EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0477

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Mejju 2016.
Pillbox 38 (UK) Limited, agissant sous le nom commercial Totally Wicked vs Secretary of State for Health.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice Queen's Bench Division (Administrative Court).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 20 – Sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika – Validità – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ sussidjarjetà – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 16 u 17.
Kawża C-477/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:324

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Mejju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2014/40/UE — Artikolu 20 — Sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika — Validità — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 16 u 17”

Fil-Kawża C‑477/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Pillbox 38 (UK) Ltd

vs

Secretary of State for Health,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev (Relatur), C. Lycourgos u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ottubru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pillbox 38 (UK) Ltd, minn K. Beal, QC, b’mandat minn P. Rowley, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn M. Hoskins u I. Rogers, QC, kif ukoll minn S. Abram u E. Metcalfe, barristers,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio u J. Rodrigues kif ukoll minn I. McDowell, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm kif ukoll minn J. Herrmann u A. Norberg, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Diċembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pillbox 38 (UK) Ltd, li topera taħt l-isem kummerċjali “Totally Wicked” (iktar ’il quddiem “Pillbox”) u s-Secretary of State for Health (Segretarju tal-Istat għas-Saħħa) dwar il-legalità tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk

3

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE, tat-2 ta’ Ġunju 2004 (ĠU L 142M, p. 63), il-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Kontroll tat-Tabakk, iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“FCTC”), ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea.

Id-Direttiva 2014/40

4

Il-premessi 7, 33, 36, 38 sa 41, 43 sa 45, 47 u 48 tad-Direttiva 2014/40 jipprovdu:

“(7)

Tinħtieġ ukoll azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata l-[FCTC], li d-dispożizzjonijiet għaliha huma vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. [...]

[...]

(33)

Bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk transkonfinali mill-bogħod jista’ jiffaċilita l-aċċess għal prodotti ta’ tabakk li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva. Hemm ukoll ir-riskju miżjud li ż-żgħażagħ jiksbu aċċess għal prodotti ta’ tabakk. Konsegwentement, hemm riskju li l-leġiżlazzjoni ta’ kontroll tat-tabakk tiddgħajjef. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ traskonfinali mill-bogħod. Fejn il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod mhuwiex projbit, jenħtieġu regoli komuni dwar ir-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut li huma impenjati f’tali bejgħ sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din id-Direttiva […]

[...]

(36)

Is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom jiġu rregolati minn din id-Direttiva, dment li minħabba l-preżentazzjoni jew il-funzjoni tagħhom mhumiex soġġetti għad-[Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69)] jew għad-[Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, dwar mezzi mediċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 82)]. Fl-Istati Membri jeżistu leġiżlazzjoni u prattiki diverġenti, fir-rigward ta’ dawk il-prodotti, inkluż dwar ir-rekwiżiti ta’ sikurezza għalhekk hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jitjieb. Fir-regolamentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, għandu jittieħed kont ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ sorveljanza u kontroll, il-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika għandhom jintalbu jippreżentaw notifika tal-prodotti rilevanti qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

[...]

(38)

Nikotina li jkun fiha likwidu għandha tkun permessa li titqiegħed [Likwidi li jkun fihom in-nikotina għandhom ikunu permessi li jitqiegħdu] fis-suq biss skont din id-Direttiva, fejn il-konċentrazzjoni tan-nikotina ma taqbiżx 20 mg/ml. Din il-konċentrazzjoni tippermetti li titwassal doża ta’ nikotina li hija komparabbli għad-doża ta’ nikotina permessa derivata minn sigarett standard matul il-ħin meħtieġ biex wieħed ipejjep tali sigarett. Sabiex jiġu limitati r-riskji assoċjati man-nikotina, id-daqsijiet massimi għall-kontenituri ta’ rikarika, it-tankijiet u l-iskrataċ li jintremgħu għandhom jiġu stabbiliti.

(39)

Huma biss is-sigaretti elettroniċi li jwasslu d-dożi ta’ nikotina b’mod konsistenti li għandhom ikunu permessi li jitqiegħdu fis-suq skont din id-Direttiva. It-twassil ta’ dożi ta’ nikotina b’livelli konsistenti taħt kondizzjonijiet ta’ użu normali huwa meħtieġ għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa, sikurezza u kwalità inkluż biex jiġi evitat ir-riskju ta’ konsum aċċidentali ta’ dożi għoljin.

(40)

Is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa meta jkunu f’idejn it-tfal. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi żgurat li tali prodotti ma jkunux jistgħu jiġu mmanipulati mit-tfal jew jiġu mbagħbsa inkluż permezz ta’ tikkettar, u mekkaniżmi tal-għeluq u tal-ftuħ li ma jistgħux jiġu mmanipulati mit-tfal.

(41)

Fid-dawl tal-fatt li n-nikotina hija sustanza tossika u meta jiġu kkunsidrati r-riskji potenzjali għas-saħħa u s-sigurtà, inkluż għal persuni li l-prodott mhux intenzjonat għalihom, il-likwidu li fih nikotina għandu jitqiegħed fis-suq biss f’sigaretti elettroniċi jew f’kontenituri ta’ rikarika li jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza u ta’ kwalità. Huwa importanti li jiġi żgurat li s-sigaretti elettroniċi ma jinkisrux u ma jnixxux meta jintużaw jew jimtlew mill-ġdid.

[...]

(43)

Id-disparitajiet bejn il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali dwar ir-reklamar u l-isponserizzazzjoni li jikkonċernaw sigaretti elettroniċi huwa ostakolu għall-moviment liberu ta’ oġġetti u l-libertà tal-forniment ta’ servizzi u joħolqu riskju konsiderevoli ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. Mingħajr azzjoni ulterjuri fil-livell tal-Unjoni, dawk id-disparitajiet x’aktarx jiżdiedu fis-snin li ġejjin, meta jitqies ukoll is-suq li qed jikber tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika. Għalhekk, huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-reklamar u l-isponserizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti li għandhom effett transkonfinali jiġu approssimati, billi tittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Is-sigaretti elettroniċi jistgħu jiżviluppaw f’portal għall-effett ta’ dipendenza min-nikotina u finalment għall-konsum tat-tabakk tradizzjonali, billi huma jimitaw u jinnormalizzaw l-azzjoni tat-tipjip. Għal din ir-raġuni, huwa adatt li jiġi adottat approċċ restrittiv għar-reklamar ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika.

(44)

Sabiex iwettqu l-kompiti regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu informazzjoni komprensiva dwar l-iżviluppi tas-suq fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika. Għal dan l-għan il-manifatturi u l-importaturi ta’ dawn il-prodotti għandhom ikunu soġġetti għal obbligi ta’ rappurtar dwar il-volumi ta’ bejgħ, il-preferenza ta’ diversi gruppi ta’ konsumaturi u l-modi tal-bejgħ. Għandu jiġi żgurat li din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ.

(45)

Sabiex tiġi żgurata sorveljanza adatta tas-suq mill-Istati Membri, huwa neċessarju li l-manifatturi, l-importaturi u d-distributuri joperaw sistema adatta biex jimmonitorjaw u jirrekordjaw effetti negattivi suspettati u jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar effetti negattivi suspettati, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni adatta. Huwa ġustifikat li tiġi pprovduta klawżola ta’ salvagwardja li tippermetti lill-Istati Membri li jieħdu azzjoni biex jiġu indirizzati riskji serji għas-saħħa pubblika.

[...]

(47)

Din id-Direttiva ma tarmonizzax l-aspetti kollha tas-sigaretti elettroniċi jew tal-kontenituri ta’ rikarika. Pereżempju, ir-responsabbiltà għall-adozzjoni ta’ regoli dwar l-aromatizzanti jibqgħu f’idejn l-Istati Membri. Jista’ jkun utli li l-Istati Membri jikkunsidraw li jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti aromatizzanti. Meta jagħmlu hekk, għandhom joqogħdu attenti minħabba l-attrattività potenzjali ta’ tali prodotti għaż-żgħażagħ u għal min ma jpejjipx. Kwalunkwe projbizzjoni ta’ tali prodotti aromatizzanti teħtieġ li tiġi ġġustifikata u n-notifikazzjoni dwarhom ippreżentata skont id-[Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)]

(48)

Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tarmonizzax ir-regoli dwar ambjenti ħielsa mit-tipjip, jew dwar arranġamenti ta’ bejgħ domestiku jew reklamar domestiku, jew dwar l-estensjoni ta’ ditta, u lanqas ma tintroduċi limitu ta’ età għas-sigaretti elettroniċi jew għall-kontenituri ta’ rikarika. [...]”

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

[...]

(f)

it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar ta’ ċerti prodotti, li huma relatati mal-prodotti tat-tabakk, jiġifieri sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika,u prodotti erbali għat-tipjip;

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-[FCTC].”

6

Konformement mal-Artikolu 2(4), (16) u (17) ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”:

“(4)

‘prodotti tat-tabakk' tfisser prodotti li jistgħu jiġu kkunsmatiu li jikkonsistu, anki parzjalment, mit-tabakk, kemm jekk ġenetikament modifikati kemm jekk le;

[...]

(16)

‘sigarett elettroniku’, tfisser prodott li jista’ jintuża għall-konsum ta’ fwar li fih in-nikotina permezz ta’ bokkin, jew kwalunkwe komponent ta’ dak il-prodott, inklużi skrataġ, tank, u l-apparat mingħajr l-iskartoċċ jew t-tank. Is-sigaretti elettroniċi jistgħu jkunu jintremew jew jerġgħu jimtlew permezz ta’ kontenitur ta’ rikarika u tank jew jerġgħu jiġu ċċarġjati bi skrataċ ta’ użu waħdieni;

(17)

‘kontenitur ta’ rikarika” tfisser kontenitur li fih likwidu li fih in-nikotina, li jista’ jintuża biex wieħed jerġa’ jimla s-sigarett elettroniku”

7

Taħt it-titolu “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, l-Artikolu 7(6) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom l-addittivi li ġejjin:

(a)

vitamini jew addittivi oħra li joħolqu l-impressjoni li prodott tat-tabakk huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa jew jippreżenta inqas riskji għas-saħħa;

(b)

kafeina jew tawrina jew addittivi oħra u komposti stimulanti li huma assoċjati mal-enerġija u l-vitalità;

(c)

addittivi li għandhom proprjetajiet koloranti għall-emissjonijiet;

(d)

għal prodotti tat-tabakk tat-tipjip, addittivi li jiffaċilitaw l-inalazzjoni jew il-konsum tan-nikotina; u

(e)

addittivi li għandhom proprjetajiet [karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni] fil-forma mhux maħruqa.

8

Intitolat “Sigaretti elettroniċi”, l-Artikolu 20 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u mal-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti tal-Unjoni.

Din id-Direttiva ma tapplikax għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li huma soġġetti għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni skont id-Direttiva [2001/83] jew għar-rekwiżiti mniżżlin fid-Direttiva [93/42].

2.   Il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar tali prodotti li biħsiebhom iqiegħdu fis-suq. In-notifika għandha tingħata f’għamla elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid intenzjonat fis-suq. Għal sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika li diġà qegħdin fis-suq fl-20 ta’ Mejju 2016, in-notifika għandha tingħata fi żmien sitt xhur minn dik id-data. Għandha tingħata notifika ġdida għal kull bidla sostanzjali tal-prodott.

In-notifika għandha, skont jekk il-prodott ikunx sigarett elettroniku jew kontenitur ta’ rikarika, tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur, persuna ġuridika jew fiżika responsabbli fl-Unjoni, u, jekk applikabbli, l-importatur fl-Unjoni;

(b)

lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott u l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-użu tiegħu, skont l-isem tad-ditta u t-tip, inklużi l-kwantitajiet tagħhom;

(c)

data tossikoloġika dwar l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodott, inkluż meta jissaħħnu, b’referenza partikolari għall-effetti tagħhom fuq is-saħħa tal-konsumaturi meta jinġibdu man-nifs u b’qies ta’, fost l-oħrajn, kwalunkwe effett ta’ dipendenza;

(d)

tagħrif dwar id-dożaġġ u l-ammont assorbit tan-nikotina meta kkunsmata taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment previsti;

(e)

deskrizzjoni tal-komponenti tal-prodott; inkluż, fejn applikabbli, il-mekkaniżmu ta’ ftuħ u mili mill-ġdid tas-sigarett elettroniku jew tal-kontenituri ta’ rikarika;

(f)

deskrizzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni, inkluż jekk dan jinvolvi produzzjoni ta’ serje u dikjarazzjoni li l-proċess ta’ produzzjoni jiżgura konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu;

(g)

dikjarazzjoni li l-manifattur jew l-importatur iġorru r-responsabbiltà sħiħa għall-kwalità u s-sigurtà tal-prodott, meta jitqiegħed fis-suq u jintuża taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu previsti raġonevolment.

Meta l-Istati Membri jqisu li l-informazzjoni ppreżentata ma tkunx kompleta, huma għandhom id-dritt jitolbu li l-informazzjoni kkonċernata tiġi kompluta.

L-Istati Membri jistgħu jimponu tariffi proporzjonati fuq il-manifatturi u importaturi tal-prodotti tat-tabakk biex jirċievu, jaħżnu, jimmaniġġaw u janalizzaw l-informazzjoni mibgħuta lilhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

likwidu li fih in-nikotina jitqiegħed fis-suq biss f’kontenituri ta’ rikarika apposta li ma jaqbżux volum ta’ 10 ml, f’sigaretti elettroniċi li jistgħu jintremew jew fi stoċċijiet li jintużaw darba u li l-istoċċijiet jew tankijiet ma jaqbżux volum ta’ 2 ml;

(b)

il-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih aktar minn 20mg/ml nikotina;

(c)

il-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih addittivi elenkati fl-Artikolu 7(6);

(d)

ingredjenti ta’ purità għolja biss jintużaw fil-manifattura tal-likwidu li fih in-nikotina. Sustanzi għajr l-ingredjenti msemmijin fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jkunu preżenti biss fil-likwidu li fih in-nikotina f’livelli ta’ traċċi, jekk tali traċċi teknikament ma jkunux jistgħu jiġu evitati waqt il-manifattura;

(e)

ħlief għan-nikotina, fil-likwidu li fih in-nikotina jintużaw biss ingredjenti li mhumiex ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem f’forma msaħħna jew mhux imsaħħna;

(f)

is-sigaretti elettroniċi jagħtu d-dożi ta’ nikotina f’livelli konsistenti taħt kondizzjonijiet normali ta’ użu;

(g)

ikun impossibbli li s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika jintmessu mit-tfal jew li jsir tbagħbis fihom; jkunu mħarsa kontra ksur u tnixxija u jkollhom mekkaniżmu li jiżgura li jimtlew mill-ġdid mingħajr tnixxija.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-pakketti individwali ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jinkludu fuljett b’informazzjoni dwar:

(i)

struzzjonijiet ta’ tagħrif għall-użu u l-ħżin tal-prodott, inkluż referenza li l-prodott mhux rakkomandat għall-użu miż-żgħażagħ u dawk li ma jpejpux;

(ii)

kontraindikazzjonijiet;

(iii)

twissijiet għal gruppi speċifiċi ta’ riskju;

(iv)

effetti negattivi possibbli;

(v)

l-effett ta’ dipendenza u t-tossiċità; u

(vi)

dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur jew importatur u persuna ta’ kuntatt ġuridika jew fiżika fl-Unjoni;

(b)

il-pakketti individwali u kwalunkwe ippakkjar estern tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika:

(i)

jinkludu lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott f’ordni mill-aktar li għandu piż għall-anqas wieħed, u indikazzjoni tal-kontenut tan-nikotina tal-prodott u l-ammont f’kull doża, in-numru tal-lott u rakkomandazzjoni biex il-prodott jinżamm ’il bogħod mit-tfal;

(ii)

mingħajr preġudizzju għall-punt (i) ta’ dan il-punt, ma jinkludux elementi jew karatteristiċi msemmijin fl-Artikolu 13, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) u (c) li jirrigwarda l-informazzjoni dwar il-kontenut tan-nikotina u dwar aromi; u

(iii)

iġorru waħda mit-twissijiet ta’ saħħa li ġejjin:

‘Dan il-prodott fih in-nikotina li hija sustanza li tista’ faċilment twassal għad-dipendenza. Mhuwiex rakkomandat għall-użu minn persuni li ma jpejpux’

jew

‘Dan il-prodott fih in-nikotina li hija sustanza li tista’ faċilment twassal għad-dipendenza.’

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawn it-twissijiet tas-saħħa għandhom jintużaw;

(c)

it-twissijiet tas-saħħa jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifikati fl-Artikolu 12(2).

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

komunikazzjonijiet kummerċjali fis-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, fl-istampa u pubblikazzjonijiet stampati oħrajn, bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jkunu pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta’ pubblikazzjonijiet li huma maħsuba esklussivament għal professjonisti fil-kummerċ tas-sigaretti elettroniċi jew il-kontenituri ta’ rikarika u għal pubblikazzjonijiet li jiġu stampati u ppubblikati f’pajjiżi terzi, meta dawk il-pubblikazzjonijiet ma jkunux maħsuba prinċipalment għas-suq tal-Unjoni;

(b)

komunikazzjonijiet kummerċjali fuq ir-radju, bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jiġu pprojbiti;

(c)

kwalunkwe forma ta’ kontribut pubbliku jew privat għal programmi tar-radju bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jiġu pprojbit;

(d)

kwalunkwe forma ta’ kontribut pubbliku jew privat lil kwalunkwe avveniment, attività jew persuna individwali bil-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ sigaretti elettroniċi jew kontenituri ta’ rikarika u li jinvolvi jew isir f’diversi Stati Membri jew li nkella jkollu effetti transkonfinali jkun ipprojbit;

e)

komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi li għalihom tapplika d-[Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, p. 1)] jkunu pprojbiti għas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika.

6.   L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva għandu japplika għall-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika.

7.   L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi u kontenituri ta’ rikarika jippreżentaw kull sena lill-awtoritajiet kompetenti:

(i)

data komprensiva dwar il-volumi tal-bejgħ, skont l-isem tad-ditta u t-tip tal-prodott;

(ii)

informazzjoni dwar il-preferenzi ta’ diversi gruppi ta’ konsumaturi, inklużi ż-żgħażagħ, il-persuni li ma jpejpux u tipi ewlenin ta’ utenti attwali;

(iii)

il-mod kif qed jinbiegħu l-prodotti; u

(iv)

taqsiriet eżekuttivi ta’ kwalunkwe stħarriġ tas-suq li jkun sar dwar dak imsemmi hawn fuq, inkluża traduzzjoni bl-Ingliż tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-iżviluppi tas-suq li jikkonċernaw is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika, inkluż kwalunkwe evidenza li l-użu tagħhom iservi bħala l-ewwel pass għall-vizzju tat-tabakk u fl-aħħar għall-konsum tradizzjonali tat-tabakk fost iż-żgħażagħ u l-persuni li ma jpejpux.

[...]

13.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi format komuni għan-notifika prevista fil-paragrafu 2 u l-istandards tekniċi għall-mekkaniżmu ta’ rikarika previst fil-paragrafu 3(g).

[...]”

9

Skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2014/40, id-dispożizzjonijiet ta’ din għandhom ikunu trasposti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri sal-20 ta’ Mejju 2016 u għandhom jidħlu fis-seħħ minn din id-data.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Pillbox adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

11

Hija ssostni li l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva huwa invalidu peress li jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ kompetizzjoni libera u ta’ sussidjarjetà, kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

12

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-argumenti mressqa minn Pillbox insostenn tar-rikors tagħha “jistgħu raġonevolment jagħtu lok għal diskussjoni”.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-Reġina (qorti amministrattiva)], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE […] huwa invalidu, kollu kemm hu jew fir-rigward ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, għal waħda jew iktar mid-diversi raġunjiet li ġejjin:

huwa jimponi, kollu kemm hu jew f’waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, serje ta’ obbligi fuq il-manifatturi u/ jew bejjiegħa bl-imnut ta’ sigaretti elettroniċi li jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ ċertezza legali?

għal raġunijiet ekwivalenti jew simili, ma josservax il-prinċipju ta’ ugwaljanza u/jew joħloq distorsjoni illegali tal-kompetizzjoni?

ma josservax il-prinċipju ta’ sussidjarjetà?

imur kontra d-drittijiet tal-manifatturi jew tal-bejjiegħa bl-imnut ta’ sigaretti elettroniċi skont l-Artikoli 16 u/jew 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

14

Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż isostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba, l-ewwel nett, li ma teżistix tilwima reali bejn il-partijiet, it-tieni nett, li r-rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi direttiva jikkostitwixxi mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE u, it-tielet nett, li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika minħabba li l-qorti tar-rinviju la tesponi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex issaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40.

15

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24).

16

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25).

17

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura reali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li r-rikors intiż għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2014/40, ippreżentat minn Pillbox quddiemha, huwa ammissibbli, anki jekk sad-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma kienet għadha ġiet adottata. Barra minn hekk, jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn Pillbox u s-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa fuq il-punt dwar jekk ir-rikors imsemmi iktar ’il fuq huwiex fondat. Peress li l-qorti tar-rinviju ntalbet tiddeċiedi dwar dan in-nuqqas ta’ qbil, ma jidhirx b’mod ċar li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex reali [ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 3638].

18

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument li r-rikors intiż għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) tal-“intenzjoni u/jew tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi direttiva jikkostitwixxi mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikkjarat ammissibbli diversi talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni sekondarja fformulata fil-kuntest ta’ tali rikorsi, b’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741), Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312) kif ukoll Afton Chemical (C‑343/09, EU:C:2010:419).

19

Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-individwi li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni ta’ portata ġenerali ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi att ikun effettivament diġà kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati skont id-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li titressaq quddiem il-qorti nazzjonali tilwima vera li fiha tqum, b’mod indirett, il-kwistjoni dwar il-validità ta’ att bħal dan. Issa, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-każ tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza [ara, b’analoġija, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 40 u Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 29].

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li rikors bħal dak fil-kawża prinċipali huwa intiż li jkun mezz ta’ kif tista’ tiġi evitata s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat FUE.

21

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet nett, in-natura allegatament ipotetika tad-domanda magħmula minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju la tesponi punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti u lanqas ir-raġunijiet li wassluha sabiex issaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-qorti tar-rinviju naqset milli tippreċiża jekk is-sigaretti elettroniċi kkummerċjalizzati minn Pillbox jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva ma jirrendix id-domanda magħmula waħda ipotetika.

22

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Pillbox timmanifattura u tikkummerċjalizza, fi ħdan is-suq intern, sigaretti elettroniċi taħt it-trade mark “Totally Wicked” kif ukoll kontenituri ta’ rikarika u prodotti relatati. Issa, skont l-Artikolu 1(f) tad-Direttiva 2014/40, din għandha l-għan tal-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti, tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tqegħid fis-suq u t-tikkettar tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika. Barra minn hekk, il-validità ta’ ċerti regoli għall-konformità imposti għal dawn il-prodotti taħt l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, inkluża dik dwar il-kontenut massimu ta’ nikotina li jista’ jkun hemm fil-likwidu ta’ dawn il-prodotti, hija preċiżament is-suġġett tad-domanda magħmula.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula ma għandhiex natura manifestament ipotetika.

24

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tesponi r-raġunijiet li wassluha sabiex issaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għaliex hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Bertini et, 98/85, 162/85 u 258/85, EU:C:1986:246, punt 6; ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 46, kif ukoll IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 31).

25

Għaldaqstant huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Greenpeace France et, C‑6/99, EU:C:2000:148, punt 55, kif ukoll id-digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 22). Tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati oħra li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Holdijk et, 141/81 sa 143/81, EU:C:1982:122, punt 6; Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 23, kif ukoll id-digriet Adiamix, C‑368/12, EU:C:2013:257, punt 24).

27

Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-validità ta’ att tal-Unjoni jew ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu fid-dawl tal-motivi ta’ invalidità meqjusa fid-deċiżjoni tar-rinviju.

28

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju rripproduċiet parti mill-argumenti mressqa minn Pillbox filwaqt li indikat li dawn “jistgħu raġonevolment jagħtu lok għal diskussjoni”.

29

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju tqis li r-raġunijiet ta’ invalidità, invokati minn Pillbox u riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu.

30

Min-naħa l-oħra, dawn l-indikazzjonijiet ippermettew lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Gvern Franċiż jieħdu pożizzjoni, b’mod utli, dwar id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

32

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 huwiex validu minħabba li huwa jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ kompetizzjoni libera u ta’ sussidjarjetà kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

Fuq il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera

33

Għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, id-domanda magħmula sa fejn tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera.

34

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur ta’ dawn il-prinċipji essenzjalment jirriżulta mill-fatt li dan l-Artikolu 20 jirriżerva lis-sigaretti elettroniċi trattament inqas favorevoli minn dak li għalih huma suġġetti l-prodotti tat-tabakk, minkejja li dawk tal-ewwel huma inqas ta’ ħsara minn dawk tal-aħħar.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza P u S, C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 41).

36

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li s-sigaretti elettroniċi għandhom karatteristiċi oġġettivi differenti minn dawk tal-prodotti tat-tabakk.

37

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-elementi inklużi fil-kompożizzjoni rispettivi tagħhom huma nettament differenti f’diversi aspetti. Għaldaqstant, mill-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-prodotti tat-tabakk huma prodotti li jistgħu jiġu kkonsmati u li jikkonsistu, anki parzjalment, mit-tabakk, kemm jekk ġenetikament modifikati kemm jekk le.

38

Min-naħa l-oħra, sigarett elettroniku ma fihx tabakk iżda jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(16) ta’ din id-direttiva, prodott li jista’ jintuża għall-konsum ta’ fwar li fih in-nikotina permezz ta’ bokkin, jew kwalunkwe komponent ta’ dak il-prodott, inklużi skrataċ, tank, u l-apparat mingħajr l-iskartoċċ jew t-tank. Barra minn hekk is-sigaretti elettroniċi jistgħu jkunu jintremew jew jerġgħu jimtlew permezz ta’ kontenitur ta’ rikarika u tank jew jerġgħu jiġu ċċarġjati bi skrataċ ta’ użu waħdieni.

39

Min-naħa tagħhom, il-kontenituri ta’ rikarika huma deskritti, skont l-Artikolu 2(17) tal-imsemmija direttva, bħala kontenitur li fih likwidu li fih in-nikotina, li jista’ jintuża biex wieħed jerġa’ jimla s-sigarett elettroniku.

40

It-tieni nett, huwa paċifiku li l-mod kif jiġu kkonsmati sigaretti elettroniċi huwa, min-naħa tiegħu ukoll, sostanzjalment differenti minn dak tal-prodotti tat-tabakk. Filwaqt li dawn tal-aħħar huma kkonsmati permezz ta’ ħruq tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi jiffunzjonaw permezz tal-evaporazzjoni elettrika jew eletromekkanika tal-likwidu li jinsab fil-kontenituri ta’ rikarika tagħhom.

41

It-tielet nett, b’differenza mill-prodotti tat-tabakk, is-sigaretti elettroniċi huma prodotti relattivament ġodda, li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem tagħhom għadu jrid jiġi ppreċiżat.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sigaretti elettroniċi ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni tal-prodotti tat-tabakk fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 tas-sentenza preżenti.

43

Għaldaqstant, billi dawn is-sigaretti jiġu suġġetti għal sistema legali distinta u, barra minn hekk, inqas stretta minn dik applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi kkritikat li kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

44

Peress li l-argumenti invokati fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera ma għandhom ebda kontenut awtonomu fir-rigward ta’ dawk relatati mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jsir riferiment f’dan ir-rigward għall-kunsiderazzjonijiet esposi fil-punti preċedenti tas-sentenza preżenti.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20 tad‑Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni libera.

Fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali

46

Għandha tiġi eżaminata, fit-tieni lok, id-domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 jew ta’ wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

– Fuq il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, inkwantu huwa stabbilixxa sistema speċifika applikabbli għas-sigaretti elettroniċi

47

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata minn Pillbox minħabba li, fid-dawl tal-fatt li huma inqas ta’ ħsara, jew li saħansitra huma ta’ benefiċċju għas-saħħa pubblika, is-sigaretti elettroniċi ma għandhom ikun s-suġġett ta’ ebda leġiżlazzjoni speċifika u ħafna inqas ta’ leġiżlazzjoni paragunabbli, jew anki iktar stretta minn dik applikabbli għall-prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, il-proporzjonalità tal-miżuri magħżula taħt dan l-artikolu ma kienu suġġetti għal ebda analiżi ta’ impatt.

48

Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex iwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122; ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86, kif ukoll Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 67 u 91].

49

Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata diskrezzjoni wiesgħa f’qasam, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123].

50

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ riskji għas-saħħa marbuta mal-konsum ta’ sigaretti elettroniċi hija s-suġġett ta’ dibattiti vivaċi bejn il-partijiet fil-proċedura preżenti li jinvokaw, insostenn tat-teżijiet rispettivi tagħhom, diversi studji u rapporti xjentifiċi. Għaldaqstant, filwaqt li Pillbox issostni li s-sigaretti elettroniċi ġeneralment ma jagħmlux ħsara lis-saħħa u għandhom vantaġġi kbar bħala sostituti tal-prodotti tat-tabakk jew bħala għajnuna għall-waqfien mit-tipjip, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Gvernijiet intervenjenti fil-proċedura preżenti jqisu li s-sigaretti elettroniċi jistgħu joħolqu dipendenza fuq in-nikotina u jwasslu għal avvelenament minn din is-sustanza wara konsum fit-tul u intensiv jew wara użu inkorrett tal-prodott. Barra minn hekk, dawn is-sigaretti jistgħu jkunu l-ewwel pass lejn it-tipjip għall-persuni li ma jpejpux peress li huma jimitaw u jinnormalizzaw l-azzjoni ta’ tipjip u jsaħħu b’hekk l-attraenza tiegħu. Barra minn hekk, ir-rwol mogħti lis-sigaretti elettroniċi bħala għajnuna għall-waqfien mit-tipjip huwa diskutibbli, inkwantu l-persuni li jpejpu jistgħu jagħżlu kemm li jikkonsmaw prodotti tat-tabakk kif ukoll sigaretti elettroniċi, b’tali mod li dawn tal-aħħar isiru, fir-realità mezz kif iżommu d-dipendenza fuq in-nikotina.

51

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-effetti tas-sigaretti elettroniċi fuq is-saħħa tal-bniedem huma s-suġġett ta’ kontroversja fuq livell internazzjonali, hekk kif tirrileva d-WHO f’rapport tal-1 ta’ Settembru 2014, intitolat “Inalaturi Elettroniċi tan-Nikotina” (Electronic Nicotine Delivery Systems) (iktar ’il quddiem ir-“rapport ENDS”). Dan ir-rapport jindika li ċerti esperti huma favur dawn il-prodotti għaliex jarawhom bħala mezz li jitnaqqas il-konsum tat-tabakk, filwaqt li oħrajn iqisu li huma jistgħu “jimminaw l-isforzi magħmula sabiex it-tipjip “ma jibqax innormalizzat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-imsemmi rapport, l-inalaturi elettroniċi tan-nikotina jinsabu fuq “konfini li jitħarrku bejn wegħda u theddida għall-ġlieda kontra t-tabakk” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

52

Madankollu, ir-rapport ENDS jikkonstata l-eżistenza ta’ ċerti riskji għas-saħħa marbuta mal-inalazzjoni tan-nikotina u ta’ sustanzi tossiċi f’forma aerosol, kif ukoll mal-espożizzjoni għan-nikotina b’mezzi oħra barra l-inalazzjoni, b’mod partikolari għat-tfal, l-adolexxenti, in-nisa tqal u nisa ta’ età li jista’ jkollhom it-tfal.

53

Barra minn hekk, huwa jippreċiża li d-data xjentifika fuq l-effikaċja tal-inalaturi elettroniċi tan-nikotina bħala metodu għall-waqfien mit-tipjip hija limitata u ma tippermettix li jinstiltu konklużjonijiet. Bl-istess mod, id-data disponibbli la tippermetti li jiġu affermati u lanqas li jiġu esklużi l-effetti ta’ “l-ewwel pass” u ta’ “normalizzazzjoni mill-ġdid” assoċjati mal-użu tal-imsemmi inalaturi.

54

Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, Pillbox tirrikonoxxi li l-likwidu u l-fwar tas-sigaretti elettroniċi fihom komponenti tossiċi u karċinoġeniċi, iżda f’livelli iktar baxxi minn dawk li fihom il-prodotti tat-tabakk u li studji xjentifiċi addizzjonali huma neċessarji.

55

F’tali ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni li jipprovdi li meta jkun hemm inċertezzi rigward l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, huwa possibbli li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu murija bis-sħiħ. Meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat, minħabba n-natura mhux konklużiva tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika teżisti fil-każ li r-riskju jimmaterjalizza lilu nnifsu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi (sentenza Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 8182).

56

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

57

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni li, fid-dawl tal-fatt li huma inqas ta’ ħsara, jew li saħansitra huma ta’ benefiċċju għas-saħħa pubblika, is-sigaretti elettroniċi ma għandhom ikun s-suġġett ta’ ebda leġiżlazzjoni speċifika, għandha tiġi rrilevata, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ diverġenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Direttiva 2014/40. Fil-fatt, l-analiżi tal-impatt tad-19 ta’ Diċembru 2012, stabbilita mill-Kummissjoni u li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati [SWD(2012) 452 finali, Parti 1, p. 26 et seq u Parti 4, p. 2], issemmi l-inċertezzi relatati mad-diversi sistemi legali nazzjonali applikabbli għas-sigaretti elettroniċi. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li ċerti Stati Membri għandhom tendenza jassimilawhom, każ b’każ, ma’ prodotti mediċi, oħrajn jipprojbixxuhom filwaqt li terġa’ oħrajn ma jirregolawhom bl-ebda mod.

58

Issa, fid-dawl tal-fatt li s-suq tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika qed jikber, kif ikkonstatat kemm fil-premessa 43 tad-direttiva kif ukoll fir-rapport ENDS, ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet li dawn il-prodotti għandhom jissodosfaw jistgħu, min-natura tagħhom stess, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, jikostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija [ara, b’analoġija, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 64].

59

It-tieni nett, waqt is-sitt sessjoni tagħha miżmuma f’Moska fit-13 sat‑18 ta’ Ottubru 2014, il-Konferenza tal-partijiet kontraenti għall-FCTC stiednet lil dawn il-partijiet, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2014 dwar l-inalaturi elettroniċi tan-nikotina u inalaturi elettroniċi mhux tan-nikotina (Electronic nicotine delivery systems and electronic non-nicotine delivery systems) [FCTC/COP/6(9)], sabiex jikkunsidraw, b’mod partikolari, li jipprojbixxu jew jirregolaw l-inalaturi elettroniċi tan-nikotina jew mhux tan-nikotina, li jipprojbixxu jew jirrestrinġu r-riklamar, il-promozzjoni kif ukoll l-isponsorizzazzjoni favur l-inalaturi elettroniċi tan-nikotina u li jissorveljaw bis-sħiħ l-użu tal-inalaturi elettroniċi tan-nikotina jew mhux tan-nikotina.

60

It-tielet nett, ir-riskji magħrufa jew potenzjali marbuta mal-użu ta’ sigaretti elettroniċi, irrilevati fir-rapport ENDS, imsemmija fil-punti 52 u 53 tas-sentenza preżenti, kienu jitolbu lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jaġixxi konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ prekawzjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ddeċieda li jiddedika leġiżlazzjoni speċifika għat-tqegħid fis-suq tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni, minn naħa, jiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern sa fejn jikkonċerna dawn il-prodotti, billi ħa bħala bażi, livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ u, min-naħa l-oħra, josserva l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-FCTC. Billi aġixxa b’dan il-mod, dan il-leġiżlatur ma eċċedix manifestament il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu f’dan il-qasam, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 tas-sentenza preżenti.

62

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li jissuġġetta lis-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għal sistema paragunabbli, jew saħansitra iktar stretta, minn dik irriżervata lill-prodotti tat-tabakk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 43 tas-sentenza preżenti, dawn il-prodotti tal-ewwel huma distinti minn dawk tal-aħħar permezz tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom kif ukoll min-natura innovattiva tagħhom fis-suq ikkonċernat, u dan jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika fil-konfront tagħhom.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, paragun bejn ir-regoli applikabbli għall-prodotti tat-tabakk u dawk intiżi għas-sigaretti elettroniċi kif ukoll il-kontenituri ta’ rikarika huwa irrilevanti.

64

Fit-tielet lok, huwa ċertament veru li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 ma kinux jinsabu fost dawk li kienu oriġinarjament maħsuba mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati [COM(2012)788 finali] u għaldaqstant ma kinux suġġetti għall-analiżi tal-impatt li kienet takkompanja din il-proposta u li hija msemmija fil-punt 57 tas-sentenza preżenti.

65

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li tali analiżi tal-impatt la torbot lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill (sentenza Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 57). Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni jibqa’ liberu jadotta miżuri li ma humiex dawk suġġetti għal din l-analiżi tal-impatt. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li huwa adotta miżuri differenti u, skont il-każ, iktar vinkolanti minn dawk maħsuba mill-Kummissjoni fl-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punt 57 tas-sentenza preżenti ma huwiex tali li juri li huwa eċċeda manifestament il-limiti ta’ dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

66

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħadu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika disponibbli kif ukoll l-opinjoni tal-gruppi interessati. Fil-fatt, huwa paċifiku li ġew organizzati diversi konsultazzjonijiet u laqgħat fi stadju avvanzat ta’ dan il-proċess sabiex preċiżament tinġabar l-informazzjoni neċessarja dwar l-għażliet li kellu l-leġiżlatur tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet, b’mod partikolari fil-25 ta’ Novembru 2013, intervisti addizzjonali mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-industrija tat-tabakk, fosthom it-Tobacco Vapor Electronic Cigarette Association (TVECA) u l-Electronic Cigarette Industry Trade Association (ECITA). Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew żamm laqgħa miftuħa, fid-19 ta’ Marzu 2013, mar-rappreżentanti tal-industrija kkonċernati kif ukoll, fis-7 ta’ Mejju 2013, workshop iddedikat għas-sigaretti elettroniċi bil-parteċipazzjoni ta’ esperti tad-WHO, tal-awtoritajiet nazzjonali, ta’ xjenzjati u ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi.

67

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, inkwantu huwa jiddedika sistema speċifika applikabbli għas-sigaretti elettroniċi.

68

Madankollu, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament il-motivi ta’ invalidità invokati fid-deċiżjoni tar-rinviju li jikkonċernaw speċifikament lill-Artikolu 20(2), (3), (4)(a) u (5) sa (7) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl ta’ dawn l-istess prinċipji.

– Fuq il-validità tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40

69

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata minħabba li, l-ewwel nett, din id-dispożizzjoni tissuġġetta lis-sigaretti elettroniċi għal skema ta’ awtorizzazzjoni iktar stretta minn dik applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, it-tieni nett, din is-sistema hija, fi kwalunkwe każ, sproporzjonata, inkwantu jeżistu miżuri inqas vinkolanti adatti sabiex jilħqu l-għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni, it-tielet nett, it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-istess dispożizzjoni huwa eċċessiv inkwantu jostakola l-innovazzjoni u, ir-raba’ nett, parti mill-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata, bħal dik imsemmija fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40, hija fformulata b’mod vag wisq, u dan imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

70

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument li l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40 jissuġġetta lis-sigaretti elettroniċi għal skema ta’ awtorizzazzjoni iktar stretta minn dik applikabbli għall-prodotti tat-tabakk, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument jirriżulta minn qari manifestament żbaljat ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tissuġġetta lis-sigaretti elettroniċi għal skema mhux ta’ awtorizzazzjoni iżda ta’ notifika. B’differenza minn skema ta’ awtorizzazzjoni li tobbliga, bħala regola ġenerali, lill-manifatturi u lill-importaturi jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti qabel ma jkunu awtorizzati jqiegħdu fis-suq il-prodott ikkonċernat, l-iskema prevista fl‑Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40 hija ferm inqas restrittiva, peress li teżiġi li l-manifatturi u l-importaturi ta’ sigaretti elettroniċi kif ukoll ta’ kontenituri ta’ rikarika jippreżentaw notifika sitt xhur qabel id-data prevista għat-tqegħid fis-suq ta’ kull prodott ta’ dan it-tip.

71

Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, in-natura allegatament sproporzjonata ta’ dan l-obbligu, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, dan huwa intiż, skont il-premessa 36 tad-Direttiva 2014/40, sabiex jippermetti lill-Istati Membri jissodisfaw il-kompiti tagħhom ta’ sorveljanza u kontroll. Tali approċċ huwa ġġustifikat, barra minn hekk, mir-rekwiżiti marbuta mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, imfakkar fil-punt 55 tas-sentenza preżenti, kif ukoll mill-istedina magħmula lill-partijiet għall-FCTC sabiex jagħmlu “sorveljanza sħiħa” tal-użu ta’ dan il-prodott, kif imfakkar fil-punt 59 ta’ din l-istess sentenza. Huwa għalhekk jidher adatt sabiex jilħaq l-għan li trid tilħaq din id-dispożizzjoni.

72

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi obbligu ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-miżura alternattiva maħsuba minn Pillbox, jiġifieri l-istabbiliment, fil-livell tal-Unjoni, ta’ standards komuni applikabbli għas-sigaretti elettroniċi u għall-kontenituri ta’ rikarika, ma tidhirx, f’dan l-istadju, bħala miżura li tista’ tiġi adottata, hekk kif isostnu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, peress li t-tfassil ta’ tali standards jippreżumi normalment l-eżistenza ta’ data suffiċjentement sostantiva dwar il-prodott inkwistjoni, data li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40.

73

Min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva huwa intiż jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeżaminaw id-dati kollha li ttrażmettewlhom il-manifatturi u l-importaturi. Issa, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata u l-inċertezzi relatati mal-konsum ta’ sigaretti elettroniċi, dan it-terminu ma jidhirx manifestament eċċessiv.

74

Għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni li l-imsemmi terminu jista’ jikkomprometti l-innovazzjoni fis-settur ikkonċernat, din ma hijiex suffiċjentement sostnuta sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa r-rilevanza tagħha. Fi kwalunkwe każ, skemi analogi, jew saħansitra iktar stretti, applikabbli għal prodotti oħra, bħal dawk stabbiliti mid-Direttivi 2001/83 u 93/42, bl-ebda mod ma pprekludew l-innovazzjoni fil-qasam ikkonċernat minnhom.

75

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40 ma jidhirx manifestament mhux xieraq jew li jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni.

76

Għal dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa sostnut li l-obbligu li tiġi provduta informazzjoni dwar id-dożaġġ u l-inalazzjoni tan-nikotina “meta kkunsmata taħt kondizzjonijiet normali jew li jistgħu jiġu raġonevolment previsti”, skont il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tad-direttiva, ma huwiex suffiċjentement preċiż, peress li dawn il-valuri jvarjaw skont il-mod ta’ konsum ta’ kull konsumatur.

77

Madankollu, u hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tagħha, l-informazzjoni li għandha tingħata skont l-imsemmija dispożizzjoni la hija evidentement relatata mad-doża u lanqas mal-ammont assorbit tan-nikotina individwali għal kull konsumatur, iżda mal-valuri minimi, medji jew massimi normalment mistennija mill-konsum ta’ sigarett elettroniku.

78

Barra minn hekk, huwa possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża qafas legali ġenerali li, skont il-każ, ikun jista’ jiġi ppreċiżat wara. F’dan il-każ, huwa preċiżament l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(13) tad-Direttiva 2014/40, atti ta’ implementazzjoni li jistabbilixxu b’mod partikolari format komuni għan-notifika prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

– Fuq il-validità tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2014/40

81

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-motivi invokati insostenn tal-invalidità tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2014/40 fir-realità jkopru biss ir-rekwiżiti imposti skont il-punti (a), (b) u (f) ta’ dan il-paragrafu.

82

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-Artikolu 20(3)(a) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi rrilevat li, skont din id-dispożizzjoni, il-likwidu li fih in-nikotina ma jistax jitqiegħed fis-suq ħlief f’kontenituri ta’ rikarika apposta li ma jaqbżux volum ta’ 10 ml u li f’sigaretti elettroniċi li jistgħu jintremew jew fi stoċċijiet li jintużaw darba, l-istoċċijiet jew tankijiet ma għandhomx jaqbżu volum ta’ 2 ml.

83

L-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva 2014/40 jitlob, min-naħa tiegħu, li l-likwidu li fih in-nikotina ma jkunx fih iktar minn 20 mg/ml nikotina.

84

Dawn ir-rekwiżiti jikkontribwixxu għall-għan ta’ din id-direttiva li, skont l-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, partikolarment għaż-żgħażagħ.

85

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kapaċità tal-imsemmija rekwiżiti sabiex jilħqu dan l-għan, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 58 tas-sentenza preżenti, ir-regoli li jarmonizzaw il-kompożizzjoni tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika huma, min-natura tagħhom stess, adatti sabiex jeliminaw l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ din il-merkanzija.

86

Barra minn hekk, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 20(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/40 jippermettu li jiġu llimitati r-riskji marbuta mal-espożizzjoni għan-nikotina. Għaldaqstant, huma adatti wkoll sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem.

87

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt dwar jekk tali restrizzjonijiet imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40, minn naħa, għandhom jiġu miċħuda, għar-raġunijiet diġà esposti fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza preżenti, l-argument li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 20(3)(a) tagħha huwa iktar strett mir-regoli applikabbli għall-prodotti tat-tabakk.

88

Għal dak li jikkonċerna, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva 2014/40, Pillbox issostni li, billi ffissa għal 20 mg/ml il-kontenut massimu tan-nikotina li jista’ jkun fih il-likwidu tas-sigaretti elettroniċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża lilu nnifsu fuq premessa xjentifika żbaljata. Dan il-valur ġie ġġustifikat minn dan il-leġiżlatur mill-fatt li huwa ma jippermettix li tiġi rrilaxxata doża ta’ nikotina li hija simili għad-doża ta’ nikotina permessa derivata minn sigarett standard, abbażi ta’ tabakk, matul il-ħin meħtieġ biex wieħed ipejjep tali sigarett. Madankollu, skont Pillbox, tali premessa tmur kontra l-mod tal-funzjonament speċifiku tas-sigaretti elettroniċi, peress li, filwaqt li l-kontenut tan-nikotina indikat fuq il-pakketti tas-sigaretti abbażi ta’ tabakk huwa relatat mal-kwantità ta’ nikotina mmetabolizzata rrilaxxata fid-demm tal-persuna li tpejjep, il-kontenut ta’ nikotina massimu meqjus fl-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva 2014/40 jirreferi għall-kwantità “fiżika” ta’ nikotina li fih il-likwidu tas-sigaretti elettroniċi. Billi aġixxa b’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni naqqas b’mod kunsiderevoli l-effikaċja tas-sigaretti elettroniċi bħala sostitut tal-prodotti tat-tabakk, bil-kontra tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fl-livell għoli.

89

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni billi jirreferu għal studji xjentifiċi oħra.

90

Mingħajr ma hemm bżonn tingħata deċiżjoni dwar din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jiddetermina l-kontenut massimu ta’ nikotina li jista’ jkun fih il-likwidu tas-sigaretti elettroniċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża lilu nnifsu wkoll fuq elementi oġġettivi oħra.

91

Fil-fatt, l-ewwel nett, in-neċessità li jiġi impost valur massimu ta’ nikotina li jista’ jkun fih il-likwidu tas-sigaretti elettroniċi tirriżulta ġġustifikata fid-dawl tar-riskju ta’ doża eċċessiva jew ta’ avvelenament, irrilevat fir-rapport ENDS.

92

It-tieni nett, kif jindikaw il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Franċiż u l-Gvern Spanjol, mingħajr ma huma kontradetti fuq dan il-punt, l-informazzjoni disponibbli fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40 turi li l-parti l-kbira tas-sigaretti elettroniċi mibjugħa fis-suq intern għandhom kontenut ta’ nikotina ta’ inqas minn 30 mg/ml.

93

Barra minn hekk, hekk kif jirrilevaw il-Parlament u l-Kummissjoni, Pillbox irrikonoxxiet hija stess, f’ittra miftuħa indirizzata lill-Parlament fit-8 ta’ Lulju 2013, li persuna li tpejjep medja ta’ għoxrin sigarett abbażi ta’ tabakk kuljum għandha bżonn ta’18 sa 24 mg/ml ta’ nikotina sabiex is-sigarett elettroniku tagħha jkun għażla kredibbli bħala sostitut tal-prodotti tat-tabakk imsejħa “tradizzjonali”.

94

It-tielet nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-tqegħid fis-suq ta’ sigaretti elettroniċi li l-likwidu tagħhom fih iktar minn 20 mg/ml ta’ nikotina ma huwiex ipprojbit mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-premessa 36 tagħha, tali prodotti jistgħu, skont il-każ, jiġu kkummerċjalizzati fi ħdan l-Unjoni bil-kundizzjonijiet u skont il-proċeduri stabbiliti mid-Direttivi 2001/83 u 93/42.

95

Meta ppreveda tali possibbiltà, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa kont tan-neċessità, għal ċerti konsumaturi, minħabba l-istat ta’ dipendenza tagħhom jew tal-abitudnijiet tagħhom, li jużaw bħala għajnuna għall-waqfien mit-tipjip, sigaretti elettroniċi li fihom konċentrazzjoni ta’ nikotina ogħla minn dik awtorizzata mill-Artikolu 20(3)(b) tad-Direttiva 2014/40.

96

Dawn l-elementi kollha juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni pproċeda għall-ibbilanċjar bejn id-diversi interessi billi ħa inkunsiderazzjoni diversi fatturi u mingħajr ma eċċeda l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu.

97

Għaldaqstant, ma jidhirx li, meta adotta l-Artikolu 20(3)(a) u (b) tad-Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni aġixxa b’mod arbitrarju jew eċċeda manifestament il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li huwa ried jilħaq, jiġifieri dak li jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, partikolarment għaż-żgħażagħ.

98

Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 20(3)(f) tad-Direttiva 2014/40, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tiegħu hija kkontestata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li d-dożi rrilaxxata mis-sigaretti elettroniċi jvarjaw minn konsumatur għall-ieħor skont il-mod ta’ kif jintuża dan il-prodott, ir-rekwiżit li dawn is-sigaretti għandhom jirrilaxxaw dożi ta’ nikotina “b’livelli konsistenti taħt kondizzjonijiet ta’ użu normali” ma huwiex ċar.

99

Mill-premessa 39 tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li dan ir-rekwiżit huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ konsum aċċidentali ta’ dożi għoljin ta’ nikotina.

100

Għandu jiġi kkonstatat li, moqri fid-dawl ta’ dan l-għan, l-Artikolu 20(3)(f) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’ċarezza suffiċjenti r-riżultat li jrid jintlaħaq, jiġifieri dak li kull inalazzjoni tirrilaxxa l-istess kwantità ta’ nikotina f’kundizzjonijiet identiċi ta’ użu, inkluż is-saħħa tal-inalazzjoni.

101

Il-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprovdix metodu jew proċess konkret għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-rekwiżit ma jfissirx madankollu li din tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward fil-livell tal-Unjoni, huwa l-obbligu tal-Istati Membri jew, skont il-każ, tal-manifatturi nnifishom, li jagħżlu metodu affidabbli li jista’ jiżgura l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit.

102

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

– Fuq il-validità tal-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva 2014/40

103

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tal-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata minħabba li huwa sproporzjonat li jintalab li l-pakketti individwali tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika għandhom jinkludu fuljett separat fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni mitluba tista’ tkun tinsab ukoll fuq il-pakkett tal-prodott u li ebda rekwiżit analogu ma huwa previst għal dak li jikkonċerna s-siġaretti abbażi ta’ tabakk.

104

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-ammont u n-natura ta’ ċerta informazzjoni li għandha tinsab f’fuljett separat, bħal dik dwar il-kontraindikazzjonijiet, it-twissijiet għal gruppi speċifiċi ta’ riskju u l-effetti negattivi possibbli, huma tali li ma tantx jidher probabbli li huma jistgħu jkunu ppreżentati b’mod suffiċjentement li jistgħu jidhru u jinqraw fuq l-uniku pakkett tal-prodott ikkonċernat, iktar u iktar għaliex dan għandu jinkludi, skont l-Artikolu 20(4)(b) tad-Direttiva 2014/40, lista tal-ingredjenti kollha li dan il-prodott fih u t-twissijiet ta’ saħħa meħtieġa.

105

It-tieni nett, fuljett separat mill-pakkett tal-prodott u li jinkludi informazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti tippermetti lill-konsumatur jżomm din l-informazzjoni anki wara li jkun rema l-imsemmi pakkett.

106

It-tielet nett, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ rekwiżit analogu applikabbli għas-sigaretti abbażi ta’ tabakk ma jistax jiġi milqugħ għar-raġunijiet esposti fil-punti 36 sa 43 tas-sentenza preżenti.

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li, meta adotta l-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda manifestament il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva.

108

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(4)(a) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

– Fuq il-validità tal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40

109

L-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 essenzjalment jipprojbixxi l-komunikazzjonijiet kummerċjali u l-isponserizzazzjoni tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika tagħhom, sa fejn dawn il-prattiki jkollhom l-għan jew l-effett dirett jew indirett tal-promozzjoni ta’ dawn il-prodotti.

110

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità ta’ din id-dispożizzjoni hija kkontestata minħabba li għandha effett sproporzjonat fis-suq li għadu qed jiżviluppa, filwaqt li l-prodotti tat-tabakk ibbenefikaw minn snin twal ta’ riklamar li ppermettewlhom jistabbilixxu lilhom infushom fit-tul fis-suq. Barra minn hekk, din il-projbizzjoni hija fformulata b’mod wiesa’ sabiex tinkludi l-bejgħ tas-sigaretti elettroniċi fuq l-internet, filwaqt li ebda projbizzjoni ta’ dan it-tip ma tapplika għall-prodotti tat-tabakk.

111

Il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 hija intiża li tiżgura l-applikazzjoni ta’ sistema uniformi għall-kummerċ tas-sigaretti elettroniċi fi ħdan is-suq intern, filwaqt li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, fid-dawl tal-inċertezzi relatati ma’ dan il-prodott u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ prekawzjoni.

112

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li din il-projbizzjoni hija xierqa sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 43 tad-direttiva jirriżulta li d-disparitajiet bejn il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali fil-qasam tar-riklamar u tal-isponsorizzazzjoni għas-sigaretti elettroniċi jostakolaw il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jikkostitwixxu riskju sinjifikanti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fl-assenza ta’ miżuri adottati fil-livell tal-Unjoni, l-imsemmija disparitajiet jistgħu jiżdiedu fis-snin li ġejjin, fid-dawl tal-fatt li s-suq tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika qed jikber b’mod rapidu.

113

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 jippermetti li jiġi limitat il-kuntatt tal-konsumaturi, u b’mod partikolari, taż-żgħażagħ li huma partikolarment sensittivi għar-reklamar, mal-inċentivi kummerċjali għax-xiri jew għall-konsum tas-sigaretti elettroniċi, sabiex ikunu inqas esposti għar-riskji magħrufa jew potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li dawn il-prodotti jistgħu jikkawżaw.

114

Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, in-neċessità ta’ din il-projbizzjoni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li permezz tad-deċiżjoni tagħha msemmija fil-punt 59 tas-sentenza preżenti, il-Konferenza tal-partijiet kontraenti tal-FCTC ħeġġet lill-“partijiet sabiex jikkunsidraw jipprojbixxu jew jirrestrinġu r-reklamar favur l-inalaturi elettroniċi tan-nikotina, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni”.

115

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li, meta adotta l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40, il-leġiżlatur tal-Unjoni eċċeda manifestament il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva.

116

Il-fatt li l-prodotti tat-tabakk setgħu jibbenefikaw minn snin twal ta’ kampanji ta’ reklamar bla ebda mod ma jista’ jikkostitwixxi motiv li jorbot lil-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti tali kampanji anki fir-rigward tas-sigaretti elettroniċi. Bil-kontra, peress li kien hemm konoxxenza ta’ informazzjoni xjentifika serja li tirrapporta l-eżistenza ta’ riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, li prodott relattivament ġdid fuq is-suq jista’ jikkawża, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien obbligat jaġixxi konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, mat-tieni sentenza tal-Artikolu 35, mal-Karta, mal-Artikolu 9 TFUE u mal-Artikoli 114(3) TFUE u 168(1) TFUE li jobbligawh jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politiki u azzjonijiet kollha tal-Unjoni.

117

Għal dak li jirrigwarda l-objezzjoni li tipprovdi li l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 jipprojbixxi wkoll il-bejgħ tas-sigaretti elettroniċi fuq l-internet, għandu jiġi kkonstatat li din tirriżulta minn qari manifestament żbaljat ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, xejn fil-kliem tagħha ma jippermetti li jiġi konkluż li hija intiża sabiex tipprojbixxi bi kwalunkwe mod dan il-mod ta’ kummerċjalizzazzjoni. Bil-kontra, mill-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40, li jirreferi għall-Artikolu 18 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva ma timponix tali projbizzjoni, iżda tħalli l-għażla lill-Istati Membri li jipprojbixxu jew jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-bejgħ transkonfinali mill-bogħod, inkluż il-bejgħ bl-internet tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika.

118

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

Fuq il-validità tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40

119

L-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi li l-Artikolu 18 tagħha japplika għall-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika. Dan l-Artikolu 18 jipprovdi, minn naħa, li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi u jimponi, min-naħa l-oħra, numru ta’ regoli komuni għall-Istati Membri li ma jipprojbixxux dan.

120

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 hija kkontestata minħabba li, fl-ewwel lok, huwa jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu jeżistu miżuri inqas restrittivi iżda xorta waħda xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva, bħall-istabbiliment ta’ limiti ta’ età applikabbli speċifikament għall-konsum tas-sigaretti elettroniċi u, fit-tieni lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma mmotivax għaliex ir-regola tal-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva ġiet estiza għall-bejgħ tas-sigaretti elettroniċi.

121

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura allegatament sproporzjonata tar-regola stabbilita fl-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa spjegat fil-premessa 33 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li l-bejgħ traskonfinali mill-bogħod ta’ prodotti tat-tabakk jista’, minn naħa, jiffaċilita l-aċċess għal prodotti tat-tabakk li ma humiex konformi mal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jinvolvi riskju ikbar li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal dawn il-prodotti. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għas-sigaretti elettroniċi u għall-kontenituri ta’ rikarika, hekk kif jikkonferma r-riferiment għall-Artikolu 18 tal-istess direttiva, magħmul mill-Artikolu 20(6) tagħha.

122

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija intiża għaldaqstant sabiex tippermetti lill-Istati Membri jipprekludu l-evitar tar-regoli ta’ konformità stabbiliti mid-Direttiva 2014/40 għal dak li jikkonċerna s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika, filwaqt li jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ.

123

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li att tal-Unjoni adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE jista’ jinkludi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipprekludu l-evitar tar-rekwiżiti li għandhom bħala skop it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 100, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 82].

124

Billi jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu l-bejgħ transkonfinali mill-bogħod tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika u billi jimponi ċerti regoli komuni fuq l-Istati Membri li ma jipprojbixxux dan, il-miżuri stabbiliti mill-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan identifikat fil-punt 122 tas-sentenza preżenti.

125

Għal dak li jirrigwarda jekk dawn il-miżuri humiex strettament neċessarji, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma timponix projbizzjoni ta’ bejgħ transkonfinali tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika, iżda tħalli l-għażla lill-Istati Membri li jipprojbixxu jew jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, tali bejgħ.

126

L-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 jippermetti għaldaqstant lill-Istati Membri jadattaw l-azzjoni tagħhom skont l-iżviluppi xjentifiċi fil-qasam u l-evoluzzjoni tas-suq rilevanti.

127

Għal dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ limiti ta’ età applikabbli speċifikament għall-konsum tas-sigaretti elettroniċi rrakkomandat minn Pillbox bħala miżura inqas restrittiva, ma ntweriex li dan kieku jikkostitwixxi mezz effikaċi li jippermetti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li tali miżura tista’ faċilment tiġi evitata fil-kuntest ta’ bejgħ transkonfinali mill-bogħod.

128

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li r-regola stabbilita fl-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva.

129

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni sottostanti din id-dispożizzjoni, huwa ċertament preċiż li l-premessa 33 tad-Direttiva 2014/40 tkopri biss il-prodotti tat-tabakk. Madankollu, il-fatt li l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 sempliċement jirreferi, għal dak li jikkonċerna s-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika, għar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-motivi esposti fl-imsemmija premessa japplikaw mutatis mutandis għall-bejgħ transkonfinali tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika.

130

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li għandu l-intenzjoni li jilħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29).

131

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(6) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

Fuq il-validità tal-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/40

132

L-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/40 jobbliga lill-manifatturi kif ukoll lill-importaturi tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika jissottomettu, kull sena, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ċerta informazzjoni li tippermetti lil dan tal-aħħar jissorvelja l-evoluzzjoni tas-suq.

133

Il-validità ta’ din id-dispożizzjoni hija kkontestata minħabba, fl-ewwel lok, li din timponi piż sproporzjonat fuq il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika, filwaqt li ebda obbligu analogu ma huwa impost fuq il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk, u li miżuri oħra inqas restrittivi, bħas-sondaġġi tas-suq, jippermettu li tiġi ssorveljata l-evoluzzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fit-tieni lok, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-“preferenzi ta’ diversi gruppi tal-konsumaturi” ma huwiex ċar u jikser, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

134

Mill-premessa 44 tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-Artikolu 20(7) tagħha għandu l-għan li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sabiex iwettqu l-kompiti regolatorji tagħhom, jirrikjedu informazzjoni eżawrjenti dwar l-evoluzzjoni tas-suq tas-sigaretti elettroniċi u tal-kontenituri ta’ rikarika.

135

Peress li n-natura xierqa ta’ din il-miżura ma hijiex ikkontestata, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk din tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

136

F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda, l-ewwel nett, l-oġġezzjoni li tipprovdi li dan l-obbligu huwa sproporzjonat sempliċement minħabba li ebda obbligu analogu ma huwa impost fuq il-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk. Fil-fatt, b’differenza minn dawn tal-aħħar, li għalihom l-awtoritajiet kompetenti għandhom diġà informazzjoni ddettaljata minħabba l-preżenza tagħhom sa minn żmien twil fis-suq u studji xjentifiċi li saru dwarhom, it-tqegħid fis-suq tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika jista’, jew saħansitra għandu, ikun issorveljat b’mod sinjifikattiv minħabba li dawn il-prodotti huma ġodda u l-inċertezzi rigward ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem miġbura mill-konsumaturi tagħhom.

137

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-data li l-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika għandhom jipprovdu skont l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri l-volum u l-mod kif qegħdin jinbiegħu, il-preferenza tad-diversi gruppi ta’ konsumaturi, it-tipi ewlenin ta’ konsumaturi attwali u sinteżi ta’ kwalunkwe stħarriġ tas-suq li jkun sar fil-qasam, hija relatata direttament mal-attività kummerċjali tagħhom, b’tali mod li huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jipprovdu din id-data. Barra minn hekk, peress li din id-data għandha interess ovvju għall-iżvilupp ta’ strateġiji kummerċjali tal-manifatturi u l-importaturi ta’ dawn il-prodotti, jidher li huwa probabbli li huma jiġruha ta’ spiss. Għaldaqstant, ma jidhirx li dan l-obbligu jimponi fuq dawn il-manifatturi u dawn l-importaturi piż manifestament eċċessiv.

138

Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jiġu previsti sondaġġi tas-suq ikkonċernat bħala miżura inqas restrittiva, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi kif ukoll tal-kontenituri ta’ rikarika milli jwettqu tali sondaġġi għal-finijiet tas-sorveljanza tas-suq jew tal-ġbir ta’ ċerta informazzjoni mitluba taħt l-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/40. Madankollu, tali sondaġġi jistgħu, min-naħa, jipprovdu biss parti mid-data rilevanti għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq u, min-naħa l-oħra, ma jistgħux jissostitwixxu informazzjoni iktar eżatta, affidabbli u eżawrjenti li toriġina direttament mill-manifattur jew mill-importatur.

139

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni dwar id-delimitazzjonijiet tal-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-“preferenzi ta’ diversi gruppi ta’ konsumaturi”, imsemmi fl-Artikolu 20(7)(ii) tad-Direttiva 2014/40, mill-punti 78 u 101 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, minn naħa, ma huwiex neċessarju li att leġiżlattiv jagħti huwa stess preċiżazzjonijet ta’ natura teknika, bħal b’mod partikolari d-definizzjoni tal-metodu li għandu jiġi applikat sabiex tinġabar data partikolari, u, min-naħa l-oħra, huwa l-obbligu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri li jagħżlu metodu affidabbli sabiex jiġu eżegwiti l-obbligi f’dan il-qasam.

140

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20(7) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

141

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 47 sa 140 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità kompletament jew parzjalment tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

Fuq il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

142

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tielet lok, teżamina l-validità kompletament jew parzjalment tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

143

Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għall-fatt, minn naħa, li diversi parlamenti nazzjonali qiesu li l-abbozz tad-direttiva ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għal din ir-raġuni ħarġu opinjonijiet motivati skont il-Protokoll (Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u ta’ Proporzjonalità, anness mat-Trattat UE mat-Trattat FUE(iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”) u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li l-eżistenza ta’ diverġenzi fil-livell nazzjonali għal dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għas-sigaretti elettroniċi u għall-kontenituri ta’ rikarika ma ġietx suffiċjentement provata.

144

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, li permezz tiegħu l-Unjoni għandha taġixxi biss f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mill-Unjoni. Il-Protokoll Nru 2 jistabbilixxi wkoll, fl-Artikolu 5 tiegħu, xi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti (sentenza Estonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 44).

145

L-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi eżerċitat, inizjalment, fil-livell politiku, mill-parlamenti nazzjonali skont il-proċeduri stabbiliti għal dan il-għan mill-Protokoll Nru 2.

146

Sussegwentement, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju jirritorna għand il-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika kemm l-osservanza tar-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 5(3) TUE kif ukoll l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mill-Protokoll Nru 2.

147

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mill-Protokoll Nru 2, għandu jiġi rrilevat li l-opinjonijiet motivati maħruġa f’dan il-każ mill-parlamenti nazzjonali taħt dan il-protokoll jagħmlu parti mill-mekkaniżmi tal-kontroll politiku tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju stabbilit mill-imsemmi protokoll. F’dan il-kuntest, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika biss l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti mill-imsemmi protokoll. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiet adita b’ebda talba f’dan is-sens.

148

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, ir-rekwiżiti sostantivi previsti fl-Artikolu 5(3) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni setax iqis, abbażi tal-elementi ddettaljati, li l-għan imfittex mill-azzjoni prevista seta’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

149

F’dan il-każ, fir-rigward ta’ qasam, bħat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, li ma huwiex fost dawk li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex mid-Direttiva 2014/40 setax jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punti 179180].

150

Għal dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjoni espressa fid-deċiżjoni tar-rinviju, li tipprovdi li ma ntweriex b’mod suffiċjenti fid-dritt li kienu jeżistu diverġenzi fil-livell nazzjonali għal dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għas-sigaretti elettroniċi u għall-kontenituri ta’ rikarika, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li l-eżistenza ta’ tali diverġenzi diġà ġiet irrilevata fil-punti 57 u 112 tas-sentenza preżenti.

151

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità kompletament jew parzjalment tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà.

Fuq il-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 de la Karta

152

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-raba’ lok, teżamina l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40, u b’mod partikolari tal-paragrafu 5 tiegħu, fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

153

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-projbizzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali imposta mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40, hija tali li tostakola l-attività kummerċjali ta’ Pillbox, bi ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

154

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-Artikolu 16 tal-Karta, għandu jitfakkar li, skont dan l-artikolu, “il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”.

155

Il-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 16 tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-istess artikolu, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42).

156

F’dan il-każ, peress li l-projbizzjoni tal-komunikazzjonijiet kummerċjali imposta mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40 ma tippermettix lill-operaturi ekonomiċi li jippromwovu l-prodotti tagħhom, hija tikkostitwixxi interferenza għal-libertà tal-impriża ta’ dawn l-operaturi.

157

Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà tal-impriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45).

158

Għaldaqstant, il-libertà tal-impriża tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-amministrazzjoni pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika (ara, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).

159

Issa, din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod ta’ kif għandu jiġi implementat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (sentenza Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 47).

160

Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra (sentenza Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 48).

161

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjoni inkwistjoni ġiet stabbilita mill-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u li ma taffettwax il-kontenut essenzjali tal-libertà tal-impriż. Fil-fatt, la din id-dispożizzjoni tad-direttiva u lanqas, barra minn hekk, ebda dispożizzjoni oħra tagħha, ma jipprekludi lill-operaturi ekonomiċi milli jimmanifatturaw u jbiegħu is-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika fl-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mid-direttiva.

162

L-interferenza kkonstatata lanqas ma teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li trid tilħaq id-Direttiva 2014/40, għall-motivi esposti fil-punti 109 sa 118 tas-sentenza preżenti.

163

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-Artikolu 17 tal-Karta li jistabbilixxi d-dritt għall-proprjetà, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni paragrafu tiegħu, dan id-dritt jirrigwarda wkoll il-proprjetà intelletwali.

164

Sa fejn Pillbox tinvoka interferenza fl-operat tal-proprjetà kummerċjali tagħha, inkluża t-trade mark tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 bl-ebda mod ma jostakola t-tgawdija tal-proprjetà intellettwali tagħha fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha, b’tali mod li l-kontenut essenzjali tad-dritt tagħha għall-proprjetà jibqa’ essenzjalment intatt. Min-naħa l-oħra, għal raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 109 sa 118 tas-sentenza preżenti, din l-interferenza lanqas ma teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li trid tilħaq id-Direttiva 2014/40.

165

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità kompletament jew parzjalment tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

166

Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità kompletament jew parzjalment tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40.

Fuq l-ispejjeż

167

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda magħmula ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top