Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0415

Kawża C-415/14 P: Appell ippreżentat fit- 2 ta’ Settembru 2014 minn Quimitécnica.com – Comércio e Indústria Química, SA u José de Mello – Sociedade Gestora de Participações Sociais, SA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis- 26 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T-564/10 Quimitécnica.com u de Mello vs Il-Kummissjoni

ĠU C 388, 3.11.2014, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 388/5


Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2014 minn Quimitécnica.com – Comércio e Indústria Química, SA u José de Mello – Sociedade Gestora de Participações Sociais, SA, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-26 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża T-564/10 Quimitécnica.com u de Mello vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-415/14 P)

2014/C 388/07

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Quimitécnica.com – Comércio e Indústria Química, SA u José de Mello – Sociedade Gestora de Participações Sociais, SA (rappreżentant: J. Calheiros, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) tat-TFUE, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Ġunju 2014 [T-564/10], li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra l-Kummissjoni Ewropea, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata mill-Uffiċjal tal-kontijiet tagħha permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2010, fil-parti li fiha hija tirrikjedi li l-garanzija finanzjarja li għandha tingħata, skont l-Artikolu 85 tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 (1), f’dan il-każ minn bank b’rating “AA” ta’ terminu twil, u tikkundanna lill-appellanti għall-ħlas tal-ispejjeż tagħhom u tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

tilqa’, wara l-annullament tas-sentenza appellata, it-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, u, konsegwentement, tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata mill-Uffiċjal tal-kontijiet tagħha permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2010, fil-parti li fiha hija tirrikjedi l-garanzija finanzjarja li għandha tingħata, skont l-Artikolu 85 tar-Regolament (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, f’dan il-każ minn bank b’rating “AA” ta’ terminu twil.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji:

1.

L-ewwel aggravju – żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni appellata, li qieset bħala infondat l-argument invokat mill-appellanti fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fit-8 ta’ Ottubru 2010 fil-parti fejn hija rrikjediet il-provvista ta’ garanzija finanzjarja minn bank b’rating “AA” ta’ terminu twil

Fid-deċiżjoni appellata huwa kkonstatat li d-deċiżjoni adottata fit-8 ta’ Ottubru ma tinkludix motivazzjoni espliċita għar-rekwiżit ta’ rating tal-bank li joħroġ il-garanzija. Madankollu, hija tiġġustifika dan bil-fatt li l-bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni tirriżulta mir-rekwiżit innifsu.

Skont l-Artikolu 296 TFUE, jeżisti l-obbligu li l-atti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet, jiġu mmotivati.

“Il-“bażi ta’ raġunament tal-Kummissjoni” għandu jirriżulta mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni, u mhux mill-att kontenzjuż innifsu.

Dan huwa wisq iżjed minnu meta il-“protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, li kienet fil-“bażi tar-raġunament tal-Kummissjoni”, tista’ tiġi mħarsa adegwatament, b’mod partikolari permezz tal-garanzija bankarja proposta mill-appellanti fl-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Settembru 2010.

Min-naħa l-oħra, fl-2010, meta l-Kummissjoni ħolqot ir-rekwiżit, il-fatt li ntgħażel bħala uniku kriterju għall-provvista ta’ garanzija bankarja l-kunċett ta’ rating mill-ewwel kien jirriżulta assolutament inadegwat, inkwantu dan il-kriterju, peress li huwa oġġettivament diskutibbli, jirrikjedi motivazzjoni iktar b’saħħitha, ċara u espliċita.

Anki mill-fatt li l-għoti ta’ terminu supplimentari għall-ħlas isir fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, il-livell ta’ rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa dejjem ogħla minn dak li jirriżulta meta jiġu eżerċitati setgħat irregolati.

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni ma tinvoka ebda regola Komunitarja li fuqha dan ir-rekwiżit jista’ jkun ibbażat.

Ladarba, kif inhu rrikonoxxut fid-deċiżjoni appellata, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fit-8 ta’ Ottubru 2010 ma tinkludix motivazzjoni espliċita għar-rekwiżit ta’ rating tal-bank li joħroġ il-garanzija, id-deċiżjoni appellata hija żbaljata fil-parti fejn ikkunsidrat li l-att kontenzjuż ma huwiex ivvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni invokat mill-appellanti fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.

It-tieni aggravju – żball ta’ liġi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni appellata, fil-parti fejn din qieset bħala infondat l-argument invokat mill-appellanti fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-ksur tat-Trattat – il-prinċipju ta’ proporzjonalità

Mill-Artikolu 85 tar-Regolament Nru 2342/2002 jirriżulta li, ladarba jiġu sodisfatti r-rekwiżiti u l-ħtiġijiet previsti fl-imsemmi artikolu, l-awtorità responsabbli Komunitarja (f’dan il-każ, l-Uffiċjal tal-kontijiet) għandha tevalwa t-talba li ssirilha mill-impriża interessata biex isir il-ħlas f’terminu supplimentari speċifiku u tilqa’ din it-talba, fil-mument li dawn ir-rekwiżiti jiġu vverifikati u l-ħtiġijiet legali previsti għal dan il-permess jiġu sodisfatti.

Is-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa” li tingħata lill-Uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 85 tar-Regolament tikkonsisti fl-evalwazzjoni tat-talba li ssirlu mill-impriża interessata li twettaq il-ħlas f’terminu supplimentari speċifiku u f’li tintlaqa’ din it-talba, u mhux fl-evalwazzjoni tat-tip ta’ garanzija bankarja li l-Uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni jqis li huwa aċċettabbli, peress li, għall-istħarriġ tal-att kontenzjuż ma huwiex suffiċjenti li jiġi meqjus jekk dan huwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, bħal ma ġie kkunsidrat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni appellata.

Garanzija li tingħata fuq l-ewwel talba, skont il-mudell rikjest mill-Kummissjoni, maħruġa minn istituzzjoni ta’ kreditu, hija forma korretta u adegwata biex jiġi żgurat il-ħlas tal-ammonti dovuti. Fil-fatt l-ordinament ġuridiku Portugiż kollu (kif ukoll, b’mod ġenerali, dawk ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea) jaċċetta, għal diversi raġunijiet, il-provvista ta’ garanzija bankarja, inkluż għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari ta’ eżekuzzjoni eventwali mressqa mill-Kummissjoni fil-qrati nazzjonali intiża sabiex titħallas multa li ma tkunx tħallset.

F’dan il-każ, il-garanzija proposta mill-appellanti (u mhux aċċettata mill-Kummissjoni) kienet ser tinħareġ mill-Banco Comercial Português, S.A., istituzzjoni ta’ kreditu bis-sede tagħha fl-Unjoni Ewropea, suġġetta għar-regoli ta’ superviżjoni u ta’ konsolidament iddefiniti mill-istituzzjonijiet Komunitarji nnifishom. Għaldaqstant xejn ma jidher li jiġġustifika, għad-difiża tad-drittijiet tal-Komunitajiet, li tiġi miċħuda l-possibbiltà li l-garanzija tinħareġ mill-imsemmi bank u li jiġi rikjest il-ħruġ minn bank b’rating “AA” ta’ terminu twil.

Ma dan jirriżultaw iċ-ċirkustanzi fattwali, li huma ta’ għarfien pubbliku, li r-ratings tal-banek Portugiżi ġew affettwati bil-bidla fir-rating tar-Repubblika Portugiża. F’dan is-sens ma jeżisti ebda bank, ibbażat fil-Portugall, li jissodisfa l-kriterji ta’ rating (“AA” ta’ terminu twil) rikjesti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi ġew identifikati fid-deċiżjoni appellata, taħt it-titolu “fatti li wasslu għall-kawża”, minkejja l-fatt li ġew esklużi mill-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

B’dan il-mod, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax kriterju ta’ neċessità (li jikkostitwixxi dimensjoni importanti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità) ladarba, minn fost il-miżuri possibbli, il-Kummissjoni għażlet dik li, skont il-fatti, l-iżjed kienet tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellanti.

B’hekk, jirriżulta li hemm sproporzjon ċar bejn ir-rekwiżit magħmul mill-Kummissjoni (garanzija maħruġa minn bank Ewropew b’rating “AA” ta’ terminu twil) u l-għan li jrid jinkiseb (protezzjoni tad-dritt tal-Kummissjoni li titħallas), fejn id-deċiżjoni appellata hija żbaljata fil-parti fejn ikkunsidrat li l-att kontenzjuż ma jiskrix il-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).


Top