Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0465

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank vs F. Wieland u H. Rothwangl.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 18 u TFUE – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 3 u 94 – Regolament (KE) Nru 859/2003 – Artikolu 2(1) u (2) – Assigurazzjoni għax-xjuħija u assigurazzjoni għall-mewt – Ex baħrin ċittadini ta’ Stat terz li sar membru tal-Unjoni Ewropea fl-1995 – Esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji tax-xjuħija.
Kawża C-465/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:820

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 18 u 45 TFUE — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 3 u 94 — Regolament (KE) Nru 859/2003 — Artikolu 2(1) u (2) — Assigurazzjoni għax-xjuħija u assigurazzjoni għall-mewt — Ex baħrin ċittadini ta’ Stat terz li sar membru tal-Unjoni Ewropea fl-1995 — Esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji tax-xjuħija”

Fil-Kawża C‑465/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ottubru 2014, fil-proċedura

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

vs

F. Wieland,

H. Rothwangl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti ta’ Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg Barthet, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn H. van der Most u T. Theele, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 45(2) TFUE, tal-Artikoli 3 u 94 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet distinti bejn ir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (kunsill ta’ amministrazzjoni tal-fond tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) u F. Wieland u H. Rothwangl, dwar ir-rifjut tas-SVB li jagħti lil dawn tal-aħħar pensjoni tax-xjuħija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

L-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi:

“[...] d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament huwa b’hekk ifformulat:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

(a)

persuna impjegata [...] jfissru [...]:

(i)

kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom [...]

[...]

(j)

leġislazzjoni tfisser fejn jidħlu l-Istatuti ta’ kull Stat Membru, ir-Regolamenti u dispożizzjonijiet oħra u l-miżuri l-oħra kollha implimentati, preżenti u futuri, marbutin mal-friegħi ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali koperti bl-Artikolu 4(1) u (2) [...]

[...]

(r)

perjodi ta’ assigurazzjoni jfissru perjodi ta’ kontribuzzjoni jew perjodu ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rasu kif iddefiniti u magħrufa bħala perjodi ta’ assigurazzjoni bil-leġislazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti, u l-perjodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill-imsemmija leġislazzjoni bħala ekwivalenti għall-perjodi ta’ assigurazzjoni; skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili huma kkunsidrati wkoll bħala perijodi ta’ assigurazzjoni;

[...]

(sa)

perjodi ta’ residenza jfissru perjodi kif definiti jew magħrufa bħala tali mill-leġislazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti;

[...]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Persuni koperti” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

6

L-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Ugwaljanza ta’ trattament”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

7

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”:

“1.   Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

[...]

(b)

il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

(ċ)

il-benefiċċji tax-xjuħija;

[...]”

8

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

[...]

(ċ)

persuna impjegata abbord vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

[...]”

9

L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-benefiċċji meta persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jew tas-superstiti tagħha, tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.”

10

Skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti fl-Istat Membru tal-applikant għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor. Jekk l-istituzzjoni kompetenti tkun obbligata li tikkalkola l-benefiċċji permezz ta’ riferiment għal perijodi aggregati ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 45, il-benefiċċji mogħtija bħala pensjoni tax-xjuħija li għandha tingħata huma kkalkolati skont l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament.

11

L-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet transizzjonali għall-persuni impjegati”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Ebda dritt ma jkun akkwistat taħt dan ir-Regolament fejn jidħol perjodu qabel l-ewwel ta’ Ottubru 1972 jew għad-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat jew f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat.

2.   Il-perjodi kollha ta’ l-assigurazzjoni, fejn xieraq, il-perjodi kollha ta’ l-impjieg jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel l‑1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew f’parti mit-territorju ta’ dak l-Istat jittieħdu inkonsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet akkwistati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

Ir-Regolament Nru 859/2003

12

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003 jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u s-superstiti tagħhom, sakemm ikunu jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f’sitwazzjoni li mhix konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed.”

13

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 859/2003:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandux joħloq xi drittijiet fir-rigward tal-perijodu qabel l-1 ta’ Ġunju 2003.

2.   Kull perijodu ta’ assigurazzjoni u, fejn xieraq, kull perijodu ta’ impieġ, impieg għal rasu jew residenza kompletati taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ġunju 2003 għandu jingħata kont tagħhom għall-istabbiliment tad-drittijiet akkwistati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

14

L-Artikolu 2 tal-Algemene Ouderdomswet (liġi ġenerali dwar l-assigurazzjoni tax-xjuħija, Stb. 1956, Nru 281, iktar ’il quddiem l-“AOW”), fil-verżjoni applikabbli tiegħu għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“Hija residenti fis-sens ta’ din il-liġi, il-persuna li tirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.”

15

L-Artikolu 3 tal-AOW, fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-liġi tat-30 ta’ Lulju 1965 (Stb. 347, Nru 882) jistabbilixxi:

“1.   Il-post ta’ residenza ta’ persuna [...] huwa stabbilit skont iċ-ċirkustanzi.

[...]

3.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-bastimenti u l-ajruplani li għandhom il-port ta’ reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju tar-Renju huma meqjusa, fil-konfront tal-ekwipaġġ, li jagħmlu parti mir-Renju.”

16

L-Artikolu 3 tal-AOW, fil-formulazzjoni li tirriżulta mil-liġi tat-30 ta’ Lulju 1965, huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-post ta’ residenza ta’ persuna [...] huwa stabbilit skont iċ-ċirkustanzi.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-bastimenti u l-ajruplani li għandhom il-port ta’ reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju tar-Renju huma meqjusa, fil-konfront tal-ekwipaġġ, li jagħmlu parti mir-Renju.

[...]”

17

L-Artikolu 6 tal-AOW, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tal-25 ta’ Mejju 1962 (Stb. 1962, p. 205) u li daħlet fis-seħħ b’mod retroattiv b’effett mill-1 ta’ Ottubru 1959, kien jipprovdi:

“1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, hija assigurata l-persuna b’età ta’ iktar minn 15-il sena u inqas minn 65 sena, jekk:

a)

hija residenti;

[...]

4.   Tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu permezz ta’ jew bis-saħħa ta’ miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni:

a)

fir-rigward tal-barranin;

b)

fir-rigward tal-persuni li għalihom tapplika skema simili barra mir-Renju;

c)

fi-rigward tal-persuni li jirrisjedu biss temporanjament jew li jaħdmu biss temporanjament fil-pajjiż;

d)

fir-rigward tal-konjuġi u membri oħra tad-dar [...] tal-persuni msemmija f’dan il-paragrafu, (b) jew (c);

e)

fir-rigward tal-konjuġi taċ-ċittadini, [li ma humiex assigurati permezz ta’ din il-liġi] bis-saħħa ta’ ftehim jew ta’ skema ta’ sigurtà soċjali applikabbli bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u Stat jew diversi Stati oħrajn.”

18

L-Artikolu 6 tal-AOW, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi tat-30 ta’ Lulju 1965, huwa redatt kif ġej:

“1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, hija assigurata l-persuna b’età ta’ iktar minn 15-il sena u inqas minn 65 sena, jekk:

a)

hija residenti;

[...]

3.   Tista’ ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu permezz ta’ jew bis-saħħa ta’ miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni:

a)

fir-rigward tal-barranin;

b)

fir-rigward tal-persuni li għalihom tapplika skema simili minn parti oħra mir-Renju, minn Stat ieħor jew minn organizzazzjoni internazzjonali oħra;

c)

fir-rigward tal-persuni li jirrisjedu biss temporanjament jew li jaħdmu biss temporanjament fil-pajjiż;

d)

fir-rigward tal-konjuġi u membri oħra tad-dar tal-persuni msemmija f’dan il-paragrafu, (a), (b) jew (c);

e)

fir-rigward tal-konjuġi taċ-ċittadini, li ma humiex assigurati permezz ta’ din il-liġi bis-saħħa ta’ ftehim jew ta’ skema ta’ sigurtà soċjali konkluża bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u Stat jew diversi Stati oħrajn.”

19

Skont l-Artikolu 7 tal-AOW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali:

“Għandhom dritt għal pensjoni tax-xjuħija skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, il-persuni:

(a)

li għalqu 65 sena, u

(b)

li, skont din il-liġi, kienu assigurati matul il-perijodu li beda l-ġurnata li fiha dawn għalqu 15-il sena u li skada fil-ġurnata meta għalqu 65 sena.”

20

Fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tal-AOW, ġew suċċessivament adottati xi miżuri ġenerali ta’ amministrazzjoni, li fosthom jidhru, fir-rigward tal-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen (digriet fuq l-estensjoni u l-limitazzjoni taċ-ċirku ta’ affiljati ma’ assigurazzjoni soċjali), tal-10 ta’ Lulju 1959 (Stb. 1959, Nru 230, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 230”), u l-Besluit uitbreiding en beperking kring verzekerden volksverzekeringen (digriet fuq l-estensjoni u l-limitazzjoni taċ-ċirku ta’ affiljati ma’ assigurazzjoni soċjali), tal-1 ta’ Jannar 1963 (Stb. 1963, Nru 24, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 24”).

21

Is-sentenza introduttorja tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(k) tad-Digriet Irjali 230 kif ukoll is-sentenza introduttorja tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 2(k) tad-Digriet Irjali 24 kienu jipprovdu, fi kliem identiku, dan li ġej:

“[...] b’deroga mill-Artikolu 6(1) tal-[AOW], mill-Artikolu 7 tal-liġi fuq l-assigurazzjoni ġenerali tar-romol u tal-orfni u mill-Artikolu 6 tal-liġi ġenerali fuq l-allowances tal-familja, ma huwiex assigurat:

[...]

(k)

il-barrani li jagħmel parti mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni fit-territorju tar-Renju, sakemm jirrisjedi abbord tal-imsemmi bastiment”.

22

L-Artikolu 2(k) tad-Digriet Irjali 24 sar, wara l-emenda ta’ dan tal-aħħar mid-digriet tal-11 ta’ Awwissu 1965 (Stb. 373), l-Artikolu 2(m).

23

Bis-saħħa tal-Artikolu 16(1) tal-AOW, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-pensjoni tax-xjuħija tibda fl-ewwel jum tax-xahar li matulu l-persuna interessata tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dritt għal tali pensjoni.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

24

F. Wieland twieled fl-20 ta’ Marzu 1943 fl-Awstrija u kellu n-nazzjonalità Awstrijaka permezz tat-twelid. Mill-11 ta’ Ottubru 1962 sas-7 ta’ Marzu 1966, ħadem abbord bastimenti li kienu jappartjenu għal Holland-Amerika Lijn (iktar ’il quddiem “HAL”), kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li topera rabta marittima bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Istati Uniti tal-Amerika.

25

Matul l-1966 F. Wieland mar jgħix fl-Istati Uniti fejn fid-29 ta’ Awwissu 1969 akkwista n-nazzjonalità Amerikana u konsegwentement tilef in-nazzjonalità Awstrijaka.

26

Fix-xahar ta’ April 2008, F. Wieland talab lill-SVB jħallsu pensjoni tax-xjuħija b’effett mid-data tal-għeluq il-ħamsa u sittin sena tiegħu.

27

B’deċiżjoni tal-15 ta’ April 2008, l-SVB ċaħad din it-talba minħabba li, matul il-perijodu minn għeluq il-ħmistax-il sena tiegħu sa għeluq il-ħamsa u sittin sena tiegħu, F. Wieland ma kienx ġie assigurat skont l-AOW. Fit-3 ta’ Ottubru 2008, il-persuna kkonċernata informat lil SVB li, b’effett minn din id-data, ir-residenza prinċipali tagħha kienet issa tinsab fl-Awstrija.

28

H. Rothwangl twieled fis-7 ta’ Diċembru 1943 u għandu n-nazzjonalità Awstrijaka. Mis-6 ta’ Novembru 1962 sat-23 ta’ April 1963 huwa ħadem abbord bastimenti li kienu jappartjenu għal HAL.

29

Fit-12 ta’ Jannar 2009, H. Rothwangl talab lil SVB jħallsu pensjoni tax-xjuħija. F’dik id-data, kien jirrisjedi fl-Awstrija, pajjiż li fih, skont id-data tas-SVB, kien ġie assigurat legalment kontra r-riskju ta’ xjuħija matul perijodu totali ta’ 496 xahar mix-xahar ta’ April 1958 sax-xahar ta’ Lulju 1998.

30

H. Rothwangl ibbenefika, b’effett mill-1 ta’ Marzu 1998, minn pensjoni Awstrijaka għal inkapaċità għax-xogħol (Erwerbsunfähigkeitspension) u, b’effett mill-1 ta’ Settembru 1998, minn pensjoni Svizzera ta’ invalidità. Mid-29 ta’ Novembru 1998 sal-1 ta’ Diċembru 2008, irċieva, barra minn hekk, allowance abbażi tal-Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering (liġi dwar l-assigurazzjoni kontra l-inkapaċità għax-xogħol), ta’ ammont ta’ EUR1.08 gross kuljum.

31

B’deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2009, is-SVB irrifjuta lil H. Rothwangl l-għoti tal-pensjoni tax-xjuħija mitluba minħabba li, matul il-perijodu minn jum twelidu ta’ ħmistax-il sena sal-ħamsa u sittin sena tiegħu, huwa ma kienx ġie assigurat skont l-AOW.

32

Kemm F. Wieland kif ukoll H. Rothwangl ikkontestaw b’suċċess id-deċiżjonijiet tas-SVB quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Is-SVB appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

33

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, iċ-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) tagħmel riferiment għas-sentenza tal-Qorti EDB tal-4 ta’ Ġunju 2002, Wessels-Bergervoet vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2002:1112JUD003446297), li fiha din il-qorti tal-aħħar iddeċidiet li d-deċiżjoni tal-istituzzjoni Olandiża li tħallas biss lil mara miżżewġa, fuq il-bażi tal-AOW, pensjoni tax-xjuħija mnaqqsa kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-KEDB, iffirmat f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1952.

34

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, għalkemm il-qrati Olandiżi, f’każijiet li jinvolvu drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija tal-baħrin, applikaw ir-raġunament segwit mill-Qorti EDB fis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Wessels-Bergervoet vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2002:1112JUD003446297), hija tqis madankollu li s-sitwazzjoni ta’ F. Wieland u H. Rothwangl hija distinta minn dawn il-każijiet u li d-differenza fit-trattament ibbażat fuq in-nazzjonalità, li l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti użaw fil-kawżi prinċipali, hija ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 14 tal-KEDB. Hija tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mar-Regolament Nru 859/2003, kif ukoll mal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE, jistax ikun rilevanti f’dawn il-kawżi.

35

Fir-rigward ta’ H. Rothwangl, din il-qorti tqis li, minħabba l-attivitajiet professjonali tiegħu matul is-snin 60, dan għandu illum jiġi kklassifikat bħala ħaddiem fis-sens mhux biss tat-Trattat FUE, iżda wkoll tar-Regolament Nru 1408/71. Barra minn hekk, hija tqis li l-fatt għall-persuna kkonċernata li ma kellhiex in-nazzjonalità ta’ Stat Membru bejn is-6 ta’ Novembru 1962 u t-23 ta’ April 1963, perijodu li matulu kien impjegat minn HAL, ma jipprekludix li dan ir-regolament japplika għall-attivitajiet professjonali eżerċitati matul dan il-perijodu, billi H. Rothwangl kien jissodisfa l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità imposta mill-imsemmi regolament minħabba s-sħubija, li saret effettiva fl-1 ta’ Jannar 1995, tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni Ewropea.

36

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi d-domanda jekk il-perijodu li matulu H. Rothwangl kien impjegat bħala baħri minn HAL għandux jiġi kkunsidrat bħala perijodu ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Hija tqis f’dan ir-rigward li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikoli 18 u 45 TFUE kif ukoll l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71.

37

Fir-rigward ta’ F. Wieland, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-risposta għad-domanda tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 għandhiex tkun l-istess bħal dik li ngħatat fil-każ ta’ H. Rothwangl, fid-dawl tal-fatt li l-moviment liberu tal-ħaddiema ma japplikax għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi u li, mid-29 ta’ Awwissu 1969, F. Wieland ma għadx għandu n-nazzjonalità Awstrijaka.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li ċ-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 3 u 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ex baħri li kien jappartjeni għall-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru, li ma kellux residenza fuq l-art u li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, jiġi rrifjutat (parzjalment) pensjoni tax-xjuħija, wara li l-Istat li jkollu n-nazzjonalità tiegħu dan il-baħri jkun aderixxa ma’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea jew wara li r-Regolament Nru 1408/71 ikun daħal fis-seħħ għal dan l-Istat, biss minħabba li dan l-ex baħri ma kellux in-nazzjonalità tal-Istat Membru (imsemmi fl-ewwel lok) matul il-perijodu tal-assigurazzjoni (pretiża)?

2)

L-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha baħri li kien jappartjeni għall-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni f’dan l-Istat Membru, li ma kellux residenza fuq l-art u li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, ġie eskluż mill-assigurazzjoni għall-pensjoni tax-xjuħija, meta din il-leġiżlazzjoni tqis li jkun assigurat baħri li huwa ċittadin tal-Istat Membru fejn il-bastiment ikollu l-port ta’ reġistrazzjoni tiegħu u li altrimenti jkun fl-istess stiwazzjoni, jekk, fil-frattemp, l-Istat imsemmi fl-ewwel lok u li kellu n-nazzjonalità tiegħu l-baħri fil-mument tad-determinazzjoni tal-pensjoni jkun sar membru ta’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea jew jekk, fil-frattemp, ir-Regolament Nru 1408/71 ikun daħal fis-seħħ għal dan l-Istat?

3)

Għandhom jingħataw l-istess risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-każ ta’ (ex) baħri li, meta kien attiv, kellu n-nazzjonalità ta’ Stat li sussegwentement aderixxa ma’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea, iżda li, meta seħħet tali adeżjoni jew meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1408/71 għal dan l-Istat, u fil-mument li ressaq it-talba tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija, ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, iżda kien madankollu suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru [8]59/2003?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

39

Għandu jiġi kkonstatat li, fiż-żmien meta F. Wieland u H. Rothwangl kienu impjegati ma’ HAL, il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, fir-rigward tal-ħaddiema migranti fil-livell tal-Komunità Ekonomika Ewropea, kienet irregolata mir-Regolament Nru 3 tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Settembru 1958, dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (ĠU 1958, 30, p. 561). Madankollu, dan ir-Regolament tal-aħħar ma kienx japplika għall-baħrin.

40

Din is-sitwazzjoni ma kinitx inkompatibbli mar-regoli internazzjonali applikabbli għall-baħrin fis-seħħ dak iż-żmien, fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni (Nru 71) tal-Organizzazzjoni internazzjonali tax-xogħol, tat-28 ta’ Ġunju 1946, fuq il-pensjonijiet tal-baħħara, irratifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-27 ta’ Awwissu 1957 u li daħħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru 1962, kull Stat Membru tal-Organizzazzjoni internazzjonali tax-xogħol kellu l-obbligu li jistabbilixxi jew li jġiegħel l-istabbiliment ta’, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, skema ta’ pensjonijiet għall-baħħara li jirtiraw mis-servizz tal-baħar, peress li jiġi ppreċiżat li l-persuni li ma kinux jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u l-persuni li ma kinux ċittadini tiegħu setgħu madankollu jiġu esklużi minn din l-iskema.

41

B’effett mill-1 ta’ April 1967, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 47/67/KEE, tas‑7 ta’ Marzu 1967, li jemenda u jikkompleta ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 3 u 4 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti (baħħara) (ĠU 1967, 44, p. 641), introduċa regoli speċifiċi dwar il-baħrin, li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli u l-pensjoni tax-xjuħija. Dawn ir-regoli ġew inkorporati, sussegwentement, fir-Regolament Nru 1408/71.

42

Minn dan isegwi li, matul il-perijodi li matulhom F. Wieland u H. Rothwangl kienu impjegati ma’ HAL, l-affiljazzjoni tal-ibħra mal-iskemi ta’ sigurtà soċjali kienet irregolata esklużivament mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

43

Min-naħa l-oħra, F. Wieland u H. Rothwangl ressqu t-talbiet tagħhom għal pensjoni tax-xjuħija, f’data meta r-Regolament Nru 1408/71 kien applikabbli.

44

Skont l-ewwel premessa ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, l-għan li għandu jintlaħaq minnu huwa li jikkoordina s-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali sabiex jimplementa l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni fit-territorju tal-Unjoni.

45

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom li jorganizzaw il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni mal-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, huma għandhom madankollu, meta jeżerċitaw dik il-kompetenza, ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2012, Salemink, C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Konsegwentement, minn naħa, dawk il-kundizzjonijiet ma jistgħux ikollhom l-effett li jeskludu mill-ambitu ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-individwi li fil-konfront tagħhom tapplika dik l-istess leġiżlazzjoni permezz tar-Regolament Nru 1408/71 u, min-naħa l-oħra, l-iskemi ta’ affiljazzjoni għall-assigurazzjoni obbligatorja għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 TFUE u tal-Artikolu 45 TFUE (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2012, Salemink, C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 40).

47

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.

Fuq l-ewwel domanda

48

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija, perijodu ta’ assigurazzjoni allegatament imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni proprja tiegħu minn ħaddiem barrani meta, bħal fil-kawża prinċipali li tinvolvi lil H. Rothwangl, l-Istat li tiegħu dan il-ħaddiem huwa ċittadin issieħeb fl-Unjoni wara t-twettiq ta’ dan il-perijodu.

49

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema ċirkustanzi ċittadin ta’ Stat Membru, fil-mument tat-tressiq tat-talba tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija, li madankollu, ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul il-perijodu ta’ impjieg imwettaq barra mill-pajjiż qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71, jakkwista d-dritt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa matul dak il-perijodu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, bl-għan tal-kostituzzjoni ta’ pensjoni tal-irtirar.

50

F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-persuna kkonċernata akkwistatx, bis-saħħa tal-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-qasam tal-assigurazzjoni tax-xjuħija, drittijiet li għandhom jiżdiedu ma’ dawk li għalihom jista’ diġà jagħmel it-talba fl-Awstrija.

51

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi li dan tal-aħħar ma jiftaħ ebda dritt għal perijodu preċedenti għall-1 ta’ Ottubru 1972 jew għad-data tal-applikazzjoni tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew f’parti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni taqa’ bis-sħiħ fl-ambitu tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jipprekludi li regolament ikun applikat b’mod retroattiv, u dan irrispettivament mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-persuna kkonċernata, ħlief minħabba indikazzjoni suffiċjentement ċara, jew fi kliemha, jew inkella fl-għanijiet tagħha, li tippermetti li jiġi konkluż li dan ir-regolament ma jipprovdix biss għall-futur. Għalkemm il-liġi l-ġdida, għalhekk, tapplika biss għall-futur, hija tapplika wkoll, mingħajr deroga, skont prinċipju ġeneralment rikonoxxut, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punti 2122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fl-istess sens, sabiex ir-Regolament Nru 1408/71 ikun jista’ japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-liġi l-qadima, l-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament jimponi obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet għal benefiċċju, il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ xi Stat Membru “qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni [tar-Regolament] fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”. Għalhekk isegwi minn dik id-dispożizzjoni li Stat Membru mhux intitolat li jirrifjuta li jitqiesu perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-pensjoni tal-irtirar, għar-raġuni waħdanija li dawk il-perijodi ġew imwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament fir-rigward tiegħu (sentenzi tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Novembru 2014, Somova, C‑103/13, EU:C:2014:2334, punt 52).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk il-perijodi li matulhom H. Rothwangl ġie impjegat minn HAL jikkostitwixxux perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens tal-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament.

54

Fid-dawl tal-fatt li l-mument li minnu persuna tista’ tinvoka eventwali drittijiet għal pensjoni tax-xjuħija skont l-AOW, billi tibbaża ruħha fuq perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa preċedentement, jikkorrispondi għall-ewwel jum tax-xahar li matulu din il-persuna tilħaq l-età ta’ 65 sena, it-talba ta’ H. Rothwangl ma tistax titqies bħala li tirrigwarda dritt miftuħ għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1408/71 jew għad-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 94(1) tal-imsemmi regolament.

55

Min-naħa l-oħra, tqum id-domanda dwar jekk H. Rothwangl jistax jinfetaħlu dritt minħabba perijodi ta’ assigurazzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, perijodi ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel l‑1 ta’ Ottubru 1972 jew qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

56

Fil-fatt, sabiex wieħed ikun jista’ validament jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, applikant għandu jkun jista’ jidentifika perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq kif ukoll, jekk ikun il-każ, perijodi ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru qabel l-1 ta’ Ottubru 1972 jew, fir-rigward tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara dik id-data, qabel id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ tar-Repubblika tal-Awstrija, din id-data hija l-1 ta’ Jannar 1995.

57

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ perijodi ta’ impjieg jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li H. Rothwangl jissodisfaha mingħajr dubju.

58

B’mod kuntrarju, fir-rigward tal-eżistenza tal-kundizzjoni li tipprevedi perijodu ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi leġiżlazzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71.

59

Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “perjodi ta’ assigurazzjoni” li tidher fl-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, hija ddefinita fl-Artikolu 1(r) ta’ dan ir-regolament bħala li tindika “perjodi ta’ kontribuzzjoni jew perjodu ta’ impjieg jew ta’ xogħol għal rasu kif iddefiniti u magħrufa bħala perjodi ta’ assigurazzjoni bil-leġislazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti, u l-perjodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill-imsemmija leġislazzjoni bħala ekwivalenti għall-perjodi ta’ assigurazzjoni” (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer, C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 25).

60

Dak ir-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali juri biċ-ċar li r-Regolament Nru 1408/71, partikolarment għall-finijiet tal-aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, tirreferi għall-kundizzjonijiet li għalihom il-liġi nazzjonali tissuġġetta r-rikonoxximent ta’ perijodu speċifiku bħala ekwivalenti għall-perijodi ta’ assigurazzjoni nnifishom. Madankollu, dan ir-rikonoxximent għandu jsir b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer, C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li H. Rothwangl ma kienx assigurat kontra r-riskju tax-xjuħija matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan HAL, sa fejn, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jagħmlu parti minn ekwipaġġ ta’ bastiment u li jirrisjedu abbord dan il-bastiment kienu esklużi mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji tax-xjuħija.

62

Peress li din l-esklużjoni kienet, b’mod partikolari, ibbażata fuq in-nazzjonalità ta’ H. Rothwangl, għandu jiġi eżaminat jekk dan jistax, bis-saħħa tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tidher fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, jippretendi li jiġi ttrattat bħala li wettaq perijodu ta’ assigurazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, anki jekk, fir-realtà, huwa ma ssodisfax dik il-kundizzjoni essenzjali stabbilita fl-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-regolament.

63

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ċarament li sabiex jingħata effett lid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 94(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1408/71, kien meħtieġ li jitqiesu l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa qabel ma dak ir-regolament daħal fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2002, Kauer, C‑28/00, EU:C:2002:82, punt 52, u tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 23). Fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi, il-persuni kkonċernati li kienu talbu l-għoti ta’ pensjoni Awstrijaka kienu ġew assigurati taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellha ssir evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif applikabbli wara s-sħubija tar-Repubblika Awstrijaka fl-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 28) u li, konsegwentement, l-istituzzjoni kompetenti kellha tapplika l-prinċipji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 94(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer, C‑28/00, EU:C:2002:82, punti 4550, kif ukoll tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234, punt 32).

64

Madankollu, kif irrilevatu l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li H. Rothwangl, anki qabel l-isħubija tar-Repubblika tal-Awstrija fl-Unjoni, eżerċita drittijiet tal-moviment liberu meta kien jaħdem għal HAL, ma huwiex suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jiġi ttrattat bħallikieku wettaq perijodu ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, bid-differenza tas-sitwazzjoni tal-applikanti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2002, Kauer (C‑28/00, EU:C:2002:82), u tat-18 ta’ April 2002, Duchon, C‑290/00, EU:C:2002:234), il-leġiżlazzjoni Olandiża kienet teskludi lil H. Rothwangl mill-benefiċċju ta’ din l-assigurazzjoni meta kien jaħdem għal HAL, minħabba li kien ċittadin ta’ pajjiż terz u kien jirrisjedi abbord bastimenti li kien membru tal-ekwipaġġ tagħhom. Tali esklużjoni, minkejja li bbażata fuq in-nazzjonalità, ma kinitx ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija kienet għadha ma ssieħbitx fl-Unjoni.

65

Barra minn hekk, id-dokumenti tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li tinqata’ l-kwistjoni jekk H. Rothwangl kienx affiljat mas-sistema Awstrijaka ta’ sigurtà soċjali matul il-perijodi ta’ impjieg tiegħu għal HAL. Issa, huwa biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda li dawn il-perijodi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti Awstrijaka.

66

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija, perijodu ta’ assigurazzjoni allegatament imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni proprja tiegħu minn ħaddiem barrani meta, bħal fil-kawża prinċipali li tinvolvi lil H. Rothwangl, l-Istat li tiegħu dan il-ħaddiem huwa ċittadin issieħeb fl-Unjoni wara t-twettiq ta’ dan il-perijodu.

Fuq it-tieni domanda

67

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, u l-Artikolu 45 TFUE, li jiggarantixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha baħri li għamel parti, matul perijodu determinat, mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li kien jirrisjedi abbord dan il-bastiment huwa eskluż mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni tax-xjuħija fir-rigward ta’ dan il-perijodu minħabba li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul l-imsemmi perijodu.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Att ta’ Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dan l-Istat, u derogi huma ammessi biss sa fejn dawn jiġu espressament previsti minn dispożizzjonijiet tranżitorji (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan is-sens, l-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”) jipprovdi li, mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali għandhom ikunu vinkolanti fuq l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati u fl-Att ta’ Adeżjoni.

70

Peress li dan l-Att ta’ Adeżjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 48 tat-Trattat KE (li saru Artikoli 12 u 39 KE, huma stess saru Artikoli 18 u 45 TFUE), dawn l-artikoli għandhom ikunu kkunsidrati li huma applikabbli minnufih u vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Awstrija mid-data tal-adeżjoni tagħha, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1995. Il-korollarju huwa li, b’effett minn dik id-data, Stati Membri oħra kellhom jittrattaw liċ-ċittadini Awstrijaki bħala ċittadini tal-Unjoni.

71

Madankollu, ma jirriżulta mill-imsemmi Att ta’ Adeżjoni l-ebda obbligu għall-Istati Membri eżistenti li jittrattaw liċ-ċittadini Awstrijaċi bl-istess mod kif kienu jittrattaw iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra qabel is-sħubija tal-Awstrija fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Mejju 1993, Tsiotras, C‑171/91, EU:C:1993:215, punt 12, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås‑Andersson, C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 46).

72

B’hekk, H. Rothwangl seta’ jinsisti biss li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jittrattah bħallikieku kien assigurat għal pensjoni tax-xjuħija li bħallikieku huwa kien intitolat għad-drittijiet li jemanaw mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-ħaddiema matul il-perijodi ta’ impjieg tiegħu fi ħdan HAL. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, dan ma kienx il-każ.

73

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 18 u l-Artikolu 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha baħri li għamel parti, matul perijodu determinat, mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li kien jirrisjedi abbord dan il-bastiment huwa eskluż mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni tax-xjuħija fir-rigward ta’ dan il-perijodu minħabba li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul l-imsemmi perijodu.

Fuq it-tielet domanda

74

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 859/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li perijodu ta’ impjieg imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru minn ħaddiem impjegat li, kif fil-kawża prinċipali li tinvolvi lil F. Wieland, ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul dan il-perijodu, iżda li, fil-mument meta jitlob il-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija, ikun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ dan il-ħaddiem.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, sakemm ikunu jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f’sitwazzjonijiet li mhumiex konfinati fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed.

76

F’dan il-każ, F. Wieland kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003, sa fejn huwa ċittadin tal-Istati Uniti residenti legalment fl-Awstrija, l-elementi tas-sitwazzjoni li jinsab fiha ma humiex konfinati fi Stat Membru wieħed, u mhux ġa kopert bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 biss fuq il-fatt tan-nazzjonalità tiegħu. Konsegwentement, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003.

77

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 859/2003 huwa fformulat fi kliem analogu għal dak użat fl-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71.

78

Minn dan isegwi li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, F. Wieland, minkejja ċ-ċirkustanza li kien jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu li fih kien impjegat minn HAL, ma kienx, għall-istess raġunijiet bħal H. Rothwangl, assigurat fir-rigward tal-pensjoni tax-xjuħija bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Olandiża.

79

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 859/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li perijodu ta’ impjieg imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru minn ħaddiem impjegat li, bħal fil-kawża prinċipali li tinvolvi lil F. Wieland, ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul dan il-perijodu, iżda li, fil-mument meta jitlob il-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ dan il-ħaddiem.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 94(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji tax-xjuħija, perijodu ta’ assigurazzjoni allegatament imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni proprja tiegħu minn ħaddiem barrani meta l-Istat li tiegħu dan il-ħaddiem huwa ċittadin issieħeb fl-Unjoni Ewropea wara t-twettiq ta’ dan il-perijodu.

 

2)

L-Artikoli 18 u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha baħri li għamel parti, matul perijodu determinat, mill-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li kien jirrisjedi abbord dan il-bastiment huwa eskluż mill-benefiċċju tal-assigurazzjoni tax-xjuħija fir-rigward ta’ dan il-perijodu minħabba li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul l-imsemmi perijodu.

 

3)

L-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li perijodu ta’ impjieg imwettaq taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru minn ħaddiem impjegat li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru matul dan il-perijodu, iżda li, fil-mument meta jitlob il-ħlas ta’ pensjoni tax-xjuħija, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni minn dan l-Istat Membru għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni ta’ dan il-ħaddiem.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top