Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0399

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016.
    Grüne Liga Sachsen eV e.a. vs Freistaat Sachsen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Bundesverwaltungsgericht.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) sa (4) - Inklużjoni ta’ sit fil-lista ta’ żoni ta’ importanza Komunitarja wara l‑awtorizzazzjoni ta’ proġett, iżda qabel l-implementazzjoni tiegħu - Eżami tal‑proġett a posteriori tal-inklużjoni tas-sit fl-imsemmija lista - Rekwiżiti għal dan l-eżami - Konsegwenzi tat-twettiq tal-proġett għall-għażla ta’ alternattivi.
    Kawża C-399/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:10

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    14 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 92/43/KEE — Artikolu 6(2) sa (4) — Inklużjoni ta’ sit fil-lista ta’ żoni ta’ importanza Komunitarja wara l-awtorizzazzjoni ta’ proġett, iżda qabel l-implementazzjoni tiegħu — Eżami tal-proġett a posteriori tal-inklużjoni tas-sit fl-imsemmija lista — Rekwiżiti għal dan l-eżami — Konsegwenzi tat-twettiq tal-proġett għall-għażla ta’ alternattivi”

    Fil-Kawża C‑399/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Awwissu 2014, fil-proċedura

    Grüne Liga Sachsen eV et

    vs

    Freistaat Sachsen,

    fil-preżenza ta’:

    Landeshauptstadt Dresden,

    Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Grüne Liga Sachsen eV et, minn M. Gellermann, avukat,

    għall-Freistaat Sachsen, minn F. Fellenberg, avukat,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u G. Wilms, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Settembru 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva “Habitats”).

    2

    Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Grüne Liga Sachsen eV (iktar ’il quddiem “Grüne Liga Sachsen”) et u Freistaat Sachsen (Land ta’ Sachsen) dwar deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet meħuda mill-awtoritajiet ta’ din tal-aħħar għall-bini ta’ pont fuq ix-xmara Elbe għall-Dresden (il-Ġermanja).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-ewwel premessa tad-Direttiva “Habitats” tipprevedi:

    “[...] l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità, kif jidher fl-Artikolu [191 TFUE]”.

    4

    It-tielet premessa ta’ din id-direttiva tiddikjara s-segwenti:

    “[...] l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; [...] l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani”.

    5

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Habitat” jipprevedi li:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    k)

    ‘sit ta’ importanza għall-Komunità’ tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

    [...]

    l)

    żona speċjali ta’ konservazzjoni [SIK] tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

    [...]”

    6

    L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li:

    “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

    [...]”

    7

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Habitats” jipprevedi li l-istati membri jipproponu l-lista ta’ siti msemmija f’din id-dispożizzjoni abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III (stadju I) ta’ din id-direttiva u tal-informazzjoni xjentifika rilevanti.

    8

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, il-lista tas-siti proposti għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni Ewropea, fit-tliet snin sussegwenti għan-notifika tal-istess direttiva, kontemporanjament għall-informazzjoni dwar kull sit.

    9

    Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “Habitats”, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-SIK li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew iktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ prijorità jew l-ispeċi ta’ prijorità.

    10

    L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “Habitats” hija redatta kif ġej:

    “Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

    11

    L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

    4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

    Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

    Id-dritt Ġermaniż

    12

    L-Artikolu 80 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva (Verwaltungsgerichtsordnung) jipprevedi:

    “(1)   il-kontestazzjoni u r-rikors għal annullament għandhom effett li jissospendu. [...]

    (2)   Huma ma għandhomx effett sospensiv biss meta

    [...]

    3.

    fil-każijiet l-oħra previsti mid-dritt federali jew mid-dritt reġjonali, permezz ta’ liġi reġjonali [...]

    [...]

    (5)   Il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża fuq il-mertu tista’, meta mitluba, tordna s-sospensjoni totali jew parzjali fil-każijiet previsti fil-paragrafu 2(1) sa (3), [...]

    [...]”

    13

    L-Artikolu 39 tal-Liġi dwar it-toroq tal-Land ta’ Sachsen (Sächsisches Straßengesetz), intitolat “Approvazzjoni tal-ippjanar”, jippreskrivi, fil-paragrafu 10 tiegħu:

    “Ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet [...] ma għandux effett sospensiv.”

    14

    L-Artikolu 22b (1) sa (3) tal-Liġi tal-Land ta’ Sachsen dwar il-protezzjoni tan-natura (Sächsisches Naturschutzgesetz) fil-verżjoni tagħha tal-11 ta’ Ottubru 1994, li tittrasponi l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”, jipprevedi essenzjalment li, qabel kull awtorizzazzjoni jew implementazzjoni ta’ proġett, għandha ssir evalwazzjoni xierqa ta’ dawn l-effetti fuq is-SIK jew is-siti Ewropej tal-protezzjoni tal-għasafar fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn is-siti. Jekk mill-evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti fuq is-sit intiża mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jirriżulta li l-proġett jista’ jikkawża danni serji lil dan is-sit fl-elementi essenzjali tiegħu neċessarji għall-għanijiet ta’ konservazzjoni jew għall-għanijiet ta’ protezzjoni, il-proġett jiġi pprojbit. Permezz ta’ deroga, tali proġett jista jiġi awtorizzat jew implementat biss jekk ikun neċessarju għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi n-natura soċjali jew ekonomika u jekk ma tkunx teżisti soluzzjoni sodisfaċenti oħra li tippermetti li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq mill-proġett fuq sit ieħor li ma jikkawża l-ebda dannu jew dannu inqas gravi.

    15

    Fil-Kapitolu 3.3, il-“Gwida dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien u l-protezzjoni tan-netwerk ekoloġiku ta’ Natura 2000” (“Arbeitshilfe zur Anwendung der Vorschriften zum Aufbau und Schutz des Europäischen ökologischen Netzes Natura 2000”), li l-Awtoritajiet ta’ Sachsen kompetenti f’dan il-qasam huma obbligati li josservaw skont id-Digriet Nru 61-8830.10/6 tal-Ministru tal-Agrikoltura u l-Ambjent tal-Land ta’ Sachsen, tas-27 ta’ Marzu 2003, jindika:

    16

    Permezz tad-Digriet Nru 62-8830.10-6, tat-12 ta’ Mejju 2003, il-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Ambjent tal-Land ta’ Sachsen iddikjara li l-għanijiet ta’ konservazzjoni provviżorja tas-SIK proposti konformement mad-Direttiva “Habitats’ stabbiliti mid-dipartiment responsabbli mill-ambjent u mill-ġeoloġija tal- Land ta’ Sachsen (Sächsisches Landesamt für Umwelt und Geologie) kellhom natura vinkolanti. Dan id-digriet, li kien indirizzat b’mod partikolari lill-awtorità inkarigata bl-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ bini tal-pont imsejjaħ Waldschlößchenbrücke, jispeċifika:

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17

    Fil-25 ta’ Frar 2004, il-presidju tal-gvern ta’ Dresden (Regierungspräsidium Dresden), li issa sar id-direttorat reġjonali ta’ Dresden (Landesdirektion Dresden), li huwa awtorità tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, approva l-pjanijiet ta’ bini tal-pont tat-traffiku msejjaħ Waldschlößchenbrücke li jkopri l-mergħat li jinsabu fil-ġnub tal-Elbe (Elbauen) u l-Elbe fiċ-ċentru tal-belt ta’ Dresden.

    18

    Id-deċiżjoni li tirrigwarda l-approvazzjoni tal-imsemmija pjanijiet, li kienet immedjatament eżegwibbli, kienet ibbażata fuq studju tal-impatt fuq il-flora, il-fawna u l-habitat li sar fix-xahar ta’ Jannar 2003 dwar l-effetti tal-proġett ta’ bini tal-imsemmi pont fuq l-għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni tas-sit imsejjaħ “il-wied tal-Elbe bejn Schöna u Mühlberg” (“Elbtal zwischen Schöna und Mühlberg”).

    19

    Fit-twettiq ta’ dan l-istudju, li kkonkluda l-assenza ta’ impatti negattivi sinjifikattivi jew dejjiema tal-proġett ta’ bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-imsemmi sit, l-awtorità kompetenti kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”. Skont il-provi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmi studju, madankollu, ma jissodisfax l-imsemmija rekwiżiti, iżda jirrappreżenta biss evalwazzjoni preliminari tal-perikli.

    20

    Fil-15 ta’ April 2004, Grüne Liga Sachsen, li hija assoċjazzjoni ta’ konservazzjoni tan-natura intitolata li tagħmel kawża, ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet tal-25 ta’ Frar 2004, li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 80(2) tal-kodiċi tal-proċedura amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tal-Liġi tal-Land ta’ Sachsen dwar it-toroq, ma għandux effett sospensiv. Parallelament ma’ dan ir-rikors, il-Grüne Liga Sachsen ippreżentat talba għal miżuri provviżorji abbażi tal-Artikolu 80(5) tal-kodiċi tal-proċedura amministrattiva bil-għan li tinibixxi l-bidu tax-xogħlijiet.

    21

    Matul ix-xahar ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni inkludiet is-sit tal-wied tal-Elbe bejn Schöna u Mühlberg bħala SIK fil-lista prevista mill-Artikolu 4 tad-Direttiva “Habitats”.

    22

    Permezz ta’ regolament tad-19 ta’ Ottubru 2006, il-presidju tal-belt ta’ Dresden iddikjara l-imsemmi sit, bl-eċċezzjoni tal-mergħat fil-ġnub tal-Elbe li jinsabu fiċ-ċentru tal-belt ta’ Dresden, żona speċjali ta’ konservazzjoni għall-għasafar jew il-habitats tagħhom.

    23

    Ix-xogħlijiet tal-pont tat-traffiku msejjaħ Waldschlößchenbrücke bdew fix-xahar ta’ Novembru 2007 wara li, permezz tad-deċiżjoni tat-12 Novembru 2007, is-Sächsisches Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva għolja tal-Land ta’ Sachsen) ċaħdet b’mod definittiv it- talba għal miżuri provviżorji mressqa mill-Grüne Liga Sachsen.

    24

    Permezz ta’ deċiżjoni addizzjonali u li temenda tal-14 ta’ Ottubru 2008, id-direttorat reġjonali ta’ Dresden wettaq evalwazzjoni ġdida limitata għall-effetti indotti mill-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħha huwa li jivverifika, inizjalment, jekk il-proġett jistax jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” u, it-tieni nett, jekk ir-rekwiżiti ta’ deroga skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jiġu sodisfatti f’dak li jirrigwarda l-effetti negattivi identifikati fuq ċerti habitats u fuq ċerti speċi. Din l-evalwazzjoni kellha bħala riżultat l-awtorizzazzjoni tal-imsemmi proġett mill-proċedura ta’ deroga prevista fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva permezz ta’ miżuri addizzjonali.

    25

    Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, is-Sächsisches Oberverwaltungsgericht (qorti amministrattiva għolja tal-Land ta’ Sachsen) ċaħdet ir-rikors għal annullament tal-15 ta’ April 2004 ta’ Grüne Liga Sachsen.

    26

    L-imsemmija assoċjazzjoni appellat quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali).

    27

    Matul is-sena 2013, ix-xogħlijiet ta’ bini tal-imsemmi pont tlestew. Dan tal-aħħar infetaħ għat-traffiku fl-istess sena.

    28

    Il-qorti tar-rinviju tqis essenzjalment li d-deċiżjoni tal-kawża quddiemha tippreżumi minn qabel li għandha ssolvi l-kwistjoni ta’ taħt liema ċirkustanzi proġett li jkun ġie awtorizzat qabel l-inklużjoni tas-sit ikkonċernat fil-lista tas-SIK għandu jiġi eżaminat mill-ġdid a posteriori ta’ dawn l-effetti, konformement għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, u liema kriterji għandhom għalhekk jiġu applikati. Hija tispjega li dawn il-preċiżazzjonijiet huma neċessarji għaliha sabiex tivverifika l-legalità tal-proċedura addizzjonali mwettqa matul is-sena 2008.

    29

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Habitats”) għandu jiġi interpretat fis-sens li proġett ta’ kostruzzjoni ta’ pont, li ma jservix direttament il-ġestjoni ta’ sit u li ġie awtorizzat qabel l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista ta’ siti ta’ interess Komunitarju, għandu jkun suġġett għal eżami mill-ġdid tal-effetti tiegħu qabel l-implementazzjoni tiegħu jekk is-sit ikun ġie inkluż f’din il-lista wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni iżda qabel l-implementazzjoni tal-proġett u tkun sempliċement twettqet evalwazzjoni tar-riskji/eżami preliminari qabel ma tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1:

    L-awtorità nazzjonali hija marbuta tikkonforma ruħha mar-regoli tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva Habitats waqt l-eżami mill-ġdid a posteriori, fil-każ li tkun tixtieq tibbaża ruħha, bħala miżura preventiva, fuq dawn id-dispożizzjonijiet waqt l-evalwazzjoni tar-riskji/eżami preliminari li titwettaq qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 u ta’ risposta negattiva għad-domanda 2?

    Liema huma r-rekwiżiti li għandhom japplikaw skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats għall-eżami mill-ġdid a posteriori ta’ awtorizzazzjoni mogħtija għal proġett u għal liema data għandu jirreferi dan l-eżami?

    4)

    Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, permezz ta’ emendi adattati tar-rekwiżiti tal-eżami, fil-kuntest ta’ proċedura addizzjonali intiża li tirrimedja żball ikkonstatat fl-eżami mill-ġdid a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Habitats jew ta’ evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva, il-fatt li l-istruttura setgħet tinbena u tkun operabbli peress li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjanijiet kienet direttament infurzabbli, li talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li ma kienx iktar possibbli li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tiġi kkontestata? Fi kwalunkwe każ, dan japplika għal eżami alternattiv, li huwa neċessarju a posteriori, fil-kuntest ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-‘Direttiva Habitats?’”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    30

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit u li ġie awtorizzat wara studju, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, qabel l-inklużjoni tas-sit inkwistjoni fil-lista tas-SIK, għandu jiġi eżaminat, mill-awtoritajiet kompetenti, a posteriori ta’ dawn l-effeti fuq is-sit qabel ma jiġi implementat.

    31

    Sabiex tingħata tweġiba effettiva lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, inizjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” huwiex applikabbli għal-fatti fil-kawża prinċipali. It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk jistax ikun hemm obbligu, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex isir eżami a posteriori tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ proġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    32

    Skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “Habitats”, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu imposti biss fir-rigward ta’ siti li, konformement għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, huma inklużi fil-lista tas-siti magħżula bħala SIK deċiża mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 21 tal-istess direttiva (sentenzi Dragaggi et, C‑117/03, EU:C:2005:16, punt 25, kif ukoll Bund Naturschutz in Bayern et, C‑244/05, EU:C:2006:579, punt 36).

    33

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk proġett ikun ġie awtorizzat qabel l-iskema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva “Habitats” ma ssir applikabbli għas-sit inkwistjoni u li, għalhekk, dan il-proġett ma jkunx ġie suġġett għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, l-eżekuzzjoni tiegħu taqa’ madankollu taħt l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Stadt Papenburg, C‑226/08, EU:C:2010:10, punti 4849, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑404/09, EU:C:2011:768, punti 124125).

    34

    F’dan il-każ, mill-kronoloġija tal-fatti fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-bini tal-pont imsejjaħ Waldschlößchenbrücke twettaq bejn is-snin 2007 u 2013, jiġifieri wara l-inklużjoni tas-sit ikkonċernat fil-lista tas SIK fix-xahar ta’ Diċembru 2004. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi dedott li l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett hija koperta, wara din l-inklużjoni, taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”.

    35

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” jimponix obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jkun ġie approvat qabel l-inklużjoni tas-sit ikkonċernat l-inklużjoni tas-sit ikkonċernat fil-lista tas-SIK, abbażi ta’ studju preliminari tal-perikli mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi kkonstatat li dan l-obbligu ma jistax jiġi dedott mingħajr ekwivoku mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(2).

    36

    Fil-fatt, b’mod differenti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, li jistabbilixxi, permezz tal-formulazzjoni tiegħu, proċedura intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwah b’mod sinjifikattiv, ikun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx se jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit (ara, f’dan is-sens, sentenza Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva ma jipprevedix espressament miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni bħall-obbligu biex jiġu eżaminati jew jiġu eżaminati mill-ġdid l-effetti ta’ pjan jew proġett fuq il-habitats naturali u l-ispeċi.

    37

    Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu ta’ protezzjoni ġenerali li jikkonsisti fit-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu evitati deterjorament u tfixkil li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 38; Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 92, kif ukoll Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 33). Kif ukoll irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-obbligu għandu natura permanenti.

    38

    Fir-rigward tal-proġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li obbligu ta’ kontroll a posteriori ta’ effetti fuq il-pjanijiet jew il-proġetti eżistenti fuq is-sit ikkonċernat jista’ jsir abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punti 5758).

    39

    Madankollu, kif ukoll kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-Konklużjonijiet tagħha, ma jistax ikollu obbligu assolut li jsir kontroll a posteriori.

    40

    Fil-fatt, il-kliem “miżuri xierqa” fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” jimplika li l-Istati Membri jgawdu minn setgħa diskrezzjonali fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    41

    Madankollu, għandu jitfakkar li attività hija konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” biss jekk jiġi ggarantitli hija ma tinvolvi ebda tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni mixtieqa minnha (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza stess ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li attività ekonomika fis-sit protett tista’ tikkawża tfixkil sinjifikattiv għal speċi tikkostitwixxi min-natura tagħha ksur tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, mingħajr ma għandha għalfejn tiġi ppruvata relazzjoni ta’ kawża u effett bejn din l-attività u t-tfixkil sinjifikattiv ikkawżat lill-ispeċi protetta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Konsegwentement, l-eżekuzzjoni ta’ proġett li jista’ jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv u mhux suġġett, qabel ma jiġi awtorizzat, għal evalwazzjoni konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, tista’ titwettaq wara l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK, biss bil-kundizzjoni li tiġi eskluża l-probabbiltà jew ir-riskju ta’ deterjorament tal-habitats jew ta’ tfixil li jolqot lill-ispeċi, li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    44

    Meta tali probabbiltà jew riskju li jistgħu jimmanifestaw ruħhom peress li ma tkunx twettaq, fil-forma ta’ “miżura xierqa” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, eżami a posteriori tal-effetti ta’ pjan jew proġett fis-sit ikkonċernat abbażi tal-aħjar konoxxenzi xjentifiċi, l-obbligu ta’ protezzjoni ġenerali kif inhu msemmi fil-punt 37 ta’ din is-sentenza jissarraf f’obbligu li jiġi effettwat dan l-eżami.

    45

    Il-qorti nazzjonali għandha tivverifika, abbażi tal-provi li jkollha quddiemha u li hija biss għandha tevalwa, jekk evalwazzjoni ġdida ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jaffettwa SIK tikkostitwixxix l-unika miżura xierqa, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, sabiex tiġi evitata l-probabbiltà jew ir-riskju ta’ deterjorament tal-habitats jew ta’ tfixkil li jolqot l-ispeċi, li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit u li ma huwiex awtorizzat, wara studju li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, qabel l-inklużjoni tas-sit inkwistjoni fil-lista tas-SIK, għandu jkun suġġett, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ eżami a posteriori ta’ l-effetti tiegħu fuq dan is-sit jekk dan l-eżami jikkostitwixxi l-unika miżura xierqa sabiex jiġi evitat li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi pjan jew proġett ma toħloqx deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

    Fuq it-tielet domanda

    47

    Permezz tat-tielet mistoqsija tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema rekwiżiti għandhom jiġu issodisfatti mill-eżami a posteriori mwettaq skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” u li jirrigwarda l-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew proġett li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun bdiet wara l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll liema data ried jagħmel riferiment għaliha dan l-eżami.

    48

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, id-danni fuq l-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (sentenza Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq is-sit ikkonċernat għandha titwettaq skont l-imsemmi Artikolu 6(3) timplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, EU:C:2010:114, punt 69; Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 99, kif ukoll Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punti 112113).

    50

    L-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (is-sentenza Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 27).

    51

    Min-naħa l-oħra, il-kliem tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” ma jiddefinixxi ebda kriterju speċifiku għall-implementazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

    52

    Madankollu,, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala assjem koerenti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minn din id-direttiva u li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jiggarantixxu l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sweetman et, C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 32, kif ukoll Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 19).

    53

    Meta l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” jistabbilixxi obbligu ta’ twettiq ta’ eżami a posteriori tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew ta’ proġett, tali eżami għandu jqiegħed lill-awtorità kompetenti f’pożizzjoni li tkun tista’ tiggarantixxi li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi pjan jew l-imsemmi proġett ma joħloqx deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    54

    Għalhekk, jekk eżami a posteriori, abbażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jitwettaq, f’dan il-każ, bħala “miżura xierqa” skont din id-dispożizzjoni, dan l-eżami għandu jiddefinixxi b’mod iddettaljat liema riskji ta’ deterjorament jew tfixkil jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni toħloq l-eżekuzzjoni tal-pjan jew tal-proġett ikkonċernat u jitwettaq konformement għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva.

    55

    Barr minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jistax jiġi eskluż li Stat Membru jkun jista’ jinvoka, b’mod analogu mal-proċedura ta’ deroga previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku u jkun jista’, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jkunu essenzjalment issodisfatti, jawtorizza pjan jew proġett li, sussegwentement, ma tibqax ipprojbita skont il-paragrafu 2 tal-istess l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 156).

    56

    Madankollu, eżami li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” huwa neċessarju f’kull każ fejn, b’mod analogu mal-imsemmi Artikolu 6(4), proġett li huwa inkompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit ikkonċernat għandu jiġi eżegwit għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku prevalenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 114).

    57

    Għalhekk, l-għarfien ta’ dawn l-effetti fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami eventwali ta’ raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku prevalenti u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi fil-fatt jeħtieġ ibbilanċjar fir-rigward tad-danni kkawżati lis-sit mill-pjan jew mill-proġett ikkunsidrat. Minbarra dan, sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, id-danni għall-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni (is-sentenza Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 74).

    58

    Fir-rigward tad-data li għaliha għandu jirreferi eżami a posteriori, bħal dak imsemmi fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva “Habitats”, sit huwa protett biss, skont din id-direttiva mid-data li fiha jkun ġie inkluż fil-lista tas-SIK.

    59

    Għalhekk, kwalunkwe miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi rrelatata ma’ data li tmur lura għal perijodu li fih dan is-sit ma kienx fil-lista tas-SIK.

    60

    Barr minn hekk, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jintlaħaq biss b’mod mhux komplut jekk din il-miżura tkun ibbażata fuq stat ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi billi tipprexxindi minn jew jinħbew l-elementi li jikkawżaw jew jistgħu jkomplu jikkawżaw deterjorament jew tfixkil sinjifikattivi wara d-data tal-inklużjoni tas-sit ikkonċernat fl-imsemmija lista.

    61

    Minn dan isegwi li proċedura ta’ eżami a posteriori ta’ pjan jew ta’ proġett li jista’ jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikattiv, li jkun neċessarju skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha eżistenti fid-data tal-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK kif ukoll tal-effetti kollha li jseħħu jew li jistgħu jseħħu wara l-eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq l-imsemmi sit wara din id-data.

    62

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti,, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, eżami a posteriori tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew ta’ proġett li l-eżekuzzjoni tiegħu bdiet wara l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK, isir neċessarju, dan l-eżami għandi jitwettaq konformement għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha eżistenti fid-data ta’ din l-inklużjoni kif ukoll ta’ kull effett li jseħħ jew li jista’ jseħħ wara l-eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq l-imsemmi sit wara din id-data.

    Fuq it-tieni domanda

    63

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, li minnha jirriżulta li, fir-rigward ta’ eżami a posteriori bħal dak fil-kawża prinċipali, l-awtorità amministrattiva kompetenti hija marbuta bir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    64

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk id-Direttiva “Habitats” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, meta jitwettaq eżami ġdid tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat sabiex tirrimedja żbalji kkonstatati dwar l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa qabel l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK jew li jirrigwarda l-eżami a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, minkejja li l-pjan jew il-proġett ikun ġie diġà eżegwit, ir-rekwiżiti ta’ kontroll magħmul fil-kuntest ta’ eżami bħal dan jistgħu jiġu emendati minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett kienet direttament eżegwibbli, it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma kinitx iktar appellabbli.

    65

    Din il-qorti riedet tkun taf jekk l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti tal-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi jistgħu jiġi emendati minħabba li l-pjan jew il-proġett ikun diġà ġie eżegwit.

    66

    Kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jekk fl-eżami sussegwenti tal-alternattivi, ma kienx possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-pont inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien diġà inbena abbażi ta’ awtorizzazzjoni, l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni tal-approvazzjoni ta’ dan ix-xogħol jimplika mhux biss riskju inkalkolabbli, li apparentement ma kienx mixtieq mil-leġiżlatur, għall-imsemmi xogħol u l-promotur tiegħu, iżda ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi marbuta mat-twettiq a posteriori ta’ alternattiva. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex permissibbli li jistgħux jiġu integrati wkoll fl-eżami tal-alternattivi, l-ispejjeż, l-effetti ekoloġiċi, b’mod partikolari fuq il-habitatx u l-ispeċi protetti skont id-Direttiva “Habitats”, kif ukoll il-konsegwenzi ekonomiċi marbuta mat-tneħħija ta’ xogħol li l-bini tiegħu kien diġà maħsub u implementat.

    67

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, li eżami a posteriori bbażat fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” għandu jissodisfa għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

    68

    Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu emendati biss minħabba l-fatt li x-xogħol inkwistjoni ġie mibni skont deċiżjoni ta’ approvazzjoni direttament eżegwibbli skont id-dritt nazzjonali jew minħabba talba għal miżuri provviżorji bil-għan li jinibixxi l-bidu tax-xogħlijiet hekk awtorizzati tkun ġiet miċħuda u li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma tkunx appellabbli.

    69

    Fil-fatt, kif ukoll kif irrilevat l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, u inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa, kif imfakkar fl-ewwel premessa tad-Direttiva “Habitats”, l-effettività ta’ din tal-aħħar tkun ippreġudikata jekk ir-regoli interni jistgħu jintużaw sabiex inaqqsu n-neċessità tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

    70

    Kif targumenta l-Kummissjoni, eżami ġdid tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew ta’ proġett diġà eżegwit għandu jieħu inkunsiderazzjoni tal-ipoteżi li r-riskji ta’ deterjorament jew ta’ tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, ikunu diġà seħħew minħabba t-twettiq tax-xogħol inkwistjoni. barra dan, dan l-eżami għandu jippermetti li jiġi stabbilit jekk tali riskji jistgħux jikkonkretizzaw rwieħhom jekk l-użu ta’ dan ix-xogħol ikompli.

    71

    Jekk minn dan l-eżami ġdid jirriżulta li l-bini jew l-użu ta’ dan ix-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali diġà ħoloq jew jirriskja li joħloq deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollha effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva “Habitats”, tibqa’ madankollu l-possibbiltà, imsemmija fil-punti 55 sa 59 ta’ din is-sentenza, li jiġi applikat b’mod analogu l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva.

    72

    Konformement għal din l-aħħar dispożizzjoni, fl-ipoteżi fejn, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000 (sentenza Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    73

    Madankollu, kif ġie ripetutament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” għandha, bħala eċċezzjoni għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (sentenza Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi fil-kuntest ta’ applikazzjoni b’mod analoġiku ta l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, għandu jiġi rrilevat li t-tiftix ta’ alternattiva ma tistax tipprexxindi la minn eventwali deterjorament u tat-tfixkil indotti mill-bini u l-użu tax-xogħol inkwistjoni u lanqas tal-benefiċċji eventwali li dan jimplika. Għalhekk, l-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi jeħtieġ li jiġu bbilanċjati l-konsegwenzi ambjentali taż-żamma jew tal-limitazzjoni tal-użu tax-xogħol inkwistjoni, inkluż l-għeluq tiegħu, kif ukoll tad-demolizzjoni tiegħu, minn naħa, u l-interessi pubbliċi importanti li wasslu għall-bini tiegħu, min-naħa l-oħra.

    75

    Fir-rigward ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-alternattivi, inkluża l-possibbiltà ta’ demolizzjoni ta’ xogħol bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li jekk miżura jekk miżura twassal għal riskji ta’ deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, din il-miżura tmur, kif targumenta l-Kummissjoni matul is-seduta, kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni u ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni alternattiva fis-sens tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva.

    76

    Minħabba f’hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk l-ibbilanċjar ta’ interessi u prijoritajiet iwassal għall-konklużjoni li x-xogħol diġà imwettaq għandu jiġi demolit, kull proposta għad-demolizzjoni għandha titqies, hekk kif il-proposta oriġinali li jinbena dan ix-xogħol ġiet meqjusa bħala “pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma huwiex meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikattiv fuqu” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva Habitats, li hija stess għandha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni meħtieġ minn din id-dispożizzjoni qabel ma tkun tista’ titwettaq.

    77

    F’dak li jirrigwarda l-ispiża ekonomika tal-miżuri li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-alternattivi, inkluż dik tad-demolizzjoni tax-xogħol diġà mwettaq, bħal dik invokata mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, bħal ma għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li dan ma huwiex ta’ importanza ugwali għall-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali, tal-flora selvaġġa u tal-fawna selvaġġa mixtieqa mid-Direttiva “Habitats”. Għalhekk, inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, kif imfakkar fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi aċċettat li biss l-ispiża ekonomika ta’ dawn il-miżuri tista’ tkun determinanti għall-għażla ta’ soluzzjonijiet alternattivi skont din id-dispożizzjoni.

    78

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li:

    id-Direttiva “Habitats” għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta jitwettaq eżami ġdid tal-effetti fuq sit bil-għan li jiġu rrimedjati żbalji kkonstatati li jirrigwardaw l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa qabel l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-SIK jew li jirrigwardaw l-eżami a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, minkejja li l-pjan jew il-proġett ikun diġà ġie eżegwit, ir-rekwiżiti ta’ kontroll magħmul fil-kuntest ta’ dan l-eżami ma jistgħux jiġu emendati minħabba l-fatt li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dan il-pjan jew dan il-proġett kienet direttament eżegwibbli, li talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma hijiex appellabbli. Barra dan, l-imsemmi eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(2) li setgħu seħħew minħabba t-twettiq tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni.

    l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti tal-kontroll mwettaq fil-kuntest tal-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi ma jistgħux jinbidlu minħabba l-pjan jew il- proġett ikun diġà ġie eżegwit.

    Fuq l-ispejjeż

    79

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva Tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit u li ma huwiex awtorizzat, wara studju li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, qabel l-inklużjoni tas-sit inkwistjoni fil-lista tas-siti ta’ interess Komunitarju, għandu jkun suġġett, mill-awtoritajiet kompetenti, għal eżami a posteriori tal-effetti tiegħu fuq dan is-sit jekk dan l-eżami jikkostitwixxi l-unika miżura xierqa sabiex jiġi evitat li l-eżekuzzjoni tal-imsemmi pjan jew proġett ma joħloqx deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn ir-rekwiżiti ġewx issodisfatti.

     

    2)

    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ikun meħtieġ eżami a posteriori tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat ta’ pjan jew ta’ proġett li l-eżekuzzjoni tiegħu bdiet wara l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, dan l-eżami għandu jitwettaq konformement għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva. Dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi eżistenti kollha sad-data ta’ din l-inklużjoni kif ukoll kwalunkwe effett li jseħħ jew li jista’ jseħħ wara l-eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq l-imsemmi sit wara din id-data.

     

    3)

    Id-Direttiva 92/43 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta jitwettaq eżami ġdid tal-effetti fuq sit bil-għan li jiġu rrimedjati żbalji kkonstatati li jirrigwardaw l-evalwazzjoni minn qabel imwettqa qabel l-inklużjoni ta’ dan is-sit fil-lista tas-siti ta’ interess Komunitarju jew li jirrigwardaw l-eżami a posteriori skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, minkejja li l-pjan jew il-proġett ikun ġie diġà eżegwit, ir-rekwiżiti ta’ kontroll magħmul fil-kuntest ta’ eżami bħal dan ma jistgħux jiġu emendati minħabba l-fatt, li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett kienet direttament eżegwibbli, li t-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u li din id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma kinitx iktar appellabbli. Barra dan, l-imsemmi eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ deterjorament jew tfixkil li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv, skont l-imsemmi Artikolu 6(2) li eventwalment seħħew minħabba t-twettiq tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni.

    L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti tal-kontroll imwettaq fil-kuntest tal-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi ma jistgħux jinbidlu minħabba l-pjan jew il- proġett ikun diġà ġie eżegwit.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top