li talbet li dan ir-rikors jiġi miċħud.

    11

    Billi kienet tqis li mill-atti tal-proċess hija kellha biżżejjed informazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tiddeċiedi mingħajr ma tkompli l-proċedura u ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli.

    It-talbiet tal-partijiet

    12

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tannulla d-digriet appellat u r-regolament kontenzjuż;

    sussidjarjament, tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    13

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    14

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

    15

    In-NZO titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    prinċipalment, tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, jekk l-appell kellu jiġi milqugħ, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali, u

    b’mod iktar sussidjarju, jekk l-appell kellu jiġi milqugħ u l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħżel li tiddeċiedi din it-tilwima hija stess, iżżomm ir-regolament kontenzjuż.

    Fuq l-appell

    16

    Skont l-Artikolu 181 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta appell ikun, kompletament jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiċħad dan l-appell, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

    17

    Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    18

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-appellanti

    19

    Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma rrikonoxxietx l-interess ġuridiku tagħha li jirriżulta mill-fatt li r-regolament kontenzjuż ma jippreċiżax li l-kelma “edam” hija ta’ natura ġenerika, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, u li, għal dan il-għan, din tista’ tkompli tiġi użata għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon. Din l-assenza ta’ preċiżjoni tippreġudika serjament il-pożizzjoni ġuridika tal-appellanti, għaliex mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li teżisti preżunzjoni li tgħid li kull element ta’ denominazzjoni komposta huwa protett separatament. Għaldaqstant, l-interess ġuridiku tal-appellanti huwa stabbilit u huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli.

    20

    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    21

    Il-premessa 8 tar-regolament kontenzjuż tipprovdi, filwaqt li tirreferi espressament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-regolament bażiku, li “t-terminu ‘Edam’ jista’ jkompli jintuża”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tar-regolament bażiku kienet tipprovdi li, meta isem ta’ prodott agrikolu jew ta’ prodott tal-ikel li jaqa’ taħt denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jkun ġeneriku, l-użu kummerċjali ta’ dan l-isem ma jiksirx il-protezzjoni ta’ din id-denominazzjoni rreġistrata. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ddeċidiet, fl-Artikolu 1 tar-regolament kontenzjuż, li, fid-dawl tan-natura ġenerika tiegħu, l-isem “edam” seta’, minkejja r-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni, ikompli jintuża fit-territorju tal-Unjoni, sakemm il-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkunu osservati.

    22

    Minn dan jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 29 u 30 tad-digriet appellat, li annullament eventwali tar-regolament kontenzjuż ma jagħti ebda benefiċċju lill-membri tal-appellanti, peress li dan ir-regolament jipprevedi li l-isem “edam” jista’ jkompli jintuża, b’mod partikolari għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji u tar-regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

    23

    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dan l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-appellanti

    24

    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li fuqhom hija kienet ibbażat l-argument tagħha li jgħid li r-regolament kontenzjuż jostakola l-attivitajiet ekonomiċi tal-membri tagħha li jikkonsistu f’kunsinni, lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ħalib li jista’ jiġi ttrasformat hemmhekk f’edam. Insostenn tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tirreferi għal fatti u għal provi intiżi sabiex juru r-realtà ta’ dawn il-kunsinni, tenfasizza li ebda parti oħra fil-proċeduri ma kkontestat l-affermazzjonijiet tagħha u tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi ddeċidiet li dan l-argument tal-appellanti ma kellu ebda bażi fattwali. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali, f’diversi drabi, żnaturat il-fatti li fuqhom hija bbażat ruħha fil-punt 41 tad-digriet appellat.

    25

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26

    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi suġġett, fih innifsu, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza ICF/vs Il‑Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Issa, f’dan il-każ, insostenn tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tillimita ruħha tirreferi għal fatti u għal provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, relatati ma’ kwantitajiet ta’ ħalib ikkunsinnati minn xi wħud mill-membri tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex minn dan tikkonkludi li l-attività ekonomika tal-membri tagħha hija ostakolata minħabba r-regolament kontenzjuż, sa fejn huma ma jistgħux iktar ibiegħu ħalib prodott fil-Ġermanja għall-produzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ ġobon protett mill-IĠP inkwistjoni. Għaldaqstant l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi għal konstatazzjoni u għal evalwazzjoni tal-fatti, mingħajr ma tindika kif dawn ġew żnaturati, fatt li ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

    28

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti relatati mal-punt 41 tad-digriet appellat, fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-appellanti ma setgħetx tintervjeni quddiemha sabiex tirrappreżenta l-interessi ta’ dawk fost il-membri tagħha li huma produtturi tal-ħalib, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif irrikonoxxiet l-appellanti stess fil-punt 32 tar-rikors tagħha, dawn l-argumenti jikkonċernaw evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali magħmula b’mod eżawrjenti. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi, peress li, f’kull każ, dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-digriet appellat.

    29

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    Fuq it-tielet aggravju

    L-argumenti tal-appellanti

    30

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma rrikonoxxietx l-interess ġuridiku tagħha li jirriżulta mid-dritt ta’ oppożizzjoni stess li hija għandha bis-saħħa tar-regolament bażiku.

    31

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    32

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-regolament bażiku kien jipprovdi li kull persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, stabbilita jew residenti jew fi Stat Membru minbarra f’dak li talab ir-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, jew f’pajjiż terz, tista’ topponi għar-reġistrazzjoni proposta, billi tippreżenta dikjarazzjoni debitament motivata.

    33

    Madankollu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(2) jimponi lill-persuni stabbiliti jew residenti fi Stat Membru jindirizzaw din id-dikjarazzjoni lil dan l-Istat Membru, sabiex huwa jkun jista’ jagħmel użu mid-dritt ta’ oppożizzjoni li jagħtih l-Artikolu 7(1).

    34

    Għaldaqstant huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu u li huma stabbiliti jew residenti fi Stat Membru ma għandhomx il-possibbiltà li jressqu oppożizzjoni direttament quddiem il-Kummissjoni.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    Fuq ir-raba ’ aggravju

    L-argumenti tal-appellanti

    36

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-membri tagħha huma mqiegħda f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-produtturi Olandiżi tal-ġobon protett mill-IĠP inkwistjoni. Skont l-appellanti, in-numru ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-isem “edam” u r-riskju ta’ konfużjoni li minħabba dan il-fatt il-konsumatur huwa suġġett għalih juru li l-prodotti “edam” kollha huma f’kompetizzjoni fis-suq.

    37

    Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tagħha. Fil-fatt il-Qorti Ġenerali kien imissha tat lill-partijiet il-possibbiltà li jikkompletaw l-argumenti tagħhom fir-rigward tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti mibjugħa taħt l-isem “edam” mill-membri tal-appellanti u dawk li huma mibjugħa taħt l-IĠP inkwistjoni, peress li l-Qorti Ġenerali qieset li din ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma ġietx murija mill-appellanti, filwaqt li l-Kummissjoni kienet aċċettat l-oppożizzjoni mressqa minn din l-appellanti kontra r-reġistrazzjoni tal-IĠP inkwistjoni u, għaldaqstant, kienet irrikonoxxiet li hija kellha l-“interess leġittimu” meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-regolament bażiku sabiex tkun tista’ tagħmel tali oppożizzjoni.

    38

    L-appellanti tikkontesta wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 44 sa 46 tad-digriet appellat fejn din tikkonstata, li l-għan tar-regolament bażiku kien li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-prodotti li jkollhom l-indikazzjonijiet tal-oriġini, li r-regolament kontenzjuż ma huwiex intiż għat-tneħħija ta’ dritt li l-membri tal-appellanti għandhom u li, f’kull każ, l-argumenti ta’ din tal-aħħar ma humiex ta’ natura li juru li l-membri tagħha huma direttament affettwati minn dan ir-regolament.

    39

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument relatat mal-eventwali relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-produtturi Olandiżi tal-ġobon protett mill-IĠP inkwistjoni u l-membri tal-appellanti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellanti, filwaqt li tillimita ruħha tirriproduċi ċerti elementi tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, tafferma li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u l-fatti li hija pproduċiet quddiemha, mingħajr madankollu ma tindika kif hija wettqet tali żnaturament. Dan l-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    41

    Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tagħha, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni effettivament irrikonoxxietx li l-appellanti kellha “interess leġittimu”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-regolament bażiku, li, fil-15 ta’ Novembru 2013, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jieħdu pożizzjoni fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-interess ġuridiku tal-appellanti. Minn dan jirriżulta li l-argument ta’ din tal-aħħar li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ tagħha huwa manifestament infondat.

    42

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti dwar il-punti 44 sa 46 tad-digriet appellat, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrikonoxxiet l-appellanti stess fil-punti 58, 61 u 63 tar-rikors tagħha, li dawn jirrigwardaw evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali b’mod eżawrjenti, b’tali mod li dawn l-argumenti għandhom jiġu ddikjarati ineffettivi.

    43

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalemnt manifestament infondat.

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell kollu għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    46

    Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-aggravji ta’ din tal-aħħar ġew miċħuda, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn din l-istituzzjoni.

    47

    Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    48

    Skont l-Artikolu 184(4) ta’ dawn ir-regoli, hemm lok li jiġi deċiż li n-NZO wkoll għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tordna:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse e.V. hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u n-Nederlandse Zuivelorganisatie għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top