EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0526

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Lulju 2016.
Tadej Kotnik et vs Državni zbor Republike Slovenije.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Validità u interpretazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek — Interpretazzjoni tad-Direttivi 2001/24/KE u 2012/30/UE — Għajnuna mill-Istat lill-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Qsim tal-piżijiet — Likwidazzjoni tal-kapital tal-azzjonisti, ta’ kapital ibridu u ta’ dejn subordinat — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Dritt ta’ proprjetà — Protezzjoni tal-interessi ta’ membri u ta’ terzi — Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.
Kawża C-526/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:570

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

[Test rettifikat b’digriet tat-30 ta’ Settembru 2016]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Validità u interpretazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek — Interpretazzjoni tad-Direttivi 2001/24/KE u 2012/30/UE — Għajnuna mill-Istat lill-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja — Qsim tal-piżijiet — Likwidazzjoni tal-kapital tal-azzjonisti, ta’ kapital ibridu u ta’ dejn subordinat — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Dritt ta’ proprjetà — Protezzjoni tal-interessi ta’ membri u ta’ terzi — Riorganizzazzjoni u stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”

Fil-Kawża C‑526/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

Tadej Kotnik et,

Jože Sedonja et,

Fondazione cassa di risparmio di Imola,

Andrej Pipuš et,

Tomaž Štrukelj,

Luka Jukič,

Angel Jaromil,

Franc Marušič et,

Stajka Skrbinšek,

Janez Forte et,

Državni svet Republike Slovenije,

Varuh človekovih pravic Republike Slovenije,

Igor Karlovšek,

Marija Karlovšek,

Janez Gosar

vs

Državni zbor Republike Slovenije,

fil-preżenza ta’:

Vlada Republike Slovenije,

Banka Slovenije,

Okrožno sodišče v Ljubljani,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), A. Arabadjiev, C. Toader u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, M. Safjan, M. Berger, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Kotnik et, minn M. Kunič u J. Sladič, odvetniki,

għal J. Sedonja et, minn T. Kek, odvetnica,

għall-Fondazione cassa di risparmio di Imola, minn U. Ilić, M. Jan, B. Ilić, A. Arko, odvetniki, P. Trifoni, C. G. Sinatra u G. Altomare, avukati,

għal A. Pipuš et, minnu stess, avukat,

għal L. Jukič, minnu stess,

għal F. Marušič et, minn B. Rejc, odvetnik,

għal S. Skrbinšek, minn T. Bromše, odvetnik,

għal J. Forte et, minn Z. Fritz,

għad-Državni svet Republike Slovenije, minn M. Bervar, assistit minn H. Butolen, odvetnica, kif ukoll minn B. Kekec, J. Slivšek u D. Štrus,

għall-konjuġi I. u M. Karlovšek et, minn I. Karlovšek, odvetnik,

għal J. Gosar, minnu stess,

għad-Državni zbor Republike Slovenije, minn M. Brglez,

għall-Banka Slovenije, minn B. Jazbec, assistit minn R. Grilc odvetnik, u T. Lübbig, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Sloven, minn V. Klemenc u T. Mihelič Žitko, bħala aġenti,

[Kif rettifikat b’digriet tat-30 ta’ Settembru 2016] għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. McCullough, SC, u minn A. O’Neill, BL,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Flynn, P. J. Loewenthal, K.‑Ph. Wojcik u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-punti 40 sa 64 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU C 216, p. 1), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikoli 29, 34, 35 u 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il‑Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU L 315, p. 74), u tas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet taż-Zakon o bančništvu (liġi dwar il-banek), tat-23 ta’ Novembru 2006 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-proċeduri fil-kawża prinċipali (Uradni list RS, Nru 99/10), (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-banek”), li tipprevedi miżuri eċċezzjonali intiżi għall-irkupru tas-sistema bankarja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/24

3

Il-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 2001/24 huma redatti kif ġej:

“(5)

L-adozzjoni tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 fuq skemi ta’ garanzija ta’ depożitu [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252] li introduċiet il-prinċipju ta’ sħubija obbligatorja mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ skema ta’ garanzija fl-Istati Membri ta’ oriġini, joħroġ aktar ċar il-bżzonn għar-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u proċeduri ta’ l-istralċ.

(6)

L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.”

4

Konformement mas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 (6), miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ifissru “miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

Id-Direttiva 2012/30

5

Il-premessi 3 u 5 tad-Direttiva 2012/30 huma redatti kif ġej:

“(3)

[…] sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żjieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti;

[...]

(5)

Dispożizzjonijiet fl-Unjoni — huma meħtieġa biex jinżamm il-kapital, li jikkostitwixxi s-sigurtà tal-kredituri, b’mod partikolari billi ma jippermettux it-tnaqqis tiegħu bit-tqassim lill-azzjonisti meta dawn ta; l-aħħar ma għandhomx dritt għalih u billi jimponu limiti fuq id-dritt tal-kumpannija li takkwista l-azzjonijiet tagħha stess.”

6

L-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kull żieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali. [...]”

7

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Kull tnaqqis fil-kapital sottoskritt, ħlief skond ordni tal-qorti, għandu jkun suġġett għall-inqas għal deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali […]”

8

Skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2012/30, “[m]eta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar tnaqqis fil-kapital sottoskritt għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull klassi ta’ azzjonisti li l-jeddijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni”.

9

L-Artikolu 40(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jippermettu li kumpanniji jnaqqsu l-kapital sottoskritt tagħhom b’irtirar obbligatorju ta’ ishma, huma għandhom jeħtieġu li għall-inqas jiġu mħarsa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)

meta l-irtirar obbligatorju huwa sempliċiment awtorizzat mill-istatuti jew l-atti ta’ inkorporazzjoni, dan għandu jiġi deċiż mil-laqgħa ġenerali sakemm ma jkunx gie approvat b’mod unanimu mill-azzjonisti kkonċernati.”

10

L-Artikolu 41(1) tal-imsemmija direttiva jistipula:

“Fil-każ ta’ tnaqqis fil-kapital sottoskritt bl-irtirar ta’ ishma akkwistati mill-kumpannija nnifisha jew minn persuna li taġixxi f’isimha stess iżda fl-interess tal-kumpannija, l-irtirar għandu jkun dejjem deċiż mil-laqgħa ġenerali.”

11

L-Artikolu 42 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“Fil-każijiet koperti mill-[...] punt (b) Artikolu 40(1) [...] meta hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar fidwa tal-kapital sottoskritt jew it-tnaqqis tiegħu bl-irtirar ta’ ishma għandha tkun suġġetta għal vot separat, għall-inqas għal kull kategorija ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom jintlaqtu mit-transazzjoni.”

Id-Direttiva 2014/59/UE

12

Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata fil-15 ta’ Mejju 2014.

13

L-Artikolu 117 tad-Direttiva 2014/59 emenda, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” li kienet tinsab fis-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24. Wara din l-emenda, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom jinftiehmu bħala “miżuri li huma maħsuba sabiex jippreservaw jew ireġġgħu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta ta’ investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet preżistenti ta’ parijiet terzi, inklużi l-miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ pagamenti, is-sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurzar jew it-tnaqqis ta’ pretensjonijiet; dawk il-miżuri jinkludu l-applikazzjoni tal-għodod tar-riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti fid-Direttiva 2014/59/UE”.

14

L-Artikolu 130(1) tad-Direttiva 2014/59/KE jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2014, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw dispożizzjonijiet adottati sabiex jikkonformaw mat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV mill-1 ta’ Jannar 2016 l-aktar tard.”

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek

15

Il-punti 2 u 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jistipulaw:

“2.

Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jipprovdu qafas komprensiv għal azzjoni kkoordinata b’appoġġ għas-settur finanzjarju, sabiex tiġi żgurata l‑istabbiltà finanzjarja waqt li jkunu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-banek kif ukoll fl-Istati Membri fis-suq uniku. Huma jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna mill-Istat u r-rekwiżiti li jeħtieġ li jiġu żgurati sabiex din l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont il-prinċipji dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fit-Trattat. Permezz tal-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw l-assistenza pubblika għas-settur finanzjarju ġew aġġornati regolarment fejn kien meħtieġ sabiex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jeħtieġu aġġornament ulterjuri minħabba żviluppi reċenti.

3.

Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet kif ukoll id-deċiżjonijiet individwali kollha dwar miżuri u skemi ta’ għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Komunikazzjonijiet, kienu adottati abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, li b’mod eċċezzjonali jipprevedi biex l-għajnuna tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.”

16

Il-punt 15 ta’ din il-komunikazzjoni jaqra’ kif ġej:

“Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet b’mod ċar jiddikjaraw li anke matul il-kriżi, il-prinċipji ġenerali tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqgħu applikabbli. B’mod partikolari, sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati Membri fis-suq uniku kif ukoll jiġi indirizzat il-periklu morali, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta’ ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tiegħu jridu jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom. Is-sostenn mill-Istat irid jingħata fuq termini li jirrappreżentaw il-qsim xieraq tal-piżijiet ma’ dawk li investew fil-bank.”

17

Il-punt 17 tal-imsemmija komunikazzjoni jipprovdi:

“Fl-ewwel fażijiet tal-kriżi, l-Istati Membri ġeneralment ma marrux lil hinn mir-rekwiżiti minimi stipulati mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet ex ante, u l-kredituri ma kinux meħtieġa jikkontribwixxu biex jiġu salvati l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja.”

18

Il-parti 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek hija dwar il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni u ta’ salvataġġ ta’ assi danneġġjati. It-titolu 3.1.2. tiegħu, intitolat “Il-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinarji [subordinati]”, jinkludi l-punti 40 sa 46 ta’ din il-komunikazzjoni.

19

Il-punti 40 u 46 ta’ din il-komunikazzjoni jipprovdu:

“40.

L-appoġġ mill-Istat jista’ joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-għajnuna għandha tingħata biss fuq termini li jinvolvu qsim tal-piżijiet adegwat minn investituri eżistenti.

41.

Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment jinvolvi, wara li t-telf l-ewwel jiġi assorbit mill-ekwità, kontribuzzjonijiet minn detenturi ta’ kapital ibridu u minn detenturi tad-dejn subordinat. Id-detenturi ta’ kapital ibridu u tad-dejn subordinat iridu jikkontribwixxu biex inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista’ jkun possibbli. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ konverżjoni għal Grad 1 [...], jew billi jseħħ tnaqqis fil-valur tal-istrumenti ewlenin. Fi kwalunkwe każ, il-ħruġ ta’ flus mingħand il-benefiċjarju għad-detenturi ta’ dawn it-titoli irid jiġi evitat sakemm ikun legalment possibbli.

42.

Il-Kummissjoni mhux se teħtieġ kontribuzzjoni minn detenturi tad-dejn superjuri (b’mod partikolari minn depożiti assigurati, depożiti mhux assigurati, bonds u dejn superjuri) bħala komponent obbligatorju għall-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, la permezz tal-konverżjoni f’kapital u lanqas permezz ta’ tniżżil fil-valur tal-istrumenti.

43.

Fejn il-proporzjon tal-kapital, tal-Bank li għandu identifikat nuqqas fil-kapital, jibqa’ ogħla mil-livell minimu regolatorju tal-[Unjoni], il-Bank għandu normalment ikun kapaċi jtejjeb il-pożizzjoni tal-kapital bil-mezzi tiegħu stess, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jekk m’hemmx possibilitajiet oħra, inkluża kull azzjoni superviżorja oħra bħalma huma miżuri ta’ intervent bikri jew azzjonijiet ta’ rimedju oħrajn, sabiex jingħeleb in-nuqqas ikkonfermat mill-awtorità superviżorja jew tar-riżoluzzjoni kompetenti, f’dan il-każ id-dejn subordinat għandu jiġi kkonvertit f’ekwità, fil-prinċipju qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat.

44.

F’każijiet fejn il-bank ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti regolatorji minimi ta’ kapital, id-dejn subordinat irid jiġi kkonvertit jew jitnaqqas, fil-prinċipju, qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tingħata qabel mal-ekwità, il-kapital ibridu u d-dejn subordinat ikunu kkontribwew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf.

45.

Tista’ ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-punti 43 u 44, meta l-implimentazzoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati. Din l-eċċezzjoni tista’ tkopri każijiet fejn l-ammont tal-għajnuna li l-bank għandu jirċievi ikun żgħir meta mqabbel mal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju u n-nuqqas fil-kapital ikun tnaqqas b’mod sinifikanti, b’mod partikolari permezz ta’ miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll ir-riżultati sproporzjonati jew ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja billi jiġi kkonsidrat mill-ġdid is-sekwenzjar tal-miżuri li jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital.

46.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-punti 43 u 44, irid jinżamm ‘il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar’ [...]. Għalhekk, kredituri subordinarji m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata.”

Id-dritt Sloven

20

L-Artikolu 253(3) tal-Liġi dwar il-banek jipprovdi li “l-miżuri straordinarji għandhom jagħmlu parti mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni pprovduti mid-Direttiva 2001/24/KE”.

21

L-Artikolu 261a ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Bid-deċiżjoni tiegħu li jeżiġi miżuri straordinarji l-Bank tas-Slovenja għandu jipprovdi li:

1.

obbligazzjonijiet eliġibbli jitħassru jew jitniżżel il-valur tagħhom,

2.

il-konverżjoni totali jew parzjali ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tal-banek [...] f’azzjonijiet ordinarji ġodda ta’ bank abbażi fuq il-bażi ta’ żieda fil-kapital azzjonarju ta’ dan il-bank permezz ta’ kontribuzzjonijiet mhux monetarji fil-forma ta’ krediti li jikkostiwixxu obbligazzjonijiet eliġibbli.

[...]

(5)   Meta jħassar jew jikkonverti l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank, il-Bank tas-Slovenja għandu jkun issodisfatt li kredituri individwali ma jbatux, bħala riżultat tat-tħassir jew tal-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank, telf ikbar li kienu jbatu li kieku l-bank kellu jkun insolventi.

(6)   L-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank huma rrappreżentati minn:

1.

il-kapital bażiku tal-bank (obbligazzjonijiet ta’ klassi I);

2.

l-obbligazzjonijiet relatati ma’ detenturi ta’ strumenti finanzjarji ibridi (obbligazzjonijiet ta’ klassi II),

3.

l-obbligazzjonijiet relatati ma’ detenturi ta’ strumenti finanzjarji li, [...] għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kapital addizzjonali tal-bank, sakemm tali obbligi ma jkunux diġà inklużi fid-definizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 jew 2 ta’ dan il-paragrafu (obbligazzjonijiet ta’ klassi III);

4.

l-obbligazzjonijiet mhux inklużi fid-definizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1, 2 jew 3 ta’ dan il-paragrafu, li, f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tal-bank, jitħallsu wara l-ħlas ta’ djun mhux ipprivileġġati (obbligazzjonijiet ta’ klassi IV).”

22

Skont l-Artikolu 261c tal-liġi dwar il-banek:

“(1)   Fid-deċiżjoni tiegħu dwar it-tħassir ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli […] il-Bank tas-Slovenja għandu jeżiġi li l-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-bank jitħassru sa fejn ikun meħtieġ biex jiġi kopert it-telf tal-bank, fid-dawl tal-valutazzjoni tal-assi netti kif imsemmi fl-artikolu preċedenti. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Wara l-kriżi finanzjarja dinjija, li bdiet matul l-2007 u li marret għall-agħar fis-snin ta’ wara, il-Banka Slovenije (bank ċentrali tas-Slovenja, is-Slovenja) ikkonstatat, f’Settembru 2013, li ħames banek Sloveni, jiġifieri Nova Ljubljanska banka d.d., Nova Kreditna banka Maribor d.d., Abanka Vipa d.d., Probanka d.d. u Factor banka d.d., kellhom nuqqas fil-kapital tagħhom. Minħabba l-kobor ta’ dan in-nuqqas, dawn il-banek ma kellhomx assi biżżejjed sabiex jissodisfaw il-kredituri tagħhom u jkopru l-valur tad-depożiti.

24

Fis‑17 ta’ Diċembru 2013, il-Bank Ċentrali tas-Slovenja adotta deċiżjonijiet li jdaħħlu miżuri straordinarji għar-rikapitalizzazzjoni tal-ewwel żewġ banek, ta’ salvataġġ tat-tielet wieħed kif ukoll ta’ stralċ tal-aħħar wieħed (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”).

25

Fit‑18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea awtorizzat għajnuna mill-Istat lill-ħames banek inkwistjoni, li kienu ġew innotifikati minn qabel mill-awtoritajiet Sloveni.

26

Il-miżuri inkwistjoni, li ġew adottati abbażi tal-Liġi dwar il-banek, b’mod partikolari l-Artikoli 261a sa 261c u 261e, kienu jinkludu l-likwidazzjoni tal-kapital tal-azzjonisti, kif ukoll kapital ibridu u dejn subordinat (iktar 'il quddiem id-“dejn subordinat”).

27

Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dejn subordinat huwa kkostitwit minn strumenti finanzjarji li għandhom karatteristiċi simili għal dawk ta’ prodotti tad-dejn u ta’ ishma fil-kapital. Fil-każ ta’ insolvenza jew ta’ stralċ tal-entità emittenti, id-detenturi ta’ dejn subordinat (iktar 'il quddiem il-“kredituri subordinati”) jitħallsu wara d-detenturi ta’ obbligazzjonijiet ordinarji, iżda qabel l-azzjonisti. Bħala korrispettiv tar-riskju finanzjarju b’hekk meħud mid-detenturi tagħhom, dawn l-istrumenti finanzjarji jkollhom qligħ ogħla.

28

L-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja) ġiet adita b’diversi talbiet għal stħarriġ ta’ kostituzzjonalità mressqa, minn naħa, minn individwi kif ukoll, min-naħa l-oħra, mid-Državni svet Republike Slovenije (kunsill tal-istat, is-Slovenja) u l-Varuh človekovih pravic Republike Slovenije (difensur tad-drittijiet tal-bniedem, is-Slovenja). Dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar is-settur bankarju, li fuq il-bażi tagħhom ġew adottati l-miżuri inkwistjoni, mal-Kostituzzjoni Slovena, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ non-retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, kif ukoll mad-dritt ta’ proprjetà.

29

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-banek għandhom l-għan li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Komunikazzjoni dwar il-banek, sabiex jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtu lill-impriżi ta’ dan is-settur għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma diretti kontra dawn id-dispożizzjonijiet, huma fil-fatt jirrigwardaw il-Komunikazzjoni dwar il-banek. Dawn ir-rikorrenti jqisu li din il-komunikazzjoni tikser mhux biss il-Kostituzzjoni Slovena, iżda wkoll l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-“Karta”) kif ukoll id-Direttivi 2012/30 u 2001/24. Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw direttiva. Madankollu, hija tqis li dan ma huwiex il-każ meta jkun hemm dubju dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tar-regola ta’ dritt tal-Unjoni li sservi bħala bażi legali għad-dispożizzjoni nazzjonali li l-kostituzzjonalità tagħhom hija kkontestata. F’tali sitwazzjoni, hija tispjega li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex twieġeb domandi relatati mal-validità u mal-interpretazzjoni ta’ din ir-regola, sabiex sussegwentement tkun tista’ tevalwa, fil-kawża li għandha quddiemha, il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tista’, fid-dawl tal-effetti legali prodotti konkretament minn din tal-aħħar peress li, skont l-Artikolu 3(1)(b) [TFUE], l-Unjoni [...] għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u peress li, skont l-Artikolu 108 [TFUE], il-Kummissjoni għandha kompetenza deċiżjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li din għandha effetti vinkolanti fil-konfront tal-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, meta din l-għajnuna tkun ta’ natura permanenti u ma tkunx tista’ titħassar faċilment?

2)

Il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat li jkollha l-għan li tirrimedja taqlib serju fl-ekonomiija ta’ Stat, għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ annullament tal-kapital, [tad-dejn subordinat] u/jew ta’ konverżjoni f’kapital [tad-dejn subordinat] bil-għan li l-għajnuna tiġi llimitata għall-minimu neċessarju fid-dawl tal-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-periklu morali, huma inkompatibbli mal-Artikoli 107, 108 u 109 [TFUE] peress li dawn imorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni li huma ddefiniti permezz tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tat-Trattat [FUE] dwar l-għajnuna mill-Istat?

3)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital sa fejn dan l-obbligu jikkonċerna azzjonijiet (kapital), [dejn subordinat] li nħarġu qabel il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-banek u li fil-mument tal-ħruġ tagħhom setgħu jiġu llikwidati totalment jew parzjalment mingħajr rimbors sħiħ biss f’każ ta’ falliment tal-bank, huma konformi mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea?

4)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament [tad-dejn subordinat] u/jew ta’ konverżjoni f’kapital [tad-dejn subordinat] mingħajr ma tinbeda u tingħalaq il-proċedura ta’ falliment li fil-kuntest tagħha l-beni tad-debitur jiġu llikwidati permezz ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha d-detenturi tal-istrumenti finanzjarji subordinati jkollhom l-opportunità li jkunu partijiet fil-proċedura, huma konformi mad-dritt għall-proprjetà skont l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

5)

F’każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, u r-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi tkun pożittiva, il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek li jissuġġettaw il-possibbiltà li tingħata għajnuna mill-Istat għall-obbligu ta’ annullament tal-kapital u/jew ta’ konverżjoni f’kapital [tad-dejn subordinat] u/jew ta’ konverżjoni f’kapital tal-istrumenti ta’ kapital ibridu u tal-istrumenti ta’ dejn subordinat, imorru kontra l-Artikoli 29, 34 u 35 kif ukoll l-Artikoli 40 sa 42 tad-[Direttiva 2012/30], peress li l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri tirrikjedi t-tnaqqis u/jew iż-żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata abbażi ta’ deċiżjoni tal-organu uffiċjali kompetenti u mhux tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija?

6)

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek tista’, fid-dawl tal-punt 19 tagħha u b’mod partikolari r-rekwiżit previst f’dan il-punt li jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali, tal-punt 20 tagħha u tal-obbligu ta’ prinċipju, inkluż fil-punti 43 u 44 tal-Komunikazzjoni, li [jiġi kkonvertit jew iddeprezzat id-dejn subordinat] qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, tiġi interpretata fis-sens li tali miżura ma tobbligax lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirrimedjaw taqlib serju fl-ekonomija billi jagħtu għajnuna mill-Istat lil stabbilimenti ta’ kreditu, li jimponu l-obbligu ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament iċċitat iktar 'il fuq bħala kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) [TFUE] jew fis-sens li jkun suffiċjenti sabiex tiġi awtorizzata l-għajnuna mill-Istat li l-miżura ta’ konverżjoni jew ta’ deprezzament tiġi implementata b’mod proporzjonat?

7)

Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 [tad-Direttiva 2001/24] jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri meħtieġa ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinati skont il-punti 40 u 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek (deprezzament tal-kapital primarju [tad-dejn subordinat] u konverżjoni f’kapital [tad-dejn subordinat]) jifformaw parti mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni wkoll?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjoni preliminari

31

Il-Gvern Sloven u l-Kummissjoni jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tieni sal-ħames domanda preliminari dwar il-validità tal-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, sa fejn din il-komunikazzjoni ma tipproduċix effetti ġuridiċi direttament fir-rigward ta’ terzi.

32

Għandu jiġi rrilevat li din il-kawża għandha bħala sfond, essenzjalment, l-għajnuna mill-Istat li l-Gvern Sloven ta bil-għan li jiġi żgurat l-irkupru tas-sistema bankarja nazzjonali.

33

B’mod iktar partikolari, hija tirrigwarda l-konformità ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati li l-Kummissjoni talbet, sabiex jitqies, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek huma kompatibbli mas-suq intern. Il-validità ta’ tali kundizzjoni għandha tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa preċiżament l-iskop tat-tieni sal-ħames domanda preliminari.

34

Konsegwentement, dawn id-domandi huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

35

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Komunikazzjoni dwar il-banek għandhiex tiġi interpretata fis-sens li għandha effett vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri.

36

L-Artikolu 108(3) TFUE jistitwixxi stħarriġ minn qabel fuq il-modifiki ta’ għajnuna eżistenti u fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġdida. Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod għandha l-għan li għajnuna kompatibbli mas-suq intern biss tiġi implementata (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 2526).

37

L-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-awtorità tal-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28).

38

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 68).

39

Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tevalwa l-kriterji li abbażi tagħhom hija biħsiebha tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri.

40

Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ksur tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punti 6970 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jagħtiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 71). L-adozzjoni ta’ komunikazzjoni bħall-Komunikazzjoni dwar il-banek għaldaqstant ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u li timmotiva r-rifjut tagħha li tilqa’ tali talba (sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 72).

42

F’dan il-każ, mill-punti 41, 43 u 44 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirriżulta li l-qsim ġust tal-piżijiet li għaliha l-imsemmija komunikazzjoni tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jimplika, bħala prijorità, l-assorbiment tat-telf mill-kapital, sussegwentement, bħala prinċipju, kontribuzzjoni tal-kredituri subordinati. Tista’ ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti li jinsabu fil-punti 43 u 44 ta’ din il-komunikazzjoni, skont il-punt 45 tagħha, meta tali kontribuzzjoni tista’ “tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati”.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-effett tal-adozzjoni tar-regoli ta’ kondotta li jinsab fl-imsemmija komunikazzjoni hija limitata għal dak ta’ awtolimitazzjoni tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fis-sens li, jekk Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna mill-Istat li huwa konformi ma’ dawn ir-regoli, din tal-aħħar għandha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kriterji previsti minn din il-komunikazzjoni u l-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali proġetti f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

44

Minn dan isegwi li l-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tistax toħloq obbligi awtonomi fuq l-Istati Membri, iżda tistabbilixxi biss kundizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lill‑banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Komunikazzjoni dwar il-banek għandha tiġi interpretata fis-sens li ma għandhiex effett vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 107 sa 109 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati għall-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

47

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

48

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tqis bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna sabiex tirrimedja għal perturbazzjoni serja tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

49

Skont is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tagħtiha l-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna meta din ma tħajjarx lill-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni. Tali għajnuna għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din id-dispożizzjoni b’tali mod li, mingħajrha, il-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jippermettux, minnhom infushom, li l-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt, għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, sentenza HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fir-rigward tal-adozzjoni tal-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’ kreditu huma sors vitali ta’ finanzjament għall-impriżi attivi fis-swieq differenti. Barra minn hekk, il-banek ta’ sikwit ikunu interkonnessi u ħafna minnhom joperaw fuq livell internazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex il-kriżi ta’ bank wieħed jew iktar għandha r-riskju li tinfirex malajr f’banek oħra, kemm fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fi Stati Membri oħra. Min-naħa tiegħu dan iġib ir-riskju li jinħolqu effetti kollaterali negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija.

51

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva, fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rikors għall-bażi legali tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE huwa speċjalment ġustifikat mill-fatt li, fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali, li rriżultat fl-adozzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, l-ekonomija ta’ bosta Stati Membri ġiet affettwata minn perturbazzjonijiet serji.

52

F’dan il-każ, mill-punt 2 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirriżulta li l-Kummissjoni riedet, għal dawn tal-aħħar, tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-għajnuna mill-Istat li jippermettu li jiġi sostnut is-settur finanzjarju tal-Istati Membri u speċifikat ir-rekwiżiti li din l-għajnuna għandha tissodisfa sabiex titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

53

Fost dawn ir-rekwiżiti, jinsab, fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, dak li jipprevedi l-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri suġġetti għall-kopertura tal-ispejjeż ta’ ristrutturar tal-banek f’diffikultà sabiex jimtela d-defiċit tagħhom mill-fondi tagħhom stess. Dan jimplika li, wara l-assorbiment tat-telf mill-kapital, il-kredituri subordinati huma wkoll mistennija jgħinu sabiex jintlaħaq dan il-għan kemm billi jikkonvertu d-djun tagħhom f’kapital, kif ukoll billi jitnaqqas il-valur ta’ dawn id-djun.

54

Matul l-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, il-Kummissjoni setgħet tqis li, kif spjegat fil-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, miżuri ta’ qsim tal-piżijiet għandhom isiru sabiex tiġi llimitata l-għajnuna mill-Istat fil-qasam bankarju għall-minimu neċessarju u sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

55

Fil-fatt, minn naħa, tali miżuri ta’ qsim tal-piżijiet jistgħu jinftiehmu bħala intiżi li jipprevjenu l-użu tal-għajnuna mill-Istat bħala sempliċi għodda sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet finanzjarji tal-banek ikkonċernati.

56

Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet huma intiżi li jiżguraw li, qabel l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat, il-banek li għandhom nuqqas fil-kapital tagħhom stess jieħdu passi, mal-investituri tagħhom, sabiex inaqqsu dan id-defiċit, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tal-kapital proprju kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjoni tal-kredituri subordinati, peress li tali miżuri jistgħu jillimitaw l-ammont tal-għajnuna mill-Istat mogħtija.

57

Soluzzjoni kuntrarja tirriskja li toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, sa fejn il-banek, li l-azzjonisti u l-kredituri subordinati tagħhom ma kinux ikkontribwixxew għat-tnaqqis tan-nuqqas fil-kapital, jirċievu għajnuna mill-Istat ogħla minn dik li tkun suffiċjenti sabiex jimtela n-nuqqas residwali tal-kapital. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali għajnuna ma tkunx, bħala prinċipju, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

58

Barra minn hekk, sabiex tiġi rrimedjata l-problema tal-“periklu morali” li hija marbuta mal-fatt li l-individwi huma inklinati sabiex jieħdu deċiżjonijiet riskjużi meta l-konsegwenzi negattivi possibbli ta’ dawn tal-aħħar huma appoġġjati mill‑kollettività, huwa importanti li jiġi evitat li l-banek ikunu mħeġġa mill-possibbiltà li jingħataw għajnuna mill-Istat sabiex jirrikorru għal strumenti finanzjarji iktar riskjużi li jistgħu jikkawżaw telf sinjifikattiv, liema fatt jista’ jikkawża distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni u jipperikola l-integrità tas-suq intern.

59

Finalment, għandu jiġi rrilevat li, billi adottat il-Komunikazzjoni dwar il-banek, il-Kummissjoni ma kinitx daħlet fuq il-kompetenzi mogħtija lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mill-Artikoli 108 u 109 TFUE. Fil-fatt, peress li din il-komunikazzjoni sempliċement tistabbilixxi regoli ta’ kondotta li għandhom l-effett li jillimitaw il-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, hija ma taffettwax is-setgħa rikonoxxuta lill-Kunsill, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, li jiddikjara, fuq talba ta’ Stat Membru, għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern f’ċirkustanzi eċċezzjonali, u ma tikkostitwixxix regolament kif imsemmi fl-Artikolu 109 TFUE, li għandha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, effett vinkolanti erga omnes.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikoli 107 u 109 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

Fuq it-tielet u r-raba ’ domanda

61

Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt ta’ proprjetà għandhomx jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati għall-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

62

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita ferm jirriżulta li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jimplika li assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ingħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kwalunkwe parti f’kawża li fil-konfront tiegħu istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, billi tatu assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi ġġustifikati (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63, kif ukoll tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132).

63

Issa, l-azzjonisti u l-kredituri subordinati tal-banek li kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, previsti fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu l-implementazzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

64

Fil-fatt, minn naħa, l-azzjonisti u l-kredituri subordinati tal-banek ma kellhom l-ebda garanzija mill-Kummissjoni dwar jekk hija tapprovax għajnuna mill-Istat sabiex tirrimedja nuqqas fil-kapital ta’ dawn il-banek. Min-naħa l-oħra, dawn l-investituri ma kellhomx l-assigurazzjoni li, fost il-miżuri li jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital tal-banek benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni, xi wħud ma humiex tali li jaffettwaw l-investimenti tagħhom.

65

Barra minn hekk, il-fatt li, matul l-ewwel fażijiet tal-kriżi finanzjarja internazzjonali, il-kredituri subordinati ma ġewx mistiedna biex jikkontribwixxu għas-salvataġġ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif fakkret il-Kummissjoni fil-punt 17 tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-banek, ma jippermettix lill-kredituri inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

66

Fil-fatt, tali ċirkustanza ma tistax titqies li hija garanzija preċiża, inkundizzjonata u konsistenti li tista’ tagħti lok għall-aspettattivi leġittimi tal-azzjonisti u tal-kredituri subordinati li ma jkunux suġġetti għal miżuri ta’ qsim tal-piżijiet fil-futur. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma fis-seħħ ta’ sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan b’mod speċjali f’qasam bħal dak tal-għajnuna mill-Istat lill-banek, li jinvolvi aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punt 180).

67

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-ħtieġa għall-Istati Membri, li jkollhom, fi kwalunkwe każ, perijodu tranżitorju sabiex jadattaw lilhom infushom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-qsim tal-piżijiet li jinvolvu l-azzjonisti u l-kredituri subordinati.

68

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki li kieku wieħed kellu jassumi li l-Unjoni ħolqot minn qabel sitwazzjoni li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi, li, f’dan il-każ, ma huwiex il-każ, interess pubbliku perentorju jista’ jopponi l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji għal sitwazzjonijiet li jinqalgħu qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolamenti l-ġodda, iżda li għadhom qegħdin jevolvu (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 57, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 85).

69

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku prevalenti ta’ din ix-xorta.

70

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà li huwa stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tistax toħloq obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu miżuri ta’ qsim tal-piżijiet bħal dawk previsti fil-punti 40 sa 46 ta’ din il-komunikazzjoni.

71

Mill-punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirriżulta li l-qsim tal-ispejjeż mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati jikkostitwixxi biss kriterju ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek li għandhom nuqqas sinjifikattiv fil-kapital tagħhom, li jippermetti li tiġi limitata din l-għajnuna għall-minimu neċessarju u sabiex jiġi żgurat li l-benefiċjarju jikkontribwixxi b’mod xieraq għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni.

72

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tirrikjedix xi forma jew proċedura partikolari għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet kif imsemmi fil-punti 40 sa 46 ta’ din il-komunikazzjoni. Tali miżuri jistgħu jiġu adottati b’mod volontarju mill-azzjonisti u permezz ta’ ftehim bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-kredituri subordinati tagħha, li ma jistax jitqies li huwa ndħil fid-drittijiet tal-proprjetà tagħhom.

73

Barra minn hekk, fir-rigward tal-azzjonisti tal-bank, hemm lok li jitfakkar li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli għall-istatus tal-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, dawn tal-aħħar jassumu totalment ir-riskju tal-investimenti tagħhom. Fil-fatt, mill-premessa 5 tad-Direttiva 2012/30 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża li żżomm il-kapital azzjonarju li jikkostitwixxi l-garanzija tal-kredituri.

74

Peress li l-azzjonisti huma responsabbli għad-djun tal-bank sal-ammont tal-kapital azzjonarju ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirrikjedu li, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kapital ta’ bank, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn l-azzjonisti għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi assorbit it-telf subit minn dan il-bank bl-istess mod bħal fl-assenza ta’ tali għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li jaffettwa d-dritt tagħhom ta’ proprjetà.

75

It-telf tal-azzjonisti ta’ banek f’diffikultajiet għandu, fi kwalunkwe każ, l-istess daqs, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-każ tagħhom ikunx ibbażat fuq sentenza ta’ falliment minħabba l-assenza ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq proċedura għall-għoti ta’ tali għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni minn qabel ta’ qsim tal-piżijiet.

76

Fir-rigward tal-kredituri subordinati, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, id-dejn subordinat huwa strument finanzjarju li għandu ċerti karatteristiċi simili għal dawk tal-prodotti tad-dejn u ta’ kapital ta’ ekwità, li jimplika li, fil-każ ta’ waqfien ta’ ħlas mill-emittent ta’ tali strumenti, id-detenturi ta’ dawn l-istrumenti jitħallsu wara d-detenturi ta’ obbligazzjonijiet ordinarji, iżda qabel l-azzjonisti.

77

Issa, mill-punti 41, 43 u 44 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirriżulta li dawn il-kredituri għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis fin-nuqqas tal-kapital, biss, minn naħa, wara l-assorbiment tat-telf bi prijorità mill-kapital, u, min-naħa l-oħra, biss “jekk m’hemmx possibilitajiet oħra” sabiex jiġi rrimedjat kwalunkwe nuqqas eventwali ta’ kapital tal-bank ikkonċernat jew meta dan il-bank ma jkunx jissodisfa iżjed ir-rekwiżiti regolatorji minimi għall-kapital. Barra minn hekk, il-punt 46 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi li “irid jinżamm ‘il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar’. Għalhekk, kredituri subordinarji m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata”.

78

Minn dan il-punt jirriżulta li l-miżuri ta’ qsim ta’ piżijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur bank b’nuqqas ta’ kapital ma jistax iwassal għal preġudizzju li l-kredituri subordinati ma kinux iġarrbu fuq id-dritt ta’ proprjetà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment sussegwenti għall-assenza ta’ għoti ta’ tali għajnuna.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, bħal dawk previsti mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri subordinati.

80

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt ta’ proprjetà għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

Fuq il-ħames domanda

81

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 29, 34, 35 u 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30 għandhomx jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu kundizzjoni ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

82

L-Artikoli 29, 34, 35 u 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30 jipprevedu, essenzjalment, li kwalunkwe żieda jew tnaqqis fil-kapital tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata għandha tkun suġġetta għal deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija.

83

Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn il-Komunikazzjoni dwar il-banek tipprevedi li ċerti modifiki tal-kapital azzjonarju tal-banek ma għandhomx jiġu deċiżi jew approvati mil-laqgħa ġenerali, din il-komunikazzjoni tkun inkompatibbli ma’ din id-direttiva.

84

Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, il-Komunikazzjoni dwar il-banek ma tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-proċeduri legali li permezz tagħhom il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet li jinsabu fil-punti 40 sa 46 ta’ din il-komunikazzjoni għandhom jiġu implementati.

85

Konsegwentement, minkejja li l-Istati Membri jistgħu eventwalment jaslu, f’sitwazzjoni partikolari, sabiex jadottaw tali miżuri ta’ qsim tal-ispejjeż mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija, madankollu dan il-fatt ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-validità tal-Komunikazzjoni dwar il-banek fir-rigward tad-Direttiva 2012/30.

86

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 3 tagħha, id-Direttiva 2012/30 hija intiża li tiżgura protezzjoni minima ekwivalenti kemm għall-azzjonisti kif ukoll għall-kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. Għal dan il-għan, din id-direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kostituzzjoni, kif ukoll dwar iż-żamma, iż-żieda u t-tnaqqis tal-kapital tal-imsemmija kumpanniji.

87

Id-Direttiva 2012/30 taqa’ fil-kuntest tat-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment fis-suq intern li għandha bħala għan prinċipali l-protezzjoni tal-interessi tal-membri u tat-terzi. Hija intiża li tiżgura lill-investituri li d-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati fis-suq intern kollu mill-korpi tal-kumpanniji li fihom huma investew, b’mod partikolari matul it-tranżazzjonijiet ta’ kostituzzjoni ta’ kumpannija u ta’ żieda u ta’ tnaqqis tal-kapital azzjonarju tagħha. Konsegwentement, il-miżuri li d-Direttiva 2012/30 tipprevedi sabiex tiżgura din il-protezzjoni jirrigwardaw it-tħaddim ordinarju tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

88

Madankollu, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati jikkostitwixxu, meta jiġu imposti mill-awtoritajiet nazzjonali, miżuri eċċezzjonali. Dawn jistgħu jiġu adottati biss fil-kuntest ta’ perturbazzjoni serja tal-ekonomija ta’ Stat Membru kif ukoll bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

89

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2012/30 ma tipprekludix li jiġu adottati miżuri relatati mal-kapital azzjonarju f’ċerti ċirkustanzi partikolari, bħal dawk koperti mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija. Tali interpretazzjoni ma tistax, wara kollox, titqiegħed inkwistjoni mis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1993, Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92).

90

Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru tal-1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8) fil-kuntest ta’ tilwima kkaratterizzata mill-insolvenza ta’ bank wieħed, filwaqt li, fil-kawża prinċipali, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet imsemmija fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek huma maħsuba bħala kundizzjoni għall-għoti, lil banek li jaffaċċjaw nuqqas fil-kapital, ta’ għajnuna mill-Istat iddestinata, f’kuntest eċċezzjonali ta’ perturbazzjoni serja għall-ekonomija nazzjonali, sabiex tirrimedja kriżi finanzjarja sistemika li tista’ taffettwa s-sistema finanzjarja kollha u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

91

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri nazzjonali kkontestati fil-kawża Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92) ġew adottati fil-perijodu tas-sena 1986 sas-sena 1990, u l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fl-1996, jiġifieri ferm qabel il-bidu tat-tielet stadju għall-implementazzjoni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, bl-introduzzjoni tal-Euro, it-twaqqif tas-Sistema Euro u l-emendi relatati mat-Trattati tal-Unjoni. Għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

92

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 jistgħu jwassal għall-konstatazzjoni li l-Komunikazzjoni dwar il-banek hija inkompatibbli mad-Direttiva 2012/30.

93

Madankollu, minbarra dak li ġie rrilevat fil-punti 72 u 84 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, skont l-Artikolu 123 tad-Direttiva 2014/59, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-Artikoli 29, 34 u 35 kif ukoll 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30 ma japplikawx fil-każ ta’ użu ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti mid-Direttiva 2014/59, ma jippermettix li jiġi konkluż li, qabel din id-data, derogi ta’ din in-natura kienu pprojbiti.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ħames domanda li l-Artikoli 29, 34, 35 u 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u l-kredituri subordinati bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

Fuq is-sitt domanda

95

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Komunikazzjoni dwar il-banek għandhiex tiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta’ konverżjoni jew ta’ tnaqqis fil-valur ta’ dejn subordinat, kif previsti fil-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni, jikkostitwixxu kundizzjoni neċessarja u suffiċjenti sabiex għajnuna mill-Istat taħt din il-komunikazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jew jekk huwiex biżżejjed, sabiex tawtorizza din l-għajnuna, li d-dejn subordinat ikun ikkonvertit jew iddeprezzat b’mod proporzjonat.

96

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) tixtieq tkun taf jekk, fil-każ li bank ma jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji minimi għall-kapital, fis-sens tal-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, għandhomx jittieħdu miżuri ta’ żvalutar ta’ dejn subordinati sabiex dawn jikkumpensaw b’mod sħiħ it-telf kollu mġarrab mill-bank jew jekk dawn il-miżuri jistgħux jitwettqu parzjalment, b’mod proporzjonat.

97

Konformement mal-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni, fil-każ li bank ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi għall-kapital, liema fatt ifisser li dan il-kapital ma jkunx jista’ jassorbi, waħdu, it-telf tal-bank, id-dejn subordinat ikollu jiġi kkonvertit jew ikun suġġett għal tnaqqis fil-valur tiegħu, bħala prinċipju, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil dan il-bank. Barra minn hekk, skont l-istess punt 44, l-għajnuna mill-Istat għandha tingħata biss ladarba l-kapital u d-dejn subordinat ikunu kkontribwixxew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf tal-bank.

98

Kif tfakkar fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, minn naħa, il-Kummissjoni, billi tadotta regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom għall-każijiet milquta minnhom, tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, tmur kontra r-regoli tagħha mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dak tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ tali regoli ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka.

99

Minn dan isegwi li l-fatt li miżura ta’ għajnuna mill-Istat tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 44 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jikkostitwixxi kundizzjoni, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern, iżda mhux strettament neċessarju għal dan il-għan.

100

Għaldaqstant Stat Membru ma huwiex marbut li jimponi fuq il-banek f’diffikultà, qabel l-għoti ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat, li jikkonvertu d-dejn subordinat f’kapital jew li jnaqqsu l-valur tiegħu, u lanqas li jikkontribwixxu b’mod sħiħ għal dan id-dejn sabiex jassorbu t-telf. F’każ bħal dan, l-għajnuna mill-Istat prevista madankollu ma tistax titqies li ġiet limitata għall-minimu strett, kif jirrikjedi l‑punt 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek. L-Istat Membru kif ukoll il-banek benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat jieħdu r-riskju li jkunu qed imorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq intern.

101

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar il-banek tipprovdi, fil-punt 45, li eċċezzjoni għar-rekwiżiti li jinsabu b’mod partikolari fil-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni tista’ tingħata meta l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ konverżjoni jew ta’ tnaqqis fil-valur tad-dejn “tista’ tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati”. B’hekk, ma jistax jiġi impost fuq bank li jikkonverti jew inaqqas il-valur tad-dejn kollu subordinat qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jekk, b’mod partikolari, il-konverżjoni jew it-tnaqqis fil-valur ta’ parti mid-dejn subordinat kienu jkunu biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital tal-bank ikkonċernat.

102

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandha tingħata risposta għas-sitt domanda li l-Komunikazzjoni dwar il-banek għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri ta’ konverżjoni jew ta’ tnaqqis fil-valur tad-dejn subordinat, kif previsti fil-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapital tal-bank ikkonċernat.

Fuq is-seba ’ domanda

103

Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati, kif previst fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

104

Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/24, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, għandha l-għan li twaqqaf sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni, mingħajr ma hija intiża li tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39).

105

Dan l-għan jirrikjedi li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri l-Istat Membru li fih istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet awtorizzata, jipproduċu, fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-effetti attribwiti lilhom mill-liġi ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 22).

106

Konformement mas-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, “‘miżuri ta’ riorganizzazzjoni’ għandhom ifissru miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

107

Kif sostnew il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali li tkellmu fuq din il-kwistjoni, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, u mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta; “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” li hija tipprevedi, jirriżulta li l-miżuri ta’ qsim tal-ispejjeż kif previsti fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jistgħu jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorgannizzazzjoi”, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

108

Fil-fatt, minn naħa, peress li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet huma intiżi li jtejbu l-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ kapital tagħhom, kif ġie spjegat fil-punt 43 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek, dawn il-miżuri huma maħsuba sabiex jippreżervaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu.

109

Min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, b’mod partikolari l-konverżjoni tal-valur ta’ dejn subordinat f’kapital jew it-tnaqqis tal-valur ta’ dan id-dejn, min-natura tagħhom stess, jistgħu jaffettwaw id-drittijiet preeżistenti ta’ terzi u, b’hekk, iwasslu għal tnaqqis tal-krediti.

110

Sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorgannizzazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2001/24, xorta madankollu huwa neċessarju, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 6 u mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ikunu ġew adottati minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja. Għall-kuntrarju, meta l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet ikunu deċiżi u implementati mill-azzjonisti jew mill-kredituri subordinati, mingħajr ebda intervent minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, dawn il-miżuri ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri ta’ riorganizzazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

111

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-fatt li s-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 ġie emendat bl-Artikolu 117 tad-Direttiva 2014/59, sabiex jinkludi espressament il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizazzjoni” l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni previsti minn din l-aħħar direttiva — li huma analogi għall-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati — jippermettix li, fid-data tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dawn l-aħħar miżuri ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

112

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

113

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 143 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-emenda għandha tinqara fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 2001/24 ma kellhiex l-intenzjoni li tarmonizza l-liġijiet rilevanti tal-Istati Membri iżda biss li tipprovdi sistema ta’ rikonoxximent reċiproku. Id-Direttiva 2014/59 madankollu tobbliga lill-Istati Membri sabiex jintroduċu ċerti miżuri intiżi sabiex jirriorganizzaw il-banek, li jeħtieġ li dawn il-miżuri jkunu identifikati speċifikament sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din l-aħħar direttiva fl-Unjoni. Dan bl-ebda mod ma jimplika li miżuri pubbliċi simili ma kinux koperti minn qabel bid-definizzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

114

Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għas-seba’ domanda li s-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet kif previsti fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

Fuq l-ispejjeż

115

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, ta’ regoli dwar għajnuna mill-Istat biex isostni l-miżuri favur banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Il-Komunikazzjoni dwar il-banek”) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma għandhiex effett vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri.

 

2)

L-Artikoli 107 u 109 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u d-detenturi ta’ dejn subordinat bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

 

3)

Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u d-dritt ta’ proprjetà għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-ispejjeż bejn l-azzjonisti u d-detenturi ta’ dejn subordinat bil-għan l-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

 

4)

L-Artikoli 29, 34, 35 u 40 sa 42 tad-Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek sa fejn l-imsemmija punti jipprovdu għal kundizzjoni ta’ qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u d-detenturi ta’ dejn subordinat bil-għan tal-approvazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

 

5)

Il-Komunikazzjoni dwar il-banek għandha tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri ta’ konverżjoni jew ta’ tnaqqis fil-valur tal-kapital ibridu u tad-dejn subordinat, kif previsti fil-punt 44 ta’ din il-komunikazzjoni, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapital tal-bank ikkonċernat.

 

6)

Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet kif previsti fil-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Sloven.

Top