EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0292

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-25 ta’ Frar 2016.
Elliniko Dimosio vs Stefanos Stroumpoulis et.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Symvoulio tis Epikrateias.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 80/987/KEE – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom – Kamp ta’ applikazzjoni – Krediti salarjali mhux imħallsa tal-baħħara li jaħdmu fuq bastiment li jtajjru bandiera ta’ Stat terz – Persuna li timpjega li għandha s-sede rreġistrata tagħha f’dan l-Istat terz – Kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt ta’ dan l-istess Stat terz – Falliment tal-persuna li timpjega ddikjarat fi Stat Membru li fih hija għandha s-sede effettiva tagħha – Artikolu 1(2) – Punt II, A tal-Anness – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi garanzija tal-krediti salarjali mhux imħallsa tal-baħħara applikabbli biss fil-każ ta’ abbandun tagħhom barra mill-pajjiż – Livell ta’ protezzjoni mhux ekwivalenti għal dak previst mid-Direttiva 80/987.
Kawża C-292/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:116

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ Frar 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 80/987/KEE — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjegahom — Kamp ta’ applikazzjoni — Krediti salarjali mhux imħallsa tal-baħħara li jaħdmu fuq bastiment li jtajru bandiera ta’ Stat terz — Persuna li timpjega li għandha s-sede tal-kumpannija tagħha f’dan l-Istat terz — Kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt ta’ dan l-istess Stat terz — Falliment tal-persuna li timpjega ddikjarat fi Stat Membru li fih hija għandha s-sede effettiva tagħha — Artikolu 1(2) — Punt II, A tal-Anness — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi garanzija tal-krediti salarjali mhux imħallsa tal-baħħara applikabbli biss fil-każ ta’ abbandun tagħhom barra mill-pajjiż — Livell ta’ protezzjoni mhux ekwivalenti għal dak previst mid-Direttiva 80/987”

Fil-Kawża C‑292/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ġunju 2014, fil-proċedura

Elliniko Dimosio

vs

Stefanos Stroumpoulis,

Nikolaos Koumpanos,

Panagiotis Renieris,

Charalampos Renieris,

Ioannis Zacharias,

Dimitrios Lazarou,

Apostolos Chatzisotiriou,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tat-Tielet Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, MJ. Malenovský, M. Safjan, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Elleniku, minn X. Basakou u I. Kotsoni kif ukoll minn K. Georgiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. Tidore, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal‑20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217 ).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Elliniko Dimosio (l-Istat Grieg) u S. Stroumpoulis, N. Koumpanos, P. Renieris, C. Renieris, I. Zacharias, D. Lazarou kif ukoll A. Chatzisotiriou fir-rigward tad-dannu li dawn tal-aħħar jallegaw li ġarrbu minħabba traspożizzjoni ħażina tad-Direttiva 80/987 fid-dritt nazzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

L-UNCLOS

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 u li daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994, ġiet irratifikata mir-Repubblika ta’ Malta u mir-Repubblika Ellenika, rispettivament, fl‑20 ta’ Mejju 1993 u fil‑21 ta’ Lulju 1995, u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat‑23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tal‑10 ta’ Diċembru 1982, dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat‑28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

4

L-Artikolu 91(1) tal-UNCLOS jipprovdi:

“Kull Stat għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti neċessarji għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, u dan għar-reġistrazzjoni tagħhom f’reġistru fit-territorju tiegħu u għad-dritt tagħhom li jtajjru l-bandiera tiegħu. Il-bastimenti jkollhom in-nazzjonalità tal-Istat li l-bandiera tiegħu jkollhom dritt li jtajjru. Għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn l-Istat u l-bastiment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Intitolat “[k]undizzjoni ġuridika tal-bastimenti”, l-Artikolu 92 tal-UNCLOS jipprovdi, fis-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-bastimenti għandhom jinnavigaw billi jtajjru l-bandiera ta’ Stat wieħed biss u, ħlief għal każijiet eċċezzjonali previsti espressament fit-trattati internazzjonali jew f’din il-Konvenzjoni, għandhom ikunu suġġetti, fl-ibħra miftuħa, għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-imsemmi Stat. [...]”

6

Skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS, intitolat “[o]bbligi tal-Istat tal-bandiera”:

“1.   Kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħhom.

2.   B’mod partikolari, kull Stat:

[...]

b)

Għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu konformement mad-dritt intern tiegħu fuq kull bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ, fir-rigward tal-kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali relatati mal-bastiment.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Konvenzjoni ta ’ Ruma

7

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU C 169, p. 10) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), jistipula:

“Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. […]”

8

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jipprovdi:

“1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3, f’kuntratt ta’ impjieg għażla ta’ liġi magħmula mill-partijiet m’għandhiex ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz mir-regoli mandatarji tal-liġi li tkun applikabbli skond il-paragrafu 2 fin-nuqqas ta’ għażla.

2.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4, kuntratt ta’ impjieg għandu, fin-nuqqas ta’ għażla skond l-Artikolu 3, jkun regolat:

a)

bil-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat issoltu jagħmel ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, ukoll jekk ikun temporanjament impjegat f’pajjiż ieħor; jew

b)

jekk l-impjegat mhux soltu jagħmel ix-xogħol tiegħu f’pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiż fejn il-post tan-negozju li minnu jkun tqabbad ikun jinsab,

sakemm ma jkunx jidher miċ-ċirkostanzi kollha li l-kuntratt ikollu rabta eqreb ma’ pajjiż ieħor, f’liema każ il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.”

9

Intitolat “[f]irxa ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, l-Artikolu 10 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-liġi applikabbli għal kuntratt bis-saħħa ta’ l-Artikoli 3 sa 6 u 12 ta’ din il-Konvenzjoni għandha tirregola b’mod partikolari:

a)

l-interpretazzjoni;

b)

l-eżekuzzjoni;

ċ)

fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti bil-liġi tal-proċedura tagħha, l-effetti ta’ ksur ta’ kuntratt, inkluża stima tal-ħsarat safejn din hija regolati minn regoli tal-liġi;

d)

id-diversi modi kif jispiċċaw l-obbligi, u l-preskrizzjoni u termini perentorji;

e)

l-effetti ta’ nullità tal-kuntratt.”

Id-Direttiva 80/987

10

Fid-dawl taż-żmien li fih żvolġew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jeħtieġ, kif osservat ġustament il-qorti tar-rinviju, li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 fil-verżjoni tagħha preċedenti għall-emendi magħmula mid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261). Matul iż-żmien, id-Direttiva 80/987 ġiet abbrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36).

11

L-ewwel sar-raba’ premessi tad-Direttiva 80/987 kienu jipprovdu:

“Billi jeħtieġ li jsiru disposizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet [krediti] mhux imħhallsa, tenut kont tal-ħtieġa għall-iżvilupp bilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

Billi għad baqa’ xi differenzi bejn l-Istati Membri għal dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni ta’ l-impjegati f’dan l-aspett; billi għandu jsir sforz biex jitnaqqsu dawn id-differenzi, li jistgħu ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq komuni;

Billi t-taqrib tal-liġijiet f’dan il-qasam għandu, għalhekk, jiġi nkoraġġit waqt li jinżamm it-titjib skond it-tifsira tal-Artikolu 117 tat-Trattat;

Billi bħala riżultat tal-qagħda ġeografika u l-istrutturi tax-xogħol li hemm bħalissa f’dik iż-żona, is-suq tax-xogħol fi Greenland huwa fondamentalment differenti minn dak taż-żoni l-oħra tal-Komunità”.

12

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet tal-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta’ insolvenza skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet ta’ xi kategoriji ta’ impjegati mill-iskop ta’ din id-Direttiva, minħabba fin-natura speċjali tal-kuntratt tax-xogħol ta’ l-impjegat jew relazzjoni ta’ xogħol jew minħabba li jkunu jeżistu forom oħra ta’ garanzija li joffru lill-impjegat protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva.

Il-kategorji ta’ impjegati msemmija fl-ewwel subparagrafu huma elenkati fl-Anness.

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-Greenland. Din l-eċċezzjoni għandha terġa tiġi eżaminata mill-ġdid fil-każ ta’ xi żvilupp fl-istrutturi tax-xogħhol f’dak ir-reġjun.”

13

Il-lista li tinsab fil-punt II tal-Anness għall-imsemmija direttiva kienet tirrigwarda wkoll lill-“impjegati li jidħlu taħt xi forom oħra ta’ garanzija”. Fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, din il-lista kienet tinkludi “[l]-ekwipaġġi ta’ bastimenti tal-baħar”.

14

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 80/987 kien jipprovdi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, wieħed li jħaddem għandu jitqies li qiegħed fi stat ta’ insolvenza:

a)

meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri li jinvolvu l-assi ta’ min iħaddem, skond kif provdut mil-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru interessat, biex jissodisfaw kollettivament il-pretensjonijiet tal-kredituri u li jagħmluh possibli li jkunu kkunsidrati l-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1),

u

b)

meta l-awtorità li tkun kompetenti bis-saħħa ta’ dawn l-istess liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tkun:

jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew

inkella stabbiliet li l-impriża jew in-negozju ta’ min ikun qed iħaddem tkun għalqet darba għal dejjem u li l-assi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jippermettu li jinbdew il-proċeduri.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem ‘impjegat’, ‘min iħaddem’, ‘paga’, [...]”.

15

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva kien jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu [...] il-ħlas tal-pretensjonijiet [krediti] ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perijodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata”.

16

Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom ifasslu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, iffinanzjar u tħaddim ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, li jissodisfaw b’mod speċjali l-prinċipji li ġejjin:

[...]

b)

min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar, sakemm dan ma jkunx kopert għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi;

ċ)

ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ġewx sodisfatti jew le.”

Id-dritt Grieg

17

Il-Liġi Nru 1836/1989 u d-Digriet Presidenzjali Nru 1/1990 (FEK A’ 1) adottat għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi huma intiżi sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 80/987.

18

L-Artikolu 29 tal-Liġi Nru 1220/1981, li tikkompleta u temenda l-leġiżlazzjoni relatata mal-korp ta’ amministrazzjoni tal-port ta’ Pireos (FEK A’ 296), jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ baħħara Griegi abbandunati f’pajjiż barrani imbarkati fuq bastimenti li jtajjru bandiera Griega jew barranin affiljati mal-fond ta’ rtirar tal-baħħara [in-‘Naftiko Apomachiko Tameio’], jekk il-proprjetarju tal-bastiment ma josservax id-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tas-salarji u tal-ikel:

a)

il-fond ta’ rtirar tal-baħħara għandu jħallas, mill-‘fond ta’ Mard u Qagħad’ tiegħu, somma korrispondenti għal massimu ta’ tliet xhur remunerazzjoni, ivvalutata fuq is-salarji bażiċi u l-allowances dovuti, hekk kif inhuma ddefiniti fil-ftehimiet kollettivi

b)

il-benefiċjarji għandhom jiġu rrimpatrijati taħt ir-responsabbiltà tal-Fond tal-baħħara, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli u permezz tal-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar inklużi dawk minimi.

[...]

2.   Il-proċedura prevista fil-paragrafu preċedenti ma hijiex obbligatorja għall-baħħar li jista’ jippreferi jkompli jonora l-kuntratt tiegħu; madankollu jekk jibbenefika mill-ispejjeż għar-rimpatriju jew jaċċetta l-biljett propost, il-kuntratt ta’ impjieg bħala baħħar għandu jiġi xolt ipso jure‘minħabba l-abbandun tal-baħħar barra mill-pajjiż mill-proprjetarju tal-bastiment’ [...]

[...]

5.   Il-ħlas tal-benefiċċju previst fil-paragrafu 1 jagħti lok għat-tħassir tal-krediti korrispondenti li jirriżultaw mir-relazzjoni tax-xogħol; fejn il-bilanċ restanti dovut għandu jitħallas lill-benefiċjarji mill-persuna li timpjegahom jew minn dawk li miegħu huma responsabbli.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Fl‑14 ta’ Lulju 1994, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, baħħara Griegi residenti fil-Greċja, ikkonkludew, f’Pireos (il-Greċja), ma’ Panagia Malta Ltd (iktar ’il quddiem “Panagia Malta”), kumpannija li s-sede tagħha tinsab f’Valletta (Malta), kuntratti li fihom huma ġew impjegati sabiex jaħdmu fuq cruise liner li jtajjar bandiera Maltija u li huwa proprjetà tal-imsemmija kumpannija. Dawn il-kuntratti kienu jinkludu klawżola li tipprovdi li kienu rregolati mid-dritt Malti.

20

Wara li nqabad fil-port ta’ Pireos mix-xahar ta’ Settembru 1992 minħabba mandat ta’ arrest, dan il-bastiment kellu jiġi nnoleġġat matul is-sajf tal-1994. Peress li ma rċevewx ir-remunerazzjoni tagħhom matul il-perijodu wara l-impjieg tagħhom u li matulu huma baqgħu fuq l-imsemmi bastiment fl-istennija tal-imsemmi noleġġ li finalment ma seħħx, il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu sabiex jiġu onorati l-kuntratti tagħhom imsemmija iktar ’il fuq fil‑15 ta’ Diċembru 1994.

21

Permezz tad-deċiżjoni 1636/1995, il-Monomeles Protodikeio Peireos (qorti b’imħallef uniku tal-ewwel istanza ta’ Pireos) ikkundannat lil Panagia Malta tħallas lill-konvenuti fil-kawża prinċipali s-somom, bl-interessi, li jikkorrispondu għar-remunerazzjoni tagħhom, għall-ispejjeż tagħhom ta’ ikel fuq il-bastiment, għall-allokazzjoni ta’ leave kif ukoll għall-allowance ta’ tkeċċija.

22

Wara mandati ta’ arrest ġodda, il-bastiment ikkonċernat inbigħ b’subbasta fis‑7 ta’ Ġunju 1995. Matul din l-istess sena, Panagia Malta ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment mill-Polymeles Protodikeio Peireos (qorti tal-ewwel istanza ta’ Pireos). Minkejja li ddikjaraw il-krediti tagħhom, peress li l-assi kienu għadhom ma ġewx illikwidati, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħu jibbenefikaw minn ebda ħlas fil-kuntest tal-imsemmi falliment.

23

Għalhekk huma marru quddiem l-Aġenzija għall-impjieg tal-ħaddiema (Organismos Apascholisis Ergatikou Dynamikou) sabiex jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-insolvenza tal-persuna li timpjega. Din il-protezzjoni ġiet miċħuda lilhom minħabba l-fatt li, bħala baħħara koperti minn garanziji ta’ natura oħra, huma kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 u lanqas ma kienu jaqgħu taħt dak tad-Digriet Presidenzjali 1/1990.

24

Fil‑11 ta’ Ottubru 1999, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ressqu proċeduri quddiem id-Diokitiko Protodikeio Athinon (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Ateni) intiżi sabiex titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà tal-Istat Grieg talli ma żgurax lill-ekwipaġġi tal-baħar, konformement mad-Direttiva 80/897, l-aċċess għal istituzzjoni ta’ garanzija jew, fin-nuqqas, protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-imsemmija direttiva.

25

Ġaladarba din il-qorti qieset li l-pretensjonijiet tagħhom ma kinux fondati, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni. Permezz tas-sentenza 1063/2005, id-Dioikitiko Efeteio Athinon (qorti amministrattiva ta’ appell ta’ Ateni) invalidat l-imsemmija deċiżjoni billi ddeċidiet, minn naħa, li d-Direttiva 80/987 kienet applikabbli għall-każ inkwistjoni, inkwantu Panagia Malta kienet teżerċita attività ta’ operat fil-Greċja, pajjiż li fih kienet tinsab is-sede effettiva tagħha u inkwantu l-bastiment inkwistjoni kien itajjar bandiera ta’ konvenjenza. Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-appell qieset li, fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 80/987 fid-dritt nazzjonali, l-Istat Grieg kien tortament naqas milli jiggarantixxi lil ħaddiema impjegati, bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni li tipprovdi din id-direttiva. F’dan l-aħħar rigward, l-imsemmija qorti kkunsidrat b’mod partikolari li, kuntrarjament għal dak li kien jirrikjedi l-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981 ma kienx joffri lill-persuni kkonċernati protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta minn din l-istess direttiva.

26

L-Istat Grieg ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat).

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-appell iqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikoli 91, 92 u 94 tal-UNCLOS u għall-konswetudni internazzjonali riflessa f’dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll għas-sentenza Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet b’mod partikolari li, skont id-dritt internazzjonali, bastiment bħala prinċipju għandu jkollu biss nazzjonalità waħda jiġifieri dik tal-Istat li fih huwa rreġistrat, b’tali mod li Stat Membru ma jistax jittratta bastiment li diġà huwa rreġistrat fi Stat terz bħala bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, billi jinvoka ċ-ċirkustanza li dan il-bastiment jippreżenta rabta sostanzjali ma’ dan l-Istat Membru.

28

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li s-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987, il-baħħara ta’ Stat Membru li kienu jaħdmu bħala tali fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat terz fir-rigward tal-Unjoni Ewropea huma suġġetti, fir-rigward tal-krediti mhux imħallsa li huma għandhom fir-rigward tal-kumpannija sid tal-bastiment – liema [kumpannija] għandha s-sede rreġistrat tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat terz iżda s-sede operattiv tagħha f’dan l-Istat Membru u li tkun ġiet iddikjarata falluta minn qorti ta’ dan l-Istat Membru skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar, minħabba preċiżament is-sede operattiv tagħha – għad-dispożizzjonijiet protettivi tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, fid-dawl tal-għan tagħha u indipendentement mill-fatt li l-kuntratti ta’ xogħol huma rregolati mid-dritt tal-Istat terz u mill-fatt li l-Istat Membru ma jistax jitlob lis-sid tal-bastiment barrani jikkontribwixxi għall-iffinanzjar tal-korp ta’ garanzija?

2)

Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987, il-ħlas min-Naftiko Apomachiko Tameio (NAT), previst mill-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981, ta’ somma li tirrappreżenta sa tliet xhur ta’ salarju, stabbilita skont il-ftehimiet kollettivi rilevanti dwar is-salarji bażiċi u l-allowances, lill-baħħara Griegi rreklutati bħala tali fuq bastimenti li jtajru bandiera Griega jew fuq bastimenti barranin affiljati man-NAT, fil-każ previst minn dan l-artikolu, jiġifieri biss f’każ ta’ abbandun ta’ dawn il-baħħara barra mill-pajjiż, għandu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi protezzjoni ekwivalenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment issir taf jekk id-Direttiva 80/987 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, baħħara residenti fi Stat Membru u li ġew impjegati f’dan l-Istat minn kumpannija li għandha s-sede rreġistrata tagħha fi Stat terz, iżda li s-sede effettiva tagħha tinsab fl-imsemmi Stat Membru, sabiex jaħdmu bħala impjegati fuq cruise liner ta’ din il-kumpannija u li jtajjar il-bandiera tal-imsemmi Stat terz, skont kuntratt tax-xogħol li jindika bħala d-dritt applikabbli d-dritt ta’ dan l-istess Stat terz, għandhomx, wara li l-imsemmija kumpannija ġiet iddikjarata falluta minn qorti tal-Istat Membru kkonċernat skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni pprovduta mill-imsemmija direttiva fir-rigward tal-krediti salarjali mhux imħallsa li huma għandhom fir-rigward ta’ din l-istess kumpannija.

30

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 80/987 għandha għan soċjali li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit lill-impjegati kollha minimu ta’ protezzjoni fuq livell tal-Unjoni fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega permezz tal-ħlas tal-krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jinvolvu r-remunerazzjoni relatata ma’ perijodu ddeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Maso et, C‑373/95, EU:C:1997:353, punt 56; Walcher, C‑201/01, EU:C:2003:450, punt 38, kif ukoll Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punt 42). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat numru ta’ drabi li, min-natura tagħhom stess, il-krediti salarjali huma ta’ importanza kbira ħafna għall-persuni kkonċernati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Visciano, C‑69/08, EU:C:2009:468, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, id-Direttiva 80/987 tipprovdi b’mod partikolari garanziji speċifiċi għall-ħlas ta’ tali krediti mhux imħallsa (ara s-sentenza Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 3).

32

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tal-imsemmija garanziji, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 80/987 għandha tapplika għall-krediti tal-ħaddiema impjegati li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jeżistu fir-rigward tal-persuni li jimpjegaw li jinsabu fi stat ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tagħha. L-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva jirreferi għad-dritt nazzjonali għad-determinazzjoni tal-kunċetti ta’ “impjegat” u “min iħaddem [persuna li timpjega]”. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 1 jipprovdi li l-Istati membri jistgħu, f’każ eċċezzjonali u taħt ċerti kundizzjonijiet, jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ċerti kategoriji ta’ ħaddiema elenkati fl-anness tagħha (sentenza Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 13).

33

Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mid-dispożizzjonijiet jirriżulta li persuna tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, minn naħa, jekk hija tinsab fil-kundizzjoni ta’ impjegat skont id-dritt nazzjonali u ma taqax taħt waħda mill-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jekk il-persuna li timpjega lil din il-persuna tinsab fi stat ta’ insolvenza, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Francovich et, C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 14).

34

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, mill-kliem tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 80/987 jirriżulta li tali “stat ta’ insolvenza” jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istat Membru kkonċernat jipprevedu proċedura li tirrigwarda l-patrimonju tal-persuna li timpjega u li tkun intiża li tissodisfa kollettivament il-pretensjonijiet tal-kredituri tagħha, it-tieni nett, li jkun permess, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-krediti tal-impjegati li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tielet nett, li l-ftuħ tal-proċedura jkun intalab u, ir-raba’ nett, li l-awtorità kompetenti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq jew tkun iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura, jew tkun ikkonstatat l-għeluq definittiv tal-impriża jew tal-istabbiliment tal-persuna li timpjega kif ukoll l-insuffiċjenza tal-assi disponibbli sabiex ikun ġustifikat il-ftuħ tal-proċedura (ara s-sentenza Francovich, C‑479/93, EU:C:1995:372, punt 18).

35

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwalità ta’ impjegat, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 80/987 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan soċjali tagħha mfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jiddefinixxu min rajhom il-kelma “impjegat” b’tali mod li jqiegħdu fil-periklu dan l-għan, u l-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom f’dan is-sens hija għalhekk limitata mill-imsemmi għan soċjali li huma għandhom l-obbligu li josservaw (sentenza Tümer, C‑311/13, EU:C:2014:2337, punti 4243).

36

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, minn naħa, li huwa paċifiku li, skont id-dritt Grieg, baħħara impjegati taħt kuntratt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma impjegati.

37

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Panagia Malta kienet suġġetta għal deċiżjoni dikjaratorja ta’ falliment mogħtija minn qorti Griega. L-imsemmija deċiżjoni tikkonstata wkoll li, minkejja li ġew prodotti fil-kuntest ta’ proċedura li wasslet għall-imsemmi stat ta’ falliment, il-krediti salarjali tal-konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħux jiġu onorati fin-nuqqas ta’ assi patrimonjali li setgħu jiġu llikwidati.

38

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, huwa paċifiku li, suġġett għall-verifika, li għandha ssir fit-tieni domanda preliminari, ħaddiema, bħall-konvenuti fil-kawża prinċipali, ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 bħala impjegati li jibbenefikaw minn forom oħra ta’ garanzija fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, peress li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, imfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza li għalihom id-Direttiva 80/987 tissuġġetta l-kwalità ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni pprovduta minnha, huma ssodisfatti f’dan il-każ, b’tali mod li ħaddiema bħal dawn għandhom ikunu jistgħu, bħala prinċipju, jibbenefikaw minn din il-protezzjoni.

39

Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, il-garanzija tal-krediti salarjali prevista mid-Direttiva 80/987 għandha tapplika jkunu liema jkunu l-ibħra marittimi (baħar territorjali jew żona ekonomika esklużiva ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz jew, ulterjorment, ibħra internazzjonali), li fuqhom il-bastiment li fuqu l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu ntalbu jaħdmu finalment innaviga.

40

Din l-istituzzjoni tipprova tiddeduċi b’mod żbaljat mis-sentenzi Mosbæk (C‑117/96, EU:C:1997:415) kif ukoll minn Everson u Barrass (C‑198/98, EU:C:1999:617) li din il-garanzija għandha tiġi bbenefikata minn impjegati li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuti fil-kawża prinċipali biss bil-kundizzjoni li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Grieg.

41

Fil-fatt, fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu jirrisjedi u jeżerċita l-impjieg tiegħu l-ħaddiem, l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti għall-ħlas tal-krediti salarjali tal-imsemmi ħaddiem hija, bħala prinċipju, dik tal-post tal-istabbiliment tal-persuna li timpjega li, bħala regola ġenerali, tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mosbæk, C‑117/96, EU:C:1997:415, punti 2425). Fit-tieni sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li madankollu l-istess ma kienx jgħodd għal sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega għandha numru ta’ stabbilimenti fi Stati Membri differenti, f’liema każ, sabiex tiġi ddeterminata l-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, għandu jsir riferiment, minbarra għall-post ta’ stabbiliment, bħala kriterju addizzjonali, għall-post ta’ attività tal-ħaddiema (sentenza Everson u Barrass, C‑198/98, EU:C:1999:617, punti 2223).

42

Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ sentenzi, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet ta’ garanzija ta’ żewġ Stati Membri jidhru li huma a priori kompetenti għall-finijiet tal-assigurazzjoni tal-ħlas tal-krediti mhux imħallsa ta’ impjegati, ma humiex tali li jissostanzjaw it-teżi difiża mill-Kummissjoni. Ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenzi fil-fatt bl-ebda mod ma jippreġudikaw il-punt dwar jekk, meta persuna li timpjega li għandha s-sede effettiva tagħha fi Stat Membru tkun impjegat ħaddiema residenti fih bil-għan li jeżerċitaw prestazzjonijiet b’korrispettiv ta’ salarju fuq bastiment, il-krediti salarjali mhux imħallsa li għandhom, jekk ikun il-każ, l-imsemmija ħaddiema fir-rigward ta’ din il-persuna li timpjega, fil-każ li dan tal-aħħar ikun jinsab fi stat ta’ insolvenza, għandhomx jibbenefikaw jew le mill-protezzjoni pprovduta mid-Direttiva 80/987. B’mod iktar partikolari, din il-ġurisprudenza bl-ebda mod ma twassal sabiex l-imsemmija protezzjoni tiġi limitata skont l-istatus tal-imsemmija żoni marittimi fir-rigward tad-dritt internazzjonali.

43

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, li l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 38 ta’ din is-sentenza ma hi suxxettibbli li tiġi affettwata minn ebda waħda mill-partikolaritajiet imsemmija mill-imsemmija qorti fid-domanda tagħha u li jirrigwardaw, rispettivament, il-fatt li l-kuntratti tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti għad-dritt ta’ Stat terz, għaċ-ċirkustanza li l-bastiment li fuqu l-konvenuti fil-kawża prinċipali ntalbu jaħdmu fuqu jtajjar bandiera ta’ dan l-Istat terz, għall-fatt li l-persuna li timpjega għandha s-sede rreġistrata tagħha f’dan l-istess Stat terz jew, ulterjorment, għaċ-ċirkustanza li l-Istat Membru kkonċernat ma jinsabx f’pożizzjoni li jirrikjedi minn tali persuna li timpjega li jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istituzzjoni ta’ garanzija msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 80/987.

44

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-klawżola kuntrattwali li tgħid li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti għad-dritt ta’ Stat terz, għandu jiġi osservat li t-talba għal ħlas tal-ekwivalenti ta’ krediti minn remunerazzjonijiet mhux imħallsa indirizzata minn impjegat lil istituzzjoni ta’ garanzija għandha tiġi distinta mit-talba mressqa minn tali ħaddiem kontra l-persuna li timpjega fi stat ta’ insolvenza u intiża sabiex jinkiseb il-ħlas ta’ tali krediti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Visciano, C‑69/08, EU:C:2009:468, punt 41).

45

Hekk kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jiggarantixxi l-assunzjoni ta’ krediti salarjali mhux imħallsa wara l-istat ta’ insolvenza ta’ persuna li timpjega ma għandhiex bħala għan li tirregolamenta r-relazzjoni kuntrattwali eżistenti bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega.

46

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-gvern Grieg, kundizzjonijiet bħal dawn u talba għal assunzjoni ta’ krediti lil istituzzjoni ta’ garanzija ma tistax taqa’ taħt il-qasam tal-liġi tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

47

Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanza, minn naħa, li l-bastiment li fuqu l-konvenuti fil-kawża prinċipali ntalbu jeżerċitaw l-attività tagħhom kien itajjar bandiera ta’ Stat terz, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, hekk kif tfakkar fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, il-kriterji li għalihom id-Direttiva 80/987 tissuġġetta l-kwalità ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni stabbilit minnha jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwalità ta’ impjegat ta’ dan tal-aħħar u ċ-ċirkustanza li l-persuna li timpjega kienet suġġetta għal proċedura li jiġu ssodisfatti kollettivament il-pretensjonijiet tal-kredituri skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi Stat Membru.

48

Min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari mill-Artikolu 1 tagħha, li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jirriżulta li l-post tas-sede rreġistrata tal-persuna li timpjega jew il-bandiera mtajjra mill-bastiment li fuqu huma impjegati l-ħaddiema għandhom jikkostitwixxu kriterji li bihom issir l-imsemmija delimitazzjoni.

49

B’mod partikolari, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Gvern Grieg li mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 80/987, li jipprovdi li din ma hijiex applikabbli għal Greenland, wieħed jista’ jifhem li l-imsemmija direttiva tapplika biss fil-preżenza ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol li jinvolvu prestazzjonijiet b’korrispettiv ta’ salarju mwettqa fit-territorju tal-Unjoni u mhux meta tali prestazzjonijiet jitwettqu fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat terz.

50

Fil-fatt, din l-assenza ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 80/987 tispjega ruħha, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tagħha, bil-fatt li s-suq tax-xogħol ta’ Greenland, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-istrutturi professjonali ta’ dan ir-reġjun, kienu, f’dak iż-żmien, fundamentalment differenti minn dak tar-reġunijiet l-oħra tal-Komunità. Dan huwa madankollu mingħajr effett fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tal-baħħara residenti fi Stat Membru, li ġew impjegati f’dan l-aħħar Stat sabiex jaħdmu fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat terz, minn kumpannija li għandha s-sede effettiva tagħha f’dan l-istess Stat Membru, taqax jew le taħt is-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat Membru.

51

Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mill-Gvern Taljan li ċ-ċirkustanza li l-ewwel premessa tad-Direttiva 80/987 tirreferi għall-ħtieġa ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ekwilibrat fil-Komunità hija tali li twassal għall-konklużjoni li l-krediti salarjali li għandhom tali ħaddiema minn tali persuna li timpjega għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni stabbilita mill-imsemmija direttiva. Fil-fatt, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, imkien ma jidher b’liema mod tali protezzjoni ma tipparteċipax fit-twettiq ta’ dan l-għan ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali ekwilibrat jew tikser dan kollu.

52

It-tieni nett, it-teżi tal-Gvern Grieg li ċ-ċirkustanza li l-bastiment ikkonċernat kien itajjar bandiera ta’ Stat terz u l-fatt li l-persuna li timpjega kellha s-sede rreġistrata tagħha f’dan l-istess Stat terz twassal għall-konsegwenza li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax, b’mod iktar ġenerali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione loci tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan ma jestendix għall-Istati terzi, lanqas ma tista’ tintlaqa’.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi ċirkustanza li l-attivitajiet ta’ ħaddiem jiġu eżerċitati barra mit-territorju tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li r-relazzjoni ta’ xogħol iżżomm rabta mill-qrib biżżejjed mat-territorju tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza BakkerC‑106/11, EU:C:2012:328, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li r-relazzjoni tax-xogħol bejn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u l-persuna li timpjegahom għandha rabtiet differenti mat-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, l-imsemmija konvenuti kkonkludew kuntratt ta’ xogħol, fit-territorju ta’ Stat Membru li fih huma kienu jirrisjedu, ma’ persuna li timpjega li l-insolvenza tagħha, sussegwentement, ġiet iddikjarata minn qorti tal-imsemmi Stat Membru, minħabba l-fatt li din il-persuna li timpjega kienet teżerċita f’dan l-Istat attività ta’ operat u fih kellha s-sede effettiva tagħha.

55

Issa, fir-rigward ta’ garanzija bħal dik li tistabbilixxi d-Direttiva 80/987 fuq l-Istati Membri u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan soċjali tagħha mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, ċirkustanzi bħal dawn juru l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement stretta bejn ir-relazzjonijiet tax-xogħol ikkonċernati u t-territorju tal-Unjoni.

56

It-tielet nett, peress li l-qorti tar-rinviju rreferiet, fid-deċiżjoni tagħha, għall-Artikoli 91, 92 u 94 tal-UNCLOS kif ukoll għas-sentenza Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453), u peress li l-Gvern Grieg sostna li minn dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jirriżulta li dawn jinkisru fil-każ li d-Direttiva 80/987 kellha tiġi interpretata fis-sens li l-protezzjoni stabbilita minnha tibbenefika lil ħaddiema impjegati, minn kumpannija li għandha s-sede rreġistrata tagħha fi Stat terz, fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dan l-istess Stat terz, għandhom jingħataw il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

57

Wara li tfakkar, fil-punt 13 tas-sentenza Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453), li, skont id-dritt internazzjonali, bastiment għandu bħala prinċipju nazzjonalità waħda biss, jiġifieri dik tal-Istat li fih huwa ġie rreġistrat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 16 tal-imsemmija sentenza, li bastiment irreġistrat fi Stat terz ma setax għalhekk jiġi ttrattat, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3094/86, tas‑7 ta’ Ottubru 1986, li jipprevedi ċerti miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd (ĠU L 288, p 1) bħala bastiment li jippossjedi n-nazzjonalità ta’ Stat Membru minħabba li jkollu rabta sostanzjali ma’ dan l-Istat Membru.

58

F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-liġi applikabbli għall-attività tal-ekwipaġġ ma tiddependix min-nazzjonalità tal-membri ta’ dan l-ekwipaġġ, iżda mill-Istat li fih il-bastiment ġie rreġistrat u, jekk ikun il-każ, miż-żona marittima li fiha jinsab dan il-bastiment, ikkunsidrat ukoll li l-Artikolu 6(1)(b) ma jistax jiġi applikat għall-kaptan u għall-membri l-oħra tal-ekwipaġġ għas-sempliċi raġuni li huma ċittadini ta’ Stat Membru (ara s-sentenza Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punti 1820).

59

Fl-aħħar nett, wara li enfasizzat li l-imsemmi Artikolu 6(1)(b) ma jistax jiġi applikat għal bastiment irreġistrat fi Stat terz, l-ewwel nett, meta jinsab f’ibħra miftuħa, sa fejn tali bastiment ikun bħala prinċipju suġġett esklużivament għal-liġi tal-bandiera tiegħu, it-tieni nett, meta jinnaviga fiż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat Membru, ġaladarba jgawdi mil-libertà ta’ navigazzjoni, u lanqas ma jista’ jiġi applikat, it-tielet nett, meta jaqsam l-ibħra territorjali ta’ Stat Membru sa fejn jagħmel dan billi jeżerċita d-dritt ta’ passaġġ sigur tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, min-naħa l-oħra, li dispożizzjoni bħal din setgħet tiġi applikata fil-konfront ta’ bastiment meta dan ikun jinsab fl-ilmijiet interni jew, b’mod iktar partikolari, f’port ta’ Stat Membru, fejn bħala prinċipju jkun suġġett għall-ġurisdizzjoni sħiħa ta’ dan l-Istat (ara s-sentenza Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punti 22 sa 29).

60

Madankollu għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 3094/86 kien jipprovdi, fir-rigward ta’ ċerti speċi ta’ ħut, li, anki meta dawn ikunu nqabdu barra mill-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, huma ma kinux jistgħu jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, żbarkati, ittrasportati, maħżuna, mibjugħa, esposti jew imqiegħda għall-bejgħ, iżda kellhom jerġgħu jitqiegħdu immedjatament lura fil-baħar.

61

B’differenza mir-Regolament Nru 3094/86, id-Direttiva 80/987 ma għandhiex l-intenzjoni li tirregola attività mwettqa permezz ta’ bastiment mill-ekwipaġġ li jinsab fuqha, bħas-sajd, il-ħażna, it-trasport, l-iżbark jew il-bejgħ ta’ riżorsi ta’ ħut, iżda biss li timponi fuq kull Stat Membru li jiggarantixxi lill-impjegati, b’mod partikolari lil dawk li jkunu ġew preċedentement impjegati fuq bastiment, il-ħlas tal-krediti salarjali tagħhom mhux imħallsa wara li l-persuna li timpjegahom tiġi ddikjarata fi stat ta’ insolvenza fl-imsemmi Stat Membru.

62

Issa, f’dan ir-rigward ma jidhirx li d-dritt internazzjonali pubbliku jinkludi regoli fis-sens li jirriżervaw esklużivament lill-Istat li tiegħu l-bastiment itajjar il-bandiera l-possibbiltà li jistabbilixxi tali mekkaniżmu ta’ garanzija billi jeskludi, b’mod partikolari, l-imsemmija possibbiltà fir-rigward ta’ Stat li fuq it-territorju tiegħu tinsab is-sede effettiva tal-attivitajiet tal-persuna li timpjega li l-istat ta’ insolvenza tagħha tkun ġiet b’dan il-mod ikkonstatata minn qorti ta’ dan l-Istat.

63

Dan ma huwiex b’mod partikolari l-każ tal-Artikoli 92(1) kif ukoll 94(1) u (2)(b) tal-UNCLOS, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, jew tar-regoli konswetudinarji preċedenti li jirriflettu, jekk ikun il-każ, dawn id-dispożizzjonijiet.

64

Fil-fatt, l-Artikolu 92(1) tal-UNCLOS jirrigwarda l-ġurisdizzjoni esklużiva li għandu Stat, “fl-ibħra miftuħa” fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

65

Barra minn hekk, mill-Artikolu 94(1) u (2)(b) tal-UNCLOS jirriżulta li kull Stat għandu jeżerċita effettivament il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fil-qasam amministrattiv, tekniku u soċjali fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u kull Stat Membru għandu jeżerċita, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tiegħu konformement mad-dritt intern tiegħu fuq kull bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, kif ukoll fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva, teknika u soċjali relatati mal-bastiment.

66

Issa, għandu jiġi osservat li l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu bħal dak previst mid-Direttiva 80/987, li bis-saħħa tiegħu istituzzjoni ta’ garanzija ta’ Stat Membru għandha tiżgura l-ħlas tal-krediti salarjali mhux imħallsa, fosthom dawk li minnhom baħħara li ġew impjegati preċedentement fuq bastiment jibbenefikaw kontra l-persuna li timpjegahom iddikjarata fi stat ta’ insolvenza minn qorti tal-imsemmi Stat Membru, ma jipprekludix lill-Istat tal-bandiera ta’ tali bastiment milli jeżerċita effettivament il-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dan il-bastiment jew fuq l-ekwipaġġ tiegħu għal kwistjonijiet ta’ natura soċjali li jirrigwardaw l-imsemmi bastiment hekk kif jipprovdu d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS.

67

Fit-tielet lok u fir-rigward taċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, l-Istat Grieg ma huwiex f’pożizzjoni li jirrikjedi mill-persuna li timpjega l-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-fond ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 80/987, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix spjegazzjonijiet fir-rigward tal-oriġini ta’ tali impossibbiltà.

68

Sussegwentement, mill-Artikolu 5(b) tad-Direttiva 80/987 jirriżulta li kontribuzzjoni tal-persuni li jimpjegaw għall-finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija hija mistennija biss sakemm din ma tiġix żgurata għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi, b’tali mod li, skont il-formulazzjoni nnifisha tal-imsemmija direttiva, ir-rabta li tista’ teżisti bejn l-obbligu ta’ kontribuzzjoni tal-persuna li timpjega u l-intervent tal-fond ta’ garanzija ma hi bl-ebda mod neċessarja.

69

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, u hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa fir-rigward taċ-ċirkustanza li Panagia Malta kellha s-sede effettiva tagħha fil-Greċja li l-falliment tagħha seta’ jiġi deċiż minn qorti ta’ dan l-Istat Membru b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha. Issa, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi ċirkustanza li l-Istat Grieg, skont il-każ, naqas milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li tali kumpannija tkun obbligata tħallas kontribuzzjonijiet, jew li jagħmel mezz li l-imsemmija kumpannija tosserva l-obbligu tagħha skont din il-leġiżlazzjoni, ma tistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-ħaddiema kkonċernati mill-protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 80/987.

70

F’dan l-aħħar rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprevedi espressament li l-obbligu ta’ ħlas tal-istituzzjonijiet jeżisti indipendentement mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament.

71

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 80/987 għandha tiġi interpretata fis-sens li, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, baħħara residenti fi Stat Membru u li ġew impjegati f’dan l-Istat minn kumpannija li għandha s-sede rreġistrata tagħha fi Stat terz, iżda li s-sede effettiva tagħha tinsab fl-imsemmi Stat Membru, sabiex jaħdmu bħala impjegati fuq cruise liner ta’ proprjetà ta’ din il-kumpannija u li jtajjar il-bandiera tal-imsemmi Stat terz, skont kuntratt tax-xogħol li jindika bħala d-dritt applikabbli d-dritt ta’ dan l-istess Stat terz, għandhom, wara li l-imsemmija kumpannija tkun ġiet iddikjarata falluta minn qorti tal-Istat Membru kkonċernat skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni pprovduta mill-imsemmija direttiva fir-rigward tal-krediti salarjali mhux imħallsa li huma għandhom fir-rigward ta’ din l-istess kumpannija.

Fuq it-tieni domanda

72

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, protezzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981 fil-każ ta’ abbandun ta’ baħħara barra mill-pajjiż tikkostitwixxi “protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva”.

73

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987, l-“Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet ta’ xi kategoriji ta’ impjegati mill-iskop ta’ din id-Direttiva, minħabba fin-natura speċjali tal-kuntratt tax-xogħol ta’ l-impjegat jew relazzjoni ta’ xogħol jew minħabba li jkunu jeżistu forom oħra ta’ garanzija li joffru lill-impjegat protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva”, fejn il-lista ta’ impjegati kkonċernati tinsab annessa mal-imsemmija direttiva.

74

Il-punt II ta’ din il-lista relatata mal-“impjegati li jidħlu taħt xi forom oħra ta’ garanzija” jinkludi, fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, l-ekwipaġġi ta’ bastimenti ta’ baħar.

75

Barra minn hekk, kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, kemm mill-għan tad-Direttiva 80/987, li huwa intiż li jiżgura minimu ta’ protezzjoni lill-ħaddiema kollha, kif ukoll min-natura eċċezzjonali tal-possibbiltà ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tagħha, jirriżulta li tista’ titqies li “ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-”dispożizzjoni biss protezzjoni li, filwaqt li tkun ibbażata fuq sistema li l-modalitajiet tagħha huma differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 80/987, tiżgura lill-ħaddiema l-garanziji essenzjali ddefiniti minnha (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑53/88, EU:C:1990:380, punt 19)

76

Fir-rigward tal-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981, għandu jiġi osservat li, hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, il-protezzjoni stabbilita skont l-imsemmija dispożizzjoni sseħħ biss fil-każ ta’ abbandun ta’ baħħara barra mill-pajjiż u mhux, hekk kif tirrikjedi d-Direttiva 80/987, minħabba li l-persuna li timpjega tkun saret insolventi.

77

Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li persuna li timpjega tista’ tkun tinsab fi stat ta’ insolvenza fis-sens tad-Direttiva 80/987, mingħajr ma, madankollu, il-baħħara impjegati minnha jkunu barra minn hekk ġew issuġġettati għal abbandun barra mill-pajjiż skont iċ-ċirkustanzi previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali.

78

Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din, li tikkorrispondi preċiżament għal dik tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-istess dispożizzjonijiet ma jipprevedux il-ħlas lill-ħaddiema tal-krediti mhux imħallsa tagħhom, garanzija li tikkostitwixxi madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel premessa tal-imsemmija direttiva, l-għan essenzjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑53/88, EU:C:1990:380, punt 20).

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tiżgurax lil ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuti fil-kawża prinċipali protezzjoni ekwivalenti għal dik li tirriżulta mid-Direttiva 80/987.

80

Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, protezzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981 fil-każ ta’ abbandun ta’ baħħara barra mill-pajjiż ma tikkostitwixxix “protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva”.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/987, tal‑20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, baħħara residenti fi Stat Membru u li ġew impjegati f’dan l-Istat minn kumpannija li għandha s-sede rreġistrata tagħha fi Stat terz, iżda li s-sede effettiva tagħha tinsab fl-imsemmi Stat Membru, sabiex jaħdmu bħala impjegati fuq cruise liner ta’ proprjetà ta’ din il-kumpannija u li jtajjar il-bandiera tal-imsemmi Stat terz, skont kuntratt tax-xogħol li jindika bħala d-dritt applikabbli d-dritt ta’ dan l-istess Stat terz, għandhom, wara li l-imsemmija kumpannija tkun ġiet iddikjarata falluta minn qorti tal-Istat Membru kkonċernat skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni pprovduta mill-imsemmija direttiva fir-rigward tal-krediti salarjali mhux imħallsa li huma għandhom fir-rigward ta’ din l-istess kumpannija.

 

2)

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 80/987 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, protezzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 29 tal-Liġi 1220/1981 li tikkompleta u temenda l-leġiżlazzjoni relatata mal-korp ta’ amministrazzjoni tal-port ta’ Pireos, fil-każ ta’ abbandun ta’ baħħara barra mill-pajjiż, ma tikkostitwixxix “protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva”.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top