Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0404

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    Kawża mressqa minn Marie Matoušková, en qualité de commissaire judiciaire.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Nejvyšší soud České republiky.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 1(1)(b) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni bejn il-konjuġi tal-persuna mejta u t-tfal minorenni tagħha, irrappreżentati minn tutur ad litem — Klassifikazzjoni — Neċessità ta’ approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-qorti — Miżura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura dwar is-suċċessjonijiet.
    Kawża C-404/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:653

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 1(1)(b) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni bejn il-konjuġi tal-persuna mejta u t-tfal minorenni tagħha, irrappreżentati minn tutur ad litem — Klassifikazzjoni — Neċessità ta’ approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-qorti — Miżura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura dwar is-suċċessjonijiet”

    Fil-Kawża C‑404/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2014, fil-proċeduri mibdija minn

    Marie Matoušková, bħala Kummissarju tal-qorti fil-proċedura ta’ suċċessjoni,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Thomannová-Körnerová, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) u (3)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mibdija minn M. Matoušková, bħala Kummissarju tal-qorti fil-proċedura ta’ suċċessjoni, intiża li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni sabiex jiġi approvat il-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż mit-tutur ad litem tat-tfal minorenni f’isimhom.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 2201/2003

    3

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

    [...]

    b)

    l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

    2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

    [...]

    b)

    kuratura, tutela w istituzzjonijiet simili;

    ċ)

    in-nomina u l-funzjonijiet ta’ xi persuni jew korp li għandhom l-inkarigu ta’ l-minuri jew ta’ l-proprjetà, ir-rappreżentanza jew l-għajnuna ta’ l-minuri;

    [...]

    e)

    il-miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni u l-ħelsien ta’ l-proprjetà tagħhom.

    3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    [...]

    f)

    il-fondi fiduċjarji jew ta’ suċċessjoni;

    [...]”

    4

    Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    [...]

    7)

    il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

    8)

    il-kliem ‘min għandu r-responsabilità ta’ l-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabilità ta’ l-ġenituri fuq il-minuri;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 8 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.”

    6

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni [...] dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni […]

    […]

    3.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ukoll il-ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri fi proċedimenti minn barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 fejn:

    a)

    il-minuri għandhom konnessjoni sostanzjali ma’ dak l-Istat Membru, u partikolarment bis-saħħa ta’ l-fatt li bejn wieħed minn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità huwa/hija abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru jew lil-minuri huma ċittadini ta’ dak l-Istat Membru;

    u

    b)

    il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-ahjar interess għall-minuri.”

    Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012

    7

    Il-premessa 9 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, p. 107), hija fformulata kif ġej:

    “Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jestendi għall-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, jiġifieri kull forma ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, sew jekk permezz ta’ trasferiment volontarju taħt trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato.”

    8

    Skont l-Artikolu 1(2)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament:

    “Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

    a)

    l-istatus ta’ persuni fiżiċi, kif ukoll relazzjonijiet ta’ familja u relazzjonijiet meqjusin mil-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet bħala li għandhom effetti komparabbli;

    b)

    il-kapaċità ġuridika tal-persuni fiżiċi, mingħajr preġudizzju għall-punt (c) tal-Artikolu 23(2) u għall-Artikolu 26;

    [...]”

    9

    L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

    “1.   Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 [tal-istess regolament] għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

    2.   Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

    [...]

    c)

    il-kapaċità ta’ persuna li tiret

    [...]”

    10

    L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Validità sostantiva tat-trasferimenti causa mortis”, jipprovdi:

    “1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 24 u 25 l-elementi li ġejjin għandhom jappartjenu għall-validità sostantiva:

    a)

    il-kapaċità tal-persuna li tagħmel it-trasferiment causa mortis li tagħmel tali trasferiment;

    […]”

    11

    Peress li dan ir-regolament, konformement mal-Artikolu 84 tiegħu, japplika mis-17 ta’ Awwissu 2015, huwa ma japplikax ratione temporis fil-kawża prinċipali.

    Id-dritt Ċek

    12

    L-Artikolu 179 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

    “Fil-każ li l-validità ta’ att legali mwettaq f’isem minorenni jirrikjedi l-approvazzjoni ta’ qorti, din tal-aħħar tagħti l-approvazzjoni tagħha jekk din hija fl-interess tal-minorenni.”

    13

    Bis-saħħa tal-Artikolu 28 tal-Kodiċi Ċivili, fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013, ir-rappreżentant legali jwettaq, f’isem it-tfal, l-atti kollha għall-amministrazzjoni tal-proprjetajiet tagħhom. Madankollu, għall-atti legali li jirrigwardaw id-dispożizzjoni tal-proprjetajiet li ma jaqgħux taħt l-amministrazzjoni preżenti, huwa għandu jikseb l-approvazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

    14

    Skont l-Artikolu 36(1) tal-Liġi Nru 94/1963 dwar il-familja, fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013, “il-ġenituri jirrappreżentaw lit-tfal fl-atti legali li fil-konfronti tagħhom dawn tal-aħħar ma għandhomx il-kapaċità sħiħa”.

    15

    Konformement mal-Artikolu 37(1) ta’ din il-liġi, l-ebda wieħed mill-ġenituri ma jista’ jirrappreżenta lit-tfal tiegħu jekk l-atti legali jirrigwardaw kawżi fejn jista’ jinqala’ kunflitt ta’ interessi bejn il-ġenituri u t-tfal, jew bejn it-tfal tal-istess ġenituri.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16

    Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ April 2010, Městský soud v Brně (il-qorti tal-belt ta’ Brno) nediet proċedura ta’ suċċessjoni ta’ G. Martinus, li mietet fit-8 ta’ Mejju 2009 fil-Pajjiżi l-Baxxi. M. Matoušková, nutara, ġiet inkarigata, bħala Kummissarju tal-qorti fil-proċedura ta’ suċċessjoni. Hija kkonstatat li l-persuna mejta kienet ċittadina Ċeka, residenti fid-data tal-mewt tagħha f’Brno (ir-Repubblika Ċeka). Ir-raġel tagħha u t-tfal minorenni tagħhom (iktar ’il quddiem il-“werrieta”) kienu jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    17

    Sabiex jiġi evitat kunflitt ta’ interessi eventwali bejn il-werrieta, Městský soud v Brně (il-qorti tal-belt ta’ Brno) ħatret, konformement mad-dispożizzjonijiet Ċeki, tutur ad hoc sabiex jirrappreżenta l-interessi tat-tfal minorenni. Il-parteċipanti fil-proċedura ddikjaraw li ma kienet għaddejja l-ebda proċedura ta’ suċċessjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    18

    Fl-14 ta’ Lulju 2011, il-werrieta kkonkludew ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni. Permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2011, Městský soud v Brně (il-qorti tal-belt ta’ Brno) stabbilixxiet il-valur normali tal-patrimonju tal-persuna mejta, l-ammont tad-dejn u l-valur nett tas-suċċessjoni.

    19

    Fit-2 ta’ Awwissu 2012, fil-kuntest tal-proċedura ta’ suċċessjoni notarili, il-konjuġi tal-persuna l-mejta ppreżenta bħala fatt ġdid, li l-persuna deċeduta, fil-mument tal-mewt tagħha, fil-verità kellha r-residenza tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Repubblika Ċeka kellha biss residenza rreġistrata li ma kinitx tikkorrispondi għar-realtà. Barra minn hekk, huwa informa li proċedura ta’ suċċessjoni kienet diġà bdiet fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżenta ċertifikat f’dan is-sens, bid-data tal-14 ta’ Marzu 2011.

    20

    Il-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni ġie ppreżentat minn M. Matoušková lill-qorti tat-tutela, peress li żewġ persuni parti mill-imsemmi ftehim kienu tfal minorenni.

    21

    L-imsemmija qorti tat-tutela, mingħajr ma ħadet deċiżjoni dwar il-mertu, irrinvijat il-fajl lil M. Matoušková minħabba l-fatt li t-tfal minorenni kienu ilhom jirrisjedu barra mir-Repubblika Ċeka, filwaqt li indikat li ma segħetx tiddikjara lilha nnifisha nieqsa mill-kompetenza, u lanqas tirrinvija l-kawża quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) sabiex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni territorjali.

    22

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, M. Matoušková marret direttament quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), fl-10 ta’ Lulju 2013, fejn talbitha taħtar il-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali sabiex tapprova l-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    23

    Din il-qorti tqis li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regolament Nru 2201/2003 hija neċessarja sa fejn l-approvazzjoni inkwistjoni hija miżura intiża għall-protezzjoni tal-interessi tal-minorenni u tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Madankollu, tali miżura, adottata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni, tista’ wkoll tiġi kklassifikata bħala miżura dwar is-suċċessjonijiet u, bħala tali, tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 1(3)(f) tiegħu.

    24

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Meta t-tutur ta’ minuri [minorenni] jikkonkludi, f’isem il-minuri, ftehim ta’ suċċessjoni li jeħtieġ [l-]approvazzjoni ta’ qorti sabiex ikun validu, ikun hemm inkwistjoni, mill-perspettiva tal-qorti, miżura fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b), jew miżura fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tar-Regolament [...] Nru 2201/2003 [...]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    25

    Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehim konkluż bejn il-werrieta ma huwiex ftehim dwar suċċessjoni futura, iżda jikkostitwixxi ftehim dwar it-tqassim ta’ suċċessjoni diġà miftuħa.

    26

    Għalhekk, hemm lok li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob, jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur f’isem it-tfal minorenni tikkostitwixxix miżura dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jew jekk tali proċedura tikkostitwixxix miżura dwar is-suċċessjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tal-imsemmi regolament, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    27

    Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li M. Matoušková, bħala Kummissarju tal-qorti fil-proċedura ta’ suċċessjoni, bdiet il-proċedura għall-approvazzjoni tal-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni quddiem il-qorti tat-tutela minħabba l-fatt li dan il-ftehim ġie konkluż mit-tutur f’isem it-tfal minorenni, li għandhom kapaċità legali limitata u li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fid-dritt Ċek, jistgħu jwettqu biss atti legali adattati għall-maturità intellettwali u psikoloġika tagħhom li tikkorrispondi għall-età tagħhom. L-atti legali l-oħra jitwettqu, f’isem il-minorenni, mir-rappreżentanti legali tagħhom.

    28

    Għalhekk, l-approvazzjoni tal-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni hija miżura meħuda fid-dawl tal-kapaċità legali tal-minorenni, li hija intiża tipproteġi l-aħjar interessi tat-tfal u li hija meħtieġa, skont id-dritt Ċek, għall-atti legali dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetajiet li ma jaqgħux taħt l-amministrazzjoni preżenti.

    29

    Tali miżura tirrigwarda direttament il-kapaċità legali tal-persuna fiżika (ara, b’analoġija, is-sentenza Schneider, C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 26) u taqa’, min-natura tagħha, fil-kuntest ta’ azzjoni li l-għan tagħha huwa li tissodisfa l-bżonnijiet ta’ protezzjoni u assistenza tat-tfal minorenni.

    30

    Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kapaċità legali u l-kwistjonijiet ta’ rappreżentanza b’rabta ma’ din għandhom jiġu deċiżi skont l-istandards tagħhom stess u ma għandhomx jitqiesu li huma domandi preliminari dipendenti fuq l-atti legali marbuta magħhom. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-ħatra ta’ tutur għat-tfal minorenni u l-verifika tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu huma tant marbuta flimkien li ma huwiex xieraq li jiġu applikati regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti, li jinbidlu skont l-att legali inkwistjoni.

    31

    Konsegwentement, il-fatt li l-approvazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntalbet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni ma jistax jitqies li huwa determinanti sabiex din il-miżura taqa’ taħt id-dritt tas-suċċessjonijiet. In-neċessità tal-ksib ta’ approvazzjoni tal-qorti tat-tutela hija konsegwenza diretta tal-istat u tal-kapaċità tat-tfal minorenni u tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tat-tfal marbuta mal-amministrazzjoni, mal-konservazzjoni u mal-ħelsien tal-proprjetà tagħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u (2)(e) tar-Regolament Nru 2201/2003.

    32

    Tali interpretazzjoni hija kkorraborata mir-rapport ta’ P. Lagarde dwar il-Konvenzjoni tad-Den Haag tal-1996 fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, fejn il-kamp ta’ applikazzjoni materjali jikkorrispondi, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, għal dak tar-Regolament Nru 2201/2003. Filwaqt li jiġi espost li s-suċċessjonijiet għandhom, bħala prinċipju, jiġu esklużi minn din il-konvenzjoni, dan ir-rapport jenfasizza li, għalkemm il-leġiżlazzjoni li tirregola d-dritt tas-suċċessjonijiet tipprovdi għal intervent ta’ rappreżentant legali tat-tfal werrieta, dan ir-rappreżentant għandu jinħatar b’applikazzjoni tar-regoli tal-imsemmija konvenzjoni, fejn każ bħal dan jaqa’ fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

    33

    Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mir-Regolament Nru 650/2012, mhux applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, li kien adottat sabiex ikopri, konformement mal-premessa 9 tiegħu, l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tas-suċċessjoni għall-patrimonju ta’ persuna deċeduta, u fejn l-Artikolu 1(2)(b) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kapaċità legali tal-persuni fiżiċi. Dan ir-regolament jirregola, fil-fatt, unikament l-aspetti li jirrigwardaw speċifikament il-kapaċità li persuna tiret, skont l-Artikolu 23(2)(c) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kapaċità tal-persuna li tagħmel it-trasferiment causa mortis li tagħmel tali trasferiment, konformement mal-Artikolu 26(1)(a) tal-imsemmi regolament.

    34

    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 u tar-Regolament Nru 650/2012 hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tendenza tevita kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti f’dawn it-testi u kull lakuna legali (ara, b’analoġija, is-sentenza Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) staqsiet ukoll jekk l-aħjar interessi tat-tfal jkunux kompromessi mit-tqassim tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjoni ta’ suċċessjoni bejn żewġ Stati Membri differenti, minn naħa, dak tal-ftuħ tal-proċedura ta’ suċċessjoni u, min-naħa l-oħra, dak tar-residenza abitwali tat-tfal, prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

    36

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ukoll ġurisdizzjoni dwar kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fil-proċeduri differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu meta, minn naħa, it-tfal ikollhom rabta mill-qrib ma’ dan l-Istat Membru minħabba l-fatt li, b’mod partikolari, wieħed mill-persuni li għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri għandu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk jew it-tfal huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tagħhom kienet ġiet aċċettata espressament jew bi kwalunkwe mod ieħor inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data ta’ meta tressqet il-kawża quddiem il-qorti u din il-ġurisdizzjoni hija fl-aħjar interess tat-tfal.

    37

    Fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jista’ jservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża dwar is-suċċessjoni biex jiġi approvat il-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni minkejja l-fatt li din il-qorti ma hijiex dik tar-residenza abitwali tat-tfal, sa fejn ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq jiġu ssodisfatti.

    38

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur tat-tfal minorenni f’isimhom tikkostitwixxi miżura dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u mhux miżura dwar is-suċċessjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tal-imsemmi regolament, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur tat-tfal minorenni f’isimhom tikkostitwixxi miżura dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u mhux miżura dwar is-suċċessjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tal-imsemmi regolament, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

    Top