Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0268

    Kawża C-268/14 P: Appell ippreżentat fit- 30 ta’ Mejju 2014 minn Italmobiliare SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-305/11, Italmobiliare SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 282, 25.8.2014, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/21


    Appell ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2014 minn Italmobiliare SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-305/11, Italmobiliare SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-268/14 P)

    2014/C 282/27

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: Italmobiliare SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, F. Moretti e L. Nascimbene, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza fl-intier tagħha flimkien mal-konsegwenzi kollha tad-deċiżjoni kkontestata, inkluż l-annullament tagħha

    fejn jitqies xieraq u meħtieġ, tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u/jew miżuri istruttorji stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 62 u 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri, inkluż il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u

    sussidjarjament, fil-każ li t-talbiet ta’ hawn fuq ma jkunux possibbli, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, anki bl-iskop eventwali li twettaq il-miżuri istruttorji jew ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx iddeċidiet dwarhom.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1

    L-ewwel aggravju: identifikazzjoni żbaljata tad-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata

    Permezz tal-ewwel aggravju Italmobiliare tikkontesta t-teżi sostnuta mill-Qorti Ġenerali li l-informazzjoni mitluba minn Italmobiliare tista’ tkun ikkunsidrata li hija disponibbli għal Italmobiliare. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll distorsjoni serja tal-fatti u applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi mingħajr billi ma kkunsidratx li l-aġir tal-Kummissjoni fil-passat, kif ukoll l-assigurazzjonijiet bil-miktub tagħha stess, setgħu jnisslu l-aspettattiva leġittima li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ser tikkonċerna lil Italmobiliare. Fl-aħħar nett, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn nuqqas assolut ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi ma tikkunsidrax l-ilment tar-rikorrenti intiż sabiex juri kif Italmobiliare kienet l-unika kumpannija holding ikkonċernata bħala destinatarja tat-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament 1/2003 (1).

    2

    It-tieni aggravju: motivazzjoni kontradittorja u illoġika fl-eżami tal-ilment ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 296 TFUE

    Permezz tat-tieni aggravju Italmobiliare tallega motivazzjoni kontradittorja u illoġika tal-Qorti Ġenerali fejn din tal-aħħar, filwaqt li tirrikonoxxi li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija insuffiċjenti f’termini tas-suġġett u tal-iskop tat-talba, tikkunsidraha eżawrjenti fil-konfront ta’ dak stipulat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, minkejja li din tal-aħħar ma żżid xejn ta’ natura sostantiva mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata qabel, u wara s-sentenza, huwa wkoll ikkonstatat fir-rigward tar-rekwiżit tan-neċessità tal-informazzjoni mitluba, kif ukoll b’riferiment għall-għażla li tintuża’ bħala strument id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament 1/2003.

    3

    It-tielet aggravju: applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 101 TFUE u tal-Artikoli 18(1) u 18(3) tar-Regolament 1/2003 peress li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx in-natura tad-deċiżjoni kkontestata bħala ta’ att ultra vires

    Permezz tat-tielet aggravju Italmobiliare tikkontesta l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ setgħa tal-Kummissjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali essenzjalment naqset milli teżamina l-provi prodotti mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħha, u ma adottatx miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għall-verifika tal-provi li fil-fehma tal-Kummissjoni kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tat-talba għal informazzjoni.

    4

    Ir-raba’ aggravju: motivazzjoni insuffiċjenti, motivazzjoni kontradittorja u illoġika dwar l-eżami tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    Permezz tar-raba’ aggravju Italmobiliare tikkontesta l-motivazzjoni insuffiċjenti u/jew il-motivazzjoni kontradittorja dwar l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, spjegata mill-aspetti li ġejjin: i) l-inkapaċità tat-talba għal informazzjoni li tikseb f’dan il-każ l-iskop imfittex; ii) l-ispiża eċċessiva mitluba mill-kumpannija għat-tħejjija tat-tweġiba għat-talba għal informazzjoni u iii) il-ksur tal-kriterju tal-miżura inqas oneruża li fi kwalunkwe każ teħtieġ li l-għanijiet previsti mill-investigazzjoni għandhom jinkisbu permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li jinvolvu sagrifiċċju iżgħar għas-sitwazzjoni ġuridika tad-destinatarji tal-istess miżuri.

    5

    Il-ħames aggravju: motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ

    Permezz tal-ħames aggravju Italmobiliare tikkontesta l-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza fir-rigward tal-allegat ksur tad-dritt għal smigħ. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-“mod” li bih il-Kummissjoni tmexxi konsultazzjoni jista’ jkun nieqes mill-istħarriġ ġudizzjarju mis-sempliċi fatt li l-Kummissjoni stess ma kellha l-“ebda obbligu” li tagħmel hekk.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


    Top