This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0546
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 April 2016.#Proceedings brought by Degano Trasporti Sas di Ferrucio Degano & C.#Request for a preliminary ruling from the Tribunale di Udine.#Reference for a preliminary ruling — Taxation — VAT — Article 4(3) TEU — Directive 2006/112/EC — Insolvency — Procedure for an arrangement with creditors — Partial payment of VAT debts.#Case C-546/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2016.
Kawża mressqa minn Degano Trasporti Sas di Ferrucio Degano & C., en liquidation.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunale di Udine.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – VAT – Artikolu 4(3) TUE – Direttiva 2006/112/KE – Insolvenza – Proċedura ta’ arranġament mal-kredituri – Ħlas parzjali tad-dejn tal-VAT.
Kawża C-546/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-7 ta’ April 2016.
Kawża mressqa minn Degano Trasporti Sas di Ferrucio Degano & C., en liquidation.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mit-Tribunale di Udine.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – VAT – Artikolu 4(3) TUE – Direttiva 2006/112/KE – Insolvenza – Proċedura ta’ arranġament mal-kredituri – Ħlas parzjali tad-dejn tal-VAT.
Kawża C-546/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:206
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ April 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — VAT — Artikolu 4(3) TUE — Direttiva 2006/112/KE — Insolvenza — Proċedura ta’ arranġament mal-kredituri — Ħlas parzjali tad-dejn tal-VAT”
Fil-Kawża C-546/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Udine (tribunal ta’ Udine, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Novembru 2014, fil-kawża mressqa minn
Degano Trasporti Sas di Ferruccio Degano & C., fi stralċ,
fil-preżenza ta’:
Pubblico Ministero presso il Tribunale di Udine,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, C. Toader, A. Rosas, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Degano Trasporti Sas di Ferruccio Degano & C., fi stralċ, minn P. Bregalanti, avvocato, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Tomat, A. Caeiros u L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, u tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ talba għal arranġament mal-kredituri mressqa minn Degano Trasporti Sas di Ferruccio Degano & C., fi stralċ (iktar ’il quddiem “Degano Trasporti”), quddiem it-Tribunale di Udine (tribunal ta’ Udine, l-Italja). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 2(1)(a), (ċ) u (d) tad-Direttiva tal-VAT, il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, kif ukoll l-importazzjoni ta’ oġġetti, huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). |
4 |
L-Artikolu 250(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “Kull persuna taxxabbli għandha tipprezżenta denunzja tal-VAT li tistipula l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħadem it-taxxa li ġiet imposta u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, sa fejn hu meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi tal-valutazzjoni, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ kwalunkwe transazzjonijiet eżenti.” |
5 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.” |
Id-dritt Taljan
6 |
Id-Digriet Irjali Nru 267, li jipprovdi dispożizzjonijiet li jirregolaw il-falliment, l-arranġament mal-kredituri, ir-rimedji ġudizzjarji u l-istralċ amministrattiv forzat (Regio Decreto no 267 recante “Disciplina del fallimento, del concordato preventivo, dell’amministrazione controllata e della liquidazione coatta amministrativa”), tas‑16 ta’ Marzu 1942 (GURI Nru 81, tas‑6 ta’ April 1942), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-falliment”), jirregola, fl-Artikoli 160 et seq tiegħu, il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri. |
7 |
Permezz ta’ din il-proċedura, intiża sabiex tiġi evitata dikjarazzjoni ta’ falliment, il-kummerċjant li jinsab f’sitwazzjoni ta’ kriżi jew ta’ insolvenza jipproponi lill-kredituri tiegħu sabiex iqiegħdu l-patrimonju tiegħu għad-dispożizzjoni sabiex jirrimborsa għal kollox id-dejn preferenzjali u parzjalment id-dejn ordinarju. L-arranġament mal-kredituri jista’ madankollu jipprevedi rimbors parzjali ta’ ċerti kategoriji ta’ dejn preferenzjali jekk espert indipendenti ddikjara li dawn tal-aħħar ma jiġux irrimborsati aħjar fil-każ ta’ falliment tal-kummerċjant. |
8 |
Il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, li fiha jieħu sehem l-uffiċċju tal-prosekutur, titressaq fuq talba tal-kummerċjant quddiem il-qorti kompetenti. Qabel kollox, din tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba wara li tkun ivverifikat li l-kundizzjonijiet legali tal-arranġament mal-kredituri jkunu ġew issodisfatti. Sussegwentement, il-kredituri li fir-rigward tagħhom id-debitur ma jipproponix rimbors sħiħ tad-dejn tagħhom jintalbu jivvutaw dwar il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri, li għandha tiġi approvata mill-kredituri eliġibbli biex jivvutaw li jirrappreżentaw il-maġġoranza tat-total tad-dejn li d-debitur għandu ma’ dawn tal-aħħar. Fl-aħħar nett, jekk tintlaħaq din il-maġġoranza, il-qorti jivvalida l-arranġament mal-kredituri wara li, jekk ikun il-każ, ikun iddeċieda dwar l-oppożizzjoni tal-kredituri f’nuqqas ta’ qbil mal-proposta ta’ ftehim mal-kredituri u vverifika mill-ġdid li l-kundizzjonijiet legali jkunu ġew issodisfatti. Ladarba l-arranġament mal-kredituri jiġi vvalidat, huwa jivvinkola lill-kredituri kollha. |
9 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 182b tal-Liġi dwar il-falliment, intitolat “Tranżazzjoni fiskali”, jipprovdi, permezz tal-pjan imsemmi fl-Artikolu 160 ta’ din il-liġi, li d-debitur jista’ jipproponi l-ħlas, parzjali u/jew iddifferit, tat-taxxi u tad-dejn aċċessorju tal-amministrazzjoni fiskali, kif ukoll kontribuzzjonijiet u dejn aċċessorji mitluba mill-organi ta’ sigurtà soċjali obbligatorja, fir-rigward tal-parti tad-dejn li hija ta’ natura ordinarja, anki jekk dan ma huwiex imniżżel fl-atti, bl-eċċezzjoni tat-taxxi li jikkostitwixxu riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, fir-rigward tal-VAT u tat-taxxi dovuti iżda mhux imħallsa, il-proposta magħmula mid-debitur tista’ tipprevedi biss ħlas iddifferit. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Fit‑22 ta’ Mejju 2014, Degano Trasporti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li tiġi ammessa fi proċedura ta’ arranġament mal-kredituri. Filwaqt li stabbilixxiet sitwazzjoni ta’ kriżi, hija xtaqet għalhekk tillikwida l-patrimonju tagħha sabiex tissodisfa bis-sħiħ ċertu dejn preferenzjali u sabiex tħallas perċentwali mid-dejn tagħha lejn il-kredituri ordinarji u ċerti kredituri preferenzjali ta’ grad inferjuri li, fil-fehma tagħha, fi kwalunkwe każ, ma jkunux f’pożizzjoni li jirkupraw id-dejn kollu dovut lilhom li kieku kellhom jiġu fis-seħħ proċeduri ta’ falliment. Fost dan l-aħħar dejn hemm dejn ta’ VAT li Degano Trasporti pproponiet li tħallas parzjalment, mingħajr ma rabtet din il-proposta mal-konklużjoni ta’ tranżazzjoni fiskali. |
11 |
Il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Degano Trasporti, tosserva, b’mod partikolari, li l-Artikolu 182b tal-Liġi dwar il-falliment jipprojbixxi arranġament, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni fiskali, għal ħlas parzjali tad-dejn tal-Istat fil-qasam tal-VAT, meqjus bħala dejn preferenzjali tad-19-il grad, u tawtorizza biss differiment tal-ħlas ta’ dan id-dejn. |
12 |
Hija tindika li, skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (qorti ta’ kassazzjoni, l-Italja), din il-projbizzjoni, minkejja li msemmija fl-Artikolu 182b tal-Liġi dwar il-falliment li jirregola t-tranżazzjoni fiskali, tapplika fil-każijiet kollha mingħajr eċċezzjoni, anki fil-każ ta’ proposta ta’ arranġament mal-kredituri. Din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hija essenzjali, skont din l-aħħar qorti, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 4(3) TUE u tad-Direttiva tal-VAT, hekk kif interpretati fis-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412), Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑174/07, EU:C:2008:704) u Belvedere Costruzioni (C‑500/10, EU:C:2012:186). |
13 |
Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri kollha leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji għall-irkupru sħiħ tal-VAT, previst mid-dritt tal-Unjoni, jipprekludix effettivament ir-rikors għal proċedura kollettiva minbarra l-falliment, li fil-kuntest tagħha l-imprenditur f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jillikwida l-patrimonju kollu tiegħu sabiex jissodisfa l-kredituri tiegħu u jipprevedi li jirregola d-dejn ta’ VAT tiegħu mill-inqas daqs kemm kien iħallas fil-każ ta’ falliment. |
14 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Udine (tribunal ta’ Udine) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) TUE u tad-Direttiva tal-VAT, kif diġà ġew interpretati fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑174/07, EU:C:2008:704 u Belvedere Costruzioni, C‑500/10,EU:C:2012:186, jipprekludu wkoll li dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali (u, għalhekk, f’dan il-każ, interpretazzjoni tal-Artikoli 162 u 182[b] tal-liġi Taljana dwar il-falliment) tagħmel ammissibbli proposta ta’ ftehim mal-kredituri li permezz tiegħu d-debitur jipprevedi li jillikwida l-patrimonju tiegħu u li jħallas biss parzjalment id-dejn li għandu mal-Istat fir-rigward tal-VAT, fil-każ li ma jużax l-istrument tat-tranżazzjoni fiskali u li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet ta’ espert indipendenti u wara stħarriġ formali mit-Tribunale, ma huwiex prevedibbli li jsir ħlas ikbar ta’ dan id-dejn fil-każ ta’ falliment?” |
Fuq id-domanda preliminari
15 |
Filwaqt li l-qorti tar-rinviju tindika li hija qed tagħmel dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba li biha hija adita, filwaqt li l-fażi strettament kontenzjuża tal-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri tibda biss wara l-approvazzjoni ta’ dan l-arranġament, meta l-kredituri minoritarji jkunu jistgħu jopponuh, jeħtieġ, preliminarjament, li jiġi osservat li dawn l-elementi ma jipprekludux il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
16 |
Fil-fatt, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk jintalbu jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenzi Grillo Star Fallimento, C‑443/09, EU:C:2012:213, punt 21, kif ukoll Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 19) u l-għażla tal-iktar mument opportun sabiex tiġi kkonsultata l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenzi esklużiva tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi X, C‑60/02, EU:C:2004:10, punt 28, u AGM‑COS.MET, C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 45). |
17 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li din ġiet ifformulata mill-qorti tar-rinviju fl-istadju tal-eżami mhux kontradittorju tal-ammissibbiltà tat-talba li biha ġiet adita, intiża għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri li, hekk kif jirriżulta mir-regoli nazzjonali ta’ proċedura esposti fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, jekk jitqies li hija ammissibbli, tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja, adottata fil-preżenza tal-uffiċċju tal-prosekutur, wara li l-qorti tkun iddeċidiet, jekk ikun il-każ, fuq l-oppożizzjonijiet imressqa mill-kredituri minoritarji. |
18 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva tal-VAT jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jista’ jadixxi lil qorti b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li d-dejn jiġi kkonstatat u l-patrimonju tiegħu jiġi llikwidat, li fiha huwa jipproponi biss ħlas parzjali ta’ dejn ta’ VAT billi jistabbilixxi perizja mwettqa minn espert indipendenti li dan id-dejn ma jiġix irrimborsat b’mod iktar effettiv fil-każ ta’ falliment tal-imsemmi kummerċjant. |
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll mill-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji sabiex jiġi ggarantit il-ġbir tal-VAT kollu dovut fuq it-territorju tagħhom (sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 37; Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 20; Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 25, u WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 41). |
20 |
Fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni taxxabbli filwaqt li jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn ċertu flessibbiltà fir-rigward, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif għandhom jagħmlu użu mill-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 38, u Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 21). |
21 |
Din il-flessibbiltà hija madankollu limitata mill-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u minn dak li ma jinħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod ta’ kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Membri kollha. Id-Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata konformement mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li skontha operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir tal-VAT. Kull azzjoni tal-Istat Membri li jirrigwarda l-ġbir tal-VAT għandu josserva dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑132/06, EU:C:2008:412, punt 39; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 74; u Belvedere Costruzioni, C‑500/10, EU:C:2012:186, punt 22). |
22 |
Ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas‑7 ta’ Ġunju 2007, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, p. 17), id-dħul li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Għalhekk teżisti rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi mill-VAT korrispondenti, peress li kull lakuna fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel potenzjalment tikkawża tnaqqis fit-tieni (sentenza Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi eżaminati jekk l-ammissjoni ta’ ħlas parzjali ta’ dejn tal-VAT, minn kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri hekk kif previst mil‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hijiex kuntrarja għall-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollu dovut fit-territorju tagħhom kif ukoll il-ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 42 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, hekk kif deskritta mill-qorti tar-rinviju u esposta fil-punti 6 sa 8 ta’ din is-sentenza, hija suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni stretti intiżi sabiex joffru garanziji b’mod partikolari fir-rigward tal-irkupru tad-dejn preferenzjali u għaldaqstant tad-dejn tal-VAT. |
25 |
Għalhekk, qabel kollox, il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri timplika li l-kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jillikwida l-patrimonju kollu tiegħu sabiex jissana d-dejn tiegħu. Jekk dan il-patrimonju ma jkunx suffiċjenti sabiex jitħallas id-dejn kollu, il-ħlas parzjali ta’ dejn preferenzjali jista’ jiġi aċċettat biss jekk espert indipendenti jiddikjara li dan id-dejn ma jitħallasx bi proporzjon ogħla fil-każ ta’ falliment tad-debitur. Il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri tidher għaldaqstant li hija ta’ natura li tippermetti li jiġi stabbilit li, minħabba s-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-kummerċjant, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jirkupra d-dejn tiegħu tal-VAT fi proporzjon aqwa. |
26 |
Sussegwentement, peress li l-proposta ta’ arranġament mal-kredituri hija suġġetta għall-vot tal-kredituri kollha li lilhom id-debitur ma huwiex qed jipproponi rimbors sħiħ tad-dejn tagħhom u li hija għandha tiġi approvata mill-kredituri ammessi għall-vot li jirrappreżentaw il-maġġoranza tat-total tad-dejn dovut lil dawn tal-aħħar, il-proposta ta’ arranġament mal-kredituri jagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jivvota kontra proposta ta’ ħlas parzjali ta’ dejn tal-VAT jekk, b’mod partikolari, ma jaqbilx mal-konklużjonijiet tal-espert indipendenti. |
27 |
Fl-aħħar nett, li kieku kellu jitqies li, minkejja dan il-vot negattiv, l-imsemmija proposta tiġi adottata, peress li l-arranġament mal-kredituri għandu jiġi vvalidat mill-qorti adita, wara li, jekk ikun il-każ, hija tkun iddeċidiet dwar l-oppożizzjonijiet tal-kredituri f’nuqqas ta’ qbil mal-proposta ta’ arranġament, il-proċedura ta’ arranġament mal-kredituri tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jikkontesta ulterjorment, billi jressaq oppożizzjoni, arranġament li jipprevedi l-ħlas parzjali ta’ dejn ta’ VAT u lill-imsemmija qorti teżerċita stħarriġ. |
28 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissjoni ta’ ħlas parzjali ta’ dejn tal-VAT, minn kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri, li, b’differenza tal-miżuri inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑132/06, EU:C:2008:412) u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑174/07, EU:C:2008:74) li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, ma tikkostitwixxix rinunzja ġenerali u mingħajr distinzjoni għall-ġbir tal-VAT, ma hijiex kuntrarja għall-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollu dovut fuq it-territorju tagħhom kif ukoll il-ġbir effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. |
29 |
Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva tal-VAT ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jista’ jadixxi lil qorti b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li d-dejn jiġi kkonstatat u l-patrimonju tiegħu jiġi llikwidat, li fiha huwa jipproponi biss ħlas parzjali ta’ dejn ta’ VAT billi jistabbilixxi perizja mwettqa minn espert indipendenti li dan id-dejn ma jiġix irrimborsat b’mod iktar effettiv fil-każ ta’ falliment tal-imsemmi kummerċjant. |
Fuq l-ispejjeż
30 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikoli 2, 250(1) u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata fis-sens li kummerċjant f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jista’ jadixxi lil qorti b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament mal-kredituri bil-għan li d-dejn jiġi kkonstatat u l-patrimonju tiegħu jiġi llikwidat, li fiha huwa jipproponi biss ħlas parzjali ta’ dejn ta’ VAT billi jistabbilixxi perizja mwettqa minn espert indipendenti li dan id-dejn ma jiġix irrimborsat b’mod iktar effettiv fil-każ ta’ falliment tal-imsemmi kummerċjant. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.