This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0586
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 9 June 2016.#Vasile Budișan v Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj.#Request for a preliminary ruling from the Curtea de Apel Cluj.#Reference for a preliminary ruling — Internal taxation — Article 110 TFEU — Tax levied by a Member State on motor vehicles at the time of their first registration or of the first transfer of the right of ownership — Fiscal neutrality as between second-hand motor vehicles imported from other Member States and similar motor vehicles available on the domestic market.#Case C-586/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Vasile Budișan vs Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Taxxa miġbura minn Stat Membru fuq il-karozzi waqt l-ewwel reġistrazzjoni jew l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà – Newtralità fiskali bejn il-karozzi użati minn Stati Membri oħra u l-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali.
Kawża C-586/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Vasile Budișan vs Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Curtea de Apel Cluj.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxi interni – Artikolu 110 TFUE – Taxxa miġbura minn Stat Membru fuq il-karozzi waqt l-ewwel reġistrazzjoni jew l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà – Newtralità fiskali bejn il-karozzi użati minn Stati Membri oħra u l-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali.
Kawża C-586/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:421
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxi interni — Artikolu 110 TFUE — Taxxa miġbura minn Stat Membru fuq il-karozzi waqt l-ewwel reġistrazzjoni jew l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà — Newtralità fiskali bejn il-karozzi użati minn Stati Membri oħra u l-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali”
Fil-Kawża C‑586/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (qorti ta’ appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura
Vasile Budișan
vs
Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President ta’ Awla, E. Juhász u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu, D. Bulancea u R. Mangu, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u G.‑D. Balan, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vasile Budișan u l-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj (amministrazzjoni distrettwali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj, ir-Rumanija) fir-rigward ta’ taxxa li l-ħlas tagħha ntalab mingħand V. Budișan għar-reġistrazzjoni fir-Rumanija ta’ karozza użata li toriġina minn Stat Membru ieħor. |
Id-dritt Rumen
3 |
Il-Legea nr 343/2006 pentru modificarea şi completarea Legii nr. 571/2003 privind Codul fiscal (Liġi Nru 343/2006 li temenda u tikkompleta l-Liġi Nru 571/2003 dwar il-kodiċi fiskali), tas-17 ta’ Lulju 2006 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 662 tal-1 ta’ Awwissu 2006), kienet introduċiet, fil-kodiċi fiskali, taxxa speċjali fuq il-karozzi, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007 u eżiġibbli mal-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza fir-Rumanija (iktar ’il quddiem it-“taxxa speċjali”). |
4 |
L-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 50/2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule (Digriet ta’ urġenza tal-gvern Nru 50/2008, li jistabbilixxi taxxa fuq it-tniġġis tal-karozzi), tal-21 ta’ April 2008 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 327 tal-25 ta’ April 2008, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 50/2008”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, kien introduċa taxxa fuq it-tniġġis għall-vetturi tal-kategoriji M1 sa M3 u N1 sa N3 (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq it-tniġġis”). L-obbligu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa kien jiġi fis-seħħ b’mod partikolari waqt l-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza fir-Rumanija. |
5 |
L-OUG Nru 50/2008 ġie emendat diversi drabi, qabel ma ġie imħassar bil-Legea nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule (Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi), tas-6 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 17 tal-10 ta’ Jannar 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/2012”), li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2012. Din il-liġi ssostitwixxiet it-taxxa fuq it-tniġġis b’taxxa ġdida, it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi (iktar ’il quddiem it-“taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu”). |
6 |
Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 9/2012, l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fuq l-emmissjonijiet li jniġġsu kien jiġi fis-seħħ mhux biss waqt l-ewwel reġistrazzjoni ta’ karozza fir-Rumanija, iżda wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, waqt l-ewwel trasferiment, fir-Rumanija, tad-dritt ta’ proprjetà fuq karozza użata. |
7 |
Madankollu, permezz tal-effett tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 1/2012 pentru suspendarea aplicării unor dispoziții ale Legii nr. 9/2012 privind taxa pentru emisiile poluante provenite de la autovehicule, precum şi pentru restituirea taxei achitate în conformitate cu prevederile art. 4 alin. 2 din lege [Digriet ta’ urġenza tal-gvern Nru 1/2012, li jissospendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 9/2012 dwar it-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu ta’ vetturi u l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi], tat-30 ta’ Jannar 2012 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 79 tal-31 ta’ Jannar 2012), li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012, l-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu tal-karozzi waqt l-ewwel trasferiment, fir-Rumanija, tad-dritt ta’ proprjetà fuq karozza użata ġiet sospiża sal-1 ta’ Jannar 2013. |
8 |
L-Ordonanţa de urgenţă a Guvernului nr. 9/2013 privind timbrul de mediu pentru autovehicule (Digriet ta’ urġenza tal-gvern Nru 9/2013, dwar it-taxxa tal-boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur), tad-19 ta’ Frar 2013 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 119 tal-4 ta’ Marzu 2013, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 9/2013”), li jħassar il-Liġi Nru 9/2012, daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2013. |
9 |
Skont l-Artikolu 4 tal-OUG Nru 9/2013: “Il-ħlas tat-taxxa tal-boll [ambjentali għall-vetturi bil-mutur] hija dovuta darba, kif ġej:
|
10 |
L-Artikolu 7(2) tal-OUG Nru 9/2013 jiddikjara: “Il-valur residwu tat-[taxxa tal-boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur] jirrappreżenta s-somma li għandha titħallas fuq l-imsemmija vettura li kieku din kellha tiġi rreġistrata mal-irtirar tagħha mill-flotta awtomobilistika nazzjonali, ikkalkolata konformement mal-liġi li serviet bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ammont tat-taxxa dovuta fil-mument tar-reġistrazzjoni, f’[lei Rumeni (RON)] bir-rata ta’ kambju applikabbli fil-mument tar-reġistrazzjoni jew tat-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq karozza użata, billi tintuża l-età tal-karozza fil-mument tal-irtirar tagħha mill-flotta awtomobilistika nazzjonali.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
Fil-5 ta’ Ġunju 2013, V. Budișan akkwista karozza użata, iffabbrikata matul is-sena 2006 u inizjalment irreġistrata fil-Ġermanja. |
12 |
Sabiex jipproċedi għar-reġistrazzjoni ta’ din il-karozza fir-Rumnaija, V. Budișan kellu jħallas, lill-awtoritajiet Rumeni, ammont ta’ RON 5300 (madwar EUR 1193) bħala taxxa tal-boll ambjentali għall-vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem it-“taxxa tal-boll ambjentali”), kif previst mill-OUG Nru 9/2013. |
13 |
Billi qies li l-OUG Nru 9/2013 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, V. Budișan ressaq talba quddiem it-Tribunalul Cluj (qorti distrettwali ta’ Cluj) intiża sabiex l-amministrazzjoni distrettwali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj tiġi kkundannata tħallaslu lura s-somma miġbura bħala taxxa tal-boll ambjentali. |
14 |
Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ April 2014, it-Tribunalul Cluj (qorti distrettwali ta’ Cluj) ċaħad dan ir-rikors. Skont din il-qorti, l-OUG Nru 9/2013 huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni, inkwantu ma jiddiskriminax il-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, sew jekk ġodda sew jekk użati. Għalhekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta appell quddiem il-qorti tar-rinviju. |
15 |
Il-Curtea de Apel Cluj (qorti ta’ appell ta’ Cluj) tqis li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 110 TFUE tat-taxxa tal-boll ambjentali stabbilita permezz tal-OUG Nru 9/2013 tirriżulta għal żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex konformi ma’ dan l-artikolu l-fatt li l-OUG Nru 9/2013 jipprevedi li l-karozzi li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija diġà kienet tat lok għall-ħlas tat-taxxa speċjali, tat-taxxa fuq it-tniġġis jew tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu jiġu eżentati mit-taxxa tal-boll ambjentali, ġaladarba l-ammont residwu ta’ waħda mit-taxxi preċedenti, ikorporat fil-valur tal-imsemmija karozzi, huwa inqas mill-ammont tat-taxxa tal-boll ambjentali. Peress li din l-eżenzjoni għandha, fil-fatt, bħala konsegwenza, fil-mument tal-bejgħ ta’ dawn il-karozzi, li l-prezz ta’ dawn tal-aħħar ikun inqas minn dak tal-karozzi provenjenti minn Stat Membru li għalihom hija dovuta t-taxxa l-ġdida, il-bejgħ ta’ karozzi użati nazzjonali jiġi għaldaqstant inċentivat għad-detriment tal-importazzjoni ta’ karozzi simili provenjenti minn Stati Membri oħra. |
16 |
Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 110 TFUE tal-modalitajiet ta’ ġbir tat-taxxa tal-boll ambjentali. Fil-fatt, il-proprjetarji ta’ karozza li tinsab fis-suq nazzjonali, u li fir-rigward tagħha ma tħallset l-ebda taxxa, jew għaliex din il-karozza ġiet irreġistrata qabel l-1 ta’ Jannar 2007, jew għaliex il-proprjetarju tagħha tħallas lura l-ammont tat-taxxa li kien ħallas preċedentement, jista’, skont l-OUG Nru 9/2013, juża l-imsemmija karozza mingħajr ma jħallas it-taxxa tal-boll ambjentali sal-bejgħ tal-imsemmija karozza, jiġifieri sa ġrajja futura u inċerta, filwaqt li l-proprjetarju ta’ karozza simili importata minn Stat Membru ieħor jista’ juża din il-karozza biss matul 90 ġurnata qabel ma jkollu jirreġistraha u, għalhekk, għandu jħallas l-imsemmija taxxa tal-boll ambjentali. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Curtea de Apel Cluj (qorti ta’ appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
18 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 110 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li Stat Membru jistabbilixxi taxxa fuq il-karozzi li tolqot il-karozzi użati importati meta jiġu rreġistrati għall-ewwel darba f’dan l-Istat Membru u l-karozzi diġà rreġistrati fl-imsemmi Stat Membru meta jsir l-ewwel trasferiment f’dan l-Istat tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru jeżenta minn din it-taxxa l-karozzi diġà rreġistrati li fir-rigward tagħhom tħallset taxxa preċedentement fis-seħħ u li ma ġietx imħallsa lura, meta l-ammont residwu ta’ din l-aħħar taxxa inkorporata fil-valur ta’ dawn il-karozzi jkun inqas mill-ammont tat-taxxa l-ġdida. |
19 |
Għandu jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 110 TFUE huwa li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Huwa intiż sabiex jelimina kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tassazzjoni interna diskriminatorja fir-rigward ta’ prodotti provenjenti minn Stati Membri oħra (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi lil kull Stat Membru milli jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ogħla minn dawk imposti fuq prodotti nazzjonali simili. |
21 |
F’dan il-każ u fir-rigward tal-bejgħ tal-karozzi użati biss, li huma s-suġġett ta’ dawn id-domandi preliminari, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-OUG Nru 9/2013 jistabbilixxi taxxa, it-taxxa tal-boll ambjentali, miġbura, minn naħa, minn fuq il-karozzi użati importati meta jiġu rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, fuq il-karozzi diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru meta jsir l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn il-karozzi f’dan l-istess Stat Membru. |
22 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4(c) tal-OUG Nru 9/2013 jeżenta mill-imsemmija taxxa tal-boll ambjentali t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-karozzi użati nazzjonali li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija diġà tat lok għall-ħlas tat-taxxa speċjali, tat-taxxa fuq it-tniġġis jew tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu, b’eċċezzjoni għall-każijiet, imsemmija fil-punt (d)( ta’ dan l-artikolu, fejn qorti tkun ordnat il-ħlas lura tat-taxxa kkonċernata. |
23 |
Sabiex jiġi kkonstatat jekk sistema fiskali, bħal dik stabbilita permezz tal-OUG Nru 9/2013, toħloqx diskriminazzjoni kuntrarja għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, l-effett ta’ din it-taxxa fuq il-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri minbarra r-Rumanija u l-karozzi nazzjonali suġġetti għall-imsemmija taxxa. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi eżaminata n-newtralità ta’ din is-sistema fuq il-kompetizzjoni bejn l-ewwel karozzi u l-karozzi simili nazzjonali li jibbenefikaw mill-eżenzjoni deskritta fil-punt preċedenti. |
24 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-karozzi użati provenjenti minn Stat Membri oħra, li jikkostitwixxu l-“prodotti ta’ Stati Membri oħra”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-karozzi mqiegħda għall-bejgħ fl-Istati Membri minbarra l-Istat Membru kkonċernat u li jistgħu, fil-każ ta’ xiri minn resident ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jiġu importati u jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni fih, filwaqt li l-vetturi simili nazzjonali, li jikkostitwixxu l-“prodotti [...] nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, huma l-karozzi użati tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs li jitqiegħdu għall-bejgħ f’dan l-Istat Membru (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
Konsegwentement, ma hemmx lok li n-newtralità rikjesta mill-Artikolu 110 TFUE tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karozzi li jiċċirkulaw fir-Rumanija li ma jitqegħdux għall-bejgħ. Għalhekk, minħabba l-fatt innifsu li dawn ma humiex disponibbli fis-suq, dawn il-karozzi ma jinsabux f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ karozzi oħra, sew ma’ dawk disponibbli fis-suq nazzjonali sew dawk disponibbli fis-suq ta’ Stati Membri oħra (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 32). |
Fuq in-newtralità fiskali tat-taxxa tal-boll ambjentali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri oħra u l-vetturi simili Rumeni diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru i li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista mill-OUG Nru 9/2013
26 |
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 110 TFUE, u b’mod partikolari għall-ħtiġijiet tal-paragun bejn it-tassazzjoni tal-vetturi użati importati u tal-vetturi użati diġà preżenti fit-territorju nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss ir-rata tat-taxxa kkonċernata, jiġifieri t-taxxa tal-boll ambjentali, iżda wkoll il-bażi u l-modalitajiet tagħha (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax jiġbor taxxa fuq il-karozzi użati importati stmata fuq valur ogħla mill-valur reali tal-karozza, bil-konsegwenza ta’ tassazzjoni ogħla minn dik tal-karozzi simili disponibbli fis-suq nazzjonali. Għalhekk, sabiex tiġi evitata tassazzjoni diskriminatorja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-deprezzament reali tal-karozzi (sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma għandux neċessarjament jagħti lok għal evalwazzjoni jew għal kontroll ta’ kull karozza. Fil-fatt, billi jevita t-toqol inerenti għal sistema bħal din, Stat Membru jista’ jistabbilixxi, permezz ta’ skali fissi stabbiliti minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u kkalkolati fuq il-bażi ta’ kriterji bħall-età tal-karozza, il-kilometraġġ, l-istat ġenerali, il-mod ta’ propulsjoni, id-ditta jew il-mudell tal-karozza, valur tal-karozzi użati li, bħala regola ġenerali, ikun qrib ħafna għall-valur reali tagħhom (ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
F’dan il-każ, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet sottomessi mill-Gvern Rumen, li l-veraċità tagħhom għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-ammont tat-taxxa tal-boll ambjentali huwa stabbilit konformement ma’ skala li tinkludi kriterji oġġettivi u trasparenti, bħaċ-ċilindrata, l-istandard ta’ tniġġis Euro jew l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozza kkonċernata, kif ukoll iż-żmien u l-kilometraġġ ta’ din il-karozza. Barra minn hekk, fil-każ li l-persuna taxxabbli tqis li din l-iskala ma tirriflettix id-deprezzament reali tal-vettura, hija tista’ titlob li dan jiġi ddeterminat permezz ta’ kontroll li l-ispejjeż tiegħu, li għandhom jitħallsu mill-persuna taxxabbli, ma jistgħux ikunu ogħla mill-ispiża tal-operazzjonijiet marbuta mal-kontroll. |
30 |
Bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, għaldaqstant jidher li l-OUG Nru 9/2013 jiggarantixxi li l-ammont tat-taxxa tal-boll ambjentali jitnaqqas skont approssimazzjoni raġonevoli tal-valur reali tal-vettura (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, punt 44, u tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 38). |
31 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għat-taxxa speċjali, it-taxxa fuq it-tniġġis u t-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul il-perijodu mit-13 ta’ Jannar 2012 sal-1 ta’ Jannar 2013, it-taxxa tal-boll ambjentali hija imposta skont l-istess metodu ta’ kalkolu, minn naħa, il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri oħra meta jiġu rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija u, min-naħa l-oħra, il-karozzi diġà rreġistrati fir-Rumanija meta jsir l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-karozzi użati f’dan l-Istat Membru li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni deskritta fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. |
32 |
Konsegwentement, u dejjem suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-piż fiskali li jirriżulta mill-OUG Nru 9/2013 huwa l-istess għall-persuni taxxabbli li xtraw karozza użata provenjenti minn Stat Membru minbarra r-Rumanija u li jirreġistrawha f’dan l-aħħar Stat Membru, u għall-persuni taxxabbli li xtraw fir-Rumanija karozza użata diġà irreġistrata f’dan l-Istat Membru, li fir-rigward tagħha hemm lok li jsir l-ewwel trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà mingħajr ma jibbenefikaw mill-eżenzjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ġaladarba din l-aħħar vettura kienet, meta nġabret it-taxxa tal-boll ambjentali, tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs għall-vettura provenjenti minn Stat Membru ieħor. |
33 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li sistema ta’ tassazzjoni, bħal dik stabbilita mill-OUG Nru 9/2013, hija newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri minbarra r-Rumanija u l-karozzi simili nazzjonali diġà rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat u li ma humiex eżentati mit-taxxa stabbilita minn dan id-digriet. |
Fuq in-newtralità tat-taxxa tal-boll ambjentali fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-karozzi użati provenjenti minn Stati Membri oħra u l-vetturi simili Rumeni diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru u li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista mill-OUG Nru 9/2013
34 |
Kif ġie indikat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4(c) tal-OUG Nru 9/2013 jeżenta mill-ħlas tat-taxxa tal-boll ambjentali t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-karozzi użati nazzjonali li r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Rumanija diġà tat lok għall-ħlas tat-taxxa speċjali, tat-taxxa fuq it-tniġġis jew ulterjorment tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu, b’eċċezzjoni tal-każijiet, imsemmija fil-punt (d) ta’ dan l-artikolu, fejn qorti Rumena tkun ordnat, fir-rigward ta’ karozza speċifika, il-ħlas lura tat-taxxa kkonċernata. |
35 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi relatati mat-taxxa fuq it-tniġġis miġbura skont l-OUG Nru 50/3008 u mat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu miġbura skont il-Liġi Nru 9/2012, skont kif ġiet parzjalment sospiża mill-OUG Nru 1/2012 (reġistrazzjoni tal-karozzi għall-perijodu mit-13 ta’ Jannar 2012 sal-1 ta’ Jannar 2013), jirriżulta mingħajr ekwivoku li dawn it-taxxi kienu inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE (sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466; digriet tat-3 ta’ Frar 2014, Câmpean u Ciocoiu, C‑97/13 u C‑214/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:229). |
36 |
B’mod analogu, it-taxxa speċjali għandha titqies bħala inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE ġaladarba kienet tippreżenta karatteristiċi identiċi għal dawk tal-OUG Nru 50/2008, inkompatibbli ma’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 45). It-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu miġbura skont il-Liġi Nru 9/2012, fil-verżjoni tagħha applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-15 ta’ Marzu 2013, ukoll hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE minħabba l-modalitajiet li bihom tiġbor id-dovut, u b’mod partikolari minħabba l-fatt li hija kienet tinġabar biss fuq il-karozzi użati nazzjonali li fir-rigward tagħhom ebda waħda mit-taxxi fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi preċedentement fis-seħħ fir-Rumanija ma tkun tħallset (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punti 47 sa 50). |
37 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li sistema ta’ tassazzjoni li tipprevedi li l-karozzi użati li kienu ġew suġġetti għal tali taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu eżentati minn taxxa ġdida, f’dan il-każ it-taxxa tal-boll ambjentali, hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punti 47 sa 51). |
38 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tat-taxxa miġbura mar-reġistrazzjoni ta’ karozza jiġi inkorporat fil-valur ta’ din il-karozza. Meta karozza rreġistrata bi ħlas ta’ taxxa fi Stat Membru tinbiegħ, sussegwentement, bħala karozza użata f’dan l-Istat Membru, il-valur fis-suq tagħha jinkludi l-ammont residwu ta’ din it-taxxa. Jekk l-ammont tat-taxxa imposta, fid-data tar-reġistrazzjoni tagħha, fuq karozza importata tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs ikun ogħla mill-imsemmi ammont residwu, ikun hemm ksur tal-Artikolu 110 TFUE (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, X, C‑437/12, EU:C:2013:857, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Għaldaqstant, taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, għandha titħallas lura bl-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C‑565/11, EU:C:2013:250, punti 20 u 21, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2014, Nicula, C‑331/13, EU:C:2014:2285, punti 27 u 28) u l-ammont tagħha għandu, konsegwentement, jitqies li ma għadux inkorporat fil-valur fis-suq tal-karozzi li fuqhom hija imposta din it-taxxa. Peress li l-ammont residwu tal-imsemmija taxxa fil-valur ta’ dawn il-karozzi huwa ta’ żero, dan l-ammont huwa għaldaqstant neċessarjament inqas mit-taxxa l-ġdida, f’dan il-każ it-taxxa tal-boll ambjentali, imposta fuq karozza użata importata tal-istess tip, tal-istess karatteristiċi u ta’ deprezzament indaqs (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 50). |
40 |
Ċertament, fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 4(d) tal-OUG Nru 9/2013 jittratta s-sitwazzjoni li fiha, fir-rigward ta’ vettura speċifika, it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni imposta fuqha tkun effettivament tħallset lura u jipprevedi li, f’dan il-każ, it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq il-vettura kkonċernata jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa tal-boll ambjentali. |
41 |
Madankollu, għandu jitqies li l-ammont residwu ta’ taxxa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma jibqax jiġi inkorporat fil-valur fis-suq ta’ vettura ġaladarba l-proprjetarju ta’ din il-vettura jkollu, skont dan id-dritt, il-possibbiltà li jikseb il-ħlas lura ta’ din it-taxxa, indipendentement mill-fatt jekk hija effettivament tħallsitx lura jew le fid-data tal-bejgħ tal-imsemmija vettura. |
42 |
Fil-fatt, din is-sempliċi possibbiltà hija tali li tinċentiva lill-proprjetarji tal-vetturi użati Rumeni kkonċernati sabiex jitolbu, għal dawn il-vetturi, anki jekk it-taxxa kkonċernata ma tkunx għadha tħallset lura, prezz tal-bejgħ li ma tiħux lil din it-taxxa inkunsiderazzjoni. Issa, fil-każ fejn it-taxxa ma tkunx għadha tħallset lura, ix-xerrejja tal-imsemmija vetturi jiġu eżentati mit-taxxa tal-boll ambjentali skont l-Artikolu 4(c) tal-OUG Nru 9/2013. Min-naħa l-oħra, il-vetturi użati importati minn Stat Membru ieħor jiġu fi kwalunkwe każ suġġetti għat-taxxa tal-boll ambjentali prevista mill-OUG Nru 9/2013 meta ssir ir-reġistrazzjoni, fir-Rumanija, tad-dritt ta’ proprjetà fuq dawn il-vetturi. B’hekk, eżenzjoni bħal dik li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni hija tali li tikseb vantaġġ kompetittiv lill-vetturi użati diġà preżenti fis-suq Rumen u, għalhekk, li tiskoraġġixxi l-importazzjoni ta’ vetturi simili minn Stati Membri oħra. |
43 |
Fid-dawl tal-argumenti esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens:
|
Fuq l-effett ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Fl-ipoteżi fejn is-sentenza li għandha tingħata tiddeċiedi li sistema ta’ tassazzjoni, bħal dik stabbilita mill-OUG Nru 9/2013, hija inkompatibbli mal-Artikolu 110 TFUE, il-Gvern Rumen talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha ratione temporis. Fil-fatt, dan il-gvern isostni li din is-sentenza tista’ tikkawża diffikultajiet serji għall-ekonomija Rumena. |
45 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, għandha tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata għal rapporti ġuridiċi li jinħolqu u jiġu stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għall-interpretazzjoni, jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu sodisfatti (ara, s-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et, 24/86, EU:C:1988:43, punt 27; tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punt 50, kif ukoll tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 53). |
46 |
Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tasal sabiex tillimita l-possibbiltà li tiġi invokata dispożizzjoni li hija tkun interpretat. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, EU:C:2006:6, punt 51, kif ukoll tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 54). |
47 |
Barra minn hekk, limitazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tiġi aċċettata biss fis-sentenza nnifisha li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fil-kawża prinċipali, fir-rigward tar-riperkussjonijiet ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minn inkompatibbiltà tas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita mill-OUG Nru 9/2013 mal-Artikolu 110 TFUE, il-Gvern Rumen ippreżenta stima li skontha l-ħlas lura bl-interessi tas-somom miġbura taħt it-taxxi fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi jammonta għal RON 6504429857.47 (madwar EUR 1448341039). Il-ħlas lura ta’ tali somom ikollu bħala konsegwenza żieda ta’ 0.9 % fid-defiċit baġitarju tal-Istat Rumen previst għas-sena 2015, li jitla’ minn 1.83 % għal 2.7 % tal-GDP ta’ dan l-Istat. |
49 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-osservazzjonijiet tal-Gvern Rumen huma ambigwi fuq il-punt dwar jekk din l-istima tirrigwardax biss il-ħlas lura tas-somom miġbura taħt it-taxxa tal-boll ambjentali previst mill-OUG Nru 9/2013 jew tas-somom miġbura mill-Istat Rumen għat-taxxi kollha fuq ir-reġistrazzjoni, jiġifieri wkoll it-taxxa speċjali, it-taxxa fuq it-tniġġis u t-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu. |
50 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, taċitament jew espressament irrifjutat li tillimita ratione temporis kemm l-effett tas-sentenzi li jenfasizzaw l-inkompatibbiltà ta’ dawn it-taxxi mad-dritt tal-Unjoni (fir-rigward tat-taxxa fuq it-tniġġis prevista mill-OUG Nru 50/2008, ara s-sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Tatu, C‑402/09, EU:C:2011:219, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Nisipeanu, C‑263/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:466, punti 34 sa 38; fir-rigward tat-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu miġbura skont il-Liġi Nru 9/2012, fil-verżjonijiet differenti tagħha, ara d-digriet tat-3 ta’ Frar 2014, Câmpean u Ciocoiu, C‑97/13 u C‑214/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:229, punti 37 sa 42, kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Manea, C‑76/14, EU:C:2015:216, punti 56 sa 59) kif ukoll dawk li jindikaw li dawn it-taxxi jmisshom ġew irrimborsati bl-interessi (ara s-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Irimie, C‑565/11, EU:C:2013:250, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Nicula, C‑331/13, EU:C:2014:2285, punti 40 sa 42). |
51 |
F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li l-Istat Rumen dam fil-ħlas lura tas-somom miġbura taħt it-taxxa speċjali, it-taxxa fuq it-tniġġis u t-taxxa fuq l-emissjonijiet li jniġġsu ma tistax tiġġustifika li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis. |
52 |
Għalhekk il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji ma tistax titqies li ġiet stabbilita. Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kriterju ta’ bona fide tal-partijiet ikkonċernati ġiex issodisfatt. |
53 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis. |
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 110 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.