Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0249

    Kawża C-249/14 P: Appell ippreżentat fit- 22 ta’ Mejju 2014 minn Pêra-Grave – Sociedade Agrícola, Unipessoal, L da mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis- 27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-602/11 – Pêra-Grave – Sociedade Agrícola, Unipessoal, L da vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    ĠU C 361, 13.10.2014, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 361/2


    Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2014 minn Pêra-Grave – Sociedade Agrícola, Unipessoal, Lda mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża T-602/11 – Pêra-Grave – Sociedade Agrícola, Unipessoal, Lda vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    (Kawża C-249/14 P)

    2014/C 361/02

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Pêra-Grave – Sociedade Agrícola, Unipessoal, Lda (rappreżentant: J. de Oliveira Vaz Miranda de Sousa, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Fundação Eugénio de Almeida

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2014 fil-Każ T-602/11;

    sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni finali;

    tikkundanna lill-UASI bħala konvenut fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex iħallas l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti ssostni li s-sentenza li qed tiġi appellata hija żbaljata peress li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1). Dan l-aggravju jinkludi tliet partijiet u huwa bbażat fuq tliet settijiet ta’ argumenti kif ġejjin:

    1

    Il-Qorti Ġenerali naqset milli tipproduċi prova tal-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni reali bejn it-trade marks inkwistjoni. Il-fatt li tinstab probabbiltà ta’ konfużjoni reali bejn żewġ trade marks proprja u oġġettiva ma jistax jikkonsisti biss fl-affermazzjoni li, fid-dawl tal-identità tal-oġġetti rispettivi tagħhom, u fid-dawl tal-ftit xebh viżiv u fonetiku li hemm bejniethom (u minkejja li kunċettwalment huma differenti), ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur rilevanti jista’ jqis li l-oġġetti rispettivi joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi li huma marbuta ekonomikament. “Probabbiltà ta’ konfużjoni” ma tfissirx biss possibbiltà ta’ konfużjoni iżda pjuttost il-probabbiltà li ser ikun hemm konfużjoni. Probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tiġi preżunta mill-fatt biss li hemm ftit xebh bejn iż-żewġ trademarks, anki meta l-oġġetti rispettivi tagħhom huma identiċi.

    2.

    Is-sentenza li qed tiġi appellata applikat b’mod żbaljat ukoll l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt u l-piż tan-nuqqas ta’ xebh kunċettwali tas-sinjali fi ħdan l-evalwazzjoni sħiħa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks li kienu jirrappreżentaw ftit xebh viżiv u orali. Skont ġurisprudenza stabbilita l-kontenut kunċettwali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun biżżejjed sabiex jikkuntrasta l-ftit xebh viżiv u orali li, skont il-Qorti Ġenerali, jeżisti bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u t-trade mark preċedenti.

    3.

    Finalment il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja billi evalwat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti għaċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-probabbiltà ta’ konfużjoni. Iktar speċifikatament, il-Qorti Ġenerali injorat ċirkustanza kruċjali li kienet parti mill-fatti li jirrigwardaw il-proċedura: l-oriġini, l-istorja, it-tifsira ġeografika tal-kelma inkluża fit-trade marks inkwistjoni fil-proċeduri u l-konnessjoni simbolika tagħha mal-oġġetti li jaqgħu taħt din it-trade mark. Konsegwentement u fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali ħolqot distorsjoni anki fil-fatti li jirrigwardaw il-proċeduri.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


    Top