Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0354

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    SC Capoda Import-Export SRL vs Registrul Auto Român u Benone-Nicolae Bejan.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Tribunalul Cluj.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Prodotti f’moviment liberu fil-Ġermanja – Prodotti suġġetti għall-kontrolli ta’ approvazzjoni fir-Rumanija – Ċertifikat ta’ konformità pprovdut minn distributur ta’ Stat Membru ieħor – Ċertifikat meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti – Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku – Inammissibbiltà parzjali.
    Kawża C-354/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:658

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

    6 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Prodotti f’moviment liberu fil-Ġermanja — Prodotti suġġetti għall-kontrolli ta’ approvazzjoni fir-Rumanija — Ċertifikat ta’ konformità pprovdut minn distributur ta’ Stat Membru ieħor — Ċertifikat meqjus bħala insuffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni libera ta’ dawn il-prodotti — Prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku — Inammissibbiltà parzjali”

    Fil-Kawża C‑354/14,

    li għandha bħala suġġett domanda preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

    SC Capoda Import-Export SRL

    vs

    Registrul Auto Român,

    Benone-Nicolae Bejan,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal SC Capoda Import-Export SRL, minn C. Costaş, avocat,

    għal M. Bejan, minnu stess,

    għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu u A. Buzoianu, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae u K. Talabér-Ritz kif ukoll minn G. Wilms, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 31(1) tad-Direttiva Nru 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, p. 1), u 1(1)(t) u (u) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002, tal-31 ta’ Lulju 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 158).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SC Capoda Import-Export SRL (iktar ’il quddiem “Capoda”) u r-Registrul Auto Roman (reġistru Rumen tal-vetturi, iktar ’il quddiem ir-“RAR”) u Benone-Nicolae Bejan dwar is-suġġett tal-kummerċjalizzazzjoni minn Capoda ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għal vetturi bil-mutur.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-Dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2007/46

    3

    Il-premessi 14 u 15 tad-Direttiva 2007/46 jgħidu:

    “(14)

    L-objettiv ewlieni tal-leġislazzjoni rigward l-approvazzjoni dwar il-vetturi hu li jiġi żgurat li vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda li jitqiegħdu fis-suq jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni ambjentali. Dan l-għan m’għandux jiġi mxekkel bl-immuntar ta’ ċerti partijiet jew tagħmir wara li l-vetturi jkunu tqiegħdu fis-suq jew daħlu fis-servizz. Għalhekk, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi żgurat li partijiet jew tagħmir li jistgħu jintramaw fuq il-vetturi u jistgħu jxekklu b’mod sostanzjali t-tħaddim ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, ikunu soġġetti għal kontroll minn qabel minn awtorità tal-approvazzjoni qabel ma dawn jiġu offruti għall-bejgħ. Dawn il-miżuri għandhom jikkonsistu minn dispożizzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw il-ħtiġijiet li dawk il-partijiet jew tagħmir iridu jikkonformaw magħhom.

    (15)

    Dawn il-miżuri għandhom japplikaw biss għal numru limitat ta’ partijiet jew tagħmir [...] Filwaqt li tfassal il-lista [ta’ dawn il-partijiet jew tagħmir], il-Kummissjoni għandha [...] tikkonsulta lill-partijiet interessati fuq il-bażi ta’ rapport u tagħmel minn kollox biex ikun hemm bilanċ ġust bejn ir-rekwiżiti għat-titjib tas-sikurezza fit-toroq u l-ħarsien ambjentali, kif ukoll tal-interessi tal-konsumaturi, tal-manifatturi u tad-distributuri fil-preservazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u tas-sistema, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawk il-vetturi, bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom fil-Komunità.

    Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz tal-partijiet u t-tagħmir maħsuba għall-vetturi approvati skont din id-Direttiva.

    [...]”

    5

    L-Artikolu 3, punt 26, tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-“partijiet jew tagħmir oriġinali” bħala “partijiet jew tagħmir manifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni pprovduti mill-manifattur tal-vettura għall-produzzjoni tal-partijiet jew tagħmir għall-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni. Dan jinkludi partijiet jew tagħmir manifatturati fl-istess linja ta’ produzzjoni bħal dawn il-partijiet jew tagħmir. Huwa preżunt sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju, li partijiet ikunu partijiet oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiċċertifika li l-partijiet huma ta’ kwalità pariġġ għall-komponenti użati fl-assemblaġġ tal-vettura in kwistjoni u ġew manifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura;”

    6

    L-Artikolu 31 tad-Direttiva Nru 2007/46 intitolat “Il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet jew tagħmir li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi essenzjali” jgħid:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ, l-offerta għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ partijiet jew tagħmir, li jistgħu jippreżentaw riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sigurtà tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha, biss jekk dawk il-partijiet jew tagħmir ġew awtorizzati minn awtorità tal-approvazzjoni skont il-paragrafi 5 sa 10.

    2.   Partijiet jew tagħmir suġġett għall-awtorizzazzjoni skont paragrafu 1 għandhom jiddaħħlu fil-lista li trid tiġi stabbilita fl-Anness XIII. [...]

    [...]

    11.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal parti jew tagħmir qabel ma tiġi elenkata fl-Anness XIII. [...]

    12.   Sakemm deċiżjoni dwar jekk parti jew tagħmir għandhiex tiġi inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għadha ma tteħditx, l-Istati Membri jistgħu jżommu dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet jew mat-tagħmir li jistgħu jkunu ta’ riskju sinifikanti għall-funzjonament korrett ta’ sistemi li huma essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha.

    La darba tkun ittieħdet deċiżjoni bħal din, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet jew mat-tagħmir in kwistjoni m’għandhomx jibqgħu validi.

    [...].”

    Ir-Regolament Nru 1400/2002

    7

    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1400/2002 jipprevedi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    [...]

    t)

    ‘Spare parts oriġinali’ tfisser ‘spare parts’ li huma tal-istess kwalità bħala komponenti wżati għall-assemblaġġ ta’ vettura bil-mutur u li huma manifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u standardi ta’ produzzjoni ta’ komponenti jew ‘spare parts’ għall-imsemmija vettura bil-mutur. [...] huwa preżunt, sakemm ma jidhirx il-kuntrarju, li l-partijiet jikkostitwixxu ‘spare parts’ oriġinali jekk il-manifattur tal-partijiet jiċċertifika li l-partijiet jaqblu mal-kwalità tal-komponenti wżati għall-assemblaġġ tal-imsemmija vettura u li ġew mmanifatturati skond l-ispeċifikazzjonijiet u standardi ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vetturi;

    u)

    ‘spare parts ta’ kwalità li taqbel’ tfisser esklussivament li ‘spare parts’ magħmula minn kwalsijasi mpriża li tista’ tiċċertifika f’kull mument li l-partijiet inkwistjoni jaqblu mal-kwalità tal-komponenti li huma jew kienu wżati għall-assemblaġġ tal-imsemmija karozzi;

    [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002:

    “Dan ir-Regolament se jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2010.”

    Id-Dritt Rumen

    9

    L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000 dwar l-approvazzjoni ta’ prodotti u oġġetti ta’ konsum użati għall-vetturi tat-triq u fuq il-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tagħhom fuq is-suq u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 80/2000”), jgħid, fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 8 tiegħu:

    “1.   Il-prodotti u l-oġġetti tal-konsum ġodda, għall-użu f’vetturi tat-triq, jistgħu jiġu introdotti fis-suq u/jew ikkummerċjalizzati biss jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din l-ordinanza.

    2.   Il-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum ġodda, li jaqgħu taħt il-kategorija tal-elementi li jaffettwaw is-sikurezza tat-traffiku, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza tal-enerġija [...] jistgħu jiġu introdotti fis-suq u/jew jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu suġġetti għal proċess ta’ approvazzjoni, skont il-każ.

    [...]

    4.   L-approvazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 2 ssir mill-Kontroll Awtonomu [RAR], korp tekniku speċjalizzat li jaqa’ taħt l-awtorità tal-Ministru tat-Trasport u tal-Infrastruttura [...] fuq il-bażi tat-testijiet magħmula mir-RAR jew tad-dipartimenti tekniċi evalwati mir-RAR.

    5.   L-approvazzjoni tal-prodotti u oġġetti ta’ konsum li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 hija magħmula mir-RAR, fuq il-bażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa mir-RAR jew mis-servizzi tekniċi evalwati mir-RAR.

    [...]

    8.   Il-paragrafi 4 u 5 ma għandhomx japplikaw:

    a)

    għall-prodotti li kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti skont il-Ftehim ta’ Genève;

    b)

    għall-prodotti li kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont id-direttivi/regolamenti tal-Unjoni Ewropea;

    c)

    għall-prodotti oriġinali jew prodotti tal-bdil oriġinali;

    d)

    għall-prodotti u oġġetti ta’ konsum ġodda mmanifatturati esklużivament sabiex jiġu użati minn vetturi maħsuba għall-kompetizzjonijiet sportivi, li ma jkunux intiżi għall-użu fit-traffiku tat-triq. Din l-eċċezzjoni ma tapplikax fil-każ li l-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum inkwistjoni għandhom użu doppju, kemm għall-vetturi maħsuba għall-kompetizzjonijiet sportivi kif ukoll għall-vetturi intiżi għat-traffiku tat-triq.”

    10

    Skont l-Artikolu 1 tad-digriet tal-gvern:

    “Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, il-kliem u l-espressjonijiet elenkati hawn taħt huma ddefiniti kif ġej:

    1.   Prodott – sistema, apparat, parti, komponent jew entità teknika użata għall-manifattura ta’ vettura, sabiex tissostitwixxi wieħed mill-elementi li jeżistu fil-vettura jew għall-assemblaġġ/użu iktar tard fil-vettura approvata. Dan jista’ jkun:

    1.1.

    prodott oriġinali – prodott immanifatturat skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni previsti mill-manifattur tal-vettura għall-manifattura ta’ prodotti użati fl-assemblaġġ tal-vettura inkwistjoni. Dawn il-prodotti jinkludu prodotti manifatturati fl-istess linja ta’ produzzjoni bħall-prodotti inkwistjoni. Sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, jitqies li l-prodotti huma oriġinali meta l-manifattur jiċċertifika li l-prodotti jaqblu mal-livell tal-kwalità tal-prodotti użati għall-assemblaġġ tal-vettura inkwistjoni u jkunu ġew immanifatturati skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards ta’ produzzjoni tal-manifattur tal-vettura.

    [...]”

    11

    L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi digriet tal-gvern jipprevedi:

    “Minħabba l-introduzzjoni fis-suq u/jew il-kummerċjalizzazzjoni, il-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum għandhom ikollhom magħhom id-dokumenti previsti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ”.

    12

    L-Artikolu 6 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000 jgħid:

    “Dawn li ġejjin jikkostitwixxu kontravvenzjonijiet, punibbli kif ġej:

    a)

    in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) [...] ammenda ta’ 1000 sa 5000 lei [(RON) (madwar EUR 227 sa 1135)];

    [...]”

    13

    L-anness tad-deċiżjoni Nru 2135 tat-8 ta’ Diċembru 2005, tal-Ministru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u t-Turiżmu, dwar l-approvazzjoni tar-regolamenti dwar l-approvazzjoni tal-prodotti u l-oġġetti ta’ konsum użati għall-vetturi tat-triq u l-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq, tinkludi Kapitolu II intitolat “Metodoloġija u kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip ta’ prodotti użati f’vetturi tat-triq”. Taħt dan il-kapitolu hemm il-punt 2.1, li jipprevedi:

    “Il-prodotti manifatturati fil-pajjiż jew importati, li huma elenkati fil-lista tal-Kapitolu V, jistgħu jiġu introdotti fis-suq biss jekk dawn kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni mir-RAR. L-approvazzjoni tintalab mill-produtturi, mir-rappreżentanti tagħhom, mill-importaturi jew mid-distributuri. [...]”

    14

    Il-Kapitolu V ta’ dan l-istess anness fih lista ta’ prodotti u oġġetti ta’ konsum li jeħtieġu tali approvazzjoni mir-RAR għall-finijiet tat-tqegħid tagħhom fis-suq. Din il-lista telenka l-elementi użati f’vetturi tat-triq relatati mas-sikurezza tat-traffiku, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effikaċja enerġetika u l-protezzjoni kontra s-serq. Il-Kapitolu V jinkludi punt 5.1.3 li jsemmi il-filtri tal-karburant u fil-punt 5.3.2 il-pompi tal-ilma.

    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15

    Capoda, kumpannija stabbilita fir-Rumanija, tikkummerċjalizza f’dan l-Istat Membru prodotti u partijiet ta’ bdil għat-tiswija, manutenzjoni u l-funzjonament ta’ karozzi, li hija tixtri mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra.

    16

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li wara li saret spezzjoni fil-21 ta’ Ġunju 2011 mir-RAR, din tal-aħħar sabet li din il-kumpannija kienet tikkummerċjalizza pompi tal-ilma u filtri tal-karburant għall-vetturi tat-triq taħt il-kategorija tal-partijiet ta’ bdil li jikkonċernaw is-sikurezza tat-traffiku u l-protezzjoni tal-ambjent, mingħajr ma dawn il-prodotti kienu s-suġġett ta’ approvazzjoni inkonformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, permezz ta’ rapport ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ din il-kontravvenzjoni tat-28 ta’ Ġunju 2011, ir-RAR ikkundanna lil Capoda tħallas RON 2000 lei Rumeni (madwar EUR 454).

    17

    Din il-kumpannija sostniet li dawn il-prodotti kienu mixtrija minn kumpanniji stabbiliti fil-Ġermanja u li kellhom magħhom ċertifikati li jiċċertifikaw li dawn kienu partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1400/2002, imqiegħda f’ċirkulazzjoni libera fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti jiċċertifikaw ukoll li l-prodotti inkwistjoni kienu ġew immanifatturati fl-istess stabbilimenti ta’ produzzjoni bħall-ekwipaġġament oriġinali, u li kienu ġew approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ fejn kienu ġew prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Capoda qieset li, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, dawn il-prodotti għandhom jiġu eżentati mill-obbligu ta’ approvazzjoni tat-tip previst mid-dritt Rumen.

    18

    Capoda adixxiet lill-Judecatoria Cluj-Napoca (qorti tal-prim’istanza ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) b’talba għall-annullament tar-rapport tat-28 ta’ Ġunju 2011. Permezz ta’ sentenza mogħtija fl-2012, din il-qorti laqgħet din it-talba, għaliex qieset li, għalkemm il-partijiet ta’ bdil inkwistjoni jaqgħu taħt il-kategorija ta’ oġġetti li jaffettwaw is-sikurezza tat-traffiku u l-protezzjoni tal-ambjent, li għalihom id-dritt Rumen jeżiġi proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip, huma jistgħu, taħt id-definizzjoni ta’ “partijiet ta’ bdil oriġinali” u “partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti”, prevista fl-Artikolu 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002, jitqiesu li huma prodotti oriġinali fis-sens tal-Artikolu 1, punt 1.1 tad-Digriet tal-Gvern Nru 80/2000. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li dawn il-partijiet ta’ bdil għandhom jiġu eżentati mill-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip inkonformità mal-Artikolu 1(8) ta’ dan id-digriet.

    19

    Aditi fl-appell minn din is-sentenza mir-RAR u mill-uffiċjal li pprepara r-rapport tat-28 ta’ Ġunju 2011, Benone-Nicolae Bejan, it-Tribunalal Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) irriformat is-sentenza u kkonfermat il-validità ta’ dan ir-rapport, għaliex qieset li d-dokumenti pprovduti minn Capoda ma kinux jipprovaw li l-partijiet ta’ bdil ikkontestati kienu ġew approvati mir-RAR u lanqas kienu jiċċertifikaw il-kwalità oriġinali tagħhom, peress li dawn kienu dokumenti ppreparati mid-distributuri u mhux mill-produtturi.

    20

    Fis-26 ta’ Ottubru 2013, it-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) ġie adit minn Capoda b’talba għar-reviżjoni ta’ din is-sentenza. Din il-kumpannija sostniet b’mod partikolari li l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip għall-partijiet ta’ bdil ikkontestati tmur kontra l-moviment liberu tal-merkanzija.

    21

    F’dan il-kuntest, it-Tribunalul Cluj (qorti ġenerali ta’ Cluj) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill‑Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE, l-Artikolu 31(1) tad-[Direttiva 2007/46] u l-Artikolu 1(1)(t) u (u) tar-[Regolament Nru 1400/2002] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 1(2) tal-Ordinanza tal-Gvern Nru 80/2000, sa fejn tistabbilixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni, f’sitwazzjoni fejn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li, għall-moviment liberu (bejgħ, distribuzzjoni) ta’ prodotti u ta’ oġġetti ta’ konsum ġodda li jaqgħu fil-kategorija ta’ prodotti u oġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà fit-toroq, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni kontra s-serq ta’ vetturi tat-triq, huwa meħtieġ li jew il-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant jippreżenta ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat ieħor għall-finijet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni maħruġ mill-manifattur, jew inkella, meta l-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant ma jkunx kiseb tali ċertifikat jew ma jkollux tali ċertifikat, huwa meħtieġ li titwettaq il-proċedura għall-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni quddiem ir-RAR u jinkiseb ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni maħruġ mill-imsemmi RAR, u dan fid-dawl tal-fatt li, anki jekk il-bejjiegħ/id-distributur/in-negozjant ikollu fil-pussess tiegħu ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni tal-partijiet li jkun għaddiehlu d-distributur ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, liema distributur jiddistrubwixxi b’mod liberu l-imsemmija partijiet fit-territorju ta’ tali Stat Membru, dan iċ-ċertifikat jitqies li ma huwiex suffiċjenti sabiex ikunu permessi ċ-ċirkolazzjoni/il-bejgħ/id-distribuzzjoni b’mod liberu tal-merkanzija inkwistjoni?

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikolu 34 TFUE, li jikkonċerna l-kunċett ta’ “miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46 u l-Artikolu 1(1)(t) u (u), tar-[Regolament 1400/2002] jista’ jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, ċertifikat ta’ konformità għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq u/jew tal-kummerċjalizzazzjoni li jkun ingħata mid-distributur ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ prodotti u oġġetti ta’ konsum ġodda li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ prodotti u oġġetti li jikkonċernaw is-sigurtà fit-toroq, il-protezzjoni tal-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-protezzjoni kontra s-serq ta’ vetturi tat-triq, ma huwiex suffiċjenti sabiex jippermetti l-kummerċjalizzazjoni libera ta’ dawn il-prodotti u oġġetti tal-konsum, fid-dawl tal-fatt li dan id-distributur ta’ Stat Membru ieħor jiddistribwixxi b’mod liberu dawn il-partijiet fit-territorju tal-imsemmi [Stat Membru] u l-imsemmi ċertifikat jistabbilixxi li l-partijiet inkwistjoni jistgħu jiġu kkumerċjalizzati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?”

    Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

    22

    Il-Gvern Rumen eċċepixxa l-inammissibbiltà tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002. Minn naħa, huwa jsostni li d-Direttiva 2007/46 twettaq armonizzazzjoni sħiħa tal-qasam li hija tirregola, billi ma tippermettix iktar l-użu tad-dritt primarju. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li r-Regolament 1400/2002 ma kienx baqa’ fis-seħħ fid-data tal-ispezzjoni mwettqa mir-RAR u li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni ma għadhomx jinkludu d-definizzjonijiet li tagħhom il-qorti tar-rinviju qed titlob l-interpretazzjoni.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 25).

    24

    Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 26).

    25

    Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Klarenberg, C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 27).

    26

    F’dan il-każ, ma jistax jiġi validament sostnut li l-Artikolu 34 TFUE manifestament ma għandu l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk ma hemmx bżonn li jiġi interpretat dan l-artikolu, minħabba li d-Direttiva 2007/46 kienet mexxiet armonizzazzjoni sħiħa ma jikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà u għandu jiġi evalwat fil-kuntest tar-risposti għad-domandi preliminari. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Rumen rigward l-Artikolu 34 TFUE ma tistax tintlaqa’.

    27

    Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1400/2002 stabbilixxa, fl-Artikolu 12 tiegħu, id-data ta’ iskadenza tiegħu għall-31 ta’ Mejju 2010. Peress li r-rapport inkwistjoni ġie adottat fit-28 ta’ Ġunju 2011, dan ir-Regolament għaldaqstant ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali. Jista’ wkoll jiġi rrilevat li d-definizzjonijiet li jipprevedi fl-Artikolu 1(1)(t) u (u) tal-partijiet ta’ bdil oriġinali jew tal-partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti ma japplikax f’kull każ għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna biss l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) il-qadim tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-karozzi.

    28

    Għalhekk, id-domandi magħmula, sa fejn jirrigwardaw dan ir-regolament, ma humiex ammissibbli.

    29

    Il-Gvern Rumen iqis ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46 huma ċari u ma jħallu lok għal ebda dubju raġonevoli li tiġġustifika talba għal interpretazzjoni. Peress li argument bħal dan ma jikkostitwixxix motiv ta’ inammissibbiltà ta’ domanda preliminari, għandu jiġi miċħud.

    30

    Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, huwa xieraq li jiġi kkonstatat li d-domandi preliminari huma inammissibbli peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(t) u (u) tar-Regolament Nru 1400/2002.

    Fuq id-domandi preliminari

    31

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikoli 34 TFUE u 31(1) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għal vetturi tat-triq – f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura tal-approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru sakemm ma jintweriex, permezz ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip, li dawn il-prodotti diġà ġew suġġetti għal tali proċedura fi Stat Membru ieħor jew li dawn il-partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, peress li dokument ippreparat f’dan ir-rigward mid-distributur, madankollu ma jitqiesx li huwa suffiċjenti.

    32

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/46 li dan jistabbilixxi mhux biss qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni tal-vetturi kollha ġodda fl-ambitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kif ukoll tas-sistemi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi sabiex jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tagħhom, il-bejgħ tagħhom u t-tqegħid fis-servizz tagħhom fl-Unjoni, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil u tagħmir maħsub għall-vetturi approvati skont din id-direttiva.

    33

    Jidher mil-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawża prinċipali taqa’ taħt it-tieni kategorija ta’ dispożizzjonijiet, ħaġa li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    34

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2007/46 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippermettu l-bejgħ, l-offerta ta’ bejgħ jew it-tqegħid fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil jew tagħmir li x’aktarx jippreżenta riskju serju għall-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew il-prestazzjoni ambjentali biss jekk dawn il- partijiet ta’ bdil jew tagħmir jiġu awtorizzati minn awtorità kompetenti fil-qasam ta’ approvazzjoni skont il-paragrafi 5 sa 10 ta’ dan l-artikolu.

    35

    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 2 u 11 tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2007/46, il-partijiet ta’ bdil jew it-tagħmir li huma s-suġġett tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandhom jidhru fil-lista tal-Anness XIII ta’ din id-direttiva. Issa, hekk kif indikat il-Kummissjoni, din tal-aħħar ma adottat l-ebda lista fil-kuntest ta’ dan l-anness.

    36

    F’dan il-każ, u hekk kif isostnu l-Gvern Rumen u l-Kummissjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-Artikolu 31(12) li jipprevedi li, sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni fuq l-inklużjoni ta’ parti ta’ bdil jew parti minn tagħmir fil-lista fl-Anness XIII ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-partijiet ta’ bdil jew għat-tagħmir li jista’ jippreżenta riskju sinjifikattiv għall-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew tal-prestazzjoni ambjentali tagħha, b’mod li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jibqgħux japplikaw malli tittieħed tali deċiżjoni.

    37

    Din id-dispożizzjoni b’hekk tikkonċerna l-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ partijiet ta’ bdil jew partijiet ta’ tagħmir li, minbarra l-fatt li dawn jidhrux fil-lista fl-Anness XIII tad-Direttiva 2007/46, x’aktarx jippreżentaw riskju sinjifikattiv għall-funzjonament xieraq ta’ sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura li fuqha huma installati jew għall-prestazzjoni ambjentali ta’ din tal-aħħar, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika għal dak li jirrigwarda l-partijiet ta’ bdil fil-kawża prinċipali.

    38

    Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dritt tal-Istat Membru rigward il-bejgħ u t-tqegħid fis-servizz ta’ dawn l-partijiet ta’ bdil, li jsemmi l-Artikolu 31(12) tal-imsemmija direttiva, huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 34 TFUE.

    39

    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kwalunkwe miżura ta’ Stat Membru li x’aktarx tfixkel, direttament jew indirettament attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha titqies li hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dassonville, 8/74, EU:C:1974:82, punt 5, u Juvelta, C‑481/12, EU:C:2014:11, punt 16).

    40

    B’mod partikolari, jirriżulta li, anki fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-prodotti manifatturati u mibjugħa legalment fi Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkunu suġġetti għal kontrolli addizzjonali. Sabiex tiġi ġġustifikata, leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi dawn il-kontrolli għandha topera taħt waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 36 TFUE jew wieħed mir-rekwiżiti imperattivi rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fi kwalunkwe każ, tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dawk li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenzi ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punt 65, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑432/03, EU:C:2005:669, punt 42).

    41

    Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li x’aktarx tkun miżura ta’ effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix ukoll eċċezzjonijiet li għandhom isiru għall-proċeduri biex jiżguraw li l-prodotti legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fi Stati Membri oħra jkunu eżentati.

    42

    Madankollu, jidher ukoll mill-proċess li l-Artikolu 1(8) tad-digriet tal-gvern Nru 80/2000 jipprevedi tali eċċezzjonijiet, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

    43

    Jekk jirriżulta li dan ma jkunx hekk, ikun f’idejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali sabiex juru li dan l-ostakolu jista’ jiġi ġġustifikat, fid-dawl tal-prodotti li x’aktarx ikunu kkonċernati, minħabba għanijiet ta’ protezzjoni tas-sikurezza fit-triq u l-protezzjoni tal-ambjent, li jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza, raġunijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva imperattiva u mhux biss meħtieġa iżda proporzjonata ma’ dawn l-għanijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑150/11, EU:C:2012:539, punti 54 u 55).

    44

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li dokumenti, bħal dawk ipprovduti minn Capoda, ma jitqisux suffiċjenti sabiex jintwera li l-partijiet ta’ bdil bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma diġà approvati jew li huma partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tad-dritt nazzjonali, eżentati, bħala tali, mill-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip mir-RAR, għandu jiġi ppreċiżat li huma l-Istati Membri, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, li jiddeterminaw il-provi li għandhom jiġi prodotti f’dan ir-rigward, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

    45

    Bla ħsara għal dan, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix għalhekk li ċ-ċertifikati maħruġa biss mill-manifattur u mhux mid-distributur li jippermettu fil-prinċipju li juru li huma partijiet ta’ bdil li kienu diġà approvati jew partijiet ta’ bdil oriġinali jew partijiet ta’ bdil ta’ kwalità ekwivalenti, fis-sens tad-dritt nazzjonali. Għandu, barra minn hekk, jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(26) tad-Direttiva 2007/46 li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “partijiet jew tagħmir oriġinali” għall-finijiet ta’ din id-direttiva jipprevedi li hemm preżunzjoni, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, li l-partijiet ta’ bdil huma oriġinali jekk il-manifattur jiċċertifika dan.

    46

    Minn dan isegwi li r-risposta għad-domandi magħmula li l-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva 2007/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq ‑ f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, barra minn hekk, eċċezzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali. Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi rrapportata l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

    Fuq l-ispejjeż

    47

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 34 TFUE u 31(1) u (12) tad-Direttiva Nru 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fi Stat Membru ta’ partijiet ta’ bdil ġodda għall-vetturi tat-triq ‑ f’dan il-każ, pompi tal-ilma u filtri tal-karburant – għall-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip f’dan l-Istat Membru, sakemm din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, barra minn hekk, eċċezzjonijiet li jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil legalment immanifatturati u kkummerċjalizzati fl-Istati Membri l-oħra jkunu eżentati jew, jekk dan ma jsirx, li l-parti ta’ bdil inkwistjoni tkun tali li x’aktarx toħloq riskju serju fil-funzjonament xieraq tas-sistemi essenzjali għas-sikurezza tal-vettura jew għall-prestazzjoni ambjentali tagħha u li din il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tkun strettament meħtieġa u pproporzjonata f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-protezzjoni tas-sikurezza tat-triq jew tal-protezzjoni ambjentali.

     

    Il-kundizzjonijiet li taħthom għandha tiġi prodotta l-prova li dawn il-partijiet ta’ bdil diġà ġew approvati jew jikkostitwixxu partijiet ta’ bdil oriġinali jew ta’ kwalità ekwivalenti, jaqgħu, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, taħt id-dritt tal-Istati Membri, suġġett għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

    Top