Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0482

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Ġunju 2017.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji – Direttiva 91/440/KEE – Artikolu 6(1) – Grupp Deutsche Bahn – Ftehimiet ta’ trasferiment ta’ profitti – Projbizzjoni ta’ trasferiment lis-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-għajnuna pubblika allokata għall-finijiet ta’ operat tal-infrastruttura ferrovjarja – Obbligi ta’ kontabbiltà – Direttiva 91/440/KEE – Artikolu 9(4) – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 6(1) – Punt 5 tal-anness – Obbligi ta’ kontabbiltà – Preżentazzjoni kuntratt b’kuntratt tal-għajnuna pubblika mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.
Kawża C-482/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:499

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Żvilupp ta’ linji tal-ferrovija Komunitarji — Direttiva 91/440/KEE — Artikolu 6(1) — Grupp Deutsche Bahn — Ftehimiet ta’ trasferiment ta’ profitti — Projbizzjoni ta’ trasferiment lis-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-għajnuna pubblika allokata għall-finijiet ta’ operat tal-infrastruttura ferrovjarja — Obbligi ta’ kontabbiltà — Direttiva 91/440/KEE — Artikolu 9(4) — Regolament (KE) Nru 1370/2007 — Artikolu 6(1) — Punt 5 tal-anness — Obbligi ta’ kontabbiltà — Preżentazzjoni kuntratt b’kuntratt tal-għajnuna pubblika mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku”

Fil-Kawża C-482/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-30 ta’ Ottubru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u T. Maxian Rusche kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, assistiti minn R. Van der Hout, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn I. Kucina kif ukoll minn J. Treijs-Gigulis u I. Kalniņš, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

peress li aċċettat li fondi pubbliċi li tħallsu għall-finijiet tal-operat tal-infrastruttura ferrovjarja jkunu jistgħu jiġu trasferiti lejn servizzi ta’ trasport, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32). [li qabel kien l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376), kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 376) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”)];

peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-metodu ta’ żamma tal-kontijiet ikun jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-fondi pubbliċi allokati għall-finijiet tal-operat tal-infrastruttura ferrovjarja lejn servizzi ta’ trasport, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2012/34 (li qabel kien l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440);

peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex it-tariffi tal-infrastruttura jintużaw biss għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ġestjoni tal-infrastruttura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2012/34 [li qabel kien l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet [l-impożizzjoni ta’ tariffi] għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404)];

peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-fondi pubbliċi mħallsa għal attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku jintwerew separatament fil-kontijiet korrispondenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2012/34 (li qabel kien l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440) u d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), u tal-punt 5 tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 91/440

2

Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 91/440 tipprovdi:

“Billi l-iżvilupp fil-ġejjieni u t-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-ferrovija tista’ teħfief jekk issir kull distinzjoni bejn il-ħolqien tas-servizzi tat-trasport u t-tħaddim ta’ l-infrastruttura; billi minħabba din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li dawn iż-żewġ attivitajiet ikunu mmmexxija b’mod separat u jkollhom żewġ kontijiet separati”.

3

L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Impriżi ferrovjarji li l-attività tagħhom hija limitata biss għall-għoti ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi is-“servizzi reġjonali” bħala “is-servizzi ta’ trasport mogħtija biex jaqdu l-bżonnijiet tat-trasport ta’ reġjun”.

5

Taħt it-taqsima II intitolata “Tmexxija indipendenti ta’ l-impriżi tal-ferroviji”, l-Artikolu 4 tal-istess direttiva jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn tidħol it-tmexxija, l-amminstrazzjoni u l-kontroll intern, l-affarijiet ekonomiċi u ta’ rendikonti l-impriżi tal-ferroviji għandhom status indipendenti li jridu jikkonformaw miegħu, b’mod partikolari, l-assi, l-estimi tal-baġit u r-rendikonti li huma differenti minn dawk ta’ l-Istat.

2.   Waqt li jirrispettaw l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar tariffi u allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-amministratur infrastrutturali għandu jkollu responsabbiltajiet għat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.”

6

Taħt l-imsemmija taqsima, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/440 jaqra kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi tal-ferroviji jaġġustaw l-attivitajiet tagħhom mas-suq u jmexxu dawk l-attivitajiet taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tat-tmexxija tagħhom, fl-interess li jagħtu servizz effiċjenti u xieraq bl-inqas prezz possibbli għas-servizz meħtieġ.

Impriżi tal-ferrovija se jkunu mmexxija b’mod konformi mal-prinċipji li jgħoddu għall-kumpanniji kummerċjali; dan se jgħodd wkoll għall-obbligazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi tagħhom imposti mill-Istati u għall-kuntratti tas-servizzi pubbliċi li huma jiffirmaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru.

2.   L-impriżi tal-ferroviji jridu jiddeterminaw il-pjanijiet tad-dħul u nfiq tagħhom, inkluż l-investiment tagħhom u l-iffinanzjar tal-programmi. Dawn il-pjanijiet iridu jkunu ddisinjati biex jiksbu l-ekwilibriju finanzjarju ta’ l-impriżi u l-għanijiet l-oħra tekniċi, kummerċjali u finanzjarji tat-tmexxija; dawn iridu jistabbilixxu wkoll il-metodu tat-twettiq.

[…]”

7

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, fil-verżjoni inizjali tagħha, kien ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-rendikonti għan-negozju marbuta ma’ l-għoti ta’ servizzi tat-trasport u dawk għan-negozju marbuta mat-tmexxija ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija jinżammu b’mod separat. Għajnuna mogħtija lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività ma tista tkun trasferita għall-ieħor.

Il-kontijiet għal dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività għandhom jinżammu b’mod li jirrifletti din il-projbizzjoni.”

8

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jassiguraw li accounts ta’ profitt u telf u paġni tal-bilanċ jinżammu u jkunu ppubblikati, minn naħa għall-kummerċ irrelatat mal-provvediment ta’ servizzi ta’ trasport minn impriżi ferrovjarji u, minn naħa l-oħra, għall-kummerċ irrelatat ma’ l-immaniġġjar tal infrastruttura ferrovjarja. Għajnuna pubblika mħallsa lil waħda minn dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività ma jistgħux jiġu trasferiti lill-oħra.

Il-kontijiet għal dawn iż-żewġ oqsma ta’ attività għandhom jinżammu b’mod li jirrifletti din il-projbizzjoni.”

9

L-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva, miżjud bid-Direttiva 2001/12, huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ impriżi ferrovjarji l-kontijiet ta’ qligħ u ta’ telf, u jew il-karti tal-bilanċ jew il-prospetti annwali ta’ assi jew responsabbiltajiet għandhom jinżammu u jiġu ppubblikati għal kummerċ irrelatat mal-forniment ta’ servizzi tat-trasport ta’ merkanzija bil-ferrovija. Fondi mħallsa għal attivitajiet irrelatati mal-forniment tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bħal dħul minn funzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandhom jintwerew separatament fil-kontijiet separati rilevanti u ma jistgħux jiġu trasferiti għal attivitajiet irrelatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport oħra jew xi kummerċ ieħor.”

10

L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/440 ġiet stabbilita, bl-Artikolu 15 tagħha, għall-1 ta’ Jannar 1993.

11

B’applikazzjoni tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2012/34, id-Direttiva 91/440 tħassret b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012. Permezz ta’ rettifika ppubblikata fit-12 ta’ Marzu 2015 (Rettifika, ĠU 2015 L 67, p. 32, iktar ’il quddiem ir-“rettifika tat-12 ta’ Marzu 2015”), id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-tħassir ta’ din id-direttiva ġiet stabbilita għas-17 ta’ Ġunju 2015.

Id-Direttiva 2001/12

12

Il-premessa 9 tad-Direttiva 2001/12 tgħid:

“Sabiex tiġi promossa l-operazzjoni effiċjenti tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u sabiex tiġi assigurata trasparenza fl-iffinanzjar tagħhom, inkluż il-kumpens finanzjarju kollu jew l-għajnuna mħallsa mill-Istat, hemm bżonn li jinżammu separati l-kontijiet tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija.”

Id-Direttiva 2001/14

13

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet, inklużi meta approprjat ħlasijiet bil-quddiem, biex jaċċertaw li, taħt kundizzjonijiet normali tal-kummerċ u f’terminu raġonevoli, il-kontijiet ta’ amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom għall-inqas jibbilanċjaw dħul minn piżijiet [tariffi għall-użu] ta’ l-infrastruttura, iż-żejjed minn attivitajiet kummerċjali oħrajn u fondi mill-Istat fuq naħa waħda, u spejjeż infrastrutturali oħrajn fuq in-naħa l-oħra.

Bla ħsara għall-iskop possibbli fit-tul ta’ koperta ta’ l-utent ta’ l-ispejjeż infrastrutturali għall-modi kollha tat-trasport abbażi ta’ kompetizzjoni ġusta, kompetizzjoni non-diskriminatorja bejn il-modi varji, meta t-trasport bil-ferrovija jista’ jikkompeti ma’ modi oħrajn tat-trasport, fil-qafas tat-tarifffi ta’ l-Artikoli 7 u 8, Stat Membru jista’ jeħtieġ lill-amministratur ta’ l-infrastruttura jibbilanċja l-kontijiet tiegħu mingħar fondi ta’ l-Istat.”

14

L-Artikolu 7(1) u (3) ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“1.   Il-piżijiet [tariffi] għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji għandhom jitħallsu lill-amministratur ta’ l-infrastruttura u jintużaw biex jipprovdu fondi għan-negozju tiegħu.

[…]

3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija.”

15

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex ikun hemm irkupru sħiħ ta’ l-ispejjeż magħmula mill-amministratur ta’ l-infrastruttura, Stat Membru jista’, jekk is-suq jiflaħ dan, jimponi mark-ups fuq bażi ta’ prinċipji effiċjenti, trasparenti u non-diskriminatorji, waqt li jiggarantixxu kompetittività ottima partikolarment ta’ merkanzija internazzjonali bil-ferrovija. Is-sistema tal-piżijiet [tat-tariffi] għandha tirrispetta ż-żidiet [fil-produttività] akkwistati minn impriżi tal-ferroviji.

Iżda l-livell tal-piżijiet m’għandux jeskludi l-użu ta’ infrastruttura minn taqsimiet tas-suq li jistgħu iħallsu għall-inqas l-ispejjeż magħmula direttament b’riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrovija, u rata tar-ritorn li jiflaħ għaliha s-suq.”

16

It-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/14 ġiet stabbilita, bl-Artikolu 38 tagħha, għall-15 ta’ Marzu 2003.

17

B’applikazzjoni tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2012/34, id-Direttiva 2001/14 tħassret b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012. Permezz tar-rettifika tat-12 ta’ Marzu 2015, id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-tħassir ta’ din id-direttiva ġiet stabbilita għas-17 ta’ Ġunju 2015.

Ir-Regolament Nru 1370/2007

18

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa fformulat kif ġej:

“Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.”

19

Il-punti 2 u 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”, jipprevedu:

“2.   Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

Spejjeż magħmula b’rabta ma’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew grupp ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f’kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f’regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta’ kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta’ servizz pubbliku in kwistjoni,

bit-tnaqqis ta’ tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett ta’ l-obbligu(i) tas-servizz pubbliku in kwistjoni,

biż-żieda ta’ qligħ raġonevoli,

ugwali għall-effett finanzjarju nett.

[…]

5.   Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati sussidji reċiproċi, fejn operatur ta’ servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati soġġetti għall-obbligi ta’ servizz ta’ trasport pubbliku, iżda wkoll jidħol f’attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija għandhom ikunu separati sabiex jiġu sodisfatti mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

il-kontijiet tal-operat li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjon ta’ l-assi li jikkorrispondu u l-ispejjeż fissi għandhom jiġu allokati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ;

l-ispejjeż kollha varjabbli, kontribut adegwat għall-ispejjeż fissi u qligħ raġonevoli marbut ma’ kwalunkwe attività oħra ta’ l-operatur tas-servizz pubbliku, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu debitati fuq is-servizz pubbliku in kwistjoni;

l-ispejjeż ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu bbilanċjati mid-dħul mill-operat u l-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta’ trasferiment tad-dħul lil kwalunkwe settur ieħor ta’ l-attività ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku.”

Id-Direttiva 2012/34

20

Il-premessa 1 tad-Direttiva 2012/34 tgħid:

“Id-Direttiva [91/440], id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 258] u d-Direttiva [2001/14] ġew emendati b’mod sostanzjali. Peress li jenħtieġu aktar emendi, dawn id-Direttivi għandhom jiġu riformulati u magħquda f’att wieħed fl-interess taċ-ċarezza.”

21

L-Artikolu 6(1) u (4) tad-Direttiva 2012/34, issostitwixxa l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, filwaqt li l-Artikolu 6(3) ta’ din l-ewwel direttiva ssostitwixxa l-Artikolu 9(4) ta’ din l-aħħar direttiva.

22

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 64(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, inkluż fir-rigward tal-konformità minn impriżi, operaturi, applikanti, awtoritajiet u entitajiet oħra kkonċernati sa 16 ta’ Ġunju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.”

23

Skont l-Artikolu 65 tal-istess direttiva, “[i]d-direttivi [91/440] [...] u [2001/14], kif emendati bid-Direttivi elenkati fil-Parti A tal-Anness IX huma mħassra b’effett minn 15 ta’ Diċembru 2012, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fil-Parti B tal-Anness IX fil-liġi nazzjonali.” Permezz tar-rettifika tat-12 ta’ Marzu 2015, id-data ta’ dħul fis-seħħ tat-tħassir ta’ dawn id-direttivi ġiet stabbilita għas-17 ta’ Ġunju 2015.

Id-dritt Ġermaniż

24

L-Artikolu 9 tal-Allgemeines Eisenbahngesetz (liġi ġenerali dwar il-linji ferrovjarji), tas-27 ta’ Diċembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 2378, 2396; 1994 I, p. 2439) (iktar ’il quddiem l-“AEG”), jipprevedi:

“(1)   Il-kumpanniji pubbliċi tal-linji ferrovjarji

1.

li jkunu kemm impriżi tat-trasport ferrovjarju kif ukoll impriżi tal-infrastruttura ferrovjarja,

2.

a)

li jkunu biss impriżi tat-trasport ferrovjarju u jkunu marbuta, permezz ta’ kumpannija omm, ma’ impriża tal-infrastruttura ferrovjarja li tkun kumpannija pubblika tal-linji ferrovjarji, jew

b)

li jkunu biss impriżi tal-infrastruttura ferrovjarja u jkunu marbuta, permezz ta’ kumpannija omm, ma’ impriża tat-trasport ferrovjarju li tkun kumpannija pubblika ta’ linja ferrovjarja, jew

3.

li jkunu, bħala impriża tat-trasport ferrovjarju jew tal-infrastruttura ferrovjarja, il-kumpannija omm jew is-sussidjarja ta’ impriża oħra ta’ trasport ferrovjarju jew tal-infrastruttura ferrovjarja li tkun kumpannija pubblika tal-linji ferrovjarji

għandhom l-obbligu, għalkemm dawn ma jkunux fil-forma ta’ kumpanniji b’kapital azzjonarju, li jistabbilixxu, li jivverifikaw u li jippubblikaw kontijiet annwali u rapport dwar il-ġestjoni konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji kbar b’kapital azzjonarju msemmija fit-tieni taqsima tat-tielet ktieb tal-Kodiċi Kummerċjali. […]

(1a)   Il-kumpanniji pubbliċi tal-linji ferrovjarji fis-sens tal-punt 1, tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, għandhom jisseparaw iż-żewġ setturi fil-kontabbiltà tagħhom; dan jinkludi iż-żamma ta’ kontijiet separati għas-settur ‘provvista ta’ servizzi tat-trasport’ u għas-settur ‘ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja’. Għal kull settur fis-sens tal-ewwel sentenza kif ukoll għal settur estern għalihom, huma għandhom jinkludu bħala anness għall-kontijiet annwali tagħhom karti tal-bilanċ u kont tal-qligħ u t-telf supplimentari, miżmuma konformement mal-prinċipji tad-dritt kummerċjali. […]

(1b)   Il-fondi pubbliċi mħallsa lil wieħed minn dawn iż-żewġ setturi ta’ attività imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1a, ma jistgħux jiġu ttrasferiti lill-ieħor. Il-kontijiet għal dawn iż-żewġ setturi ta’ attività għandhom jinżammu b’mod li jirriflettu din il-projbizzjoni. Dan japplika wkoll għall-impriżi fis-sens tal-punti 2 u 3, tal-ewwel sentenza, tal-paragrafu 1.

[…]

(1d)   Għall-impriżi pubbliċi tat-trasport ferrovjarju li jipprovdu servizzi ferrovjarji kemm fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, il-paragrafu 1a japplika mutatis mutandis, peress li għandhom jiġu stabbiliti kontijiet separati u għandhom jiġu inklużi karti tal-bilanċ u kont tal-qligħ u t-telf separati bħala anness għal kontijiet annwali biss għas-settur tat-trasport ta’ merkanzija bil-ferrovija u li dawn il-karti tal-bilanċ jistgħu jiġu ssostitwiti b’dikjarazzjoni tal-assi. Il-fondi pubbliċi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bħala abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandhom jintwerew separatament fil-kontijiet korrispondenti u ma jistgħux jiġu ttrasferiti għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport oħra jew xi attività oħra.

[…]”

25

L-Artikolu 14(4) tal-AEG huwa fformulat kif ġej:

“L-amministraturi tal-linji ferrovjarji għandhom jiffissaw it-tariffi tagħhom b’mod konformi ma’ digriet adottat skont il-punti 6 u 7 tal-Artikolu 26(1), b’mod li jpaċu l-ispejjeż imġarrba minnhom għall-provvista tas-servizzi minimi kollha fis-sens tal-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, flimkien ma’ rata ta’ redditu, jekk is-suq ikun jippermetti dan. B’dan il-mod, huma jistgħu jirċievu mark-ups fuq l-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, filwaqt li tista’ ssir distinzjoni kemm skont is-servizzi ta’ trasport għall-passiġġieri fuq distanza twila, ta’ trasport għall-passiġġieri fuq distanza qasira jew trasport ta’ merkanzija bil-ferrovija kif ukoll skont is-setturi tas-suq fi ħdan dawk is-servizzi tat-trasport, filwaqt li tiġi ggarantita l-kompetittività, b’mod partikolari għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bil-ferrovija. Madankollu, il-livell tat-tariffi ma jistax jeċċedi, fir-rigward tat-tieni sentenza, għal settur tas-suq, l-ispiża direttament imputabbli għall-operat tas-servizz ferrovjarju, flimkien ma’ rata ta’ redditu, jekk is-suq ikun jippermetti dan.”

26

Is-sussidji għall-investimenti ta’ sostituzzjoni fin-netwerk eżistenti huma stabbiliti mill-Leistungs- und Finanzierungsvereinbarung (ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi u finanzjament), tad-9 ta’ Jannar 2009, kif emendat fl-4 ta’ Novembru 2010 u fis-6 ta’ Settembru 2013, konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-impriżi tal-infrastruttura ferrovjarja ta’ Deutsche Bahn AG u ma’ din tal-aħħar. Dan il-ftehim ġie ssostitwit, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015, bil-Leistungs- und Finanzierungsvereinbarung II (ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi u l-finanzjament II, iktar ’il quddiem il-“LuFV II”) li implementa, b’mod partikolari, ċirkwit ta’ finanzjament magħluq għall-profitti li jirriżultaw mill-infrastruttura li huma kompletament imħallsa lill-Istat federali qabel ma jiġu investiti mill-ġdid bħala tali fl-infrastruttura.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

27

Il-grupp Deutsche Bahn (iktar ’il quddiem il-“grupp DB”) jopera fis-settur tat-trasport nazzjonali u internazzjonali tal-merkanzija u tal-passiġġieri, tal-loġistika u tal-provvista ta’ servizzi anċillari fit-trasport bil-ferrovija, immexxi mill-kumpannija holding ta’ ġestjoni Deutsche Bahn AG (iktar ’il quddiem, “DB AG”).

28

Skont l-Artikolu 9a tal-AEG, il-ġestjoni tal-elementi tal-infrastruttura ferrovjarja imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2012/34, kif ukoll fl-Anness I tagħha jitwettaq minn DB Netz AG. DB Station & Service AG u DB Energy GmbH imexxu elementi oħra tal-infrastruttura fis-sens ta’ din id-direttiva.

29

Il-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ trasport tal-grupp hija, min-naħa tagħha, imwettqa minn sussidjarji speċifiċi ta’ DB Mobility Logistics AG, li hija sussidjarja 100% ta’ DB AG, fosthom DB Regio AG.

30

DB AG ikkonkludiet mas-sussidjarji tagħha ftehimiet ta’ kontroll u ta’ trasferiment tal-profitti (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti”). Dawn il-ftehimiet jipprevedu t-trasferiment tal-profitti kollha tas-sussidjarji kkonċernati lil DB AG, mingħajr limitazzjoni fir-rigward tal-użu minnha ta’ dawn il-profitti. Fl-istess ħin dawn jobbligaw lil din tal-aħħar tkopri t-telf tas-sussidjarji tagħha.

Il-proċedura prekontenzjuża

31

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ksur possibbli tad-Direttivi 91/440 u 2001/14 kif ukoll tar-Regolament Nru 1370/2007 peress li l-kontabbiltà ta’ DB AG ma kinitx tosserva l-projbizzjonijiet tat-trasferiment għal oqsma oħra u, b’mod partikolari, għat-trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija, l-ewwel nett, tal-fondi pubbliċi intiżi għall-infrastrutturi ferrovjarja, sussegwentement, tal-kumpens għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri fuq bażi reġjonali, ipprovduti abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, u, fl-aħħar nett, tat-tariffi għall-użu tan-netwerk ferrovjarju.

32

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2013, dan l-Istat Membru rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni tal-Kummissjoni u kkontesta l-allegazzjonijiet tagħha.

33

Fil-21 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni għalhekk ħarġet opinjoni motivata li fiha irrepetiet il-pożizzjoni tagħha diġà esposta fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha billi għamlet riferiment mhux biss għar-Regolament Nru 1370/2007, iżda wkoll għad-Direttiva 2012/34 li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2012 u li ssostitwixxiet id-Direttivi 91/440 u 2001/14 fuq il-punti rilevanti. Fiha hija stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

34

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Awwissu 2013, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għall-imsemmija opinjoni motivata billi rrepetiet u żviluppat l-argumenti li hija kienet diġà sostniet preċedentement.

35

Billi qieset li s-sitwazzjoni ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors fl-intier tiegħu u ta’ kull wieħed mill-ilmenti

36

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-erba’ ilmenti invokati mill-Kummissjoni, meħuda kemm flimkien kif ukoll individwalment, huma vvizzjati minn insuffiċjenza ta’ preċiżjoni marbuta ma’ terminoloġija mhux preċiża u mhux uniformi, li tostakola lil dan l-Istat Membru milli jifhem il-prattiki u l-ommissjonijiet li għalihom ġie kkritikat kif ukoll il-portata ta’ dawn l-ilmenti. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma ppreċiżatx jekk in-nuqqasijiet ikkritikati lilha jikkonsistux f’traspożizzjoni insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni, implementazzjoni insuffiċjenti tal-liġi jew aġir illegali bħala proprjetarju ta’ DB AG.

37

Għal kull wieħed minn dawn l-erba’ ilmenti, hija ssostni li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx liema aġir konkret jikser id-dispożizzjonijiet inkwistjoni u li, peress li semmiet biss il-kuntratti konklużi fi ħdan il-grupp DB, hija ma identifikatx id-dispożizzjoni legali nazzjonali li l-kontenut jew l-applikazzjoni tagħha tikser il-formulazzjoni jew l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

38

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tagħha dwar din id-dispożizzjoni, jirriżulta li kull rikors promotur fil-qasam tar-rikorsi diretti għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati insostenn tar-rikors, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-233/14, EU:C:2016:396, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkontestat, li hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il-motivi ta’ difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-233/14, EU:C:2016:396, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ u kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni tindika preċiżament, fir-rikors promotur tagħha, kemm id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li allegatament inkisru mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll il-fatti li għalihom din ġiet ikkritikata, jiġifieri, fir-rigward tal-ewwel tliet ilmenti, l-eżistenza tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti konklużi bejn DB AG u d-diversi sussidjarji tagħha li jippermettu lil DB AG tiddisponi mill-profitti ttrasferiti għal kwalunkwe għan, mingħajr restrizzjoni u indipendentement mill-oriġini tagħhom u, fir-rigward tar-raba’ lment, l-assenza ta’ indikazzjoni separata, fil-kontijiet ta’ DB Regio, tal-fondi pubbliċi mħallsa għall-attivitajiet tagħha relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tagħha.

42

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li la l-formulazzjoni tar-rikors tal-Kummissjoni fl-intier tiegħu u lanqas dik ta’ kull wieħed mill-ilmenti mqajma minnha ma jħallu lok għad-dubji evokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-kawża tirrigwardax traspożizzjoni insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni jew implementazzjoni insuffiċjenti tal-liġi jew aġir illegali bħala proprjetarju ta’ DB AG.

43

Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni speċifikament indikat, fl-opinjoni motivata tagħha, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja donnha kienet ittrasponiet formalment d-dispożizzjonijiet kontenzjużi, kemm mid-deskrizzjoni ddettaljata tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti konklużi bejn DB AG u s-sussidjarji differenti tagħha kif ukoll mill-preżentazzjoni tal-kompożizzjoni u tat-trasferiment tal-profitti ta’ DB Netz, ta’ DB Station & Services kif ukoll ta’ DB Energie, jirriżulta b’mod ċar li huma kkonċernati biss ir-relazzjonijiet finanzjarji interni tal-grupp DB li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u mhux xi traspożizzjoni mhux korretta tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tifhem il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li ġiet ikkritikata bih.

Fuq il-bażi legali tar-rikors

– L-argumenti tal-partijiet

45

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li dan ir-rikors huwa wkoll inammissibbli sa fejn il-petitum tiegħu jsemmi d-Direttiva 2012/34 li t-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha jiskadi fis-16 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri wara d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat minnha. Skont dan l-Istat Membru, kienu rilevanti biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 91/440 u 2001/14.

46

Fir-risposta tagħha, li ġiet ippreżentata wara l-pubblikazzjoni mill-Kunsill tar-rettifika tat-12 ta’ Marzu 2015 li tistabbilixxi is-17 ta’ Ġunju 2015, u mhux iktar fil-15 ta’ Diċembru 2012, bħala d-data għat-tħassir tad-Direttivi 91/440 u 2001/14, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tibbaża, jekk ikun hemm bżonn, il-konstatazzjonijiet mitluba minnha abbażi tad-Direttiva 2012/34 fil-punti 1 sa 4 tal-petitum ta’ dan ir-rikors fuq id-Direttivi 91/440 u 2001/14, imsemmija sussidjarjament fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Fid-data tal-ħruġ tal-opinjoni motivata kif ukoll fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, id-Direttiva 91/440 u d-Direttiva 2001/14 kienu tneħħew mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni sussegwentement għat-tħassir tagħhom permezz tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2012/34, b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012.

48

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija biss id-Direttiva 2012/34 li setgħet tiġi invokata mill-Kummissjoni u li setgħet tikkostitwixxi l-bażi tar-rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat minnha.

49

Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-punt 1 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-petitum ta’ dan ir-rikors, żgurat li, għal kull wieħed mill-ilmenti invokati, issemmi mhux biss l-artikolu inkwistjoni tad-Direttiva 2012/34 iżda wkoll id-dispożizzjoni korrispondenti fid-Direttivi 91/440 u 2001/14, b’tali mod li teskludi għalhekk kwalunkwe inċertezza fuq l-identifikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fid-dawl tiegħu għandha tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors jew fir-rigward tal-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-252/13, EU:C:2014:2312, punti 35 sa 37).

50

Minbarra dan, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista’ titlob li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li joriġinaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, li tkun sussegwentement ġiet emendata jew imħassra, u li jkunu nżammu fis-seħħ permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C-281/11, EU:C:2013:855, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ir-rikors tagħha jirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2012/34 li kienu diġà inklużi fid-Direttivi 91/440 u 2001/14.

51

Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli fl-intier tiegħu.

Fuq il-mertu

52

Qabel kollox u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pubblikazzjoni tar-rettifika tat-12 ta’ Marzu 2015, li bis-saħħa tagħha d-data ta’ tħassir tad-Direttivi 91/440 u 2001/14 ġiet stabbilita għas-17 ta’ Ġunju 2015, għandu jiġi rrilevat li, fid-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors (sentenza tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C-288/12, EU:C:2014:237, punt 29), jiġifieri l-21 ta’ Awwissu 2013, li huwa t-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, id-Direttivi 91/440 u 2001/14 kienu applikabbli ratione temporis.

53

Għaldaqstant, il-mertu ta’ dan ir-rikors għandha tiġi evalwata fuq il-bażi, għall-ewwel u għat-tieni lmenti tiegħu, tal-Artikolu 6(1), tad-Direttiva 91/440, għat-tielet ilment tiegħu, tal-Artikolu 7(1), tad-Direttiva 2001/14 u, għar-raba’ lment tiegħu, tal-Artikolu 9(4), tad-Direttiva 91/440 moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament.

54

Barra minn hekk, fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, ġie rrilevat li l-Kummissjoni ma tilmentax dwar il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja wettqet traspożizzjoni mhux korretta tad-direttivi kontenzjużi. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-argumenti żviluppati f’dan ir-rigward minn dan l-Istat Membru fil-kuntest tal-kontestazzjoni tiegħu tal-ewwel sat-tielet ilmenti.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 sa fejn iż-żamma tal-kontijiet tas-sussidjarji ta’ DB AG responsabbli għall-ġestjoni ta’ infrastrutturi ferrovjarji ma tippermettix il-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment lejn is-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-fondi pubbliċi allokati għall-infrastruttura ferrovjarja

– L-argumenti tal-partijiet

55

Permezz tat-tieni lment tagħha, li qabelxejn għandha tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-metodu ta’ żamma tal-kontijiet tas-sussidjarji tal-grupp DB amministraturi ta’ infrastrutturi ferrovjarji li, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, ma jippermettix il-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment lejn is-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-fondi pubbliċi allokati għall-finijiet tal-operat tal-infrastruttura ferrovjarja.

56

Fil-fatt, peress li l-fondi pubbliċi użati għax-xiri ta’ elementi tal-assi tal-amministraturi ta’ infrastrutturi la huma mniżżla fil-kontijiet tal-qligħ u telf tagħhom u lanqas fil-karti tal-bilanċ tagħhom, skont il-Kummissjoni, dan ma jippermettix li jsir magħruf liema partijiet tal-profitti ta’ dawn l-amministraturi, li jistgħu jiġu ttrasferiti lil DB AG b’applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti kontenzjużi, joriġinaw minn fondi pubbliċi u lanqas ma jippermetti li l-profitti jinqasmu bejn l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji u attivitajiet oħra tal-imsemmija amministraturi. B’dan il-mod, DB AG, li lilha x’aktarx jiġu ttrasferiti l-profitti mhux iddifferenzjati tas-sussidjarji tagħha amministraturi ta’ infrastrutturi ferrovjarji, tkun tista’ tużahom fid-diskrezzjoni tagħha.

57

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni qed tagħmel interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni kontenzjuża meta hija tassimila b’mod żbaljat “karti tal-bilanċ” u “kontabbiltà” u li r-rekwiżit ta’ trasparenza previst fiha ma jeżiġix li l-fondi pubbliċi jkunu jidhru fil-kontabbiltà esterna tal-impriża, jiġifieri fil-karti tal-bilanċ, fir-rapport tal-introjtu jew fir-rapport dwar il-ġestjoni. Din teżiġi biss separazzjoni tal-kontijiet tal-impriżi tat-trasport u tal-infrastruttura, rekwiżit li ġie ssodisfatt f’dan il-każ, peress li DB Netz, DB Station & Service u DB Energie huma legalment awtonomi u ma jipprovdux servizzi ta’ trasport. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex li jiġi kkontrollat li l-fondi jintużaw għar-raġuni li għalih ġew allokati, iżda biss li jiġi żgurat aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura.

58

Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludix rekwiżit iktar wiesa’ u speċifiku minn dak ta’ żamma ta’ kotba u ta’ kontabbiltà li tippermetti l-kontroll tal-osservanza tal-projbizzjoni ta’ trasferiment. Dan l-obbligu limitat huwa kkonfermat mir-rieda tal-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ pakkett ferrovjarju ppreżentat minnha, biex tiżdied is-separazzjoni taċ-ċirkwiti finanzjarji tal-amministraturi ta’ infrastrutturi u ta’ impriżi ta’ trasport.

59

Barra minn hekk, hija żżid li, kull sena, il-kumpanniji tal-grupp DB iżommu u jippubblikaw kontijiet tal-qligħ u telf u tal-karti tal-bilanċ separati, minn naħa, għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport minn impriżi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, għall-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja.

60

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-fatt li l-fondi pubbliċi ma humiex inklużi fl-attiv tal-karti tal-bilanċ ma jfissirx li ma kinux ġew irreġistrati għal finijiet ta’ kontabbiltà interna.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61

Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tar-raba’ premessa ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif indikat mit-titolu tat-taqsima li jaqa’ taħtha, l-għan tiegħu huwa li tiġi żgurata s-separazzjoni bejn il-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u l-attività ta’ trasport ferrovjarju, b’tali mod li l-imsemmija attivitajiet ikunu jistgħu jiġu amministrati separatament, iżda wkoll li l-għajnuna pubblika mħallsa għal waħda minn dawn iż-żewġ attivitajiet ma tkunx tista’, permezz ta’ sussidji reċiproċi, tiġi ttrasferita minn waħda għall-oħra.

62

Għal dan il-għan, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 jimponi ż-żamma ta’ kontijiet tal-qligħ u telf u tal-karti tal-bilanċ separati, minn naħa, għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport minn impriżi ferrovjarji u, min-naħa l-oħra, għall-attivitajiet relatati mal-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-mod kif il-fondi pubbliċi jiġu ttrattati fil-kontijiet, dan jispeċifika li dan għandu jippermetti li tkun riflessa l-projbizzjoni tat-trasferiment tagħhom.

63

Dan l-artikolu jimponi wkoll il-pubblikazzjoni tal-kontijiet relatati maż-żewġ attivitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja u tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju.

64

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward b’mod partikolari tal-għajnuna pubblika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ trasport ferrovjarju u li jamministraw l-infrastrutturi ferrovjarji mhux biss l-obbligu li jirreġistraw dawn il-fondi fil-kontijiet, sabiex jippermetti l-monitoraġġ kontabbli tagħhom, iżda wkoll li jippubblikaw dawn il-kontijiet sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-imsemmija fondi, li trid tippermetti l-verifikazzjoni oġġettiva tal-assenza ta’ sussidji reċiproċi bejn l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji u tat-trasport ferrovjarju.

65

Fil-fatt, l-għan imfittex mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 ma huwiex biss dak ta’ trattament kontabbli preċiż li jippermetti b’mod partikolari li jiġu identifikati l-għajnuna pubblika li ġew irċevuti mill-impriżi ferrovjarji, iżda wkoll dak ta’ trasparenza esterna tal-użu ta’ din l-għajnuna.

66

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65, 68 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, bl-użu tal-kelma “tirrifletti” f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiffaċilita l-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-għajnuna pubblika minn attività għall-oħra, monitoraġġ li diffiċilment jista’ jitwettaq mingħajr it-trasparenza kontabbli tal-impriżi ferrovjarji, li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sussidji reċiproċi, li huwa għan stabbilit tal-leġiżlazzjonijiet suċċessivi tal-Unjoni dwar it-trasport ferrovjarju, kemm fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2830/77, tat-12 ta’ Diċembru 1977, dwar il-miżuri neċessarji biex tintlaħaq paragunabbiltà bejn is-sistemi ta’ kontabbiltà u l-kontijiet annwali tal-impriżi ferrovjarji (ĠU 1977 L 334, p. 13), kif ukoll fil-kuntest tad-Direttiva 91/440 jew tad-Direttiva 2001/12.

67

F’dan ir-rigward u f’dak li jirrigwarda impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizzi tat-trasport tal-persuni u tal-merkanzija, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 jipprevedi obbligi ta’ kontabbiltà u ta’ pubblikazzjoni simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, bil-għan speċifiku, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2001/12, li jiġi żgurat ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-finanzi tagħhom, li jinkludi kull kumpens jew għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat.

68

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi tal-impriżi ferrovjarji huma limitati biss għar-reġistrazzjoni fil-kontabbiltà tagħhom tal-għajnuna pubblika li jirċievu, u dan anki jekk tali reġistrazzjoni hija ta’ natura li tippermetti, fuq il-pjan tal-kontabbiltà interna ta’ dawn il-kumpanniji, li jitwettaq il-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferimenti ta’ din l-għajnuna.

69

Issa, f’dan il-każ u bħalma jirrikonoxxi dan l-Istat Membru, il-għajnuna pubblika rċevuta mis-sussidjarji ta’ DB AG, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni ma tallegax li ma ġewx effettivament inklużi fil-kontabbiltà tagħhom, ma jidhrux fil-kontijiet tas-sussidjarji ta’ DB AG. Din l-ommissjoni, kif issostni l-Kummissjoni, tagħmilha impossibbli li jiġi ddeterminat liema ammont mill-profitti ttrasferiti mill-amministraturi tal-infrastrutturi lil DB AG huwa kompost minn tali għajnuna kif ukoll li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza kontabbli mfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

70

Konsegwentement, peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-metodu ta’ żamma tal-kontijiet ikun jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-fondi pubbliċi allokati għall-operat tal-infrastruttura ferrovjarja lejn is-servizzi tat-trasport, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440.

71

Għalhekk, it-tieni lment għandu jiġi milqugħ.

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 sa fejn il-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti jippermettu l-finanzjament tas-servizzi ferrovjarji b’fondi rriżervati għall-infrastruttura ferrovjarja

– L-argumenti tal-partijiet

72

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli taċċetta sistema ta’ ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti li tippermetti, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, it-trasferiment għall-attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju ta’ fondi pubbliċi allokati għall-operat tal-infrastruttura ferrovjarja.

73

Skont il-Kummissjoni, profitti miksuba minn sussidjarji ta’ DB AG li joperaw fis-swieq tal-infrastruttura u li ġew ittrasferiti lilha bis-saħħa tal-ftehim ta’ trasferiment tal-profitti intużaw għal attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport, u dan indipendentement mill-oriġini tal-profitti, konsegwentement, anki jekk dawn oriġinaw minn fondi pubbliċi mħallsa għal finijiet ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi.

74

F’dan ir-rigward, hija ssemmi l-kopertura ta’ telf ta’ kumpanniji tal-grupp DB li joffru servizzi tat-trasport, bħal DB Schenker Rail matul is-snin 2009 u 2010. Hija ssemmi wkoll il-finanzjament tax-xiri ta’ impriżi oħra tat-trasport mwettqa mill-grupp DB kif ukoll it-titjib tas-solvenza tagħha fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li matul il-perijodu mis-sena 2007 sas-sena 2011 DB Netz, DB Station & Service u DB Energie għamlu profitt biss minħabba d-dħul iġġenerat mill-infrastrutturi ferrovjarji u/jew mill-fondi pubbliċi u li, għaldaqstant, il-profitti ttrasferiti jinkludu elementi ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440.

75

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, minn naħa, li dan l-ilment jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 u, min-naħa l-oħra, li permezz tal-Artikolu 9(1b) tal-AEG, hija wettqet traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni.

76

Hija tqis li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 la jipprekludi s-sussidjarji milli jagħmlu profitt u lanqas milli jgħaddu sussegwentement dan il-profitt lill-kumpannija omm tagħhom, peress li dan jipprekludi biss it-trasferiment tal-fondi pubbliċi allokati għall-infrastruttura ferrovjarja, u mhux tad-dħul li l-impriżi responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja jiksbu mill-użu kummerċjali tagħhom.

77

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fehma tagħha, mill-proposta tad-Direttiva 2001/12 jirriżulta li din id-dispożizzjoni kienet intiża li tiżgura trattament ekwu u mhux diskriminatorju għall-impriżi ferrovjarji kollha, għan li seta’ jintlaħaq biss b’teħid inkunsiderazzjoni tal-finanzjament tal-infrastruttura fil-globalità kollha tagħha, b’minn naħa, l-ispejjeż kollha tagħha u, min-naħa l-oħra, it-totalità tad-dħul, jiġifieri l-fondi pubbliċi u t-tariffi għall-użu tan-netwerk.

78

Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-argument li l-kliem “għajnuna pubblika” inkluż fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 jindika biss il-fondi pubbliċi mogħtija minn baġit pubbliku u bis-saħħa ta’ bażi legali ddeterminata. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġu pprojbiti s-sussidji reċiproċi u kemm il-formulazzjoni tagħha kif ukoll ix-xogħol preparatorju jikkonfermaw li dawn huma fondi pubbliċi fis-sens ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, li tuża l-istess terminoloġija.

79

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkritika lill-Kummissjoni talli ma pprovatx l-allegazzjonijiet tagħha u ssemmi l-kontrolli fuq il-fondi kkonċernati mwettqa ex ante u ex post mill-Bundesnetzagentur (aġenzija federali tas-servizzi rregolati, il-Ġermanja) kif ukoll mill-Bundesrechnungshof (qorti federali tal-awdituri, il-Ġermanja).

80

Il-Gvern Taljan jiddikjara, min-naħa tiegħu, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440 jillimita ruħu li jistabbilixxi regoli tal-kontabbiltà sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sussidji reċiproċi. Huwa wkoll tal-fehma li xejn ma jipprekludi lill-amministratur tan-netwerk milli jiġġestixxi l-profitti b’mod awtonomu. F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-validità tal-istrutturi ta’ impriża fil-forma ta’ holding u li l-approċċ tal-Kummissjoni jnaqqas il-marġni ta’ awtonomija tal-ġestjoni tal-gruppi ferrovjarji, li jikser l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 91/440.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

B’applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, huma pprojbiti t-trasferimenti ta’ għajnuna pubblika mħallsa għal attività ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja għal attivitajiet ta’ provvista tat-trasport ferrovjarju u viċe-versa.

82

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ tali projbizzjoni jippreżupponi għalhekk, minn naħa, li hemm trasferiment ta’ “għajnuna pubblika” u, min-naħa l-oħra, li dan it-trasferiment serva għall-benefiċċju ta’ attività oħra minbarra dik li għaliha kienu ġew allokati l-fondi.

83

Issa, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti, anki li kieku kellu jitqies li taw lok għal trasferiment ta’ fondi pubbliċi, fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta, wasslu għal trasferimenti allegati ta’ ammonti, sabiex dawn jintużaw għall-finijiet ta’ attivitajiet tat-trasport ferrovjarju identifikabbli.

84

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u li għandha ġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-600/10, mhux ippubblikata, EU:C:2012:737, punt 13 u tal-10 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja, C-504/14, EU:C:2016:847, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-provi prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-fatti kkontestati, jiġifieri l-użu tal-profitti ttrasferiti fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti għall-finanzjament ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju minn fondi rriżervati għall-infrastruttura finanzjarja, huma ftit u saħansitra ma humiex iddokumentati u essenzjalment ċirkustanzjali.

86

Fir-rigward, qabel kollox, tal-elementi pprovduti insostenn tal-allegazzjoni ta’ trasferimenti tal-profitti intiżi sabiex jiġi bbilanċjat t-telf tal-operatur tat-trasport DB Schenker Rail magħmul matul is-snin 2009 u 2010, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tindika, billi tagħmel riferiment għall-opinjoni motivata tagħha, li kumpanniji ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi tal-grupp DB għamlu profitti u li, fl-istess ħin, DB AG ikkumpensat telf imġarrab minn kumpanniji tal-grupp DB li jwettqu attivitajiet ta’ trasport ferrovjarju, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet li l-ammonti użati għal dawn l-attivitajiet joriġinaw minn ammonti ġejjin minn waħda jew iktar mill-kumpanniji tal-grupp DB responsabbli għall-ġestjoni tal-infrastrutturi.

87

Fir-rigward, sussegwentement, tal-elementi pprovduti insostenn tal-allegazzjoni ta’ trasferimenti tal-profitti li ppermettew li DB AG tiffinanzja x-xiri ta’ impriżi fil-qasam tat-trasport, il-Kummissjoni ma tidentifikax, fis-sottomissjonijiet tagħha, liema huma l-impriżi kkonċernati, peress li limitat ruħha li tagħmel riferiment għal dan il-għan għall-opinjoni motivata tagħha, li ma tipprovdi l-ebda element minbarra l-isem fil-kummerċ ta’ dawn l-impriżi u, fi kwalunkwe każ, ma tipprovdix elementi dwar l-ammonti tax-xiri u dwar il-metodi tal-finanzjament tiegħu.

88

Fir-rigward, ukoll, tal-elementi pprovduti insostenn tal-allegazzjoni ta’ trasferimenti tal-profitti li ppermettew it-titjib tal-profitabbiltà kif ukoll is-solvenza tal-grupp DB, il-Kummissjoni tillimita ruħha li ssemmi indikazzjonijiet qosra inklużi f’rapporti minn aġenziji tal-klassifikazzjoni li ma humiex suffiċjentement probatorji fuq dan il-punt.

89

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-allegazzjoni ta’ trasferimenti tal-profitti ġejjin minn DB Netz, minn DB Station & Service jew minn DB Energie, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddikjara li l-profitti ta’ dawn il-kumpanniji, li hija tqis, mingħajr prova konkreta dwar dan, li twettqu biss bis-saħħa ta’ dħul iġġenerat mill-użu tal-infrastruttura u minn fondi pubbliċi, kienu ġew ittrasferiti, bis-saħħa tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti, lil DB AG, iżda ma pproduċiet l-ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li dawn il-profitti intużaw, sussegwentement, għall-finanzjament ta’ attivitajiet tat-trasport ferrovjarju.

90

Għaldaqstant u mingħajr ma hemm lok li jiġi evalwat jekk it-trasferimenti tal-profitti allegati mill-Kummissjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala trasferimenti ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi suffiċjenti li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti kontenzjużi ppermettew il-finanzjament ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju minn fondi rriżervati għall-infrastruttura ferrovjarja u, għaldaqstant, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440.

91

Għaldaqstant, l-ewwel ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14 sa fejn, permezz tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti fi ħdan il-grupp DB, it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jintużaw għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tal-amministratur tal-infrastruttura

– L-argumenti tal-partijiet

92

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-fatt li, permezz tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti fi ħdan il-grupp DB, it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura jintużaw għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tal-amministratur tal-infrastruttura, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14.

93

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li t-trasferimenti tal-profitti tal-amministraturi tal-infrastruttura lil DB AG, previsti mill-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti, ifissru li t-tariffi mħallsa għall-użu tal-infrastruttura ma jintużawx mill-amministratur tal-infrastruttura għall-attivitajiet tiegħu hekk deskritti. Dan huwa minnu minn tal-anqas fil-każijiet fejn fl-assenza ta’ dħul minn tariffi, ma jiġi ġġenerat ebda profitt, kif inhu l-każ ta’ DB Netz, ta’ DB Station & Service u ta’ DB Energie. F’tali każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huwa ċar li tariffi jittieħdu mingħand l-amministratur tal-infrastruttura u jistgħu jintużaw għal finijiet oħra minbarra l-attivitajiet tiegħu.

94

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika Taljana, tqis li, minn perspettiva sistematika, l-Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1), u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14 jippermettu li l-amministraturi tal-infrastrutturi jiksbu ċertu rata ta’ profittabbiltà, li hija parti integrali mit-tariffi li għandhom jinġabru. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tirregola l-użu tal-profitti miksuba minn dawn tal-aħħar, li jistgħu jittrasferixxuhom lill-kumpannija omm tagħhom fid-diskrezzjoni sħiħa tagħhom.

95

Minn dan il-fatt, id-Direttiva 2001/14 ma tipprekludix it-trasferiment ta’ profitti magħmula minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja kkalkolati fuq il-bażi ta’ rata ta’ profittabbiltà xierqa tal-fondi tagħhom. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(4) tal-AEG tipprovdi, barra minn hekk, li t-tariffi tal-infrastruttura għandhom jiġu kkalkolati b’mod li jkopru l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja u tista’ tiżdied magħhom rata ta’ profittabbiltà, jekk is-suq jippermetti dan. Id-dħul iġġenerat b’dan il-mod, għalhekk, għall-kuntrarju tal-argument tal-Kummissjoni, ma jikkawża ebda żbilanċ fil-finanzjament ta’ din l-infrastruttura.

96

Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn proposta għal emenda reċenti, imħejjija mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-raba’ pakkett ferrovjarju, li tgħid li ma huwiex meħtieġ li d-dħul irċevut mill-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandu neċessarjament jintuża għall-operat jew għall-manutenzjoni tal-binarji ferrovjarji.

97

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 huwa spjegat permezz tal-metodu ta’ kalkolu tat-tariffi tal-infrastruttura, li normalment jiġi applikat skont l-ispejjeż diretti u skont l-iżbilanċ kroniku li huma esposti għalih l-impriżi ta’ amministrazzjoni li kieku l-awtoritajiet pubbliċi ma jinkarigawx ruħhom, għall-inqas parzjalment, mill-ispejjeż tal-infrastruttura ferrovjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14 jobbliga lill-Istati Membri biex jieħdu r-responsabbiltà finanzjarja tagħhom fir-rigward tal-amministraturi ta’ tali infrastruttura u jibbilanċjaw il-baġits tagħhom.

98

Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, barra minn hekk, għal opinjoni tal-Bundesrat (kunsill federali, il-Ġermanja) li tappoġġja l-argument tagħha u turi l-effett negattiv tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti kif ukoll għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2015, tal-LuFV II li hija intiża li tindirizza dan it-tħassib tal-Bundesrat (kunsill federali), billi tipprevedi li l-profitti tal-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji jiġu ttrasferiti direttament lill-Istat federali sabiex dan jinvestihom f’dawn l-infrastrutturi.

99

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jammetti li l-fondi li DB Netz tittrasferixxi lil DB AG ġejjin, totalment jew parzjalment, mid-dħul iġġenerat mill-użu ta’ mogħdijiet tal-ferrovija, iżda jsostni li dawn il-fondi jitilfu l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja l-iktar tard fid-data ta’ meta DB Netz AG tirċevihom b’mod korrett, bħala korrispettiv għall-għoti tal-użu ta’ dawn il-mogħdijiet, u ta’ meta jkunu ġew allokati għall-finanzjament tal-attivitajiet ikkonċernati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14, it-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja huma mħallsa lill-amministratur tagħha, li jallokahom għall-finanzjament tal-attivitajiet tiegħu.

101

Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li jikser din id-dispożizzjoni l-fatt li l-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja tal-grupp DB sistematikament jiġġeneraw profitti li, sussegwentement u b’applikazzjoni tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti kontenzjużi, jistgħu jiġu ttrasferiti lil DB AG, li jwasslu għalhekk sabiex ammonti li ġejjin minn tariffi tal-infrastruttura jkunu jistgħu jintużaw minn DB AG għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tal-imsemmija amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja.

102

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14 jippreżupponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, minn naħa, li l-imsemmija profitti jirriżultaw, tal-anqas parzjalment, minn tariffi tal-infrastruttura fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġu assimilati magħhom u, min-naħa l-oħra, li dawn il-profitti jkunu effettivament ġew allokati għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tal-amministraturi tal-infrastruttura kkonċernata.

103

Għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li profitti mill-amministraturi, kollha jew parti, tal-infrastruttura ferrovjarja tal-grupp DB li ġejjin minn tariffi tal-infrastruttura ġew effettivament allokati għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom.

104

F’dan ir-rigward, fil-punt 84 ta’ din is-sentenza diġà tfakkar li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

105

Issa, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni tidentifika biss permezz ta’ riferiment impliċitu l-amministraturi tal-infrastrutturi li l-profitti tagħhom, bħala konsegwenza tal-ftehimiet ta’ trasferiment tal-profitti, allegatament intużaw għall-għanijiet differenti minn dawk intiżi, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, imfakkra fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Kummissjoni, essenzjalment, tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-fatt li t-trasferiment tal-profitti tal-amministraturi tal-infrastrutturi tal-grupp DB lil DB AG jimplika neċessarjament allokazzjoni għal finijiet oħra minbarra dawk imposti taħt tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14. Madankollu, din tindika hija stess li l-awtomatiċità evokata seħħet biss f’ċerti sitwazzjonijiet, jiġifieri meta fl-assenza tat-tariffi ma kien jiġi ġġenerat ebda profitt.

106

F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li t-trasferiment tal-profitti ta’ amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji lil entità terza x’aktarx ma’ jimplikax neċessarjament użu tar-riżorsi kkonċernati għal finijiet oħra minbarra l-finanzjament tal-attivitajiet tal-infrastruttura tal-imsemmi amministratur, kif jista’ jiġi illustrat bil-mekkaniżmu li jirriżulta mill-LuFV II li joħloq ċirkwit ta’ finanzjament magħluq għall-profitti li jirriżultaw mill-ġestjoni tal-infrastrutturi li huma kompletament imħallsa lill-Istat federali qabel ma jiġu investiti mill-ġdid bħala tali fl-imsemmija infrastruttura.

107

Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha tidentifika b’iktar preċiżjoni l-elementi fattwali insostenn tat-tielet ilment.

108

Barra minn hekk, u fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-profitti mwettqa matul is-sena 2009 u ttrasferiti minn DB Netz lil DB AG, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja materjalment ikkontestat il-fatt li l-profitti ttrasferiti lil DB AG kienu ġejjin minn tariffi tal-infrastruttura, billi sostniet li, skont ir-rapport dwar il-ġestjoni ta’ DB Netz, dawn il-profitti kienu essenzjalment ġejjin mir-rilaxx ta’ riżervi provenjenti minn bejgħ ta’ proprjetà immobbli. Issa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkonfutat din l-ispjegazzjoni, peress li kkonstatat biss li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkontestatx is-sitwazzjonijiet l-oħra msemmija.

109

Għaldaqstant, saħansitra mingħajr ma hemm lok li jiġi evalwat jekk il-profitti ġġenerati minn amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji u ttrasferiti lil entitajiet terzi jistgħux jiġu assimilati għal tariffi tal-infrastruttura għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2001/14, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-profitti evokati kollha jew parti minnhom magħmula mill-amministraturi tal-infrastruttura tal-grupp DB oriġinaw minn tariffi tal-infrastruttura jew ġew allokati għal użi oħrajn minbarra l-finanzjament tal-infrastrutturi ferrovjarji mogħtija lil dawn l-amministraturi.

110

Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 u tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-fondi pubbliċi mħallsa għal attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku ma humiex indikati separatament fil-kontijiet ta’ DB Regio

– L-argumenti tal-partijiet

111

Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-fatt li l-fondi pubbliċi mħallsa lil DB Regio għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku ma humiex indikati separatament, kuntratt b’kuntratt, fil-kontijiet ta’ din il-kumpannija, kuntrarjament għal dak li huwa preskritt fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, moqri flimkien mal-aħħar inċiż tal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament.

112

Skont il-Kummissjoni, il-kumpensi għas-servizz pubbliku u d-dħul iġġenerat mill-bejgħ tal-biljetti huma indikati biss fil-forma ta’ ammonti globali jew akkumulati għas-servizzi kollha pprovduti, u għalhekk ma huwiex possibbli li jiġi aċċertat jekk, f’kull każ, il-kumpensi mogħtija humiex eċċessivi għall-iskop tas-sejbien ta’ sussidji reċiproċi potenzjali.

113

Fir-rigward tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, fil-kwalità tagħha ta’ operatur tas-servizzi ta’ trasport reġjonali, DB Regio ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, konformement mal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva. Din il-konklużjoni tirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440 li jiddefinixxi is-“servizzi reġjonali” bħala “is-servizzi ta’ trasport mogħtija biex jaqdu l-bżonnijiet tat-trasport ta’ reġjun”.

114

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinterpreta l-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament fis-sens li dan jeżiġi l-preżentazzjoni separata tal-kuntratti fil-kontijiet biss fil-każ meta operatur iwettaq kemm attivitajiet ikkumpensati abbażi tas-sistema ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kif ukoll attivitajiet oħra. Din ma hijiex is-sitwazzjoni ta’ DB Regio li tipprovdi biss servizzi tat-trasport abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.

115

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punt 5 tal-imsemmi anness ma jsemmix espliċitament tqassim skont kuntratti individwalizzati fil-kontijiet. Din hija madankollu tal-fehma li dan l-obbligu jirriżulta mir-regolamentazzjoni kollha kkonċernata kif ukoll mill-għan imfittex minnha u, b’mod iktar partikolari, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-punti 2 u 5 tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007.

116

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispeċifika, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007, li l-għan tal-punt 5 tal-imsemmi anness huwa li jiġu evitati sussidji reċiproċi mhux bejn it-tipi differenti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, iżda bejn il-kuntratti li jwasslu għall-ħlas ta’ kumpens u dawk li ma jwasslux għal dan.

117

Insostenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gvern Taljan iqis li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma teħtieġ il-pubblikazzjoni separata ta’ kull kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi tat-trasport abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118

Skont l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440, il-fondi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandhom jintwerew separatament fil-kontijiet korrispondenti tal-kontijiet tal-qligħ u telf kif ukoll fil-karti tal-bilanċ u ma jistgħux jiġu ttrasferiti għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport oħra jew għal xi attività oħra.

119

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati s-sussidji reċiproċi, meta operatur ta’ servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati suġġetti għall-obbligi ta’ servizz ta’ trasport pubbliku, iżda jwettaq ukoll attivitajiet oħrajn, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 moqri flimkien mal-ewwel u mal-aħħar inċiżi tal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament jimponi fuq tali operatur ċerti rekwiżiti minimi ta’ kontabbiltà. Dan għandu b’mod partikolari jiżgura li l-kontijiet tal-operat li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet tiegħu jkunu separati u li l-ispejjeż tas-servizz pubbliku jiġu bbilanċjati mid-dħul mill-operat u mill-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta’ trasferiment tad-dħul lil settur ieħor tal-attività tal-operatur ta’ servizz pubbliku.

120

Fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha sa fejn il-kontijiet ta’ DB Regio jippreżentaw biss b’mod globali l-fondi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista tas-servizz ta’ trasport tal-passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku u mhux, kif meħtieġ mill-imsemmija dispożizzjonijiet, kuntratt b’kuntratt, u b’dan il-mod jostakolaw l-identifikazzjoni ta’ sussidji reċiproċi potenzjali.

121

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-fondatezza tar-raba’ lment minħabba, minn naħa, li d-Direttiva 91/440 ma tapplikax għal DB Regio u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

122

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat jekk id-Direttiva 91/440 hijiex fil-fatt applikabbli għal DB Regio, fid-dawl tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-impriżi ferrovjarji li l-attività tagħhom hija limitata għall-operat biss tat-trasport urban, suburban jew reġjonali.

123

F’dan ir-rigward u kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 138 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ssemmi, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rapport annwali għall-2013 ippubblikat minn DB Regio li minnu jirriżulta b’mod ċar li din il-kumpannija tiġbor taħtha mhux biss l-attivitajiet kollha marbuta mat-traffiku reġjonali tal-grupp DB, iżda wkoll dawk marbuta mat-traffiku bejn il-Ġermanja u l-pajjiżi ġirien.

124

Għalhekk, minn dan id-dokument, ippubblikat minn DB Regio stess, u, b’mod partikolari, mir-referenza għall-parti internazzjonali tal-attività tagħha, jirriżulta ċarament li din il-kumpannija ma tillimitax l-attività tagħha biss għat-trasport urban, suburban jew reġjonali msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/440.

125

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tevita l-applikabbiltà tad-Direttiva 91/440 għas-sitwazzjoni tal-kontabbiltà ta’ DB Regio.

126

Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni tistax validament tikkritika lil dan l-Istat Membru, kemm abbażi tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 kif ukoll taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 moqri flimkien mal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament, għall-fatt li, fil-kontabbiltà tagħha, DB Regio ma tippreżentax b’mod individwalizzat, kuntratt b’kuntratt, il-fondi pubbliċi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista tas-servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tagħha.

127

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jirriżulta li l-operaturi ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li joperaw kemm attivitajiet ikkumpensati, suġġetti għal obbligi tas-servizz pubbliku kif ukoll attivitajiet oħra ma huma obbligati, fil-kontijiet annwali tagħhom, li jidentifikaw b’mod individwalizzat, kuntratt b’kuntratt, il-fondi pubbliċi li rċevew għall-attività ta’ servizz pubbliku tagħhom.

128

Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimponu fuq tali operaturi biss obbligu ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà tad-diversi blokok ta’ attivitajiet tagħhom.

129

Għalhekk, l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 jeżiġi, fil-qasam tal-kontabbiltà tal-fondi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, li jisseparaw, minn naħa, l-attivitajiet tagħhom ta’ trasport tal-passiġġieri żgurati abbażi ta’ dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet l-oħra tagħhom li jinkludu s-servizzi l-oħra ta’ trasport. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 moqri flimkien mal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament jeżiġi, min-naħa tiegħu, separazzjoni tal-kontabbiltà bejn l-attivitajiet tat-trasport pubbliku li huwa s-suġġett ta’ kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku u dawk li ma humiex suġġetti għal dan.

130

Huwa dan l-istess rekwiżit ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà tal-blokok ta’ attivitajiet li jiggwida l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/440, fir-rigward tal-kontabbiltà tal-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju u ta’ ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja.

131

Konsegwentement, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 146 u 153 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni li l-impriżi għandhom l-obbligu, fil-kontijiet annwali tagħhom, li jidentifikaw b’mod individwalizzat, kuntratt b’kuntratt, il-fondi pubbliċi li rċevew għall-attivitajiet tagħhom ta’ servizz pubbliku, la tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 u lanqas mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 moqri flimkien mal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament.

132

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-aħħar inċiż tal-punt 5 tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007 jgħid li l-kontabbiltà tal-operaturi ta’ servizzi pubbliċi ma għandhiex tippermetti t-trasferiment tad-dħul minn servizz pubbliku lejn settur ta’ attività ieħor ta’ dawn l-operaturi, l-istess bħall-fatt li obbligu bħal dak previst mill-Kummissjoni huwa ta’ natura li jiżgura iktar trasparenza tal-attività tal-impriżi msemmija b’tali mod li jippermetti għalhekk l-identifikazzjoni ta’ sussidji reċiproċi potenzjali, ma jistgħux ibiddlu din il-konklużjoni.

133

Fil-fatt, la l-invokazzjoni tal-effett utli tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 u lanqas il-portata ġenerali ħafna u nieqsa minn modalitajiet prattiċi ta’ implementazzjoni tal-aħħar inċiż tal-punt 5 tal-anness tar-Regolament Nru 1370/2007 ma huma ta’ natura, waħedhom, li joħolqu fi ħdan l-Istati Membri obbligu konkret bħal dak invokat mill-Kummissjoni.

134

Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax tiġi kkritikata talli ppermettiet li l-kontijiet ta’ DB Regio juru biss b’mod globali l-fondi mħallsa għall-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri abbażi tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku tagħha.

135

Konsegwentement, ir-raba’ lment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 91/440 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 u tal-punt 5 tal-anness ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

136

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedent, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-metodu ta’ żamma tal-kontijiet ikun jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-fondi pubbliċi allokati għall-operat tal-infrastruttura ferrovjarja lejn is-servizzi ta’ trasport, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/440.

Fuq l-ispejjeż

137

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

138

Skont l-Artikolu 140(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Latvja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Peress li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex il-metodu ta’ żamma tal-kontijiet ikun jippermetti l-monitoraġġ tal-projbizzjoni ta’ trasferiment tal-fondi pubbliċi allokati għall-operat tal-infrastruttura ferrovjarja lejn is-servizzi ta’ trasport, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika tal-Latvja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top