EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0381

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ April 2016.
Jorge Sales Sinués u Youssouf Drame Ba vs Caixabank SA u Catalunya Caixa SA (Catalunya Banc S.A.).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n° 9 de Barcelona.
Rinviji għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi bejn negozjanti u konsumaturi – Kuntratti ipotekarji – Klawżola ta’ rata minima – Eżaminazzjoni tal-klawżola għall-finijiet ta’ invalidazzjoni — Proċedura kollettiva – Mandat ta’ inibizzjoni – Sospensjoni tal-proċedura individwali li għandha l-istess suġġett.
Kawżi magħquda C-381/14 u C-385/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:252

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ April 2016 ( *1 )

[test irrettifikat b’digriet tad-29 ta’ Novembru 2016]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi bejn negozjanti u konsumaturi — Kuntratti ipotekarji — Klawżola ta’ rata minima — Eżaminazzjoni tal-klawżola għall-finijiet ta’ invalidazzjoni — Proċedura kollettiva — Mandat ta’ inibizzjoni — Sospensjoni tal-proċedura individwali li għandha l-istess suġġett”

Fil-Kawżi magħquda C‑381/14 u C‑385/14,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE magħmula mill-Juzgado de lo Mercantil no9 de Barcelona (qorti kummerċjali Nru 9 ta’ Barcelona, Spanja), permezz tad-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Ġunju 2014, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 u fit-12 ta’ Awwissu 2014, fil-proċeduri

Jorge Sales Sinués

vs

Caixabank SA (C‑381/14),

u

Youssouf Drame Ba

vs

Catalunya Caixa SA (Catalunya Banc SA) (C‑385/14),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. Sales Sinués, minn D. Cirera Mora u F. Pertínez Vílchez, abogados,

għal Caixabank SA, minn J. Fontquerni Bas, conseil, assistit minn A. Ferreres Comella, abogado,

għal Catalunya Caixa SA, minn J.M. Rodríguez Cárcamo u I. Fernández de Senespleda, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u M. van Beek, bħala aġenti,

[test irrettifikat b’digriet tad-29 ta’ Novembru 2016] wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Jannar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, J. Sales Sinués u Caixabank SA u, min-naħa l-oħra, Y. Drame Ba u Catalunya Caixa SA dwar in-nullità ta’ klawżoli ta’ kuntratti kuntrattwali f’kuntratti ta’ self ipotekarju.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 93/13

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

[...]”

4

l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,[.]”

5

l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[...]”

Id-dritt Spanjol

7

L-Artikolu 43 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili (Ley de enjuiciamiento civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575) jipprovdi:

“[M]eta, sabiex tingħata deċiżjoni fuq is-suġġett tat-tilwima, ikun meħtieġ li tiġi riżolta kwistjoni li hija stess tikkostitwixxi s-suġġett prinċipali ta’ proċedura oħra pendenti quddiem l-istess qorti jew qorti oħra, jekk ikun impossibbli li l-kawżi jingħaqdu, il-qorti tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ digriet, fuq talba taż-żewġ partijiet jew ta’ waħda minnhom u wara li tkun instemgħet il-kontroparti, favur is-sospensjoni tal-kawża fi kwalunkwe stadju qabel ma tingħalaq il-proċedura li tikkonċerna l-kwistjoni preliminari.”

8

L-Artikolu 221 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, dwar l-effetti ta’ sentenzi mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri mressqa minn assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u utenti, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

1a.   Jekk id-deċiżjoni tkun waħda ta’ kundanna pekunjarja, ta’ obbligu ta’ kummissjoni jew ta’ ommissjoni jew ta’ għoti ta’ ħaġa partikolari jew ġenerali, is-sentenza li tilqa’ t-talba għandha tindika individwalment il-konsumaturi u l-utenti li għandhom jitqiesu li huma benefiċjarji tal-kundanna skont il-liġijiet dwar il-protezzjoni tagħhom.

Meta jkun impossibbli li tali konsumaturi u utenti jiġu identifikati individwalment, is-sentenza għandha tistabbilixxi l-informazzjoni, il-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun jista’ jintalab il-ħlas u, skont il-każ, tintalab l-eżekuzzjoni jew l-intervent tal-aħħar, jekk l-assoċjazzjoni rikorrenti tressaq talba f’dan is-sens.

2a.   Jekk il-kundanna jew is-sentenza prinċipali jew unika, joriġinaw mid-dikjarazzjoni tan-natura illeċita jew illegali tal-attività jew tal-aġir partikolari, is-sentenza għandha tindika jekk, skont il-liġi relatata mal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti, id-dikjarazzjoni għandhiex tipproduċi effetti proċedurali li ma humiex limitati għall-persuni li kienu partijiet fil-proċedura inkwistjoni.

3a.   Jekk kien hemm konsumaturi jew utenti partikolari li pparteċipaw fil-proċedura, is-sentenza għandha tinkludi deċiżjoni espressa dwar it-talbiet tagħhom.

[…]”

9

Skont l-Artikolu 222 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili:

“1.   L-awtorità tar-res judicata marbuta ma’ sentenzi finali, kemm jekk jikkonstataw kif ukoll jekk jiċħdu talba, teskludi, skont il-liġi, kwalunkwe proċedura sussegwenti jekk is-suġġett ikun identiku għal dak tal-proċedura li għaliha din tapplika.

2.   L-awtorità tar-res judicata hija marbuta mat-talbiet invokati fit-talba prinċipali u fil-kontrotalba, kif ukoll fil-punti msemmija fl-Artikolu 408(1) u (2) ta’ din il-liġi.

Il-fatti li jseħħu wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tan-noti fil-proċedura li matul tagħha ġew invokati dawn it-talbiet, għandhom jitqiesu li huma ġodda jew differenti, meta mqabbla mal-fondatezza tat-talbiet iċċitati iktar ’il fuq.

3.   L-awtorità tar-res judicata torbot ukoll lill-partijiet fil-proċedura li għaliha tapplika, kif ukoll lill-eredi u lill-aventi kawża tagħhom, u għall-persuni li mingħajr ma jkunu partijiet fil-proċedura, huma d-detenturi ta’ drittijiet li fuqhom hija msejsa l-leġittimazzjoni attiva tal-partijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 ta’ din il-liġi.

[...]

4.   Deċiżjoni li tkun saret res judicata fis-sentenza definittiva li tagħlaq il-proċedura torbot lill-qorti li quddiemha titressaq proċedura sussegwenti, jekk id-deċiżjoni li għandha l-awtorità tar-res judicata tidher, fil-proċedura l-ġdida, bħala preċedent loġiku tas-suġġett ta’ din tal-aħħar, kemm-il darba l-partijiet fiż-żewġ proċeduri huma l-istess jew l-awtorità tar-res judicata tapplika għalihom skont id-dispożizzjonijiet legali.”

10

Il-qorti tar-rinviju tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet proċedurali fis-sens li jimponulha obbligu li tissospendi l-proċeduri li tressqu quddiemha, u li permezz tagħhom ġiet ippreżentata azzjoni individwali minn konsumatur għall-annullament ta’ klawżola inġusta, sakemm tingħata sentenza definittiva fi proċedura mressqa minn assoċjazzjoni li hija debitament awtorizzata tressaq azzjoni kollettiva intiża għat-terminazzjoni tal-użu ta’ klawżola simili.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fl-20 ta’ Ottubru 2005, J. Sales Sinués ikkonkluda kuntratt ta’ novazzjoni ta’ self ipotekarju ma’ Caixabank SA. Il-klawżola ta’ rata minima f’dan il-kuntratt kienet tikkonsisti f’rata ta’ interess nominali annwali ta’ 2.85 %, b’rata massima stabbilita għal 12 %. Fis-7 ta’ Frar 2005, Y. Drame Ba kkonkluda kuntratt ta’ self ipotekarju ma’ Catalunya Caixa SA. Il-klawżola ta’ rata minima f’dan il-kuntratt kienet tikkorrispondi għal rata ta’ 3.75 %, b’rata massima stabbilita għal 12 %.

12

Indipendentement mill-flutwazzjoni tar-rati fis-suq, ir-rati ta’ interess tal-kuntratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma setgħux ikunu inqas mill-perċentwali stabbilit mill-klawżola ta’ rata minima.

13

Peress li J. Sales Sinués u Y. Drame Ba qiesu li l-klawżoli ta’ rata minima ġew imposti fuqhom mill-istabbilimenti bankarji u li joħolqu żbilanċ għad-detriment tagħhom, huma ppreżentaw, separatament, rikors għall-annullament ta’ dawn il-klawżoli quddiem il-qorti tar-rinviju.

14

Qabel ma ġew ippreżentati dawn ir-rikorsi, assoċjazzjoni tal-konsumaturi, l-Adicae (Asociación de Usarios de Bancos Cajas y Seguros), ressqet mandat ta’ inibizzjoni kollettiv kontra 72 stabbiliment bankarju intiż, b’mod partikolari, li jtemm l-użu ta’ klawżoli ta’ rata minima f’kuntratti ta’ self.

15

Fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jitolbu s-sospensjoni tal-proċeduri inkwistjoni sakemm tingħata sentenza definittiva li ttemm il-proċedura kollettiva, li hija kkontestata minn J. Sales Sinués u Y. Drame Ba.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Artikolu 43 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jimponilha l-obbligu li tissospendi l-azzjonijiet individwali li jkunu tressqu quddiemha sakemm l-azzjoni kollettiva tkun wasslet għal sentenza definittiva, b’tali effett sospensiv ikun jimplika subordinazzjoni neċessarja tal-azzjoni individwali għall-azzjoni kollettiva, kemm fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura kif ukoll fir-rigward tal-eżitu tagħha.

17

Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-parteċipazzjoni fl-azzjoni kollettiva hija suġġetta għal diversi restrizzjonijiet, sa fejn il-persuna kkonċernata jkollha, minn naħa, possibbilment tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tal-qorti fejn hija ddomiċiljata u, min-naħa l-oħra, sa fejn il-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet individwalment insostenn tal-azzjoni kollettiva hija ratione temporis.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil Nru°9 ta’ Barcelona (qorti kummerċjali ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Jista’ jiġi kkunsidrat [li l-ordinament ġuridiku Spanjol jipprevedi] [...] mezz jew mekkaniżmu effettiv fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KE?

2)

Sa liema punt dan l-effett sospensiv jikkostitwixxi ostakolu għall-konsumatur, u għalhekk, ksur tal-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva, biex tiġi invokata n-nullità ta’ dawn il-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt tiegħu?

3)

Il-fatt li konsumatur ma jistax jiddistakka ruħu mill-azzjoni kollettiva jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13?

4)

Jew inkella, bil-kontra ta’ dan, l-effett sospensiv tal-Artikolu 43 [tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili] huwa konformi mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 fis-sens li d-drittijiet tal-konsumatur huma kompletament imħarsa minn din l-azzjoni kollettiva, peress li l-ordinament ġuridiku Spanjol jipprevedi mekkaniżmi proċedurali oħra li huma daqstant effettivi għall-ħarsien tad-drittijiet tiegħu, u mill-prinċipju ta’ ċertezza legali?”

19

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2014, il-Kawżi C-381/14 u C-385/14 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lil qorti, li quddiemha tkun tressqet azzjoni individwali ta’ konsumatur intiża li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbtuh ma’ negozjant, li tissospendi awtomatikament tali azzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva dwar azzjoni kollettiva pendenti, imressqa minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi abbażi tal-Artikolu 7(2) intiża, b’mod partikolari, li tipprekludi l-użu, f’kuntratti tal-istess tip, ta’ klawżoli simili għal dawk inklużi fl-azzjoni individwali.

21

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar, preliminarjament, li skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprovdu mezzi adattati u effikaċi sabiex itemmu l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn in-negozjanti u l-konsumaturi. B’mod parallel mad-dritt suġġettiv ta’ konsumatur li jressaq proċeduri quddiem qorti sabiex tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li huwa parti kontraenti tiegħu, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu kontroll tal-klawżoli inġusti inklużi f’kuntratti standard permezz ta’ mandati ta’ inibizzjoni mressqa fl-interess pubbliku minn assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

22

Fir-rigward, minn naħa, tal-azzjoni individwali ta’ konsumatur, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel man-negozjant kemm fir-rigward tal-poter ta’ negozjar kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (ara s-sentenza Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u n-negozjant tista’ biss tiġi kkumpensata b’intervent pożittiv li ma huwiex relatat mal-partijiet tal-kuntratt (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C-40/08, EU:C:2009:615, punt 31).

24

F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali hija marbuta tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali billi tieħu inkunsiderazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura tal-oġġetti u tas-servizzi li għalihom ġie konkluż il-kuntratt u billi tirreferi, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha ta’ dan il-kuntratt jew ta’ kuntratt li fuqu huwa dipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 32).

25

Madankollu, li kieku l-qorti nazzjonali jkollha tikkonstata n-natura inġusta ta’ klawżola, id-dritt għall-protezzjoni effettiva tal-konsumatur ikun jinkludi wkoll il‑fakultà li ma jinvokax id-drittijiet tiegħu, b’mod li l-qorti nazzjonali jkollha tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, l-intenzjoni espressa mill-konsumatur meta, konxju min-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, dan tal-aħħar jindika madankollu li jikkontesta l-esklużjoni tagħha, u għaldaqstant jagħti l-kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni (ara s-sentenza Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35).

26

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, ta’ azzjonijiet imressqa mill-persuni jew mill-organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi enfasizzat li dawn tal-aħħar ma jinsabux f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbla man-negozjant (sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 49).

27

Fil-fatt, mingħajr ma tiġi nnegata l-importanza tar-rwol essenzjali li huma għandhom sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mandat ta’ inibizzjoni bejn tali assoċjazzjoni u negozjant ma huwiex kkaratterizzat mill-iżbilanċ li jeżisti fil-kuntest ta’ rikors individwali li jimplika konsumatur u negozjant (ara s-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 50).

28

Barra minn hekk, tali approċċ differenti huwa kkonfermat mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Mejju 1998, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 43), u mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30), li ssostitwixxih, li jipprovdu li huma l-qrati tal-Istati Membru tal-post tal-istabbiliment jew tad-domiċilju tal-konvenut li għandhom il-ġurisdizzjoni jiddeċiedu dwar mandati ta’ inibizzjonijiet imressqa mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ta’ Stati Membri oħra, fil-każ ta’ ksur intra-Komunitarju tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 51).

29

Għandu jingħad ukoll li n-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-mandati ta’ inibizzjoni, kif ukoll l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull kunflitt individwali konkret, jimplikaw li tali mandati jistgħu jitressqu minkejja li l-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (sentenza Invitel, C-472/10, EU:C:2012:242, punt 37).

30

Madankollu, l-azzjonijiet individwali u kollettivi għandhom, fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, għanijiet u effetti legali differenti, b’mod li r-relazzjoni proċedurali bejn l-iżvolġiment ta’ kull waħda minnhom ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ natura proċedurali relatati, b’mod partikolari, mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u man-neċessità li jiġu evitati deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji, mingħajr ma l-interazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet differenti twassal għad-dgħufija tal-protezzjoni tal-konsumaturi, kif prevista mid-Direttiva 93/13.

31

Fil-fatt, għalkemm din id-direttiva ma hijiex intiża għall-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntest tal-imsemmija azzjonijiet, l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jobbliga madankollu lill-Istati Membri jiżguraw li hemm mezzi adattati u effikaċi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusta fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (sentenza Invitel, C-472/10, EU:C:2012:242, punt 35).

32

F’dan il-kuntest, għandu minn tal-inqas jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-mezzi proċedurali li jirregolaw ir-relazzjoni bejn azzjonijiet kollettivi u azzjonijiet individwali previsti fid-Direttiva 93/13, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi tali regoli, bis-saħħa tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León, C‑413/12, EU:C:2013:800, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward, minn naħa, tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, ma hemm ebda indikazzjoni mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li l-Artikolu 43 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jkun suġġett għal applikazzjoni differenti f’kawżi dwar drittijiet li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali u dawk dwar drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

34

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ li fih tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali trendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħaċ-ċertezza legali u l-awtorità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BBVA, C‑8/14, EU:C:2015:731, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-qorti hija marbuta, skont l-Artikolu 43 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, tissospendi l-azzjoni individwali li tkun tressqet quddiemha sakemm tingħata sentenza definittiva tal-azzjoni kollettiva, li l-eżitu tagħha jista’ possibbilment jiġi applikat għall-azzjoni individwali u, fuq din il-bażi, il-konsumatur ma jistax jinvoka iktar individwalment id-drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 93/13, billi jiddissoċja ruħu minn din l-azzjoni kollettiva.

36

Madankollu, tali sitwazzjoni tista’ tikkomprometti l-effettività tal-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva, fid-dawl tad-differenzi fl-għan u fin-natura tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li huma kkonkretizzati minn dawn l-azzjonijiet kif jirriżulta mill-punti 21 sa 29 tas-sentenza preżenti.

37

Fil-fatt, minn naħa, il-konsumatur huwa inevitabbilment marbut bl-eżitu tal-azzjoni kollettiva, anki jekk ikun iddeċieda li ma jipparteċipax fiha, u l-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 43 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili tipprekludi lil din tal-aħħar milli twettaq l-analiżi tagħha stess taċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha. B’mod partikolari, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża individwali la huma determinanti l-kwistjoni tan-negozjar individwali tal-klawżola allegatament inġusta u lanqas in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

38

Min-naħa l-oħra, il-konsumatur huwa dipendenti, skont l-Artikolu 43 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili kif interpretat mill-qorti tar-rinviju, fuq it-terminu tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja tal-azzjoni kollettiva, li mingħajrha l-qorti nazzjonali ma tistax teżamina f’dan ir-rigward ir-rilevanza tas-sospensjoni tal-azzjoni individwali sakemm tingħata sentenza definittiva tal-azzjoni kollettiva.

39

Għaldaqstant, tali dispożizzjoni nazzjonali tidher li hija inkompleta u insuffiċjenti u ma tikkostitwixxix mezz adattat jew effikaċi sabiex jintemm l-użu ta’ klawżoli inġusti, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13.

40

Dan japplika a fortiori peress li, fid-dritt nazzjonali, jekk konsumatur jixtieq jipparteċipa f’azzjoni kollettiva, huwa jkollu jkun suġġett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, għal restrizzjonijiet marbuta mad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti u mal-motivi li jistgħu jiġu invokati. Barra minn hekk, huwa neċessarjament jitlef id-drittijiet li kienu jingħatawlu f’azzjoni individwali, jiġifieri teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża tiegħu, kif ukoll il-possibbiltà li ssir rinunzja tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ klawżola inġusta, a fortiori jekk ma jkunx jista’ jiddissoċja ruħu mill-azzjoni kollettiva.

41

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li n-neċessità li tiġi ggarantita l-koerenza bejn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma tistax tiġġustifika tali nuqqas ta’ effettività, peress li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-differenza tan-natura bejn stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva u dak fil-kuntest ta’ azzjoni individwali għandha, fil-prinċipju, tipprevjeni r-riskju ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kontradittorji.

42

Barra minn hekk, fir-rigward tan-neċessità li jittaffa’ l-piż tal-qrati, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet suġġettivi rikonoxxuti mid-Direttiva 93/13 lill-konsumaturi ma jistax jiġi kompromess mill-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi lil qorti nazzjonali li quddiemha tressqet azzjoni individwali ta’ konsumatur intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbtu ma’ negozjant, tissospendi awtomatikament tali azzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva ta’ azzjoni kollettiva pendenti, imressqa minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi u fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2), intiża li ttemm l-użu, f’kuntratti tal-istess tip, ta’ klawżoli simili għal dik inkluża fl-imsemmija azzjoni individwali, mingħajr ma r-rilevanza ta’ tali sospensjoni mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkun ressaq azzjoni individwali quddiem il-qorti tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u mingħajr ma l-konsumatur ikun jista’ jiddiżassoċja ruħu mill-azzjoni kollettiva.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi lil qorti nazzjonali li quddiemha tressqet azzjoni individwali ta’ konsumatur intiża għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt li jorbtu ma’ negozjant, tissospendi awtomatikament tali azzjoni sakemm tingħata sentenza definittiva ta’ azzjoni kollettiva pendenti, imressqa minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi u fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2), intiża li ttemm l-użu, f’kuntratti tal-istess tip, ta’ klawżoli simili għal dik inkluża fl-imsemmija azzjoni individwali, mingħajr ma r-rilevanza ta’ tali sospensjoni mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-konsumatur li jkun ressaq azzjoni individwali quddiem il-qorti tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni u mingħajr ma l-konsumatur ikun jista’ jiddiżassoċja ruħu mill-azzjoni kollettiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top