Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CO0203

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ April 2015.
    Consorci Sanitari del Maresme vs Corporació de Salut del Maresme i la Selva.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic.
    Ftuħ tal-proċedura orali — Żamma ta’ seduta.
    Kawża C-203/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:279

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    24 ta’ April 2015 ( *1 )

    “Ftuħ tal-proċedura orali — Żamma ta’ seduta”

    Fil-Kawża C‑203/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2014, fil-proċedura

    Consorci Sanitari del Maresme

    vs

    Corporació de Salut del Maresme i la Selva

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, C. Vajda, S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev, M. Berger (Relatur), E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(8) u 52 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 134, Vol. 114, p. 132).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata wara rikors amministrattiv speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mill-Consorci Sanitari del Maresme (konsorzju tas-saħħa tad-distrett ta’ Maresme) intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni li biha l-kummissjoni ta’ aġġudikazzjoni tal-Corporació de Salut del Maresme i la Selva (kollettività tas-servizzi tas-saħħa tad-distretti ta’ Maresme u ta’ la Selva) irrifjutat lil dan il-konsorzju l-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti miftuħa għall-aġġudikazzjoni ta’ servizzi ta’ riżonanza manjetika għaċ-ċentri tal-kura mmexxija mill-Corporació de Salut del Maresme i la Selva u, min-naħa l-oħra, li dan il-konsorzju jiġi ammess fil-proċedura.

    3

    B’deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja assenjat il-kawża lis-Sitt Awla u ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma żżommx seduta għat-trattazzjonijiet. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

    4

    Peress li qamu xi dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar indirizzat, fid-9 ta’ Frar 2015, talba għal kjarifika lit-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic (tribunal Katalan tal-kuntratti tas-settur pubbliku). Huwa rrisponda għal din it-talba permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2015.

    5

    Fid-dawl tal-kjarifiki mogħtija mit-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tinżamm quddiemha diskussjoni fil-fond. Hija ddeċidiet li tassenja mill-ġdid il-kawża preżenti lill-Awla Manja, li ser tieħu deċiżjoni wara li l-Avukat Ġenerali jkun ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu.

    6

    Fil-fatt, minn dawn il-kjarifiki jirriżulta li r-rikors amministrattiv speċjali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali, għandu natura fakultattiva, li d-deċiżjoni li biha ser tingħata deċiżjoni fuq dan ir-rikors ser ittemm ir-rimedju amministrattiv u li din id-deċiżjoni tkun tista’, sussegwentement, tkun is-suġġett ta’ rikors ta’ kontenzjuż amministrattiv ordinarju (“contencioso-administrativo”).

    7

    Issa, tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic jissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kklassifikat bħala qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    8

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, għaldaqstant, li hemm lok li tinżamm seduta sabiex tippermetti, lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jesprimu l-perspettiva tagħhom fuq il-kwistjoni indikata fil-punt 7 ta’ dan id-digriet.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

     

    1)

    Il-proċedura orali fil-Kawża C-203/14 hija miftuħa.

     

    2)

    Id-data tas-seduta għandha tiġi ffissata b’att separat.

     

    3)

    Il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma mitluba jesprimu l-perspettiva tagħhom eventwali fuq il-kwistjoni li jsir magħruf jekk it-Tribunal Català de Contractes del Sector Públic (Spanja) jissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kklassifikat bħala qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top