Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0596

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Settembru 2016.
    Ana de Diego Porras vs Ministerio de Defensa.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ – Allowance għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol – Allowance mhux previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal kuntratti ta’ xogħol temporanju – Differenza fit-trattament meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat.
    Kawża C-596/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:683

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    14 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Kunċett ta’ ‘kondizzjonijiet ta’ l-impjieg’ — Allowance għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol — Allowance mhux previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal kuntratti ta’ xogħol temporanju — Differenza fit-trattament meta mqabbla mal-ħaddiema għal żmien indeterminat”

    Fil-Kawża C‑596/14:

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

    Ana de Diego Porras

    vs

    Ministerio de Defensa,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal de Diego Porras, minn J. Rello Ochayta, avukat,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella RodríguezMiñón, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u M. van Beek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ana Diego Porras u l-Ministerio de Defensa (ministeru tad-difiża, Spanja) dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet u l-ħlas ta’ allowance wara x-xoljiment ta’ din ir-relazzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Mill-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 jirriżulta li “l-firmatarji tal-ftehim qafas urew ix-xewqa tagħhom li jtejbu l-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li jistabbilixxu qafas biex jipprevjenu l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet tax-xogħol jew ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 1999/70 huwa li “jġib fis-seħħ il-[Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi [anness] hawn”.

    5

    Il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li “l-ftehim jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss [għal żmien determinat], waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema”.

    6

    Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa waħda, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

    7

    Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

    “Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem:

    1.

    ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

    2.

    Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem "ħaddiem kumparabbli permanenti" ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ mpjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet [...].”

    8

    Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha li:

    “Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva”.

    Id-dritt Spanjol

    9

    Konformement mal-Artikolu 15(1) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1995, (test imfassal mill-ġdid tar-regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, li jirriżulta mid-digriet leġiżlattiv irjali 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE no75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni aplikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema”), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Kuntratt għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi fil-każijiet li ġejjin:

    “a)

    meta l-ħaddiem ikun irreklutat għat-tlestija ta’ kompitu speċifiku, indipendenti u distakkabbli mill-attività kollha tal-impriża, li l-eżekuzzjoni tiegħu, filwaqt li tkunu limitata fiż-żmien, hija fil-prinċipju, ta’ żmien inċert. [...]

    b)

    meta l-ċirkustanzi tas-suq, akkumulazzjoni ta’ xogħol jew ordnijiet eċċessivi jeħtieġu, anki fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża. [...]

    c)

    fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddimea intitolati li jżommu l-post tax-xogħol tagħhom, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika l-isem tal-ħaddiem issostitwit u l-motiv ta’ sostituzzjoni.”

    10

    Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, “il-kuntratti temporanji konklużi bi ksur tal-liġi huma preżunti konklużi għal żmien indeterminat”.

    11

    Ir-Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (digriet irjali 2720/1998, li jeżeġixxi l-Artikolu 15 tar-regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema fil-qasam ta’ kuntratti għal żmien determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE no 7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568), jiddefinixxi, fl-Artikolu 4(1) il-kuntratt ta’ “interinidad” bħala l-kuntratt sabiex jissostitwixxu ħaddiem ta’ impriża intitolat li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu taħt leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv jew ftehim individwali. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet irjali, il-kuntratt għandu jidentifika l-ħaddiem sostitwit u l-motiv ta’ sostituzzjoni. Iż-żmien tal-kuntratt ta’ xogħol “interinidad” huwa dak taż-żmien ta’ assenza tal-ħaddiem sostitwit intitolat li jżomm il-post tax-xogħol tiegħu.

    12

    Mill-Artikolu 15(5) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, jirriżulta li l-ħaddiema li kienu rreklutati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal żmien ta’ iktar minn 24 xahar għal perijodu ta’ 30 xahar, jakkwistaw l-istatus ta’ ħaddiema permanenti. Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx madankollu għall-użu ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-kuntratti ta’ interim għal tluq b’irtirar parzjali jew kuntratti ta’ xogħol “interinidad” lanqas għal kuntratti ta’ xogħol temporanju konklużi fil-kuntest ta’ programmi pubbliċi ta’ impjieg-taħriġ.

    13

    L-Artikolu 49(1)(c) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema jipprevedi li, meta l-kuntratt ta’ xogħol jintemm, ħlief f’każijiet ta’ kuntratti ta’ “interidad” u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat li jirċievi allowance f’ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għall-perċezzjoni ta’ tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ servizz.

    14

    Skont l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolamenti tal-persunal tal-ħaddiema, ix-riżoluzzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi jwassal għall-“ħlas lill-ħaddiem, fl-istess ħin tan-notifika bil-miktub, ta’ allowance ta’ għoxrin jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità, allowance ikkalkulat proporzjonalment għan-numru ta’ xhur maħduma għall-perijodi ta’ inqas minn sena, sa limitu ta’ tnax il-pagament mensili”.

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    A. de Diego Porras kienet impjegata, minn Frar 2003, taħt il-kopertura ta’ diversi kuntratti ta’ impjieg ta’ “interinidad” bħala segretarja f’subdirettorati differenti tad-Dipartiment tad-Difiża. L-aħħar kuntratt ta’ impjieg “interinidad”, konkluż fis-17 ta’ Awwissu 2005, kien intiż li jissostitwixxi lil Mayoral Fernández, dispensata full-time mill-obbligi tagħha għall-eżerċizzju ta’ rappreżentanza sindakali.

    16

    B’applikazzjoni tar-Real Decreto-ley 20/2012 de medidas para garantizar la estabilidad presupuestaria y de fomento de la competitividad (digriet liġi rjali 20/2012 dwar miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà baġitarja u li tippromwovi l-kompetittività), tat-13 ta’ Lulju 2012 (BOE Nru 168, tal-14 ta’ Lulju 2012, p. 50428), id-dispensa mix-xogħol ta’ Mayoral Fernandez ġiet irrevokata.

    17

    Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2012, A. de Diego Porras ġiet imsejħa sabiex tiffirma x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha b’effett mit-30 ta’ Settembru sabiex tippermetti l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ Mayoral Fernandez fil-kariga tagħha mill-1 ta’ Ottubru 2012.

    18

    Fid-19 ta’ Novembru 2012, A. deDiego Porras ippreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Madrid (qorti tax-xogħol Nru 1, Madrid, Spanja) sabiex tikkontesta kemm il-legalità tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet għax-xoljiment tiegħu.

    19

    Wara li dan ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2013, il-persuna kkonċernata appellat minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), fejn sostniet li l-kuntratti ta’ impjieg ta’ “interinidad”, li fil-kuntest tagħhom ġew irreklutati, ġew konklużi bi ksur tal-liġi u li hemm lok li jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat”. Għalhekk, ix-xoljiment ta’ tali kuntratt ikun jinvolvi l-ħlas ta’ allowance.

    20

    It-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) jikkonstata, minn naħa, li r-reklutaġġ ta’ A. de Porras Diego permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ “interinidad” huwa konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ u min-naħa l-oħra, li x-xoljiment tal-imsemmi kuntratt ta’ xogħol huwa bbażat fuq raġuni oġġettiva.

    21

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, dwar id-dritt ta’ A. de Diego Porras li titlob il-ħlas ta’ allowance minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha. Fil-fatt, hemm, fid-dritt Spanjol, differenza fit-trattament fil-kundizzjonijiet ta’ impjieg bejn il-ħaddiema għal żmien indeterminat u l-ħaddiema għal żmien determinat, sa fejn il-kumpens imħallas fil-każ ta; xoljiment legali tal-kuntratt ta’ xogħol huwa ta’ 20 jum tas-salarju fis-sena ta’ servizz għal tal-ewwel, filwaqt li jogħla għal 12-il ġurnata salarju għal kull sena ta’ servizz biss għal tat-tieni. Din l-inugwaljanza hija iktar evidenti f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema rreklutati fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol “interinidad” li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tirrikonoxxi ebda kumpens meta dan il-kuntratt jintemm legalment.

    22

    Fid-dawl tal-fatt li ebda raġuni oġġettiva ma tidher li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat stabbilit fil-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    23

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (qorti superjuri tal-ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kumpens imħallas fi tmiem kuntratt ta’ xogħol temporanju għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg li għalihom tagħmel riferiment il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas CES, UNICE u CEEP?

    2)

    Jekk dan il-kumpens huwa kkunsidrat li jaqa’ taħt l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiem li jkollu kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat konkluż direttament bejn l-impjegat u l-ħaddiem fejn it-tmiem tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol huwa ddeterminat minn kundizzjonijiet oġġettivi bħal data konkreta, it-twettiq ta’ xogħol jew servizz partikolari, jew fil-każ li jseħħ xi avveniment partikolari, għandu jirċievi, fi tmiem il-kuntratt, l-istess kumpens bħal dak li jirċievi ħaddiem li jkollu kuntratt għal żmien indeterminat paragunabbli li l-kuntratt tiegħu jintemm għal raġunijiet oġġettivi?

    3)

    Jekk il-ħaddiem temporanju għandu id-dritt li jirċievi l-istess kumpens bħal dak ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat li l-kuntratt tiegħu jintemm għal raġunijiet oġġettivi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema ttraspona korrettament id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, jew li huwa diskriminatorju u kuntrarju għall-imsemmija direttiva, sa fejn jimmina l-għan u l-effettività tagħha?

    4)

    Fl-assenza ta’ raġunijiet oġġettivi għall-esklużjoni tal-ħaddiema li l-kuntratt tagħhom jipprovdi essenzjalment għas-sostituzzjoni ta’ ħaddiem li għandu d-dritt li jżomm il-post ta’ xogħol tiegħu, mid-dritt li jirċievu kumpens meta l-kuntratt ta’ xogħol temporanju tagħhom jintemm, id-distinzjoni stabbilita mill-Istatut tal-Ħaddiema bejn il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema u dawk mhux biss tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, iżda wkoll ta’ ħaddiema oħra temporanji, hija diskriminatorja?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    24

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal-]impjieg” jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega għandha tħallas lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat tiegħu.

    25

    Għandu preliminarjament jiġi mfakkar skont il-klawżola 1(a) tal-Ftehim qafas, li wieħed mill-għanijiet ta’ dan huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġi mħares ir-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, il-preambolu tal-Ftehim qafas jenfasizza, fit-tielet paragrafu tiegħu, li dan il-ftehim qafas “juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika għalhekk li l-għan ta’ dan il-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, sabiex itejjeb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 40, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, punt 22).

    26

    Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika dan il-prinċipju lill-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn min iħaddem sabiex jiċħad lil dawn il-ħaddiema d-drittijiet li huma rikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23).

    27

    Fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Ftehim qafas, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tinftiehem bħala li tesprimi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24).

    28

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehom qafas, Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-fis-sens tal-imsemmija klawżola huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25).

    29

    Konformement mal-ġusrispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu wkoll fil-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, allowances trijennali ta’ anzjanità li jirrappreżentaw element tar-remunerazzjoni li għandha tingħata lil ħaddiem għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 47, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58).

    30

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kunċett jinkludi wkoll regoli dwar id-determinazzjoni tat-terminu ta’ preavviż applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li interpretazzjoni tal-klawżola 4(1), li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, twassal sabiex tnaqqas, għad-detriment tal-għan assenjat lill-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punti 27 u 29).

    31

    Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasponibbli b’mod sħiħ għal allowance bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Peress li l-allowance huwa allokat lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah u li dan jissodisfa l-kriterju msemmi fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, huwa għaldaqstant jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”.

    32

    Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l‑impjieg” jinkludi l-allowance li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol għal zmien determinat tiegħu.

    Fuq it-tieni sar-raba ’ domanda

    33

    Permezz ta’ dawn it-tliet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretata fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni, li tirrifjuta kwalunkwe allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiem impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol “interinidad” minkejja li tali allowance jingħata, b’mod partikolari, lill-ħaddiema kumparabbli impjegati għal żmien indefinit.

    34

    Rigward il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jitfakkar li jistabbilixxi, fil-punt 1, projbizzjoni li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli milli l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li huma jaħdmu għal żmien determinat, sakemm it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

    35

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li hemm differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat, sa fejn b’mod differenti mill-ħaddiema rreklutati taħt kuntratt ta’ xogħol indeterminat, il-ħaddiema taħt kuntratt ta’ xogħol “interinidad” ma jirċievu ebda allowance fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt tagħhom, u dan irrispettivament mit-tul tal-perijodi ta’ servizzi kompluti.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat u inkorporati fil-Ftehim qafas biss fir-rigward tad-differenzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (digrieti tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:677, punt 56 ; tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Vino, C‑161/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:420, punt 28, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Rivas Montes, C‑178/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:150, punt 43).

    38

    Madankollu, l-eventwali differenzi fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal fuq għal żmien fiss, bħal dak li ssemmi l-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda, ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mill-imsemmi Ftehim qafas (digriet tal-11 ta’ Novembru 2010, Vino, C‑20/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:677, punt 57).

    39

    Fid-dawl tal-inugwaljanza kkonstata, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imbagħad, fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva li jista’ jkun hemm.

    Fuq il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni

    40

    Sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, hemm lok, b’mod konformement mal-klawżola 3(2) u l-klawżola 4(1) ta’ dan tal-aħħar, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu bħala li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31).

    41

    Konformement mal-ġurisprudenza, huwa biss fil-każ li x-xogħol imwettaq minn ħaddiem bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol differenti ma jikkorrispondix ma’ dak eżerċitat minn ħaddiema għal żmien indeterminat, li d-differenza fit-trattament allegata tikkonċerna l-għoti ta’ allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol ma tkunx kuntrarja għall-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, peress li din id-differenza fit-trattament tkun marbuta ma’ sitwazzjonijiet differenti (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Għalkemm, finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta din kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ segretarja fil-ministeru tad-difiża fil-kuntest ta’ d-diversi kuntratt ta’ xogħol ta’ “internidad” tagħha, kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-ħaddiema rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess awtorità matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32), għandu madankollu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, mill-provi tal-proċess ppreżentat lill-Qorti tal-Ġuistizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet xogħol analogu jew identiku għal dak ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat.

    43

    Fil-fatt, il-fatt stess li l-imsemmi rikorrenti okkupa matul 7 snin konsekuttivi fl-istess pożizzjoni ta’ impjegat ddispensat full-time mill-obbligi professjonali tiegħu għall-eżerċizzju ta’ kariga sindakali, jippermetti li jipi konkluż mhux biss li l-persuna kkonċernata kient tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ taħriġ għall-aċċess għall-post tax-xogħol inkwistjoni, iżda wkoll li hija kienet tagħmel l-istess xogħol bħall-persuna msejħa li tissostitwixxi b’mod permanenti matul dan il-perijodu estiż ta’ żmien, filwaqt li tkun suġġetta għall-istess kondizzjonijiet tax-xogħol.

    44

    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet paragunabbli ma’ dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat.

    Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

    45

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tax-xogħol ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li taqa’ fih u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imħaddan u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ġew konklużi u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tħaddin ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punti 53 u 58; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 73, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 51).

    46

    Il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, li jissemma fil-klawżola 4(4) tal-Ftehim qafas, għandu għaldaqstant jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro et Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 72, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 50).

    47

    Barra minn hekk, l-użu tan-natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal‑amministrazzjoni pubblika ma huwiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u b’hekk ma jistax, waħdu, jammonta għal “bażi oġġettiva” fis-sens tal-Klawżola 4 (1) u /jew 4 tal-Ftehim qafas. Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tal-argument li n-natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat iġġib fix-xejn l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas u tipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 56 u 57; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 74, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 52).

    48

    L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Spanjol huma dwar id-differenza fin-natura u ta’ għan li jiddistingwu l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, sa fejn id-differenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti tinsab fiż-żmien tagħhom kif ukoll fl-aspettattiva tal-istabbiltà tas-relazzjoni ta’ impjieg.

    49

    F’dan ir-rigward, għalkemm hija, bħala prinċipju, għall-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk l-argumenti ppreżentati quddiemha jikkostitwixxux raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt [42] ta’ din is-sentenza, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-Gvern Spanjol sempliċement jenfasizza d-differenza fin-natura u fl-għan li tiddistingwi kuntratti tax-xogħol ta’ “interinidad” minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat billi jinvoka l-kriterju taż-żmien u l-aspettattiva tal-istabbiltà tar-relazzjoni kuntrattwali tat-tieni.

    50

    Issa, kif jirriżulta mill-punti [46 u 47] ta’ din is-sentenza, la n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ impjieg u lanqas l-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-għoti ta’ allowance ta’ xoljiment għal kuntratt ta’ xogħol ta’ “interinidad” ma jistgħu jikkostitwixxu, fihom infushom, tali raġunijiet oġġettivi.

    51

    Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-prevedibbiltà tat-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol “interinidad” ma huwiex ibbażat fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex mhux biss, fil-fatt, tali kuntratt ta’ xogħol ta’ “interinidad” jista’ jippersisti, bħas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li r-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha huma mifruxa fuq perijodu ta’ iktar minn għaxar snin, iżda wkoll dan l-argument huwa kontradett mill-fatt li, f’sitwazzjonijiet komparabbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti tipprovdi li allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol jingħata lil kategoriji oħra ta’ ħaddiema għal żmien determinat.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata riposta lit-tieni sar-raba’ domanda magħmula li l-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta kwalunkwe allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiem impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol “interinidad” minkejja li tippermetti li tali allowance jingħata, b’mod partikolari, lill-ħaddiema kumparabbli impjegati għal żmien indeterminat. Il-fatt biss li dan il-ħaddiem ikun temm ix-xogħol tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ “interinidad” ma jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, li tiġġustifika r-rifjut li l-imsemmi ħaddiem jista’ jibbenefika minn dan l-allowance.

    Fuq l-ispejjeż

    53

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg” jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu lill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

     

    2)

    Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta kwalunkwe allowance ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiem impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol “interinidad” minkejja li tippermetti li tali allowance jingħata, b'mod partikolari, lill-ħaddiema kumparabbli impjegati għal żmien indeterminat. Il-fatt biss li dan il-ħaddiem ikun temm ix-xogħol tiegħu fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ “interinidad” ma jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva, li tiġġustifika r-rifjut li l-imsemmi ħaddiem jista’ jibbenefika minn dan l-allowance.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top