Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0481

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
    Jørn Hansson vs Jungpflanzen Grünewald GmbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 — Ksur – Kumpens raġonevoli – Kumpens għad-dannu sostnut – Spejjeż ġudizzjarji u spejjeż extraġudizzjarji.
    Kawża C-481/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:419

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    9 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Proprjetà intellettwali u industrijali — Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Regolament (KE) Nru 2100/94 — Ksur — Kumpens raġonevoli — Kumpens għad-dannu sostnut — Spejjeż ġudizzjarji u spejjeż extraġudizzjarji”

    Fil-Kawża C‑481/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

    Jørn Hansson

    vs

    Jungpflanzen Grünewald GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. H. Saugmandsgaard Øe,

    Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal J. Hansson, minn G. Würtenberger, Avukat,

    għal Jungpflanzen Grünewald GmbH, minn T. Leidereiter, Avukat,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima u F. Wilman kif ukoll minn I. Galindo Martín u B. Eggers, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2016,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390) kif ukoll tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, u rettifika ĠU 2004, L 195, p. 16).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Jørn Hansson u Jungpflanzen Grunewald GmbH (iktar 'il quddiem “Jungpflanzen”) dwar il-kumpens għad-dannu li jirriżultaw minn atti ta’ ksur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 2100/94

    3

    Konformement mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2100/94, “dak li jkabbar” huwa intitolat għad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, jiġifieri l-“persuna li tkun kabbret, jew skopriet jew żviluppat il-varjetajiet, jew is-suċċessur tiegħu fit-titolu”.

    4

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi li:

    “1.   Dritt tal-Komunità [dritt ta’ protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità [dritt ta’ protezzjoni Komunitarja] tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

    2   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

    a)

    produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

    b)

    kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni;

    ċ)

    toffri għall-bejgħ;

    d)

    bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

    […] Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

    […]”

    5

    L-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-azzjonijiet tad-dritt ċivili li jistgħu jitressqu f’każ ta’ użu ta’ varjetà ta’ pjanta li jikkostitwixxi ksur, jipprovdi:

    “1.   Kull min:

    a)

    jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti

    […]

    jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

    2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skont il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b'dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

    6

    L-applikazzjoni supplimentari tal-liġi nazzjonali dwar ksur hija rregolata bl-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi:

    “1.   Meta l-parti responsabbli skond l-Artikolu 94 tkun, minħabba dak il-ksur ta’ liġi, għamlet xi gwadann b’detriment tad-detentur jew tal-persuna ntitolata għad-drittijiet ta’ l-esplojtazzjoni, il-qrati kompetenti bis-saħħa ta’ l-Artikoli 101 jew 102 għandhom japplikaw il-liġi nazzjonali tagħhom, inkluża l-liġi privata internazzjonali, f’dak li jirrigwarda r-restituzzjoni.

    […]”

    Id-Direttiva 2004/48

    7

    Id-Direttiva 2004/48 tippreċiża, fil-premessa 17 tagħha, li “il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni [ksur].”

    8

    Il-premessa 26 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

    “Bl-għan li jsir kumpens għall-preġudizzju soffret riżultat tal-kontravvenzjoni kommessa mill-kontravventur li daħal f’attività b’mod konxju jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, li din twassal għal din il-ksur, l-ammont ta’ ħsara konċessa lid-detentur tad-drittijiet għandha tikkunsidra l-aspetti xierqa kollha, bħal telf ta’ qligħ tad-detentur tad-drittijiet jew profitti mhux ġusti magħmula mill-kontravventur u, fejn hu xieraq, xi preġudizzju morali kkawżat lid-detentur tad-drittijiet. Bħala alternattiva, per eżempju fejn huwa diffiċli biex jiġi determinat l-ammont ta’ preġudizzju attwali soffert, l-ammont ta’ ħsara tista’ tiġi minn elementi bħalma huma royalties u ħlasijiet li ikunu jridu jitħallsu kieku l-kontravventur talab awtoriżazzjoni biex uża d-dritt tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni. L-għan huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex tipprovdi għall-ħsara punitiva imma biex tħalli għall-kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż maħluqa lid-detentur tad-drittijiet, bħal spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka.”

    9

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48:

    “Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

    10

    L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-danni”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

    Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

    a)

    Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

    jew

    b)

    bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtorizzazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

    2.   Fejn il-kontravventur daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu jordnaw li jiġu rkuprati l-profitti jew il-pagament tad-danni, li jistgħu jkunu stabbiliti minn qabel.”

    11

    L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità.”

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    J. Hansson huwa d-detentur tad-dritt Komunitarju tal-varjetà ta’ pjanta EU 4282, iġġib l-isem “Lemon Symphony” u li tappartjeni lill-ispeċi ta’ Margeriti tal-Cape.

    13

    Jungpflanzen ikkultivat u qassmet, matul l-2002 sal-2009, il-varjetà tal-pjanti SUMOST 01, taħt l-isem “Summerdaisy Alexander”.

    14

    Peress li qies li dawn iż-żewġ ismijiet jikkorrispondu fir-realtà għall-istess varjetà ta’ fjuri, J. Hansson, permezz ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, talab lill-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta' Düsseldorf, il-Ġermanja), li tipprojbixxi lil Jungpflanzen milli tbigħ din l-aħħar varjetà. Din it-talba, kif ukoll l-appell mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ġew miċħuda għar-raġuni li ma kienx stabbilit il-ksur tal-varjetà li ġġib l-isem “Lemon Symphony”.

    15

    Madankollu, fil-kuntest tal-proċeduri fil-mertu, J. Hansson kiseb il-kundanna ta’ Jungpflanzen sabiex tikkumpensah għad-dannu li rriżulta mill-bejgħ ta’ fjuri li jġibu l-isem “Summerdaisy’s Alexander”, bħala ksur tal-varjetà ċċitata iktar 'il fuq.

    16

    F’dak li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu sostnut, J. Hansson ngħata fl-ewwel istanza, mil-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), abbażi tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, is-somma ta’ EUR 66231.74, miżjuda bl-interessi, li tikkorrispondi għal dak li kien talab bħala t-tariffa li Jungenpflanzen kellha tħallsu għall-1 512630 kampjun tal-varjetà protetta li hija biegħet bejn l-2002 u l-2009.

    17

    Din il-qorti madankollu ma laqgħet l-ebda pretensjoni oħra ta’ J. Hansson, dwar il-ħlas ta’ suppliment fuq it-tariffa ta’ ammont ugwali għal nofs ir-rata tat-tariffa mitluba, jiġifieri EUR 33115.89, flimien mal-interessi moratorji, u mar-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal ammont ta’ EUR 1967.35 EUR, flimkien mal-istess interessi. Din il-qorti qieset, b’mod partikolari, li J. Hansson ma setax jitlob kumpens bħala suppliment għall-ksur, li jitħallas mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, peress li la r-Regolament Nru 2100/94, la d-Direttiva 2004/48 u lanqas id-dritt intern ma jipprevedu li jiġi impost kumpens li għandu natura punittiva.

    18

    Iż-żewġ partijiet appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    19

    Skont din il-qorti, ma huwiex ikkontestat li Jungpflanzen wettqet ksur tal-varjetà protetta inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tal-kumpens raġonevoli għal ksur kif ukoll il-kumpens għad-dannu sostnut fis-sens tal-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94.

    20

    L-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) hija tal-fehma li għandu jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens raġoneoli b’kunsiderazzjoni tal-liċenzja li normalment titħallas mid-detentur tal-protezzjoni Komunitarja, b’riferiment għall-ftehimiet ta’ liċenzja li ġew effettivament iffirmati matul il-perijodu kkonċernat mill-ksur.

    21

    F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ suppliment għal ksur, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jista’ jservi bħala bażi għal żieda b’rata fissa awtomatika tal-ammont tal-kumpens deċiż.

    22

    Hija tqis madankollu li kwalunkwe forma ta’ żieda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi proprji tal-varjetà protetta suġġetta għal ksur kif ukoll il-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mill-ksur. Barra minn hekk, għandu jkun inkluż fil-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, l-interessi kurrenti miżjuda b’ħames punti applikabbli għall-kumpens annwali.

    23

    Sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l Jungpflanzen aġixxa b’mala fide, din tal-aħħar tixtieq tirċievi dettalji dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kumpens għad-dannu sostnut mid-detentur tad-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti, kif imsemmi fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94. B’mod partikolari ssir id-domanda dwar jekk l-ammont ta’ liċenzja normalment użata fis-suq fl-istess reġjun jittieħed bħala riferiment f’dan ir-rigward u jekk dan għandux jiżdied skont kunsiderazzjonijiet dwar il-varjetà protetta suġġetta għal ksur kif ukoll il-konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mill-ksur.

    24

    Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament ma jistax iservi ta’ bażi għal żieda b’rata fissa bħala suppliment għal ksur, lanqas ikun il-mezz sabiex ikun ikkundannat l-awtur ta’ ksur għall-ħlas ta’ kumpens li jikkorrispondi għall-ħlas tal-ispejjeż kollha (vjaġġar, laqgħat, investiment ta’ ħin) li saru mid-detentur tal-varjetà protetta matul il-proċeduri fil-mertu, kif ukoll l-ispejjeż tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni [ksur] għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 094(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, stabbilit fir-rigward tar-royalties normalment mitluba [tat-tariffa kurrenti] għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq [reġjun] għall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) [tar-Regolkemnt 2100/94], għandu jitħallas flimkien ma’ ‘ħlas supplimentari għall-vjolazzjoni’ fil-forma ta’ somma f’daqqa? Dan jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva Nru 2004/48?

    2)

    Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, stabbilit fir-rigward tar-royalties normalment mitluba [tat-tariffa kurrenti] għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq [reġjun] ċgħall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) [tar-Regolament Nru 2100/94], għandu jiġi ffissat, f’każ partikolari, billi jittieħed kont tal-kunsiderazzjonijiet jew taċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex jiżdied il-kumpens:

    a)

    iċ-ċirkustanza li, fiż-żmien tal-vjolazzjoni, il-varjetà invokata kienet varjetà li tgawdi minn esklużività fis-suq minħabba karatteristiċi partikolari, jekk ir-royalties normalment mitluba [it-tariffa kurrenti] għat-tqegħid fis-suq jintlaħqu [tintlaħaq] permezz ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar u ta’ kalkoli, stabbiliti għall-varjetà invokata?

    Jekk it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza hija kkunsidrata f’dan il-każ:

    iż-żieda fil-kumpens hija biss permessa jekk il-karatteristiċi li jispjegaw l-esklużività tal-varjetà invokata huma inklużi fid-deskrizzjoni tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti?

    b)

    iċ-ċirkustanza li l-varjetà invokata diġà kellha suċċess kbir fil-kummerċjalizzazzjoni tagħha fil-mument meta l-varjetà li permezz tagħha saret il-vjolazzjoni ġiet introdotta fis-suq b’tali mod li l-awtur tal-vjolazzjoni ffranka mill-ispejjeż biex iniedi huwa stess il-varjetà li permezz tagħha saret il-vjolazzjoni, jekk ir-royalties normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq jintlaħqu permezz ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar u ta’ kalkoli, stabbiliti għall-varjetà invokata;

    c)

    iċ-ċirkustanza li l-portata tal-vjolazzjoni tal-varjetà invokata kienet ogħla mill-medja fit-tul tagħha u fin-numru ta’ unitajiet mibjugħa;

    d)

    il-kunsiderazzjoni li l-awtur tal-vjolazzjoni, kuntrarjament għad-detentur tal-liċenzja, ma għandux iħallas royalties (li ma jkunx jista’ jirkupra), fejn il-varjetà invokata, li hija s-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tista’ insegwitu tiġi ddikjarata nulla;

    e)

    iċ-ċirkustanza li l-awtur tal-vjolazzjoni ma kienx mitlub li jistabilixxi kalkoli trimestrali kuntrarjament għal dak li d-detentur tal-liċenzja normalment jagħmel;

    f)

    il-kunsiderazzjoni li d-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti għandu jbati r-riskju ta’ inflazzjoni minħabba fit-tul tal-proċeduri ġudizzjarji;

    g)

    il-kunsiderazzjoni li, minħabba l-ħtieġa li tittieħed azzjoni legali, id-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti ma jistax jippjana d-dħul li għandu jirriżulta mill-varjetà invokata, waqt li jista’ jagħmel hekk għad-dħul mil-liċenzji għall-varjetà invokata;

    h)

    il-kunsiderazzjoni li, f’każ ta’ vjolazzjoni tal-varjetà invokata, id-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti jsostni kemm ir-riskju inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja legali u r-riskju li ma jimplementax id-deċiżjoni fir-rigward tal-awtur tal-vjolazzjoni;

    i)

    il-kunsiderazzjoni li, f’każ ta’ vjolazzjoni tal-varjetà invokata, l-aġir awtonomu tall-awtur tal-vjolazzjoni jċaħħad lid-detentur tad-drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti mil-libertà li jiddetermina jekk iridx jawtorizza l-awtur tal-vjolazzjoni milli juża’ l-varjetà invokata?

    3)

    Il-‘kumpens raġonevoli’ li l-awtur tal-vjolazzjoni għandu jħallas lid-detentur ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-Artikolu 94(1)(a) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, għandu jiġi ffissat billi jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-interessi applikati għall-kumpens annwali dovut bir-rata normali tal-interessi moratorji jekk wieħed jikkunsidra li l-partijiet kontraenti jkunu raġonevolment mistennija li jipprovdu għall-ħlas tal-interessi ta’dak it-tip?

    4)

    Id-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’ lid-detentur ta’ drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 meta jwettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, mingħajr awtorizzazzjoni, għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-royalties normalment [tat-tariffa kurrenti] mitluba għal liċenzja ordinarja fl-istess settur tas-suq [reġjun] għall-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tal-istess regolament?

    5)

    Fil-każ li d-domanda 4 tingħata risposta fl-affermattiv:

    a)

    Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, f’każ partikolari, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, il-kunsiderazzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi deskritti fid-domanda 2(a) sa (i) [fit-tieni domanda (a) sa (i)] jew iċ-ċirkustanza li d-detentur tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun kostrett mill-ħtieġa li jieħu azzjoni legali sabiex personalment jiddedika ċertu żmien sabiex tiġi stabbilita l-awtur tal-vjolazzjoni u jieħu ħsieb tal-każ u li jiddedika għall-vjolazzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti l-investigazzjonijiet partikolari għal din it-tip ta’ vjolazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata żieda fil-kumpens normalment mitlub għat-tqegħid fis-suq?

    b)

    Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, għandu dejjem jiżdied ‘ħlas supplimentari għall-vjolazzjoni’ fil-forma ta’ somma f’daqqa? Dan jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva Nru 2004/48?

    c)

    Fil-kalkolu, ibbażat fuq liċenzja normalment mitluba għat-tqegħid fis-suq, tad-dannu li awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94, għandhom jiġu kkunsidrati l-interessi applikati għall-kumpens annwali dovut bir-rata normali tal-interessi moratorji jekk wieħed jikkunsidra li l-partijiet kontraenti jkunu raġonevolment mistennija li jipprovdu għall-ħlas tal-interessi ta’ dak it-tip?

    6)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qligħ magħmul mill-awtur tal-vjolazzjoni jikkostitwixxu dannu, li l-awtur tal-vjolazzjoni ‘għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, liema kumpens jista’ jintalab minbarra l-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jew il-qligħ dovut mill-awtur tal-vjolazzjoni f’mala fide skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament huwa dovut biss b’mod alternattiv għall-kumpens raġonevoli msemmi fl-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament?

    7)

    Ir-regoli nazzjonali li ma jippermettux lid-detentur tad-drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti li jitlob, taħt id-dritt sostantiv, għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ kawża għal miżuri provviżorji li tiddeċiedi dwar il-vjolazzjoni tad-dritt tiegħu b’mod definittiv anki fil-każ fejn sussegwentement jirbaħ il-kawża fuq il-mertu fir-rigward tal-istess vjolazzjoni, huma kuntrarji għad-dritt għal kumpens mogħti mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94?

    8)

    Ir-regoli nazzjonali li ma jippermettux lill-vittma li jitlob, barra mil-limiti stretti tal-proċedura għall-intaxxar tal-ispejjeż, għal kumpens tal-ħin iddedikat għall-proċedura u barra mill-qafas proċedurali ta’ talba għal kumpens, huma kuntrarji għad-dritt għal kumpens mogħti mill-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 sa fejn il-ħin iddedikat ma jaqbiżx il-limiti tas-soltu?”

    Fuq id-domandi preliminari

    26

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, il-prinċipji li jirregolaw l-iffissar u l-kalkolu tal-ammont tal-kumpens dovut skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

    27

    Uħud minn dawn id-domandi jikkonċernaw in-natura stess taż-żewġ modalitajiet ta’ kumpens taħt dan l-artikolu, oħrajn jikkonċernaw, b’mod iktar speċifiku, l-elementi abbażi tal-kalkolu tal-kumpens raġonevoli previst fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu, kif ukoll dawk abbażi tal-kalkolu tad-dannu sostnut mid-detentur, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

    28

    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-ewwel, id-domandi relatati man-natura tal-kumpens previst fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94, qabel ma jiġu speċifikati, sussegwentement, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-kumpens raġonevoli previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu kif ukoll il-kumpens għad-dannu sostnut mid-detentur ta’ varjetà suġġetta għal ksur fis-sens tal-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu.

    F'dak li jirrigwarda d-domandi dwar in-natura tal-kumpens prevst fl-Artikolu 13(94) tar-Regolament Nru 2100/94.

    29

    Permezz tal-ewwel, il-ħames b) u s-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 jimponix li jiżdied b’suppliment għal ksur l-ammont ta’ danni mogħtija bħala kumpens għad-danni kkawżati b’att imsemmi fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk dan l-artikolu għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jservi ta’ bażi ġuridika sabiex jimponi fuq l-awtur tal-ksur li jħallas lura il-qligħ li kiseb minħabba dan il-ksur.

    30

    Fl-ewwel lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li dan jirrigwarda biss il-kumpens għad-dannu sostnut mid-detentur ta’ protezzjoni Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanta minħabba att ta’ ksur ta’ din il-varjetà.

    31

    Minn naħa, l-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament għandu l-għan li jikkumpensa finanzjarjament il-vantaġġ li jikseb l-awtur tal-ksur, peress li dan il-vantaġġ jikkorrispondi mat-tariffa li huwa ma ħallasx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 40). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix kumpens għal danni ħlief dawk relatati man-nuqqas tal-ħlas ta’ “kumpens raġonevoli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 50).

    32

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 jikkonċerna d-dannu li l-awtur tal-ksur “barra minn hekk” huwa obbligat li jikkumpensa lid-detentur fil-każ ta’ ksur imwettaq “intenzjonalment jew b’mod traskurat”.

    33

    Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 94 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi dritt għal kumpens favur id-detentur tad-dritt Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanta li huwa, mhux biss sħiħ, iżda bbażat, barra minn hekk, fuq bażi oġġettiva, jiġifieri jkopri biss id-dannu li jirriżulta, min-naħa tiegħu, milll-att ta’ ksur.

    34

    Għaldaqstant, l-Artikolu 94 tar-regolament ma jistax jiġi interpretat sabiex iservi ta’ bażi legali, għall-benefiċċju ta’ dan id-detentur, għall-kundanna tal-awtur tal-ksur għal danni ta’ natura punittiva, iffissati b’rata fissa.

    35

    Għall-kuntrarju, il-portata tal-kumpens dovut skont l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandha tirrifletti b’mod preċiż, sa fejn ikun possibbli, id-danni reali u ċerti sostnuti mid-detentur tal-varjetà ta’ pjanti minħabba l-ksur.

    36

    Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2004/48, li tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali b’mod ġenerali.

    37

    Sussegwentement, skont l-premessa 17 ta’ din id-direttiva, il-kumpens previst minn din tal-aħħar għandu jiġi ddeterminat f’kull każ b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-każ.

    38

    Insegwitu, il-premessa 26 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-għan tal-kumpens ma huwiex li jiddaħħal obbligu li jkunu previsti interessi punittivi.

    39

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48 jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tal-parti leża, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw lill-awtur tal-ksur li jħallas lid-detentur tad-dritt suġġett għal ksur interessi adattati għad-dannu li realment sostna bħala riżultat tal-ksur.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jippermettix li jiġi kkundannat awtur ta’ ksur għall-ħlas ta’ suppliment b’rata fissa għal ksur, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, meta tali suppliment ma jirriflettix neċessarjament id-dannu sostnut mid-detentur tal-varjetà suġġett għal ksur, għalkemm id-Direttiva 2004/48 ma tostakolax lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi.

    41

    Bl-istess mod, dan l-artikolu ma jippermettix lid-detentur tad-dritt Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanti li jitlob il-ħlas lura tal-benefiċċji u tal-qligħ magħmul minn awtur tal-ksur. Fil-fatt, kemm ir-remunerazzjoni raġonevoli kif ukoll l-ammont tal-kumpens dovut taħt l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi stabbilit skont id-dannu sostnut mill-vittma u mhux skont il-benefiċċju miksub mill-awtur tal-ksur.

    42

    Għalkemm il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirreferi għal “vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur”, ma jipprevedix li dan il-benefiċċju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala tali, fil-portata tal-kumpens finanzjarju effettivament mogħti lid-detentur. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-azzjoni għal ħlas lura tal-benefiċċju miksub mill-awtur tal-ksur, l-Artikolu 97 tar-Regolament Nru 2100/94 jirreferi espressament għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

    43

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li għandha tingħata risposta għall-ewwel, il-ħames b) u s-sitt domanda li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens li huwa jirrikonoxxi lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta suġġetta għal ksur jestendi għad-dannu kollu sostnut minn dan tal-aħħar, mingħajr ma’ dan l-artikolu jista’ jservi bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ suppliment b’rata fissa għall-ksur lanqas speċifikament għall-ħlas lura ta’ qligħ u ta’ benefiċċji miksuba mill-awtur tal-ksur.

    F’dak li jirrigwarda d-domandi dwar il-modalitajiet ta ’ iffissar ta ’ kumpens previsti fl-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94.

    Fuq il-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94

    44

    Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf sa fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti ċirkustanzi partikolari għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.

    45

    Din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 hija intiża li tikkumpensa l-vantaġġ li jieħu l-awtur tal-ksur, peress li dan jikkorrispondi għall-ammont ekwivalenti għal tali tariffa li huwa ma ħallasx għad-detriment tad-detentur (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 40).

    46

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tikkumpensa d-dannu sostnut mid-detentur tal-varjetà ta’ vittma ta’ ksur (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C‑509/1, EU:C:2012: 416, punt 36).

    47

    Għaldaqstant, sabiex jiġi ffissat il-“kumpens raġonevoli” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed bħala bażi ta’ kalkolu ammont ekwivalenti għat-tariffa dovuta għal produzzjoni bil-liċenzja (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 37).

    48

    Għal dan il-għan, sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-kumpens raġonevoli dovut fil-każ ta’ ksur, l-ammont tat-tariffa li tkun dovuta għall-produzzjoni tal-varjetà ta’ pjanti b’liċenzja ordinarja, kif intiż fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2100/94, jikkostitwixxi bażi ta’ kalkolu xieraq.

    49

    Hija, madankollu, il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċirkustanzi li hija tinvoka speċifikament fid-deċiżjoni tar-rinviju jikkorrispondux għal dawk tat-tariffa li hija tista’ tieħu bħala riferiment sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens raġonevoli.

    50

    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi speċifikat li hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk għandux jiżdied l-ammont ta’ din it-tariffa skont iċ-ċirkustanzi tagħha, filwaqt li jkun magħruf li kull waħda minnhom ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni iktar minn darba, inkella jinkiser il-prinċipju tal-kumpens oġġettiv u sħiħ, kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94.

    51

    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa limitat li jipprevedi kumpens raġonevoli fil-każ ta’ użu illegali ta’ varjetà ta’ pjanti, mingħajr ma jikkunsidraw il-kumpens għad-danni minbarra dawk relatati mal-inadempjenza tal-ħlas tal-imsemmi kumpens, u b’hekk teskludi minħabba dan l-ammont ta’ dan il-kumpens l-ispejjeż sostnuti għall-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tad-detentur ta’ drittijiet ta’ varjetà ta’ pjanti (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck, C‑509/10, EU:C:2012:416, punti 50 u 51).

    52

    Minn din l-interpretazzjoni jirriżulta li l-kumpens raġonevoli, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ikopri d-danni marbuta mal-assenza ta’ ħlas ta’ dan il-kumpens.

    53

    Fost dawn id-danni jistgħu jinstabu l-interessi moratorji minħabba l-ħlas tardiv tat-tariffa normalment dovuta, a fortiori jekk hija modalità kuntrattwali li kontraenti raġonevoli u informati kienu jipprevedu, sa fejn it-tariffa meħuda bħala riferiment ma tinkludix tali interessi.

    54

    Għalhekk, għandha tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda li l-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli” previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, minbarra l-ħlas tat-tariffa kurrenti li tkun dovuta għall-produzzjoni b’liċenzja fl-istess reġjun, id-danni kollha marbuta mill-qrib mal-assenza ta’ ħlas ta’ din it-tariffa, li jista’ jappartjeni, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ interessi moratorji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika ċ-ċirkustanzi li jirrikjedu żieda tal-imsemmija tariffa, meta huwa magħruf li kull wieħed minnhom ma jistax jiġi mgħoddi iktar minn darba għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-kumpens raġonevoli.

    Fuq il-kumpens għad-dannu sostnut previst fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94

    55

    Permezz tar-raba’, tal-ħames a) u c) kif ukoll tat-tmien domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minnha sabiex jiġi evalwat il-kumpens dovut minħabba d-dannu sostnut previst fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94. B’mod partikolari, hija tixtieq tkun taf jekk l-ammont tat-tariffa li għandu jitħallas għall-produzzjoni b’liċenzja ordinarja fl-istess reġjun li għandha sservi bħala bażi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-kumpens mogħti fuq din il-bażi u jekk l-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji u l-ispejjeż extraġudizzjarji possibbli jistgħux jiġu inklużi bħal l-kumpens għal dan id-dannu.

    56

    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-portata ta’ dan il-kumpens, mill-punti 33 sa 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 huwa intiża għal kumpens sħiħ u oġġettiv għad-dannu sostnut mid-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur. Għall-finijiet li jinkiseb dan il-kumpens, hija din tal-aħħar li għandha tressaq l-elementi li juri li d-dannu tagħha jeċċedi l-elementi koperti mill-kumpens raġonevoli previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

    57

    Bħala tali, l-ammont tat-tariffa kurrenti dovuta għall-produzzjoni b’liċenzja ma jistax iservi bħala bażi għall-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu. Barra minn hekk, tali tariffa għandha tippermetti l-kalkolu tal-kumpens raġonevoli previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94 u ma għandiex neċessarjament rabta mad-dannu li jibqa’ mhux ikkumpensat.

    58

    Fi kwalunkwe każ, għandu, minn naħa, jitfakkar li ċ-ċirkustanzi li ġġustifikaw żieda tat-tariffa kurrenti dovuta għall-produzzjoni b’liċenzja għall-kalkolu tal-kumpens raġonevoli ma jistax jiġi mgħoddi mill-ġdid bħala l-kumpens previst fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

    59

    Min-naħa l-oħra, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-danni allegati mid-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur, jistgħu jiġu ppruvati bi preċiżjoni jew jekk hemx lok li jsir l-iffissar ta’ somma f’daqqa, li tirrifletti għall-aħjar ir-realtà ta’ dawn id-danni. F’dan il-kuntest, interessi moratorji bir-rata kurrenti jistgħu jiġu applikati għall-ammont tal-kumpens jekk dan jidher iġġustifikat.

    60

    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kontenut stess tad-dannu li jista’ jiġi kkumpensat, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 94 tar-Regolament Nru 2100/94 ma fih ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, u fin-nuqqas li jkun hemm iktar informazzjoni dwar id-dritt nazzjonali fis-seħħ f'dan il-qasam, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jispeċifika, essenzjalment, li l-ispejjeż sostnuti mill-parti li rebħet il-kawża għandha tbatihom, fil-prinċipju, il-parti telliefa.

    61

    Issa, minn naħa, fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedura għal miżuri provviżorji li ppreċedew il-proċeduri fil-kawża prinċipoli, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu jbati l-ispejjeż. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix il-ħlas lura ta’ dawn l-ispejjeż fl-evalwazzjoni tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

    62

    Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż extraġudizzjarji, marbuta b’mod partikolari mal-ħin iddedikat mill-vittima tal-ksur sabiex isostni d-drittijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 huwa intiż li jsaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi jevita li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 77).

    63

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ammont prevedibbli ta’ ġudizzjarji li jistgħu jiġu allokati lill-vittma tal-ksur huwa tali li jista’ jiddiswadiha milli tasserixxi d-drittijiet tagħha fil-qorti, minħabba l-ammonti li jifdal a spejjeż tagħha bħala spejjeż extraġudizzjarji minfuqa kif ukoll l-utilità tagħhom għall-azzjoni prinċipali għal kumpens.

    64

    Għanda tingħata risposta għar-raba, il-ħames a) u c), is-seba’ u t-tmien domanda li l-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tad-dannu msemmi f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi stabbilit skont elementi konkreti mressqa f’dan ir-rigward mid-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur, jekk ikun meħtieġ permezz ta’ metodu b’rata fissa jekk l-imsemmija elementi ma humiex kwantifikabbli. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji ma jidħlux fl-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu lanqas li l-ispejjeż extraġudizzjarji involuti fil-kuntest tal-proċeduri fil-mertu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni. L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż hija, madankollu, suġġetta għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ġudizzjarji li jista’ jiġi allokat lill-vittima tal-ksur ma huwiex tali li jista’ jiddisswadiha milli tasserixxi d-drittijiet tagħha fil-qorti, minħabba l-ammonti li jifdal a spejjeż tagħha bħala spejjeż extraġudizzjarji minfuqa kif ukoll l-utilità tagħhom għall-azzjoni prinċipali għal kumpens.

    Fuq l-ispejjeż

    65

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 94 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens li huwa jirrikonoxxi lid-detentur ta’ varjetà ta’ pjanta protetta suġġetta għal ksur jestendi għad-dannu kollu sostnut minn dan tal-aħħar, mingħajr ma’ dan l-artikolu jista’ jservi bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ suppliment b’rata fissa għall-ksur lanqas speċifikament għall-ħlas lura ta’ qligħ u ta’ benefiċċji miksuba mill-awtur tal-ksur.

     

    2)

    Il-kunċett ta’ “kumpens raġonevoli”, previst fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 2100/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, minbarra l-ħlas tat-tariffa solita li tkun dovuta għall-produzzjoni b’liċenzja, id-danni kollha marbuta mal-assenza ta’ ħlas ta’ din it-tariffa, li għaliha tista’ tappartjeni, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ interessi moratorji. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika ċ-ċirkustanzi li jirrikjedu żieda fl-imsemmija tariffa, meta huwa magħruf li kull wieħed minnhom ma jistax jiġi mgħoddi iktar minn darba għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont ta' kumpens raġonevoli.

     

    3)

    L-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tad-dannu msemmi f'din id-dispożizzjoni għandu jiġi stabbiliti skont elementi konkreti mressqa f’dan ir-rigward mid-detentur tal-varjetà suġġetta għal ksur, jekk ikun meħtieġ permezz ta’ metodu b’;rata fissa jekk l-imsemmija elementi ma humiex kwantifikabbli. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji ma jidħlux fl-evalwazzjoni ta’ dan id-dannu lanqas li l-ispejjeż extraġudizzjarji involuti fil-kuntest tal-proċeduri fil-mertu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni. L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż hija, madankollu, suġġetta għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż ġudizzjarji li jistgħu jiġu allokati lill-vittima tal-ksur ma huwiex tali li jista’ jiddisswadiha milli tasserixxi d-drittijiet tagħha fil-qorti, minħabba l-ammonti li jifdal a spejjeż tagħha bħala spejjeż extraġudizzjarji minfuqa kif ukoll l-utilità tagħhom għall-azzjoni prinċipali għal kumpens.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top