EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0349

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal- 21 ta’ Mejju 2015.
Ministre délégué, chargé du budget vs Marlène Pazdziej.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 — Taxxa miġbura favur awtoritajiet lokali mingħand persuni li għandhom proprjetà residenzjali fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar — Limitu massimu — Miżura soċjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-pagi, tas-salarji u tar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-Unjoni Ewropea lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra tagħha.
Kawża C-349/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:338

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Mejju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 — Taxxa miġbura favur awtoritajiet lokali mingħand persuni li għandhom proprjetà residenzjali fit-territorju ta’ dawn tal-aħħar — Limitu massimu — Miżura soċjali — Teħid inkunsiderazzjoni tal-pagi, tas-salarji u tar-remunerazzjonijiet imħallsa mill-Unjoni Ewropea lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra tagħha”

Fil-Kawża C-349/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

Ministre délégué, chargé du budget

vs

Marlène Pazdziej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.‑S. Pilczer, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Vanrie u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche‑Duvieusart u I. Martínez del Peral kif ukoll W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Ministre délégué, chargé du budget, u M. Pazdziej dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tas-salarju li tħallasha l-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuti bħala taxxa miġbura favur kollettivitajiet territorjali, bl-isem ta’ “taxxa fuq il-proprjetà residenzjali”, stabbilita fuq persuni li għandhom, jew igawdu, proprjetà privata għal użu residenzjali fi Franza fl-1 ta’ Jannar tas-sena fiskali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 12 tal-Protokoll jipprovdi:

“L-uffiċjali u impjegati oħra ta’ l-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju ta’ l-Unjoni fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Unjoni, skont il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jaġixxu permezz ta’ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet konċernati.

Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni.”

Id-dritt Franċiż

4

L-Artikolu 1414A tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa Franċiż, fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jiddetermina l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuti bħala taxxa fuq ir-residenza:

“I. Il-persuni taxxabbli minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 1414, li l-ammont ta’ dħul tagħhom fis-sena preċedenti ma jaqbiżx il-limitu previst fit-Taqsima II tal-Artikolu 1417, huma ex officio meħlusa mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali relatata mar-residenza prinċipali tagħhom għall-parti tal-kontribuzzjonijiet tagħhom li taqbeż 3.44 % tad-dħul tagħhom fis-sens tat-Taqsima IV tal-Artikolu 1417, imnaqqsa b’riduzzjoni stabbilita għal:

a.

EUR 5 038 għall-ewwel parti tal-kwozjent familjari, miżjud b’EUR 1 456 għall-ewwel erba’ nofs-ishma u b’EUR 2 575 għal kull nofs-sehem adizzjonali li jibdew jgħoddu mill-ħames nofs-sehem, fi Franza metropolitana;

[...]

II. 1. Għall-applikazzjoni tat-Taqsima I:

a.

Id-dħul ifisser id-dħul tal-unità domestika fiskali tal-persuna taxxabbli li f’isimha tiġi stabbilita t-taxxa;

[...]”

5

L-Artikolu 1417 tal-imsemmi kodiċi jindika l-limiti u l-kalkoli ta’ referenza tat-taxxa tad-dħul:

“[...]

II. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1414 A huma applikabbli għal persuni taxxabbli li l-ammont ta’ dħul tagħhom fis-sena qabel is-sena li għaliha t-taxxa tiġi stabbilita, ma jeċċedix is-somma ta’ EUR 23 224 għall-ewwel parti tal-kwozjent familjari, miżjud b’EUR 5 426 għall-ewwel nofs sehem u b’EUR 4 270 għat-tieni nofs sehem addizzjonali, użati għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul relatat ma’ tali dħul [...].

[...]

IV. 1. Għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-ammont ta’ dħul ifisser l-ammont nett wara l-applikazzjoni eventwali tar-regoli ta’ kwoti stabbiliti fl-Artikolu 163‑0 A ta’ dħul u qligħ kapitali użati sabiex tiġi stabbilita r-rata tat-taxxa fuq id-dħul tas-sena preċedenti.

Dan l-ammont jiżdied:

[...]

c)

bl-ammont ta’ dħul [...] riċevut mill-uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali [...];

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

M. Pazdziej, uffiċjal tal-Unjoni, hija proprjetarja ta’ dar f’Lomme (Franza) mas-sieħeb tagħha, li miegħu hija marbuta b’“unjoni ċivili” taħt il-liġi ċivili Franċiża.

7

Billi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll, ir-remunerazzjoni li tirċievi mill-Unjoni ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul fiskali ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-limitu massimu tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali stabbilita fuq id-dar li hija tokkupa flimkien mas-sieħeb tagħha, hija talbet lill-awtorità fiskali kompetenti l-eżenzjoni awtomatika minn din it-taxxa għas-sena 2010.

8

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Mejju 2013, it-tribunal administratif de Lille (Franza) laqa’ din it-talba.

9

Il-Ministre délégué, chargé du budget appella fil-qorti tal-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija tfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll jeskludu kull taxxa mhux biss diretta, iżda wkoll indiretta, mill-Istati Membri, fuq ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Unjoni.

10

Madankollu, jirriżulta, minn naħa, mis-sentenza Vander Zwalmen u Massart (C‑229/98, EU:C:1999:501) li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li vantaġġ fiskali, li jkun applikabbli b’mod nondiskriminatorju għal familji li jkollhom dħul taħt ċertu ammont, jiġi rrifjutat għal dawk il-familji li tagħhom wieħed mill-konjuġi jkun uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni meta s-salarju ta’ dan tal-aħħar jaqbeż dan l-ammont.

11

Barra minn hekk, konformement mat-tagħlim li ħareġ mis-sentenza Bourges-Maunoury u Heintz (C-558/10, EU:C:2012:418) li kienet tirrigwarda l-mod tad-determinazzjoni tal-ammont massimu tat-taxxa Franċiża ta’ solidarjetà fuq il-ġid, l-Artikolu 12 tal-Protokoll, jipprekludi li tittieħed inkunsiderazzjoni, meta jiġi kkalkolat l-ammont ta’ taxxa dovuta, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u ta’ impjegati oħra tal-Unjoni.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jipprekludu kwalunkwe kunsiderazzjoni għall-kalkolu tad-dħul teoretiku tar-remunerazzjoni riċevuta minn uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni, membru ta’ unità domestika fiskali, peress li din il-kunsiderazzjoni x’aktarx tinfluwenza l-ammont tat-taxxa dovuta mill- unità domestika fiskali, jew għad hemm lok li nkomplu niġbdu l-konsegwenzi tas-sentenza Vander Zwalment u Massart (C-229/98, EU:C:1999:501) fejn il-kunsiderazzjoni ta’ tali remunerazzjoni hija maħsuba biex, fid-dawl tal-applikazzjoni possibbli ta’ miżura soċjali għall-eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa, tagħti riduzzjoni a bażi tal-assessjar, jew, b’mod ġenerali, tagħmel riduzzjoni tat-taxxa, sabiex jivverifikaw jekk id-dħul teoretiku ta’ unità domestika fiskali huwiex jew le anqas mill-limitu definit mill-liġi nazzjonali tat-taxxa għall-għoti tal-benefiċċju — possibilment modulati skont dħul teoretiku ta’ din il-miżura soċjali?”

Fuq id-domanda preliminari

13

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra tagħha għad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuti bħala taxxa fuq il-proprjetà residenzjali favur il-kollettivitajiet territorjali, fid-dawl ta’ eżenzjoni possibbli tagħha.

14

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 12 tal-Protokoll jiżgura tassazzjoni uniformi tal-imsemmija salarji, pagi u emolumenti għall-uffiċjali u impjegati oħra kollha tal-Unjoni, b’mod partikolari, billi jipprekludi li, minn naħa, permezz tal-effett tal-ġbir ta’ taxxi nazzjonali differenti, ir-remunerazzjoni effettiva tagħhom tvarja minħabba n-nazzjonalità jew id-domiċilju tagħhom u, min-naħa l-oħra, bl-effett tat-tassazzjoni doppja, li din ir-remunerazzjoni tkun mgħobbija b’mod abnormali (sentenza Brouerius van Nidek, 7/74, EU:C:1974:73, punt 11).

15

Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi d-distinzjoni ċara eżistenti bejn dħul suġġett għall-kompetenza tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tat-taxxa tal-Istati Membri, u s-salarji ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni, liema salarji huma esklużivament suġġetti, fir-rigward tat-taxxabbiltà eventwali tagħhom, għad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li d-dħul l-ieħor tal-uffiċjali jibqa’ suġġett għat-taxxa fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, Humblet vs État belge, 6/60-IMM, EU:C:1960:48, p. 1158).

16

Minn dan isegwi li l-eżenzjoni prevista fit-tieni paragrafu tal Artikolu 12 tal-Protokoll jikkonċerna biss it-taxxi nazzjonali ta’ natura analoga għal dawk li l-Unjoni tolqot l-istess sorsi ta’ dħul (sentenza Brouerius van Nidek, 7/74, EU:C:1974:73, punt 12).

17

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li diġà ġie deċiż li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll jirrigwarda l-eżenzjoni ta’ kull dħul nazzjonali bbażat kemm direttament kif ukoll indirettament fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u impjegati oħra tagħha. Hija topponi, konsegwentement, kull taxxa nazzjonali, tkun xi tkun in-natura jew il-modalitajiet tal-ġbir tagħha, li jkollha bħala effett li taqa’, direttament jew indirettament, fuq l-uffiċjali u l-impjegati oħra, minħabba l-fatt li jkunu benefiċjarji ta’ remunerazzjoni mħallsa mill-Unjoni, anki jekk it-taxxa inkwistjoni ma tiġix ikkalkolata bi proporzjon tal-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 260/86, EU:C:1988:91, punt 10; Tither, C‑333/88, EU:C:1990:131, punt 12; Kristoffersen, C-236/91, EU:C:1993:207, punt 14, u Vander Zwalment u Massart, C-229/98, EU:C:1999:501, punt 24).

18

Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi li jittieħdu inkunsiderazzjoni salarji mħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u impjegati oħra sabiex jiġu stabbiliti rati ta’ taxxa fuq dħul ieħor mhux eżentat, fil-każ li l-liġi tat-taxxa nazzjonali tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni progressiva. Fil-fatt, uffiċjal jiġi ntaxxat ħafna iktar fuq id-dħul privat tiegħu minħabba li huwa jirċievi salarju mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Humblet vs État belge, 6/60‑IMM, EU:C:1960:48, p. 1160).

19

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tal-Protokoll ma jobbligax lill-Istati Membri jagħtu lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra tal-Unjoni l-istess vantaġġi bħall-benefiċjarji ddefiniti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli. Dan l-artikolu jeżiġi biss li, meta persuna bħal din tkun suġġetta għal ċerti taxxi u hija tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, hija tkun tista’ tgawdi l-vantaġġi kollha fiskali normalment disponibbli għall-persuni taxxabbli, sabiex tevita li tkun suġġetta għal piż fiskali ogħla (sentenza Tither, C-333/88, EU:C:1990:131, punt 5) jew li tkun suġġetta għal trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-persuni taxxabbli l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vander Zwalment u Massart, C-229/98, EU:C:1999:501, punt 26.

20

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li huwa xieraq li jiġi ddeterminat jekk it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll, jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21

Hekk kif jirriżulta mid-dokumenti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-element ta’ ġenerazzjoni tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali huwa t-tgawdija bħala dar privata f’lokalità Franċiża, peress li l-bażi ta’ din it-taxxa hija kkostitwita mill-valur tal-kera katastali nett u r-rata ta’ taxxa stabbilita mill-awtoritajiet komunali.

22

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tassazzjoni tal-valur lokatizju tad-dar ta’ uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni għandu natura oġġettiva u ma għandu l-ebda rabta ġuridika mas-salarji, mal-pagi u mal-emolumenti li jitħallsu minnha (sentenza Kristoffersen, C‑263/91, EU:C:1993:207, punt 15).

23

Minn dan isegwi li t-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi assimilata ma’ taxxa bbażata fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u impjegati oħra.

24

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta għal din it-taxxa tista’, jekk ikun il-każ, tvajra skont is-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni ma hijiex determinanti.

25

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, ma huwiex il-prinċipju ta’ sottomissjoni ta’ uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni li qed jiġi diskuss, iżda biss it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn is-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni għall-kalkolu tad-dħul ta’ unità domestika fiskali meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli għandhiex tibbenefika minn limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuta taħt din it-taxxa.

26

Issa, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma fiha l-ebda dispożizzjoni li żżomm lill-uffiċjali u lill-impjegati oħra tal-Unjoni milli jibbenefikaw mit-tnaqqis parzjali tat-taxxa fuq il-proprjetà taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal kull persuna taxxabbli oħra li tkun tista’ tibbenefika minn dan il-vantaġġ, jiġifieri li t-taxxa tad-dħul tar-referenza ma taqbiżx il-limitu ddefinit legalment.

27

Fil-fatt, il-kawża tal-esklużjoni mit-tnaqqis parzjali tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali ma tinsabx fil-fatt li wieħed ikun uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni li jirċievi salarju li jaqbeż il-limitu tad-dħul fiskali ta’ referenza, iżda tirriżulta mill-kundizzjoni ġenerali relatata mal-ammont tad-dħul li jagħti dritt għall-vantaġġ inkwistjoni, kundizzjoni li hija applikabbli mingħajr diskriminazzjoni għall-uffiċjali u għall-impjegati oħra tal-Unjoni u għal kull persuna taxxabbli oħra fl-Istat Membru kkonċernat.

28

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi essenzjalment mill-valur lokatizju tad-dar u ma tieħu inkunsiderazzjoni la l-kapaċità kontributtiva tal-persuna taxxabbli, u lanqas il-patrimonju kollu tagħha. Fil-fatt, il-kapaċità kontributtiva ta’ din il-persuna tittieħed inkunsiderazzjoni biss sabiex jinkiseb il-vantaġġ fiskali u ma hijiex is-suġġett stess tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali.

29

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu ta’ tnaqqis parzjali tat-taxxa fuq il-proprjetà residenzjali ġie introdott sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u jikkostitwixxi miżura soċjali li tippermetti lil unità domestika fiskali bi dħul modest tħallas it-taxxi komunali. Jekk wieħed jeskludi s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tal-Protokoll, huwa jkun qed iwassal għal żnaturazzjoni tal-miżura soċjali introdotta.

30

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Bourges-Maunoury u Heintz (C‑558/10, EU:C:2012:418), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-ġid inkwistjoni f’din il-kawża kienet marbuta mas-salarji, mal-pagi u mal-emolumenti mħallsa mill-Unjoni sa fejn dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tar-rati tat-taxxa finali u, min-naħa l-oħra, li din it-taxxa kellha l-effett li taqa’ indirettament fuq id-dħul tal-uffiċjali u tal-impjegati oħra tal-Unjoni.

31

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni lill-uffiċjali u impjegati oħra tagħha għad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuti bħala taxxa fuq il-proprjetà residenzjali dovuta favur il-kollettivitajiet territorjali, fid-dawl ta’ eżenzjoni possibbli tagħha.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEFA, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni Ewropea lill-uffiċjali u impjegati oħra tagħha għad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-kontribuzzjonijiet dovuti bħala taxxa fuq il-proprjetà residenzjali dovuta favur il-kollettivitajiet territorjali, fid-dawl ta’ eżenzjoni possibbli tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top