Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0319

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015.
    B & S Global Transit Center BV vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolamemt (KEE) Nru 2913/92 – Artikoli 203 u 204 – Proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikoli 365, 366 u 859 – Tnissil tad-dejn doganali – Tneħħija jew le mis-sorveljanza doganali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu – Ommissjoni li titwaqqaf il-proċedura ta’ tranżitu – Ħruġ tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.
    Kawża C-319/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:734

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    29 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolamemt (KEE) Nru 2913/92 — Artikoli 203 u 204 — Proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikoli 365, 366 u 859 — Tnissil tad-dejn doganali — Tneħħija jew le mis-sorveljanza doganali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu — Ommissjoni li titwaqqaf il-proċedura ta’ tranżitu — Ħruġ tal-merkanzija mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea”

    Fil-Kawża C‑319/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2014, fil-proċedura

    B & S Global Transit Center BV

    vs

    Staatssecretaris van Financiën,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala l-President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal B & S Global Transit Center BV, minn B. Boersma, adviseur,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, M. Noort u C. Schillemans, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Grønfeldt u H. Kranenborg, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 203 u 204 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352 M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jiġifieri l-Artikoli 365 u 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 286, iktar ’il quddiem, rispettivament, l-“Artikolu 365 tar-Regolament ta’ implementazzjoni” u l-“Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni”), kif ukoll l-Artikolu 366 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2008, tas-17 ta’ Novembru 2008 (ĠU L 329, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Artikolu 366 tar-Regolament ta’ implementazzjoni”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn B & S Global Transit Center BV (iktar ’il quddiem “B & S”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (segretarju tal-Istat għall-finanzi) dwar il-ħlas tad-drittijiet doganali li allegatament huma dovuti mingħand B & S minħabba li neħħiet merkanzija mis-sorveljanza doganali mingħajr ma temmet il-proċeduri ta’ tranżitu Komunitarju estern (iktar ’il quddiem il-“proċeduri ta’ tranżitu”) li għalihom hija kienet issuġġettat din il-merkanzija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-Kodiċi Doganali

    3

    L-Artikolu 37 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    “1.   Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontrolli doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

    2.   Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.”

    4

    L-Artikolu 91(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

    “Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

    a)

    merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

    [...]”

    5

    L-Artikolu 92 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

    “1.   Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.

    2.   L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”

    6

    Skont l-Artikolu 96(1) ta’ dan l-istess kodiċi:

    “Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

    a)

    preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

    b)

    l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.”

    7

    Skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali:

    “1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

    2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

    3.   Id-debituri għandhom ikunu:

    il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

    [...]”

    8

    Skont l-Artikolu 204(1) ta’ dan il-kodiċi:

    “Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    a)

    tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, [...]

    [...]

    f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali konċernata.”

    9

    Skont l-Artikolu 239 tal-imsemmi kodiċi:

    “1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

    li għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura tal-kumitat;

    li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skont il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni [maħfra] jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

    2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu [jinħafru] għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

    Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”

    Ir-Regolament ta ’ implementazzjoni

    10

    L-Artikolu 365 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li kien fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2009, kien jipprovdi:

    “1.   Jekk il-kopjas Nru 5 tad-dikjarazzjoni ta’ transitu ma tkunx rritornata lill-awtoritajiet dognali ta’ l-Istat Membru tat-tluq fi żmien xahrejn mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, dawk l-awtoritajiet għandhom jinformaw lill-prinċipal u jitolbuh biex ifornihom bi prova li l-proċedura ntemmet.

    1a.   Fejn id-disposizzjonijiet tat-Taqsima 2 subsezzjoni 7 tapplika u l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri tat-tluq ma jkunux irċevew messaġġ ta’ ‘-Avviż tal-Wasla’ sal-limitu taż-żmien li fih l-oġġetti għandhom jiġu preżentati fl-uffiċċju tad-destinazzjoni dawk l-awtoritajiet għandhom jinformaw lill-prinċipal u jitolbuh biex jipprovdi provi li l-proċedura tkun intemmet.

    2.   Il-prova msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tkun fornuta għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet doganali fil-forma ta’ dokument iċ[ċ]ertifikat mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni li jidentifika l-oġġetti u li jistabilixxi li dawn ġew ippresentati fl-uffiċċju tad-destinazzjoni jew, fejn japplika l-Artikolu 406, lill-konsenjatur awtorizzat.

    3.   Il-proċedura ta’ transitu tal-Komunità għandha tkun ukoll meqjusa bħala li ntemmet fejn il-prinċipal jippresenta, għas-sodisfazzjopn ta’ l-awtoritajiet doganali, dokument doganali maħruġ minn pajjiż terz li jdaħħal l-oġġetti għal trattament jew użu doganali approvat, jew kopja jew foto-kopja tiegħu, li tidentifika l-oġġetti. Kopji jew foto-kopji għandhom ikunu attestati bħala kopji veri mill-korp li ċċertifika d-dokumenti oriġinali, mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz konċernat jew mill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-Istati Membri.”

    11

    L-Artikolu 366 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Lulju 2008, jipprovdi:

    “1.   Il-prova li l-proċedura ntemmet fil-limitu ta’ żmien preskritt fid-dikjarazzjoni tista’ tingħata mill-prinċipal, għas-sudisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, f’forma ta’ dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni li jidentifika l-merkanzija u li jistabbilixxi li din kienet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni jew, fejn japplika l-Artikolu 406, lil destinatarju awtorizzat.

    2.   Il-proċedura Komunitarja ta’ tranżitu għandha titqies li tkun intemmet ukoll meta l-prinċipal jippreżenta, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali, wieħed mid-dokumenti li ġejjin:

    a)

    dokument doganali maħruġ f’pajjiż terz li daħħal il-merkanzija biex tkun trattata jew użuta b’mod approvat mid-dwana;

    b)

    dokument maħruġ f’pajjiż terz, ittimbrat mill-awtoritajiet doganali ta’ dan il-pajjiż u li jiċċertifika li l-merkanzija hija meqjusa li tista’ ticċirkola liberament fil-pajjiż terz ikkonċernat.

    3.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinbidlu b’kopji jew b’fotokopji tagħhom, attestati bħala kopji veri mill-korp li ċċertifika d-dokumenti oriġinali, mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat jew mill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-Istati Membri.”

    12

    L-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni huwa fformulat kif ġej:

    “In-nuqqasijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala bla konsegwenzi reali [effett sinjifikattiv] fuq il-[funzjonament korrett tal-]ħażna temporanja jew [tal‑]proċedura doganali fis-sens ta’ l-Artikolu 204 (1) tal-Kodiċi [Doganali], sakemm:

    ma jikkostitwux tentattiv li titneħħa merkanzija illegalment mis-sorveljanza doganali,

    ma jkunux jimplikaw negliġenza evidenti da parti tal-persuna interessata, u

    il-formalitajiet kollha meħtieġa ħalli tkun irregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jkunu saru sussegwentement:

    [...]

    6)

    Fil-każ ta’ oġġetti f’ħażna temporanja jew li daħlu għal proċedura doganali, sdoganar [il-ħruġ] tal-oġġetti mit-territorju doganali tal-Komunità jew l-introduzzjoni tagħhom f’żona ħielsa ta’ tip I ta’ kontroll skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 799 jew f’maħżen ħieles mingħajr ma jimtlew il-formalitajiet meħtieġa;

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Fit-3 ta’ Lulju 2006, fit-13 ta’ Awwissu 2007 u fit-18 ta’ Diċembru 2007, B & S, li tipprovdi servizzi ta’ loġistika, ippreżentat, bħala prinċipal, dikjarazzjonijiet elettroniċi ta’ tqegħid ta’ prodotti tal-ikel taħt il-proċedura ta’ tranżitu. Dawn id‑dikjarazzjonijiet kienu jindikaw dejjem l-uffiċċju doganali ta’ Moerdijk (il-Pajjiżi l-Baxxi) bħala l-uffiċċju tat-tluq u, rispettivament, dawk ta’ Bremerhaven (il-Ġermanja), ta’ Antwerpen (il-Belġju) u, għal darba oħra, ta’ Bremerhaven bħala l-uffiċċji tad-destinazzjoni.

    14

    Fl-4 ta’ Awwissu 2006, fis-26 ta’ Settembru 2007 u fl-24 ta’ Jannar 2008, l-uffiċċju doganali tat-tluq indika lil B & S li ma kienx irċieva l-kopja ta’ ritorn neċessarja u lanqas ir-ritorn ta’ informazzjoni elettronika. Bi tweġiba għat-talba ta’ dan l-uffiċċju sabiex tipproduċi l-prova li dawn il-proċeduri kienu ntemmu korrettament, B & S ippreżentat diversi dokumenti kummerċjali tat-trasport, imsejħa “bills of lading”.

    15

    B’reazzjoni għal avviż ta’ inkjesta maħruġ mill-Ispettur tas-servizz tat-taxxi fi ħdan l-amministrazzjoni fiskali (Inspecteur van de Belastingdienst, iktar ’il quddiem l-“Ispettur”), l-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni indikaw li ebda merkanzija u ebda dokument ta’ tranżitu korrispondenti ma kienu ġew ippreżentati quddiemhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li qies li d-dokumenti kummerċjali kkomunikati minn B & S ma kinux konformi mal-Artikoli 365 jew 366 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, b’tali mod li l-proċeduri ta’ tranżitu ma setgħux jitqiesu li kienu ntemmu, l-Ispettur, fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, ħareġ, fl-24 ta’ Mejju 2007, fl-1 ta’ Lulju 2008 u fl-4 ta’ Novembru 2008 rispettivament, avviżi għall-ħlas ta’ dazji doganali kontra B & S, minħabba li din tal-aħħar kienet neħħiet il-merkanzija kkonċernata mis-sorveljanza doganali.

    16

    B & S ressqet ilment kontra żewġ avviżi għall-ħlas kif ukoll talba għal rimbors fir-rigward tat-tielet avviż. F’dan il-kuntest, B & S ippreżentat dokumenti supplimentari, b’mod partikolari konfermi ta’ riċezzjoni tal-merkanzija inkwistjoni, maħruġa mid-destinatarji tagħha, jiġifieri l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN) f’Abidjan (il-Kosta tal-Avorju), il-forzi tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) f’Kabul (l-Afganistan) u l-forzi tal-UN f’Port-au-Prince (il-Haiti). Peress li ma kienx issodisfat b’dawn id-dokumenti l-ġodda, l-Ispettur żamm fis-seħħ l-avviżi għall-ħlas.

    17

    B & S ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Ispettur quddiem ir-Rechtbank Haarlem (qorti ta’ Haarlem). Din tal-aħħar annullat dawn id-deċiżjonijiet għaliex id-dokumenti prodotti minn B & S kienu jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqas mingħajr effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-proċeduri fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, u dan sa fejn id-dokumenti prodotti minn B & S kienu stabbilixxew li l-merkanzija kienet inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea.

    18

    L-Ispettur appella minn din is-sentenza tar-Rechtbank Haarlem (qorti ta’ Haarlem) quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam). Din tal‑aħħar qieset, l-ewwel nett, li l-Ispettur kellu raġun jikkunsidra li ebda merkanzija ma kienet ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, fis-sens tal-Artikoli 92 u 96 tal-Kodiċi Doganali. It-tieni nett, dik il-qorti kkonstatat li ebda wieħed mid-dokumenti prodotti minn B & S ma kien jissodisfa l-kundizzjonijiet imperattivi previsti fl-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Hamann International (C‑337/01, EU:C:2004:90), il-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li, minkejja li l-merkanzija kienet inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-ommissjoni li jintemmu l-proċeduri ta’ tranżitu kienet tikkostitwixxi tneħħija ta’ din il-merkanzija mis-sorveljanza doganali u kienet tagħti lok għal dejn doganali fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali.

    19

    B & S ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Dik il-qorti hija tal-fehma li l-Gerechtshof te Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) kellha raġun meta ddeċidiet li l-proċeduri ta’ tranżitu inkwistjoni ma kinux intemmu, fis-sens tal-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali, u ma setgħux jitqiesu bħala li kienu ntemmu, fis-sens tal-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Madankollu, dik il-qorti tqis li s-sentenza X (C‑480/12, EU:C:2014:329) setgħet tinftiehem fis-sens li t-tnissil ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali huwa eskluż meta jiġi stabbilit li l-merkanzija ma kinitx integrata fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika tal-Unjoni mingħajr ma kienet żdoganata.

    20

    Fl-eventwalità li nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li tintemm b’mod regolari l-proċedura ta’ tranżitu ma jikkostitwixxix tneħħija tal-merkanzija mis-sorveljanza doganali, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk tali nuqqas jistax jitqies bħala li ma kellux effett sinjifikattiv fuq il-funzjonament korrett ta’ din il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 204(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, moqri flimkien mat-tielet inċiż u l-punt 6 tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali, moqrija flimkien mal-Artikolu 859 (b’mod partikolari l-punt 6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta proċedura doganali ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma tkunx intemmet, iżda dokumenti fornuti jippermettu li jiġi stabbilit li l-merkanzija tkun ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, il-fatt li din il-proċedura ma ntemmietx ma jwassalx għat-tnissil ta’ dejn doganali minħabba t-tneħħija tas-sorveljanza doganali fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, iżda, bħala prinċipju, għat-tnissil ta’ dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 204 ta’ dan il-Kodiċi Doganali?

    2)

    Il-punt 6 tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda esklużivament in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-obbligi (jew ta’ wieħed minnhom) marbuta mal-esportazzjoni (mill-ġdid) tal-merkanzija, hekk kif iddefinit fl-Artikoli 182 u 183 tal-Kodiċi Doganali? Jew il-frażi ‘mingħajr it-twettieq tal-formalitajiet meħtieġa’ għandha tiġi interpretata fis-sens li l-‘formalitajiet meħtieġa’ jinkludu wkoll il-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfatti qabel l-(re)esportazzjoni sabiex tintemm il-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet il-merkanzija?

    3)

    Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva, it-tielet inċiż tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas li jiġu ssodisfatti l-formalitajiet previsti fit-tieni domanda ma jipprekludix li, f’każ bħal dak inkwistjoni – fejn dokumenti juru li l-merkanzija ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni matul it-tranżitu fl-Unjoni – il-kundizzjoni li ‘formalitajiet kollha meħtieġa ħalli tkun irregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jkunu saru sussegwentement’ tista’ tkun ikkunsidrata bħala sodisfatta?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    22

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni joħloqx, bħala prinċipju, dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 204 ta’ dan il-kodiċi, u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tiegħu, fil-każ li l-merkanzija kkonċernata tkun inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni u fil-każ li d-detentur tal-imsemmija proċedura ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi dokumenti konformi mal-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    23

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx ippreżentata fl-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni rispettivi tagħha u, min-naħa l-oħra, li d-dokumenti pprovduti minn B & S lill-Ispettur, imsemmija fil-punti 14 u 16 ta’ din is-sentenza, juru li din il-merkanzija effettivament inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn id-dokumenti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ prova previsti fl-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    24

    Minn dawn iċ-ċirkustanzi l-imsemmija qorti tikkonkludi li l-proċeduri ta’ tranżitu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntemmewx konformement mal-Artikolu 92(1) tal-Kodiċi Doganali u lanqas ma setgħu jitqiesu li ntemmew, fis-sens tal-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestat dawn il-konklużjonijiet.

    25

    Fir-rigward tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li dawn huma distinti. Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel wieħed jikkonċerna l-aġir li jwassal sabiex il-merkanzija titneħħa mis-sorveljanza doganali, it-tieni wieħed jikkonċerna n-nuqqasijiet milli jitwettqu l-obbligi u n-nuqqasijiet milli jiġu osservati kundizzjonijiet marbuta mad-diversi proċeduri doganali li ma jkun kellhom ebda impatt fuq is-sorveljanza doganali (sentenza DSV Road, C‑187/14, EU:C:2015:421, punt 22).

    26

    Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss fil-każijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi (sentenza DSV Road, C‑187/14, EU:C:2015:421, punt 23).

    27

    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat liema wieħed minn dawn iż-żewġ artikoli huwa l-bażi għat-tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk il-fatti inkwistjoni jikkostitwixxux tneħħija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali. Huwa biss fil-każ li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tkun negattiva li jistgħu jkunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali (sentenza DSV Road, C‑187/14, EU:C:2015:421, punt 24).

    28

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kunċett ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jinftiehem fis-sens li jkopri kull att jew kull ommissjoni li jwasslu sabiex l-awtorità doganali kompetenti tkun prekluża, anki jekk b’mod provviżorju, milli jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u milli twettaq il-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (sentenza DSV Road, C‑187/14, EU:C:2015:421, punt 25).

    29

    Sabiex ikun hemm tneħħija mis-sorveljanza doganali, huwa biżżejjed li l-merkanzija kienet oġġettivament eskluża minn kontrolli eventwali, irrispettivament minn jekk dawn kinux effettivament twettqu mill-awtorità kompetenti (sentenza SEK Zollagentur, C‑75/13, EU:C:2014:1759, punt 32).

    30

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 29 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deskritta fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali u mhux f’dak tal-Artikolu 204 ta’ dan il-kodiċi.

    31

    Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu tad-detentur ta’ proċedura ta’ tranżitu li jippreżenta l-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni, previst fl-Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, għandu rwol primordjali fil-funzjonament tas-sorveljanza doganali fil-kuntest ta’ tali proċedura peress li, konformement mal-Artikolu 92(2) tal-imsemmi kodiċi, din il-preżentazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet doganali jistabbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli rispettivament fl-uffiċċji doganali tat-tluq u tad-destinazzjoni, jekk il-proċedura ta’ tranżitu tkunx intemmet korrettament.

    32

    B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li l-merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni qabel ma tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni jwassal sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu preklużi milli jwettqu wieħed mill-kontrolli doganali msemmija fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri dak previst fl-Artikolu 92(2) ta’ dan il-kodiċi, li huwa deċiżiv għall-funzjonament tal-proċedura ta’ tranżitu, sa fejn jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jistabbilixxu jekk il-proċedura ta’ tranżitu ntemmitx korrettament. Tali nuqqas jikkostitwixxi tneħħija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali peress li lanqas ma huma ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jippermettu li jitqies li tali proċedura ntemmet minkejja l-assenza tal-preżentazzjoni tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.

    33

    Sa fejn il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-eżistenza ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali hija eskluża f’dan il-każ minħabba li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tinstab taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali sakemm inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, li tippreżenta din il-merkanzija fl-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni rispettivi tagħha qabel inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, B & S neħħiet l-imsemmija merkanzija mis-sorveljanza doganali qabel ma din inħarġet minn dan it-territorju.

    34

    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni ma jipprekludix li nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li din il-merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni rispettivi tagħha jiġi kklassifikat bħala “tneħħija mis-sorveljanza doganali”, li tagħti lok għal dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonkludiet li teżisti tali tneħħija anki fl-assenza ta’ integrazzjoni irregolari tal-merkanzija kkonċernata fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika tal-Unjoni.

    35

    B’hekk, fis-sentenza Hamann International (C‑337/01, EU:C:2004:90), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 21 sa 24, 32 u 36 ta’ dik is-sentenza, li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, in-nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura ta’ tranżitu kien jikkostitwixxi tneħħija mis-sorveljanza doganali, fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, minkejja li l-merkanzija kkonċernata kienet inħarġet mit-territorju tal-Unjoni. Fis-sentenza SEK Zollagentur (C‑75/13, EU:C:2014:1759), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 18 u 33 ta’ dik is-sentenza, li t-tbegħid temporanju tad-dokument ta’ tranżitu mill-merkanzija indikata fuq dan id-dokument kellu jiġi kklassifikat bħala “tneħħija tal-imsemmija merkanzija mis-sorveljanza doganali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, minkejja li l-merkanzija kkonċernata kienet ġiet integrata korrettament fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika tal-Unjoni permezz tat-tqegħid tagħha f’ċirkulazzjoni libera.

    36

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-natura ekonomika tad-dazji fuq l-importazzjoni ma tipprekludix li, f’sitwazzjoni fejn il-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni, jitnissel dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali peress li l-Artikolu 239 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-rimbors jew il-maħfra tad-dazji legalment dovuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hamann International, C‑337/01, EU:C:2004:90, punt 34).

    37

    Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 30 ta’ din is-sentenza lanqas ma tista’ tiġi kkontestata permezz tal-argument, espost mill-qorti tar-rinviju u mqajjem minn B & S, fis-sens li mis-sentenza X (C‑480/12, EU:C:2014:329) jirriżulta li n-nuqqas li jitwettaq l-obbligu li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi ppreżentata fl-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni rispettivi tagħha ma jagħtix lok għal dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali sa fejn il-ħruġ ta’ din il-merkanzija mit-territorju tal-Unjoni elimina r-riskju li l-imsemmija merkanzija tiġi integrata b’mod irregolari fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika tal-Unjoni.

    38

    Fil-fatt, mill-punt 37 ta’ dik is-sentenza kif ukoll mill-espożizzjoni tal-fatti marbuta mal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza jirriżulta li dik is-sentenza kienet tikkonċerna każ fejn il-merkanzija inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ preżentazzjoni, għalkemm tardiva, fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni. Issa, għall-kuntrarju, il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienet is-suġġett ta’ ebda preżentazzjoni fl-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni rispettivi tagħha li permezz tagħha l-awtoritajiet setgħu jiżguraw li l-proċedura ta’ tranżitu kienet intemmet korrettament.

    39

    Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, mis-sentenza X (C‑480/12, EU:C:2014:329) ma jistax jiġi dedott li din is-sentenza tal-aħħar tistabbilixxi regola ġenerali fis-sens li s-sempliċi prova tal-assenza ta’ integrazzjoni irregolari ta’ merkanzija fiċ-ċirkulazzjoni ekonomika tal-Unjoni hija biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġu esklużi l-eżistenza ta’ tneħħija mis-sorveljanza doganali jew it-tnissil ta’ dejn doganali skont l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali.

    40

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li nuqqas li jitwettaq l-obbligu li merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni jagħti lok għal dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 204 tal-imsemmi kodiċi, fil-każ li l-merkanzija kkonċernata tkun inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni u fil-każ li d-detentur tal-imsemmija proċedura ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi dokumenti konformi mal-Artikoli 365(3) jew 366(2) u (3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

    Fuq it-tieni u t-tielet domandi

    41

    Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li huwa s-suġġett tat-tieni u tat-tielet domandi, ma japplikax fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali. Għaldaqstant, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    42

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 203 u 204 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li nuqqas li jitwettaq l-obbligu li merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni jagħti lok għal dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 203 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 204 tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, fil-każ li l-merkanzija kkonċernata tkun inħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea u fil-każ li d-detentur tal-imsemmija proċedura ma jkunx f’pożizzjoni li jipproduċi dokumenti konformi mal-Artikolu 365(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001, jew mal-Artikolu 366(2) u (3) tar-Regolament Nru 2454/93, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1192/2008, tas-17 ta’ Novembru 2008.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top