Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0613

    Kawża C-613/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit- 30 ta’ Diċembru 2014 – James Elliott Construction Limited vs Irish Asphalt Limited

    ĠU C 96, 23.3.2015, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 96/5


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fit-30 ta’ Diċembru 2014 – James Elliott Construction Limited vs Irish Asphalt Limited

    (Kawża C-613/14)

    (2015/C 096/07)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Qorti tar-rinviju

    Supreme Court, l-Irlanda

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: James Elliott Construction Limited

    Konvenuta: Irish Asphalt Limited

    Domandi preliminari

    1)

     

    (a)

    Meta l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat jobbligaw lil parti tipprovdi prodott immanifatturat skont standard nazzjonali, li min-naħa tiegħu jkun ġie adottat b’applikazzjoni ta’ standard Ewropew adottat bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/106/KEE dwar il-prodotti għall-bini (1), l-interpretazzjoni tal-imsemmi standard tikkostitwixxi kwistjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE?

    (b)

    Jekk tingħata risposta pożittiva għad-domanda 1(a), l-istandard EN 13242:2002 jeżiġi li l-osservanza jew il-ksur tal-imsemmi standard jiġu stabbiliti biss permezz tal-prova li tikkonsisti f’testijiet imwettqa skont l-istandards (li ma jirriżultawx minn mandat) adottati mis-CEN (Comité européen de normalisation) u indikati fl-istandard EN 13242:2002 u biss meta dawn it-testijiet jitwettqu fil-mument tal-produzzjoni u/jew tal-provvista; jew il-ksur tal-istandard (u konsegentement il-ksur tal-kuntratt) jista’ jiġi stabbilit permezz tal-prova li tikkonsisti f’testijiet imwettqa sussegwentement jekk ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jipprovaw loġikament il-ksur tal-istandard?

    2)

    Meta tiddeċiedi fuq rikors għal ksur ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat li jirrigwarda prodott immanifatturat skont standard Ewropew adottat bis-saħħa ta’ mandat mogħti mill-Kummissjoni Ewropea skont id-Direttiva 89/106 dwar il-prodotti għall-bini, qorti nazzjonali hija obbligata teskludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jinkludu kundizzjonijiet dwar il-kummerċjabbiltà tal-prodott u dwar kemm huwa tajjeb għall-użu jew dwar il-kwalità tiegħu, għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet legali jew l-applikazzjoni tagħhom joħolqu standards jew jimponu speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti tekniċi li ma ġewx innotifikati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34/KE dwar l-istandards tekniċi (2)?

    3)

    Qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi fuq rikors għal ksur ta’ kuntratt irregolat mid-dritt privat li allegatament jirriżulta mill-ksur ta’ kundizzjoni dwar il-kummerċjabbiltà tal-prodott jew dwar kemm huwa tajjeb għall-użu (impliċita, bil-liġi, f’kuntratt bejn il-partijiet u mhux immodifikata jew eskluża minnhom), liema kuntratt jirrigwarda prodott immanifatturat skont l-istandard EN 13242:2002, hija obbligata tippreżumi li l-prodott huwa ta’ kwalità kummerċjabbli u tajjeb għall-użu u, jekk dan ikun il-każ, tali preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss bil-prova tan-nuqqas ta’ osservanza tal-istandard EN 13242:2002 permezz ta’ testijiet imwettqa skont it-testijiet u l-protokolli previsti fl-istandard EN 13242:2002 u mwettqa fil-mument tal-provvista tal-prodott?

    4)

    Jekk tingħata risposta pożittiva kemm għad-domanda 1(a) kif ukoll għad-domanda 3, l-istandard EN 13242:2002 jimponi limitu għall-kontenut totali ta’ kubrit fl-aggregati, b’mod li l-osservanza ta’ tali limitu hija meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex tagħti lok għal preżunzjoni ta’ kummerċjabbiltà tal-prodott jew li huwa tajjeb għall-użu?

    5)

    Jekk tingħata risposta pożittiva kemm għad-domanda 1(a) kif ukoll għad-domanda 3, il-prova li l-prodott kellu l-marka “CE” hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-preżunzjoni stabbilita mill-Anness ZA tal-istandard EN 13242:2002 u/jew mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/106/KEE dwar il-prodotti għall-bini?


    (1)  Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296.

    (2)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.


    Top