EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0248

Kawża C-248/14 P: Appell ippreżentat fit- 23 ta’ Mejju 2014 minn Schwenk Zement KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl- 14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-306/11, Schwenk Zement KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 223, 14.7.2014, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/11


Appell ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2014 minn Schwenk Zement KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-306/11, Schwenk Zement KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-248/14 P)

2014/C 223/16

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Schwenk Zement KG (rappreżentanti: M. Raible u S. Merz, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

1.

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-306/11, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti;

2.

tannulla fl-intier tagħha id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2367 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011 fil-Każ COMP/39520 – Siment u prodotti relatati, skont l-Artikolu 263 TFUE, sa fejn din tirrigwarda lill-appellanti;

3.

sussidjarjament għat-tieni parti tat-talbiet, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid fid-dawl tal-punti ta’ liġi deċiżi fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

4.

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) tal-14 ta’ Marzu 2014 fil-Kawża T-306/11, sa fejn din tippreġudika lill-appellanti. Is-sentenza ġiet innotifikata lil Schwenk Zement KG fl-14 ta’ Marzu 2014. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment u ċaħdet parzjalment ir-rikors tal-appellanti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2367 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) (Każ COMP/39520 – Siment u prodotti relatati).

L-appellanti tqajjem tliet aggravji:

L-ewwel nett, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ propozjonalità fl-evalwazzjoni tagħha tal-aġir tal-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, sa fejn ma osservatx il-ġerarkija inerenti fil-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tipprevedi li, fil-każ ta’ dubju bejn żewġ miżuri, għandha tiġi applikata l-miżura l-inqas ħarxa. Billi rreferiet għall-aqwa garanzija għall-kisba ta’ informazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li kien ammissibbli li azzjoni diretta tittieħed fil-konfront tal-appellanti permezz ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet biss analiżi insuffiċjenti tal-każ partikolari u injorat għalhekk l-elementi rilevanti invokati mill-appellanti. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dan il-każ partikolari u ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi fir-rigward tal-appellanti. Minflok, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq numru kbir ta’ produtturi tas-siment.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ispjegazzjonijiet sterjotipiċi tal-Kummissjoni kienu suffiċjenti. Il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, hija wettqet żball għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti ġuridiċi tal-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296(2) TFUE u mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-rekwiżiti stabbiliti minnha stess għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tipprekludi li jiġi vverifikat jekk ġiex osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għaldaqstant, jekk is-sentenza tal-Qorti Ġenerali titqies li hija valida fuq dan il-punt, il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-miżuri ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jkun xejn iktar ħlief qoxra vojta.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


Top