Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0600

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Diċembru 2017.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 216(1) TFUE – Artikolu 218(9) TFUE – Stabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali – Kumitat ta’ Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) – Emenda tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u tal-appendiċijiet tagħha – Kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha – Kompetenza esterna tal-Unjoni f’qasam li fih l-Unjoni, sa dak iż-żmien, ma tkunx adottat regoli komuni – Validità tad-Deċiżjoni 2014/699/UE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Kawża C-600/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:935

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 216(1) TFUE – Artikolu 218(9) TFUE – Stabbiliment tal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit minn ftehim internazzjonali – Kumitat ta’ Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) – Emenda tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u tal-appendiċijiet tagħha – Kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha – Kompetenza esterna tal-Unjoni f’qasam li fih l-Unjoni, sa dak iż-żmien, ma tkunx adottat regoli komuni – Validità tad-Deċiżjoni 2014/699/UE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża C‑600/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn D. Colas u G. de Bergues kif ukoll minn M. Hours, bħala aġenti, sussegwentement minn D. Colas u M.-L. Kitamura, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Brodie kif ukoll minn M. Holt u D. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Holmes, QC,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrapreżentat minn E. Finnegan u Z. Kupčová kif ukoll minn J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Erlbacher u W. Mölls kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský u C. Vajda (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE, tal-24 ta’ Ġunju 2014, li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2014, L 293, p. 26, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-COTIF

2

Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. Id-49 Stat li huma parti fil-COTIF, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Repubblika ta’ Malta jikkostitwixxu l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF).

3

Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-OTIF għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, minn kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ dritt uniformi f’diversi oqsma legali dwar it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija.

4

Skont l-Artikolu 6 tal-COTIF, bit-titolu “Regoli uniformi”:

“§ 1.   It-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u l-aċċettazzjoni ta’ materjal ferrovjarju għall-użu fit-traffiku internazzjonali huma rregolati, sakemm ma jkunux saru dikjarazzjonijiet jew riżervi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(1), minn:

[…]

b)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija (CIM)’ li jifformaw l-Appendiċi B tal-[COTIF];

[…]

d)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti għall-użu ta’ vetturi fit-traffiku ferrovjarju internazzjonali (CUV)’ li jifformaw l-Appendiċi D tal-[COTIF];

e)

ir-‘Regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt għall-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI)’ li jifformaw l-Appendiċi E tal-[COTIF];

[…]

§ 2.   Ir-Regoli uniformi, ir-Regolament u s-sistemi elenkati fil-paragrafu 1, inklużi l-annessi tagħhom, jifformaw parti integrali mill-[COTIF].” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

5

L-Artikolu 12(5) tal-COTIF jipprevedi:

“Il-vetturi ferrovjarji ma jistgħux jiġu maqbuda f’territorju li ma huwiex dak tal-Istat Membru li fih id-detentur tagħhom għandu s-sede tiegħu, ħlief skont deċiżjoni mogħtija mill-awtorità ġudizzjarja ta’ dak l-Istat. Il-kelma ‘detentur’ tindika lill-persuna li topera ekonomikament, b’mod sostenibbli, vettura ferrovjarja bħala mezz ta’ trasport, sew jekk din tkun il-proprjetarju tagħha jew ikollha d-dritt tużaha.”

6

Il-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF huwa kompost bħala prinċipju mill-partijiet kollha fil-COTIF.

7

Skont l-Artikolu 17(1)(a) u (b) tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF għandu jiddeċiedi, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, dwar il-proposti intiżi li jemendaw il-COTIF u jeżamina, barra minn hekk, il-proposti li għandhom jiġu sottomessi għad-deċiżjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OTIF. Il-kompetenzi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ korpi tal-OTIF fil-qasam tal-emenda tal-COTIF huma stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

8

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011, skont l-Artikolu 9 tiegħu.

9

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-objettiv u l-iskop tal-[COTIF] biex tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita t-trasport internazzjonali bil-ferrovija u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tagħha fir-rigward ta’ Partijiet Kontraenti oħra għall-[COTIF], fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-Partijiet għall-[COTIF] li huma Stati Membri tal-Unjoni għandhom japplikaw ir-regoli tal-Unjoni u għalhekk m’għandhomx japplikaw ir-regoli li jirriżultaw [mill-COTIF] ħlief sakemm ma jkunx hemm regola tal-Unjoni li tirregola s-suġġett partikolari kkonċernat.”

10

Skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim:

“1.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-[COTIF].

2.   Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jonkella l-Istati Membri tagħha.

3.   Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll Partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.

4.   L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-[COTIF] bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed [jew sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni] permezz ta’ korrispondenza.”

11

L-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni jipprovdi li:

“L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni għandu jiġi indikat f’termini ġenerali f’dikjarazzjoni bil-miktub magħmula mill-Unjoni meta jiġi konkluż il-Ftehim. Dik id-dikjarazzjoni tista’ tiġi mmodifikata kif adatt permezz ta’ notifika mill-Unjoni lill-OTIF. Din bl-ebda mod ma għandha tissostitwixxi jew tillimita l-materji li jistgħu jiġu koperti bin-notifiki ta’ kompetenza tal-Unjoni li għandhom isiru qabel it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-OTIF permezz ta’ votazzjoni formali jew mod ieħor.”

Id-dritt tal-Unjoni

12

Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE, tas-16 ta’ Ġunju 2011, dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013, L 51, p. 1).

13

Fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni hemm dikjarazzjoni tal-Unjoni li saret waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Adeżjoni li tikkonċerna l-eżerċizzju tal-kompetenzi.

14

Din id-dikjarazzjoni taqra kif ġej:

“Fis-settur tal-ferroviji, l-Unjoni Ewropea […] taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tal-Unjoni […] skont l-Artikoli 90 u 91 [TFUE], flimkien mal-Artikolu 100(1) u l-Artikoli 171 u 172 tal-imsemmi Trattat.

[…]

Abbażi [tal-Artikoli 91 u 171 TFUE] l-Unjoni adottat għadd sostanzjali ta’ strumenti legali applikabbli għat-trasport bil-ferrovija.

Taħt il-liġi tal-Unjoni, l-Unjoni kisbet kompetenza esklussiva fi kwistjonijiet tat-trasport bil-ferrovija fejn il-[COTIF] jew l-istrumenti legali adottati taħtha jkunu jistgħu jaffettwaw jew ibiddlu l-ambitu ta’ dawn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni.

Fir-rigward ta’ suġġetti regolati mill-[COTIF] li relattivament għalihom għandha kompetenza esklussiva l-Unjoni, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda kompetenza.

Fejn ikunu jeżistu regoli tal-Unjoni iżda dawn ma jkunux affettwati mill-[COTIF] jew mill-istrumenti legali adottati taħtha, l-Unjoni taqsam il-kompetenza dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-[COTIF] mal-Istati Membri.

Fl-Appendiċi ma’ dan l-Anness tinsab lista tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim. L-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn it-testi għandu jiġi vvalutat b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ kull test, speċjalment safejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu r-regoli komuni. Il-kompetenza tal-Unjoni hija suġġetta għal żvilupp kontinwu. Fil-qafas tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tat-[Trattat] FUE, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni jistgħu jieħdu deċiżjonijiet li jiddeterminaw safejn twassal il-kompetenza tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tirriżerva d-dritt li temenda din id-dikjarazzjoni skont kif ikun il-każ, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-[COTIF].”

15

Fl-appendiċi mal-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/103 hemm elenkati l-atti tal-Unjoni li jirrigwardaw oqsma li tittratta l-COTIF.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

16

Matul ix-xahar ta’ April 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF innotifika lill-Istati Membri tal-OTIF bil-proposti ta’ emenda għall-COTIF, li kellhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF waqt il-25 seduta tiegħu f’Berna mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2014. Dawn il-proposti ta’ emendi kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-Appendiċi B tal-COTIF dwar ir-regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija (CIM) (iktar ’il quddiem l-“Appendiċi B (CIM)”, l-Appendiċi D tal-COTIF dwar ir-regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti għall-użu ta’ vetturi fit-traffiku ferrovjarju internazzjonali (CUV) (iktar ’il quddiem l-“Appendiċi D (CUV)”), flimkien mal-Artikolu 12 tal-COTIF, u l-Appendiċi E tal-COTIF dwar ir-regoli uniformi li jirrigwardaw il-kuntratti għall-użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (CUI) (iktar ’il quddiem l-Appendiċi E (CUI)”). Fil-25 ta’ April u fis-27 ta’ Mejju 2014 rispettivament, intbagħtu żewġ proposti, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar l-Appendiċi D (CUV), li kienu wkoll ippreżentati lill-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF għal din l-istess seduta.

17

Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat, bi preparazzjoni għall-imsemmija seduta, dokument tax-xogħol lill-grupp ta’ ħidma “Trasport fuq l-art” tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, għal dak li jikkonċerna ċerti emendi tal-COTIF. Fil-5 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill proposta tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni waqt il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF (COM(2014) 338 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għad-deċiżjoni”). Fi tmiem is-sessjonijiet ta’ xogħol li nżammu fi ħdan l-istanzi preparatorji tiegħu, waqt il-laqgħa tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2014 il-Kunsill adotta d-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, b’mod partikolari dwar il-proposti għal emenda tal-Artikolu 12 tal-CODIF kif ukoll tal-Appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI) tagħha (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“emendi kontenzjużi”).

18

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-imsemmija proposta u, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet dikjarazzjoni li taqra kif ġej:

“Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija tal-fehma li l-[Unjoni Ewropea] ma għandhiex kompetenza fir-rigward tal-emendi tal-Appendiċi B ([…] CIM), tal-Appendiċi D ([…] CUV) u tal-Appendiċi E ([…] CUI) tal-[COTIF], u hija ssostni, konsegwentement, li ma huwiex meħtieġ li tiġi kkoordinata l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-[Unjoni] waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, li ser tinżamm mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2014. Sal-lum, l-[Unjoni] ma eżerċitatx il-kompetenza leġiżlattiva tagħha fl-oqsma tad-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport regolati mill-appendiċijiet iċċitati iktar ’il fuq. L-Istati Membri jistgħu għaldaqstant ikomplu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(2) [TFUE]. Barra minn hekk, fil-każijiet fejn il-kompetenza hija kondiviża, l-Artikolu 6(2) tal-Ftehim bejn l-OTIF u l-[Unjoni] dwar l-adeżjoni tal-[Unjoni] mal-[COTIF], jipprovdi espressament li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jeżerċitaw b’mod indipendenti d-dritt tal-vot tagħhom f’dawn l-oqsma. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] tiddikjara b’dan, bħala prekawzjoni, li hija tirrifjuta kull eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-Kummissjoni Ewropea.” (traduzzjoni mhux uffiċjali)

19

Skont il-premessi 3 sa 6, 9 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-[Trattat FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

[…]

Billi:

[…]

(3)

Il-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit skont il-punt (c) tal-Artikolu 13(1) tal-[COTIF], waqt il-25 seduta tiegħu li ser issir bejn il-25 u s-27 ta’ Ġunju 2014, huwa mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti emendi fil-[COTIF] kif ukoll f’ċerti Appendiċijiet tagħha, jiġifieri l-Appendiċijiet B ([…] CIM), D ([…] CUV), E ([…] CUI) […]

(4)

L-emendi fil-[COTIF] jimmiraw li jaġġornaw il-kompiti tal-Kumitat tal-Esperti Tekniċi u d-definizzjoni ta’ ‘detentur’ bi qbil mal-liġi tal-Unjoni, u jemendaw ċerti regoli dwar il-finanzjament tal-[OTIF], l-awditjar tiegħu u r-rappurtar dwaru, kif ukoll jagħmlu xi bidliet amministrattivi żgħar.

(5)

L-emendi tal-Appendiċi B (CIM) huma mmirati biex jagħtu preferenza lill-forma elettronika tan-nota ta’ konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha, u li jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt tal-ġarr.

(6)

L-emendi tal-Appendiċi D (CUV) imressqin mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandhom l-għan li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni fil-kuntratti tal-użu tal-vetturi fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju. [Ir-Repubblika Franċiża] ressqet proposta separata dwar ir-responsabbiltà għall-ħsara li tista’ tikkawża vettura. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wkoll] ppreżentat proposta separata dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi tas-CUV.

[…]

(9)

L-emendi fl-Appendiċi E (CUI) proposti mill-Kumitat għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (CIT) huma mmirati biex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt tal-użu tal-infrastruttura għat-trasport ferrovjarju domestiku, biex joħolqu bażi legali għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u biex jestendu r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsarat jew telf li jistgħu jiġu kkawżati mill-infrastruttura.

[…]

(11)

Il-maġġoranza tal-emendi proposti jaqblu mal-liġi u mal-għanijet strateġiċi tal-Unjoni, u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni. Xi emendi ma għandhomx impatt fuq il-liġi tal-UE u ma jeħtiġux li jkun hemm qbil dwar pożizzjoni fil-livell tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, ċerti emendi jeħtieġu aktar diskussjoni dwarhom fl-Unjoni u għandhom jitwarrbu f’din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni; jekk dawn [l-]emendi tal-aħħar jiġu approvati b’tibdiliet li ma jkunux aċċettabbli għall-Unjoni, l-Unjoni tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35(4) tal-[COTIF]”.

20

L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li “[i]l-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit mill-[COTIF] għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”.

21

Il-punt 3 tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni jistabbilixxi, f’dak li jikonċerna d-diversi punti tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni, kif ukoll il-pożizzjoni kkoordinata rrakkomandata. Il-punt 4, parzjalment, kif ukoll il-punti 5, 7 u 12 tal-imsemmija aġenda jirrigwardaw l-emendi kontenzjużi.

22

Fir-rigward tal-punt 4 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, dwar ir-reviżjoni parzjali tal-COTIF, il-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Stati Membri

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

[…]

L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni tas-sentenzi. Mehmuża) għandha tiġi appoġġata [għandhom jiġu appoġġati] peress li temenda [jemendaw] d-definizzjoni ta’ ‘detentur’ bi qbil mal-liġi tal-Unjoni.

[…]”

23

Fir-rigward tal-punt 5 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi B (CIM), il-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: l-Unjoni fuq l-Artikoli 6 u 6a; l-Istati Membri fuq l-Artikoli l-oħrajn.

Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:

L-emendi fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 6a jikkonċernaw il-liġi tal-Unjoni minħabba l-użu tan-nota ta’ konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha għad-dwana u minħabba l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji (SPS). L-Unjoni taqbel mal-ħsieb tal-OTIF li tingħata prijorità lill-forma elettronika tan-noti tal-konsenja. Iżda fil-preżent, l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi tista’ twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Il-proċedura ssimplifikata attwali għat-tranżitu mid-dwana bil-ferrovija hija possibbli li ssir biss b’dokumenti f’forma ta’ karti. Għaldaqstant, jekk il-ferroviji jagħżlu li jużaw in-nota ta’ konsenja elettronika, ikollhom jużaw il-proċedura standard għat-tranżitu u s-Sistema ta’ Tranżitu Komputerizzata l-Ġdida (NCTS).

Il-Kummissjoni bdiet tħejji grupp ta’ ħidma biex jiddiskuti l-użu ta’ dokumenti tat-trasport elettroniċi għat-tranżitu taħt ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1)]. Dak il-grupp ta’ ħidma se jkollu l-laqgħa inizjali tiegħu fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2014. L-Unjoni taqbel ukoll mal-ħsieb li d-dokumenti ta’ akkumpanjament ikunu f’format elettroniku. Madankollu, taħt il-liġi attwali tal-Unjoni ma hemmx bażi legali biex id-dokumenti (eż. id-Dokument Veterinarju Komuni tad-Dħul, id-Dokument Komuni tad-Dħul) li jridu jakkumpanjaw il-prodotti marbutin mal-SPS jingħataw f’format elettroniku, u għaldaqstant jeħtieġ li dawn jingħataw f’forma ta’ karti. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni elettronika, u fil-preżent l-abbozz qed jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill. Huwa previst li dak ir-Regolament (Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) jiġi adottat sa tmiem l-2015 jew sal-bidu tal-2016; madankollu, se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni għall-infurzar.

Għalhekk, l-Unjoni tipproponi li fis-seduta preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni ma għandha tittieħed ebda deċiżjoni dwar dawn il-punti u li l-OTIF jibqa’ jikkoopera mal-Unjoni dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni maħsuba tajjeb sar-reviżjoni li ġejja tas-CIM, li idealment tkun issinkronizzata mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu li se jidħlu fis-seħħ mill‑1 ta’ Mejju 2016. Ċerti proċeduri elettroniċi jistgħu jiddaħħlu fuq bażi gradwali bejn l-2016 u l-2020 bi qbil mal-Artikolu 278 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

[…]”

24

Fir-rigward tal-punt 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi D (CUV), il-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni

Il-pożizzjoni tal-Unjoni rakkomandata: L-emendi għall-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati peress li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli għall-manutenzjoni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni (Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tas-16 ta’ Diċembru 2008, li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU 2008, L 345, p. 62)]). Madankollu, l-emenda proposta għall-Artikolu 7 ppreżentata [mir-Repubblika Franċiża] dwar ir-responsabbiltà tal-persuna li pprovdiet vettura għall-użu bħala mezz ta’ trasport fil-każ ta’ ħsara li tirriżulta minn difett tal-vettura teħtieġ aktar analiżi fl-Unjoni qabel tittieħed deċiżjoni fl-OTIF. Għaldaqstant, l-Unjoni mhijiex f’pożizzjoni li tappoġġa din il-proposta għal emenda [waqt is-seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF] u tipproponi li d-deċiżjoni tiġi posposta sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex din il-kwistjoni tiġi vvalutata aktar. L-Unjoni tieħu l-istess pożizzjoni, jiġiferi li tipposponi d-deċiżjoni sal-Assemblea Ġenerali li jmiss sabiex tkompli tivvaluta l-kwistjoni, fuq il-proposta [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għal Artikolu 1a ġdid ippreżentat lill-OTIF waqt il-koordinazzjoni tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni rakkomandata addizzjonali tal-Unjoni: Fid-dokument CR 25/7 ADD 1, paġna 6, fl-aħħar tal-paragrafu 8a, fi tmiemu, tiżdied: ‘The amendment to Article 9, paragraph 3, first indent, does not affect the existing allocation of liabilities between ECM and the keeper of the vehicles’. [L-emenda għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(3) ma għandhiex effett fuq it-tqassim eżistenti tar-responsabbiltajiet bejn l-ERM (entità responsabbli għall-manutenzjoni) u d-detentur tal-vetturi].”

25

Fir-rigward tal-punt 12 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, dwar ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi E (CUI), il-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“[…]

Kompetenza: kondiviża.

L-eżerċitar tad-drittijiet tal-votazzjoni: Unjoni

Pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: l-emendi għandhom jiġu rifjutati. Dawn l-emendi proposti [mill-Kumitat għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija] jinkludu l-estenzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni [tal-Appendiċi E (CUI)] biex jinkludi l-operazzjoniijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta’ Termini u Kundizzjonijiet Ġenerali li jkunu vinkolanti, u l-estenzjoni tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara li tista’ ssir. Minkejja li dawn għandhom jingħataw aktar ħsieb, billi ma ġew diskussi f’ebda forum intern tal-OTIF qabel is-seduta tal-[Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF], l-impatt tagħhom ma jistax ikun li ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Jidher li huwa daqsxejn prematur li jiġi emendat [l-Appendiċi E (CUI)] (li fil-preżent jaqbel mal-liġi tal-UE) f’din is-seduta tal-[Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF] mingħajr tħejjija xierqa.”

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-punt 3 tal-Anness tagħha, sa fejn dan tal-aħħar jirrigwarda, minn naħa, il-punt 4 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, sa fejn dan il-punt 4 jikkonċerna l-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-punti 5, 7 u 12 ta’ din l-aġenda, dwar l-emendi tal-Appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI), u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

27

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tiddeċiedi li żżomm l-effetti tagħha, u

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

28

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li l-Kummissjoni ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

29

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

30

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE.

L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, issostni li l-Unjoni ma kellhiex il-kompetenza, skont l-Artikolu 91 TFUE u l-Artikolu 218(9) TFUE sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-emendi kontenzjużi, u li, għaldaqstant, il-Kunsill adotta din id-deċiżjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE.

32

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, fil-qasam tat-trasport, li fih jaqgħu l-COTIF b’mod ġenerali u l-emendi kontenzjużi b’mod partikolari, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, kemm fuq il-livell intern kif ukoll, bħala prinċipju, fuq il-livell estern, kompetenza kondiviża, skont l-Artikolu 4(2)(g) TFUE.

33

Biex jiġi żgurat li l-Kunsill għandu kompetenza sabiex jadotta, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, pożizzjoni li tkun trid tittieħed f’isem l-Unjoni f’korp internazzjonali, meta l-att adottat minn dak il-korp jikkontempla l-emenda ta’ ftehim imħallat, li huwa l-każ fil-kawża ineżami, jeħtieġ, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jiġi vverifikat jekk l-emendi proposti jirrigwardawx dispożizzjonijiet tal-ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Jekk dan ma jkunx il-każ, ma tkunx tista’ tiġi adottata deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni.

34

Għall-finijiet ta’ din il-verifika, ikun hemm lok li wieħed isir jaf jekk id-deċiżjoni tal-korp internazzjonali inkwistjoni għandhiex impatt dirett fuq l-acquis tal-Unjoni, kif ippreċiżat fil-punt 64 tas-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258), fis-sens li jeżistu regoli komuni tal-Unjoni li d-deċiżjoni inkwistjoni ġġib magħha r-riskju li tippreġudikahom jew iġġib magħha r-riskju li tibdel il-portata tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza żviluppata fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32). L-eżistenza ta’ tali riskju għaldaqstant tippreżupponi, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-emendi tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jaqgħu f’qasam li fih l-Unjoni diġà adottat regoli komuni.

35

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li l-Kunsill, li għandu l-oneru li juri, f’dan il-każ, li l-emendi kontenzjużi jikkonċernaw qasam li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet eżistenti tad-dritt tal-Unjoni, ma wettaqx tali turija fid-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, fil-qasam tad-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport ferrovjarju transkonfinali ta’ merkanzija u ta’ persuni, li taħtu jaqgħu l-emendi kontenzjużi, sa issa l-Unjoni għadha ma għamlitx użu mill-kompetenza interna tagħha permezz tal-adozzjoni ta’ regoli komuni. Ir-Repubblika Franċiża żżid tigħd li ma hija prevista ebda inizjattiva tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati mill-emendi kontenzjużi.

36

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taċċetta li, f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-kuntest ta’ korp internazzjonali jistgħu jiġu suġġetti għal koordinazzjoni, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, deċiżjoni tal-Kunsill, meħuda skont l-Artikolu 218(9) TFUE, ma tistax tiġi adottata f’dan il-kuntest.

37

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja barra minn hekk tqis li, fil-qasam tad-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport, li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża, l-Unjoni ma tistax teżerċita kompetenza fuq il-livell estern jekk kemm-il darba din ma tkunx għamlet użu mill-kompetenza tagħha fuq il-livell intern, bir-riskju li tevita l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u li tikser id-drittijiet tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, b’teħid kont anki tal-“klawżola ta’ deroga” imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Adeżjoni, fid-dritt tal-Unjoni l-atti tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF għandhom l-istess effetti bħar-regolamenti u d-direttivi.

38

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, appoġġata mir-Repubblika Franċiża, issostni wkoll li, fil-qasam tat-trasport, li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-każijiet previsti fl-Artikolu 3(2) TFUE, jiġifieri dawk li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva, jikkostitwixxu l-uniċi sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim internazzjonali. Issa, f’dan il-każ, kompetenza esterna esklużiva ma tirriżulta minn ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 3(2) TFUE. Dan l-Istat Membru jżid li, lil hinn mill-imsemmija każijiet, l-Unjoni ma għandhiex kompetenza esterna.

39

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C-459/03, EU:C:2006:345), invokata mill-Kunsill, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-portata tagħha ġiet limitata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125). Ir-Repubblika Franċiża tqis li, fil-kawża preżenti, ma tista’ tinstilet ebda tagħlima mill-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, peress li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-qasam tal-ambjent, li fih it-trattati taw lill-Unjoni kompetenza esterna espliċita. Issa, bid-differenza ta’ dak il-qasam, fost l-għanijiet tagħha l-politika tat-trasport ma tinkludix l-iżvilupp ta’ politika internazzjonali.

40

Il-Kunsill isostni, prinċipalment, li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, skont l-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 3(2) TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il‑Kunsill (22/70, EU:C:1971:32), sabiex tistabbilixxi pożizzjoni fir-rigward tal-emendi kontenzjużi, ippreżentati waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF.

41

Sussidjarjament, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jagħmel riferiment għall-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punti 44 sa 47), kif ukoll għas-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, (C‑239/03, EU:C:2004:598, punt 30), u tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 95), u jqis li l-Unjoni għandha kompetenza sabiex tadotta tali pożizzjoni, konformement mal-Artikolu 218(9) TFUE, permezz ta’ kompetenza li hija tikkondividi mal-Istati Membri tagħha, anki fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport. Skont dawn l-istituzzjonijiet, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-azzjoni tal-Unjoni fuq il-livell estern ma hijiex limitata għall-oqsma li huma diġa suġġetti għal regoli komuni tal-Unjoni, iżda testendi ruħha wkoll għall-oqsma li għadhom ma humiex is-suġġett jew kienu s-suġġett f’parti żgħira ħafna, ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li, minħabba f’dan il-fatt, ma tistax tiġi affettwata. Ukoll f’dan l-aħħar każ, l-Unjoni jkollha kompetenza sabiex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, billi taġixxi b’kompetenza esterna kondiviża, b’tali kompetenza tkun limitata, konformement mal-Protokoll Nru (25) dwar l-Eżerċizzju ta’ Kompetenzi Kondiviżi, anness mat-Trattati UE u FUE, dwar l-elementi speċifiċi rregolati mid-deċiżjoni tal-Unjoni inkwistjoni.

42

Il-Kummissjoni żżid li l-eżistenza ta’ kompetenza esterna kondiviża ma tiddependix fuq l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza fuq il-livell intern, iżda tirriżulta direttament mit-Trattati, b’mod iktar partikolari mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) u mill-Artikolu 4(2)(g) TFUE. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tat-Trattati dwar il-kompetenzi kondiviżi ma tipprevedi li, meta din il-kompetenza tiġi eżerċitata għall-ewwel darba, hija tista’ biss twassal għall-adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni li ma jikkonċernawx ir-relazzjonijiet esterni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja essenzjalment issostni li l-punt 4 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, sa fejn jikkonċerna l-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, kif ukoll il-punti 5, 7 u 12 tal-imsemmija aġenda, dwar l-emendi tal-Appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI) tal-COTIF, li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, ma jaqgħux taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni, u dan minħabba li din tal-aħħar ma adottatx, minn qabel, regoli komuni li jistgħu jiġu affettwati mill-imsemmija emendi, b’tali mod li ma kienx il-Kunsill li kellu jistabbilixxi, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, l-imsemmija pożizzjonijiet. Billi għamel hekk, il-Kunsill aġixxa bi ksur tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE.

44

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE, “[i]l-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni huma regolati mill-prinċipju ta’ l-għoti tal-kompetenzi”. L-Artikolu 5(2) TUE jgħid, minn naħa, li, “[s]kont [l-imsemmi prinċipju], l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati sabiex twettaq l-objettivi stabbiliti minn dawn it-Trattati” u, min-naħa l-oħra, li “[i]l-kompetenzi kollha li ma jingħatawx lill-Unjoni fit-Trattati jibqgħu għand l-Istati Membri.” Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-prinċipju għandu jiġi osservat kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni [Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat-28 ta’ Marzu 1996, EU:C:1996:140, punt 24].

45

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fl-Opinjoni 1/03 (Il-Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006 (EU:C:2006:81, punt 114), il-kompetenza tal-Unjoni biex tikkonkludi ftehim internazzjonali mhux biss tista’ tirriżulta minn setgħa espliċita mogħtija mit-Trattat, iżda tista’ toħroġ ukoll b’mod impliċitu minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati u ta’ atti adottati, fl-ambitu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, kull meta d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi, għall-imsemmija istituzzjonijiet, kompetenzi fuq il-livell intern sabiex jintlaħaq għan partikolari, l-Unjoni tingħata l-kompetenza sabiex tieħu l-impenji internazzjonali neċessarji sabiex jintlaħaq dan l-għan, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan ir-rigward. Din l-aħħar ipoteżi issa tinsab prevista fl-Artikolu 216(1) TFUE (Opinjoni 1/13 (Adeżjoni ta’ Stati terzi mal-Konvenzjoni ta’ Den Haag), tal-14 ta’ Ottubru 2014, EU:C:2014:2303, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni u n-natura esklużiva jew kondiviża ta’ din il-kompetenza eventwali (Opinjoni 1/76 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ Fond Ewropew għan-Navigazzjoni Interna), tas-26 ta’ April 1977, EU:C:1977:63, punti 34; Opinjoni 2/91 (Konvenzjoni Nru 170 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO)), tad-19 ta’ Marzu 1993, EU:C:1993:106, punti 13 sa 18; Opinjoni 1/03 (Il-Konvenzjoni ġdida ta’ Lugano), tas-7 ta’ Frar 2006, EU:C:2006:81, punti 114115, kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punti 9394; ara f’dan is-sens, ukoll, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punti 44 sa 47).

47

Din id-distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni u n-natura esklużiva jew le ta’ din il-kompetenza hija tradotta fit-Trattat FUE.

48

Skont l-Artikolu 216(1) TFUE, “[l]-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali meta t-Trattati jipprovdu għal danjew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun jew meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati jew inkella tkun prevista f’att ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

49

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, li fiha ma hemm ebda distinzjoni skont in-natura esklużiva jew kondiviża tal-kompetenza esterna tal-Unjoni, jirriżulta li l-Unjoni għandha tali kompetenza f’erba’ każijiet. Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-ipoteżi li l-konklużjoni ta’ ftehim tista’ taffettwa regoli komuni jew tibdel il-portata tagħhom, li hija ipoteżi li fiha l-kompetenza tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TFUE, hija esklużiva, tikkostiwixxi biss wieħed minn dawn il-każijiet.

50

Barra minn hekk, minn tqabbil tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-Artikolu 216(1) TFUE u tal-Artikolu 3(2) TFUE, jirriżulta li l-każijiet li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna, konformement mal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma humiex limitati għad-diversi ipoteżijiet previsti fit-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva.

51

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kompetenza esterna tal-Unjoni tista’ teżisti lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 3(2) TFUE.

52

F’dan il-kuntest, il-kompetenza esterna tal-Unjoni li taqa’ fit-tieni każ previst fl-Artikolu 216(1) TFUE, li jikkorrispondi għall-ipoteżi fejn il-konklużjoni ta’ ftehim tkun “meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati”, tirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Il-kompetenza esterna tal-Unjoni f’dan it-tieni każ ma fihiex, bid-differenza tar-raba’ każ previst f’din id-dispożizzjoni, kundizzjoni dwar l-adozzjoni minn qabel ta’ regoli tal-Unjoni li jistgħu jiġu affettwati.

53

Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat, f’dan il-każ, jekk il-fatt li l-Unjoni tieħu impenji internazzjonali f’dak li jikkonċerna l-emendi kontenzjużi huwiex “meħtieġ[…] sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politika ta’ l-Unjoni, wieħed mill- objettivi stabbiliti mit-Trattati”, fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE. Jekk dan ikun il-każ, l-Unjoni jkollha l-kompetenza esterna meħtieġa sabiex tistabbilixxi pożizzjonijiet fir-rigward tal-emendi kontenzjużi, sew jekk tkun adottat jew le, minn qabel, regoli komuni fl-oqsma kkonċernati, li jistgħu jiġu affettwati mill-imsemmija emendi.

54

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni waqt il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF f’dak li jirrigwarda ċerti emendi tal-COTIF. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-COTIF, l-OTIF “għandha l-għan li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, minn kull aspett, it-traffiku internazzjonali bil-ferrovija”, b’mod partikolari billi tistabbilixxi regoli ta’ dritt uniformi f’diversi oqsma legali dwar l-imsemmi traffiku.

55

L-emendi kontenzjużi jirrigwardaw, minn naħa, ir-regoli uniformi li jikkonċernaw il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ferrovjarju tal-merkanzija, il-kuntratti ta’ użu ta’ vetturi fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju, kif ukoll il-kuntratt ta’ użu tal-infrastruttura fit-traffiku internazzjonali ferrovjarju u, min-naħa l-oħra, l-istipulazzjoni tal-COTIF dwar l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija skont dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u l-qbid tal-vetturi ferrovjarji.

56

Dawn b’hekk jirrigwardaw id-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport internazzjonali ferrovjarju, li huwa qasam li, hekk kif ġie aċċettat mill-partijiet kollha, jaqa’ taħt politika tal-Unjoni, jiġifieri l-politika komuni tat-trasport, li huwa s-suġġett tat-Titolu VI, li jġib l-isem “It-Trasport”, tat-Tielet Parti, intitolata “Politika u Azzjonijiet Interni ta’ l-Unjoni” tat-Trattat FUE, u li għaldaqstant għandu jitqies bħala li jikkorrispondi għal wieħed mill-għanijiet tat-Trattat FUE.

57

It-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 91(1) TFUE li jipprevedi li, għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ politika komuni tat-trasport, u filwaqt li jitqiesu l-fatturi partikolari ta’ dawn tal-aħħar, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jistabbilixxu, b’mod partikolari, “a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar”, u “d) provvedimenti oħra xierqa”. Dan it-titolu jinkludi wkoll l-Artikolu 100 TFUE, li, fil-paragrafu 1 tiegħu jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi titolu japplikaw, b’mod partikolari, għat-trasport bil-ferrovija.

58

Għaldaqstant għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-emendi kontenzjużi jaqgħu taħt it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport.

59

B’mod partikolari, ir-regoli komuni previsti fl-Artikolu 91(1)(a) TFUE huma applikabbli “għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar”. Fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (22/70, EU:C:1971:32, punti 2627), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, f’dan il-qasam preċiż, li din id-dispożizzjoni, li, għall-parti tal-vjaġġ li sseħħ fit-territorju tal-Unjoni, tikkonċerna wkoll it-trasport minn u lejn Stati terzi u li għalhekk tassumi li l-kompetenza tal-Unjoni testendi għal relazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali, għalhekk timplika l-ħtieġa, fil-qasam inkwistjoni, ta’ ftehim mal-pajjiżi terzi kkonċernati.

60

Peress li l-istipulazzjonijiet tal-COTIF u tal-appendiċijiet tagħha li lilhom jirrigwardaw l-emendi kontenzjużi huma intiżi li jistabbilixxu normi armonizzati fil-livell internazzjonali, inkluż għat-trasport internazzjonali mwettaq minn jew lejn it-territorju ta’ Stat Membru, jew li jaqsam mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, għall-partijiet tal-vjaġġ li jinsabu barra mit-territorju tal-Unjoni u, bħala prinċipju, anki għall-partijiet tal-imsemmi vjaġġ li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, il-fatt li l-Unjoni tadotta pożizzjoni dwar l-imsemmija emendi għandu jitqies li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport, fil-kuntest tal-kompetenza li hija mogħtija l-Unjoni permezz tal-Artikolu 91(1) TFUE, u li għandu wkoll aspett estern, hekk kif tfakkar fil-punt 59 tas-sentenza preżenti. Konsegwentement, din l-adozzjoni ta’ pożizzjoni hija neċessarja sabiex, fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni, jitwettaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 216(1) TFUE.

61

B’teħid kont tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, għandhom jitwarrbu, l-ewwel nett, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, li skonthu, f’qasam li jaqa’ fil-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kompetenza esterna tal-Unjoni ma tistax teżisti lil hinn mill-każijiet previsti fl-Artikolu 3(2) TFUE.

62

It-tieni nett, jekk wieħed jippreżupponi li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, intiż li jikkontesta l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni f’dan il-każ, għandu jinftiehem fis-sens li, fil-qasam tat-trasport, li, bis-saħħa tal-Artikolu 4(2)(g) TFUE jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-Unjoni ma tkunx tista’ taġixxi fuq il-pjan estern qabel ma taġixxi fuq il-livell intern permezz tal-adozzjoni ta’ regoli komuni fl-oqsma fejn ikunu ġew konklużi impenji internazzjonali, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

63

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata), dwar il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, li fih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkollhom kompetenza kondiviża, kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tal-Unjoni, iddeċidiet li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim fl-imsemmi qasam anki jekk l-oqsma speċifiċi koperti minn dawn il-ftehim jkunu għadhom ma kinux is-suġġett jew kienu s-suġġetti f’parti żgħira ħafna, ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni, leġiżlazzjoni li, minħabba f’dan il-fatt, ma tistax tiġi affettwata.

64

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrestrinġietx il-portata ta’ din il-ġurisprudenza fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125). Fil-fatt, il-kwistjoni mqajma fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, hekk kif jirriżulta mill-punti 34 u 35 ta’ din tal-aħħar, ma kinitx dwar l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, iżda fuq il-punt ta’ jekk, fil-qasam speċifiku kopert minn dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat, l-Unjoni kinitx eżerċitat il-kompetenzi tagħha u kinitx adottat dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-obbligi li kienu jirriżultaw minnhom.

65

Ċertament, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 63 u 64 tas-sentenza preżenti tirrigwarda l-qasam tal-ambjent, li fih l-Unjoni għandha, bid-differenza ta’ dak tat-trasport, kompetenza esterna espliċita, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 191(1) TFUE.

66

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li issa, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, dwar il-kompetenzi kondiviżi, jirriżulta li, “[m]eta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża ma’ l-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġislaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam”. Din id-dispożizzjoni ma tagħmilx l-eżistenza, għall-Unjoni, ta’ kompetenza esterna kondiviża mal-Istati Membri tagħha tiddependi fuq l-eżistenza, fit-Trattati, ta’ dispożizzjoni li tagħti b’mod espliċitu tali kompetenza esterna lill-Unjoni.

67

Il-fatt li l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni ma hija, fl-ebda każ, dipendenti fuq l-eżerċizzju minn qabel, mill-Unjoni, tal-kompetenza normattiva interna tagħha fil-qasam ikkonċernat jirriżulta wkoll mill-punt 243 tal-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376), li minnu jirriżulta li d-dispożizjonijiet rilevanti tal-ftehim ikkonċernat, dwar l-investiment barrani li ma huwiex dirett, jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minkejja li kien paċifiku bejn il-partijiet, hekk kif jirriżulta mill-punti 229 u 230 tal-imsemmija opinjoni, li l-Unjoni bl-ebda mod ma kienet aġixxiet fuq il-pjan intern, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli tad-dritt derivat, f’dan il-qasam.

68

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 244 tal-imsemmija opinjoni, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim ikkonċernat, dwar l-investiment barrani li ma huwiex dirett, li jaqa’ taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ma setgħux jiġu approvati mill-Unjoni waħedha. Madankollu, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, kulma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja kien li osservat l-impossibbiltà, invokata mill-Kunsill matul il-proċedura relattiva għal din l-opinjoni, li jiġbor il-maġġoranza meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita, waħedha, il-kompetenza esterna li hija tikkondividi mal-Istati Membri f’dan il-qasam.

69

Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tislet argument mis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑399/12, EU:C:2014:2258). Hekk kif jirriżulta mill-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-qasam tal-politika agrikola komuni, b’mod partikolari l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, ġie ampjament regolat mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont il-kompetenza bbażata fuq l-Artikolu 43 TFUE sabiex tiddetermina jekk l-Unjoni setgħetx tapplika l-Artikolu 218(9) TFUE, filwaqt li hija ma kinitx parti mill-ftehim internazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza. Issa, din il-kwistjoni ma tqumx fil-kawża preżenti, peress li l-Unjoni ngħaqdet mal-COTIF b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.

70

It-tielet nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq l-evitar tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u fuq il-ksur tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew, minħabba li l-Kunsill applika l-Artikolu 218(9) TFUE f’oqsma li fihom, sa dak iż-żmien, l-Unjoni ma kinitx għadha adottat regoli interni konformement ma’ din il-proċedura.

71

Minbarra l-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 63 sa 69 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE li jawtorizza lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni jew tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u ta’ Politika ta’ Sigurtà, jadotta deċiżjoni “li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali”, għandha wkoll twassal sabiex dan l-argument jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Artikolu 218(9) TFUE ma jillimitax l-azzjoni tal-Unjoni għall-każijiet fejn din tkun adottat, minn qabel, regoli interni konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-punti mniżżla fl-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF u li jirrigwardaw l-emendi kontenzjużi, li fuqhom il-Kunsill, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, stabbilixxa l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni, jaqgħu taħt il-kompetenza esterna tal-Unjoni. Għalhekk, meta l-Kunsill adotta din id-deċiżjoni, huwa ma kisirx il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE.

73

Għaldaqstant l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

74

Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li, f’din id-deċiżjoni, il-Kunsill bl-ebda mod ma wera li l-punti li huma s-suġġett ta’ adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni kienu jikkonċernaw qasam li l-parti l-kbira tiegħu kienet diġà ġiet irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Ikun hemm, b’mod iktar partikolari, bżonn ta’ delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi fil-każ ta’ ftehim imħallta, minn naħa, minħabba l-fatt li l-istipulazzjonijiet tal-imsemmija ftehim huma applikabbli kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu ddeterminati l-kompetenzi tad-diversi atturi fil-korpi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill ma semma ebda strument tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat u rrefera biss għal strumenti b’rabta mad-dritt pubbliku, filwaqt li l-emendi kontenzjużi jaqgħu taħt id-dritt privat tal-kuntratti dwar it-trasport.

75

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kunsill ma indika ebda bażi legali sostantiva li fuqha hija bbażata kompetenza esterna materjali tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 91 TFUE li għalih saret referenza jagħti biss kompetenza interna lill-Unjoni.

76

Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkritikat lill-Kunsill li, waqt din is-seduta, huwa ġġustifika l-eżistenza ta’ kompetenza esterna tal-Unjoni billi rrefera għat-tieni każ previst fl-Artikolu 216(1) TFUE, filwaqt li kien naqas milli jsemmi din id-dispożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

77

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-motivazzjoni li tiġġustifika l-kompetenza tal-Unjoni toħroġ ċar mid-deċiżjoni kkontestata. Il-proposti ta’ emendi tal-COTIF u tal-appendiċijiet tagħha, li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-emendi kontenzjużi jistgħu jippreġudikaw huma indikati fl-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, ikun tajjeb ukoll li jittieħed kont tal-motivazzjoni li tidher fid-dokumenti tax-xogħol tal-OTIF. Il-fatt li, fil-fehma tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati huma irrilevanti ma jistax iqiegħed inkwistjoni n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, f’materja li taqa’, tal-inqas, taħt kompetenza kondiviża tal-Unjoni u tal-Istati Membri, il-Kunsill issodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu bis-sempliċi riferiment għall-bażi legali xierqa u b’deskrizzjoni tal-pożizzjoni tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Mill-eżami mwettaq fil-kuntest tal-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriżulta li l-punti mniżżla fl-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, dwar l-emendi kontenzjużi, jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, mingħajr ma huwa neċessarju li għal dan l-għan tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni interna tal-Unjoni fil-materja kkonċernata, li tkun affettwata mill-imsemmija emendi. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li permezz tiegħu hija kkritikat lill-Kunsill li, fid-deċiżjoni kkontestata, naqas milli jiġġustifika l-fatt li dawn l-emendi kienu jirrigwardaw qasam diġà rregolat sew mill-Unjoni, għandu jitwarrab.

79

F’dak li jikkonċerna l-allegata ħtieġa li fid-deċiżjoni kkontestata jiġi indikat, minbarra l-Artikolu 91(1) TFUE, it-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 216(1) TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, jimponi li l-atti kollha kkonċernati jinkludu espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjoni sabiex tadottahom, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u li kemm l-Istati Membri kif ukoll it-terzi kkonċernati jkunu jafu l-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu applikaw it-Trattat FUE (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

L-indikazzjoni tal-bażi legali għandha ssir fir-rigward tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, li skontu l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri tawha fit-Trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu kemm għall-azzjoni interna kif ukoll għall-azzjoni internazzjonali tal-Unjoni. Fil-fatt, l-għażla tal-bażi legali adatta għandha importanza ta’ natura kostituzzjonali peress li l-Unjoni, li għandha biss kompetenzi attribwiti, għandha torbot l-atti li hija tadotta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jagħtuha s-setgħa għal dan l-għan (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punti 4849).

81

L-indikazzjoni tal-bażi legali għandha wkoll importanza partikolari sabiex tippreżerva l-prerogattivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonċernati permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 50).

82

Barra minn hekk din għandha titħares fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE. Dan l-obbligu, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ teżerċita, għandu japplika, bħala prinċipju, għal kull att tal-Unjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 52).

83

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rekwiżit taċ-ċertezza legali jirrikjedi li kull att intiż li joħloq effetti ġuridiċi jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indikata b’mod espress bħala bażi legali u li tistabbilixxi l-forma ġuridika li għandu jkollu l-att (sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 39, u tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 53).

84

Barra minn hekkk, minn ġurisprudenza daqstantieħor stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-allegata ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni speċifika tat-Trattat, bħal, f’dan il-każ, l-Artikolu 216(1)TFUE, li tagħmel riferiment għalih ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma tikkostitwixxix difett sostanzjali meta l-bażi legali tal-att ikkonċernat tista’ tiġi stabbilita insostenn ta’ elementi oħrajn tiegħu, bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati u l-Qorti tal-Ġustizzja ma jitħallewx fl-inċertezza dwar il-bażi legali speċifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’din il-kawża, dan huwa l-każ, fejn il-bażi legali sostantiva u proċedurali tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi ddeterminata b’mod ċar.

86

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li peress li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment b’mod espliċitu għall-Artikolu 91 TFUE, fid-deċiżjoni tiegħu l-Kunsill indika b’mod korrett il-bażi legali sostantiva tagħha. Sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tislet argument mill-fatt li l-imsemmi Artikolu 91 ma jistax ikun ta’ natura li jagħti kompetenza esterna lill-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument jirrigwarda l-eżistenza stess ta’ kompetenza u għaldaqstant ma jistax jiġi invokat b’mod utli insostenn ta’ motiv fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

87

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill immotiva d-deċiżjoni kkontestata b’mod suffiċjenti fir-rigward tal-kriterju ta’ neċessità previst mit-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 216(1) TFUE, anki fid-dawl tal-fatt li l-motivazzjoni meħtieġa minn dan it-tieni każ hija differenti minn dik meħtieġa mill-Artikolu 3(2) TFUE.

88

Fil-fatt, l-ewwel u t-tielet sentenzi tal-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mal-motivi, riprodotti fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza preżenti, tal-espożizzjoni tal-pożizzjonijiet stabbiliti f’isem l-Unjoni dwar il-punti 4, 5, 7 u 12 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni jenfasizzaw in-neċessità li wieħed jieħu ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza bejn ir-regoli tad-dritt internazzjonali fil-qasam tat-trasport internazzjonali bil-ferrovija u d-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, in-neċessità ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni għal dan l-għan.

89

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 216(1) TFUE ċertament jelenka d-diversi każijiet fejn l-Unjoni għandha s-setgħa tikkonkludi ftehim internazzjonali, bid-differenza tal-Artikolu 352 TFUE dan ma jippreskrivi ebda rekwiżit formali jew proċedurali għal dan l-għan. Il-forma tal-att u l-proċedura li għandha tiġi segwita għaldaqstant għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tat-Trattati.

90

Għandu jiġi rrilevat, it-tielet nett, li l-Artikolu 218(9) TFUE, imsemmi bħala bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni kkontestata, jiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita waqt it-teħid ta’ deċiżjoni.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li l-kawża preżenti hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (CMR‑15) (C‑687/15, EU:C:2017:803). Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza l-Kunsill kien naqas milli jindika l-bażi legali sostantiva u proċedurali tal-att ikkontestat u ebda element ta’ dan tal-aħħar ma kien jippermetti li din tiġi ddeterminata.

92

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-assenza ta’ indikazzjoni espliċita, fid-deċiżjoni kkontestata, tat-tieni każ imsemmi fl-Artikolu 216(1) TFUE ma toħloq ebda konfużjoni fir-rigward tan-natura u tal-portata ġuridika tal-imsemmija deċiżjoni u lanqas f’dak li jikkonċerna l-proċedura li wieħed għandu jsegwi għall-adozzjoni tagħha u, għaldaqstant, ma tistax twassal għall-annullament parzjali tagħha.

93

Għaldaqstant, it-tieni motiv invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-argumenti tal-partijiet

94

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, jobbliga mhux biss lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiġu ggarantiti l-portata u l-effikaċità tad-dritt tal-Unjoni, iżda jimponi wkoll fuq l-istituzzjonijiet tagħha kompiti reċiproki ta’ kooperazzjoni leali mal-Istati Membri.

95

Kooperazzjoni mill-qrib tkun meħtieġa b’mod iktar partikolari fl-eżerċizzju tad-drittijiet mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha fil-kwalità tagħhom ta’ membri ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn xi Stati Membri tal-Unjoni u din tal-aħħar dwar id-delimitazzjoni tal-kompetenzi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-fatt ikollhom jikkollaboraw in bona fide, sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni u jegħlbu d-diffikultajiet li jkunu qamu. B’hekk dawn l-istituzzjonijiet ikollhom jorganizzaw il-proċedura bl-għan tal-adozzjoni ta’ att ġuridiku, b’mod li jiżguraw li l-Istat Membru li jikkontesta l-kompetenza tal-Unjoni jkun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja suffiċjentement kmieni, u dan bl-għan li tinkiser kjarifika tal-kwistjoni tal-kompetenza.

96

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li jista’ wkoll jiġi invokat mill-Istati Membri, jeħtieġ ukoll li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att ġuridiku tiġi organizzata b’mod li l-Istati Membri jkollhom żmien biżżejjed, bejn id-data tal-adozzjoni ta’ dan l-att u dik li minnha dan l-aħħar jibda jipproduċi effetti irreversibbli, sabiex jindirizzaw lill-qrati tal-Unjoni sabiex, jekk ikun il-każ, jitolbu sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att inkwistjoni.

97

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Artikolu 263 TFUE, li jagħti lill-Istati Membri dritt għal azzjoni legali privileġġjat, huwa għaldaqstant ukoll imċaħħad mill-effett utli tiegħu meta t-terminu bejn id-data tal-adozzjoni tal-att ġuridiku u dik li fiha dan jipproduċi effetti irriversibbli jkun tant qasir li jirrendi impossibbli l-preżentata ta’ azzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni fi żmien xieraq.

98

F’dan il-każ, għalkemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja semmiet ir-riżervi tagħha fir-rigward tal-kompetenzi tal-Unjoni immedjatament wara l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ġunju 2014, tal-proposta ta’ deċiżjoni, il-Kunsill stenna sal-24 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri lejliet il-ftuħ tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, biex jadotta d-deċiżjoni kkontestata, u ħalla għaldaqstant inqas minn 24 siegħa lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-Istat Membru jenfasizza li ma kienx possibbli għalih li, f’dan iż-żmien, iwettaq kif suppost il-proċeduri interni previsti għall-finijiet tal-preżentata ta’ rikors u talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

99

Minħabba l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet obbligata tivvota b’mod li jvarja mill-pożizzjoni tal-Unjoni, u dan sabiex tippreżerva l-kompetenzi tagħha, u huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni fetħet kontrieha proċedura “EU Pilot” li tista’ tiġi segwita fi kwalunkwe ħin minn proċedura għat-tressiq ta’ kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

100

Il-Kunsill, appoġġat mill-Kummissjoni, isostni li ma kienx possibbli għalih li jibda jew itemm il-ħidmiet tiegħu iktar kmieni. Il-parti l-kbira tad-dokumenti tax-xogħol li jinkludu l-proposti ta’ emendi mniżżla fl-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF fil-fatt ġew trażmessi mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF fil-25 ta’ April 2014. Ċerti dokumenti ġew riċevuti fis-6 u fit-12 ta’ Mejju 2014, u proposta tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-Appendiċi D (CUV) ġiet riċevuta fit-3 ta’ Ġunju 2014. Fis-26 ta’ Mejju 2014 il-Kummissjoni ppreżentat lill-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill l-ewwel dokument tax-xogħol li kien diġà jindika soluzzjonijiet prevedibbli għal pożizzjoni kkoordinata tal-Unjoni. Il-ħidmiet mibdija fi ħdan dan il-grupp ta’ ħidma tkomplew fil-5 u fis-16 ta’ Ġunju 2014, abbażi tal-proposta ta’ deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet għaddiet fil-frattemp. Din il-proposta, wara li ġiet approvata fis-17 ta’ Ġunju 2014 mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, ġiet adottata mill-Kunsill fl-24 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri fi żmien xieraq, qabel il-ftuħ tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, fil-25 ta’ Ġunju 2014.

101

Il-Kunsill jenfasizza li t-terminu ta’ xahar li fi tmiemu huwa temm il-proċess deċiżjonali jikkostitwixxi terminu estremament qasir għall-ipproċessar ta’ kwistjonijiet tekniċi u ġuridiċi kumplessi. Matul dan il-proċess huwa ddibatta, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, bl-iktar mod preċiż possibbli l-pożizzjoni tiegħu mad-delegazzjonijiet, b’mod partikolari sabiex jikkonvinċi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Unjoni kellha l-kompetenza meħtieġa f’dak li jikkonċerna l-punti tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF li dwarhom dan l-Istat Membru kien esprima dubji. Għaldaqstant, il-Kunsill implementa dak kollu possibbli sabiex jadotta l-pożizzjoni tal-Unjoni bl-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

102

Barra minn hekk, ir-rekwiżit tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jgħid li l-pożizzjoni tal-Unjoni kellha tiġi adottata malajr biżżejjed biex tippermettilha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija eċċessiva u mhux realistika. Il-fatt li dan l-Istat Membru ta bidu għall-proċedura preżenti juri preċiżament li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie osservat.

103

Barra minn hekk, il-Kunsill jirrileva li ebda effett irreversibbli tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jista’ jiġi kkonstatat, u dan peress li, konformement mar-regoli applikabbli, l-emendi eżaminati matul il-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF jew ma ġewx adottati definittivament matul din is-seduta, jew inkella ġew adottati iżda għadhom ma daħlux fis-seħħ. Minbarra dan, skont dawn l-istess regoli, id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jista’ jiġi mxekkel fil-każ ta’ oġġezzjoni fformulata minn kwart tal-Istati Membri tal-OTIF. Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ikun obbligat, skont l-Artikolu 266 (1) TFUE, li jieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali eżekuzzjoni tkun tabilħaqq possibbli peress li l-Unjoni għandha maġġoranza fil-voti fi ħdan l-OTIF.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Kunsill li naqas mid-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni leali fl-organizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma ħallilhiex żmien biżżejjed sabiex tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma din id-deċiżjoni tkun bdiet tħalli effetti irreversibbli. Għaldaqstant, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

105

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

106

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, b’teħid kont tal-iżvolġiment tal-proċess deċiżjonali, kif deskritt mill-Kunsill u li ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk l-imsemmija istituzzjoni naqsitx mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali.

107

Jidher, f’din il-kawża, li d-diskussjonijiet li seħħew fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, bl-għan tal-istabbiliment ta’ pożizzjoni tal-Unjoni, ingħataw bidu fis-26 ta’ April 2014, jiġifieri l-għada tal-jum li matulu l-parti l-kbira tad-dokumenti ġew trażmessi mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF, u huma tkomplew matul iż-żewġ laqgħat segwenti, abbażi tal-proposta ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Minbarra dan, mill-iżvolġiment tal-proċedura, kif ġie deskritt mill-Kunsill u miġbur fil-qosor fil-punt 100 tas-sentenza preżenti, jirriżulta li din l-istituzzjoni bdiet id-diskussjonijiet preliminari bl-għan tal-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni mingħajr ma stenniet li d-dokumenti tax-xogħol kollha stabbiliti għall-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF ġew mgħoddija lilha. L-erba’ laqgħat tal-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill u tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ġew partikolarment iddedikati għall-kjarifikazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-punti mniżżla fl-aġenda tal‑25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF u li dwarhom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet esprimiet xi riżervi. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma stabbilixxietx li t-terminu ta’ ġimgħa li għaddha bejn l-approvazzjoni tal-proposta ta’ deċiżjoni mill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kunsill huwa eċċessiv sal-punt li huwa ta’ natura li jitfa’ dubju fir-rigward tal-osservanza, minn din l-istituzzjoni, tad-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali fir-rigward tal-Istati Membri.

108

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan jistrieħ fuq il-premessa li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqiegħdet f’impossibbiltà li tressaq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata u, f’dik l-okkażjoni, titlob is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, qabel ma din tal-aħħar tkun ipproduċiet effetti irreversibbli waqt iż-żamma tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, dan l-Istat Membru ma weriex li, waqt iż-żamma ta’ din is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata kienet ipproduċiet tali effetti, u hija lanqas ma kkonfutat l-argumenti invokati bħala difiża mill-Kunsill f’dan ir-rigward, kif ġew miġbura fil-qosor fil-punt 103 tas-sentenza preżenti. Għaldaqstant, l-argument tal-imsemmi Stat Membru, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma jistax jintlaqa’.

109

Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

110

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq kollha jirriżulta li r-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

111

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

112

Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġernaniż.

Top