This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0442
Judgment of the Court (Fifth Chamber) of 23 November 2016.#Bayer CropScience SA-NV and Stichting De Bijenstichting v College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.#Request for a preliminary ruling from the College van Beroep voor het Bedrijfsleven.#Reference for a preliminary ruling — Environment — Aarhus Convention — Directive 2003/4/CE — Article 4(2) — Public access to information — Concept of ‘information relating to emissions into the environment’ — Directive 91/414/EEC — Directive 98/8/EC — Regulation (EC) No 1107/2009 — Placing of plant protection products and biocides on the market — Confidentiality — Protection of industrial and commercial interests.#Case C-442/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016.
Bayer CropScience SA-NV u Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4(2) – Aċċess pubbliku għall-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 98/8/KE – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali.
Kawża C-442/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016.
Bayer CropScience SA-NV u Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4(2) – Aċċess pubbliku għall-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 98/8/KE – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali.
Kawża C-442/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:890
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
23 ta’ Novembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Konvenzjoni ta’ Århus — Direttiva 2003/4/KE — Artikolu 4(2) — Aċċess pubbliku għall-informazzjoni — Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ — Direttiva 91/414/KEE — Direttiva 98/8/KE — Regolament (KE) Nru 1107/2009 — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali — Kunfidenzjalità — Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali”
Fil-Kawża C‑442/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għall-kontenzjuż amministrattiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-industrija, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura
Bayer CropScience SA-NV,
Stichting De Bijenstichting
vs
College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden,
fil-preżenza ta’:
Makhtesim-Agan Holland BV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Berger, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Bayer CropScience SA-NV, minn E. Broeren u A. Freriks, advocaten, |
— |
għal Stichting De Bijenstichting, minn L. Smale, advocaat, |
— |
għall-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden, minn J. Geerdink u D. Roelands-Fransen, advocaten, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u M. Bulterman, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias kif ukoll minn O. Tsirkinidou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Svediż, minn L. Swedenborg u E. Karlsson kif ukoll minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u N. Otte Widgren, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin kif ukoll minn F. Ronkes Agerbeek, P. Ondrusek u H. Kranenborg, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2016,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3), tal-Artikoli 59 u 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Bayer CropScience BV (iktar ’il quddiem, “Bayer”) u Stichting De Bijenstichting (iktar ’il quddiem, “Bijenstichting”) u, min-naħa l-oħra, il-College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden (l-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali, iktar ’il quddiem, is-“CTB”) rigward id-deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2013 permezz ta’ liema din tal-aħħar, essenzjalment, laqgħet parzjalment it-talba ta’ Bijenstichting għall-iżvelar ta’ dokumenti ppreżentati minn Bayer waqt il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq Olandiż ta’ ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali abbażi tas-sustanza attiva imidakloprid. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
L-Artikolu 39(3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ (iktar ’il quddiem, il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 Ċ tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), jipprevedi: “Il-Membri, meta jeħtieġu, bħala kondizzjoni ta’ approvazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi jew agrikoli li jużaw entitajiet kimiċi, is-sottomissjoni ta’ testijiet mhux żvelati jew xi data oħra, li l-oriġini tagħhom jinvolvi sforz konsiderevoli, għandhom jipproteġu data bħal din minn użu kummerċjali nġust. Madankollu, il-Membri għandhom jipproteġu data bħal din mill-iżvelar, sakemm ma jkunx neċessarju minħabba l-ordni pubbliku, jew sakemm jittieħdu miżuri sabiex jassiguraw li d-data hi protetta mill-użu kummerċjali inġust.” |
4 |
L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”), intitolat “Aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent”, jipprevedi: “1. Kull parti għandha tagħmel mod li, taħt ir-riżerva tal-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba minnhom […] […] 4. Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq: […]
[…] Ir-raġunijiet għal rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud tal-interess pubbliku fl-iżvelar u skont jekk din l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent. […]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali
5 |
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/414 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “fdalijiet ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti” bil-kliem li ġej: “sustanza waħda jew aktar preżenti fil-pjanti jew fi prodotti li joriġinaw mill-pjanti, fi prodotti li jittieklu li joriġinaw mill-annimali jew fuqhom, jew fi bnadi oħra fl-ambjent u li jirriżultaw mill-użu ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti, inklużi il-metaboliti tagħhom u l-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom.” |
6 |
L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri [u l-Kummissjoni] għandhom, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2003/4], jaċċertaw ruħhom li l-informazzjoni mogħtija mill-applikanti li tkun tinvolvi sigrieti industrijali u kummerċjali tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali jekk l-applikant li jixtieq jara li sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I jew l-applikant għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti jitlob dan, u jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni jaċċetta li t-talba ta’ l-applikant tkun iġġustifikata. […]” |
7 |
Skont l-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 98/8, il-kunċett ta’ “fdalijiet” huwa ddefinit kif ġej: “Waħda jew aktar mis-sustanzi preżenti fi prodott bijoċidali li jifdlu bħala riżultat ta’ l-użu tagħhom inklużi l-metaboliti ta’ ċerti sustanzi u prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom”. |
8 |
Skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-Kunfidenzjalità”: “1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2003/4], applikant jista’ jindika lill-awtorità kompetenti t-tagħrif li huwa jikkunsidra bħala sensittiv kummerċjalment u li l-iżvelar tiegħu jista’ jikkawżalu ħsara industrijalment jew kummerċjalment u li għalhekk ikun jixtieq li jibqa’ kunfidenzjali minn persuni oħra għajr l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni. Trid tinħtieġ ġustifikazzjoni sħiħa f’kull każ. […] 2. L-awtorità kompetenti li tirċievi l-applikazzjoni għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tax-xhieda dokumentarja prodotta mill-applikant, liema tagħrif għandu jkun kunfidenzjali fit-termini tal-paragrafu 1. […]” |
9 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “residwi” kif ġej: “‘residwi’ tfisser sustanza waħda jew aktar preżenti fi jew fuq pjanti jew prodotti tal-pjanti, prodotti tajbin għall-ikel li joriġinaw mill-annimali, ilma tax-xorb jew fi bnadi oħra fl-ambjent u li jirriżultaw mill-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, inklużi l-metaboliti tagħhom, il-prodotti ta’ diżintegrazzjoni jew ta’ reazzjoni; […]” |
10 |
L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni”, jipprevedi: “1. Applikant li jixtieq iqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għandu japplika għal awtorizzazzjoni jew emenda ta’ awtorizzazzjoni huwa stess jew permezz ta’ rappreżentant, għand kull Stat Membru fejn hemm il-ħsieb li dak il-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jitqiegħed fis-suq. […] 4. Meta jippreżenta l-applikazzjoni, l-applikant jista’ jitlob, skont l-Artikolu 63, biex ċerta informazzjoni, inklużi ċerti partijiet mid-dossier, tinżamm kunfidenzjali u għandu jissepara fiżikament dik l-informazzjoni.. […] Fuq talba għal aċċess għall-informazzjoni, l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għandu jiddeċiedi liema informazzjoni għandha tinżamm kunfidenzjali. […]” |
11 |
Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kunfidenzjalità”: “1. Persuna li titlob li l-informazzjoni ppreżentata skont dan ir-Regolament tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali għandha tipprovdi evidenza verifikabbli biex turi li l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jqiegħed f’periklu l-interessi kummerċjali tagħha […]. 2. L-iżvelar tal-informazzjoni li ġejja għandha normalment titqies bħala li tqiegħed f’periklu l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali jew tal-privatezza u l-integrità tal-individwi kkonċernati:
3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2003/4].” |
Il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent
12 |
Il-premessi 1, 5, 9 u 16 tad-Direttiva 2003/4 jgħidu:
[…]
[…]
[…]
|
13 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:
|
14 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
|
15 |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, intitolat “L-aċċess għat-tagħrif [għall-informazzjoni] dwar l-ambjent fuq talba”: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif [l-informazzjoni] dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.” |
16 |
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, intitolat “Eċċezzjonijiet”, jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif [informazzjoni] dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv: […]
Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. […]” |
Il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-emissjonijiet industrijali
17 |
L-Artikolu 2(3) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), jipprevedi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, […]
[…]
[…]” |
18 |
L-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17) jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
B’deċiżjonijiet tat-28 ta’ April u tat-8 ta’ Lulju 2011, is-CTB, l-awtorità Olandiża kompetenti għall-għoti u għall-emenda tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali, iddeċidiet li temenda l-awtorizzazzjonijiet ta’ diversi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll ta’ prodott bijoċidali abbażi tas-sustanza attiva imidakloprid, li fost l-oħrajn għandha l-effett ta’ insettiċida. |
20 |
B’ittri tal-11 ta’ Mejju, tal-24 ta’ Awwissu u tal-25 ta’ Ottubru 2011, Bijenstichting, assoċjazzjoni Olandiża għall-protezzjoni tan-naħal, talbet, abbażi tad-Direttiva 2003/4, lis-CTB l-iżvelar ta’ 84 dokument rigward l-imsemmija awtorizzazzjonijiet. |
21 |
Bayer, kumpannija li topera fost l-oħrajn fl-oqsma tal-protezzjoni tal-kulturi u tal-ġlieda kontra l-parassiti, li għandha numru kbir minn dawn l-awtorizzazzjonijiet, opponiet ruħha kontra dan l-iżvelar, għaliex dan jippreġudika d-drittijiet tal-awtur u l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali jew industrijali u jneħħi, barra minn hekk, is-sustanza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data. |
22 |
B’deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2012, is-CTB, l-ewwel nett, ċaħdet kompletament it-talbiet għal żvelar imressqa minn Bijenstichting. Insostenn ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, is-CTB qieset b’mod partikolari li dawn it-talbiet ma jirrigwardawx “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. Għaldaqstant, l-imsemmija talbiet setgħu jintlaqgħu biss jekk l-ibbilanċjar tal-interess ġenerali għal żvelar, minn naħa, u l-interess speċifiku tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq għall-kunfidenzjalità tad-data kkonċernata, min-naħa l-oħra, kien jiġġustifika l-iżvelar ta’ din, li, skont is-CTB, ma kienx madankollu l-każ hawnhekk. |
23 |
Wara lment imressaq minn Bijenstichting kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda, is-CTB, sussegwentement, marret lura fuq din id-deċiżjoni u, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2013, iddikjarat dan l-ilment parzjalment fondat. |
24 |
B’dan il-mod, f’din id-deċiżjoni msemmija l-aħħar, is-CTB qieset li kellha titqies bħala “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, l-informazzjoni fattwali rigward emissjonijiet konkreti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodotti bijoċidali fl-ambjent. |
25 |
F’dan il-każ, 35 mid-dokumenti li l-iżvelar tagħhom intalab kienu jinkludu, skont is-CTB, tali informazzjoni. Għaldaqstant, ir-raġunijiet li setgħu jiġu invokati sabiex jiġi miċħud tali żvelar kienu, skont dan l-organu, limitati ħafna. Fost dawn kien hemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tad-detentur tal-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-prodott inkwistjoni. Madankollu, f’termini ta’ bbilanċjar bejn l-interess ġenerali għall-iżvelar u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet, is-CTB qieset li tal-ewwel kellu jipprevali. Għaldaqstant, hija ordnat l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti. |
26 |
Fost dawn il-35 dokument kien hemm fost l-oħrajn studji ta’ laboratorji fuq l-effetti tal-imidakloprid fuq in-naħal, kif ukoll studji mwettqa parzjalment fuq l-art li jieħdu miżuri tar-residwi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali kif ukoll tas-sustanzi attivi tagħhom preżenti wara l-użu ta’ dawn il-prodotti fl-arja jew fl-art, fiż-żerriegħa, fil-weraq, fil-polline jew fin-nektar tal-pjanta ttrattata, kif ukoll fl-għasel u fuq in-naħal. Dawn id-dokumenti kienu jinkludu wkoll sunt ta’ studju rigward il-migrazzjoni tal-imidakloprid fil-pjanti u l-ħruġ ta’ taqtir tal-ilma mill-pjanti, kif ukoll żewġ preżentazzjonijiet. |
27 |
Rigward id-49 dokument li jifdal, is-CTB min-naħa l-oħra qieset li dawn ma kinux jirrigwardaw “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. Għaldaqstant l-aċċess għal dawn id-49 dokument seta’, skont is-CTB, jiġi miċħud abbażi mhux biss tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda wkoll tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. Wara li wettqet, b’mod konformi ma’ din id-dispożizzjoni, l-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, is-CTB ċaħdet l-iżvelar tal-imsemmija dokumenti. |
28 |
Kemm Bijenstichting kif ukoll Bayer ikkontestaw id-deċiżjoni tas-CTB tat-18 ta’ Marzu 2013 quddiem il-qorti tar-rinviju, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għall-kontenzjuż amministrattiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-industrija, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
29 |
Sabiex tiddeċiedi fuq it-tilwima mressqa quddiemha, din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari dwar ir-relazzjoni bejn, minn naħa, is-sistemi ta’ kunfidenzjalità previsti mil-leġiżlazzjonijiet speċifiċi fil-qasam għal tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali, jiġifieri, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, id-Direttivi 91/414 u 98/8 kif ukoll ir-Regolament Nru 1107/2009, u, min-naħa l-oħra, is-sistema ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni fil-qasam ambjentali rregolata permezz tad-Direttiva 2003/4. |
30 |
B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, kif issostni Bijenstichting, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba minn din tal-aħħar kellhiex tiġi rrikonoxxuta mis-CTB, fuq talba ta’ Bayer, mhux iktar tard mill-emenda tal-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-prodotti inkwistjoni, jew jekk, kif issostni s-CTB, in-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni setgħet ukoll tiġi rrikonoxxuta sussegwentement, fil-kuntest ta’ oppożizzjoni minn Bayer għat-talbiet għal aċċess għall-imsemmija informazzjoni mressqa iktar tard minn Bijenstichting abbażi tad-Direttiva 2003/4, anki meta dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw informazzjoni li għaliha Bayer ma kinitx talbet trattament kunfidenzjali fil-proċedura ta’ emenda tal-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq. |
31 |
Fil-fatt, fl-ewwel każ, is-CTB kellha tilqa’ kompletament it-talbiet għal żvelar imressqa minn Bijenstichting, mingħajr il-possibbiltà, fejn xieraq, li tiċħad dawn it-talbiet taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, is-CTB setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ Bayer rigward il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u fformulati għall-ewwel darba mal-imsemmija talbiet. |
32 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, u tistaqsi jekk l-informazzjoni li għaliha huwa mitlub l-aċċess minn Bijenstichting taqax taħt dan il-kunċett. |
33 |
Fil-fatt, fl-affermattiv, it-talbiet għal żvelar imressqa minn din tal-aħħar ma setgħux, skont din id-dispożizzjoni, jiġu miċħuda fuq ir-raġuni li dan l-iżvelar jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali ppreżentata minn Bayer. Min-naħa l-oħra, fin-negattiv, sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija informazzjoni għandhiex tiġi żvelata, għandu jiġi bbilanċjat l-interess marbut mal-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni u l-interess pubbliku moqdi bl-imsemmi żvelar. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għall-kontenzjuż amministrattiv fil-qasam tal-kummerċ u tal-industrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
35 |
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tas-7 ta’ April 2016, Bayer, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2016, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
36 |
Insostenn ta’ din it-talba, Bayer essenzjalment issostni, qabel kollox, li hija l-qorti nazzjonali l-unika kompetenti sabiex tiddetermina jekk l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jsir riferiment għaliha mir-raba’ sat-tmien domandi preliminari hijiex “dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħalma għamlet l-Avukat Ġenerali, li tieħu pożizzjoni fuq dawn id-domandi, Bayer titlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina d-dokumenti li qed jintalab l-aċċess għalihom minn Bijenstichting u tistabbilixxi, abbażi ta’ dan, jekk l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti hijiex “dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”. Imbagħad, Bayer tqis li r-risposti għad-domandi preliminari proposti mill-Avukat Ġenerali jmorru kontra s-sistema kompleta u eżawrjenti ta’ żvelar ta’ dokumenti stabbilita permezz tad-Direttivi 91/414 u 98/8 kif ukoll permezz tar-Regolament Nru 1107/2009. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, Bayer titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-kwistjoni tal-modalitajiet preċiżi ta’ aċċess għal din l-informazzjoni, u b’mod partikolari jekk żvelar f’kamra tal-qari huwiex aċċettabbli. |
37 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, EU:C:2000:69, punt 2, u s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Döhler Neuenkirchen, C‑262/10, EU:C:2012:559, punt 29). |
38 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li tkun semgħet l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew fejn il-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni interessati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ April 2016, Borealis Polyolefine et, C‑191/14, C‑192/14, C‑295/14, C‑389/14 u C‑391/14 sa C‑393/14, EU:C:2016:311, punt 40). |
39 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali mressqa minn Bayer hija intiża essenzjalment sabiex tirrispondi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tiddeċiedi u din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. |
40 |
Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel żewġ domandi
41 |
Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 kif ukoll l-Artikoli 33(4), u 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott bijoċidali ma jkunx talab, matul il-proċedura prevista għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-awtorità kompetenti, adita wara l-għeluq tal-imsemmija proċedura b’talba għal aċċess għal din l-informazzjoni mressqa abbażi tad-Direttiva 2003/4 minn terz, tkun marbuta tilqagħha, mingħajr ma tkun tista’ teżamina l-oppożizzjoni tal-imsemmija applikant għal din it-talba għal aċċess u, fejn xieraq, tiċħadha għar-raġuni li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. |
42 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 kif ukoll l-Artikoli 33(4), u 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, l-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott bijoċidali jista’, fil-kuntest tal-proċedura prevista għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, jitlob it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tikkostitwixxi kunfidenzjalità tal-informazzjoni industrijali jew kummerċjali jew li huwa jqis bħala sensittiva kummerċjalment u li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawżalu ħsara industrijalment jew kummerċjalment. |
43 |
Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 98/8 kif ukoll l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedu wkoll li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4. |
44 |
B’dan il-mod, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jissuġġetta t-talbiet għal aċċess minn terzi għall-informazzjoni li tinsab f’fajls ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, u li għaliha jista’ jintalab trattament kunfidenzjali taħt id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2003/4 (ara, a contrario, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Ville de Lyon, C‑524/09, EU:C:2010:822, punt 40). |
45 |
Madankollu, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprevedu li talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika wieħed mill-interessi koperti f’dan l-artikolu, b’mod partikolari l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. |
46 |
Din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax din il-possibbiltà għat-tressiq ta’ talba għal trattament kunfidenzjali qabel ma ssir it-talba għal żvelar. |
47 |
Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni Bijenstichting, l-awtorità kompetenti, adita, abbażi tad-Direttiva 2003/4, b’talba għal aċċess għal informazzjoni ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott bijoċidali fil-kuntest tal-proċedura prevista għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, ma hijiex marbuta li tilqagħha u li tiżvela l-informazzjoni mitluba biss għar-raġuni li dan l-applikant ma talabx it-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni qabel, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura. |
48 |
B’dan il-mod, din l-awtorità għandha tkun tista’ teżamina, fejn xieraq abbażi tal-oppożizzjoni tal-imsemmi applikant, jekk dan l-iżvelar għandux mnejn jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali u jekk din it-talba għandhiex tiġi miċħuda taħt il-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. |
49 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott bijoċidali ma jkunx talab, waqt il-proċedura prevista għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ din il-proċedura abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8 jew tal-Artikoli 33(4), u 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, ma jipprekludix lill-awtorità kompetenti, adita, wara l-għeluq tal-imsemmija proċedura, b’talba għal aċċess għal din l-informazzjoni mressqa abbażi tad-Direttiva 2003/4 minn terz, milli teżamina l-oppożizzjoni tal-imsemmi applikant għal din it-talba għal aċċess u milli tiċħad, fejn xieraq, din it-talba taħt il-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għar-raġuni li l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. |
Fuq it-tielet sas-seba ’ domandi u fuq id-disa ’ domanda
50 |
Bit-tielet sas-seba’ domandi u bid-disa’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk jaqax taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, ir-rilaxx ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, jew ta’ sustanzi inklużi f’dawn il-prodotti, fl-ambjent u, fl-affermattiv, jekk għandhiex titqies bħala “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni d-data marbuta mal-evalwazzjoni ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent u mal-effetti tal-imsemmi rilaxx, inkluża d-data li toħroġ minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art kif ukoll dik estratta minn studji ta’ laboratorji jew ta’ trażlokazzjoni, l-informazzjoni rigward ir-residwi li jinsabu fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott inkwistjoni u l-istudji rigward il-livell tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni. |
51 |
Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk id-diversi dokumenti li f’dan il-każ intalab aċċess għalihom minn Bijenstichting jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, hija madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tindikalha l-elementi oġġettivi li għandhom jipprevalu f’tali evalwazzjoni. |
52 |
F’dan ir-rigward, b’mod preliminari, għandu jiġi enfasizzat li peress li din id-direttiva la tiddefinixxi l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” u lanqas dak ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti għandha titfittex b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva u tal-għan segwit minnha. |
53 |
Issa, minn naħa, kif tikkonferma l-premessa 5 tad-Direttiva 2003/4, bl-adozzjoni ta’ din, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Århus bil-ħsieb tal-konklużjoni tagħha mill-Komunità billi jipprevedi skema ġenerali intiża sabiex tiggarantixxi li kull persuna fiżika jew ġuridika ta’ Stat Membru jkollha dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom mingħajr ma din il-persuna tkun obbligata ssostni interess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 36). |
54 |
Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/4, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-test u l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Århus, li din id-direttiva hija intiża li timplementa fid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 37) u, b’mod partikolari, il-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni li jipprevedi li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni industrijali u kummerċjali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet li tkun rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent. |
55 |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2003/4 għandha l-għan li tiggarantixxi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom u sabiex ikun hemm, kif jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli ta’ din l-informazzjoni għall-pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 66). |
56 |
Għaldaqstant, kif jipprevedu b’mod espliċitu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus kif ukoll il-premessa 16 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, l-iżvelar tal-informazzjoni għandu jkun ir-regola ġenerali u r-raġunijiet għal rifjut imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 52, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications, C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 22). |
57 |
Billi jipprevedi li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tal-“[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jippermetti implementazzjoni konkreta ta’ din ir-regola u tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom. |
58 |
Minn dan jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu b’mod partikolari Bayer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni stretta tal-kunċetti ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” u ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. |
59 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula għandhom jingħataw risposta. |
– Fuq il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent”
60 |
Sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu jiġi stabbilit jekk, kif isostnu b’mod partikolari Bayer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, dan il-kunċett għandux jiġi distint minn dawk ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx” u jekk għandux jiġi ristrett għall-emissjonijiet koperti mid-Direttiva 2010/75, jiġifieri l-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali ddefiniti fiha, jew jekk dan il-kunċett ikoprix ukoll ir-rilaxx fl-ambjent ta’ prodotti jew ta’ sustanzi bħall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu. |
61 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “emissjonijiet” għandux jiġi distint minn dak ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx”, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/4, li jelenka l-fatturi li għandhom mnejn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “informazzjoni dwar l-ambjent”, jidher effettivament, mal-ewwel daqqa t’għajn, li jistabbilixxi tali distinzjoni. |
62 |
Madankollu, minn naħa, tali distinzjoni ma tagħmilx parti mill-Konvenzjoni ta’ Århus li sempliċement tipprevedi, fil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha, li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tal-“informazzjoni fuq l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent”. |
63 |
Min-naħa l-oħra, kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, distinzjoni bejn emissjonijiet, skariki u rilaxx ieħor hija irrilevanti fid-dawl tal-għan ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz tad-Direttiva 2003/4 u hija artifiċjali. |
64 |
Fil-fatt, kemm l-emissjonijiet ta’ gass jew ta’ sustanzi fl-atmosfera kif ukoll ir-rilaxx jew skariki oħra, bħar-rilaxx ta’ sustanzi, ta’ preparazzjonijiet, ta’ organiżmi, ta’ mikroorganiżmi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħana jew ta’ ħsejjes fl-ambjent, b’mod partikolari fl-arja, fl-ilma u fl-art, għandhom mnejn jaffettwaw dawn id-diversi elementi tal-ambjent. |
65 |
Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ “emissjonijiet”, ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx” huma sovrapposti fil-biċċa l-kbira, kif juri l-użu tal-espressjoni “[rilaxx] ieħor” fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva li minnha jirriżulta li l-emissjonijiet u l-iskariki jikkostitwixxu wkoll rilaxx fl-ambjent. |
66 |
B’dan il-mod, bosta atti tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2010/75, iżda wkoll id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357) u r-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2006, dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU 2006, L 33, p. 1), jassimilaw fil-biċċa l-kbira l-kunċetti ta’ “emissjonijiet”, ta’ “rilaxx” u ta’ “skariki”. |
67 |
Minn dan jirriżulta li ma hemmx lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, li dan il-kunċett jiġi distint minn dawk ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx” fl-ambjent. |
68 |
Fit-tieni lok, għad irid jiġi stabbilit jekk, kif isostnu Bayer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi ristrett għal dawk koperti mid-Direttiva 2010/75 – jiġifieri, skont l-Artikolu 3(4) ta’ din, ir-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn sorsi individwali jew diffużi fl-installazzjoni għal ġewwa l-arja, l-ilma jew l-art –, bl-esklużjoni ta’ emissjonijiet li ġejjin minn sorsi oħra, bħal dawk li jirriżultaw mill-bexx ta’ prodott fl-arja jew mill-applikazzjoni tiegħu fuq il-pjanti, fl-ilma jew fuq l-art. |
69 |
Huwa minnu li, fil-verżjoni tagħha tas-sena 2000, il-gwida ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus kienet tipproponi, għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet”, li tintuża d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 96/61, irriprodotta b’mod identiku fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2010/75, u issa tirreferi, fil-verżjoni tagħha tas-sena 2014, għad-definizzjoni prevista mid-dispożizzjoni msemmija l-aħħar. |
70 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk din il-gwida tista’ titqies bħala dokument spjegattiv li jista’, fejn xieraq, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi rilevanti oħra, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus, l-iżviluppi li hija tinkludi ma għandhom l-ebda saħħa vinkolanti u ma għandhomx il-portata normattiva marbuta mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
71 |
Minn naħa, ma hemm xejn fil-Konvenzjoni ta’ Århus u lanqas fid-Direttiva 2003/4 li jippermetti li jitqies li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” għandu jiġi ristrett għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali. |
72 |
Min-naħa l-oħra, tali limitazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni nnifisha tal-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Issa, informazzjoni dwar emissjonijiet li ġejjin minn sorsi oħrajn għajr installazzjonijiet industrijali, bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, hija daqstant rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent bħall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ oriġini industrijali. |
73 |
Barra minn hekk, limitazzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali tmur kontra l-għan ta’ żvelar l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent li huwa segwit permezz ta’ din id-direttiva. |
74 |
Għaldaqstant, tali interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma tistax tinżamm. |
75 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li la hemm lok li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” jiġi distint minn dawk ta’ “skariki” u ta’ “rilaxx”, u lanqas li dan il-kunċett jiġi ristrett għall-emissjonijiet koperti mid-Direttiva 2010/75, bl-esklużjoni tar-rilaxx ta’ prodotti jew ta’ sustanzi fl-ambjent li jkunu ġejjin minn sorsi oħra għajr installazzjonijiet industrijali. |
76 |
Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 ma jistax jeskludi r-rilaxx fl-ambjent ta’ prodotti u ta’ sustanzi bħall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu. |
77 |
Minkejja dan, l-imsemmi kunċett għandu madankollu jkun iddelimitat għall-emissjonijiet li ma humiex ipotetiċi, jiġifieri għall-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu. |
78 |
F’dan ir-rigward, jekk is-sempliċi tqegħid fis-suq ta’ prodott ma huwiex biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jitqies li dan il-prodott ser jiġi neċessarjament irrilaxxat fl-ambjent u li l-informazzjoni li tirrigwardah hija dwar “emissjonijiet fl-ambjent”, mhux l-istess jgħodd għal prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodott bijoċidali, li huwa, fil-kuntest ta’ użu normali, intiż sabiex jiġi rrilaxxat fl-ambjent mill-funzjoni tiegħu nnifisha. B’dan il-mod, l-emissjonijiet prevedibbli ta’ dan il-prodott fl-ambjent ma humiex, f’dan l-aħħar każ, ipotetiċi. |
79 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” l-emissjonijiet li huma effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni, kif ukoll l-emissjonijiet prevedibbli ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza fl-ambjent f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-prodott inkwistjoni u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott huwa intiż li jintuża. |
80 |
Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 82 u 83 tal-konklużjonijiet tagħha, dan il-kunċett ma jistax jinkludi l-emissjonijiet li huma purament ipotetiċi. Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/4, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-għan ta’ din huwa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni rigward fatturi, bħall-emissjonijiet, li għandhom jew jista’ jkollhom effetti fuq l-elementi tal-ambjent, b’mod partikolari fuq l-arja, l-ilma u l-art. Issa, mid-definizzjoni tagħhom, dan ma huwiex il-każ ta’ emissjonijiet purament ipotetiċi. |
81 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi b’mod partikolari r-rilaxx fl-ambjent ta’ prodotti jew ta’ sustanzi bħalma huma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu, sakemm dan ir-rilaxx ikun konkret jew prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu. |
– Fuq il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”
82 |
Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-diversi kategoriji ta’ informazzjoni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, fl-ewwel lok għandu jiġi vverifikat jekk, bħalma jsostni l-Gvern Olandiż, dan il-kunċett ikoprix biss l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodott bijoċidali inkwistjoni – jew tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi – inkwantu tali, jiġfieri l-indikazzjonijiet dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post ta’ dawn l-emissjonijiet, jew jekk taqax taħt dan il-kunċett ukoll id-data dwar l-effetti tal-imsemmija emissjonijiet fuq l-ambjent. |
83 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li din tvarja skont il-verżjonijiet lingwistiċi. B’dan il-mod, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għal “informations relatives à des émissions dans l’environnement” [“informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent”], numru ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw l-espressjoni “informazjoni fuq emissjonijiet fl-ambjent”. B’mod partikolari, il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tirreferi għall-“Informationen über Emissionen in die Umwelt”, il-verżjoni bil-lingwa Taljana għall-“informazioni sulle emissioni nell’ambiente” u l-verżjoni bil-lingwa Ingliża għall-“information on emissions into the environment”. |
84 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Bħalma huwa espost fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/4 għandha l-għan li tiggarantixxi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom u sabiex ikun hemm it-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli ta’ din l-informazzjoni għall-pubbliku. Kif tindika premessa 1 ta’ din id-direttiva, tali aċċess u tali tixrid huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiffavorixxu sensibilizzazzjoni ikbar tal-kwistjonijiet tal-ambjent u parteċipazzjoni iktar effettiva tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications, C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 26). |
86 |
Għal dawn il-finijiet, il-pubbliku għandu jkollu aċċess mhux biss għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, iżda wkoll għal dik li tirrigwarda l-konsegwenzi ftit jew wisq fit-tul ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-istat tal-ambjent, bħall-effetti tal-imsemmija emissjonijiet fuq l-organiżmi mhux fil-mira. Fil-fatt, l-interess tal-pubbliku li jaċċeddi għall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent huwa preċiżament li jkun jaf mhux biss dak li jiġi, jew dak li b’mod prevedibbli ser jiġi, irrilaxxat fl-ambjent, iżda wkoll, kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 86 tal-konklużjonijiet tagħha, li jifhem il-mod li bih l-ambjent għandu mnejn jiġi affettwat mill-emissjonijiet inkwistjoni. |
87 |
Għaldaqstant il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri mhux biss l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet inkwantu tali, jiġifieri l-indikazzjonijiet rigward in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post ta’ dawn l-emissjonijiet, iżda wkoll id-data rigward l-effetti ftit jew wisq fit-tul ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent. |
88 |
Fid-dawl ta’ dan, għandu, fit-tieni lok, jiġi stabbilit jekk il-fatt li d-data inkwistjoni ġejja minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art, minn studji ta’ laboratorji jew studji ta’ trażlokazzjoni – jiġifieri studji rigward l-analiżi tal-migrazzjoni tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni fil-pjanta –, għandux effett rigward il-klassifikazzjoni ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 u, b’mod partikolari, jekk id-data estratta minn studji ta’ laboratorji tistax taqa’ taħt dan il-kunċett. |
89 |
B’risposta għal din id-domanda, għandu jitqies li dan il-fatt ma huwiex determinanti minnu nnifsu. Fil-fatt, dak li huwa rilevanti ma huwiex tant li d-data inkwistjoni ġejja minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art jew f’laboratorju, jew inkella mill-eżami tat-trażlokazzjoni, iżda li l-imsemmija studji għandhom bħala għan li jevalwaw “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, – jiġifieri, kif espost fil-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, l-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni fl-ambjent f’ċirkustanzi li jirrappreżentaw kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza –, jew li janalizzaw l-effetti ta’ dawn l-emissjonijiet. |
90 |
B’dan il-mod, ma tikkostitwixxix b’mod partikolari “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” data estratta minn testijiet li għandhom l-għan li jistudjaw l-effetti tal-użu ta’ doża tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni li hija kunsiderevolment ogħla mid-doża massima li għaliha hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq u li ser tintuża fil-prattika, jew f’konċentrazzjoni ħafna ogħla, meta tali data tkun tirrigwarda emissjonijiet mhux prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu. |
91 |
Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” studji intiżi sabiex jistabbilixxu t-tossiċità, l-effetti u aspetti oħra ta’ prodott jew ta’ sustanza fil-kundizzjonijiet realisti l-iktar sfavorevoli li jistgħu raġonevolment ikunu preżenti, kif ukoll studji mwettqa f’kundizzjonijiet l-iktar qrib possibbli għall-prattika agrikola normali u kundizzjonijiet li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott jew din is-sustanza ser jintużaw. |
92 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni dwar ir-residwi preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott inkwistjoni u l-istudji rigward il-livell tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni tikkostitwixxix “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 91/414, l-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 98/8 u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, ir-residwi huma s-sustanzi preżenti b’mod partikolari fil-pjanti jew fuq il-pjanti, jew fi bnadi oħra fl-ambjent u li jirriżultaw mill-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodott bijoċidali, inklużi l-metaboliti ta’ dawn is-sustanzi u prodotti u l-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom. |
93 |
Għalhekk, il-preżenza ta’ residwi fl-ambjent hija kkawżata mill-emissjonijiet fl-ambjent tal-prodott ikkonċernat, jew tas-sustanzi li dan il-prodott jinkludi. Hija għalhekk konsegwenza ta’ dawn l-emissjonijiet. Dan huwa l-każ mhux biss tal-fdal tas-sustanzi li jintbexxu fl-arja jew li jiġu ddepożitati mill-prodott inkwistjoni fuq il-pjanti, fl-art jew inkella fl-organiżmi mhux fil-mira, iżda wkoll tal-metaboliti ta’ dawn is-sustanzi kif ukoll tal-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni. Fil-fatt, minkejja li l-metaboliti jirriżultaw mit-trasformazzjoni tas-sustanzi inklużi fil-prodott inkwistjoni, huma konsegwenza tal-emissjoni tal-imsemmi prodotti u tal-imsemmija sustanzi fl-ambjent. |
94 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-kurrent huwa t-trasport, fl-arja, ta’ taqtir jew ta’ fwar tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew tal-prodotti bijoċidali barra miż-żona fil-mira tat-trattament. B’dan il-mod, dan huwa wkoll konsegwenza tal-emissjoni tal-imsemmija prodotti jew sustanzi fl-ambjent. |
95 |
Minn dan jirriżulta li l-informazzjoni dwar ir-residwi preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-istudji rigward il-livell tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4. |
96 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” l-indikazzjonijiet dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post tal-“emissjonijiet fl-ambjent” tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali, u tas-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu, kif ukoll id-data rigward l-effetti, ftit jew wisq fit-tul, ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-informazzjoni rigward ir-residwi preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-istudji rigward il-livell tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni, kemm jekk din id-data toħroġ minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art, minn studji ta’ laboratorju jew minn studji ta’ trażlokazzjoni. |
97 |
Mill-bqija, għandu jiġi enfasizzat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu essenzjalment Bayer u l-Gvern Ġermaniż, tali interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 la tikser l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), rigward il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, u lanqas l-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs, li jiggarantixxi l-kunfidenzjalità tad-data mhux żvelata ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti kimiċi. Hija lanqas ma tneħħi l-effett utli tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009 li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jelenka d-data li l-iżvelar tagħha huwa fil-prinċipju preżunt li jippreġudika b’mod partikolari l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u li fir-rigward tagħha kull persuna tista’, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, titlob li tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali. |
98 |
Fir-rigward, minn naħa, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta u tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs, għandu fil-fatt jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti minn din jista’ jkollhom ċerti limitazzjonijiet, meta dawn tal-aħħar ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs jippermetti l-iżvelar tad-data ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott kimiku meta dan ikun meħtieġ sabiex il-pubbliku jiġi protett. |
99 |
Fil-kuntest ta’ bbilanċjar bejn id-drittijiet iggarantiti permezz tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta kif ukoll permezz tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs, minn naħa, u l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-iżvelar l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod konformi mal-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu, qies li kien meħtieġ, sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, li jiġi previst li talba għal aċċess rigward “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” ma tistax, fid-dawl tar-rilevanza u tal-importanza ta’ din l-informazzjoni għall-protezzjoni tal-ambjent, tiġi miċħuda għar-raġuni li l-iżvelar ta’ din jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. |
100 |
F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” li tirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma twassal sabiex id-data kollha inkluża fil-fajls ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, b’mod partikolari d-data kollha li tirriżulta mill-istudji mwettqa għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, taqa’ taħt dan il-kunċett u għandha dejjem tiġi żvelata. Fil-fatt, biss id-data li tirrigwarda “emissjonijiet fl-ambjent” hija inkluża fl-imsemmi kunċett, u dan jeskludi b’mod partikolari mhux biss l-informazzjoni li ma tirrigwardax l-emissjonijiet tal-prodott inkwistjoni fl-ambjent, iżda wkoll, kif jirriżulta mill-punti 77 sa 80 ta’ din is-sentenza, id-data li tirrigwarda emissjonijiet ipotetiċi, jiġifieri emissjonijiet li ma humiex konkreti jew prevedibbli f’ċirkustanzi li jirrappreżentaw kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu. Din l-interpretazzjoni ma twassalx għaldaqstant għal indħil sproporzjonat fil-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti permezz tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta u permezz tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim TRIPs. |
101 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, għandu jitfakkar li, kif espost fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, dan l-artikolu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4. B’dan il-mod, mill-imsemmi artikolu bl-ebda mod ma jirriżulta li d-data msemmija fih ma tistax tiġi kklassifikata bħala “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” jew li din id-data ma tista’ qatt tiġi żvelata taħt din id-direttiva. |
102 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza ma tneħħix l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 63. Fil-fatt, il-preżunzjoni stabbilita permezz tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tippermetti lill-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni hija fil-prinċipju kunfidenzjali u ma tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jekk ma titressaq l-ebda talba għal aċċess għal din l-informazzjoni abbażi tad-Direttiva 2003/4. Din il-preżunzjoni tiggarantixxi wkoll lill-imsemmi applikant li, fil-każ li titressaq tali talba, l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiżvela din l-informazzjoni biss wara li tkun stabbiliet, fuq bażi individwali, jekk din l-informazzjoni hijiex dwar l-emissjonijiet fl-ambjent jew jekk interess pubbliku superjuri ieħor jiġġustifikax dan l-iżvelar. |
– Konklużjoni
103 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet sas-seba’ u d-disa’ domandi għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq it-tmien domanda
104 |
Bit-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, is-sors ta’ din l-informazzjoni għandux jiġi żvelat b’mod integrali jew inkella fil-limitu tad-data rilevanti li tista’ tiġi estratta minnha. |
105 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-raġunijiet fl-ewwel subparagrafu, partijiet (a), (d) u (f) sa (h) tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 ma jistgħux jiġu invokati kontra talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent sa fejn din it-talba tirrigwarda informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jippreġudika wieħed mill-interessi koperti minn din id-dispożizzjoni, hija biss id-data rilevanti li tista’ tiġi estratta mis-sors ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent li għandha tiġi żvelata meta jkun possibbli li tiġi sseparata din id-data mill-informazzjoni l-oħra inkluża fl-imsemmi sors, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
106 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tmien domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent li l-iżvelar tagħha jippreġudika wieħed mill-interessi koperti fl-ewwel subparagrafu, partijiet (a), (d) u (f) sa (h) tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, hija biss id-data rilevanti li tista’ tiġi estratta mis-sors ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent li għandha tiġi żvelata meta jkun possibbli li tiġi sseparata din id-data mill-informazzjoni l-oħra inkluża fl-imsemmi sors, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
107 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.