EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0574

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna SA vs Prezes Urzędu Regulacji Energetyki.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku fit-tul – Kumpens imħallas fil-każ ta’ xoljiment volontarju – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern – Verifika tal-legalità ta’ għajnuna mill-qorti nazzjonali – Aġġutament annwali tal-ispejjeż mhux rekuperabbli – Mument tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-appartenenza ta’ prodottur ta’ enerġija lil grupp ta’ impriżi.
Kawża C-574/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:686

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Ftehimiet ta’ xiri ta’ elettriku fit-tul — Kumpens imħallas fil-każ ta’ xoljiment volontarju — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern — Verifika tal-legalità ta’ għajnuna mill-qorti nazzjonali — Aġġustament annwali tal-ispejjeż mhux rekuperabbli — Mument tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-appartenenza ta’ prodottur ta’ enerġija lil grupp ta’ impriżi”

Fil-Kawża C‑574/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A.

vs

Prezes Urzędu Regulacji Energetyki

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, F. Biltgen, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna SA, minn A. Jodkowski, avukat,

għall-Prezes Urzędu Regulacji Energetyki, minn Z. Muras u M. A. Walkiewicz, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz kif ukoll minn E. Gromnicka, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. Němečková kif ukoll minn R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/287/KE, tal-25 ta’ Settembru 2009, dwar għajnuna mill-istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (ĠU 2009, L 83, p. 1).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A. (iktar ’il quddiem “PGE”) u l-Prezes Urzędu Regulacji Energetyki (president tal-awtorità li tirregola s-settur tal-enerġija, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-president tal-URE”) fuq is-suġġett tal-iffissar tal-ammont tal-aġġustament annwali tal-kumpens, għall-2009, li bih PGE hija eliġibbli skont li-ispejjeż imsejħa spejjeż “mhux rekuperabbli” (stranded costs).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Komunikazzjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mas-CTC

3

Id-Direttiva 96/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3) ġiet adottata sabiex jiġi żgurat suq tal-elettriku kompetittiv. It-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ġiet akkumpanjata, f’xi Stati Membri, minn għajnuna pubblika għal impriżi nazzjonali attivi fis-settur tal-elettriku.

4

F’dan il-kuntest, fis-26 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mhux rekuperabbli (iktar ’il quddiem, il-“metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli”).

5

Skont is-sitt paragrafu tal-punt 2 tal-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, l-għan tagħha huwa li tindika kif il-Kummissjoni beħsiebha tapplika r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna maħsuba biex jikkumpensaw l-ispiża ta’ impenn jew garanziji esposti għar-riskju li ma jkunux jistgħu jiġu onorati minħabba l-ftuħ għall-kompetittività tas-settur Ewropew tal-elettriku stabbilit mid-Direttiva 96/92/KE.

6

Il-punt 3 ta’ din il-metodoloġija jispeċifika li l-kunċett ta’ “spejjeż mhux rekuperabbli” jirrigwarda l-impenji jew garanziji ta’ operazzjoni li jistgħu, fil-prattika, ikollhom diversi forom, u b’mod partikolari kuntratti ta' xiri fit-tul, investimenti mwettqa b'garanzija impliċita jew espliċita ta’ swieq kif ukoll investimenti barra mill-attività normali. B’mod partikolari, il-punt 3.3 tal-imsemmi metodoloġija jipprovdi li, sabiex jikkostitwixxu spejjeż mhux rekuperabbli eliġibbli li jistgħu jiġu rrikonoxxuti mill-Kummissjoni, dawn l-impenji jew garanziji ta’ operazzjoni għandhom:

“[...] iridu jkunu suġġetti għar-riskju li ma humiex se jkunu onorati minħabba d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/92/KE. Konsegwentement, biex jikkwalifikaw bħala spejjeż mhux rekuperabbli, l-impenji jew il-garanziji jridu jsiru non-ekonomiċi minħabba l-effetti tad-Direttiva 96/92/KE u jridu jinfluwenzaw il-kompetittività tal-impriża kkonċernata b’mod sinjifikattiv. Sitwazzjoni bħal din trid, b’mod partikolari, iġġiegħel lill-intrapriża konċernata tagħmel l-entraturi kontabbli meħtieġa (pereżempju l-proviżjonijiet) maħsuba biex jilqgħu għall-impatt prevedibbli tal-impenji jew il-garanziji.

Speċjalment fejn, bħala riżultat tal-impenji jew il-garanziji kkonċernati, il-vijabbiltà tal-impriżi tista’ tkun ipperikolata minħabba n-nuqqas ta’ għajnuna jew miżuri tranżitorji, l-impenji jew il-garanziji jitqiesu li jissodisfaw il-ħtiġiet stipulati fil-paragrafu preċedenti.

L-effett ta’ dawn l-impenji jew il-granziji fuq il-kompetittività jew il-vijabilità ta’ l-intrapriżi kkonċernati jkun valutat fil-livell tal-intrapriżi kkonsolidati. Biex impenji jew garanziji jikkostitwixxu spejjeż mhux rekuperabbli, trid tkun teżisti l-possibbiltà li tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 96/92 u d-diffikultà li għandhom l-intrapriżi kkonċernati biex jonoraw jew jaċċertaw rispett lejn l-impenji u l-garanziji konċernati. Biex tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ kawża u effett, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull waqgħa fil-prezzijiet tal-elettriku jew telf fis-suq tal-ishma li jkunu sofrew l-impriżi kkonċernati. L-impenji u l-garanziji li ma setgħux kienu onorati irrispettivament mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva ma jikkostitwixxux għajnuna mhux rekuperabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7

Skont il-punti 4.2, 4.3 u 4.5 li jinsabu taħt il-ħames paragrafu tal-punt 4 tal-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli:

“4.2

L-arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna jridu jippermettu li jitqiesu l-iżviluppi ġejjiena fil-qasam tal-kompetittività. Dawn l-żviluppi ‘jistgħu jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’ fatturi kwantifikabbli (prezzijiet, l-ishma fis-suq, fatturi rilevanti oħra indikati mill-Istat Membru)’ Minħabba li t-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-kompetittività għandhom effett dirett fuq l-ammont tal-ispejjeż mhux rekuperabbli eliġibbli, l-ammont tal-għajnuna mħallas għandu bilfors ikun ikkondizzjonat mill-iżvilupp ta’ kompetittività ġenwina, u fil-kalkolu ta' għajnuna mħallsa tul perjodu ta’ żmien għandu jitqies it-tibdil fil-fatturi rilevanti biex jitkejjel il-grad miksub ta’ kompetittività.

4.3

L-Istat Membru jrid jaċċetta li jibgħat rapport annwali lill-Kummissjoni li fih, b’mod partikolari, jiddeskrivi l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tal-kompetittività fis-suq tal-elettriku tiegħu billi jissemma, fost ħwejjeġ oħra, it-tibdil osservat fil-fatturi kwantifikabbli rilevanti. Dan ir-rapport annwali għandu jagħti dettalji dwar kif ġew ikkalkulati l-ispejjeż mhux rekuperabbli meqjusa għas-sena rilevanti kif ukoll jispeċifika l-ammonti ta’ għajnuna mħallsa.

[...]

4.5

L-ikbar ammont ta’ għajnuna li jista’ jitħallas lil impriża partikolari sabiex ikunu kkumpensati l-ispejjeż mhux rekuperabbli jrid ikun speċifikat bil-quddiem. F’dan l-ammont irid jitqies il-qligħ mill-produttività li tista’ tagħmel l-impriża.

Bl-istess mod, il-modalitajiet preċiżi ta’ kalkolu u finanzjament ta’ għajnuna maħsuba sabiex tikkumpensa l-ispejjeż mhux rekuperabbli kif ukoll il-perjodu massimu ta’ żmien li għalih tista’ titħallas din l-għajnuna jridu jkunu speċifikati b’mod ċar bil-quddiem. In-notifika ta’ din l-għajnuna għandha tispeċifika b’mod partikolari b’liema mod il-kalkolu tal-ispejjeż mhux rekuperabbli għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-diversi fatturi msemmija fil-punt 4.2.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2009/287

8

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/87, dwar fetihimiet ta’ xiri tal-eletteriku fit-tul konklużi bejn l-operatur pubbliku tan-netwerk tal-elettriku Pollakk, Polskie Sieci Elektroenergetyczne S.A. (iktar 'il quddiem “PSE”) u ċertu numru ta’ kumpanniji attivi fil-qasam ikkonċernat, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija bejn [PSE] u l-kumpaniji indikati fl-Anness 1 ta’ [Ustawa o zasadach pokrywania kosztów powstałych u wytwórców w związku z przedterminowym rozwiązaniem umów długoterminowych sprzedaży mocy i energii elektrycznej (Att dwar ir-regoli li jirregolaw il-ħlas tal-ispejjeż magħmula minn intrapriżi in konnessjoni mat-terminazzjoni bikrija tal-Ftehimiet tax-Xiri tal-Enerġija fit-tul], tad-29 ta’ Ġunju 2007 (Dz. U. tal-2007, Nru 130, pożizzjoni 905, iktar 'il quddiem il-“liġi KDT”)] jikkostitwixxu [sa mill-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea] għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE lill-ġeneraturi tal-elettriku.

“2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 1(1) ingħatat illegalment u hija inkompatibbli mas-suq komuni.”

9

L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“1.   Il-kumpens provdut fl-att [KDT] jikkostitwixxi għajnuna mill-istat fis-sens tal-Artikolu [107TFUE] lill-ġeneraturi tal-elettriku elenkati fl-Appendiċi 2 ta’ dak l-Att.

2.   L-għajnuna mill-istat imsemmija fl-Artikolu 4(1) hija kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Metodoloġija tal-Ispejjeż Mhux Irkuprabbli.

3.   L-ammont massimu tal-kumpens provdut fl-Att [KDT] għandu jkun l-ammont wara li jitnaqqas id-dħul totali ġġenerat mill-assi taħt il-PPAs u li huwa disponibbli biex jitħallsu l-ispejjeż tal-investiment.”

Id-dritt Pollakk

10

Fis-snin 90, il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura Pollakka tal-elettriku kienet tirrikjedi investimenti kunsiderevoli. Peress li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi nazzjonali ma kinitx tippermetti li jsiru tali investimenti, dawn il-produtturi kkonkludew ftehimiet ta’ xiri tal-elettriku fit-tul ma’ PSE (iktar 'il quddiem l-FXE”).

11

Skont dawn il-ftehimiet, il-ġeneraturi tal-elettriku kkonċernati jintrabtu li joholqu kapaċità ġdida ta’ produzzjoni, li jimmodernizzaw it-tagħmir u jipprovdu lil PSE b’volum minimu fiss ta’ elettriku mill-impjant inkwistjoni. PSE, min-naħa tagħha, qablet li tixtri, mill-inqas, l-ammont minimu ta’ elettriku miftiehem għal prezz ibbażat fuq il-prinċipju li -ispejjeż jgħaddu fuq il-klijent.

12

Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92, il-liġi KDT tipprovdi l-possibbiltà għall-produtturi msemmija fl-Anness 1 li jxolju l-FXE konklużi ma’ PSE.

13

B’mod partikolari, il-liġi KDT stabbiliet, għal produtturi li jkunu xoljew min-naħa tagħhom l-imsemmija ftehimiet, dritt għal kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli, konformememt mal-kundizzjonijiet li jipprevedu. Dawn il-produtturi tal-elettriku, li kienu partijiet għal FXE, jistgħu jibbenefikaw minn tali kumpens kull sena, fil-prinċipju għal perijodu li jikkorrispondi ma’ dak ta’ FXE xolt qabel iż-żmien.

14

Konformememt mal-liġi KDT, il-kumpens għandu jkopri l-ispejjeż mhux rekuperabbli. B’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst minn din il-liġi jipprevedi l-ħlas lill-produttur bil-quddiem għall-ispejjeż mhux rekuperabbli sal-ammont propost, madanakollu, ma għandux jaqbeż dak previst fl-imsemmija liġi, sussegwentement clearance annwali tal-ammont tad-depożitu mħallas mill-President tal-URE abbażi b’mod partikolari, tar-riżultati finanzjarji attwali.

15

Għal dan il-għan, il-President tal-URE jistabbilixxi l-ammont tal-kumpens dovut għal sena partikolari. Għalhekk, jew il-produttur huwa obbligat li jħallas lura parti mill-ħlas bil-quddiem lis-sistema, jew hija tingħata riżorsi addizzjonali. Insegwitu, fl-aħħar tal-perijodu ta’ aġġustament, dikjarazzjoni finali tal-ammonti mħallsa u dovuti lill-produttur hija mwettqa bħala aġġustament finali.

16

L-Artikolu 2(12) tal-liġi KDT jiddefinixxi “l-ispejjeż mhux rekuperabbli” bħala l-ispejjeż tal-produttur li ma humiex koperti mid-dħul mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat, ir-riservi ta’ kapaċità u s-servizzi anċillari fis-suq kompetittiv wara t-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt fit-tul, li jikkostitwixxu spejjeż tal-produttur għall-assi allokati għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, inkorsi qabel l‑1 ta’ Mejju 2004.

17

L-Artikolu 32(1) tal-liġi KDT, li jirregola l-mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-aġġustament tal-ispejjeż mhux rekuperabbli mill-prodotturi li jagħmlu parti minn grupp ta’ impriża, jipprevedi li:

“F’każ li l-produttur li kkonkluda x-xoljiment ta’ kuntratt jifforma parti minn grupp, meta jinħadmu l-ispejjeż mhux rekuperabbli għandhom jitqiesu d-daqsijiet indikati permezz tal-ittri ‘N’, ‘SD’, ‘R’ u ‘P’, li jirreferi għalihom l-Artikolu 27(1), fir-rigward ta’ kull produttur u kull impriża li jiffurmaw parti mill-grupp li jwettaq attività ekonomika ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fit-territorju tal-Polonja fl-unitajiet ta’ produzzjoni elenkati fl-Anness 7 ta’ din il-liġi”.

18

L-Anness 1 tal-liġi KDT fih lista ta’ produtturi li huma partijiet għal FXE u jispeċifika l-unitajiet ta’ produzzjoni kkonċernati minn dawn il-ftehimiet.

19

L-Anness 7 ta’ din il-liġi fih lista tal-unitajiet ta’ produzzjoni meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ispejjeż mhux rekuperabbli tal-produtturi u li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-aġġustamenti tal-ispejjeż mhux rekuperabbli.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li PGE, li eżerċitat, fiż-żmien tal-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-attivitajiet tagħha taħt l-isem ta’ Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A. u Elektrownia Bełchatów S.A. (iktar ’il quddiem “ELB”) ma kinux parti mill-istess grupp ta' impriżi waqt il-perijodu li matulu PGE ħadet l-impenji fosthom ir-rimbors li ħoloq l-ispejjeż mhux rekuperabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Zespół Elektrowni Dolna Odra S.A. tinsab fl-Anness 1 tal-liġi KDT kemm bħala produttur u parti għal PPA ma’ PSE. Dwar ELB, l-unitajiet ta’ produzzjoni tagħha kienu elenkati fl-Anness 7 ta’ din il-liġi u din il-kumpanija kienet ippreżentata hemmhekk bħala parti mill-kumpannija holding BOT, jiġifieri grupp ieħor minn dak li PGE tappartjeni. Madankollu, fid-data tal-adozzjoni tal-liġi KDT, kif ukoll f’dik tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/287, PGE u ELB kienu parti mill-istess grupp.

21

ELB ma kinitx parti f’FXE ma’ PSE, u, għaldaqstant, ma kellhiex l-istatus ta’ “produttur’, fis-sens tal-liġi KDT. Hija kellha, min-naħa l-oħra, dik ta’ “entità”, fis-sens tal-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, li r-riżultat finanzjarju tagħha kien meħud inkunsiderazzjoni waqt l-aġġustament tal-ispejjeż mhux rekuperabbli ta’ produttur li jaqa fl-imsemmija liġi.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010, il-President tal-URE stabbilixxa l-ammont tal-aġġustament annwali tal-ispejjeż mhux rekuperabbli għal PGE għal PLN 24077793 (zloty Pollakki) (madwar EUR 4988900 euro) għall-2009. Skont l-Artikolu 32 tal-liġi KDT, huwa aġġusta l-ispejjeż mhux rekuperabbli ta’ PGE, li kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi. Skont il-konstatazzjonijiet tal-President tal-URE, ELB kienet tappartjeni, matul l-2009, għall-istess grupp ta’ impriżi bħal PGE u ħadet sehem fl-iskema ta’ għajnuna mill-Istat, mingħajr ma rċeviet riżorsi sabiex tkopri l-ispejjeż mhux rekuperabbli.

23

PGE ppreżentat rikors għar-riforma ta’ din id-deċiżjoni tal-President tal-URE quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja). B’mod partikolari, hija talbet l-iffissar tal-aġġustament annwali tal-ispejjeż mhux rekuperabbli għas-somma ta’ PLN 116985205 (madwar EUR 26435046) jew l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kollha kemm hi. Fir-rikors tagħha, PGE sostniet li l-Artikolu 32(1) tal-liġi KDT kienet tapplika esklużivament għal entitajiet indikati bħala li jikkostitwixxu grupp ta’ impriżi fl-Anness 7 ta’ din il-liġi. Skont PGE, sal-punt li, skont dan l-anness, ELB ma kinitx parti mill-grupp ta’ impriżi bħal dik li tappartjeni għalih PGE, il-President tal-URE ma kienx intitolat li jaġġusta l-ispejjeż mhux rekuperabbli għaliha billi jqis ir-riżultat finanzjarju ta’ ELB.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2012, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (qorti reġjonali ta’ Varsavja) laqgħet ir-rikors ta’ PGE u ffissat l-ammont tal-aġġustament tal-ispejjeż mhux rekuperabbli fis-somma ta’ PLN 116985205 PLN (madwar EUR 26435046).

25

Il-President tal-URE appella minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja, il-Polonja), li ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013. F’din is-sentenza, il-qorti tal-appell qieset li, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, waqt l-aġġustament tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, ir-riżultat finanzjarju reali ta’ entità oħra, kien meħtieġ li din l-entità tkun parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħal PGE fil-mument tal-adozzjoni tal-liġi KDT. Madankollu, skont l-Anness 7 ta’ din il-liġi, li għalih jirreferi l-Artikolu 32 tiegħu, ELB ma għandhiex titqies bħala li tagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħal PGE għall-kalkolu tal-aġġustament tal-kumpens tal-ispejjeż mhux rekuperabbli.

26

Fil-15 ta’ Lulju 2013, il-President tal-URE ppreżenta rikors fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema, il-Polonja) kontra s-sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (qorti tal-appell ta’ Varsavja) tas-17 ta’ Jannar 2013. Huwa jsostni li sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “grupp ta' impriżi” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-liġi KDT, ma hemmx iktar lok li jsir riferiment għall-Anness Nru 7 tal-liġi KDT, iżda li jittieħed inkunsiderazzjoni l-uniċi entitajiet li jappartjenu lil grupp ta’ impriżi speċifiku fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

27

Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 3.3 u 4.2 tal-metodoloġija tal-ispejjez mhux rekuperabbli, ikun meħtieġ li jiġu kkalkulati dawn l-ispejjeż billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza ta’ produtturi ta’ enerġija li jaqgħu taħt il-liġi KDT għal grupp ta’ impriżi għal kull sena li għaliha l-aġġustament ta’ spejjeż mhux rekuperabbli huwa magħmul. Issa, peress li PGE kient tappartjeni, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-URE, lill-istess grupp ta’ impriżi bħal ELB, ir-riżultat finanzjarju ta’ dan tal-aħħar għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-aġġustament tal-ammont ta’ spejjez mhux rekuperabbli ta’ PGE.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Najwyższy (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Settembru 2007 [2009/287] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-Kummissjoni tqis għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq komuni, il-qorti nazzjonali ma tkunx awtorizzata tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali meqjusa bħala għajnuna mill-Istat awtorizzata jikkonformawx mal-prinċipji tal-[metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli]?

2)

L-Artikolu 107 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta ‘Settembru 2007, [2009/287] interpretati fid-dawl tal-punti 3.3 u 4.2 tal-metodoloġija tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati [mhux rekuperabbli], għandu jinftiehem fis-sens li, waqt l-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat meqjusa mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni, l-aġġustament annwali tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għal produtturi li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi jitwettaq billi wieħed jippresupponi li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik tal-appartenenza tal-produttur fi grupp ta’ impriżi konformement mal-preżentazzjoni fl-annessi tal-att legali evalwat mill-Kummissjoni, jew tabilħaqq fis-sens li għal kull sena li għaliha jitwettaq l-aġġustament tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-appartenenza effettiva, f’dak il-mument, tal-benefiċjarju tal-iskema ta’ għajnuna mill-Istat marbuta ma’ spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, fi grupp ta’ impriżi flimkien ma’ produtturi oħra li jaqgħu taħt din l-iskema?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107 TFUE u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat UE, flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/287, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta l-Kummissjoni eżaminat skema ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-metodoloġija u qieset li hija kompatibbli mas-suq intern qabel l-implementazzjoni taghħa, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom min-naħa tagħhom, matul l-implementazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, jivverifikaw il-konformità tiegħu mal-prinċipji stabbiliti f’din il-metodoloġija.

30

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qafas tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-trattat FUE l-qrati nazzjonali, minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, għandhom rwoli komplementari, iżda distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw, sad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, id-drittijiet tal-individwi fil-każ ta’ ksur eventwali, mill-awtoritajiet tal-Istat, tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C-284/12, EU:C:2013:755; punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal dan il-għan, huma jistgħu jiddeċiedu fuq kawżi fejn għandhom l-obbligu li jinterpretaw u li japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, imsemmi fl-Artikolu 107(1)TFUE sabiex jiddeterminaw jekk miżura meħuda mill-Istat, li tittieħed mingħajr kunsiderazzjoni tal-proċedura ta’ kontroll preliminari previst fl-Artikolu 108(3) TFUE taqax jew le taħt dan l-Artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, EU:C:2007:434, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Min-naħa l-oħra, il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, din l-evalwazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, EU:C:2007:434, punti 51 u 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C-284/12, EU:C:2013:755, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għandu wkoll jitfakkar li l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat. Fl-ambitu ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tal-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni u joqogħdu lura minn dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif joħroġ mill-Artikolu 4(3) TUE. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom, b’mod partikolari, joqogħdu lura milli jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din tkun ta’ natura provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).

34

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li tevalwa l-konformità tal-iskema ta’ għajnuna prevista mil-liġi nazzjonali, bħal-liġi KDT, mal-prinċipji stabbiliti fil-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, minkejja li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni 2009/287 tagħha, tkun diġà stabbilixxiet il-kompatibbiltà mas-suq intern.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, wara li qieset, fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, li l-iskema ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, favur il-produtturi tal-elettriku, il-Kummissjoni awtorizzat din l-iskema, peress li qieset, fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija deċiżjoni, li l-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli kien kompatibbli mas-suq intern, b’mod speċifiku “taħt il-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli”.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, li qorti nazzjonali tista’, fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiddeċiedi min-naħa tagħha fuq il-kompatibbiltà ta’ tali skema mas-suq intern essenzjalment iffisser li din il-qorti tiġi attribwita s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik magħmula mill-Kummissjoni, f’dan il-każ fid-Deċiżjoni 2009/287 tagħha. Għalhekk, ikun possibbli għall-imsemmija qorti, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li tidħol fuq il-kompetenzi esklużivi riżervati lill-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

37

Barra minn hekk, li qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà li tagħmel tali evalwazzjoni jwassalha sabiex taqbeż il-limiti tal-kompetenzi tagħha stess sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, kif ukoll ksur tal-obbligu ta' kooperazzjoni leali mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż – kif jidher li jkun ukoll il-każ f’dan il-każ – li l-verifika mwettqa mill-qorti nazzjonali kkonċernata twassalha sabiex tieħu deċiżjoni kuntrarja għal din, barra minn hekk definittiva, adottata mill-Kummissjoni.

38

Ċertament, meta l-Kummissjoni tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, ma jistax jiġi eskluż li l-kuntest fattwali meħud inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni jgħaddi minn bidla bejn iż-żmien meta teżamina l-imsemmi kuntest u dak meta hija tadotta d-deċiżjoni finali tagħha. Tali fatt jista’ effettivament ikun tali li jwassal lill-qorti nazzjonali, responsabbli li teżamina jekk miżura partikolari taqax fi skema ta’ għajnuna approvata, sabiex tistaqsi dwar ir-rilevanza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

39

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax ikun hemm rimedju għal din il-problema billi lill-qrati nazzjonali jiġu attribwiti kompetenzi rriżervati għall-Kummissjoni, u s-soluzzjoni għandha tkun għall-kuntrarju tinsab fid-delimitazzjoni tar-rwoli kumplementari iżda distinti, imfakkra fil-punti 30 sa 33 iktar ’il fuq, li dawn l-atturi għandhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

40

B’hekk, jekk ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat miżura partikolari, il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-imsemmija istituzzjoni għal kjarifiki jew, skont iċ-ċirkustanzi, tista’ jew għandha, skont it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punti 50 u 51, kif ukoll tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 44).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 107 TFUE u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat UE, flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/287, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta l-Kummissjoni eżaminat skema ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli u qieset li hija kompatibbli mas-suq intern qabel l-implementazzjoni taghħa, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom min-naħa tagħhom, matul l-implementazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, jivverifikaw il-konformità tagħha mal-prinċipji stabbiliti f’din il-metodoloġija.

Fuq it-tieni domanda

42

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/287, moqrija fid-dawl tal-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, għandux jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li meta jiġi stabbilit l-aġġustament annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli li għandu jitħallas lil produttur li jappartjeni għal grupp ta’ impriżi, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din l-appartenenza u, għaldaqstant, ir-riżultat finanzjarju ta’ dan il-grupp, meta l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli mas-suq intern jew pjuttost fil-jum li fih ikun sar dan l-aġġustament.

43

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi mfakkar li hija tfittex li tidentifika l-kriterji applikabbli għall-finijiet tal-kalkolu, minħabba ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali, l-ammont tal-aġġustament annwali tal-kumpens, għall-2009, tal-ispejjeż mhux rekuperabbli li ġew rikonoxxuti lil PGE taħt il-liġi KDT.

44

B’mod partikolari, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, għall-finijiet tal-imsemmi kalkolu, għandhiex tieħu approċċ “statiku” jew pjuttost approċċ “dnamiku”. Fl-ewwel każ, għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-istruttura tal-grupp ta’ impriżi, kif deskritt fl-Anness 7 tal-liġi KDT u fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni approvat l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fit-tieni każ, ikun meħtieġ li jiġi aġġustat l-ammont tal-kumpens dovut lil PGE billi jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni r-riżultat finanzjarju ta’ ELB, li, għalkemm ma tniżżlitx fl-imsemmi anness bħala li tappartjeni għall-istess grupp bħal PGE, ġiet integrata fih matul l-2009, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-President tal-URE tat-30 ta’ Lulju 2010, imsemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/287, il-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli prevista mil-liġi KDT, peress li din l-iskema tqieset bħala kompatibbli mas-suq intern b’mod preċiż “skont il-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli”.

46

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija deċiżjoni għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din il-metodoloġija sabiex jiġu ċċarati l-kriterji li fuqhom huwa importanti sabiex jiġi kkalkulat l-ammont annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli u kull aġġustament finali tal-imsemmi ammont.

47

Il-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli tipprevedi evalwazzjoni f’żewġ stadji tal-għajnuna mogħtija bħala kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli. L-ewwel stadju, li huwa ppreżentat fil-punt 3 ta’ din il-metodoloġija, għandu l-għan li jiddefinixxi l-ispejjeż li jistgħu jitqiesu bħala “spejjeż mhux rekuprabbli”. It-tieni stadju, li huwa ttrattat fit-taqsima 4 tal-imsemmija metodoloġija, jikkonċerna l-mekkaniżmu għall-kalkolu tal-kumpens attwali li għandu jitħallas lill-produttur għall-ispejjeż mhux rekuperabbli, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq.

48

Issa, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli hija bbażata fuq il-premessa li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku huma kkaratterizzati minn żvilupp sinjifikattiv u b’hekk tapprova t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ bidliet relatati ma’ ċerti aspetti tal-imsemmi suq fl-Istat Membru kkonċernat.

49

B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-punt 4.2 ta’ din il-metodoloġija, “[l]-arranġamenti għall-ħlas tal-għajnuna jridu jippermettu li jitqiesu l-iżviluppi ġejjiena fil-qasam tal-kompetizzjoni”, li dawn jistgħu jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’ fatturi kwantifikabbli, bħall-prezz u l-ishma fis-suq. Barra minn hekk, skont l-istess punt, it-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-kompetittività għandhom effett dirett fuq l-ammont tal-ispejjeż mhux rekuperabbli eliġibbli, “l-ammont tal-għajnuna mħallas għandu bil-fors ikun ikkondizzjonat mill-iżvilupp ta’ kompetizzjoni ġenwina, u fil-kalkolu ta’ għajnuna mħallsa tul perijodu ta’ żmien għandu jitqies it-tibdil fil-fatturi rilevanti biex jitkejjel il-grad miksub ta’ kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

50

Importanti wkoll li wieħed jinnota li, skont il-punt 4.3 tal-imsemmija metodoloġija, l-Istati Membri huma obbligati li jissottomettu lill-Kummissjoni rapport annwali “li jimmira b’mod partikolari li jiċċara l-iżvilupp tal-pożizzjoni kompetittiva” tas-settur tal-elettriku, li jindika, fost oħrajn, il-varjazzjonijiet osservati fil-fatturi kwantifikabbli rilevanti. Dan ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar il-bidliet possibbli fl-istruttura tas-suq tal-enerġija fl-Istat Membru kkonċernat.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-Deċiżjoni 2009/287, konformement mal-Artikolu 4(2) tagħha, hija bbażata preċiżament fuq il-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli u hija intiża, kif jidher mill-premessi 36, 38 u 40 tagħha, li tapplika għall-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli li għandu jitħallas għall-perijodu mill-2006 sal-2025, hemm lok li jitqies li għandha l-istess loġika ta’ żvilupp bħal din il-metodoloġija u għaldaqstant għandha tiġi interpretata skont approċċ “dinamiku”.

52

Għalhekk, l-aġġustament annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli għandu jsir inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni reali tas-suq meta dan l-ammont jiġi kkalkolat, li jinvolvi evalwazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

53

Minn dan isegwi li għandha tiġi interpretata d-Deċiżjoni 2009/287 fis-sens li kwalunkwe bidla fl-istrutturi tal-proprjetà ta’ kumpaniji li jipproduċu l-enerġija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk fil-fatt, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet jew mill-qrati nazzjonali meta jwettqu l-korrezzjoni tal-ammont annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli.

54

Barra minn hekk, hekk kif ġie osservat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-idea stess ta’ korrezzjoni, b’mod differenti mill-ħlas bil-quddiem, ikun li jitqiesu elementi ġodda li ħarġu wara l-għotja kumpens għall-ispejjeż mitlufa u ma jistgħux jiġu mnaqqsa għal sempliċi riferiment għall-istruttura tal-grupp ta’ kumpanniji kif iffriżati qabel f’att leġiżlattiv nazzjonali.

55

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi fil-kalkolu tal-aġġustament ta’ dan il-kumpens għandu l-vantaġġ li jippermetti li jiġi evitat il-ftuħ mill-ġdid sistematiku tal-proċedura ta’ kontroll minn qabel previst fl-Artikolu 108 FUE malli tidher l-inqas bidla fl-istruttura tal-gruppi ta’ impriżi kkonċernati.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/287, moqri fid-dawl tal-metodoloġija tal-ispejjeż mhux rekuperabbli, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li meta jiġi stabbilit l-aġġustament annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli li għandu jitħallas lil produttur li jappartjeni għal grupp ta’ impriżi, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din l-appartenenza u, għaldaqstant, ir-riżultat finanzjarju ta’ dan il-grupp, fid-data li fih ikun sar dan l-aġġustament.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 107 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2009/287, tal-25 ta’ Settembru 2009, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Polonja bħala parti mill-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija u dwar l-għajnuna mill-istat li l-Polonja qed tippjana li tagħti dwar il-kumpens għat-terminazzjoni volontaria tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, meta l-Kummissjoni eżaminat skema ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Lulju 2001, dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mhux rekuperabbli u qieset li hija kompatibbli mas-suq intern qabel l-implementazzjoni taghħa, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom min-naħa tagħhom, matul l-implementazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni, jivverifikaw il-konformità tagħha mal-prinċipji stabbiliti f’din il-metodoloġija.

 

2)

L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2009/287, moqri fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Lulju 2001, dwar il-metodoloġija għall-analiżi tal-għajnuna mill-Istat marbuta mal-ispejjeż mhux rekuperabbli, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li meta jiġi stabbilit l-aġġustament annwali tal-kumpens għall-ispejjeż mhux rekuperabbli li għandu jitħallas lil produttur li jappartjeni għal grupp ta’ impriżi, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni din l-appartenenza u, għaldaqstant, ir-riżultat finanzjarju ta’ dan il-grupp, fid-data li fih ikun sar dan l-aġġustament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top