Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0141

    Kawża C-141/14: Rikors ippreżentat fl- 24 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    ĠU C 159, 26.5.2014, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 159/18


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    (Kawża C-141/14)

    2014/C 159/24

    Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. White, P. Mihaylova, C. Hermes)

    Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

    Talbiet tal-partijiet

    tikkonstata li, peress li ma inkludietx it-territorji kollha taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra”, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali l-iktar territorji xierqa f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-protezzjoni tal-ispeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE (1) u tal-ispeċi migratorji li ma humiex inklużi fl-Anness I u li jpassu b’mod regolari, fiż-żona ġeografika marittima u terrestri fejn tapplika d-Direttiva 2009/147/KE. Għaldaqstant, b’hekk, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE.

    tikkonstata li, billi approvat il-proġetti AES Geo Enerdzhi OOD, Uindteh OOD, Brestiom OOD, Disib OOD, Eko Enerdzhi OOD u Longman investmănt OOD fit-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, li ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali, meta kien imissha ġiet hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147/KE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-96/98 u C-374/98.

    tikkonstata li, billi approvat proġetti fit-territorji taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra”, tas-sit ta’ importanza Komunitarja “Kompleks Kaliakra” u taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Belite skali” (Kaliakra uind pauăr AD, EVN Enertrag Kavarna OOD, TSID – Atlas EOOD, Vertikal – Petkov i s-ie OOD, il-korsa tal-golf u ċ-ċentru termiku Treyshăn klifs golf end spa rezort OOD), ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE (2), kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-117/03 u C-244/05, peress li ma ħaditx miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-istat tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom ġew ikklassifikati ż-żoni.

    tikkonstata li, minħabba li l-effett kumulattiv tal-proġetti approvati (AES Geo Enerdzhi OOD, Uindteh OOD, Brestiom OOD, Disib OOD, Eko Enerdzhi OOD u Longman investmănt OOD), fuq it-territorju li ma ġiex ikklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali fiż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, ma ġiex evalwat b’mod korrett, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 2(1), moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3), u l-punt 1(b) tal-Anness III, tad-Direttiva 2011/92/KE (3).

    tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx it-territorju taż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra” sal-limiti taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar “Kaliakra”, bi ksur tad-Direttiva dwar l-għasafar.

    Billi approvat sensiela sħiħa ta’ proġetti ta’ attivitajiet ekonomiċi fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Kaliakra”, fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali “Belite skali” u fit-territorju tas-sit ta’ importanza Komunitarja “Kompleks Kaliakra”, ir-Repubblika tal-Bulgarija kisret id-Direttiva dwar l-għasafar, id-Direttiva dwar il-habitats u d-Direttiva dwar l-istima tal-effetti fuq l-ambjent, minħabba li ppermettiet id-distruzzjoni jew id-deterjorament kunsiderevoli tal-istat tal-habitats ta’ prijorità uniċi u tal-habitats tal-ispeċi, kif ukoll it-tfixkil ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ numru kbir ta’ proġetti.


    (1)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, p. 7).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

    (3)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).


    Top