This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0427
Judgment of the Court (First Chamber) of 10 December 2015.#Valsts ieņēmumu dienests v "Veloserviss” SIA.#Request for a preliminary ruling from the Augstākā Tiesa.#Reference for a preliminary ruling — Community Customs Code — Post-clearance examination of declarations — Principle of the protection of legitimate expectations — National rules placing restrictions on re-examination of the results of a post-clearance examination — Powers — Decision on the first post-clearance examination — Incorrect or incomplete information not known on the date of the decision.#Case C-427/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
Valsts ieņēmumu dienests vs "Veloserviss” SIA.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Kontroll wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Limitazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-eżami mill-ġdid tar-riżultati ta’ kontroll wara r-rilaxx – Possibbiltà – Deċiżjoni dwar il-kontroll wara r-rilaxx inizjali – Informazzjoni ineżatta jew inkompleta mhix magħrufa fid-data tad-deċiżjoni.
Kawża C-427/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
Valsts ieņēmumu dienests vs "Veloserviss” SIA.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Kontroll wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Limitazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-eżami mill-ġdid tar-riżultati ta’ kontroll wara r-rilaxx – Possibbiltà – Deċiżjoni dwar il-kontroll wara r-rilaxx inizjali – Informazzjoni ineżatta jew inkompleta mhix magħrufa fid-data tad-deċiżjoni.
Kawża C-427/14.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:803
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Kontroll wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Limitazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-eżami mill-ġdid tar-riżultati ta’ kontroll wara r-rilaxx — Possibbiltà — Deċiżjoni dwar il-kontroll wara r-rilaxx inizjali — Informazzjoni ineżatta jew inkompleta mhix magħrufa fid-data tad-deċiżjoni”
Fil-Kawża C‑427/14,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (dipartiment tal-affarijiet amministrattivi tal-qorti suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura
Valsts ieņēmumu dienests
vs
“Veloserviss” SIA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,.
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u K. Freimanis, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn A. Dimitrakopoulou u K. Nasopoulou, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Sauka u L. Grønfeldt, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn il-Valsts ieņēmumu dienests (awtorità tat-taxxa Latvjana, iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa”) u “Veloserviss” SIA (iktar ’il quddiem “Veloserviss”), dwar l-intaxxar tad-dazji fuq l-importazzjoni u dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mal-interessi moratorji, fil-waqt ta’ kontroll wara r-rilaxx tad-dikjarazzjoni doganali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Eżami tad-dikjarazzjonijiet wara r-rilaxx”, jipprovdi: “1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija. 2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta. 3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.” |
4 |
Skont l-Artikolu 221(1), (3) u (4) ta’ dan il-Kodiċi: “1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa. [...] 3. Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. [...] 4. Fejn id-dejn mad-dwana huwa riżultat ta’ att li, fiż-żmien li kien kommess, kien jista’ jwassal għal proċedimenti kriminali tal-qorti, l-ammont jista’, skond il-kondizzjonijiet preskritti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jiġi komunikat lid-debitur wara li jgħaddi l-perijodu ta’ tliet snin riferit fil-paragrafu 3.” |
Id-dritt Latvjan
5 |
L-Artikolu 23(1) tal-liġi Latvjana rigward it-taxxi jipprovdi: “Wara kontroll tat-taxxi, l-awtorità tat-taxxa tistabbilixxi jew tispeċifika l-ammonti li għandhom jiġu indikati fil-partijiet tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa u ta’ informazzjoni, id-dħul intaxxat (it-telf), il-kalkoli tat-taxxi (taxxi) li jsiru konformement mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa u hija tapplika multa fiż-żmien tliet snin mit-terminu ta’ ħlas stabbilit mill-imsemmija leġiżlazzjoni. Jekk kontroll tat-taxxa sar fir-rigward ta’ taxxa stabbilita, ta’ taqsima tad-dikjarazzjoni tat-taxxa, ta’ taxxa jew ta’ kwalunkwe ħlas ieħor previst mil-liġi għall-perijodu ta’ taxxa kkonċernata, id-deċiżjoni tagħha hija definittiva u tista’ tiġi rriveduta biss fil-każ li jittieħdu proċedimenti kriminali għall-frodi, għall-falsifikazzjoni tad-dokumenti, għall-evażjoni mill-ħlas tat-taxxi jew ta’ kwalunkwe taxxa oħra simili jew għall-ksur ieħor li jista’ jinfluwenza l-istabbiliment tal-ammont tat-taxxa.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 |
Fis-17 ta’ Mejju 2007, Veloserviss importat fl-Unjoni Ewropea roti li ġejjin mill-Kambodja sabiex jiċċirkolaw liberament. Skont iċ-ċertifikat tal-oriġini mogħti fis-16 ta’ Frar 2007 mill-Gvern tal-Kambodja, Veloserviss ma ħalset ebda dazju doganali u ebda VAT. |
7 |
L-awtorità tat-taxxa, matul is-sena 2008, wettqet l-ewwel kontroll doganali wara r-rilaxx għall-perijodu li matulu kienu ġew importati r-roti kkontestati. Peress li fil-konfronti tagħhom ma ġiet osservata l-ebda irregolarità, Veloserviss implementat id-deċiżjoni adottata skont dan il-kontroll. |
8 |
Matul is-sena 2010, l-awtorità tat-taxxa rċeviet informazzjoni mingħand l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), skont liema ċ-ċertifikat tal-oriġini mogħti mill-Gvern tal-Kambodja dwar il-merkanzija kkonċernata ma kienx konformi mar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. |
9 |
Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-awtorità tat-taxxa wettqet it-tieni kontroll wara r-rilaxx, dwar id-dokument amministrattiv uniku ppreżentat minn Veloserviss, u osservat li l-eżenzjonijiet tad-dazji doganali kienu ġew applikat indebitament fuq din il-merkanzija. |
10 |
Konsegwentement, permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2010, l-awtorità tat-taxxa imponiet fuq Veloserviss il-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT, flimkien mal-interessi moratorji. |
11 |
Sussegwentement, Veloserviss ippreżentat rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni. |
12 |
Wara eżami tal-kawża fl-istanza tal-appell, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali), permezz ta’ sentenza mogħtija fis-27 ta’ Marzu 2014, ikkonfermat l-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2010, billi qieset, b’mod partikolari, li, skont l-Artikolu 23(1) tal-liġi Latvjana rigward it-taxxi, l-awtorità tat-taxxa ma setgħetx twettaq kontroll ieħor wara r-rilaxx tal-merkanzija ddikjarata inkwistjoni, peress li l-ewwel kontroll kien ħoloq aspettiva leġittima fi ħdan Veloserviss u li din kienet issodisfat ir-rekwiżiti kollha previsti dwar il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, sa fejn hija ma setgħetx tkun taf oġġettivament li l-awtorità kompetenti tal-Kambodja kienet ħarġet ċertifikat żbaljat. Konsegwentment, Veloserviss aġixxiet in bona fide. |
13 |
L-awtorità tat-taxxa appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
14 |
F’dan il-kuntest, l-imsemmija amministrazzjoni tenfasizza, skont l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (dipartiment tal-affarijiet amministrattivi tal-qorti suprema, il-Latvja), qabel kollox li l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, meta din l-istess amministrazzjoni wettqet għall-ewwel darba kontroll tad-dikjarazzjoni doganali ta’ Veloserviss, hija ma kellhiex disponibbli r-rapport tal-OLAF, hekk li hija ma setgħetx tistabbilixxi li ċ-ċertifikati tal-oriġini ppreżentati kienu inkorretti. Sussegwentement, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali) allegatament ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi doganali jikkostitwixxi regola speċjali meta mqabbel mal-Artikolu 23(1) tal-liġi Latvjana rigward it-taxxi. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet, dejjem skont l-amministrazzjoni tat-taxxa, indikat fil-punt 40 tas-sentenza Greencarrier Freight Services Latvia (C‑571/12, EU:C:2014:102), li l-awtoritajiet doganali setgħu jipproċedu għall-komunikazzjoni ta’ dejn doganali ġdid matul it-terminu tat-tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq dan id-dejn, hekk li l-awtorità tat-taxxa setgħet iżżid mad-deċiżjoni tal-kontroll inizjali. |
15 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, filwaqt li l-liġi Latvjana tirrestrinġi l-possibbiltà li jitwettqu verifiki tat-taxxa ripetuti, l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi, b’mod ġenerali, id-dritt tal-awtoritajiet doganali li jwettqu kontrolli wara r-rilaxx u li jipprevjenu n-nuqqas ta’ osservanza tal-ħlas tad-dazji doganali, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tillimita l-possibbiltà li tali kontrolli jiġu rrepetuti. L-użu ta’ dan id-dritt għandu madankollu jiġi ggwidat mill-prinċipji ġenerali tal-proċedura amministrattiva, inkluż mill-prinċipji u mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Għalhekk, jeżistu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78(3) ta’ dan il-kodiċi, peress li din id-dispożizzjoni hija determinanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Administratīvo lietu departaments (dipartiment tal-affarijiet amministrattivi tal-qorti suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
17 |
Permezz tad-domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk u sa fejn l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrestrinġi l-possibbiltà ta’ l-awtoritajiet doganali li jirrepetu l-kontroll wara r-rilaxx u li minnu jisiltu l-konsegwenzi billi jistabbilixxu dejn doganali ġdid, meta, minn naħa, l-awtorità tat-taxxa kompetenti tirċievi informazzjoni li tosserva li l-leġiżlazzjoni doganali ġiet applikata abbażi ta’ informazzjoni ineżatta jew inkompleta, u min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni ma kinitx magħrufa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kontroll wara r-rilaxx inizjali. |
18 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li l-awtoritajiet doganali jieħu l-miżuri li huma hemmhekk imsemmija “skond kull dispożizzjoni stipulata”. |
19 |
Iktar minn hekk, jirriżulta kemm mill-Artikolu 1 tal-imsemmi kodiċi, skont liema l-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni hija wkoll ikkostitwita minn dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħha fuq livell nazzjonali, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għalkemm l-Istati Membri jistgħu jipprevedu regoli proċedurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi doganali, huma madankollu jridu jiżguraw li dawn jikkonformaw ma’ dan il-kodiċi kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mar-rekwiżiti u mal-prinċipji rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 23; digriet Saupiquet vs Il-Kummissjoni, C‑37/12 P, EU:C:2013:96, punt 39, kif ukoll is-sentenza Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 77). |
20 |
Mingħajr ħsara, l-Istati Membri għalhekk jikkonservaw, bħala prinċipju, il-kompetenza li jadottaw regoli li jirregolaw il-kontrolli wara r-rilaxx previst fl-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali. |
21 |
Sabiex jiġi stabbilit, b’mod iktar partikolari, jekk u sa fejn Stat Membru jista’ jipprovdi għall-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi proċedura li tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jipproċedu, fejn hemm bżonn, ex officio, għal reviżjoni wara r-rilaxx ta’ dikjarazzjoni doganali, jiġifieri wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija msemmija f’tali dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punti 62, 64 u 66, kif ukoll Greencarrier Freight Services Latvia, C‑571/12, EU:C:2014:102, punt 28). |
22 |
Għal dan il-għan, l-imsemmija awtoritajiet jistgħu, minn naħa, bis-saħħa tal-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi Doganali, jipproċedu għar-reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali, jiġifieri għall-eżami mill-ġdid tagħha (sentenza Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 45). |
23 |
Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet doganali jistgħu, skont l-Artikolu 78(2) tal-imsemmi kodiċi, sabiex jiżguraw l-eżattezza tad-dettalji tad-dikjarazzjoni, jipproċedu għall-kontrolli tad-dokumenti u tal-informazzjoni rilevanti kif ukoll, skont iċ-ċirkustanzi, għall-eżami tal-merkanzija rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Greencarrier Freight Services Latvia, C‑571/12, EU:C:2014:102, punt 29). |
24 |
Fil-każ li tali reviżjoni jew dawn il-kontrolli jiskopru li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskema doganali rilevanti ġew applikati abbażi ta’ elementi ineżatti jew inkompleti, jiġifieri jew li twettqu żbalji jew ommissjonijiet materjali, jew żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli, l-awtoritajiet doganali għandhom, konformement mal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi l-ġodda li huma għandhom għad-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Terex Equipment et, C‑430/08 u C‑431/08, EU:C:2010:15, punt 62). |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi ma tinkludix restrizzjoni la għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-awtoritajiet doganali li jirrepetu reviżjoni jew kontroll wara r-rilaxx fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u lanqas għal dak li jirrigwarda t-teħid, minnhom, ta’ miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu. |
26 |
Fil-fatt, kemm l-għan stess tal-kodiċi doganali, sa fejn huwa jixtieq, b’mod partikolari, konformement mal-premessa 5 ta’ dan il-kodiċi, jiżgura applikazzjoni korretta tat-taxxi previsti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Greencarrier Freight Services Latvia, C‑571/12, EU:C:2014:102, punt 32), kif ukoll il-loġika speċifika tal-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi, li tikkonsisti fit-tqabbil tal-proċedura doganali mas-sitwazzjoni reali billi tikkoreġi l-iżbalji jew l-ommissjonijiet materjali kif ukoll l-iżbalji tal-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli (ara s-sentenzi Terex Equipment et, C‑430/08 u C‑431/08,EU:C:2010:15, punt 56, kif ukoll Südzucker et, C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, EU:C:2012:444, punt 47), huma kontra interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu li tippermetti li tiġi eskluża b’mod ġenerali l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jipproċedu għal reviżjonijiet jew għal kontrolli oħra wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet doganali sabiex tiġi rregolarizzata, skont il-każ, is-sitwazzjoni. |
27 |
Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b’mod partikolari sabiex effettivament jitwettqu tali għanijiet, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jipproċedu għal reviżjonijiet u għall-kontrolli wara r-rilaxx (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Südzucker et, C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, EU:C:2012:444, punti 48 u 50, kif ukoll Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, EU:C:2012:745, punt 66). |
28 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-obbligi li jimponi fuq l-awtoritajiet doganali, huwa jippermetti, bħala regola ġenerali, lil dawn l-awtoritajiet doganali sabiex jirrepetu reviżjoni jew kontroll wara r-rilaxx ta’ dikjarazzjoni doganali u sabiex minnhom jisiltu l-konsegwenzi billi jistabbilixxu dejn doganali ġdid. |
29 |
Madankollu, il-possibbiltà tal-awtoritajiet doganali li jipproċedu għal reviżjonijiet tad-dikjarazzjonijiet doganali u li jieħdu miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni hija suġġetta għall-osservanza tar-rekwiżiti rilevanti tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali u, bħala korollarju tiegħu, tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huma għandhom jiġu osservati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħet mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Netto Supermarkt, C‑271/06, EU:C:2008:105, punt 18, u Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 43). |
31 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ protezzjoni taċ-ċertezza legali, dan jixtieq, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiggarantixxi l-previdibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali u jeħtieġ, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli, rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħha fil-konfronti tal-awtorità tat-taxxa, ma tkunx esposta indefinittivament għar-riskju li tiġi kkontestata (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Alstom Power Hydro, C‑472/08, EU:C:2010:32, punt 16, u Elsacom, C‑294/11, EU:C:2012:382, punt 29). |
32 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli, sew jekk din tkun ġejja mid-dritt nazzjonali sew jekk tkun ġejja mid-dritt tal-Unjoni, isservi għall-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-parti fil-kawża kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata u għalhekk ma tfixkilx l-eżerċizzju, mill-parti fil-kawża, tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28, u CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 23). |
33 |
Għalhekk, peress li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxi l-ebda terminu ta’ preskrizzjoni għall-kontroll wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet doganali, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali, jissuġġettaw din il-proċedura għal terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli. |
34 |
Madankollu, anki jekk dan l-artikolu ma jipprovdix għal terminu speċifiku f’dan ir-rigward, hemm lok jiġi osservat li, skont l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom terminu ta’ tliet snin sabiex jipproċedu għall-komunikazzjoni ta’ dejn doganali ġdid, mid-data ta’ meta nħoloq dan id-dejn (ara s-sentenza Greencarrier Freight Services Latvia, C‑571/12, EU:C:2014:102, punt 40). |
35 |
Wara dan it-terminu, id-dejn huwa preskritt u, għaldaqstant, jispiċċa fis-sens tal-Artikolu 233 tal-imsemmi kodiċi (ara s-sentenza Direct Parcel Distribution Belgium, C‑264/08, EU:C:2010:43, punt 43). |
36 |
Sa fejn, fl-iskadenza tat-terminu tat-tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali, mhux iktar possibbli jiġi kkomunikat dejn doganali ġdid u li jinsiltu, hekk, il-konsegwenzi ta’ reviżjoni jew ta’ kontrolli wara r-rilaxx fis-sens tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, l-Istati Membri ma jistgħux, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, jiġu mfixkla milli jillimitaw l-użu tal-proċedura ta’ reviżjoni li huwa jipprevedi wara l-iskadenza tat-tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali inizjali, b’mod partikolari billi jissuġġetta din ir-reviżjoni għal tali terminu ta’ preskrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Greencarrier Freight Services Latvia, C‑571/12, EU:C:2014:102, punti 40 u 41). |
37 |
Min-naħa l-oħra, matul dan il-perijodu ta’ tliet snin, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tista’, kif ġie osservat fil-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, tippermetti lill-awtoritajiet doganali jieħdu, mill-ġdid, miżura sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni minħabba reviżjoni jew kontroll wara r-rilaxx konformement mal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari billi jiġi emendat id-dejn doganali. Barra minn hekk, it-teħid ta’ tali miżura għandu jkun possibbli anki wara l-iskadenza tal-imsemmi perijodu f’sitwazzjoni fejn id-dejn doganali jirriżulta, fis-sens tal-Artikolu 221(4) ta’ dan il-kodiċi, minn att li kien, fid-data ta’ meta twettaq, seta’ jwassal għal proċedimenti kriminali fil-qorti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
38 |
Iktar u iktar, u f’sitwazzjonijiet differenti minn din tal-aħħar, għandhom jiġu kkunsidrati konformi mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, minn tal-inqas matul il-perijodu tat-tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali, ir-reviżjonijiet u l-kontrolli wara r-rilaxx fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, li saru mill-ġdid, peress li tali reviżjoni jew tali kontroll wara r-rilaxx, kif osservat il-Kummissjoni, ma jaffettwawx, bħala tali, neċessarjament is-sitwazzjoni legali tal-persuna taxxabbli kkonċernata. |
39 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi osservat li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-possibbiltà li jgawdu minn dan il-prinċipju hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fi ħdanu l-awtorità nazzjonali kellha aspettattivi fondati. Madankollu, jekk operatur ekonomiku prudenti u attent seta’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura li aktarx li tolqotlu l-interessi tiegħu, ma jistax jinvoka dak il-prinċipju jekk il-miżura hija adottata. Iktar minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ipoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53). |
40 |
F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà għal persuna taxxabbli li tgawdi mill-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi f’każ ta’ reviżjoni jew ta’ kontrolli wara r-rilaxx u tal-istabbiliment tad-dejn doganali marbut magħhom, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li din il-persuna taxxabbli ma tistax tibbaża l-aspettattivi leġittimi fuq il-validità taċ-ċertifikati minħabba l-fatt tal-aċċettazzjoni inizjali tagħhom mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, peress li r-rwol ta’ dawn is-servizzi fil-kuntest tal-ewwel aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ma jostakola bl-ebda mod l-eżerċizzju ta’ kontrolli ulterjuri, u lanqas l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Van Gend & Loos u Expeditiebedrijf Bosman vs Il-Kummissjoni, 98/83 u 230/83, EU:C:1984:342, punt 20, kif ukoll Faroe Seafood et, C‑153/94 u C‑204/94, EU:C:1996:198, punt 93). |
41 |
Fil-fatt, matul il-perijodu ta’ tliet snin minn meta nħoloq id-dejn doganali inizjali stabbilit fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, persuna taxxabbli għandha, bħala operatur ekonomiku, taċċetta r-riskju, u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tipproteġi lilha nnifisha, li l-awtoritajiet doganali jirrevedu d-deċiżjoni tagħhom dwar id-dejn doganali billi jieħdu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li huma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom iktar tard wara l-kontrolli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lagura Vermögensverwaltung, C‑438/11, EU:C:2012:703, punt 30). |
42 |
Minn dan isegwi, b’mod ġenerali, li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludix, b’mod ġenerali, li l-awtoritajiet doganali jipproċedu għal reviżjonijiet jew għal kontrolli ulterjuri wara r-rilaxx u li jisiltu l-konsegwenzi fis-sens tal-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali. |
43 |
Fit-tielet lok, għandu madankollu jiġi osservat li dejjem huwa possibbli għal persuna taxxabbli li tipprekludi teħid inkunsiderazzjoni wara r-rilaxx tad-dazji doganali taħt il-kundizzjonijiet speċifiċi u kumulattivi previsti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li għandu l-għan li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli fir-rigward tal-mertu tal-elementi kollha li huma involuti fid-deċiżjoni li jiġu rkuprati jew le d-dazji doganali (ara s-sentenza Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punti 30 u 31). |
44 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aspettattivi leġittimi tal-persuna taxxabbli għandhom biss il-protezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni jekk huma l-awtoritajiet kompetenti “stess” li ħolqu l-bażi li fuqha tistrieħ din l-aspettattiva. Għalhekk, huma biss l-iżbalji ġejjin minn aġir attiv tal-awtoritajiet kompetenti li jagħtu dritt għan-nuqqas ta’ irkupru wara r-rilaxx tad-dazji doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Mecanarte, C‑348/89, EU:C:1991:278, punti 19 u 23, u Agrover, C‑173/06, EU:C:2007:612, punt 31). |
45 |
Tali sitwazzjoni madankollu ma tidhirx, wara stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, li hija l-każ fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali peress li, b’mod partikolari, skont il-fatti kif deskritti minn din il-qorti, il-proċedura ta’ reviżjoni ġiet irrepetuta wara informazzjoni dwar iċ-ċertifikat tal-oriġini, f’dan il-każ li kienet ġejja minn rapport tal-OLAF, li ma kinitx magħrufa mill-awtoritajiet doganali fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kontroll wara r-rilaxx inizjali. |
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi għandha tkun li l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrestrinġi l-possibbiltà ta’ l-awtoritajiet doganali li jirrepetu reviżjoni jew kontroll wara r-rilaxx u li minnu jisiltu l-konsegwenzi billi jistabbilixxu dejn doganali ġdid, sa fejn din ir-restrizzjoni tirreferi għal perijodu ta’ tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali inizjali, fatt li għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 78(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrestrinġi l-possibbiltà ta’ l-awtoritajiet doganali li jirrepetu reviżjoni jew kontroll wara r-rilaxx u li minnu jisiltu l-konsegwenzi billi jistabbilixxu dejn doganali ġdid, sa fejn din ir-restrizzjoni tirreferi għal perijodu ta’ tliet snin mid-data ta’ meta nħoloq id-dejn doganali inizjali, fatt li għandu jiġi mistħarreġ mill-qorti tar-rinviju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.