EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0453

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-21 ta’ Jannar 2016.
Vorarlberger Gebietskrankenkasse u Alfred Knauer vs Landeshauptmann von Vorarlberg u Rudolf Mathis.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Verwaltungsgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 5 – Kunċett ta’ ‘benefiċċji ekwivalenti’ – Assimilazzjoni tal-benefiċċji tax-xjuħija ta’ żewġ Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tax-xjuħija riċevuti fi Stati Membri oħra għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet soċjali.
Kawża C-453/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:37

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 5 — Kunċett ta’ ‘benefiċċji ekwivalenti’ — Assimilazzjoni tal-benefiċċji tax-xjuħija ta’ żewġ Stati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji tax-xjuħija riċevuti fi Stati Membri oħra għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet soċjali”

Fil-Kawża C‑453/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

Vorarlberger Gebietskrankenkasse,

Alfred Knauer

vs

Landeshauptmann von Vorarlberg,

fil-preżenza ta’:

Rudolf Mathis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Vorarlberger Gebietskrankenkasse, minn J. Lercher, Rechtsanwalt,

għal A. Knauer, minn J. Nagel u M. Bitriol, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn T. de la Mare, QC,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u D. Martin, bħala aġenti,

għall-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, minn M. Moustakali, X. Lewis u M. Schneider, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 45 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Vorarlberger Gebietskrankenkasse (fond reġjonali għall-mard għal-Land ta’ Vorarlberg, iktar ’il quddiem il-“fond għall-mard”) u A. Knauer, minn naħa, u l-Landeshauptmann von Vorarlberg (il-gvernatur tal-Land ta’ Vorarlberg), minn naħa oħra, dwar l-obbligu ta’ A. Knauer li jħallas kontribuzzjonijiet fl-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard Awstrijaka għall-pensjonijiet mensili li ngħatgħulu minn skema ta’ pensjoni professjonali tal-Prinċipat tal-Liechtenstein.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 883/2004:

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti [Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae]” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[...]

d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Trattament ugwali [Assimilazzjoni] ta’ benefiċċji, dħul, fatti u każijiet [avvenimenti]”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

a)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, ir-riċeviment ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u ta’ dħul ieħor joħloq ċerti effetti legali, id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dik il-leġislazzjoni għandhom japplikaw ukoll għar-riċeviment ta’ benefiċċji ekwivalenti miksuba taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għal dħul miksub fi Stat Membru ieħor;

b)

meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet [avvenimenti], dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

6

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, fil-paragrafu (1) tiegħu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar il-leġiżlazzjonijiet u l-iskemi msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

7

L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kontribuzzjonijiet mingħand pensjonanti”, jipprovdi:

“1.   L-istituzzjoni ta’ Stat Membru li taħt il-leġislazzjoni applikata minnha stess hija responsabbli biex tagħmel tnaqqis fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet marbuta ma’ mard [...] tista’ titlob u tirkupra dan it-tnaqqis, ikkalkulat skond il‑leġislazzjoni applikata minnha, biss sa fejn l-ispejjeż tal-benefiċċji [...] għandhom jitħallsu minn istituzzjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru.

2.   Fejn [...] l-kisba ta’ benefiċċji marbutin ma’ mard, benefiċċji ta’ maternità u benefiċċji ekwivalenti ta’ paternità tkun suġġetta għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet jew pagamenti simili taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru fejn il-persuna pensjonanta konċernata jkollha r-residenza tagħha, dawn il-kontribuzzjonijiet ma għandhomx jitħallsu minħabba din ir-residenza.”

8

L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Regoli sabiex ikun evitat overlapping [Regoli antikumulu]”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Każijiet fejn ikun hemm overlapping [kumulu] ta’ benefiċċji marbuta ma’ l-invalidità, ma’ l-età u benefiċċji tas-superstiti, liema benefiċċji jkunu ikkalkulati jew mogħtija fuq il-bażi ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni u/jew residenza magħmula mill-istess persuna għandhom jitqiesu bħala sitwazzjonijiet fejn ikun hemm overlapping ta’ benefiċċji ta’ l-istess tip.”

9

Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 284 p. 1), intitolat “Kontribuzzjonijiet mill-pensjonanti”:

“Jekk persuna tirċievi pensjoni minn iktar minn Stat Membru wieħed, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imnaqqas mill-pensjonijiet kollha mħallsin m’għandu taħt l-ebda ċirkostanza jkun ogħla mill-ammont maqtugħ rigward persuna li tirċievi l-istess ammont ta’ pensjonijiet mill-Istat Membru kompetenti.”

10

Ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 japplikaw għal-Liechtenstein permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-[Żona Ekonomika Ewropea] Nru 76/2011, tal-1 ta’ Lulju 2011 li temenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) u l-Protokoll 37 għall-Ftehim taż-ŻEE (ĠU L 262, p. 33).

Id-dritt Awstrijak

11

L-Artikolu 73a(1) tal-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-tieni liġi ta’ emenda tal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-2010 (2. Sozialversicherungs‑Änderungsgesetz 2010, BGBl. I, 102/2010, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali”), jipprovdi:

“Il-benefiċjarju ta’ pensjoni barranija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni

tar-[Regolament Nru 883/2004] [...]

[...]

għandu, jekk ikollu dritt għal benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard, iħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard, b’mod konformi mal-Artikolu 73(1) u (1a), għal din il-pensjoni barranija wkoll. Din il-kontribuzzjoni hija dovuta fid-data li fiha titħallas il-pensjoni barranija.”

12

Fir-rigward tal-iskema ta’ pensjoni Awstrijaka, stabbilita bil-Kodiċi dwar is-Sigurtà Soċjali, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-assigurazzjoni tal-pensjoni, li tipproteġi lill-assigurati, b’mod partikolari, kontra r-riskji marbutin mal-età, għandha l-għan li tippermetti lill-assigurat li jissokta bil-livell ta’ għajxien meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel l-irtirar tiegħu. Sabiex ikollu dritt għal pensjoni tax-xjuħija, l-assigurat għandu mhux biss ikun għalaq l-età legali tal-pensjoni, imma wkoll ikun imsieħeb f’assigurazzjoni obbligatorja għal ċertu numru ta’ perijodi. Bħala prinċipju, huwa msieħeb f’assigurazzjoni obbligatorja kull ħaddiem impjegat ma’ persuna li timpjega lil hinn minn limitu ta’ remunerazzjoni negliġibbli. L-imseħbin fl-assigurazzjoni tal-pensjoni obbligatorja li jixtiequ jibbenefikaw minn suppliment ta’ pensjoni fir-rigward tal-pensjoni li għaliha huma normalment ikollhom dritt għandhom il-fakultà li jassiguraw ruħhom liberament b’mod komplementari billi jħallsu kontribuzzjonijiet li għall-ammont annwali tagħhom hemm limitu massimu. Fir-rigward ta’ skema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni permezz ta’ tqassim, il-kontribuzzjonijiet imħallsin huma użati direttament għall-finanzjament tal-benefiċċji. Il-ġestjoni tal-assigurazzjoni tal-pensjoni tiġi pprovduta mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni.

Id-dritt tal-Liechtenstein

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema tal-iskema ta’ rtirar tal-Liechtenstein hija bbażata fuq tliet pilastri, jiġifieri l-assigurazzjoni tax-xjuħija u tas-superstiti (l-ewwel pilastru), l-iskema ta’ pensjoni professjonali (it-tieni pilastru) u l-assigurazzjonijiet komplementari sottoskritti privatament (it-tielet pilastru).

14

Filwaqt li l-assigurazzjoni tax-xjuħija u tas-superstiti hija skema kontributorja ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet, l-iskema ta’ pensjoni professjonali, irregolata mil-Liġi dwar l-iskema ta’ pensjoni professjonali (Gesetz über die betriebliche Personalvorsorge), tal-20 ta’ Ottubru 1987, hija skema ta’ kapitalizzazzjoni. Hija tintrabat mal-iskema tal-assigurazzjoni tax-xjuħija u tas-superstiti kif ukoll mar-relazzjoni tax-xogħol. Is-sħubija mal-iskema ta’ pensjoni professjonali bħala prinċipju hija obbligatorja u, flimkien mal-assigurazzjoni tax-xjuħija u tas-superstiti, għandha tippermetti lill-assigurat li jissokta bil-livell ta’ għajxien meta mqabbel ma’ dak li kellu qabel l-iritrar tiegħu. Bħala prinċipju, l-implementazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni professjonali taqa’ f’idejn entità li għandha tiġi stabbilita mill-persuna li timpjega jew użata minnha, jiġifieri korp ta’ previdenza soċjali. Dawn il-korpi jistgħu jew jikkuntentaw li jħallsu l-benefiċċji legali minimi jew iħallsu ċerti benefiċċji iktar ġenerużi minn dawn il-benefiċċji minimi, dejjem fl-istess qafas legali u organizzattiv. Id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni professjonali fil-biċċa l-kbira ma jitħallewx għall-inizjattiva proprja u lanqas għar-rieda ta’ ġestjoni tal-persuni kkonċernati mir-riskji marbuta mal-età.

15

Il-Liġi dwar l-iskema ta’ pensjoni professjonali ġiet innotifikata mill-Prinċipat tal-Liechtenstein, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dak ir-regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li A. Knauer u R. Mathis jirrisjedu fl-Awstrija u li, fil-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji ta’ pensjoni Awstrijaka, huma msieħba mal-iskema ta’ assigurazzjoni għall-mard skont il-kodiċi tas-sigurtà soċjali. Peress li fil-passat huma ħadmu fl-Isvizzera u fil-Liechtenstein, huma jirċievu pensjonijiet tax-xjuħija mħallsa minn fond ta’ pensjoni fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni professjonali tal-Liechtenstein (iktar ’il quddiem il-“fond ta’ pensjoni tal-Liechtenstein”).

17

Il-fond għall-mard obbliga lil A. Knauer u lil R. Mathis għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard sa mix-xahar ta’ Ottubru 2011 għall-pensjonijiet mensili mħallsa lilhom mill-fond ta’ pensjoni tal-Liechtenstein.

18

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2013, il-Gvernatur tal-Land ta’ Vorarlberg naqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ A. Knauer u ta’ R. Mathis fl-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard għar-raġuni li parti mill-iskema ta’ pensjoni professjonali biss, jiġifieri dik li tikkorrispondi għall-benefiċċji legali minimi, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u għaldaqstant taqa’ taħt l-obbligu ta’ kontribuzzjoni previst fl-Artikolu 73a tal-kodiċi tas-sigurtà soċjali. Għall-kuntrarju, il-parti komplementari prevista mil-liġi dwar l-iskema ta’ pensjoni professjonali, li tikkorrispondi għall-benefiċċji iktar ġenerużi mill-benefiċċji minimi, ma taqax fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni. L-istess jgħodd għall-parti tal-iskema ta’ pensjoni professjonali tal-Liechtenstein li tikkorrispondi għall-benefiċċji mħallsa abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar l-iskema ta’ pensjoni professjonali, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 1989. Din il-parti għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-parti komplementari.

19

Il-fond għall-mard ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u A. Knauer kontra d-deċiżjoni li tikkonċernah. Skont il-fond għall-mard, il-kontribuzzjonijiet dovuti għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-pensjonijiet kollha mensili mħallsa mill-fond ta’ pensjoni tal-Liechtenstein lil A. Knauer u lil R. Mathis, filwaqt li, skont A. Knauer, ebda kontribuzzjoni ma hija dovuta għal dawn il-pensjonijiet.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, tqabbil tal-kundizzjonijiet legali ta’ għoti tal-pensjonijiet tax-xjuħija mogħtija skont il-kodiċi tas-sigurtà soċjali, minn naħa, u l-liġi dwar l‑iskema ta’ pensjoni professjonali, min-naħa l-oħra, jidher li jindika li dawn huma benefiċċji ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004. Hija tqis li dawn il-pensjonijiet tal-aħħar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-imsemmija pensjonijiet huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali tal-Istat inkwistjoni li jikkonċernaw il-parti jew l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-benefiċċji tax-xjuħija u, barra minn hekk, il-liġi dwar l-iskema ta’ pensjoni professjonali ġiet innotifikata kollha kemm hi mill-Prinċipat tal-Liechtenstein bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmi regolament.

21

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi eskluż, minn naħa, li, indipendentement mill-appartenenza tagħha għall-kategorija tal-iskemi ta’ pensjoni kkordinati kkonfermata mill-imsemmija notifika, l-iskema ta’ pensjoni professjonali tal-Liechtenstein ma tistax titqies li hija ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-istess regolament, minħabba l-possibbiltajiet li toffri lill-assigurati li jiġġestixxu b’mod awtonomu l-iskema ta’ pensjoni tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li jiġu inklużi l-benefiċċji kollha mħallsin mill-imsemmija skema ta’ pensjoni fil-bażi ta’ kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-mard Awstrijaka għandu jiġi kkunsidrat, fid-dritt tal-Unjoni, bħala miżura illeċita sa fejn ixxekkel l-eżerċizzju tal-moviment liberu li l-prinċipju tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

Fuq id-domanda preliminari

23

Preliminarjament, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, meta benefiċċji tax-xjuħija jkunu ssemmew f’dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mora Romero, C‑131/96, EU:C:1997:317, punt 25, kif ukoll Pérez García et, C‑225/10, EU:C:2011:678, punt 36).

24

Huwa paċifiku li l-iskema ta’ pensjoni professjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet is-suġġett, fit-totalità tagħha, ta’ dikjarazzjoni mwettqa, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004, mill-Prinċipat tal-Liechtenstein, li għandu jiġi assimilat ma’ Stat Membru għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-benefiċċji tax-xjuħija mħallsa minn din l-iskema għaldaqstant għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

25

Fit-tieni lok, anki jekk id-domanda tirreferi għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 b’mod ġenerali, fir-realtà hija tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċċji ekwivalenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(a) ta’ dan ir-regolament.

26

F’dawn il-kundizzjonijiet, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala dik dwar jekk l-Artikolu 5(a) tal-imsemmi regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, benefiċċji tax-xjuħija mħallsa minn skema ta’ pensjoni professjonali ta’ Stat Membru u dawk imħallsa minn skema ta’ pensjoni legali ta’ Stat Membru ieħor, liema skemi t-tnejn li huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, jikkostitwixxu benefiċċji ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jittieħed kont kemm tal-kliem tagħha, tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angerer, C‑477/13, EU:C:2015:239, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma fihiex indikazzjonijiet dwar il-mod li għandu jiġi interpretat il-kliem “benefiċċji ekwivalenti”. Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu u kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “benefiċċji ekwivalenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, mhux bilfors għandu l-istess tifsira bħall-kunċett ta’ “benefiċċji ta’ l-istess tip”, li jinsab fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kien xtaq japplika l-kriterji ġurisprudenzjali dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “benefiċċji ta’ l-istess tip” fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli antikumulu, huwa kien juża l-istess terminoloġija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ assimilazzjoni.

29

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, ċertament huwa minnu, bħalma jsostni l-Gvern Awstrijak, li dispożizzjonijiet oħra, bħall-Artikoli 30 ta’ dan ir-regolament u 30 tar-Regolament Nru 987/2009, jista’ jkollhom l-għan li jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom l-istituzzjoni ta’ Stat Membru tista’, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twettaq it-talba u l-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet għall-kopertura tal-benefiċċji tal-mard. Din iċ-ċirkustanza waħedha madankollu ma teskludix li dan l-Artikolu 5(a) jista’ wkoll ikollu l-għan li jirregola dawn il-kundizzjonijiet.

30

Barra minn hekk, mill-Artikoli 30 tar-Regolament Nru 883/2004 u 30 tar-Regolament Nru 987/2009 jirriżulta li dawn l-artikoli jintroduċu ċerti limitazzjonijiet preċiżi dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jwettqu t-talba u l-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet għall-kopertura, b’mod partikolari, tal-benefiċċji tal-mard. Għaldaqstant, l-imsemmija artikoli ma għandhomx l-għan li jirregolaw din it-talba u dan l-irkupru b’mod tali li, skont is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004, din l-istess talba u dan l-istess irkupru jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 5(a).

31

F’dak li jikkonċerna l-għan tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004, mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jintroduċi, fit-test tal-imsemmi regolament, il-prinċipju ġurisprudenzjali ta’ assimilazzjoni tal-benefiċċji, tad-dħul u tal-fatti sabiex dan jiġi żviluppat bl-osservanza tas-sustanza u tal-ispirtu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Għaldaqstant, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li żewġ benefiċċji tax-xjuħija ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 5(a) tal-imsemmi regolament, għas-sempliċi raġuni li t-tnejn li huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tappoġġjax tali interpretazzjoni, din l-interpretazzjoni tkun ta’ natura li xxejjen il-portata tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza, previst fl-imsemmija dispożizzjoni u mixtieq mil-leġiżlaturi tal-Unjoni, billi fi kwalunkwe każ tali dispożizzjoni hija biss intiża tapplika għal benefiċċji li jaqgħu fl-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.

33

Sussegwentement, fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ benefiċċji tax-xjuħija bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha jagħmel riferiment il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 883/2004, il-kunċett ta’ “benefiċċji ekwivalenti”, fis-sens tal-Artikolu 5(a) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li essenzjalment jirreferi għal żewġ benefiċċji tax-xjuħija li huma paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Klöppel, C‑507/06, EU:C:2008:110, punt 19).

34

Fir-rigward tan-natura paragunabbli ta’ tali benefiċċji tax-xjuħija, għandu jittieħed kont tal-għan imfittex minn dawn il-benefiċċji u mil-leġiżlazzjonijiet li stabbilixxewhom (ara, b’analoġija, is-sentenza O, C‑432/14, EU:C:2015:643, punt 33).

35

F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, mill-formulazzjoni stess tad-domanda jirriżulta li l-benefiċċji tax-xjuħija mħallsa mill-iskema ta’ pensjoni professjonali tal-Liechtenstein u dawk imħallsa mill-iskema ta’ pensjoni legali Awstrijaka jfittxu l-istess għan li jassiguraw lill-benefiċjarji tagħhom iż-żamma ta’ livell tal-għajxien meta mqabbel ma’ dak li kellhom qabel l-irtirar.

36

Minn dan isegwi li benefiċċji tax-xjuħija bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma paragunabbli. F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jeżistu differenzi dwar, b’mod partikolari, il-mod li bih id-drittijiet għal dawn il-benefiċċji nkisbu jew dwar il-possibbiltà għall-assigurati li jibbenefikaw minn benefiċċji komplementari fakultattivi ma jistax jiġġustifika konklużjoni differenti.

37

Fl-aħħar nett, ma jidhirx li teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex il-benefiċċji tax-xjuħija inkwistjoni ma jiġux trattati bl-istess mod, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Tali ġustifikazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, teżisti jekk, hekk kif ġustament irrilevat l-awtorità ta’ sorveljanza EFTA, kontribuzzjonijiet għall-kopertura tal-benefiċċji tal-mard kienu nġabru fl-Awstrija għall-benefiċċji tax-xjuħija mħallsa mill-iskema ta’ pensjoni professjonali tal-Liechtenstein, filwaqt li tali kontribuzzjonijiet kienu diġà nġabru fil-Liechtenstein. Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

38

Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, benefiċċji tax-xjuħija mħallsa minn skema ta’ pensjoni professjonali ta’ Stat Membru u dawk imħallsa minn skema ta’ pensjoni legali ta’ Stat Membru ieħor, liema skemi t-tnejn li huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, jikkostitwixxu benefiċċji ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta ż-żewġ kategoriji ta’ benefiċċji jfittxu l-istess għan li jiżguraw lill-benefiċjarji tagħhom iż-żamma ta’ livell tal-għajxien meta mqabbel ma’ dak li dawn tal-aħħar kellhom qabel irtiraw.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, benefiċċji tax-xjuħija mħallsa minn skema ta’ pensjoni professjonali ta’ Stat Membru u dawk imħallsa minn skema ta’ pensjoni legali ta’ Stat Membru ieħor, liema skemi t-tnejn li huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament, jikkostitwixxu benefiċċji ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta ż-żewġ kategoriji ta’ benefiċċji jfittxu l-istess għan li jiżguraw lill-benefiċjarji tagħhom iż-żamma ta’ livell tal-għajxien meta mqabbel ma’ dak li dawn tal-aħħar kellhom qabel irtiraw.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top