Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0306

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2015.
    Direktor na Agentsia "Mitnitsi" vs Biovet AD.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva Nru 92/83/KE – Armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku – Artikolu 27(1)(d) – Eżenzjoni tas-sisa armonizzata – Alkoħol etiliku – Użu għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ materjal u ta’ faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.
    Kawża C-306/14.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:689

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    15 ta’ Ottubru 2015 ( * )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 92/83/KE — Armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku — Artikolu 27(1)(d) — Eżenzjoni tas-sisa armonizzata — Alkoħol etiliku — Użu għat-tindif u għad-diżinfezzjoni ta’ materjal u ta’ faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali”

    Fil-Kawża C‑306/14,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

    Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

    vs

    Biovet AD,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, li qed tiffunzjona bħala t-tieni awla, J. L. da Cruz Vilaça u C. Lycourgos u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2015,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għad-Direktor na Agentsia “Mitnitsi”, minn V. Tanov kif ukoll minn S. Yordanova, N. Yotsova-Toteva u S. Genova,

    għal Biovet AD, minn A. Ivanov,

    għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova, D. Drambozova u M. Georgieva, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u N. Vitorino kif ukoll minn M. Rebelo, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier u D. Roussanov, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Direktor na Agentsia “Mitnitsi” (direttur tal-aġenzija “Dwana”, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) u Biovet AD (iktar ’il quddiem “Biovet”) dwar is-sottomissjoni għal taxxa tas-sisa armonizzata tal-alkoħol etiliku użat minn din tal-aħħar għall-finijiet ta’ tindif u diżinfezzjoni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Id-dsatax-il u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 92/83 jipprovdu kif ġej:

    “Billi hu meħtieġ li f’livell Komunitarju jkunu stipulati l-eżenzjonijiet li japplikaw għal oġġetti li huma trasportati bejn l-Istati Membri;

    Billi, madankollu, hu possibbli li l-Istati Membri jitħallew ikollhom il-possibbiltà ta’ l-għażla li japplikaw eżenzjonijiet marbuta ma’ l-użi finali fit-territorju tagħhom.”

    4

    Bis-saħħa tal-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku.

    5

    L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

    a)

    [m]eta mqassam fil-forma ta’ alkoħol denaturalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru, u dawn il-ħtiġijiet kienu notifikati u aċċettati kif xieraq skont il-paragrafi 3 u 4 [...];

    b)

    meta jkun denaturalizzat skont il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru kif ukoll użat għall-manifattura ta’ xi prodott mhux għall-konsum tal-bnedmin;

    [...]

    d)

    meta użat għall-produzzjoni ta’ mediċini definiti mid-Direttiva [tal-Kunsill 65/65KE, tas-26 ta’ Jannar 1965, dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi dwar speċjalitajiet farmaċewtiċi (ĠU 1965, 22,p. 369)];

    [...]”

    6

    L-Artikolu 27(2)(d) tal-istess Direttiva jipprevedi li:

    “L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mit-taxxa tas-sisa armonizzata taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistipulaw bl-iskop li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u faċli ta’ dawn l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kull evażjoni, ħelsien jew abbuż, meta użati:

    [...]

    d)

    fi proċess ta’ manifattura sakemm il-prodott finali ma jkollux l-alkoħol;”

    Id-dritt Bulgaru

    7

    Konformement mal-punt 4 tal-Artikolu 22(4) tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa u l-imħażen fiskali (Zakon za aktsizite i danachnite skladove DV Nru 91, tal-15 ta’ Novembru 2005) fil-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZADS”), id-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku jiġi rrimborsat meta dawn jintużaw fi proċess ta’ manifattura, sakemm il-prodotti lesti ma jkunx fihom alkoħol.

    8

    L-Artikolu 22(7) taż-ZADS jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-punt 4 tal-Artikolu 22(4) ta’ din tal-aħħar, l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku użati bħala prodotti tat-tindif ma jitqisux li huma inklużi jew użati fi proċess ta’ manifattura.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Biovet timmanifattura sustanzi mediċinali u tikkummerċjalizza prodotti mediċinali veterinarji, prodotti għall-agrikoltura u prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem.

    10

    Fil-kuntest tal-attività tagħha tal-manifattura ta’ prodotti mediċinali, Biovet tuża alkoħol etiliku, fil-forma ta’ soluzzjoni ta’ ilma ta’ 70 % etanol, sabiex tnaddaf u tiddiżinfetta tagħmir tekniku, faċilitajiet ta’ manifattura kif ukoll postijiet u superfiċji tax-xogħol.

    11

    Fl-14 ta’ Settembru 2012, Biovet talbet ir-rimbors tad-dazji tas-sisa mħallsa għal 271 litri ta’ alkoħol etiliku użati għal dawn il-finijiet bejn l-1 u l-31 ta’ Awwissu 2012.

    12

    Dan ir-rimbors ġie rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni tan-Nachalink na Mitnitsa “Plovdiv” (direttur tad-dwana tal-belt ta’ Plovdiv, il-Bulgarija). Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ appell amministrattiv u ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tad-Direktor.

    13

    Biovet ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (tribunal amministrattiv tal-belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li ddeċidiet li t-tindif u d-diżinfezzjoni huma attivitajiet differenti li jagħmlu parti mill-proċess ta’ manifattura ta’ prodott lest li ma fihx alkoħol, b’mod li d-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol imħallas għad-diżinfezzjoni għandu jiġi rrimborsat fuq il-bażi tal-punt 4 tal-Artikolu 22(4) taż-ZADS u ma huwiex kopert mill-Artikolu 22(7) ta’ dan tal-aħħar.

    14

    Id-Direktor appella minn din is-sentenza tat-tribunal amministrattiv tal-belt ta’ Sofija quddiem il-qorti tar-rinviju.

    15

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    X’inhi t-tifsira tat-terminu ‘proċess ta’ manifattura’ fl-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva 92/83 u dan it-terminu jinkludi t-tindif u/jew diżinfezzjoni bħala proċessi għall-kisba ta’ ċerti livelli speċifiċi ta’ ndafa, determinati mill-prattika tajba fil-manifattura ta’ prodotti mediċinali?

    2)

    L-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva 92/83 jippermetti, l-promulgazzjoni ta’ dispożizzjoni legali li taħtha, wara li l-Istati Membri introduċew leġiżlazzjoni li teżenta l-alkoħol mid-dazju tas-sisa armonizzat meta l-alkoħol huwa użat fi proċess ta’ manifattura u li l-prodott lest ma jkunx fih alkoħol, l-alkoħol użat għat‑tindif huwa kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni, li ma ġiex użat fi proċess ta’ manifattura?

    3)

    Fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, huwa permissibbli li tiġi introdotta b’effett immedjat (jiġifieri mingħajr ma tagħti żmien raġonevoli għall-operaturi ekonomiċi biex jadattaw l-imġieba tagħhom), ta’ finzjoni bħal dik stabbilita mill-Artikolu 22(7) tas-ZADS, li tillimita l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa, li l-Istat Membru jkun introduċa fuq bażi diskrezjonali, mir-rifużjoni ta’ dan, dwar l-alkoħol użat bħala prodott tat-tindif?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    16

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva 92/83, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li timplementa l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, l-alkoħol etiliku użat għat-tindif u/jew għad-diżinfezzjoni ta’ materjal u ta’ faċilitajiet użati għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali jistgħu jkunu koperti minn din l-eżenzjoni, u jekk iva, dan l-Istat Membru jista’, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-imsemmija eżenzjoni, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dan l-alkoħol etiliku użat għall-finijiet ta’ tindif jew ta’ diżinfezzjoni.

    17

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk huwa l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (ara s-sentenza Brasserie Bouquet, C-285/14, EU:C:2015:353, punt 15). Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet formalment domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet mill-informazzjoni kollha li tkun ipprovditilha l-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenza Essent Energie ProductieC‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 36).

    18

    Peress li mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Biovet qed titlob rimbors ta’ dazji tas-sisa li hija ħallset fuq l-alkoħol etiliku użat għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tat-tagħmir u ta’ faċilitajiet fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ manifattura ta’ prodotti mediċinali, għandu jiġi eżaminat jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83. Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, l-alkoħol ikollu mandatorjament jiġi eżentat mid-dazju tas-sisa taħt din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jkunx meħtieġ iktar li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 27(1)(d) ta’ din id-direttiva għandux japplika għal sitwazzjoni bħal din.

    19

    Għalhekk, hemm lok li l-ewwel u t-tieni domanda jiġu rriformulati b’mod li jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ eżenzjoni taħt din id-dispożizzjoni japplika għall-alkoħol etiliku użat minn impriża sabiex tnaddaf u tiddiżinfetta l-materjal u l-faċilitajiet użati għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.

    20

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mid-dazju tas-sisa armonizzat il-prodotti alkoħoliċi koperti mid-Direttiva 92/83 meta użati għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali, la jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li dawn il-prodotti jintużaw direttament għall-manifattura tal-prodotti mediċinali u lanqas li jagħmlu parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti mediċinali fil-manifattura tagħhom.

    21

    Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan li għandu jintlaħaq mill-eżenzjonijiet previsti fid-Direttiva 92/83 huwa, b’mod partikolari, li jiġi nnewtralizzat l-impatt tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol bħala prodott intermedjarju li jagħmel parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali (ara d-digriet AsprodC‑313/14, EU:C:2014:2426, punt 16 u ġurisprudenza ċċitata).

    22

    Madankollu, dan il-għan ma huwiex l-uniku għan ta’ dawn l-eżenzjonijiet, minħabba li wħud minnhom, bħal dawk previsti fl-Artikolu 27(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, dwar alkoħol li ġie kompletament żnaturat skont ir-rekwiżiti ta’ Stat Membru u l-alkoħol meta jkun ġie żnaturat b’dan il-mod u użat għall-manifattura ta’ prodotti li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, jeżentaw mid-dazju tas-sisa armonizzat l-alkoħol, anki meta dan ma jintużax bħala prodott intermedjarju li jagħmel parti mill-komopożizzjoni ta’ prodotti oħra.

    23

    Dan huwa wkoll il-każ tal-eżenzjoni prevista taħt l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83, li tfittex li tinnewtralizza l-impatt tad-dazju tas-sisa armonizzat fuq l-alkoħol li jintuża għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali, indipendentement minn jekk dan l-alkoħol jagħmilx parti mill-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti mediċinali jew jekk ikun meħtieġ biss għall-manifattura tagħhom mingħajr ma jagħmel parti mill-kompożizzjoni tagħhom.

    24

    F’dan il-każ, huwa paċifiku li huwa fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ manifattura ta’ prodotti mediċinali li Biovet talbet ir-rimbors tad-dazju tas-sisa li hija ħallset fuq l-alkoħol etiliku użat għad-diżinfezzjoni tal-materjal u tal-faċilitajiet tagħha.

    25

    Fil-fatt, mill-fajl li ġie sottomess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li d-diżinfezzjoni ta’ materjal, ta’ tagħmir u ta’ faċilitajiet użati għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali huwa stadju neċessarju fil-proċess ta’ manifattura tagħhom u li l-użu tal-alkoħol etiliku huwa indispensabbli fil-kuntest ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ diżinfezzjoni. F’dan ir-rigward, il-prodotti mediċinali għandhom l-ispeċifiċità, meta mqabbla ma’ prodotti oħra, li l-proċess ta’ manifattura tagħhom ikun suġġett għall-konformità ma’ regoli sanitarji stretti ħafna. Fil-fatt, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-operazzjonijiet ta’ diżinfezzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom l-għan, b’mod partikolari, li jeliminaw l-mikroorganiżmi patoġeniċi, li l-assenza tagħhom hija obbligatorja fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kontenut ta’ ġermi fi prodotti mediċinali.

    26

    Minn dan isegwi li, sa fejn din id-diżinfezzjoni hija inerenti fil-proċess tal-manifattura ta’ prodotti mediċinali, l-alkoħol etiliku użat għal dan il-għan għandu jitqies li jintuża “għall-produzzjoni ta’ prodotti mediċinali” fis-sens tal-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83.

    27

    Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, dan l-alkoħol għandu jiġi eżentat mid-dazju tas-sisa armonizzat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u diretta tal-eżenzjoni prevista mill-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll sabiex jiġu evitati kwalunkwe frodi, evażjoni jew abbuż.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ eżenzjoni previst f’din id-dispożizzjoni japplika għal alkoħol etiliku użat minn impriża sabiex tnaddaf jew tiddiżinfetta l-materjal u l-faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.

    Fuq it-tielet domanda

    29

    Fid-dawl tar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tiġi tingħata risposta għat-tielet domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 27(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/83KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ eżenzjoni previst f’din id-dispożizzjoni japplika għal alkoħol etiliku użat minn impriża sabiex tnaddaf jew tiddiżinfetta l-materjal u l-faċilitajiet li jintużaw għall-manifattura ta’ prodotti mediċinali.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top